This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AR0200
Opinion of the Committee of the Regions on Combating the sexual abuse, sexual exploitation of children and child pornography and Combating trafficking in human beings, and protecting victims
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi
ĠU C 141, 29.5.2010, p. 50–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 141/50 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi
2010/C 141/10
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jaqbel mal-fehma li l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal, fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin ma’ forom oħrajn ta’ sfruttament bħal dak tat-tallaba, l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) jew it-tneħħija tal-organi, huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod speċjali tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tat-tfal, u jeħtieġ li jkun hemm approċċ konġunt li ma jafx kompromessi min-naħa tal-UE; |
— |
huwa konxju li immaġnijiet pornografiċi tal-abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament sesswali tat-tfal, qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għadhom ma ttiħdux miżuri rapidi u effettivi biżżejjed b’risposta għal dan. Għaldaqstant jeħtieġ rispons xieraq fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet għal persunal rilevanti tal-aġenzija fil-livell lokali u reġjonali, sabiex dawn l-attivitajiet jiġu identifikati u evitati; |
— |
jaqbel li l-pieni għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati mal-gravità tar-reat, anke bil-għan li l-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jkunu iktar effettivi, u jitjiebu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali; |
— |
jappoġġja l-fehma li reati kriminali serji bħall-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament marbuta mat-traffikar, jesiġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi, il-ħarsien tat-tfal vittmi, u l-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan il-fenomenu, inklużi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi; |
— |
ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hija kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali; għalhekk huwa importanti ħafna li l-aġenziji lokali jkunu fuq quddiem f’din il-ġlieda. L-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li taħdem bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-NGOs. |
Relatur |
: |
Is-Sur Ján Oravec (SK/PPE), Sindku ta’ Štúrovo |
Dokumenti ta’ referenza
Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal li tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/JHA
COM(2009) 135 finali
Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA
COM(2009) 136 finali
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jaqbel mal-fehma li l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal, fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin ma’ forom oħrajn ta’ sfruttament bħal dak tat-tallaba, l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) jew it-tneħħija tal-organi, huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod speċjali tad-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u tad-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989), u jeħtieġ li jkun hemm approċċ konġunt li ma jafx kompromessi min-naħa tal-UE; |
2. |
jisħaq li peress li l-livelli lokali u reġjonali huma l-eqreb għaċ-ċittadini jistgħu jkunu l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-vittmi tal-abbuż sesswali. Allokazzjoni mtejba tar-riżorsi tikkontribwixxi lejn parteċipazzjoni aktar komprensiva fil-politika, flimkien ma’ strateġiji li jiġġieldu dan il-fenomenu; |
3. |
huwa konxju li immaġnijiet pornografiċi tal-abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament sesswali tat-tfal, qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għadhom ma ttiħdux miżuri rapidi u effettivi biżżejjed bħala rispons għal dan. Għaldaqstant jeħtieġ rispons xieraq fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet għal persunal rilevanti tal-aġenzija fil-livell lokali u reġjonali, sabiex dawn l-attivitajiet jiġu identifikati u evitati; |
4. |
id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal, li għandhom dimensjoni transkonfinali mdaqqsa, tqarreb il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġu kkriminalizzati l-forom l-iktar serji ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal u biex tiġi estiża l-ġuriżdizzjoni lokali u jingħata livell minimu ta’ għajnuna għall-vittmi – wara, kif ukoll qabel, ma tgħaddi s-sentenza; |
5. |
huwa tal-fehma li l-Protokoll mhux obbligatorju tan-NU tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, u b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tat-Tfal mill-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali huma passi kruċjali fil-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħu miżuri iktar attivi biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa; |
6. |
jappoġġja l-fehma li reati kriminali serji bħall-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament marbuta mat-traffikar, jesiġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi, il-ħarsien tat-tfal vittmi, u l-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan il-fenomenu, inklużi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi. Kwalunkwe miżura sabiex jiġu miġġielda dawn ir-reati għandha ssir fl-aħjar interess u b’rispett tad-drittijiet tat-tfal. Id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA trid tiġi sostitwita minn strument ġdid li jipprovdi qafas legali komprensiv sabiex jintlaħaq dan il-għan u jipproteġi lit-tfal fl-Istati Membri kollha minn kriminali mill-Istati Membri kollha; |
