Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0111

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta‘ karbonju {SEG(2009) 268} {SEG(2009) 269} {SEG(2009) 270}

/* KUMM/2009/0111 finali */

52009DC0111




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.3.2009

KUMM(2009) 111 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta‘ karbonju

{SE G(2009) 268}{SEG(2009) 269}{SEG(2009) 270}

1. Daħla

F'Diċembru 2008, l-Unjoni Ewropea reġgħet sostniet l-impenn tagħha[1] biex tilħaq il-miri tagħha fl-iffrankar tal-enerġija u fl-emissjonijiet tal-karbonju sal-2020 u enfasizzat l-urġenza biex jiżdiedu l-isforzi għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija[2]. L-effiċjenza tal-enerġija qiegħda fil-qofol tal-isforzi tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-problemi tas-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima[3]. Bil-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis drastiku fl-attività ekonomika Ewropea, l-argument għal żidiet fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi sar saħansitra aktar b'saħħtu.

L-orjentazzjoni mill-ġdid tal-innovazzjoni teknoloġika lejn l-isfidi ta' tkabbir b'użu effiċjenti tal-enerġija u bi ftit użu tal-karbonju se jgħin lill-Ewropa toħroġ minn din il-kriżi ekonomika fuq bażi aktar sostenibbli. It-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICTs) huma magħrufa għall-funzjoni usa', mifruxa mal-ekonomija sħiħa fl-iffrankar tal-enerġija u għall-potenzjal tagħhom li jwettqu bidla effettiva u profonda mifruxa fuq kull aspett tas-soċjetà, il-gvern u l-industrija.

Issa hemm bżonn ta' qafas politiku li jinkorpora l-ICTs direttament fl-isforzi biex jikkonfrontaw il-kriżi li qed inħabbtu wiċċna magħha illum. L-Ewropa għandha opportunità li tkun minn ta' quddiem li tippreżenta tali qafas u l-isfida hi li tinħataf din l-opportunità. Għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom l-OECD[4], qed iħarsu lejn l-ICTs b'antiċipazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li se tiddetermina s-segwitu tal-protokoll ta' Kjoto.

Din il-Komunikazzjoni tressaq sett ta' miżuri ambizzjużi b'attenzjoni dwar dak li jista' jinkiseb fit-terminu ta' żmien qasir kemm mis-settur tal-ICT kif ukoll billi nutilizzaw bis-sħiħ il-kapaċità tal-ICTs bħala faċilitatur fis-setturi kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija. Tipprovdi l-isfond għal Rakkomandazzjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2009. Ir-Rakkomandazzjoni se tistabbilixxi l-impenji, il-miri u l-iskedi ta' żmien, għall-partijiet involuti fl-industrija u għall-Istati Membri biex tħaffef il-progress lejn dawn l-għanijiet.

2. Xi rwol jista' jkollhom l-ICTs?

Il-potenzjal tal-ICTs li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija huwa aċċettat b'mod ġenerali [5][6] Madankollu, fl-assenza ta' miżuri politiċi speċifiċi biex jiġu koordinati l-isforzi frammentati u biex ikun hemm inċentiv għal azzjoni, dan il-potenzjal jista' ma jintlaħaqx fiż-żmien allokat tal-miri tal-2020. L-ICTs għandhom jagħtu kontribut doppju:

Ir-rwol tal-ICTs bħala faċilitatur

L-ICTs jistgħu jiffaċilitaw titjib fl-effiċjenza tal-enerġija billi jitnaqqas l-ammont ta' enerġija meħtieġa biex jingħata servizz partikolari:

- Permezz ta' monitoraġġ u kontroll dirett tal-konsum tal-enerġija, l-ICTs jistgħu jiffaċilitaw it-titjib fl-effiċjenza f'setturi ewlenin li jużaw l-enerġija. Studji reċenti jissuġġerixxu li din il-kapaċità tista' tiġi sfruttata biex il-konsum tal-enerġija tal-bini fl-UE jitnaqqas sa 17% u biex l-emissjonijiet tal-karbonju fil-loġistika tat-trasport jitnaqqsu sa 27%[7]

- L-ICTs jistgħu jnaqqsu d-domanda għall-enerġija u għal riżorsi materjali oħrajn billi jipprovdu l-għodda għal mudelli ta' negozji, prattiki ta' xogħol u stili ta' ħajja b'użu aktar effiċjenti tal-enerġija, bħall-applikazzjonijiet tal-e-Kummerċ, tat-telewerking u tal-e-Gvern, u teknoloġiji b'kollaborazzjoni avvanzata.

- L-ICTs jistgħu jnaqqsu l-konsum ta' enerġija b'ħafna ħela billi jipprovdu teknoloġiji innovattivi, ; eżempju ċar huwa t-tagħmir ta’ stat solidu għad-dawl. It-teknoloġija tal-informatika qed toffri soluzzjonijiet bħat-'thin client'[8], il-komputazzjoni b'sistema ta' distribuzzjoni u t-teknoloġiji ta' virtwalizzazzjoni li jwiegħdu tnaqqis ta' materjal żejjed fis-sistemi attwali.

Ir-rwol kwantitattiv tal-ICTs

L-ICTs jistgħu jipprovdu l-bażi kwantitattiva li fuqha jistgħu jiġu mfassla, implimentati u evalwati strateġiji b'użu effiċjenti tal-enerġija.

