EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0082

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem {SEC(2009)202} {SEC(2009)203}

/* KUMM/2009/0082 finali */

52009DC0082




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel, 23.2.2009

KUMM(2009) 82 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem {SEC(2009)202}{SEC(2009)203}

WERREJ

1. Daħla 3

2. Il-ħtieġa ta’ approċċ Komunitarju għall-prevenzjoni tad-diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem 4

3. Elementi importanti ta’ approċċ komunitarju dwar il-prevenzjoni 4

3.1. It-tfassil tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-politiki dwar il-prevenzjoni tad-diżastri msejsa fuq l-għarfien fil-livelli kollha tal-gvern; 4

3.1.1. It-tfassil ta’ inventarju ta’ tagħrif dwar id-diżastri 4

3.1.2. It-tixrid tal-aħjar prattiki 5

3.1.3. L-iżvilupp ta’ linji gwida dwar l-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji 5

3.1.4. It-tħeġġiġ għall-attivitajiet ta’ riċerka 6

3.2. Noħolqu rabta bejn l-atturi u l-politiki tul iċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri 6

3.2.1. Nestendu l-eżerċizzji dwar il-lezzjonijiet li ttieħdu sabiex naraw kif nistgħu ntejbu l-prevenzjoni tad-diżastri. 6

3.2.2. Inħarrġu u nqajmu kuxjenza fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri 6

3.2.3. Intejbu r-rabta bejn l-atturi 6

3.2.4. Ir-rinfurzar tal-mezzi ta’ twissija bikrija 7

3.3. It-titijib fil-prestazzjoni tal-istrumenti li diġà jeżistu għall-prevenzjoni tad-diżastri 7

3.3.1. L-immirar iktar effiċjenti tal-finanzjament tal-Komunità 8

3.3.2. Nikkunsidraw il-prevenzjoni tad-diżastri fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti 8

4. Nirrinfurzaw il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni 9

5. Għeluq u t-triq 'il quddiem 9

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

DAħLA

Bejn l-1990 u l-2007 l-Unjoni Ewropea rat żieda sostanzjali fl-għadd u fil-qawwa tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, b’mod partikolari żieda sinifikanti f'tal-ewwel. Hekk kif it-tibdil fil-klima iżid il-frekwenza u d-daqs tal-avvenimenti meteoroloġiċi estremi, bħalma huma l-mewġiet tas-sħana, il-maltempati u x-xita qliel, huma mistennija jiżdiedu l-għadd ta’ mwiet tal-bnedmin, it-tkissir tal-infrastruttura ekonomika u soċjali u d-degradazzjoni tal-ekosistemi diġà dgħajfin[1].

L-analiżi mwettqa min-NU u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn uriet li l-vulnerabbiltà qiegħda dejjem tikber minħabba diżastri, sa ċertu punt b’konsegwenza tal-użu intensiv tal-art li dejjem qiegħed jiżdied, l-iżvilupp industrijali, l-espansjoni urbana u l-bini tal-infrastruttura[2].

Il-Komunità diġà żviluppat ġabra ta’ strumenti li jindirizzaw aspetti varji tat-tħejjija, tar-rispons u tal-irkupru f’każ ta’ diżastru. Hemm ukoll għadd ta’ inizjattivi settorjali li jkopru l-għargħar[3], id-diżastri teknoloġiċi[4], u t-tixrid aċċidentali taż-żejt[5] li għandhom x’jaqsmu mal-elementi tal-prevenzjoni tad-diżastri. Madankollu, ma hemmx approċċ strateġiku, fuq livell ta' Komunità, għall-prevenzjoni tad-diżastri.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tidentifika miżuri li jistgħu jkunu inklużi fi strateġija Komunitarja għall-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, billi tkompli mal-miżuri li diġà jeżistu u tgħaqqadhom. Il-prevenzjoni tikkonsisti (i) fejn possibbli l-prevenzjoni tad-diżastri milli jseħħu, u (ii) fejn ma jkunux jistgħu jiġu evitati t-teħid ta' passi li jnaqqsu l-impatti tagħhom kemm jista’ jkun.

Din il-Komunikazzjoni timxi fuq l-impenn li diġà sar mill-Kummissjoni li tiżviluppa proposti dwar il-prevenzjoni tad-diżastri[6] u li tirrispondi għas-sejħiet tal-Parlament Ewropew[7] u tal-Kunsill[8] sabiex ikun hemm iktar azzjoni fuq livell ta’ Komunità li tipprevjeni d-diżastri u tnaqqas l-impatti tagħhom. Tikkontribwixxi fl-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Azzjoni ta’ Hyogo 2005-2015[9] u tagħmel parti minn pakkett li fih dimensjoni esterna u interna[10]. Ma tkoprix emerġenzi kumplessi li għandhom x’jaqsmu ma' kunflitti jew atti tat-terroriżmu.

