EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0146

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - It-tieni Rapport ta’ monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar fil-Bulgarija u fir-Rumanija

/* KUMM/2009/0146 finali */

52009DC0146

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - It-tieni Rapport ta’ monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar fil-Bulgarija u fir-Rumanija /* KUMM/2009/0146 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.4.2009

KUMM(2009) 146 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tieni rapport ta’ monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar fil-Bulgarija u fir-Rumanija

1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport jiddeskrivi l-progress fir-ristrutturar li sar fl-2007 mill-kumpaniji Bulgari u Rumeni tal-azzar li huma suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti rispettivament fil-kapitli speċifiċi tal-Ftehim Ewropew u tat-Trattat ta’ Adeżjoni:

- il-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa[1] li jirreferi għar-ristrutturar tal-industrija Bulgara tal-azzar u d-Deċiżjoni 3/2006 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni UE-Bulgarija tad-29 ta’ Diċembru 2006[2] li temenda l-Protokoll 2 għall-Ftehim Ewropew (bl-estensjoni tal-perjodu tar-ristrutturar sa tmiem l-2008), u

- l-Anness VII tat-Trattat ta’ Adeżjoni[3] li jirreferi għar-ristrutturar tal-industrija Rumena tal-azzar.

Minkejja li l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tal-industrija tal-azzar hija espressament ipprojbita skont il-liġi tal-UE, l-Unjoni Ewropea qablet dwar arranġamenti tranżizzjonali biex tingħata ċerta għajnuna li tippermetti lil dawn l-Istati Membri ġodda jlestu din il-biċċa xogħol filwaqt li jimminimizzaw it-tfixkil fis-suq u dak soċjali.

Il-Protokoll u l-Anness imsemmija fuq jiddeskrivu l-kundizzjonijiet għal reġim tranżizzjonali (sa tmiem l-2008) għal għajnuna mill-Istat mogħtija għar-ristrutturar tal-industrija tal-azzar. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw ukoll l-obbligi dettaljati għall-Kummissjoni fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar.

Fit-12 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport tal-monitoraġġ tagħha li jirreferi għas-sena 2006[4]. Dan ir-rapport il-ġdid jirreferi għar-riżultati miksuba fis-sena 2007 u, fejn ikun il-każ, jirreferi wkoll għall-iżviluppi importanti li seħħu fl-2008. Ir-rapport attwali huwa bbażat fuq id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet rispettivi, kif ukoll fuq l-evalwazzjoni mwettqa mill-konsulent indipendenti. Dan se jkun segwit b'rapport finali fl-2009 li jkopri l-iżviluppi fl-2008.

2. IR-RIŻULTATI TAL-PROGRAMMI TA’ MONITORAĠĠ FIL-BULGARIJA U FIR-RUMANIJA

2.1. Il-Bulgarija

L-unika kumpanija koperta mill-Programm Nazzjonali tar-Ristrutturar (NRP - National Restructuring Programme) u l-iskema ta' monitoraġġ hija Kremikovtzi.

a) Is-Sitwazzjoni fl-2007

2.1.1. Monitoraġġ tal-punti ewlenin tar-ristrutturar

Għajnuna mill-Istat

Il-biċċa l-kbira tal-ammont permess tħallas fl-1999 u l-bqija ngħata lill-kumpanija fl-2004 fl-għamla ta’ djun skedati mill-ġdid lil fornituri nazzjonali tal-gass u tal-elettriku. Dan id-dejn Kremikovtzi ħallsitu regolarment fl-2007.

Skont informazzjoni oħra li ngħatat lill-Kummissjoni, ma ngħatatx għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji oħra tal-azzar minbarra Kremikovtzi.

Tnaqqis tal-kapaċità

Il-fabbrika tal-blooming/slabbing kienet mistennija tingħalaq f’Lulju 2007, iżda skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Bulgari, l-operazzjonijiet twaqqfu fi Frar 2008 u l-fabbrika qiegħda tiġi żarmata. Il-fabbrika tal-vireg twaqqfet fl-2007 u qed tiġi żarmata wkoll. Huwa mistenni li ż-żewġ fabbriki jinqerdu għal kollox f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE[5] sa tmiem il-perjodu tar-ristrutturar.