- L-użu ta' miters intelliġenti jisfrutta l-kapaċità tal-ICTs li jikkwantifikaw il-konsum tal-enerġija u jipprovdu tagħrif xieraq lill-konsumaturi. Jekk il-konsumaturi jistgħu jifhmu minn fejn jiġu l-ineffiċjenzi, huma jistgħu jaħdmu biex itaffuhom jew ineħħuhom għal kollox. Fl-UE l-provi bil-miters intelliġenti juru li l-provvista ta' tagħrif lill-konsumaturi dwar il-konsum attwali tagħhom tal-enerġija tista' twassal għal sa 10 % tnaqqis[9].

- L-ICTs jistgħu jindirizzaw ukoll il-komplessitajiet tal-kejl tar-rendiment tal-enerġija fil-livell ta' sistema [10]: l-għodda ta' softwer jistgħu jipprovdu tagħrif u dejta dwar kif jiġu kkonfigurati aħjar l-elementi varji tas-sistema sabiex jinkiseb l-aħjar rendiment kumplessiv tal-enerġija b'mod effettiv f'termini ta' spejjeż. Bil-ħtieġa urġenti għal tfassil u ppjanar b'kuxjenza favur l-enerġija u l-ambjent, dawn l-għodda ta' softwer se jinfirxu minn sistemi żgħar għal sistemi aktar kumplessi, li jinkludu żoni urbani u bliet.

Is-sempliċi eżistenza tal-miri tal-2020 il-kwistjoni tal-kwantifikazzjoni preċiża u verifikabbli tal-konsum tal-enerġija tagħmilha waħda ta' importanza fundamentali. Is-settur tal-ICT, aktar minn kwalunkwe settur ieħor, huwa fl-aħjar qagħda biex jindirizza din l-isfida, u barra minn hekk biex iwassal is-soluzzjonijiet u l-għodda biex jappoġġa oħrajn ħalli jagħmlu l-istess.

3. Sfruttament sħiħ tal-ICTs: Sfidi u ambitu għall-azzjoni

Il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju mifrux ta' ġbir u analiżi ta' dejta [11], biex tivvaluta r-rwol potenzjali tal-ICTs ta' għajnuna lill-Istati Membri biex jilħqu l-miri tal-2020. Is-sejbiet xeħtu dawl fuq bosta sfidi u ppermettew li jiġu identifikati linji ta' azzjoni.

Identifikazzjoni tal-isfidi

L-użu tat-tagħmir tal-ICT għall-forniment ta' servizzi jirrapreżenta madwar 1.75 % tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa; 0.25 % oħra ta' emissjonijiet tal-karbonju jiġu mill-produzzjoni tal-ICT u mit-tagħmir elettroniku tal-konsumatur. Hekk kif il-medda u l-penetrazjoni tal-ICTs jiżdiedu, qed jiżdied ukoll l-użu kumplessiv tal-enerġija tagħhom[12].

Is-setturi l-oħra tal-ekonomija u tas-soċjetà huma responsabbli għat-98 % tal-emissjonijiet tal-karbonju li jifdal. Huwa hawn fejn il-kapaċità tal-ICTs bħala faċilitatur hija mistennija tagħti l-akbar kontribut fit-tnaqqis tal-emissjonijiet – sa 15 % sal-2020 skont xi rapporti[13] – kif ukoll fl-iffrankar tal-ispejjeż.

Xi kumpaniji tal-ICT impenjaw ruħhom b'miri dwar l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet[14]. Il-miri u l-iskedi ta' żmien, għalkemm xi drabi ambizzjużi, ivarjaw ħafna, u hemm ftit bażi komuni biex is-settur jidentifika eżatt fejn jistgħu jinstabu opportunitajiet għal effiċjenzi akbar u fejn għandhom jiġu kkonċentrati l-isforzi. Barra minn hekk, id-dejta kwantitattiva dwar il-benefiċċji miksuba u li jistgħu jinkisbu permezz tal-ICTs hija ta' spiss inkonsistenti[15]. Id-diffikultà konsegwenti fit-tqabbil tas-soluzzjonijiet għall-iffrankar tal-enerġija, speċjalment fil-livell tas-sistema, tista' tkun ta' deterrent għall-adozzjoni tagħhom.

L-eliminazzjoni ta' dawn l-inkonsistenzi teħtieġ metodoloġiji armonizzati għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tar-rendiment tal-enerġija. Dan, min-naħa tiegħu, se jipprovdi dejta affidabbli għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji għall-iffrankar tal-enerġija.

Ħtieġa għall-azzjoni

Sakemm ma jkunx hemm approċċ aktar sistematiku mifrux fuq is-settur tal-ICT kollhu li jkejjel u jikkwantifika r-rendiment tal-enerġija tal-proċessi tiegħu stess, hemm possibbiltà qawwija li l-benefiċċji reali tal-ICT se jiġu injorati jew jiġu interpretati ħażin.

Fin-nuqqas ta' mezz li bih il-konsumaturi, kemm jekk individwi, negozji jew amministrazzjonijiet pubbliċi, jistgħu jivverifikaw u jqabblu l-istrateġiji għall-iffrankar tal-enerġija potenzjali offruti mill-ICTs u l-effikaċja tagħhom fuq l-infiq, it-theddida li l-hekk imsejħa 'greenwashing'[16] se tieħu sehem tas-suq minn soluzzjonijiet li joffru benefiċċji leġittimi, hija reali ħafna.