7. |
jappoġġja l-fehma li forom serji ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal għandhom ikunu soġġetti għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jinkludu, b’mod partikulari, forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali li jiġu faċilitati mill-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Id-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal trid tiġi kkjarifikata wkoll biex titqarreb lejn dik li tinstab fl-istrumenti internazzjonali. Ir-regoli ta’ proċedura jridu jiġu armonizzati wkoll sabiex jiġi żgurat li l-kriminali jiġu ttrattati l-istess, u fuq kollox, jiġi evitat dewmien mhux neċessarju li jista’ jdgħajjef id-dimensjoni ta’ riabilitazzjoni tas-sentenza; |
8. |
għandhom jiġu faċilitati l-investigar tar-reati u t-tressiq ta’ proċeduri kriminali, u għandha titqies id-diffikultà li jiffaċċjaw it-tfal vittmi biex jirrappurtaw abbuż, barra mill-anonimità tal-persuni ħatja fl-ispazju ċibernetiku. Għandu jiġi stabbilit mandat ċar għall-investigar, bil-materjal u l-ġurisdizzjoni territorjali ddefiniti b’mod ċar; |
9. |
huwa tal-fehma li biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv f’din il-ġlieda, il-pulizija muniċipali u komunali, li għandhom fehim sod tal-kuntest lokali u li jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tkixxif ta’ din l-attività kriminali, għandu jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data, għandhom ikunu mħarrġa biex jidentifikaw dan it-tip ta’ attività kriminali u fl-aħħar mill-aħħar għandhom jingħataw poteri adegwati; |
10. |
jaqbel li regoli dwar il-ġurisdizzjoni għandhom jiġu emendati sabiex ikun żgurat li dawk li jabbużaw jew jisfruttaw sesswalment mit-tfal li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea jitressqu quddiem il-qorti anke jekk wettqu r-reati tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari fil-kuntest tal-hekk imsejjaħ turiżmu sesswali. Madankollu, l-UE trid teżerċita wkoll l-influwenza politika u ekonomika tagħha sabiex ikun hemm ambjent legali simili fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE; |
11. |
jaqbel li t-tfal vittmi għandu jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u m’għandhomx ibatu għax jipparteċipaw fi proċeduri kriminali. It-teknoloġiji varji disponibbli għall-ġbir tax-xhieda tal-vittmi għalhekk għandhom jintużaw bħala proċedura normali, b’mod speċjali fil-każ tat-tfal. Dan se jnaqqas il-bżonn ta’ dikjarazzjonijiet ripetuti jew kuntatt dirett bejn il-vittmi u min wettaq ir-reat; |
12. |
jirrikonoxxi li, sabiex tiġi evitata u minimizzata r-reċidività, dawk li jikkommettu dawn ir-reati għandhom dejjem ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ta’ kemm huma perikolużi u tar-riskji possibbli li jirrepetu reati sesswali kontra t-tfal, barra milli għandu jkollhom aċċess għal programmi jew miżuri ta’ intervenzjoni effettivi fuq bażi volontarja, li fihom l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom ikunu involuti b’mod attiv; |
13. |
jipproponi li, fejn il-ħatja huma perikolużi u fejn hemm ir-riskju li dawn iwettqu reati oħra, huma għandhom jitwaqqfu, b’mod temporanju jew permanenti, milli jipparteċipaw f’attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet fl-UE għandha tiġi faċilitata u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fil-proċess; |
14. |
sabiex tiġi miġġielda l-pornografija tat-tfal, speċjalment fejn il-materjal oriġinali ma joriġinax fl-UE, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jwaqqfu l-aċċess, fit-territorju tal-Unjoni, għal paġni tal-internet li huma identifikati bħala paġni li fihom jew li minnhom tixxerred il-pornografija tat-tfal; |
15. |
b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, din id-Deċiżjoni Qafas tillimita lilha nnifisha għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi fil-livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan; |
16. |
jinnota li din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament u l-pieni inumani jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt tal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-ħarsien tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess legali ġust u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità fil-każ ta’ reati kriminali u pieni. B’mod partikulari, din id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiżgura rispett sħiħ lejn dawn id-drittijiet. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandiex l-għan li tirregola l-attivitajiet sesswali konsenswali bejn persuni minorenni; |
17. |
ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hija kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali; għalhekk huwa importanti ħafna li l-aġenziji lokali jkunu fuq quddiem f’din il-ġlieda. L-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li taħdem bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-NGOs; |
18. |
jaqbel li t-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju, li ta’ sikwit jitwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant jappoġġja approċċ olistiku, komuni u bla kompromessi tal-UE, u jikkunsidra li dan huwa wieħed mill-ħidmiet prijoritarji tiegħu; |
