EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0143

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Komunikazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni nukleari

/* KUMM/2009/0143 finali */

52009DC0143

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Komunikazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni nukleari /* KUMM/2009/0143 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.3.2009

KUMM(2009) 143 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

Komunikazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni nukleari

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

Komunikazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni nukleari

1. INTRODUZZJONI

Il-kuntest politiku f'dawn l-aħħar snin wassal lill-komunità internazzjonali sabiex tiffoka l-attenzjoni fuq it-tnaqqis ta' riskji tal-proliferazzjoni fi ħdan in-NU, tal-G8 u f'fora internazzjonali oħra. Bl-interess globali mġedded fl-enerġija nukleari u l-għadd dejjem jikber ta' pajjiżi li qed jeżaminaw il-possibilitajiet li jħaddmu programm ċivili tal-enerġija nukleari, tkompli toħroġ aktar biċ-ċar il-ħtieġa li jissaħħu l-garanziji internazzjonali ta' nonproliferazzjoni.

It-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni (TNP)[1] jistabbilixxi l-qafas ġenerali biex tiġi indirizzata l-isfida ta' nonproliferazzjoni u jafda lill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) biex ikollha rwol ewlieni f'dan il-qasam. Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jaġixxi bħala l-awtorità tar-rimedju aħħari li tindirizza l-każijiet ta' ksur prinċipali tal-impenji ta' nonproliferazzjoni.

L-Unjoni Ewropea, il-Komunità u l-Istati Membri tagħhom jaġixxu, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’bosta modi f'dan il-qasam, inklużi azzjonijiet fil-qafas tal-Politika Komuni Barranija u tas-Sigurtà (CFSP) kif ukoll dawk imsejsa fuq it-Trattati Komunitarji. B'dan il-mod, l-UE tista' tagħti kontribut konsiderevoli fl-indirizzar tal-isfida tan-nonproliferazzjoni f'livell globali wkoll, abbażi tal-esperjenza estensiva tagħha fl-indirizzar tal-enerġija nukleari u l-firxa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha.

Fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar "Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari"[2], il-Kummissjoni ħabbret li hi se tindirizza Komunikazzjoni speċifika lill-Kunsill u l-Parlament dwar l-istrumenti varji tal-UE disponibbli fil-qasam tan-nonproliferazzjoni nukleari, partikolarment dawk li jaqgħu taħt it-Trattat tal-Euratom.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni għalhekk hu li jiġi stabbilit il-kuntest ġenerali li jenfasizza l-ħtieġa għall-garanziji internazzjonali msaħħa ta' nonproliferazzjoni (It-Taqsima 2), li jiġu ppreżentati l-istrumenti ewlenin tal-UE disponibbli f'dan il-qasam, partikolarment dawk li jaqgħu taħt it-Trattat tal-Euratom (It-Taqsima 3), u li jiġu stabbiliti l-aħjar modi possibbli kif dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw biex jiżviluppaw – b'koordinazzjoni fil-qrib mal-IAEA – garanziji internazzjonali ta' nonproliferazzjoni aktar b'saħħithom (It-Taqsima 4).

2. KUNTEST GLOBALI: IL-ħTIEġA GħAL GARANZIJI INTERNAZZJONALI MSAħħA TA' NONPROLIFERAZZJONI

It-talba dejjem akbar għall-enerġija, flimkien mat-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista u l-għarfien li hemm ħtieġa ġenerali li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 sabiex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima jqajmu interess imġedded fl-enerġija nukleari madwar id-dinja.

Sa mill-bidu nett, għandu jiġi ddikjarat li t-Trattat tan-Nonproliferazzjoni jagħraf id-dritt tal-Partijiet kollha fit-TNP li jiżviluppaw u jużaw l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi.

Essenzjalment ir-riskju tal-proliferazzjoni mill-użu ta' enerġija nukleari jista' jkun ġej minn żewġ attivitajiet nukleari speċifiċi, li huma l-arrikkiment tal-uranju u l-ipproċessar mill-ġdid ta' fjuwil nukleari użat. Dawn l-attivitajiet jeħtieġu teknoloġiji kumplessi ħafna u li jiswew ħafna flus, li jistgħu jkunu ġġustifikati ekonomikament biss jekk teżisti talba fis-suq minn għadd kbir ta' impjanti tal-enerġija nukleari.

Fil-kuntest attwali tal-interess dejjem akbar għall-enerġija nukleari, il-komunità internazzjonali trid tagħmel dak kollu li hu possibbli biex jitnaqqsu r-riskji ta' inċidenti ta' sigurtà nukleari u/jew ta' devjazzjoni ta' materjali jew ta' teknoloġija nukleari għal użu mhux paċifiku. Għalhekk, il-komunità internazzjonali għandha tiżgura li jibqgħu jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet rigward in-nonproliferazzjoni nukleari, inklużi n-normi tat-TNP u dawk tal-IAEA.