Vijabilità

Il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet fil-kisba ta’ dejta finanzjarja xierqa u konsistenti marbuta mal-kumpanija. Minkejja talbiet ripetuti, il-kumpanija għadha ma tatx lill-awtoritajiet Bulgari u lill-Kummissjoni l-informazzjoni kompluta finali marbuta mas-sena sħiħa tal-2007, u wkoll dwar l-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet fl-ewwel nofs tal-2008. L-istqarrijiet finanzjarji mhux kompluti wrew, madankollu, li r-rendiment finanzjarju fl-2007 kien negattiv, u dan jikkostittwixxi nuqqas ta’ konformità mal-impenji tal-vijabilità[6], li kienu adottati fil-Pjan Individwali tan-Negozju (IBP - Individual Business Plan). Ir-riżultati – 11.1 % EBITDA u -20.7 % EBIT huma saħansitra agħar milli fl-2006.

Il-produttività

Il-livell tal-produttività ma tjiebx wisq meta mqabbel mal-2006 u laħaq biss 30 % ta’ dak tal-impjanti tal-azzar Ewropej komparabbli. Dan kellu impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-effettività tan-negozju tal-kumpanija.

Tnaqqis fl-ispejjeż

Anki jekk il-prezzijiet tax-xiri effettivi tal-materja prima fl-2007 kienu skont l-iżviluppi tas-suq, dawn ġew affettwati b’mod ħażin min-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u għalhekk mill-kundizzjonijiet iktar stretti imposti mill-fornituri tal-materja prima. Il-valuri effettivi kienu f’medja ta’ 32 % iktar mill-istimi tal-IBP.

Minħabba l-kapaċità tal-utilizzazzjoni baxxa fl-2007 (medja ta’ 50 %) Kremikovtzi ma rnexxilhiex tnaqqas il-konsum tal-materja prima għal kull unità mmanifatturata. F’xi oqsma, bħall-konsum tal-enerġija u l-materjali, it-tnaqqis meħtieġ fl-ispejjeż seta’ jinkiseb biss fit-tul permezz tal-investiment fil-modernizzazzjoni. Minħabba nuqqas ta’ kapital, l-ammonti investiti kienu taħt il-valuri mistennija. Fi Kremikovtzi fl-2007, l-investimenti teknoloġiċi rrappreżentaw 38 % tal-mira tal-IBP għal dik is-sena. Fl-istess waqt, l-investimenti ambjentali ammontaw għal 10 % biss tal-mira tal-IBP.

b) Żviluppi fl-2008

F’Awwissu 2008, il-Kummissjoni ġiet infurmata mill-awtoritajiet Bulgari dwar id-dikjarazzjoni tal-insolvenza ta’ Kremikovtzi.

2.1.1. 2.1.2. Il-protezzjoni tal-ambjent

Il-Bulgarija applikat għal perjodu tranżizzjonali għall-applikazzjoni tad-direttiva IPPC[7]. Permezz ta' deroga, Kremikovtzi kellha tikseb permess ikkoordinat bis-sħiħ sat-30 ta’ Ottubru 2007 li fih skeda ta' żmien vinkolanti biex tinkiseb konformità sħiħa sal-31 ta' Diċembru 2011. F’April 2007, EMEPA ppreżentat id-deċiżjoni tagħha li ma toħroġx permess integrat lil Kremikovtzi. Il-kumpanija reġgħet ressqet applikazzjoni f’Mejju 2007. L-iskadenza uffiċjali biex jinħareġ permess hija sal-21.10.2008.

2.2. Ir-Rumanija

2.2.1. Monitoraġġ tal-punti ewlenin tar-ristrutturar

Għajnuna mill-Istat

Skont informazzjoni oħra mgħoddija lill-Kummissjoni, ma ngħatatx għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-azzar minbarra lil dawk elenkati fl-Anness VII tat-Trattat ta' Adeżjoni[8].