IL-ħTIEġA TA’ APPROċċ KOMUNITARJU GħALL-PREVENZJONI TAD-DIżASTRI NATURALI JEW DAWK IKKAWżATI MILL-BNIEDEM

Jeżistu għadd ta’ raġunijiet li minħabba fihom jeħtieġ li titqies il-prevenzjoni tad-diżastri fuq il-livell Ewropew. Ovvjament, id-diżastri ma jirrispettawx il-limiti nazzjonali u jista’ jkollhom dimensjoni transnazzjonali (kif ġara fil-każ tal-għargħar tal-2002, u n-nirien fil-foresti tal-2007). Id-diżastri jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-politiki Komunitarji li diġà jeżistu bħall-agrikoltura u l-infrastruttura. L-impatti ekonomiċi tad-diżastri[11] jistgħu jolqtu b'mod negattiv it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tar-reġjuni tal-UE (u allura l-UE b’mod ġenerali). Fl-aħħar, ħafna drabi l-finanzjament tal-Komunità jkun meħtieġ sabiex ikunu trattati l-konsegwenzi tad-diżastri.

L-Istati Membri diġà adottaw politiki, bi gradi differenti, immirati lejn il-prevenzjoni tad-diżastri. L-azzjoni fil-livell ta’ Komunità għandha tikkumplimenta l-azzjonijiet nazzjonali u għandha tiffoka fuq oqsma fejn l-approċċ komuni huwa iktar effettiv meta nmqabbel ma’ approċċi nazzjonali separati. B’mod partikolari, l-UE se tfittex li tnaqqas l-impatt tad-diżastri fl-UE permezz ta’:

- l-iżvilupp tal-politiki għall-prevenzjoni tad-diżastri msejsa fuq l-għarfien fil-livelli kollha tal-gvern;

- ir-rabta bejn l-atturi relevanti u l-politiki tul iċ-ċiklu kollu tal-ġestjoni tad-diżastri;

- it-titjib fl-effikaċja tal-istrumenti tal-politika li diġà jeżistu fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diżastri.

L-approċċ Komunitarju għall-prevenzjoni tad-diżastri għandu jfittex b’mod espliċitu li jkompli jaħdem fuq miżuri li diġà ttieħdu fil-livell Ewropew – kemm il-leġiżlazzjoni settorjali kif ukoll il-possibbiltà li jintużaw il-fondi Komunitarji għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni[12].

ELEMENTI IMPORTANTI TA’ APPROċċ KOMUNITARJU DWAR IL-PREVENZJONI

It-tfassil tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-politiki dwar il-prevenzjoni tad-diżastri msejsa fuq l-għarfien fil-livelli kollha tal-gvern;

Huwa prerekwiżit li jkun hemm ftehim aħjar tad-diżastri sabiex ikunu żviluppati politiki iktar effiċjenti għall-prevenzjoni tad-diżastri.

It-tfassil ta’ inventarju ta’ tagħrif dwar id-diżastri

Id-dejta disponibbli dwar id-diżastri hija limitata għalissa u hija mxekkla minn nuqqas ta’ komparabbiltà: bosta kriterji huma wżati, bħalma huma l-għadd ta’ vittmi, l-ammont ta’ ħsara, l-għadd ta’ avvenimenti li jseħħu f’perjodu partikolari. Id-dejta dwar l-impatti fiżiċi u ekonomiċi tad-diżastri tibqa’ mill-iktar indikattiva.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa inventarju komprensiv tal-għejun ta’ informazzjoni li jeżistu f’dak li għandhom x’jaqsmu d-diżastri. Dan jagħmel possibbli l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ komparabbiltà kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ tagħrif. Jipprovdi wkoll is-sisien biex issir valutazzjoni tal-aħjar mod ta’ kif it-tagħrif għandu jitqassam fl-UE.

It-tagħrif dwar l-impatti ekonomiċi tad-diżastri huwa importanti b’mod partikolari minħabba li jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika sabiex jagħmlu valutazzjoni kif xieraq tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri differenti għall-prevenzjoni tad-diżastri. Il-Kummissjoni se twaqqaf grupp ta’ partijiet interessati sabiex jirrevedu t-tagħrif li diġà jeżisti. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għal kwalunkwe nuqqasijiet ta’ tagħrif identifikati.