Sabiex jitħeġġu l-leġittimità, it-trasparenza u l-progress reali fl-applikazzjoni tal-ICTs biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija, tinħass b'mod ċar il-ħtieġa li jinħoloq ambjent ġust u ugwali abbażi ta' modi komuni ta' kejl tar-rendiment tal-enerġija - speċjalment f'sistemi aktar kumplessi – u abbażi ta' fehim komuni tal-impenji, l-miri u l-metodoloġija.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha toħroġ Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi miżuri li se jħejju t-triq għall-ICTs biex jagħtu kontribut għal żidiet fl-effiċjenza tal-enerġija u għat-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-ekonomija u fis-soċjetà kollha, b'mod li jista' jitkejjel u verifikabbli. Il-miżuri se jkunu strutturati madwar it-tliet fergħat ta' azzjoni li ġejjin.

- L-ewwel , is-settur tal-ICT se jiġi mistieden li jistabbilixxi miri għalih innifsu u jilħaq qbil kollettiv dwar il-metodoloġiji ta' kejl li jikkonċentraw fuq l-eżattezza, it-trasparenza u l-verifikabbiltà tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju tal-proċessi tiegħu, kemm fil-livell tal-kumpaniji kif ukoll fil-livell tas-setturi.

- It-tieni , se jiġu mħeġġa sħubijiet ta' ħidma bejn is-settur tal-ICT u setturi ewlenin oħra li jużaw l-enerġija biex jiġi identifikat fejn u kif l-ICTs jistgħu jieħdu sehem fit-titjib tal-effiċjenza u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet f'dawk is-setturi u b'hekk jitħaffef it-twassil tal-għodda għall-valutazzjoni u għat-titjib tar-rendiment tal-enerġija fuq bażi komparabbli.

- It-tielet , l-Istati Membri għandhom jintalbu biex jiffaċilitaw l-introduzzjoni tal-għodda tal-ICT fl-UE kollha li x'aktarx tqanqal bidla fl-imġiba ta' konsumaturi, negozji u komunitajiet u fl-istess ħin tagħti spinta għad-domanda għal soluzzjonijiet innovattivi tal-ICT sabiex jinkiseb l-aħjar rendiment tal-enerġija tal-operazzjonijiet tagħhom stess.

4. Kuntest ġenerali tar-rakkomandazzjoni

4.1. Tnaqqis tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-ICTs

Is-settur tal-ICT kollu kemm hu jimpjega 6.6 miljun ruħ fis-27 Stat Membru tal-UE. Jagħti spinta lill-kapaċità ta' innovazzjoni tas-setturi kollha u jikkontribwixxi għal aktar minn 40 % tat-tkabbir totali tal-produttività[17].

Attwalment l-ICTs huma inkorporati kważi fis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea. B'riżultat tas-suċċess tagħhom stess, l-użu ta' prodotti u servizzi tal-ICT jirraprezenta madwar 7.8 % tal-konsum tal-elettriku fl-UE u jista' jiżdied għal 10.5 % sal-2020[18].

Iż-żieda fil-konsum li ġejja mill-użu dejjem akbar tal-prodotti tal-ICT hija indirizzata minn bosta strumenti legali diġà fis-seħħ. Skont id-Direttiva dwar l-ekodisinn ta Prodotti li jaħdmu bl-Enerġija (EuP)[19], ir-rekwiżiti minimi tal-enerġija se jkunu stabbiliti għall-prodotti bħal provvisti esterni tal-elettriku u kompjuters. Ir-Regolament dwar il-programm 'Energy Star'[20] jagħti l-Energy Star lill-prodotti bl-aqwa rendiment fis-suq u tobbliga lill-Istati Membri biex japplikaw kriterji impenjattivi ta' effiċjenza tal-enerġija fix-xiri pubbliku ta' tagħmir tal-uffiċċju.

Miżuri oħra, bħar-Regolament tal-Ekotikketta[21], jikkomplementaw dan il-qafas, u jipprovdu titjib kontinwu tal-prodotti tal-ICT matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom inkluż fl-effiċjenza tal-enerġija tagħhom. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli[22] jipprovdi qafas integrat u komprensiv biex ikompli jiżviluppa u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi għat-tnaqqis tal-impatti ambjentali tat-tagħmir tal-ICT fit-tmiem l-użu tiegħu[23].

Jeżisti potenzjal mhux sfruttat għas-settur tal-ICT li jikkonċentra fuq titjib sistematiku u t naqqis ulterjuri fil-konsum tal-enerġija tal-proċessi tiegħu stess (li jinkludu t-tħaddim, il-manifattura, il-provvista ta' servizz u l-katina ta' provvista). Li kieku s-settur kellu jadotta approċċ aktar sistematiku għall-monitoraġġ u l-kejl tal-konsum tal-enerġija f'kull pass tal-proċess, ikun jista' jiġġenera dejta verifikabbli u komparabbli, li tippermettilu li jidentifika opportunitajiet għat-titjib, u li jiżviluppa u japplika s-soluzzjonijiet.

Is-settur tal-ICT għandu jintalab jimpenja ruħu b'mod kollettiv fi proċess ta' titjib individwali billi jiftiehem fuq metodoloġiji komuni u għodda ta' metroloġija biex tiġi ġġenerata dejta dwar ir-rendiment tal-enerġija tiegħu, jiġu stabbiliti miri realistiċi u jitkejjel il-progress. Sforzi bħal dawn għandhom iqisu b'mod xieraq iċ-ċiklu kollu ta' ħajja u l-impatt ambjentali relatat. Is-settur tal-ICT għandu jmexxi billi jagħti eżempju u se jitħeġġeġ biex jimpenja ruħu b'miri ambizzjużi relatati mal-miri Ewropej tal-2020. Apparti mill-benefiċċji f’termini ambjentali u ta’ spiża, sforzi bħal dawn bla dubju se jwasslu għal prattiki innovattivi li jistgħu jiġu rreplikati f'industriji oħra.