Fuq livell globali, l-operatur internazzjonali ewlieni għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari huwa l-IAEA bl-attivitajiet ta' salvagwardja tagħha li ġejjin mit-TPN u bir-reġimi mtejba ta' salvagwardji abbażi tal-Ftehimiet ta’ Salvagwardji Komprensivi u Protokolli Addizzjonali, u bid-dritt li tippossjedi materjali fissili nukleari. Azzjonijiet globali reċenti f'dan il-qasam jinkludu inizjattiva approvata uffiċjalment mis-Samit tal-G8 tal-2008, li tenfasizza l-importanza tan-nonproliferazzjoni/is-salvagwardji, is-sikurezza u s-sigurtà ("3S") fl-iżvilupp tal-enerġija nukleari[3]; l-inizjattiva tal-Istati Uniti tas-Sħubija Globali tal-Enerġija Nukleari (GNEP), il-Proġett Internazzjonali dwar ir-Reatturi Nukleari u ċ-Ċikli tal-Fjuwil Innovattivi (INPRO) u l-Inizjattiva Globali Kontra t-Terroriżmu Nukleari.

Barra mit-TNP, fl-2005 ġiet adottata Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tikkonċerna t-trażżin ta' atti ta' terroriżmu nukleari[4]. Il-Grupp tal-Fornituri Nukleari għandu rwol sinifikanti wkoll partikolarment permezz tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwidi għal esportazzjonijiet nukleari (ara wkoll it-Taqsima 3.2).

Fl-UE, hemm bosta strumenti disponibbli biex ikomplu jiżviluppaw l-għanijiet tan-nonproliferazzjoni nukleari (it-Taqsima 3 hawn isfel). Barra minn hekk, l-UE għandha t-tmexxija dinjija tat-teknoloġija għall-arrikkiment tal-uranju u l-ipproċessar mill-ġdid ta' fjuwils użati. F'dan il-kuntest huwa importanti li wieħed jenfasizza li s-swieq Ewropej għall-arrikkiment tal-uranju u l-ipproċessar mill-ġdid ta' fjuwil użat huma kompetittivi, affidabbli u trasparenti.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Politika tal-Enerġija għall-Ewropa"[5], il-Kummissjoni identifikat il-promozzjoni ta' nonproliferazzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin li għandhom jiġu segwiti permezz ta' politika tal-UE esterna u effettiva dwar l-Enerġija. L-importanza tan-nonproliferazzjoni għall-użu u l-iżvilupp fil-ġejjieni tal-enerġija nukleari ġiet affermata mill-ġdid fil-Komunikazzjoni li taġġorna l-Programm Illustrativ Nukleari[6] fil-kuntest tat-Tieni Reviżjoni tal-Enerġija Strateġika[7]. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Euratom u l-IAEA sabiex jinkiseb l-effett internazzjonali mixtieq. F'dan il-kuntest, fis-7 ta' Mejju 2008 ġiet iffirmata Stqarrija Konġunta bejn il-Kummissjoni u l-IAEA[8] biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reċiproka dwar l-enerġija nukleari.

Reċentament il-Parlament Ewropew afferma mill-ġdid l-importanza partikolari tat-Trattat tal-Eurotom b'konnessjoni mal-impenn tal-Istati Membri li jużaw l-enerġija nukleari f'konformità mas-sigurtà internazzjonali u l-istandards ta' nonproliferazzjoni[9].

3. L-ISTRUMENTI EWLENIN FIż-żONA TA' NONPROLIFERAZZJONI

Biex tkompli tiżviluppa l-għanijiet ta' nonproliferazzjoni nukleari, l-UE għandha bosta strumenti disponibbli, l-aktar fil-qafas tal-CSFP, il-KE u t-Trattat tal-Euratom.

Fil-kuntest tal-CFSP, in-nonproliferazzjoni huwa għan ewlieni politiku partikolarment mill-2003 meta l-UE adottat l-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà[10] segwita mill-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa (WMD)[11]. Ir-rapport approvat f'Diċembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà[12], flimkien mal-Linji l-Ġodda għall-Azzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa approvati mill-Kunsill (GAERC) bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2008[13], jikkonfermaw li baqgħu jiżdiedu t-theddidiet ta' WMD u jibqgħu jqajmu tħassib kbir dwar l-aġenda politika tal-UE. Huwa ċar li l-Kummissjoni se jkollha rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Linji l-Ġodda għall-Azzjoni permezz ta' strumenti u politiki Komunitarji differenti. L-UE appoġġat bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU[14], u l-Azzjonijiet Konġunti tal-Kunsill ma jifqux fl-appoġġ tagħhom għall-azzjonijiet mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA).