Tnaqqis tal-kapaċità

Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-għeluq ta’ kapaċitajiet ippjanat għall-2007 – il-fabbrika tas-semis f’Arcelor Mittal Hunedoara – sar kif skedat. It-twaqqif tal-produzzjoni fil-fabbriki tal-light sections u l-wire rod f’Hunedoara sar fil-bidu tal-2008, minħabba l-bidla fl-istrateġija industrijali. Ladarba l-installazzjonijiet ta’ hawn fuq jinqerdu b’mod permanenti[9], ir-Rumanija tkun issodisfat l-obbligi tagħha dwar l-għeluq tal-kapaċitajiet, li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Adeżjoni.

Kien hemm ukoll għeluq addizzjonali tal-kapaċità li mhix utilizzata aktar ta’ TMK Resita, mhux ipprovduta mit-Trattat ta’ Adeżjoni, jiġifieri l-fabbrika tal-blooming, li ngħalqet fi tmiem l-2007.

Vijabilità

L-għan ewlieni tal-proċess tar-ristrutturar u tal-miżuri previsti fl-NRP huwa li tinkiseb il-vijabilità tal-kumpaniji benefiċjarji biex ikunu jistgħu joperaw fil-kundizzjonijiet normali fis-suq. Sa issa, il-monitoraġġ wera li xi wħud mill-miżuri maħsuba li jiksbu l-vijabilità tal-kumpaniji benefiċjarji nbdew, bħall-għeluq ta’ kapaċitajiet mhux effiċjenti, tibdil fl-istrateġija tal-impjiegi (spin-off ta’ attivitajiet awżiljarji, outsourcing ta’ attivitajiet mhux ewlenija) u l-immodernizzar tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni.

Żewġ kumpaniji, ArcelorMittal Hunedoara u Mechel Campia Turzii, ġarrbu telf kbir fl-2007, agħar mir-rendiment tagħhom fl-2006. L-erba’ kumpaniji li baqa’ żiedu d-dħul operattiv tagħhom meta mqabbel mal-2006. Is-sitta li huma għandhom EBITDA bejn -2.2 % u 12.8 %, meta l-mira hija 10.0 % u l-EBIT qiegħda bejn -6.0 % u 7.3 %, meta l-mira hija 1.5 %. Il-grad ta’ konformità mal-kriterji tal-vijabilità, għall-kumpaniji kollha, qed jaqa’ lura mill-miri impenjati adottati fil-PNI rispettivi.

Produttività

Il-livelli attwali u previsti fl-industrija tal-azzar inkisbu skont l-iskeda. Il-livell tal-impjiegi fis-settur tal-azzar fl-2007 (38 186 persuna) rrappreżenta 85 % tal-previżjoni tal-NRP, b’kunsiderazzjoni tal-livell annwali medju tal-persunal. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-kumpaniji mmonitorjati, il-livell tal-ħaddiema fl-2008 jirrappreżenta t-78 % tal-obbjettiv tas-sena. Madankollu, il-produttività medja tal-kumpaniji benefiċjarji għadu biss 50 % tal-istandards internazzjonali[10]. Il-produttività miksuba mill-kumpaniji tvarja ħafna. Tenaris Donasid biss tinsab fil-ħin bl-impenji tagħha u kważi tissodisfa l-istandards internazzjonali. Ir-raġuni ewlenija għaliex il-produttività mhix qed tevolvi f'konformità mal-livelli tal-impjiegi hija l-livelli iktar baxxi tal-produzzjoni meta mqabbel mal-2006.

Għall-kumpaniji kollha, l-isforzi biex tiżdied il-produzzjoni għad iridu jiġu intensifikati jekk għandha tinkiseb iż-żieda neċessarja fil-produttività kif meħtieġ mill-Protokoll. Bl-eċċezzjoni ta’ TMK Resita u Tenaris Donasid, jidher li hemm lok għal iktar titjib fil-livelli tal-impjiegi.