Ir-Rakkomandazzjoni se tikkonċentra fuq il-bini u l-kostruzzjoni, u fuq il-loġistika tat-trasport, minħabba s-sehem relattivament kbir tagħhom fil-konsum ġenerali tal-enerġija u minħabba l-isforzi li għaddejjin bħalissa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri f'dawn is-setturi.

4.1.1. Bini u kostruzzjoni

Il-bini jirrappreżenta madwar 40 % tal-użu aħħari tal-enerġija fl-UE, li aktar minn 50 % ta' dan huwa enerġija elettrika. Is-settur għandu potenzjal sinifikanti mhux sfruttat għall-iffrankar tal-enerġija bi nfiq effikaċi li, jekk jitwettaq, jista’ jfisser li sal-2020 l-UE tikkonsma 11 % inqas tal-konsum totali tal-enerġija[24].

Skont id-Direttiva EuP, il-miżuri tal-implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti għar-rendiment enerġetiku u ambjentali, qed jiġu promulgati għal prodotti tal-ICT użati fis-settur tal-bini u kostruzzjoni. Hemm lok għall-ICT li jikkontribwixxu biex dan il-potenzjal ikompli jsir realtà, permezz tal-applikazzjoni ta' sistemi ta' ġestjoni ta' bini u enerġija, ta' teknoloġiji ta' mezz ta' kejl intelliġenti, ta' tagħmir ta' stat solidu tad-dawl u sistemi ta' kontroll ta' dawl, ta' sensuri intelliġenti u softwer li jisfrutta l-aħjar użu. minħabba l-kontribut għar-rendiment tal-enerġija ta' ħafna fatturi differenti, inklużi materjali u teknoloġiji, u l-kompromessi potenzjali varji bejniethom l-iżvilupp ta' fehim sistematiku tar-rendiment tal-enerġija ta' bini huwa mixtieq ħafna. Bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru adottat f'Novembru 2008[25], il-Kummissjoni tipproponi t-tnedija ta' sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati biex jiġu żviluppati u jintwerew aktar it-teknoloġiji favur l-ambjent u sistemi u materjali b'użu effiċjenti ħafna tal-enerġija fil-bini bil-għan li jitnaqqsu radikalment il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom.

It-tfassil mill-ġdid propost tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Enerġija fil-Bini (EPBD) jintroduċi qafas ġenerali għal metodoloġija biex jiġi kkalkulat r-rendiment tal-enerġija tal-bini. L-implimentazzjoni tad-Direttiva se trendi ammont kbir ta' tagħrif dwar il-kompożizzjoni tal- istokk ta' bini mal-Ewropa kollha[26].

Tagħrif bħal dan jipprovdi bażi utli għas-settur tal-bini u tal-kostruzzjoni, kif ukoll għal dawk li jfasslu l-politika. Hu jiftaħ ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ta' softwer u għodod bl-iskop ta' konformità mal-EPBD .

Is-settur tal-ICT se jiġi mistieden biex jaħdem flimkien mas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni sabiex jiġu identifikati ż-żoni li fihom l-impatt tal-ICTs u l-effikaċja tal-infiq tagħhom jistgħu jilħqu l-massimu, u biex jispeċifikaw il-ħtiġijiet. Huma għandhom ukoll iħeġġu l-interoperabilità bejn l-għodda ta' verifika, u s-sistemi ta' ġestjoni ta' bini u ta' enerġija, bil-għan li jiġi żviluppat fehim sistematiku tar-rendiment tal-enerġija tal-bini.

Hemm lok li mmorru lil hinn mill qafas ġenerali ta' metodoloġija mdaħħal fid-Direttiva u jintlaħaq ftehim dwar il-metodoloġiji komuni għall-preżentazzjoni tad-dejta. Imbagħad l-ICTs jistgħu jiġu applikati għall-ġbir, l-aggregazzjoni u l-analiżi komparattiv mal-UE kollha biex isir appoġġ għall-iffissar ta' normi u l-evalwazzjoni tal-politika.

4.1.2. Razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-enerġija relatata mat-trasport permezz tal-loġistika

Is-sistemi tat-trasport jirrapreżentaw madwar 26 % tal-użu aħħari tal-enerġija fl-UE. Jeżistu ħafna opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza u fir-razzjonalizzazzjoni tal-enerġija, b'mod speċjali permezz tal-loġistika.

Fil-Pjan ta’ Azzjoni għal-Logistika tat-Trasport[27], iddaħħlu għadd ta' azzjonijiet biex jespandu l-irwol tal-loġistika fir-razzjonalizzazzjoni tat-trasport u fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tiegħu. Il-miżuri speċifiċi li jaqgħu taħt il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS)[28] jikkonċentraw fuq id-distribuzzjoni tal-ITS sabiex titħeġġeġ bidla modali, b'mod speċjali fuq ir-rotot tat-trasport tal-merkanzija, u permezz il-provvista ta' pjanifikaturi multimodali għall-passiġġieri sabiex jiffaċilitaw tnaqqis sinifikanti fil-konġestjoni.