Barra minn hekk, l-istrumenti Komunitarji, abbażi kemm tat-Trattat tal-KE kif ukoll tat-Trattat tal-Euratom, partikolarment l-Istrument għall-Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari (INSC[15]), l-Istrument ta' Assistenza għal Qabel l-Adeżjoni (IPA[16]) u l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS[17]) jippermettu kooperazzjoni ta' nonproliferazzjoni ma' pajjiżi terzi. Il-koerenza u s-sinerġiji fost l-istrumenti kollha tal-UE , partikolarment l-Istrument għall-Istabbiltà, huma essenzjali biex isir appoġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija WMD.

Permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà, il-Kummissjoni tappoġġa pajjiżi terzi biex jiżviluppaw it-taħriġ u l-assistenza fl-oqsma tal-Kimika, Bijoloġija, Radjoloġija u Nukleari (CBRN). L-attenzjoni, sa issa, kienet fuq il-pajjiżi tal-ex Unjoni Sovjetika. Bejn l-2009 u l-2011, l-assistenza tal-UE se tkun konsolidata hemmhekk filwaqt li tinfirex għal reġjuni ġodda li jqajmu tħassib, fosthom ix-Xlokk tal-Ażja, il-Lvant Nofsani u partijiet tal-Afrika, partikolarment fl-oqsma nukleari u bijoloġiċi. L-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU 1540 se tkompli tiġi żviluppata billi tiġi appoġġata l-IAEA (l-inizjattiva tal-bank ta' fjuwil nukleari), jiġu involuti xjenzati li qabel kienu ta' WMD, ikun indirizzat il-kutrabandu nukleari - inklużi l-prattiċi finanzjarji qarrieqa - u jingħata kontribut biex tiżdied l-effiċjenza fis-sistema ta' kontroll għall-esportazzjoni u fil-monitoraġġ tal-konfini. Iċ-"ċentri reġjonali ta' eċċellenza" tas-CBRN, abbażi tal-ħila esperta tal-JRC, se jkunu strumentali f'dan il-kuntest. B'madwar EUR 300 miljun għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013, l-Istrument għall-Istabbiltà huwa strument ewlieni dwar in-nonproliferazzjoni li jfittex li jiżviluppa kultura tas-CBRN ta' sikurezza u sigurtà madwar id-dinja kollha, flimkien ma' strumenti tal-UE oħra.

Sa mill-bidu tiegħu, l-għan ewlieni tat-Trattat tal-Euratom kien l-iżvilupp paċifiku tal-enerġija nukleari. B'hekk ħafna dispożizzjonijiet tat-Trattat ikopru attivitajiet u istituzzjonijiet li jikkontribwixxu għan-nonproliferazzjoni ta' materjali nukleari, inkluż f'livell internazzjonali, meta l-Komunità tista' tinnegozja u tidħol fi ftehimiet ma' Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali (il-Kapitolu 10 tal-Euratom). L-attivitajiet ewlenin tal-Euratom marbuta mal-għan ta' nonproliferazzjoni huma dawn li-ġejjin:

3.1. Attivitajiet ta' salvagwardja

Is-Salvagwardji tal-Euratom kienu diġà stabbiliti bil-Kapitolu 7 tat-Trattat tal-Euratom għaxar snin qabel ma t-TNP infetaħ għall-firem. Il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tivverifika li l-materjali fissili nukleari (il-plutonju, l-uranju u t-torju) ma jiġux żvijati mill-użi intenzjonati tagħhom kif iddikjarat mill-utenti Komunitarji, jew dawk fl-industrija nukleari bħall-operaturi tar-reatturi nukleari u l-operaturi tal-impjanti ta' arrikkiment u ta' pproċessar mill-ġdid jew dawk barra mill-industrija nukleari, bħaċ-ċentri ta' riċerka u istituti tal-mediċina. Is-salvagwardji nukleari (l-ispezzjonijiet u l-kontabbiltà ta' materjali nukleari relatati) jifformaw l-ewwel linja ta' difiża kontra l-iżvijar ta' materjali nukleari minn attivitajiet dikjarati għal skopijiet mhux paċifiċi.

Sa mid-dħul fis-seħħ tat-TNP, l-IAEA kienet ingħatat ir-rwol li tiżgura li l-impenji tan-nonproliferazzjoni nukleari qed jintlaħqu f'livell dinji.

Is-sistema ta' salvagwardji tal-Euratom taġixxi bħala sistema kollettiva ta' kontabbiltà u ta' kontroll għall-materjali nukleari għall-Istati Membri tal-UE kollha[18], għall-skopijiet interni u skont il-ftehimiet ta' salvagwardji mal-IAEA. Dawn il-ftehimiet bażiċi ta' salvagwardji ġew konklużi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, il-Euratom u l-IAEA.

