Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AG0015

    Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 15/2009 adottata mill-Kunsill fis- 16 ta’ Frar 2009 , bi qbil mal-proċedura msemmija f’Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

    ĠU C 103E, 5.5.2009, p. 1–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 103/1


    POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 15/2009

    adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Frar 2009

    bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

    (2009/C 103 E/01)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju attwali għan-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika (Id-Direttiva 2002/21/KE (“id-Direttiva Qafas”) (4), id-Direttiva 2002/19/KE (“id-Direttiva ta’ l-Aċċess”) (5), id-Direttiva 2002/20/KE (“id-Direttiva ta’ l-Awtorizzazzjoni”) (6), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (“id-Direttiva tas-Servizz Universali”) (7), u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (“id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”) (8) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”)) huwa suġġett għal analiżi perjodika mill-Kummissjoni, bil-għan partikolari li jiġi determinat il-bżonn ta’ emendi fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

    (2)

    F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni preżentat ir-riżultati inizjali fil-Komunikazzjoni tad-29 ta’ Ġunju 2006 dwar l-analżi tal-qafas regolatorju ta’ l-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Abbażi ta’ dawn ir-riżultati inizjali, saret konsultazzjoni pubblika, li identifikat in-nuqqas kontinwu ta’ suq intern għall-komunikazzjoni elettronika bħala l-aktar aspett importanti li jeħtieġ li jiġi indirizzat. B’mod partikolari, instab li l-frammentazzjoni regolatorja, u l-inkonsistenzi fost l-attivitajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jipperikolaw mhux biss il-kompetittività tas-settur, iżda wkoll il-benefiċċji sostanzjali li l-konsumatur jieħu mill-kompetizzjoni transkonfinali.

    (3)

    Għaldaqstant, il-qafas regolatorju ta’ l-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għandu jiġi riformat, bil-għan li jiġi kompletat is-suq intern għall-komunikazzzjoni elettronika billi jissaħħaħ il-mekkaniżmu Komunitarju għar-regolamentazzjoni ta’ l-operaturi li għandhom saħħa sinifikanti fi swieq ewlenin. Dan huwa komplimentat mir- Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … [li jistabilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej tat-Telekomunikazzjoni (GRET)]. Ir-riforma tinkludi wkoll d-definizzjoni ta’ strateġija għall-ġestjoni effiċjenti u koordinata ta’ spettru, bil-għan li jinkiseb Spazju Uniku Ewropew ta’ l-Informazzjoni u jissaħħu d-dispożizzjonijiet għal utenti b’diżabbiltà, u b’hekk tinħoloq soċjetà ta’ l-informazzjoni li tkun inklussiva.

    (4)

    L-għan huwa li progressivament jitnaqqsu r-regoli speċifiċi ex-ante tas-settur hekk kif tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq u, finalment, li l-komunikazzjoni elettronika tkun regolata biss mill-liġi dwar il-kompetizzjoni. Meta wieħed iqis li s-swieq għal komunikazzjoni elettronika wrew dinamiċi kompetittivi qawwija fis-snin riċenti, huwa essenzjali li obbligi regolatorji ex-ante għandhom jiġu imposti biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat approċċ proporzjonat u adattat għal kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni varji, awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddefinixxu swieq fuq bażi sub-nazzjonali u ineħħu obbligi regolatorji fi swieq u/jew żoni ġeografiċi fejn hemm kompetizzjoni infrastrutturali effettiva.

    (6)

    Kwistjoni ewlenija fis-snin li ġejjin sabiex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda ta’ Lisbona se tkun li jiġu provduti l-kondizzjonijiet xierqa għal investimenti effiċjenti f’networks ġodda ta’ veloċità qawwija li jappoġġaw innovazzjoni f’servizzi tal-internet b’kontenut rikk u jsaħħu l-kompetittività internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Tali networks għandhom potenzjal enormi biex iwasslu benefiċċji lil konsumaturi u negozji fl-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk vitali li jiġi mkattar investiment sostenibbli fl-iżvilupp ta’ dawn in-networks ġodda, waqt li tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni u mkabbra l-għażla tal-konsumatur permezz ta’ prevedibbiltà u konsistenza regolatorja.

    (7)

    Sabiex jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jilħqu l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva Qafas u fid-Direttivi Speċifiċi, b’mod partikolari dawk relatati mal-interoperabbiltà minn tarf sa tarf, l-ambitu tad-Direttiva Qafas għandu jiġi estiż sabiex ikopri ċerti aspetti tat-tagħmir tar-radju u t-tagħmir terminali tat-telekomunikazzjoni kif definit fid-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (9), kif ukoll it-tagħmir tal-konsumatur użat għat-televiżjoni diġitali, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għall-utenti b’diżabbiltà.

    (8)

    Ċerti definizzjonijiet għandhom ikunu ċċarati jew mibdula biex jittieħed kont tal-iżviluppi fis-suq u dawk teknoloġiċi u sabiex jiġu eliminati l-ambigwitajiet identifikati fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju.

    (9)

    L-indipendenza ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġislattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali taħt il-qafas regolatorju. Għal dak il-għan, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel regoli dwar ir-raġunijiet għat-tkeċċija tal-kap ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, sabiex jitneħħa kull dubju dettat mir-raġuni dwar in-newtralità ta’ dik l-entità u l-kapaċità tagħha li ma tkunx influwenzata minn fatturi esterni. Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jkollhom il-baġit proprju tagħhom, partikolarment sabiex ikunu jistgħu jirreklutaw għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, dan il-baġit għandu jiġi pubblikat kull sena.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal atturi fis-swieq, korpi ta’ appell għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effettiv; b’mod partikolari, proċedimenti ta’ appell m’għandhomx ikunu twal indebitament.