L-azzjonijiet tal-e-Merkanzija u tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) jenfasizzaw ir-relevanza tal-għodda tal-ICT fl-ilħiq ta' dawn il-miri. Il-Pjan ta' Rkupru ta' Novembru 2008 jipprevedi t-tnedija ta' sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati biex tiġu żviluppata firxa wiesgħa ta' teknoloġiji u infrastrutturi ta' enerġija intelliġenti għat-trasport

Is-settur tal-ICT għandu jaħdem flimkien mas-settur tal-loġistika tat-trasport biex jibni fuq l-opportunità għal tagħrif imtejjeb u estiż kif identifikat mill-Pjan ta' Azzjoni[29]. It-tagħrif siewi dwar il-konsum tal-enerġija u dwar l-emissjonijiet tal-karbonju tat-trasport tal-merkanzija għandu jkun disponibbli għal dawk in-negozji li jiddependu fuq it-trasport ta' merkanzija fit-tħaddim tagħhom stess.

Peress li tagħrif bħal dan ikun disponibbli permezz tal-użu usa' tal-ITS, huwa importanti li dan jinġabar, jiġi ppreżentat u aggregat b'mod uniformi, u jkun aċċessibli mill-utenti potenzjali kollha: minn individwi u negozji li jużaw it-trasport tal-merkanzija sa amministrazzjonijiet pubbliċi u dawk li jfasslu l-politika.

4.2. Tħeġġiġ għal bidla dejjiema fl-imġiba ta' konsumaturi, negozji u komunitajiet

4.2.1. Użu aħħari tal-enerġija

L-użu ta' miters intelliġenti jista' jiffaċilita skambju ta' tagħrif f'ħin reali bejn l-operaturi tan-netwerk, il-fornituri u l-konsumaturi tal-enerġija, u jippermetti lill-partijiet kollha li jkollhom ġestjoni u kontroll aħjar tal-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż assoċjati miegħu. L-użu ta' miters jippermetti wkoll li jiddaħħlu ċirkwiti elettriċi ta' kontroll biex it-tagħmir ikun jista' jiġi kkontrollat mill-bogħod. Jekk jiġi implimentat b'dan il-mod, jakkumulaw benefiċċji għal operaturi u fornituri ta' netwerk, u għal konsumaturi.

Il-miters intelliġenti jiġġeneraw aktar tagħrif eżatt dwar id-domanda tal-konsumatur, tagħrif li min-naħa tiegħu jista' jintuża mill-operaturi ta' netwerk biex ikollhom ġestjoni aħjar tan-netwerk tagħhom u b'hekk jitnaqqas it-telf. Huma jistgħu jiffaċilitaw ukoll l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi li jipprovdu reazzjoni għad-domanda biex inaqqsu d-domanda f'ħinijiet meta din tkun fl-eqqel tagħha, biex b'hekk jiġu evitati investimenti bla bżonn f'kapaċità żejda. Barra minn hekk, il-fornituri jistgħu jużaw din l-informazzjoni biex jiżviluppaw għażla ta' prezzijiet li jqisu l-ispejjeż differenti tal-konsum tal-enerġija f'ħinijiet differenti.

Il-miters intelliġenti jistgħu jipprovdu tagħrif komprensiv lill-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija u tal-ispiża tagħhom[30], li jippermettilhom biex jieħdu vantaġġ reali mis-Suq Intern tal-Enerġija. Ir-riżultati minn provi fuq skala żgħira f'għadd ta' Stati Membri jindikaw li l-introduzzjoni tal-kejl intelliġenti ta' konsum jista' jnaqqas il-konsum tal-enerġija sa 10 %[31], skont il-kuntest u l-kwalità tat-tagħrif mibgħut lura mill-konsumatur.

Madanakollu l-użu tal-kejl intelliġenti mhuwiex dejjem implimentat b'dan il-mod; il-prattika komuni għandha tendenza li tkun fluss ta' tagħrif f'direzzjoni waħda lejn il-fornitur jew l-operatur tan-netwerk. Minħabba l-ispejjeż għolja tal-investiment inizjali u minħabba li t-tul tal-ħajja tas-soluzzjonijiet tal-kejl bil-miter mistennija li tkun minn 10 sa 15-il sena, huwa ta’ importanza assoluta li l-Istati Membri jaqblu dwar il- livell minimu ta' funzjonalità għall-kejl intelliġenti bil-miter biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu offruti l-istess għażliet minimi lill-konsumaturi kollha, irrispettivament ta’ fejn joqgħodu u min jipprovdi s-servizz, u biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

L-Istati Membri għandhom jintalbu biex jaqblu dwar l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali minimi b’firxa fuq l-UE għall-użu tal-kejl intelliġenti li jippermetti lill-operaturi ta' netwerk, lill-fornituri u notevolment lill-konsumaturi wkoll, biex jikkontrollaw effettivament il-ħtiġijiet enerġetiċi tagħhom u biex jużaw is-soluzzjonijiet tal-ICT għall-ġestjoni awtomizzata tal-enerġija, ladarba jkunu disponibbli. F'termini ta' funzjonalità, dan se jeħtieġ skambju ta' tagħrif f'ħin reali u l-possibbiltà ta' ċirkwiti elettriċi ġodda li jikkontrollaw. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet se jkunu kompatibbli mal-mandat ta' standardizzazzjoni għal miters ta' utilità li nħarġu reċentement mill-Kummissjoni[32].