B'hekk spetturi mill-IAEA jispezzjonaw ukoll faċilitajiet nukleari fl-UE. Kemm l-ispettorati tal-IAEA kif ukoll tal-Euratom jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib sabiex japplikaw is-salvagwardji fl-UE. L-attivitajiet tal-ispezzjoni jitwettqu b'koordinazzjoni sħiħa billi jintuża tagħmir komuni. Madankollu, kull ispettorat jasal għall-konklużjonijiet indipendenti tiegħu mill-attivitajiet tal-ispezzjoni.

Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-IAEA testendi l-implimentazzjoni fil-Komunità tal-Protokolli Addizzjonali għall-ftehimiet ta' salvagwardji mal-IAEA, li jikkumplementaw is-sistema ta' salvagwardji tal-IAEA, u jippermettulha li tiskopri, apparti mill-iżvijar ta' materjali nukleari, attivitajiet nukleari mhux dikjarati.

Fl-Istati Membri kollha hemm fis-seħħ Protokoll Addizzjonali għal kull ftehim rispettiv ta' salvagwardji. Il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib it-transizzjoni tal-ftit Stati Membri ġodda li fadal rigward l-adeżjoni tagħhom mal-ftehim ta' salvagwardji trilaterali u ekwivalenti inkluż il-Protokoll Addizzjonali bejn l-Euratom, l-IAEA u l-Istati fl-UE li ma għandhomx armi nukleari u, b'riżultat ta' dan, is-sospensjoni tal-ftehimiet ta' salvagwardji bilaterali tagħhom mal-IAEA.

Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll it-trasferiment tal-metodoloġiji għas-salvagwardji permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti Komunitarji varji. Sa minn nofs is-snin 90, it-TACIS tal-Kummissjoni u issa l-programmi INSC jappoġġaw partikolarment it-trasferiment ta' metodoloġija fil-kontabbiltà ta' materjal nukleari fil-pajjiżi CIS, u l-Kummissjoni qed tipprepara li tagħmel l-istess ħaġa f'pajjiżi terzi oħra.

3.2. Is-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni fiżika, it-traffikar illeċitu u l-controlli tal-esportazzjoni

Abbażi tad-dispożizzjonijiet ta' saħħa u ta' sikurezza (il-Kapitolu 3 tal-Euratom), hemm leġiżlazzjoni stabbilita sew dwar konsenji ta' sustanzi radjoattivi bejn Stati Membri[19], dwar il-kontroll ta' Sorsi Radjoattivi ta' Attività Għolja u Siġillati u Għejun Orfni[20], u d-Direttiva ta' Konsenji[21] li tikkomplimentaha. Dawn kollha jipprovdu għall-proċeduri ta' liċensjar, awtorizzar u notifika li għandhom l-għan li jiggarantixxu li materjali radjoattivi ma jkunux possess ta' xi ħadd, jintużaw jew jiġu trasportati mingħajr il-kontroll regolatorju xieraq.

Barra minn hekk, Euratom aċċetta l-Konvenzjoni internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari[22], u nnegozja emendi għall-Konvenzjoni rigward affarijiet koperti mill-kompetenza Komunitarja. Il-protezzjoni fiżika testendi għall-oqsma tat-trasport ta' 'merkanzija perikoluża u ta' sigurtà marittima, li huma rilevanti għat-trasport ta' materjali nukleari u radjoattivi.

F'dawn l-aħħar snin, permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà, il-Kummissjoni Ewropeja tappoġġa proġetti bil-għan li jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu. F'dan il-kuntest, il-Grupp ta' Ħidma għall-Ġestjoni tal-Fruntieri jippermetti l-koordinazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika u mal-IAEA.

Ir-Regolament tal-Kunsill 1334/2000[23], li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, huwa l-istrument Komunitarju li jippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw l-impenji tagħhom lill-Grupp ta' Fornituri Nukleari. Il-Kummissjoni tieħu sehem ukoll fil-Grupp ta' Fornituri Nukleari bħala osservatur u tippresiedi l-Kumitat stabbilit mir-Regolament, li jindirizza l-kwestjonijiet kollha ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni regolarment tagħmel proposti biex taġġorna u/jew biex tikkonforma aktar dan ir-regolament mal-impenji internazzjonali tagħna. Fl-2006, il-Kummissjoni pproponiet riforma tas-sistema Komunitarja tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex issaħħaħ l-effiċjenza tagħha, biex tinkrimina l-aktar vjolazzjonijiet serji u biex tikkonformaha mad-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1540 rigward tranżitu u senserija.