    (11)

    Kien hemm diverġenza wiesgħa fil-mod kif il-korpi ta’ l-appell kienu japplikaw il-miżuri interim biex jissospendu d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sabiex tinkiseb aktar konsistenza fl-istrateġiji, għandhom jiġu applikati standards komuni konformement mal-ġurisprudenza Komunitarja. Il-korpi ta’ appell għandhom ukoll ikunu intitolati jitolbu informazzjoni disponibbli pubblikata mill-GRET. Fid-dawl ta’ l-importanza ta’ l-appelli għall-funzjonament ġenerali tal-qafas regolatorju, għandu jinħoloq mekkaniżmu għall-ġbir ta’ informazzjoni fuq appelli u deċiżjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu sospiżi deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet regolatorji ta’ l-Istati Membri, kif ukoll għar-rappurtar ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

    (12)

    Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu l-kompiti regolatorji tagħhom b’mod effettiv, id-data li jiġbru għandha tinkludi data ta’ kontabbiltà tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut u li jkunu assoċjati ma’ swieq li jfornu fi kwantitajiet kbar għall-bejgħ bl-ingrossa meta operatur wieħed ikollu saħħa sinifikanti fis-suq u għalhekk ikunu regolati mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Id-data għandhatinkludi wkoll data li tippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li tivvaluta l-impatt possibbli mit-titjib jew mill-bidliet li jkunu pjanati fit-topoloġija tan-networks fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jew fuq il-prodotti fi kwantità kbira li jsiru disponibbli għall-partijiet l-oħra.

    (13)

    Il-konsultazzjoni nazzjonali stipulata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas għandha ssir qabel il-konsultazzjoni Komunitarja stipulata fl-Artikolu 7 ta’ l-istess Direttiva, sabiex il-fehmiet tal-partijiet interessati jiġu riflessi fil-konsultazzjoni Komunitarja. B’hekk tiġi evitata wkoll il-ħtieġa għal konsultazzjoni Komunitarja sussegwenti fil-każ ta’ tibdiliet għal miżura ppjanata minħabba l-konsultazzjoni nazzjonali.

    (14)

    Is-setgħat ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġu rrikonċiljati ma’ l-iżvilupp ta’ prattiċi regolatorji konsistenti kif ukoll ma’ l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju, bil-għan li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-iżvilupp u għall-ikkompletar tas-suq intern. Għaldaqstant, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jappoġġaw l-attivitajiet tal-Kummissjoni marbutin mas-suq intern, kif ukoll dawk tal-GRET.

    (15)

    Il-mekkaniżmu Komunitarju li jippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jirtiraw miżuri pjanati rigward id-definizzjoni tas-suq u n-nomina ta’ l-operaturi li jkollhom poter sinifikanti fis-suq ikkontribwixxa b’mod sinifikanti lejn approċċ konsistenti biex jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi applikata regolamentazzjoni ex-ante u dawk li fihom l-operaturi huma suġġetti għal tali regolamentazzjoni. Il-monitoraġġ tas-suq mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari, l-esperjenza tal-proċedura skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas, urew li inkonsistenzi fil-mod kif l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali japplikaw ir-rimedji, anki taħt kundizzjonijiet simili tas-suq, jistgħu jolqtu hażin lis-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika. Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ konsistenza fl-applikazzjoni ta’ rimedji billi tadotta opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri proposti minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sabiex tibbenefika mill-għarfien espert ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-analiżi tas-suq, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-GRET qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet u/jew l-opinjonijiet tagħha.

    (16)

    Huwa importanti li l-qafas regolatorju jiġi implimentat tempestivament. Meta l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni li tirrikjedi lil awtorità regolatorja nazzjonali li tirtira miżura pjanata, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tissottometti miżuri riveduta lill-Kummissjoni. Għandha tiġi stabbilita skadenza għan-notifika tal-miżura riveduta lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas, sabiex tippremetti l-atturi tas-suq ikunu jafu kemm se ddum l-analiżi tas-suq, kif ukoll biex tiżdied iċ-ċertezza legali.

    (17)

    Fid-dawl ta’ l-iskadenzi qosra fil-mekkaniżmu tal-konsultazzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat biex tadotta rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida li jissimplifikaw il-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – pereżempju f’każijiet li jirrigwardaw swieq stabbli, jew li jinvolvu biss emendi minuri għal miżuri li diġà ġew innotifikati. Il-Kummissjoni għandha ukoll tingħata s-setgħa tippermetti eżenzjoni min-notifika sabiex jitħaffu l-proċeduri f’ċerti każijiet.

    (18)

    Konformement mal-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet, il-qafas regolatorju għandu jiżgura li l-utenti kollha, inklużi l-utenti aħħarija b’diżabbiltà, l-anzjani, u l-utenti b’bżonnijiet soċjali speċjali, ikollhom aċċess faċli għal servizzi ta’ kwalità għolja bi prezz raġjonevoli. Id-Dikjarazzjoni 22 annessa ma’ l-Att finali ta’ Amsterdam tipprovdi biex l-istituzzjonijiet tal-Komunità jqisu l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà meta jfasslu l-miżuri taħt l-Artikolu 95 tat-Trattat.

    (19)

    Il-frekwenzi tar-radju għandhom jitqiesu bħala riżors pubbliku skars ta’ valur importanti kemm pubbliku kif ukoll fis-suq. Huwa fl-interess pubbliku li l-ġestjoni ta’ tali spettru tar-radju tkun effiċjenti u effettiva kemm jista’ jkun mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali b’kont meħud tal-għanijiet tad-diversità kulturali u tal-pluraliżmu tal-media u li l-ostakli għall-użu effiċjenti tagħha jitneħħew b’mod progressiv.

    (20)

    Qabel ma tiġi proposta miżura speċifika ta’ armonizzazzjoni taħt id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (10), il-Kummissjoni għandha teżegwixxi valutazzjonijiet dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżura proposta, bħar-realizzazzjoni ta’ l-iskala ta’ l-ekonomiji u l-interoperabbiltà ta’ servizzi għall-benefiċċju tal-konsumatur, l-impatt fuq l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru, jew id-domanda għall-użu armonizzat fil-partijiet differenti tal-Unjoni Ewropea.