It-tixrid tal-aħjar prattiki

Il-Kummissjoni se twaqqaf inventarju tal-aħjar prattiki u se tiffaċilita l-iskambju tat-tagħrif bejn il-partijiet interessati. Se jitwettqu studji u proġetti ta’ kooperazzjoni li jinvolvu lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati l-oħra.

L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni li diġà teżisti se tintuża sabiex issir valutazzjoni dwar jekk l-approċċi li qegħdin jiġu applikati bħalissa fis-setturi speċifiċi jistgħux jintużaw iktar b’mod miftuħ. Ngħidu aħna, id-Direttiva dwar l-Għargħar tinkludi l-identifikazzjoni tal-proċeduri tal-perikli u l-ġestjoni tar-riskju filwaqt li d-Direttiva ta’ Seveso tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar għall-użu tal-art, rapporti dwar is-sikurezza u pjanijiet ta’ emerġenza. Jista’ jkun li dawn it-tekniki jkunu utli sabiex jipprevjenu diżastri oħra.

L-iżvilupp ta’ linji gwida dwar l-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji

L-identifikazzjoni tal-perikli issir bil-għan li jiġu indentifikati l-oqsma li għandhom tendenza ta’ riskji partikolari. Tipprovdi tagħrif essenzjali lill-pubbliku u hija mezz importanti għall-awtoritajiet tal-ippjanar.

L-Istati Membri huma fil-proċess li jiżviluppaw għadd ta’ inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mal-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji. Id-diversità tal-approċċi metodoloġiċi naqqset il-komparabbiltà tat-tagħrif u tagħmilha iktar diffiċli għat-tagħrif biex ikun ikkonsolidat fil-livell Ewropew. Minħabba f’hekk ma hemmx stampa globali tar-riskji li qiegħda tiffaċċja l-UE. Dawk li jfasslu l-politika u n-negozji (eż. dawk li jiżviluppaw l-infrastruttura, is-settur tal-assikurazzjoni) se jibbenefikaw minn komparabbiltà aħjar tat-tagħrif dwar il-perikli/riskji madwar l-UE.

Il-Kummissjoni se twettaq studju dwar il-prattiki li qegħdin jintużaw bħalissa għall-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji fl-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, se jkunu żviluppati linji gwida tal-Komunità dwar l-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji, li jimxu fuq l-inizjattivi Komunitarji li diġà jeżistu[13]. Dawn għandhom jiffokaw fuq diżastri li jħallu impatti potenzjali bejn il-fruntieri (eż. għargħar jew tixrid ta’ kimiki u aġenti radjunukleari), avvenimenti eċċezzjonali (tempesti kbar), diżastri ta’ skala kbira (terremoti), u diżastri li għalihom l-ispiża tal-miżuri ta’ rkupru tifher li ma hijiex proporzjonata meta tkun imqabbla mal-ispiża tal-miżuri preventivi. Il-possibbiltà li tkun żviluppata inizjattiva speċifika dwar in-nirien fil-foresti se tkun eżaminata bir-reqqa wkoll.

It-tħeġġiġ għall-attivitajiet ta’ riċerka

Bosta temi fl-ambitu tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u t-Teknoloġija (2007-2013)[14] jindirizzaw perikli naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem. Matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm il-Kummissjoni ser:

- Ittejjeb il-koordinazzjoni tar-riċerka ffinanzjata mill-Komunità f’dan il-qasam, b’mod partikolari fir-rigward ta’ temi ta’ prijorità għolja, bħalma huma dawk iġġenerati minħabba l-bidla fil-klima;

- Tinvesti fir-riċerka dwar l-iżvilupp tas-sistemi ta’ twissija bikrija u l-interoperabbiltà tat-tagħrif u s-sistemi ta’ monitoraġġ;

- Tkompli l-attivitajiet ta’ riċerka taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka li huma marbuta maċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri;

- Tagħmel ir-riżultati li joħorġu mir-riċerka b’mod li jkunu disponibbli iktar faċli u sistematiku għall-atturi fil-qasam tal-prevenzjoni u tiżviluppa dejtabejż għall-esperti li għandhom għarfien speċjalizzat.