19. |
jappoġġja l-impenn tal-Unjoni Ewropew lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni li jiġu ttraffikati. Għal dan il-għan, ġew adottati d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu (2005/C311/01); |
20. |
jilqa’ l-fatt li din id-Deċiżjoni Qafas tadotta approċċ integrat u olistiku għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Prevenzjoni, prosekuzzjoni u ħarsien tad-drittijiet tal-vittmi iktar rigorużi, huma objettivi ewlenin ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Minħabba l-età tagħhom, it-tfal jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ periklu, għax huma iktar vulnerabbli u għalhekk iktar fir-riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-aħjar interessi tat-tfal, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989; |
21. |
huwa konxju li l-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzatau l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, huma passi kruċjali fil-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sabiex jissaħħaħ il-proċess ta’ tqarrib tal-leġiżlazzjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tadotta d-definizzjoni wiesgħa tar-reat inkluża fl-istrumenti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija hawn fuq. Id-definizzjoni tkopri t-tipi differenti ta’ vittma – mhux biss nisa iżda wkoll tfal u anke rġiel, flimkien mal-forom varji ta’ sfruttament – mhux biss sesswali iżda wkoll marbuta max-xogħol, id-drawwa li wieħed jittallab u l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) taż-żgħażagħ, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet tat-tneħħija tal-organi, li jista’ jkollu rabta mat-traffikar tal-organi u jikkostitwixxi ksur serju tad-dinjità tal-bniedem u tal-integrità fiżika; |
22. |
jaqbel li l-pieni għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati mal-gravità tar-reat, anke bil-għan li l-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jkunu iktar effettivi, u jitjiebu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Ċirkustanzi aggravanti għandhom iqisu l-ħtieġa biex jiġu protetti b’mod partikolari vittmi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli inklużi t-tfal vittmi u l-adulti li huma vulnerabbli minħabba ċirkostanzi personali, jew il-konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi tar-reat; fi kwalunkwe każ, tinħtieġ il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha li jaħdmu għall-protezzjoni tal-minorenni u ta’ dawk li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u hemm bżonn ukoll investigazzjoni effiċjenti min-naħa tal-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi u qrati effettivi; |
23. |
jappoġġja l-fehma li l-vittmi għandhom ikunu protetti mill-prosekuzzjoni u minn pieni, wara deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, għal attivitajiet kontra l-liġi li kienu involuti fihom b’konsegwenza diretta tal-fatt li kienu soġġetti għal kwalunkwe mezz illegali li jintuża mit-traffikanti, bħall-ksur tal-liġijiet tal-immigrazzjoni, l-użu ta’ dokumenti foloz jew reati stipulati mil-liġijiet tal-prostituzzjoni. Madankollu, iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu ġġudikati b’mod konsistenti u b’sensittività. Għan addizzjonali ta’ din il-protezzjoni huwa li huma jiġu mħeġġa jkunu xhieda fi proċeduri kriminali; |
24. |
waqt li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-parteċipazzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali (2001/220/JHA) tistabbilixxi sensiela ta’ drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni u l-kumpens, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bl-istess mod jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għalhekk hemm bżonn ta’ miżuri speċfiċi fir-rigward tagħhom. Dawn il-vittmi, li jbatu mill-konsegwenzi tal-attivitajiet kriminali relatati mat-traffikar tal-bnedmin, inkluża t-tneħħija tal-organi, għandhom ikunu protetti mill-intimidazzjoni u minn vittimizzazzjoni sekondarja, jiġifieri aktar vittimizzazzjoni jew trawmi minħabba l-mod kif il-proċedura kriminali titwettaq. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti mezzi speċifiċi sabiex jiġu żgurati protezzjoni u kumpens effettivi; |
25. |
jemmen li l-vittmi għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv. Għalhekk lill-vittmi għandha tingħatalhom għajnuna xierqa – f’xi każijiet obbligatorja b’mod universali – qabel, matul u wara l-proċeduri kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu l-għajnuna lil kull vittma, li għandha twassalhom sal-irkupru u għall-protezzjoni tagħhom; |
26. |
jinsab konvint li t-traffikar tal-bnedmin iġib miegħu ħafna flus u jakkumula ġid kbir għall-kriminali involuti f’din l-attività illegali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-assi kkonfiskati mingħand il-kriminali biex iħallsu għal servizzi terapewtiċi u ta’ integrazzjoni addizzjonali għal dawn it-tfal; |
27. |
waqt li d-Direttiva 2004/81/KE tagħti dispożizzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li huma ta’ nazzjonalità minn pajjiż terz, u d-Direttiva 2004/38/KE tirregola l-eżerċizzju tad-dritt li ċittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom ikunu ħielesa jiċċaqlaqu u jgħixu fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż il-protezzjoni mill-espulsjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixi miżuri protettivi speċifiċi għal kull vittma tat-traffika tal-bnedmin u ma tittrattax il-kundizzjonijiet tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew kwalunkwe kwistjoni oħra li hija kompetenza Komunitarja; |