    (21)

    Għalkemm il-ġestjoni tal-ispettru tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-koordinazzjoni u, fejn xieraq, l-armonizzazzjoni f’livell Komunitarju jistgħu jgħinu jiżguraw li l-utenti tal-ispettru jiksbu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern u li l-interessi tal-UE jkunu jistgħu jiġu difiżi globalment b’mod effettiv.

    (22)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ispettru ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu konsistenti mal-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali li jittrattaw ma’ ġestjoni tal-ispettru tar-radju, bħall-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) u l-Konferenza Ewropea ta’ Amministrazzjonijiet Postali u ta’ Telekomunikazzjoni (CEPT), sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni u l-armonizzazzjoni effiċjenti tal-użu tal-ispettru madwar il-Komunità u globalment.

    (23)

    Il-frekwenzi tar-radju għandhom ikunu ġestiti b’mod li tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara. Dan il-kunċett bażiku ta’ l-interferenza ta’ ħsara għandu għalhekk ikun definit kif jixraq biex ikun żgurat li l-intervent regolatorju jkun limitat sal-punt meħtieġ biex tkun evitata din l-interferenza.

    (24)

    Is-sistema attwali ta’ ġestjoni u distribuzzjoni ta’ l-ispettru hija b’mod ġenerali bbażata fuq deċiżjonijiet amministrattivi li m’humiex suffiċjentement flessibbli biex ilaħħqu ma’ l-evoluzzjoni teknoloġika u ekonomika, b’mod partikolari ma’ l-iżvilupp rapidu fit-teknoloġija tat-teknoloġija tar-radju u t-talba dejjem tikber għall-medda ta’ frekwenzi. Il-frammentazzjoni indebita fost il-linji politiċi nazzjonali tirriżulta fi spejjeż ikbar u telf ta’ opportunitajiet fis-suq għall-utenti ta’ l-ispettru, u tnaqqas ir-ritmu ta’ l-innovazzjoni, għad-dannu tas-suq intern, il-konsumatur u l-ekonomija b’mod ġenerali. Barra minn dan, il-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-użu ta’ frekwenzi tar-radju, jistgħu jvarjaw skond it-tip ta’ l-operatur, waqt li s-servizzi elettroniċi li jipprovdu dawn l-operaturi jikkoinċidu dejjem iktar, b’hekk jinħolqu tensjonijiet bejn id-detenturi tad-dritt, diskrepanzi fil-prezz ta’ l-aċċess għall-ispettru, u distorsjoni potenzjali fil-funzjonament tas-suq intern.

    (25)

    Il-fruntieri nazzjonali huma dejjem iktar irrilevanti biex ikun determinat l-aħjar użu ta’ l-ispettru tar-radju. Il-frammentazzjoni tal-ġestjoni ta’ l-aċċess għad-drittijiet ta’ l- ispettru tillimita l-investiment u l-innovazzjoni u ma tippermittix lill-operaturi u l-manifatturi tat-tagħmir li jagħmlu ekonomija bis-saħħa ta’ produzzjoni fuq skala ikbar, biex b’hekk tfixkel l-iżvilupp ta’ suq intern għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jużaw l-ispettru tar-radju.

    (26)

    Il-flessibilità fil-ġestjoni ta’ l-ispettru u l-aċċess għall-ispettru għandhom jiżdiedu permezz ta’ awtorizzazzjonijiet newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u s-servizz, sabiex l-utenti ta’ l-ispettru jkunu jistgħu jagħżlu l-aqwa teknoloġiji u servizzi li jridu japplikaw f’medda tal-frekwenzi disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika kif identifikat fit-tabelli ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi nazzjonali u fir-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju (“il-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz”). Id-determinazzjoni amministrattiva tat-teknoloġiji u s-servizzi għandha tapplika meta l-għanijiet ta’ interess ġenerali jkunu f’periklu u għandha tkun ġustifikata b’mod ċar u soġġetta għal reviżjoni perjodika.

    (27)

    Ir-restrizzjonijiet għall-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġika għandhom ikunu adatti u ġustifikati mill-ħtieġa li tkun evitata l-interferenza li tagħmel ħsara, per eżempju billi jkunu imposti maskli għall-emissjoni u livelli ta’ enerġija biex tkun żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi jkun hemm limitu għal kemm il-pubbliku jesponi ruħu għall-kampijiet elettromanjetiċi, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq ta’ servizzi permezz ta’ livell adegwat ta’ kwalità teknika ta’ servizz, filwaqt li ma tiġix negata l-possibilità li jiġi użat aktar minn servizz wieħed fl-istess medda ta’ frelwenza, sabiex ikun żgurat l-użu komuni b’mod xieraq ta’ l-ispettru, b’mod partikolari meta l-użu tiegħu jkun soġġett biss għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali, biex jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti ta’ l-ispettru, jew biex jiġi sodisfatt l-għan ta’ interess ġenerali f’konformità mal-liġi Komunitarja.

    (28)

    L-utenti ta’ l-ispettru għandu jkollhom il-libertà li jagħżlu s-servizzi li jixtiequ joffru permezz ta’ l-ispettru, soġġetti għal miżuri tranżitorji sabiex jleħħqu mad-drittijiet li jkunu nkisbu minn qabel. Għandhom jkunu permessi eċċezzjonijiet għall-prinċipju tan-newtralità tas-servizz li jkunu jeħtieġu li jkun ipprovdut servizz speċifiku biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar, bħalma huma s-sikurezza tal-ħajja, il-ħtieġa li titħeġġeġ il-koeżjoni soċjali, reġjunali jew territorjali, jew il-prevenzjoni ta’ l-użu ineffiċjenti ta’ l-ispettru. Dawk l-għanijiet għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-media kif definiti mill-Istati Membri konformement mal-liġi Komunitarja. Għajr fejn hu meħtieġ għall-ħarsien tas-sikurezza tal-ħajja jew sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet l-oħra ta’ interess ġenerali, l-eċċezzjonijiet ma għandhomx iwasslu għal ċerti servizzi li jkollhom użu esklussiv, iżda għandhom jagħtuhom prijoritajiet sabiex, sa fejn hu possibbli, servizzi jew teknoloġiji oħra jikkoeżistu fl-istess medda.