Fil-kuntest usa' ta' CBRN, il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tiżviluppa politika dwar is-sigurtà ta' CBRN waqt li tqis bis-sħiħ il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2007 dwar l-indirizzar tar-riskji kimiċi, bioloġiċi u nukleari. Din il-politika mistennija tkun ippreżentata f'nofs l-2009. Minn Frar 2008 sa Jannar 2009, Task Force għas-CBRN kienet qed taħdem f'livell tal-UE sabiex tidentifika azzjonijiet konkreti li jeħtieġ li jittieħdu sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tas-CBRN fl-Ewropa. Din it-Task Force kienet magħmula minn esperti minn awtoritajiet tal-Istati Membri, is-settur provat, Europol, Eurojust u l-istituzzjonijiet Ewropej.

3.3. Aġenzija għall-Provista tal-Euratom

Il-kontribut attwali tal-Aġenzija għall-Provvista tal-Euratom[24] għan-nonproliferazzjoni jikkonsisti l-aktar minn dawn li ġejjin:

- L-awtorizzazzjoni tal-konklużjoni ta' kuntratti ta' provvista, meta materjali nukleari huma fiżikament importati fil-Komunità jew esportati mill-Komunità;

- Il-verifika li l-kuntratti ta' provvista huma konklużi biss għal użi aħħarin paċifiċi u li l-kuntratti kollha ta' provvista jinkludu klawsola ta' salvagwardja;

- Il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għall-materjali nukleari magħmula fil-Komunità[25].

Punt importanti ieħor huwa l-possibiltà li jinħolqu ħażniet kummerċjali jew ta' sigurtà ta' materjali nukleari, skont l-Artikolu 72 tat-Trattat tal-Euratom.

Il-Komunità teżerċità d-dritt tal-pussess fir-rigward tal-"materjali kollha fissili prodotti jew importati minn Stat Membru, persuna jew intrapriża u suġġetti għall-kontroll ta’ sigurtà ".(il-Kapitolu 8 tat-Trattat). Mal-pussess tiġi wkoll ir-responsabbiltà għas-salvagwardji fis-sens wiesa' li jinkludi l-miżuri tal-protezzjoni fiżika.

3.4. Riċerka u Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC).

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar riċerka (il-Kapitolu 1 tal-Euratom) huma l-bażi għall-programmi Komunitarji kollha ta' riċerka nukleari, li fihom tkun tista' tiġi indirizzata r-reżistenza ta' proliferazzjoni fl-iżvilupp ta' kunċetti ta' reatturi innovattivi. Lil hinn mill-attivitajiet speċifiċi relatati mas-salvagwardji, l-oqsma l-oħra tal-Programm tal-Euratom għal Riċerka u Taħriġ huma miftuħa għal kooperazzjoni internazzjonali, li tista' tkun ta' appoġġ għall-miri tan-nonproliferazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni.

Stabbilit bl-Artikolu 8 tat-Trattat tal-Euratom, iċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka (JRC) minn dejjem kien operatur ewlieni fl-appoġġ kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-IAEA. Il-JRC ġie fdata bl-iżvilupp ta' metodolġiji u teknoloġiji għall-implimentazzjoni ta' salvagwardji, it-taħriġ ta' spetturi kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-IAEA u l-implimentazzjoni tal-programm ta' appoġġ Ewropew għall-IAEA.

Bħala korp ewlieni fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu, il-JRC ġie mitlub biex jassisti fit-trasferiment tal-" acquis communautere " lill-Istati Membri ġodda billi jitħarrġu l-awtoritajiet u l-esperti tagħhom matul il-proċess ta' tkabbir.

L-istabbiliment taż-żewġ laboratorji fuq il-post fiż-żewġ faċilitajiet Ewropej tal-ipproċessar mill-ġdid fi Franza u fir-Renju Unit u l-kontribut tiegħu lill-dak fil-Ġappun, b'kollaborazzjoni mal-IAEA, ta lill-JRC kompetenza rikonoxxuta fis-salvagwardjar tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari. Barra minn hekk, il-JRC ġie fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-Programm TACIS dwar is-sigurtà nukleari. Sa mill-1994, permezz tal-programm TACIS, il-Kummissjoni forniet ukoll appoġġ sinifikanti liċ-Ċentri tax-Xjenza u t-Teknoloġija f'Moska[26] u Kiev[27] li għandhom l-għan li jillimitaw il-proliferazzjoni ta' għarfien sensittiv miksub minn xjenzati fil-qafas tal-programmi WMD. L-attivitajiet ta' riċerka paċifiċi, li għalihom ħadu sehem 70 000 xjenzat, kienu appoġġati b'suċċess. Appoġġ kontinwu għal programmi biex tingħata direzzjoni differenti lix-xjenzati tal-armi fil-pajjiżi tas-CIS u f'reġjuni oħra qed jiġi fornut mill-Strument għall-Istabbiltà.