Il-kejl intelliġenti ta' konsum huwa l-ewwel pass fir-rotta lejn sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti tal-elettriku. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti għandhom jiffaċilitaw, mhux biss ġestjoni aħjar tal-konsum tal-enerġija, iżda l-integrazzjoni ta' għejun ta' enerġija alternattiva u li tiġġedded fuq skala ferm akbar milli huwa attwalment possibbli , b'impatti pożittivi għas-sigurtà tal-enerġija u tal-ambjent.

4.2.2. Rwol ewlieni għall-Istati Membri

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa ta' strumenti li jqanqlu mġieba favur il-livelli ta' karbonju baxx u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-komunitajiet tagħhom, li jinkludu: is-segħta li jiżviluppaw u jimplimentaw politika tal-bini u l-ippjanar, li jintervjenu permezz tal- akkwist pubbliku biex tinħoloq domanda , li jniedu programmi ta' innovazzjoni , u li jappoġġaw proġetti pilota u l-aħjar prattika . Huma għandhom ukoll il-mezzi biex jinfluwenzaw b'mod dirett il-konsum tal-enerġija tagħhom stess.

L-Istati Membri, l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali għandhom jintalbu biex ikunu minn ta' quddiem biex imexxu d-domanda għal soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-ICT li jgħinuhom biex jinkorporaw l-effiċjenza tal-enerġija fl-aspetti kollha tal-għotja ta’ servizzi u l-ġestjoni ta' infrastruttura, u tal-ippjanar urban u t-tfassil tal-politika. L-użu ta' għodda avvanzata li tisfrutta l-aħjar użu tas-softwer, flimkien ma' dejta affidabbli, se jkunu essenzjali għat-teħid effettiv ta’ deċiżjonijiet.

Skont il-Politika ta' Koeżjoni mill-2007 sal-2013, hemm previst madwar EUR 86 biljun għal investimenti fir-R&Ż u Innovazzjoni, li tinkludi l-użu u l-iżvilupp teknoloġiku tal-ICT. L-Istati membri huma mħeġġa biex jużaw dawn il-fondi biex jappoġġaw dan l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tal-ICT li jtejbu r-rendiment tal-enerġija.

4.3 Il-Passi li Jmiss

Ser titnieda konsultazzjoni pubblika sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni u l-partijiet involuti kollha għandhom l-istess fehma tal-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati u tas-soluzzjonijiet proposti. Partikolarment, fl-interess ta' trasparenza, u fil-kisba ta' progress reali u wieħed li jista' jitkejjel, il-Kummissjoni tixtieq li tkun assigurata li l-aspettattivi , it-talbiet u l-impenji huma bbażati fuq lingwa komuni.

Wara l-konsultazzjoni pubblika, l-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni hija ppjanata għat-tieni nofs tal-2009.

5. Rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri rakkomandati

Wara l-pubblikazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tistieden rappreżentanti tas-setturi, fejn xieraq permezz ta' assoċjazzjonijiet tas-settur relevanti, biex tiġi stabbilita struttura ta' ħidma sabiex jintlaħqu l-miri stipulati.

Il-Kummissjoni se tinvestiga wkoll il-possibbiltà li tistabbilixxi portal Ewropew tal-internet biex iservi ta' pjattaforma miftuħa tal-informatika u l-komunikazzjoni li timpenja kemm lill-partijiet involuti pubbliċi kif ukoll lil dawk privati fl-iskambju tal-aħjar prattiki, esperjenzi, tagħrif u dejta li jistgħu ikunu ta' għajnuna biex jiżdied ir-rittmu ta' progress lejn l-għanijiet stipulati.

Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, qed taħdem biex tippreżenta gwida prattika għall-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar it-titjib tar-rendiment tal-enerġija permezz tal-użu innovattiv tal-ICTs.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex tiffaċilita l-kontribut tal-inizjattiva ICT21EE[33] lill-Patt tas-Sindki sabiex jitħeġġu u jiġu appoġġati bliet u muniċipalitajiet biex jużaw l-ICTs sabiex jitnaqqsu l-emmissjonijiet.

Appoġġ għar-R&Ż

Fl-2007, ġiet introdotta l -ICT għall-Effiċjenza tal-Enerġija bħala tema speċifika skont il-priorità tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7). Hi tikkonċentra fuq soluzzjonijiet għas-sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku (sistema ta' distribuzzjoni intelliġenti), għall-bini u t-trasport, u għar-R&Ż ta' tagħmir ta' dawl fi stat solidu. Proġetti pilota b'temi simili qed jiġu appoġġati skont il-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni. Il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll finanzjament lill- ICTs b'użu aktar effiċjenti tal-enerġija [34].

L-investiment għandu jkun aktar ikkonċentrat fuq dawk iż-żoni ta' riċerka li jistgħu jwasslu l-massimu ta' benefiċċji f'termini ta' effiċjenza tal-enerġija u emissjonijiet tal-karbonju mnaqqsa. Hawnhekk se jkunu dejjem aktar importan ti sforzi fuq skala akbar, transsettorjali u multidixxiplinarji. Il-Pjan ta' Rkupru, propost mill-Kummissjoni f'Novembru 2008, jinkludi sforzi bħal dawn f'għamla ta' sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat għall-R&D fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-karozzi u l-manifattura.