Noħolqu rabta bejn l-atturi u l-politiki tul iċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri

Firxa ta’ politiki Komunitarji u dawk nazzjonali jistgħu jitmexxew b’tali mod li jappoġġjaw iċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri – il-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-rispons, l-irkupru. Dan jeħtieġ li tinħoloq rabta bejn l-atturi involuti fil-miżuri tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni li jista’ jkollhom impatti sinifikanti fuq il-prevenzjoni tad-diżastri. Il-Kummissjoni se taħdem sabiex tadotta l-aqwa prattika madwar l-UE.

Nestendu l-eżerċizzji dwar il-lezzjonijiet li ttieħdu sabiex naraw kif nistgħu ntejbu l-prevenzjoni tad-diżastri.

Il-Kummissjoni waqqfet programm ta’ “lezzjoniijet li ttieħdu” mill-interventi li saru fil-qafas tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-protezzjoni ċivili. Qiegħda tintuża evalwazzjoni tar-reazzjoni diretta kkkawżata mid-diżastri sabiex ikun identifikat titjib potenzjali. Il-Kummissjoni se testendi l-programm tal-lezzjonijiet li ttieħdu sabiex teżamina kif tista’ ttejjeb b’mod potenzjali l-prevenzjoni tad-diżastri.

Inħarrġu u nqajmu kuxjenza fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri

Il-Kummissjoni qiegħda tħejji proposti sabiex ittejjeb il-livell Komunitarju fit-taħriġ dwar il-ġestjoni tad-diżastri. Il-Kummissjoni se tintegra l-prevenzjoni f’dawn il-proposti u tiżviluppa l-korsijiet speċifiċi dwar il-prevenzjoni fil-programm ta’ taħriġ għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità.

Il-fatt li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali jista’ jwassal għall-prevenzjoni tad-diżastri - ngħidu aħna, iċ-ċittandini għandhom ikunu konxji ta' x'għandhom jagħmlu f'każ li jkun hemm terremot. Il-Kummissjoni se tuża s-sejħiet li għadhom se joħorġu għall-proġetti ta' kooperazzjoni fl-ambitu tal-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili sabiex tinkludi l-possibbiltà li tiffinanzja proġetti li jqajmu kuxjenza u li jedukaw, bħal ngħidu aħna l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u t-tħejjija tas-sillabu tal-iskola.

Intejbu r-rabta bejn l-atturi

L-esperjenza f’xi Stati Membri turi li hemm bżonn jitwaqqfu mekkaniżmi kkoordinati għall-ġestjoni tal-kriżi, li tinvolvi partijiet interessati differenti kemm pubbliċi u kemm privati.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn l-inizjattivi. Dan għandu jkopri (i) il-ħolqien ta' rabta bejn l-atturi involuti fil-prevenzjoni tad-diżastri, eż. l-esperti fl-ippjanar tal-art jeħtieġu jikkomunikaw ma' aġenziji responsabbli għall-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji, u (ii) il-ħolqien tar-rabta bejn l-atturi attivi f’fażijiet differenti tal-ġestjoni tad-diżastri, eż. il-proġetti għall-irkupru tal-foresti għandhom jiffaċilitaw l-intervent tas-servizzi tal-emerġenza.

Netwerk Ewropew magħmul minn rappreżentanti ta’ diversi dipartimenti nazzjonali kkonċernati fl-Istati Membri kollha għandu jipprovdi forum utli li jelabora r-rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li toħloq netwerk li jinkludi dipartimenti li huma inkarigati mill-ippjanar tal-art, l-identifikazzjoni tar-riskji u l-perikli, il-ħarsien tal-ambjent, u t-tħejjija f’każijiet ta’ emerġenza u l-organizzazzjoni tal-għajnuna. Iċ-ċirkolazzjoni tat-tagħrif fin-netwerk se tkun iffaċilitata permezz ta’ għodda onlajn.

In-netwerk se jintuża sabiex jifforma gruppi ta’ ħidma sabiex jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet dwar miżuri li jikkoordinaw il-politika li għandhom jittieħdu fil-livell Komunitarju, nazzjonali jew sub-nazzjonali. L-ewwel prijoritajiet tan-netwerk se jikkonċernaw:

- L-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki sabiex tinħoloq rabta bejn l-atturi relevanti u l-politiki matul iċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri;

- Li tinħoloq rabta bejn l-atturi relevanti u l-politiki li għandhom ikunu nvoluti fil-prevenzjoni ta' nirien fil-foresti u l-boskijiet fl-UE.