Tnaqqis fl-ispejjeż

F’xi oqsma bħall-konsum tal-enerġija u l-materja prima, it-tnaqqis meħtieġ fl-ispejjeż jista’ jinkiseb biss fit-tul permezz ta’ investiment fil-modernizzazzjoni. Fl-2007, l-investimenti teknoloġiċi rrappreżentaw bejn 110 % u 1 500 % (fil-każ ta’ TMK Resita) tal-mira għal dik is-sena. Fl-istess waqt, l-investimenti ambjentali ammontaw għal bejn 75 % u 2 500 % (fil-każ ta’ Tenaris Donasid) tal-mira. Għalkemm Mittal Steel Hunedoara kważi laħqet il-mira tagħha għall-2007, l-investimenti ambjentali fil-perjodu 2004-2007 rrappreżentaw biss 54 % tal-previżjoni tal-IBP.

Għalkemm il-kumpaniji benefiċarji introduċew u implimentaw il-programmi tal-investiment tagħhom, ħafna minnhom għadhom qed jirrappurtaw valuri għall-ispiża li ma jurux titjib operazzjonali li jirriżulta mill-programmi tal-investiment tagħhom. F’ħafna mill-impjanti, l-ammont tal-konsum tal-materja prima, is-sehem tal-ispiża tax-xogħol mill-ispiża totali u l-konsum tal-enerġija huma ħafna ogħla mill-istandards internazzjonali. Il-prezzijiet tal-bejgħ ikkumpensaw għall-ineffiċjenzi operazzjonali ta’ ċerti impjanti.

2.2.2. Protezzjoni tal-ambjent

It-Trattat ta’ Adeżjoni jispeċifika reġim tranżizzjonali u jistabbilixxi lista ta’ installazzjonijiet li għalihom ingħatat deroga mill-konformità mad-direttiva IPPC sa Diċembru 2014. Il-kumpaniji tal-azzar elenkati - Mittal Steel Galati, Mittal Steel Hunedoara, Mechel Targoviste u Mechel Campia Turzii - diġà kisbu permessi integrati tranżizzjonali skont id-direttiva tal-IPPC fl-2007 jew l-2006 (Mittal Steel Hunedoara). Dawn l-awtorizzazzjonijiet tranżizzjonali huma validi sal-31 ta’ Diċembru 2004 (2012 għal Mechel Targoviste) u jinkludu programm ta’ investiment ambjentali li għandu jsir matul il-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni.

Il-kumpaniji l-oħra mhux inklużi fil-lista tal-benefiċjarji ta’ tali perjodu tranżizzjonali kellhom jikkonformaw ma' din il-leġiżlazzjoni sad-data tal-adeżjoni.

3. IL-KONKLUŻJONIJIET EWLENIN

3.1. Il-Bulgarija

Is-sitwazzjoni fl-2007 ma tejbitx l-iżviluppi li diġà ma kinux sodisfaċenti fi Kremikovtzi fl-2006. Ir-riżultati fl-2007 wrew iktar nuqqas ta’ konformità mal-obbjettivi ta’ ristrutturar elenkati fil-Protokoll fir-rigward tal-vijabilità, l-investimenti teknoloġiċi u ambjentali, il-bejgħ, it-tnaqqis tal-ispejjeż u l-produttività. Din is-sitwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet Bulgari li infurmaw lill-Kummissjoni li l-implimentazzjoni tal-IBP għal Kremikovtzi twaqqfet fis-6 ta’ Awwissu 2008 wara t-tħabbir tal-insolvenza u l-ftuħ tal-proċedura tal-falliment mill-Qorti tal-Belt ta’ Sofia.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bulgarija tad-29 ta’ Diċembru 2006 li temenda l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim tal-Ewropa jipprovdi li "Fil-każ li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm tar-ristrutturar u l-pjanijiet juri li l-kundizzjonijiet relevanti tal-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa u l-miżuri ewlenin tar-ristrutturar, inklużi l-investimenti kollha implimentati, ma ġewx sodisfatti [...], il-Bulgarija għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarju kull għajnuna mogħtija bi ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet qabel jew wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.”

Skont id-Deċiżjoni msemmija fuq tal-Kunill ta’ Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bulgarija, il-Bulgarija tkun obbligata tikklejmja r-rifużjoni tal-għajnuna jekk il-kundizzjonijiet relevanti tal-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa u l-miżuri ewlenin ta’ ristrutturar, inkuż l-investimenti kollha implimentati ma jiġux sodisfatti. Id-dikjarazzjoni tal-insolvenza hija indikazzjoni qawwija li l-kumpanija ma rrestawratx il-vijabilità tagħha u aktarx mhux se tagħmel dan sa tmiem l-2008. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata dwar l-iżviluppi fil-proċedura tal-insolvenza u partikolarment dwar il-klejm għar-rifużjoni tal-għajnuna mill-Istat.