    (29)

    Hija f’idejn l-Istati Membri l-kompetenza li jiddefinixxu l-ambitu u n-natura ta’ kwalunkwe eċċezzjoni rigward il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-media.

    (30)

    Billi l-allokazzjoni ta’ l-ispettru lil teknoloġiji jew servizzi speċifiċi hija eċċezzjoni għall-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġiji u tas-servizzi u tnaqqas il-libertà tal-għażla tas-servizz jew tat-teknoloġija wżata, kull proposta għal din l-allokazzjoni għandha tkun trasparenti u soġġetta għall-konsultazzjoni pubblika.

    (31)

    Fl-interess tal-flessibbiltà u ta’ l-effiċjenza, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu ukoll jagħtu lill-utenti ta’ l-ispettru l-libertà li jittrasferixxu jew jikru d-drittijiet ta’ l-użu tagħhom lil partijiet terzi. Dan għandu jippermetti l-valutazzjoni ta’ l-ispettru mis-suq. Fid-dawl tas-setgħa tagħhom biex jiżguraw l-użu effettiv ta’ l-ispettru, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jaġixxu sabiex jiżguraw li n-negozju ma jwassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni fejn l-ispettru jibqa’ ma jintużax.

    (32)

    L-introduzzjoni tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz, kif ukoll tan-negozju ta’ drittijiet għall-użu ta’ l-ispettru eżistenti, jistgħu jeħtieġu regoli tranżitorji, inklużi miżuri biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta, għax is-sistema l-ġdida tista’ tagħti d-dritt lil ċerti utenti ta’ l-ispettru li jibdew jikkompetu ma’ l-utenti ta’ l-ispettru li jkunu kisbu d-drittijiet ta’ l-ispettru tagħhom taħt termini u kundizzjonijiet aktar stretti.

    (33)

    Bil-għan li jiġi promoss il-funzjonament tas-suq intern u biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi fil-qasam tal-għoti tan-numri.

    (34)

    Il-permessi maħruġa lill-impriżi li jipprovdu lin-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex ikollhom aċċess għall-proprjetà privata jew pubblika huma fatturi essenzjali għall-istabbiliment ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika jew ta’ elementi ġodda tan-network. Il-komplessità u d-dewmien bla bżonn fil-proċeduri għall-għoti tad-drittijiet ta’ passaġġ jistgħu għalhekk jirrappreżentaw ostakli importanti għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, l-akkwist tad-drittijiet għall-passaġġ mill-impriżi awtorizzati għandu jkun simplifikat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikun jistgħu jikkoordinaw l-akkwist tad-drittijiet ta’ passaġġ, billi jagħmlu l-informazzjoni rilevanti aċċessibbli fuq il-websajts tagħhom.

    (35)

    Jeħtieġ li jissaħħu s-setgħat ta’ l-Istati Membri fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet ta’ passaġġ, sabiex jiżguraw l-introduzzjoni jew il-firxa ta’ network ġdid b’mod ġust, effiċjenti u li jirrispetta l-ambjent u indipendentement minn kwalunkwe obbligu fuq operatur b’saħħa sinifikanti fis-suq biex jagħti aċċess lin-network ta’ komunikazzjoni elettronika tiegħu. It-titjib tal-kondiviżjoni tal-faċilitajiet jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni u jnaqqas l-impatt finanzjarju u ambjentali ġenerali tat-tqegħid ta’ infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika għall-impriżi, partikolarment networks ta’ aċċess ġodda. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jirrikjedu li d-detenturi tad-drittijiet li jinstallaw faċilitajiet f’proprjetà pubblika jew privata jikkondividu tali faċilitajiet jew proprjetà (inkluża l-ko-lokazzjoni fiżika) sabiex jinkoraġġixxu investiment effiċjenti fl-infrastruttura u l-promozzjoni ta’ innovazzjoni, wara perijodu xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulu l-partijiet interessati kollha għandhom jingħataw l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom. Dan l-użu komuni jew dawn l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni jistgħu jinkludu r-regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-użu komuni tal-faċilitajiet jew proprjetà u għandhom jiżguraw li jkun hemm tqassim tar-riskju xieraq bejn l-impriżi konċernati. Awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, b’mod partikolar, ikunu jistgħu jimponu l-qsim ta’ elementi tan-network u faċilitajiet assoċjati, bħal tubi, kondjuwit, arbli, toqob tal-ispezzjonar u kaxxi tat-triq, torrijiet u kostruzzjonijiet ta’ appoġġ oħra, bini jew dħul għal bini, u koordinazzjoni aħjar ta’ xogħlijiet ċivili. L-awtoritajiet kompetenti, partikolarment l-awtoritajiet lokali, għandhom jistabbilixxu wkoll proċeduri ta’ koordinazzjoni xierqa, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fir-rigward ta’ xogħlijiet pubbliċi u faċilitajiet jew proprjetà pubbliċi xierqa oħra li jistgħu jinkludu proċeduri li jiżguraw li partijiet interessati għandhom informazzjoni rigward faċilitajiet jew proprjetà pubbliċi xierqa u xogħlijiet pubbliċi għaddejjin u pjanati, li huma jiġu notifikati dwar tali xogħlijiet f’manjiera f’waqtha, u li l-qsim jiġi kemm jista’ jkun iffaċilitat.