Ir-rinfurzar tal-mezzi ta’ twissija bikrija

Kemm iċ-ċittadini u kemm dawk li jfasslu l-politika huma kapaċi jnaqqsu d-diżastri jiddependi, sa ċertu punt, mill-aċċess għall-mezzi affidabbli ta' twissija bikrija. Il-Kummissjoni se tirrinforza r-rabta bejn is-sistemi ta’ twissija bikrija billi:

- Tissaħħaħ kooperazzjoni man-netwerk tas-servizzi meteoroloġiċi Ewropej sabiex ikunu integrati l-allerti dwar l-għargħar f’qasir żmien (inkluż l-għargħar kostali) fis-sistemi ta’ twissija bikrija;

- Jitnaqqas id-dewmien mis-sistemi ta' twissija bikrija li diġà jeżistu milli jibagħtu allert;

- Tinħoloq rabta bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea għan-Nirien fil-Foresti fis-Sistema Globali tat-Twissija u l-Koordinament għad-Diżastri (GDACS);

- Titkompla l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran li għandhom il-ħsieb li jtejbu l-aċċess tas-sistemi ta' twissija bikrija li diġà jeżistu sabiex dawn iwasslu l-informazzjoni fil-ħin reali;

- Jiżdied l-għarfien fost iċ-ċittadini dwar in-Numru Ewropew tal-Emerġenza 112, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri.

It-titijib fil-prestazzjoni tal-istrumenti li diġà jeżistu għall-prevenzjoni tad-diżastri

Bosta strumenti finanzjarji u leġiżlattivi Komuntarji jappoġġjaw l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-kwistjonijiet dwar il-prevenzjoni jitqiesu b'mod iktar konsistenti u effiċjenti fil-politiki u l-programmi (bħal fil-politika komuni dwar l-agrikoltura jew dwar l-iżvilupp rurali).

L-immirar iktar effiċjenti tal-finanzjament tal-Komunità

Il-prevenzjoni tad-diżastri għandha tidher bħala investiment sod minħabba li l-ispejjeż tal-miżuri preventivi huma normalment ħafna inqas mill-ispejjeż għar-rimedju. Sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-finanzjament tal-Komunità għall-prevenzjoni tad-diżastri, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ser:

- Tistabbilixxi, fl-2009, inventarju tal-istrumenti Komunitarji eżistenti li huma lesti jappoġġjaw l-attivitajiet ta' prevenzjoni tad-diżastri. L-għan se jkun li jiġi vvalutat id-digriet tal-użu ta' dawn l-istrumenti, kif ukoll li jkunu identifikati kwalunkwe nuqqasijiet fil-kopertura tagħhom;

- Tiżviluppa katalgu tal-miżuri ta’ prevenzjoni li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-UE (per eżempju, tinkludi miżuri li jintegraw l-azzjoni ta’ prevenzjoni fir-riforestazzjoni/proġetti ta' afforestazzjoni).

Fuq din il-bażi, l-Istati Membri se jkunu mistiedna jivvalutaw il-possibbiltà li tkun imtejba l-integrazzjoni tal-prevenzjoni tad-diżastri fl-ipprogrammar operattiv nazzjonali tal-finanzjament tal-UE. Meta dawn il-ħtiġijiet huma identifikati, il-Kummissjoni tappoġġja l-fatt li dawn il-programmi operattiv nazzjonali għandhom jittejbu.

Iċ-ċikli ta’ eżaminazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE u d-definizzjoni tal-perspettivi ta' finanzjament li ġejjin se jipprovdu opportunitajiet oħra sabiex titqies iktar l-integrazzjoni tal-prevenzjoni tar-riskju fil-finanzjament tal-UE.

Nikkunsidraw il-prevenzjoni tad-diżastri fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti

L-aspetti tal-prevenzjoni għandhom jitqiesu waqt ir-reviżjonijiet ta' għadd ta' punti tal-leġiżlazzjoni tal-UE li huma ppjanati. Dawn jinkludu:

- Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE[15] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (id-Direttiva EIA) kif emendata mid-Direttivi 97/11/KE[16] u 2003/35/KE[17]. Din tista' potenzjalment teżamina jekk il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġetti individwali tindirizzax sew l-effetti diretti u indiretti tal-prevenzjoni tar-riskju tad-diżastri.

- Id-Direttiva Seveso 1996/82/KE li tipprovdi rabtiet importanti bejn l-użu tal-art u l-ippjanar spazjali.