4. IR-ROTTA LI POSSIBILMENT GħANDHA TITTIEħED

L-Unjoni Ewropea tista', fi ħdan il-kompetenzi rispettivi, tiżviluppa l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin fil-qasam tan-nonproliferazzjoni:

- Issaħħaħ l-appoġġ għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, għas-salvagwardji tiegħu u għall-Protokoll Addizzjonali;

- Testendi l-kooperazzjoni ma' pajjiżi nukleari ewlenin permezz ta' ftehimiet bilaterali tal-Euratom , b'koordinazzjoni ma' miżuri meħuda abbażi tal-Komunikazzjoni ta' Mejju 2008[28];

- Tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sistema internazzjonali ta' provvista garantita ta' fjuwil nukleari għal pajjiżi li lesti jiżviluppaw enerġija nukleari mingħajr ma jkollhom il-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari tagħhom stess.

4.1. Tisħiħ tal-appoġġ għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, għas-salvagwardji nukleari

Priorità ewlenija għan-nonproliferazzjoni hija li jinżamm u jiġi intensifikat l-appoġġ għas-salvagwardji tan-TNP u dawk nukleari.

L-Unjoni Ewropea, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, waqt li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-IAEA, ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu u jħeġġu l-kredibbiltà tas-sistema tat-TNP billi jiżviluppaw approċċ maqsum lejn ir-riskji ta' proliferazzjoni, partikolarment lejn dawk il-pajjiżi li jew mhumiex imsieħba fit-TNP jew li huma msieħba għalih iżda ma jipprovdux biżżejjed garanziji għall-implimentazzjoni tiegħu.

F'dan il-kuntest, il-miżuri konkreti għandhom ikopru wkoll partikolarment l-oqsma li ġejjin, u jutilizzaw b'mod sħiħ l-istrumenti disponibbli b'mod kumplimentari:

- It-tisħiħ ta' qafas internazzjonali għal attivitajiet sensittivi relatati maċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari;

- Il-kontribut għall-implimentazzjoni tal-"Linji ġodda ta' azzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' WMD u s-sistemi ta' konsenja tagħhom, li jinkludi dispożizzjonijiet bil-għan li jsaħħu l-kontrolli ta' esportazzjoni u titjieb il-kapaċità fil-ġlieda tat-traffikar illeċitu;

- L-eżami tal-aktar sanzjonijiet xierqa f'każ ta' vjolazzjoni tal-impenji ta' nonproliferazzjoni jew minn pajjiżi terzi jew minn esportaturi tal-UE..

L-Unjoni Ewropea, il-Komunità u l-Istati Membri tagħhom, waqt li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, jistgħu jħaffu l-proċess u jsaħħu l-appoġġ tagħhom għat-TNP fl-oqsma kollha tal-kompetenza tagħhom. Il-miżuri ewlenin jistgħu jinkludu:

- Kooperazzjoni msaħħa mal-IAEA fil-qasam tas-salvagwardji internazzjonali, fejn il-Kummissjoni tista' tibni fuq għadd kbir ta' spetturi nukleari tal-Euratom b'livell għoli ta' taħriġ u b'esperjenza ta' ħidma konġunta mal-IAEA, u fuq l-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni ta' salvagwardji dwar il-materjal nukleari ċivili fl-Istati li għandhom armi nukleari.

- Konformità sħiħa mas-sistema mtejba tat-TNP għandu jkun l-għan meta qed titfittex kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi, partikolarment biex jiġu konklużi l-ftehimiet bilateral tal-korporazzjoni tal-Euratom fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari (it-Taqsima 4.2). Strumenti bħall-Istrument għall-Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari (INSC) u l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS) jistgħu jiġu mobilizzati biex jassistu lil dawn il-pajjiżi fi ħdan l-oqsma rispettivi tagħhom;

- Konfomità sħiħa mas-sistema mtejba tat-TNP għandha tkun konsiderazzjoni importanti meta qed jiġu stabbiliti garanziji multilaterali ta' provisti ta' fjuwil (It-Taqsima 4.3).

Fil-ġejjieni, huwa mistenni li minħabba l-għadd dejjem jikber ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw jew jixtiequ li jiżviluppaw programm ta' enerġija nukleari, l-IAEA se taffaċċa sfida konsiderevoli li se timmobilizza il-mezzi kollha tagħha. Jistgħu jitfittxu metodi li jtejbu l-appoġġ u l-assistenza teknika tal-Euratom lill-IAEA f'xogħolha, filwaqt li jinżamm rispett lejn il-kompetenzi taż-żewġ organizzazzjonijiet.

4.2. Estensjoni tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi nukleari ewlenin permezz ta' ftehimiet bilaterali tal-Euratom

Sa issa l-ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-Euratom fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari ġew konklużi l-aktar ma' fornituri ewlenin (l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralia, il-Każakastan) jew ma' klienti (il-Ġappun).