    (36)

    Il-komunikazzjoni sikura u affidabbli ta’ l-informazzjoni fuq in-networks tal-komunikazzjoni elettronika kulma jmur qed issir aktar kruċjali għall-ekonomija kollha u għas-soċjetà nnifisha. Il-komplessità tas-sistema, il-ħsara teknika u l-iżball uman, l-aċċidenti jew l-attakki kollha jista’ jkollhom konsegwenzi għall-funzjonament u għad-disponibbiltà ta’ l-infrastrutturi fiżiċi li jwasslu servizzi kruċjali għall-ġid taċ-ċittadini ta’ l-UE, inklużi s-servizzi elettroniċi tal-gvern. Għaldaqtsant, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li jinżammu l-integrità u s-sigurtà tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurta’ tan-Network u tal-Informazzjoni (ENISA) (11) għandha tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika billi, fost ħwejjeġ oħra, tipprovdi l-konsulenza u l-għarfiern espert, kif ukoll billi tippromwovi l-iskambju ta’ l-aħjar prattika. Kemm l-ENISA kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex iwettqu d-doveri tagħhom, inklużi s-setgħat li jiksbu informazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw il-livell ta’ sigurtà tan-networks jew tas-servizzi kif ukoll data komprensiva u affidabbli dwar l-inċidenti ta’ sigurtà li jkunu saru u li kellhom impatt sinifikanti fuq l-operazzjoni tan-networks u tas-servizzi. Waqt li jżommu f’moħħhom li l-applikazzjoni b’suċċess ta’ sigurtà suffiċjenti mhix eżerċizzju ta’ darba biss iżda hija proċess kontinwu ta’ implimentazzjoni, eżami mill-ġdid u aġġornament, dawk li jipprovdu n-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu obbligati li jieħdu l-miżuri biex jipproteġu l-integrità u s-sigurtà tagħhom skond il-valutazzjoni tar-riskji b’kont meħud tat-teknoloġija l-iktar moderna ta’ dawn il-miżuri.

    (37)

    Meta jkun meħtieġ li jinsab qbil fuq lista komuni ta’ rekwiżiti għas-sigurtà, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex jinkiseb livell adegwat ta’ sigurtà fin-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fis-suq intern. L-ENISA għandha tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà li jkunu xierqa billi tipprovdi parir espert. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li joħorġu istruzzjonijiet relatati mal-miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skond id-Direttiva Qafas. Sabiex iwettqu dmirijiethom, huma għandhom ikollhom is-setgħa li jinvestigaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u jimponu sanzjonijiet.

    (38)

    Sabiex l-operaturi fis-suq ikollhom ċertezza rigward kundizzjonijiet regolatorji, jeħtieġ li jkun hekk skadenza għall-analiżijiet tas-suq. Huwa importanti li ssir analiżi tas-suq regolarment, u bi skeda ta’ żmien xierqa u raġjonevoli. L-iskeda ta’ żmien għandha tqis jekk is-suq partikolari kienx diġà soġġett għal analiżi tas-suq bin-notifika korrispondenti. Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tonqos milli tanalizza s-suq fl-iskandeza speċifikata, dan jista’ jwassal biex jipperikola s-suq intern, u l-azzjonijiet normali kontra l-ksur ta’ liġi jistgħu ma jħallux l-effett mixtieq f’waqtu. Alternattivament, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tkun tista’ titlob l-assistenza tal-GRET biex tikkompleta l-analiżi tas-suq. Pereżempju, din l-assistenza tista’ tieħu l-forma ta’ task force speċifika komposta minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra.

    (39)

    Minħabba livell għoli ta’ innovazzjoni teknoloġika u swieq mill-aktar dinamiċi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, jeħtieġ li r-regolamentazzjoni tiġi adattata rapidament b’mod koordinat u armonizzat fil-livell Komunitarju. L-esperjenza uriet li d-diverġenza fil-mod kif l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimplimentaw il-qafas regolatorju tal-UE tista’ toħloq xkiel għall-iżvilupp tas-suq intern.

    (40)

    Kompitu importanti assenjat lill-GRET huwa li meta jkun xieraq hija tadotta opinjonijiet fir-rigward ta’ disputi traskonfinali. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom għalhekk jieħdu kont ta’ kull opinjoni tal-GRET.

    (41)

    L-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE tindika li d-dispożizzjonijiet eżistenti li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jimponu l-multi ma rnexxilhomx jipprovdu inċentiv suffiċjenti biex ikunu osservati r-rekwiżiti regolatorji. Is-setgħat ta’ infurzar adegwat jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-qafas regolatorju tal-UE u għalhekk jinkoraġġixxu ċ-ċertezza regolatorja, li hija stimulu importanti għall-investiment. In-nuqqas ta’ setgħat effettivi fil-każ li ma jkunx hemm konformità japplika għall-qafas regolatorju kollu. L-introduzzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida fid-Direttiva Qafas biex tittratta l-ksur ta’ l-obbligi skond id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi għandha għalhekk tiżgura l-applikazzjoni ta’ prinċipji konsistenti u koerenti għall-infurzar u l-multi għall-qafas regolatorju tal-UE kollu.

    (42)

    Il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE jinkludi ċerti dispożizzjonijiet biex jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-qafas regolatorju l-antik ta’ l-1998 għall-qafas il-ġdid ta’ l-2002. Din it-transizzjoni kienet ikkompletata fl-Istati Membri kollha u dawn il-miżuri għandhom jiġu mħassra billi issa m’hemmx bżonnhom.

    (43)

    Kemm investiment effiċjenti kif ukoll kompetizzjoni għandhom ikunu mħeġġa flimkien, sabiex jiżdiedu it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumatur.

    (44)

    L-Anness I tad-Direttiva Qafas kien identifika l-lista ta’ swieq li riedu jiddaħħlu fir-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq ta’ Prodotti u Servizzi Rilevanti li jista’ jistħoqqilhom ir-regolazzjoni ex-ante. Dan l-Anness għandu jiġi mħassar billi ntlaħaq l-iskop tiegħu li jservi ta’ bażi għat-tħejjija tal-verżjoni inizjali tar-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq ta’ Prodotti u Servizzi Rilevanti (12).