Il-Kummissjoni se taħdem ukoll sabiex jitnaqqsu l-impatti tat-terremoti billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw għal kollox il-kodiċijiet komuni Ewropej għall-iddisinnjar tal-bini u x-xogħlijiet ċivili (b’mod partikolari “il-kodiċi Euro”), fir-regolamenti nazzjonali tal-ippjanar. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu użu sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mid-direttivi dwar l-akkwist pubbliku[18].

NIRRINFURZAW IL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI FIL-QASAM TAL-PREVENZJONI

Il-Kummissjoni se tenfasizza fuq il-prevenzjoni tad-diżastri fl-inizjattivi ta' kooperazzjoni li ġejjin mal-pajjiżi terzi , b'mod partikolari:

- Mal-Pajjiżi Kandidati u l-Pajjiżi Kandidati li għandhom potenzjal permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-, jew f'assoċjazzjoni mal-Mekkaniżmu Komunitarju u l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri;

- Fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)[19], billi ssaħħaħ il-kapitlu dwar il-prevenzjoni tad-diżastri fil-ftehimiet eżistenti;

- Mill-programm ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons għal diżastri naturali jew li huma kkawżati mill-bniedem (PPRD)[20] fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja;

- Mas-sħab tal-PEV fil-Lvant dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

Il-Kummissjoni se tikkoordina l-Istrateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (UN-ISDR) u tiżgura relazzjonijiet mill-viċin mal-Istrateġija tal-UE għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri fil-pajjiżi żviluppati.

GħELUQ U T-TRIQ 'IL QUDDIEM

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi approċċ ġenerali Ewropew dwar il-prevenzjoni tad-diżastri. Tidentifika oqsma għall-azzjoni u tiddefinixxi miżuri speċifiċi sabiex tqanqal il-prevenzjoni tad-diżastri fi żmien qasir. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri se tqis l-azzjonijiet li diġà ttieħdu mill-Komunità, u b'hekk toħloq kundizzjonijiet neċessarji sabiex dawn tal-aħħar jinġiebu flimkien taħt qafas Komunitarju konsistenti u effettiv.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni huma mistiedna jagħtu iktar kontribut lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi kkonsolidata l-istrateġija Komunitarja għall-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

Il-Kummissjoni se tipproċedi b’iktar konsultazzjonijiet u se tingħaqad mal-partijiet interessati mis-settur pubbliku u privat sabiex tippromwovi dan l-approċċ u jekk xieraq tipproponi li jkun żviluppat iktar. [pic]

[1] irrappurtat fid-dejtabejż tal-CRED (Iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Epidemjoloġija tad-Diżastri)

[2] ISDR, “Global Trends Report” (Ir-Rapport dwar ix-Xejriet Globali) tal-2007

[3] Id-Direttiva 2007/60/KE dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi, id-Direttiva Seveso

[5] Per eżempju, ir-Regolament 1726/2003 li ma jippermettix tankers taż-żejt b' buq wieħed mill-portijiet Ewropej u r-Regolament 2038/2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti

[6] COM(2008) 130

[7] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar it-Titjib tal-kapaċità ta’ l-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri; Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti

[8] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2008

[9] Adottat fil-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis tad-Diżastri

[10] L-Istrateġija tal-UE li tappoġġja t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi żviluppati (COM(2009) 84).

[11] Huwa stmat li l-impatt ekonomiku tad-diżastri fl-Ewropa huwa ta’ €15-il biljun ifis-sena. (ABI (2005) u Munich Re (2008))

[12] Dawn jinkludu l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili, Life+, il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT u l-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka. Barra minn hekk, €5.8 biljun huma allokati direttament għall-miżuri “ta' prevenzjoni għar-riskju” taħt il-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013.

[13] bħalma hija l-inizjattiva dwar il-GMES (il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sikurezza)

[14] L-ambjent, l-infrastrutturi, l-ispazju/Copernicus, is-sikurezza, u t-teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.

[15] ĠU L 175, 5.7.1985

[16] ĠU L 73, 14.3.1997

[17] ĠU L 156, 25.6.2003

[18] Id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠU L134, 30.4.2004) jipprovdu li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu formulati skont ir-regoli rtekniċi mandatorji nazzjonali li huma konformi mal-liġi Komunitarja applikabbli jew permezzz ta’ referenza għall-istandards nazzjonali li jitrasponu l-istandards Ewropej.

[19] COM(2004) 373

[20] Il-Proċess ta’ Barċellona: Konferenza Ministerjali dwar l-Unjoni tal-Mediterran – Dikjarazzjoni Finali, Marsilja 4 ta’ Novembru 2008

Top