Barra minn hekk, l-għadd ta' proġetti li jappoġġaw l-ICT għall-effiċjenza tal-enerġija u għal rendiment aħjar tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi tal-ICT huma ffinanzjati taħt il-Politika ta' Koeżjoni. Fil-kuntest tal-Pjan ta' Rkupru, il-Kummissjoni ħadet il-passi biex jiżdied ir-rittmu tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni u biex iżżid aktar il-possibbiltajiet ta' finanzjament għal proġetti għall-effiċjenza tal-enerġija.

Appoġġ għall-Innovazzjoni

Ħafna mill-applikazzjonijiet u s-soluzzjonijiet tal-ICT li se jgħinu lill-Ewropa tagħmel it-transizzjoni għal ekonomija bi ftit użu tal-karbonju se jiġu minn innovazzjonijiet ta' softwer. Hemm madwar nofs miljun negozju ta' softwer fl-UE. B’minn 3 sa 7 impjegati, dawn in-negozji għandhom wieħed mill-ogħla livelli ta' produttività u profittabbiltà fis-setturi kollha tal-ekonomija[35].

Il- gwida prattika għall-awtoritajiet reġjonali u lokali (imsemmija hawn fuq) se tistabbilixxi l-mod kif l-amministrazzjonijiet se jisfruttaw l-ICTs fil-pjanijiet tagħhom tal-bidla fil-klima[36]. Fl-istess ħin hi se tispjega kif il-fondi ta' Koeżjoni jistgħu jappoġġaw sħubiji ta' negozji biex jiksbu applikazzjonijiet tal-ICT, u se tistabbilixxi passi prattiċi biex jitħeġġu sinerġiji bejn ir-riċerka appoġġata mill-Kummissjoni u l-finanzjament għall-innovazzjoni.

Għandha tingħata spinta ulterjuri mill-hekk imsejħin Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KICs) li se jiġu appoġġati mill-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija (IET)[37]. L-ewwel sejħa għall-KICs tindirizza tliet temi ta' prijorità: Il-mitigazzjoni u l-addattament għall-bidla klimatika, l-enerġija sostenibbli, u s-soċjetà tal-informatika u l-komunikazzjoni fil-ġejjieni.

Il-Pjan ta' Rkupru propost mill-Kummissjoni f'Novembru 2008 jinkludi sforz baġitarju kbir biex jipprovdi broadband b’veloċità għolja ħafna (BB) madwar l-Ewropa. Komunikazzjoni b’segwitu tmur pass lil hinn u tispeċifika fejn għandu jiġu mmirat l-investiment kemm għall-enerġija kif ukoll għall-BB[38]. Din għandha tikkontribwixxi għal użu usa' tal-ICTs biex twieġeb għall-isfidi tal-klima u tal-enerġija, u tiftaħ opportunitajiet li jgħaqqdu komunitajiet u negozji innovattivi madwar l-Ewropa.

Il-miżuri proposti ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit Komunitarju.

6. Valutazzjoni u superviżjoni

Il-miżuri li huma maħsuba li jiġu ppreżentati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jindirizzaw il-kontributi tas-settur tal-ICT u l-ICTs biex jintlaħqu il-miri tal-2020. Se ssir reviżjoni fl-2012; ir-riżultati se jiġu ppubblikati u se jagħmlu parti mill-provi li jappoġġaw l-intervent ta' segwitu jekk ikun xieraq.

Il-lista tal-miżuri maħsuba flimkien mal-punti ewlenin, il-kisbiet u l-iskedi ta' żmien hija miġbura fil-qosor fit-tabella li ġejja:

Attur / Miżura | Punt ewlieni / Rappurtar | Data tal-għeluq |

Settur tal-ICT | Ittri ta' intenzjoni mis-settur tal-ICT | Fi żmien 6 xhur mill-adozzjoni |

Miri u Pjanijiet tar-rotta | fi tmiem l-2010 |

Rapporti ta’ progress | Kull sena |

Settur tal-ICT mal-Bini u l-Kostruzzjoni | Disponibbiltà tar-rekwiżiti għas-soluzzjonijiet tal-ICT Rapport ta' progress | fi tmiem l-2012 |

Settur tal-ICT mal-Loġistika | Disponibbiltà tad-dejta tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-karbonju Rapport ta’ Progress | fi tmiem l-2012 |

Stati Membri |

Speċifikazzjonijiet funzjonali komuni għall-użu tal-kejl intelliġenti | fi tmiem l-2012 |

Strateġiji tal-ippjanar urban li jinkorporaw effiċjenza tal-enerġija u emissjonijiet tal-karbonju | fi tmiem l-2010 |

Rapport ta' Progress | kull sena |

7. Konklużjonijiet

L-Ewropa ddefiniet għaliha nnifisha miri ambizzjużi għall-2020: li tfaddal 20 % tal-konsum tal-enerġija primarja[39], li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gas b'effett ta' serra b'20 % u żżid is-sehem ta' enerġija li tiġġedded b'20 %. L-effiċjenza mtejba tal-enerġija hija ta' importanza primarja biex jinkisbu dawn il-miri.

Għalkemm il-leġiżlazzjoni qed tiġi promulgata u implimentata, id-dejta tindika li t-tfaddil tal-enerġija mhuwiex qed jiġi realizzat malajr biżżejjed. Rapporti reċenti jindikaw li meta implimentati bis-sħiħ, il-miżuri attwali għandhom jiksbu tfaddil tal-enerġija ta' madwar 13 % sal-2020[40]. Dan jirrappreżenta kisba kbira, pero xorta huwa ferm inqas min dak li huwa meħtieġ.