    (45)

    Jista’ ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw in-network tal-aċċess lokali kollu kemm hu jew parti minnu tal-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli. F’dan il-kuntest, l-impożizzjoni ta’ aċċess disassoċjat għal-linji jew is-sub-linja lokali tal-operaturi li jgawdu saħħa sinifikanti fis-suq tista’ tiffaċilita d-dħul fis-suq u żżid il-kompetizzjoni fis-swieq bl-imnut ta’ aċċess għal frekwenzi wiesgħa. F’ċirkostanzi fejn l-aċċess disassoċjat għal-linja jew is-sub-linja lokali mhijiex teknikament jew ekonomikament fattibbli, jistgħu japplikaw l-obbligi rilevanti għall-forniment ta’ aċċess mhux fiżiku jew virtwali għan-network li joffri funzjonalità ekwivalenti.

    (46)

    L-iskop tas-separazzjoni funzjonali, li biha l-operatur li jkun integrat vertikalment jintalab jistabbilixxi entitajiet ta’ negozju li joperaw b’mod separat, huwa li tkun żgurata l-provvista ta’ prodotti għal-aċċess kompletament ekwivalenti lill-operaturi kollha li jieħdu servizz mingħandu, inklużi d-diviżjonijiet ta’ l-operatur stess integrati vertikalment li jieħdu servizz mingħandu stess. Is-separazzjoni funzjonali għandha l-kapaċità li ttejjeb il-kompetizzjoni f’diversi swieq rilevanti billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-inċentiv għad-diskriminzzjoni u billi tiffaċilita l-verifika u l-infurzar tal-konformità mal-obbligi kontra d-diskriminazzjoni. F’każijiet eċċezzjonali, is-separazzjoni funzjonali tista’ tkun ġustifikata bħala rimedju fejn f’bosta mis-swieq konċernati jkun sar falliment persistenti biex titnaqqas kemm jista’ jkun id-diskriminazzjoni, jew fejn ftit li xejn jkun hemm prospetti ta’ kompetizzjoni fl-infrastruttura f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li wieħed ikun dar għal wieħed jew iktar rimedji li qabel kienu kkunsidrati xierqa. Madankollu, huwa importanti ħafna li wieħed jiżgura li l-impożizzjoni tagħha tippreżerva l-inċentivi ta’ l-impriża kkonċernata biex tinvesti fin-network tagħha, u li ma twassal għall-ebda effett negattiv potenzjali fuq il-benessri tal-konsumatur. L-impożizzjoni tagħha titlob għal analiżi koordinata tas-swieq rilevanti differenti li jkunu relatati man-network għall-aċċess, skond il-proċedura ta’ l-analiżi tas-suq stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Meta jagħmlu l-analiżi tas-suq u jfasslu d-dettalji ta’ dan ir-rimedju, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-prodotti li jridu jkunu ġestit mill-entitajiet tan-negozju li joperaw b’mod separat, waqt li jingħata każ tal-punt sa fejn tasal il-firxa tan-network u l-grad ta’ progress teknoloġiku, li jistgħu jaffettwaw is-sostitwibilità tas-servizzi fissi u tar-radju. Sabiex ikunu evitati d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-proposti għas-separazzjoni funzjonali għandhom ikunu approvati minn qabel mill-Kummissjoni.

    (47)

    L-implimentazzjoni tas-separazzjoni funzjonali m’għandhiex timpedixxi l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni xierqa bejn l-entitajiet diversi ta’ negozju li joperaw b’mod separat sabiex ikun żgurat li jkunu protetti d-drittijiet ekonomiċi u ta’ sorveljanza tal-ġestjoni tal-kumpanija li jkollha l-kontroll tagħhom (parent company).

    (48)

    L-integrazzjoni kontinwata tas-suq intern għal networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika teħtieġ koordinazzjoni aħjar fl-applikazzjoni tar-regolament ex-ante kif previst fil-qafas regolatorju tal-UE għal komunikazzjoni elettronika.

    (49)

    Meta l-impriża li tkun integrata vertikalment tagħżel li titrasferixxi parti sostanzjali, jew kollha, tal-proprjetà tagħha fin-network għall-aċċess lokali favur entità ġuridika separata li tkun proprjetà ta’ ħaddieħor jew billi tistabbilixxi entità ta’ negozju separata biex tinnegozja l-prodotti għall-aċċess, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta l-effett tat-tranżazzjoni maħsuba fuq l-obbligi regolatorji kollha eżistenti li jkun imposti fuq l-operatur li jkun integrat vertikalment sabiex ikun żgurat li kull arranġament ġdid ikun konformi mad-2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) u d-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali). L-NRA konċernata għandha tieħu r-responsabbiltà li tagħmel analiżi ġdida tas-swieq li fihom tkun topera l-entità segregata, u timponi, iżżomm, temenda jew tirtira l-obbligi skond kif inhu xieraq. Għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li titlob informazzjoni mill-impriża.

    (50)

    Waqt li huwa xieraq f’xi ċirkostanzi għall-awtorità regolatorja nazzjonali li timponi obbligi fuq l-operaturi li ma jkollhomx saħħa sinifikanti fis-suq sabiex jintlaħqu l-miri bħal ma hija l-konnettività minn tarf għal ieħor jew l-operabilità bejn is-servizzi, madankollu huwa meħtieġ li jkun żgurat li dawn l-obbligi jkunu imposti b’konformità mal-qafas regolatorju tal-UE u, b’mod partikolari, mal-proċeduri tan-notifika tiegħu.

    (51)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni bil-għan li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali u tar-radju stipulati fl-Anness I jkunu adattati għall-iżviluppi fis-suq u teknoloġiċi. Dan ukoll huwa l-każ tal-lista minima ta’ partiti fl-Anness II li trid tkun ippubblikata biex ikun issodisfatt l-obbligu tat-trasparenza.