28. |
huwa tal-fehma li barra minn miżuri disponibbli għall-adulti, kull Stat Membru għandu jiżgura li miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni jkunu disponibbli għat-tfal vittmi; |
29. |
jilqa’ l-inizjattiva li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u/jew isaħħaħ il-politiki għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi miżuri li jiskoraġġixxu d-domanda għal kull tip ta’ sfruttament, permezz tar-riċerka, l-informazzjoni, l-edukazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji tal-mezzi tax-xandir fl-Ewropa kollha li jippromovu definizzjoni olistika tat-traffikar u jiġġieldu l-“vittimizzazzjoni sekondarja”. Fi ħdan dawn l-inizjattivi kull Stat Membru għandu jadotta perspettiva msejsa fuq is-sess tal-persuna kkonċernata u approċċ li jqis sew id-drittijiet tat-tfal; |
30. |
[Id-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- … li tagħti dispożizzjoni għal standards minimi fuq sanzjonijiet kontra dawk li jimpjegaw persuni ta’ minn pajjiżi terzi li huma fil-pajjiż illegalment] tagħti dispożizzjoni għal pieni għal dawk li jimpjegaw persuni minn pajjiż terzi li huma fil-pajjiż illegalment li, minkejja li mhumiex ħatja ta’ traffikar tal-bnedmin, jużaw ix-xogħol jew is-servizzi ta’ persuna meta jkunu jafu li din il-persuna kienet vittma tat-traffikar. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iqisu l-possibilità li jimponu sanzjonijiet fuq dawk li jużaw kwalunkwe servizz li jingħata minn vittma, meta wieħed kien jaf li l-persuna ġiet ittraffikata; |
31. |
jaqbel mal-proposta li permezz tagħha għandhom jiġu stabbiliti sistemi nazzjonali ta’ monitoraġġ bħal Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti li jiġbru d-data u jwettqu evalwazzjonijiet dwar it-tendenzi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, ikejlu r-riżultati tal-politika kontra t-traffikar, u joffru servizz ta’ konsulenza lill-gvernijiet u lill-parlamenti dwar l-iżvilupp ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin; |
32. |
jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati wkoll ir-raġunijiet għalfejn gruppi organizzati jistgħu jittraffikaw il-bnedmin. Dawn ir-raġunijiet huma prinċipalment id-disperazzjoni u s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li ta’ sikwit ma tkunx sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Ħafna vittmi huma litteralment mogħtija lil dawn il-gruppi organizzati bil-prospett ta’ titjib fis-sitwazzjoni tagħhom. Il-gruppi mbagħad jisfruttaw il-vittmi tagħhom bħala ħaddiema illegali, prostituti, tallaba, u għat-teħid ta’ organi tal-ġisem u attivitajiet illegali oħrajn; |
33. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet kriminali u l-orġini tagħhom kif ukoll il-monitoraġġ tal-ambjent kriminali jistgħu jiġu ffaċilitati sew mill-pulizija muniċipali u komunali li għandhom fehim iddettaljat tal-ambjent lokali. Iżda biex dan isir, dawn għandu jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data, għandhom jitħarrġu biex jidentifikaw dan it-tip ta’ attivitajiet kriminali u għandhom jingħataw poteri adegwati; |
34. |
jappoġġja bil-qawwa l-miżuri tal-Unjoni Ewropea biex twaqqaf l-immigrazzjoni illegali, peress li l-immigranti illegali huma vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin; |
35. |
jirrikonoxxi li peress li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk, jista’ jintlaħaq aħjar, minħabba l-iskala u l-effetti, fil-livell tal-Unjoni, l-UE tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv; |
36. |
jinnota li din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol sfurzat u t-traffikar tal-bnedmin, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament u l-pieni inumani jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt tal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-ħarsien tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess legali ġust u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità fil-każ ta’ reati kriminali u pieni; |
37. |
jirrikonoxxi l-fatt li persuni ttraffikati huma invarjabbilment trawmatizzati u stigmatizzati mill-esperjenzi tagħhom u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali bosta drabi jġorru l-piż tar-responsabbiltà għas-servizzi ta’ rijabilitazzjoni u rilokazzjoni. Dan ir-rwol għandu jiġi rikonoxxut u għandhom isiru disponibbli riżorsi adegwati sabiex jgħinu fil-proċess. |
II. RAKKOMANDAZZJONI SABIEX TITRESSAQ EMENDA
Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi, Artikolu 10(4)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Il-vittmi għandhom ikunu mogħtija l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri, fil-qafas tal-proċeduri kriminali, biex ikunu jistgħu jirkupraw u jaħarbu mill-influwenza ta’ min wettaq ir-reat, inkluż billi jkunu pprovduti b’akkomodazzjoni sikura u għajnuna materjali, il-kura medika meħtieġa, inkluż għajnuna psikoloġika, counselling u tagħrif, għajnuna biex tippermetti li d-drittijiet u l-interessi tagħhom ikunu ppreżentati u kkunsidrati fil-proċeduri kriminali u servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta’ min hu l-iktar vulnerabbli. |
Il-vittmi għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta’ min hu l-iktar vulnerabbli. |
Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Luc VAN DEN BRANDE