Il-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni tal-Euratom fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari għandha ssir prijorità mal-pajjiżi ewlenin kollha li jixtiequ jkollhom kummerċ nukleari sinifikanti mal-Istati Membri tal-UE u/jew l-industrija tal-UE. Meta jitqies l-interess imġedded fl-enerġija nukleari, l-UE tista' tikkontribwixxi billi tħaddem ftehimiet tal-Euratom ma' pajjiżi terzi li jiggarantixxu livell għoli ta' sigurtà nukleari u li jiżguraw li l-pajjiżi kollha huma obbligati għall-użi tal-enerġija nukleari purament paċifiċi.

Fil-ftehimiet tal-Euratom hemm imdaħħla kundizzjonijiet varji rigward is-salvagwardji u l-Protokoll Addizzjonali kif ukoll il-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti kollha (li jkopru aspetti bħas-sikurezza nukleari, il-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni fiżika). Fin-negozjati u l-iffirmar tal-ftehimiet internazzjonali tal-Euratom, il-Komunità b'hekk se tfittex li tikseb l-aderenza tal-imsieħba tagħha għal kull konvenzjoni internazzjonali rilevanti.

Bl-istess mod, fil-ftehimiet ġodda kollha tal-Euratom, jew meta jsiru emendi ta' ftehimiet eżistenti, il-Komunità se teħtieġ l-impenji mill-Parti l-oħra li t-trasferimenti ta' materjali jew ta' tagħmir kopert bil-ftehim, isiru skont il-linji gwida tal-Grupp tal-Fornituri Nukleari. B'dan il-mod, jistgħu jiġu annessi kundizzjonijiet għat-trasferiment mill-ġdid ta' prodotti ta' oriġini Komunitarja għal pajjiżi terzi, b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni ta' materjali jew ta' teknoloġija għal destinazzjonijiet mhux mixtieqa.

4.3. Kontribut għall-iżvilupp ta' sistema internazzjonali ta' provista garantita ta' fjuwil nukleari għal pajjiżi li lesti jiżviluppaw enerġija nukleari mingħajr ma jkollhom il-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari tagħhom stess.

It-tnaqqis tar-riskju ta' proliferazzjoni jeħtieġ kontroll strett taċ-ċiklu ta' fjuwil nukleari. Fl-istess ħin, huwa importanti li jingħata aċċess leġittimu għal fjuwil nukleari lill-pajjiżi li huma lesti biex jiżviluppaw enerġija nukleari taħt kundizzjonijiet bla periklu u siguri. F'dan il-kuntest saru proposti varji, inkluż mingħand Stati Membri, rigward provvista garantita ta' fjuwil nukleari għall-pajjiżi li rrinunzjaw li jkollhom il-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari tagħhom stess.

L-Unjoni Ewropea tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, peress li l-Ewropa għandha l-aktar teknoloġiji avvanzati u siguri fiċ-ċiklu ta' fjuwil nukleari, speċjalment l-attivitajiet tal-arrikiment u tal-ipproċessar mill-ġdid tal-uranju li huma l-aktar partijiet sensittivi f'termini ta' riskji ta' proliferazzjoni.

F'dan ir-rigward, il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu fit-8 ta' Diċembru 2008[29] ħa d-deċiżjoni fil-prinċipju biex jappoġġa l-istabbiliment ta' bank ta' fjuwil nukleari taħt il-kontroll tal-IAEA, li għalih L-unjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi sa 25 miljun EUR, ladarba il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-bank jkunu ġew definiti u approvati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA. Fl-istess ħin, il-Kunsill laqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tikkontribwixxi f'dan il-proġett permezz ta' strumenti Komunitarji relevanti. Sabiex jitħaffef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni, se jingħata mandat lill-Kummissjoni sabiex tikkontribwixxi għad-defenizzjoni tal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-istabbiliment tal-bank tal-fjuwil. Wieħed mill-vantaġġi ewlenin ta' approċċ multilaterali ikun li dawk li jidħlu ġodda fis-suq jitħeġġu biex minn jeddhom joqgħodu lura milli jagħmlu investimenti kumplessi u li jqumu l-flus li jkunu sproporzjonati għall-ħtiġijiet tagħhom, waqt li jġibu garanziji addizzjonali għas-sigurtà ta' provvista ta' fjuwil.

Filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' inizjattiva bħal din, l-Unjoni Ewropea tista' tagħmel użu sħiħ minn strumenti disponibbli tal-Euratom[30] u minn strumenti Komunitarji oħra bħall-Istrument għall-Istabbiltà u l-Istrument għas-Sikurezza Nukleari u għandha tqis kemm id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet internazzjonali, kemm it-Trattat tal-Euratom kif ukoll it-tħaddim tas-suq nukleari Ewropew.