Hemm opportunità li mhux sfruttata li tikkomplementa l-miżuri eżistenti ma' sett ta' azzjonijiet speċifiċi biex jingħelbu l-ostakli u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ICTs li jiffaċilitaw l-aktar użu effiċjenti tal-enerġija. Il-qafas politiku propost għandu l-għan li jagħti spinta akbar lill-miżuri eżistenti regolatorji u dawk mhux regolatorji fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u b'hekk jikkontribwixxi għall-miri tal-2020 billi:

- titjieb l-effiċjenza tal-enerġija tal-ICTs;

- jintużaw l-ICTs biex iwasslu l-effiċjenza mtejba tal-enerġija fis-sistemi u fl-infrastrutturi l-oħra li jużaw l-enerġija li jsostnu l-ekonomija tagħna;

- jintużaw l-ICTs biex jipprovdu l-bażi kwantitattiva li fuqha jistgħu jiġu mfassla, implimentati u evalwati strateġiji tal-effiċjenza tal-enerġija;

- jiġu mistiedna l-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni, u biex jużaw u jippreżentaw l-ICTs biex jiffaċilitaw żidiet fl-effiċjenza tal-enerġija;

- tissaħħaħ l-kooperazzjoni bejn l-atturi privati u dawk pubbliċi biex jitgawdew il-benefiċċji massimi mill-użu tal-ICTs biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija.

Il-konsultazzjoni pubblika li se titnieda sejra tipprovdi l-opportunità għall-Kummissjoni u għall-partijiet involuti kollha biex jaċċertaw fehim komuni tal-kwistjonijiet involuti u tal-mod li għandhom jiġu indirizzati.

Jeħtieġ impenn f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex isir progress reali. Hija għalhekk responsabbiltà tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew u ta' dawk li jfasslu l-politika f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jikkonfermaw l-impenn sħiħ tagħhom għal-linji ta' azzjoni mħabbra f'din il-Komunikazzjoni.

[1] Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Konklużjonijiet tal-Presidenza 7224/1/07, tal-4 ta' Mejju 2007.

[2] Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Konklużjonijiet tal-Presidenza 17271/08, tat-12 ta' Marzu 2008.

[3] COM(2006) 545 COM(2008) 30.

[4] Il-Konferenza tal-OECD , f'Kopenħagen, f'Mejju 2009.

[5] COM(2008) 772.

[6] COM(2008)241 – Din il-komunikazzjoni tqis l-opinjonijiet li ntbagħtu mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mill-Kumitat tar-Reġjun il-Kumitat tar-Reġjuni u mir-Reżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

[7] .

.

[8] Kompjuters mingħajr ħarddisk; jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq servers ċentrali għal attivitajiet ta' pproċessar ta' dejta.

[9] Ir-Rapport dwar il-Metodoloġija għall-Istima tal-Iffrankar tal-Enerġija, ESMA, f'Marzu 2008.

[10] F'dan il-kuntest, is-sistema tikkonsisti f'bosta entitajiet li jikkonsmaw l-enerġija; eżempju ċ-ċentri ta' dejta, il-bini , il-fabbriki, u l-ibliet.

[11] Ir-riżultati tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar it-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni li Jippermettu l-Effiċjenza tal-Enerġija. Ir-rapport tal-grupp konsultattiv Ad Hoc dwar l-ICT għal Effiċjenza tal-Enerġija.

[12] Ir-rapport Smart 2020.

[13] L-istudju Bio Intelligence.

[14] Ir-rapport Smart 2020.

[15] Id-differenzi fid-dejta ppreżentata fl-istudju Bio-Intelligence u fir-rapport Smart 2020 juru dan.

[16] Ara eżempju Is-sitt nuqqasijiet ta' 'greenwashing': www.terrachoice.com/files/6_ sins .pdf.

[17] Van Ark: EU KLEMS Kontijiet tat-Tkabbir u l-Produttività, 2007.

[18] L-istudju Bio Intelligence.

[19] Direttiva 2005/32/KE

[20] Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-15 ta' Jannar 2008

[21] Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000, ĠU L 237, 20.9.2000, p. 1-8.

[22] COM(2008) 397.

[23] Id-Direttiva 2002/95/KE u d-Direttiva 2002/96/KE

[24] COM(2008) 780.

[25] COM(2008) 800.

[26] Direttiva 2002/91/KE; www.buildingsplatform.org.

[27] COM(2007) 607.

[28] COM(2008) 886.

[29] COM(2007) 607.

[30] Din hija waħda mill-kwistjonijiet li qed tiġi diskussa attwalment fil-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija.

[31] Ir-Rapport dwar il-Metodoloġija għall-Istima tal-Iffrankar tal-Enerġija, ESMA, f'Marzu 2008.

[32] Il-mandat ta' standardizzazzjoni lis-CEN, isCENELEC u l-ETSI fil-qasam ta' strumenti ta' kejl għall-iżvilupp ta' struttura miftuħa għall-miters ta' utilità li jinvolvi protokolli ta' komunikazzjoni li jippermettu l-interoperabbiltà.

[33] ec.europa.eu/energy/sustainable/ covenant _ mayors _en.htm; CIP Proġett Nru: 225024 ICT21EE.

[34] Il-finanzjament totali allokat għal dawn l-inizzjattivi jammonta għal aktar minn 400 M€.

[35] Eurostat 2007.

[36] CdR 254/2008 finali

[37] http://ec.europa.eu/eit.

[38] COM(2009) 36.

[39] Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, it-8/9 ta’ Marzu 2007 (7224/1/07).

[40] COM(2008) 772.

Top