3.2. Ir-Rumanija

Ir-rendiment finanzjarju miksub fl-2007 għadu ma ssodisfax kompletament l-miri tal-IBPs, billi erbgħa mis-sitt kumpaniji ma laħqux il-perċentwal ta' EBITDA stabbilit mill-miri rispettivi tagħhom għal din is-sena.

Ir-riżultati fl-2007 u l-previżjonijiet għall-2008 offruti mill-kumpaniji juru żidiet dejjem ikbar fid-dħul u titjib fil-profitabbiltà għas-sitt benefiċjarji kollha. Il-bidliet ewlenin fil-profitabbiltà (mit-telf għall-profitt) mistennija f’ArcelorMittal Hunedoara u Mechel Campia Turzii huma partikolarment ebsin. Fir-rigward tat-test tal-vijabilità tal-KE, il-kumpaniji kollha mistennija jikkonformaw mal-kriterju tal-EBIT fl-2008, iżda tnejn biss minnhom, ArcelorMittal Galati u TMK Resita, ipprevedew li se jilħqu l-kriterju ta’ EBITDA. Għalhekk, is-sena 2008 tirrikjedi li jsiru sforzi ikbar ta’ titjib sostenibbli fl-effiċjenza biex jingħelbu l-inċertezzi riċenti perċepiti fis-swieq.

Minkejja t-titjib potenzjali mistenni mill-benefiċjarji fl-ewwel nofs tal-2008, il-vijabilità sostenibbli tista’ tinkiseb biss meta l-isforzi fil-kumpaniji kollha jiġu intensifikati, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tat-tnaqqis tal-ispejjeż u l-iżvilupp ta’ strateġiji koerenti għall-ġejjieni.

Il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll għat-Trattat ta’ Adeżjoni mar-Rumanija jistipulaw b’mod ċar li ma għandha tingħata l-ebda għajnuna ulterjuri mill-Istat. Kull għajnuna addizzjonali ta’ ristrutturar ma tkunx, għaldaqstant, kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli għal għajnuna mill-Istat li diġà ngħatat, jiġifieri, in-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ vijabilità tal-KE, il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirkupra kull għajnuna bħal din.

[1] ĠU L 358, 31.12.1994, p. 3-222.

[2] UE-BG 1909/06 – Deċiżjoni tal-adozzjoni 3/2006

[3] ĠU L 157, 21.06.2005, p. 3-393.

[4] COM(2008) 511

[5] Id-Deċiżjoni 3010/91/KEFA ĠU L 286, 16.10.1991, p. 20

[6] Il-vijabilità timplika li l-kumpaniji jmorru lura għal profittabilità sostenibbli fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar. Skont il-prassi stabbilita, il-Kummissjoni tqis li l-kumpaniji għandhom jiksbu:- riżultat operattiv gross: jiġifieri l-perċentwali tal-EBITDA (Earning before interest, tax, depreciation u amortization – id-dħul qabel l-imgħax, it-taxxi, id-deprezzament u l-amortizzazzjoni) ta’ fatturat ta’ mill-inqas 10 % għal kumpaniji tal-azzar mhux integrati u 13.5 % għal fabbriki integrati);- dħul minimu: jiġifieri l-perċentwali ta’ EBIT (Earnings before interest and taxes – id-dħul qabel l-interessi u t-taxxi) ta’ fatturat ta’ mill-inqas 1.5 %

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996, ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26

[8] ĠU L 157, 21.06.2005, p. 3-393.

[9] Id-Deċiżjoni 3010/91/KEFA ĠU L 286, 16.10.1991, p. 20

[10] Iktar minn 600 Tm/ħaddiem/sena rrumblati bis-sħana f’fabbriki integrati, iktar minn 800 Tm/ħaddiem/sena f’fabbriki tal-azzar mhux integrati

Top