Peress li s-sigurtà tal-provvista għal-fjuwils nukleari hija essenzjali biex tiggarantixxi n-nonproliferazzjoni, partikolarment biex tevita li jinxterdu teknoloġiji sensittivi, bħall-arrikkiment, l-Aġenzija għall-Provvista tal-Euratom għandha ssir operatur ewlieni f'dan il-proċess. [pic][pic][pic]

[1] Miftuħ għall-firem f'Lulju 1968, it-Trattat daħal fis-seħħ fil-5 ta' Marzu 1970. Total ta' 189 parti ngħaqdu mat-Trattat, inklużi l-ħames Stati li għandhom armi nukleari.

[2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari",COM (2008) 312 finali, 22.5.2008.

[3] Rapport dwar l-'International Initiative on 3S Based Nuclear Energy Infrastructure', is-Samit tal-G8, Hokkaido, il-Ġappun, 9.7.2008.

[4] Adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-13 ta' April 2005.

[5] COM (2007) 1 finali, 10.1.2007.

[6] COM (2008) 776 finali, 13.11.2008.

[7] COM (2008) 781 finali, 13.11.2008.

[8] Stqarrija għall-istampa IP/08/719, 7.5.2008.

[9] Ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-sorsi ta' enerġija u t-teknoloġija tal-enerġija konvenzjonali, A6-0348/2007 finali, 26.9.2007.

[10] "Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar", adottata mill-Kunsill Ewropew 12.12..2003.

[11] Id-dokument tal-Kunsill 15708/03, 12.12.2003.

[12] Id-dokument tal Kunsill S407/08, 11.12.2008.

[13] Id-dokument tal-Kunsill 17172/08, 17.12.2008.

[14] Dwar il-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa, adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-28 ta' April 2004, S/RES/1540 (2004).

[15] Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM) Nru 300/2007 tad-19 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, ĠU L 81, 22.3.2007.

[16] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, ĠU L 210, 31.7.2006.

[17] Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà, ĠU L 327, 24.11.2006.

[18] Inkluż il-materjal nukleari fiċ-ċiklu ċivili tal-fjuwil nukleari tal-Istati li għandhom armi nukleari.

[19] Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1493/93 tat-8 ta' Ġunju 1993 dwar kunsinni ta' sustanzi radjoattivi bejn l-Istati Membri, ĠU L 148, 19.6.1993.

[20] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/Euratom tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-kontroll ta' sorsi radjoattivi siġillati ta' attività għolja u sorsi orfni, ĠU L 346, 31.12.2003.

[21] Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli nukleari eżawrit, ĠU L 337, 5.12.2006.

[22] INFCIRC/274/Rev.1.

[23] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1334/2000 tat-22 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju.

[24] Il-Kapitolu 6 tat-Trattat jistabilixxi l-Aġenzija tal-Provista u jipprovdi għad-dritt tagħha ta' għażla ta' materjali, konklużjoni ta' kuntratti ta' provista mill-Aġenzija u għal sigurtà ta' provista.

[25] Fl-għotja tal-awtorizzazzjoni tagħha l-Kummissjoni tqis partikolarment il-kriterji li ġejjin: l-utilizzazzjoni għal skopijiet mhux esplussivi; l-applikazzjoni ta' garanziji tal-IAEA; l-applikazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni fiżika; l-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet speċifiċi għal trasferiment mill-ġdid għal Stat terz ieħor li ma għandux armi nukleari, kif ukoll għat-trasferiment mill-ġdid sussegwenti ta' dan it-tip.

[26] Iċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenzi u t-Teknoloġiji (ISTC) f' Moska jittratta mal-impjieg u d-direzzjoni differenti ta' xjenzati tal-armi ta' qabel mir-Russja, l-Armenja, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Każakastan, il-Kirgiżtan u minn Taġikistan Huwa jitħaddem b'mod konġunt mal-istati benefiċjarji u mal-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea u n-Norveġja.

[27] Iċ-ċentru tax-xjenza u t-Teknoloġija tal-Ukraina (STCU) fi Kiev jitratta mal-impjieg u d-direzzjoni differenti ta' xjenzati tal-armi ta' qabel mill-Ukraina, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Użbekistan. Huwa jitħaddem b'mod konġunt mal-istati benefiċjarji u mal-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada.

[28] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari", COM (2008) 312 finali, 22.5.2008.

[29] L-2914-il laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, tat-8 ta' Diċembru 2008.

[30] Id-dispożizzjonijiet dwar impriżi konġunti (Kapitolu 5 Euratom) jistgħu jipprovdu mudell possibbli għall-istabbiliment ta' faċilità multilaterali taċ-ċiklu nukleari. Il-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-finanzjament jew ġestjoni ta' Impriżi Konġunti hija espressament prevista, b'hekk li jippermetti l-parteċipazzjoni ta' partijiet mhux fl-UE.

Top