    (52)

    Meta jkun iffaċilitat l-aċċess għar-riżorsi tal-frekwenza tar-radju għall-operaturi fis-suq dan jikkontribwixxi għat-tneħħija tal-barrieri għad-dħul fis-suq. Barra minn dan, il-progress teknoloġiku qed inaqqas ir-riskju ta’ l-interferenza li tagħmel ħsara f’ċerti meded ta’ frekwenzi u għalhekk inaqqas il-ħtieġa ta’ drittijiet għall-użu individwali. Il-kundizzjonijiet għall-użu tal-ispettru biex ikunu pprovduti s-servizzi tal- komunikazzjoni elettronika għandhom normalment ikunu preskritti fl-awtorizzazzjonijiet ġenerali sakemm ma jkunux meħtieġa drittijiet individwali, wara li jitqies l-użu ta’ l-ispettru, biex ikun hemm protezzjoni mill-interferenza li tagħmel ħsara, biex tiġi żgurata l-kwalità teknika tas-servizz, biex jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru jew biex jintlaħaq għan speċifiku ta’ interess ġenerali. Id-deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ drittijiet individwali għandhom jittieħdu b’mod trasparenti u proporzjonat.

    (53)

    L-introduzzjoni tar-rekwiżiti tan-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġika fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu, flimkien ma’ possibbiltà ikbar ta’ trasferiment tad-drittijiet bejn l-impriżi, għandha tkabbar il-libertà u l-mezzi biex jitwasslu komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi lill-pubbliku, u b’dan tkun ukoll iffaċilitata l-kisba tal-għanijiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, ċerti obbligi ta’ interess ġenerali imposti fuq ix-xandara biex iwasslu servizzi tal-media awdjovizivi jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ kriterji speċifiċi għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu, meta jkun jidher li huwa essenzjali li jintlaħaq għan speċifiku ta’ interess ġenerali stabbilit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.Il-proċeduri assoċjati ma’ l-insegwiment ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jkunu trasparenti, oġġettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji.

    (54)

    Meta wieħed iqis l-impatt restrittiv fuq l-aċċess liberu għall-frekwenzi tar-radju, il-validità tad-dritt għall-użu individwali li ma jkunx negozjabbli għandu jkun limitat biż-żmien. Meta d-drittijiet għall-użu jinkludu fihom dispożizzjoni għat-tiġdid tal-validità tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-ewwel jagħmlu eżami mill-ġdid, li jkun jinkludi konsultazzjoni pubblika, waqt li jikkunsidraw l-iżviluppi fis-suq, ta’ kopertura u teknoloġiċi. Minħabba l-iskarsezza ta’ spettru, id-drittijiet individwali mogħtija lill-impriżi għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid regolarment. Meta jagħmlu dan l-eżami mill-ġdid, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iżommu bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-ħtieġa li tkun stimolata l-introduzzjoni tan-negozju ta’ l-ispettru kif ukoll l-użu iktar flessibbli ta’ l-ispettru permezz ta’ l-awtorizzazzjonijiet ġenerali meta jkun possibbli.

    (55)

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom is-setgħa li jiżguraw l-użu effettiv ta’ l-ispettru meta r-riżorsi ta’ l-ispettru jibqgħu ma jintużawx, jaġixxu biex ma jħallux il-ħżin anti-kompetittiv, li jista’ jfixkel id-dħul ġdid fis-suq.

    (56)

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva biex jimmonitorjaw u jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, inkluża s-setgħa li jimponu sanzjonijiet finanzjarji jew amministrattivi effettivi fil-każ ta’ ksur ta’ dawk it-termini u kundizzjonijiet.

    (57)

    Il-kundizzjonijiet li jistgħu jiżdiedu ma’ l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikopru kundizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilitajiet u l-ħtieġa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li jikkomunikaw mal-pubbliku ġenerali qabel, matul u wara diżastri serji. Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-importanza ta’ l-innovazzjoni teknika, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu joħorġu l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ l-ispettru għal skopijiet sperimentali, taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet speċifiċi li jkunu ġġustifikati b’mod strett min-natura sperimentali ta’ dawn id-drittijiet.

    (58)

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2887/2000 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (13) wera li kien effettiv fl-istadju inizjali tal-ftuħ tas-suq. Id-Direttiva Qafas titlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja t-transizzjoni mill-qafas regolatorju ta’ l-1998 għall-qafas ta’ l-2002 u biex tressaq proposti biex ikun imħassar dak ir-Regolament fiż-żmien xieraq. Skond il-qafas ta’ l-2002, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom id-dmir li janalizzaw is-suq għall-aċċess disassoċjat għal-linja u għal-linji parzjali metalliċi lokali fi kwantità kbira għall-bejgħ mill-ġdid (wholsale) bl-iskop li jipprovdu medda wiesgħa ta’ frekwenzi u servizzi tal-vuċi kif iddefinit fir-Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq ta’ Prodotti u Servizzi Rilevanti. Billi l-Istati Membri kollha analizzaw dan is-suq mill-inqas darba u l-obbligi xierqa bbażati fuq il-qafas ta’ l-2002 qegħdin f’posthom, ir-Regolament Nru 2887/2000 m’għadux meħtieġ u għalhekk għandu jiġi mħassar.

    (59)

    Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttivi Qafas, dwar l-Aċċess u dwar l-Awtorizzazzjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (14).

    (60)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta Rakkomandazzjonijiet u/jew miżuri ta’ implimentazzjoni rigward in-notifiki skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas; l-armonizzazzjoni fl-oqsma ta’ l-ispettru u l-għoti ta’ numri kif ukoll f’kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi; l-identifikazzjoni tas-swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti; l-identifikazzjoni ta’ swieq transkonfinali; l-implimentazzjoni ta’ l-istandards u l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni biex taġġorna l-Anness I u II tad-Direttiva ta’ l-Aċċess għas-suq u għall-iżviluppi teknoloġiċi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dawn id-Direttivi, inter alia billi jissumplimentawhom b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2002/21/KE (Id-Direttiva Qafas)

    Id-Direttiva 2002/21/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi asssoċjati. Tistabbilixxi l-kompiti ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Komunità. Dan il-qafas jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ċerti aspetti ta’ tagħmir terminali li jiffaċilita l-aċċess għall-utenti b’diżabbiltà.”;

    (2)

    L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    ‘network ta’ komunikazzjoni elettronika’ tfisser sistemi ta’ trażmissjoni u, fejn applikabbli, apparat għall-kommutazzjoni jew ta’ routing u riżorsi oħra, li jinkludi elementi ta’ network li mhumiex attivi, li jippermettu t-twassil ta’ sinjali permezz ta’ wajer, radju, mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi networks tas-satellita, networks fiss (ċikwit-u packet-switched, inkluż l-Internet) u mobbli terrestri, sistemi ta’ kejbil tal-elettriku, sal-limitu li jintużaw għall-għan ta’ trażmissjoni tas-sinjali, networks wżati għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u networks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;”;

    (b)

    Il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    ‘swieq tranżnazzjonali’ tfisser swieq identifikati skond l-Artikolu 15(4) li jkopru l-Komunità jew parti sostanzjali tagħha, li jinsabu f’aktar minn Stat Membru wieħed.”;

    (ċ)

    Il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    ‘network pubbliku tal-komunikazzjoni’ tfisser network tal-komunikazzjoni elettronika wżat kollu jew prinċipalment biex jipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku li jissapportjaw it-trasferiment ta’ l-informazzjoni bejn il-punti terminali tan-network;”;

    (d)

    Il-punt li ġej għandu jiġi inserit:

    “(da)

    ‘punt tat-terminazzjoni tan-network’ (NTP) tfisser il-punt fiżiku li bih l-abbonat jiġi provdut b’aċċess għal network pubbliku ta’ komunikazzjoni; fil-każ ta’ networks li jinvolvu l-iswiċċjar jew it-trasferiment, l-NTP huwa identifikat permezz ta’ indirizz speċifiku tan-network, li jista’ jitqabbad ma’ numru ta’ abbonat jew isem;”;

    (e)

    Il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    ‘faċilitajiet assoċjati’ tfisser dawk l-infrastrutturi fiżiċi u faċilitajiet jew elementi oħra assoċjati ma’ network tal-komunikazzjoni elettronika u/jew servizz tal-komunikazzjoni elettronika li jagħmlu possibbli u/jew jissaportjaw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak in-network u/jew servizz jew li għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan, u jinkludu, inter alia, bini jew dħul għal bini, antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, tubi, kondjuwit, toqob tal-ispezzjonar u kaxxi tat-triq;”;

    (f)

    Il-punt li ġej għandu jiġi inserit:

    “(ea)

    ‘servizzi assoċjati’ tfisser dawk is-servizzi assoċjati ma’ network tal-komunikazzjoni elettronika u/jew servizz tal-komunikazzjoni elettronika li jagħmlu possibbli u/jew jissaportjaw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak in-network u/jew servizz jew li għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan, u jinkludu, inter alia, traduzzjoni ta’ numri jew sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti, sistemi ta’ aċċess kundizzjonali u gwidi tal-programmi elettroniċi, kif ukoll servizzi oħra bħal servizz ta’ identità, lok u preżenza;”;

    (g)

    Il-punt (l) għandu jiġi ssostitwit bit-test li ġej:

    “(l)

    ‘Direttivi Speċifiċi’ tfisser id-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni), id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess), id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (15);

    (h)

    Għandhom jiġu miżjuda l-punti li ġejjin:

    “(q)

    ‘allokazzjoni ta’ spettru’ tfisser l-indikazzjoni ta’ medda ta’ frekwenzi għal użu minn tip wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju, fejn xieraq, taħt kondizzjonijiet speċifiċi;

    (r)

    ‘interferenza ta’ ħsara’ tfisser interferenza li tipperikola l-funzjonament ta’ servizz tan-navigazzjoni bir-radju jew ta’ servizzi oħra ta’ sigurtà jew li mod ieħor tiddegrada serjament, tfixkel jew tinterrompi ripetutament servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju li joperaw skond ir-regolamenti tal-Komunità jew nazzjonali applikabbli;

    (s)

    ‘sejħa’ tfisser konnessjoni stabbilita permezz ta’ servizz telefoniku pubblikament disponibbli li jippermetti komunikazzjoni li taħdem f’żewġ direzzjonijiet.”;

    (3)

    L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu (3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ikollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.”;

    (b)

    Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu inseriti:

    “3a.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi skond l-Artikolu 20 jew 21 ta’ din id-Direttiva għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn l-ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skond il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Korpi ta’ appell biss stabbiliti skond l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa jissospendu jew idawru deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kap tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn applikabbli l-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni ġo awtorità regolatorja nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu jew is-sostituti tagħhom ikun jistgħu jitkeċċew biss jekk ma jissodisfax iktar il-kondizzjonijiet mitluba għat-twettiq ta’ dmirijiethom stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali. Id-deċiżjoni biex jitkeċċa l-kap tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn applikabbli l-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni għandha ssir pubblika fiż-żmien tat-tkeċċija. Il-kap imkeċċi tal-awtorità regolatorja nazzjonali, jew fejn applikabbli l-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni, għandu jirċievi dikjarazzjoni ta’ raġunijiet u għandu jkollu d-dritt jitlob il-pubblikazzjoni tagħha, jekk din ma tkunx ser issir, f’liema każ hija tiġi pubblikata.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom baġits anwali separati. Il-baġits għandhom ikunu pubblikati.

    3b.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għanijiet tal- Grupp ta’ Regolaturi Ewropej tat-Telekomunikazzjoni (GRET) (16) fil-promozzjoni ta’ koordinazzjoni u koerenza regolatorja akbar huma appoġġati b’mod attiv mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rispettivi.

    3c.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ARN jieħdu kont sħiħ tal-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni adottati mill-GRET meta jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom għas-swieq nazzjonali tagħhom.;

    (4)

    L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandha jkollha l-kompetenza xierqa għad-dispożizzjoni tagħha biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ tingħatalhom il-kunsiderazzjoni li tixirqilhom u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.

    Pendenti l-eżitu ta’ l-appell, id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa tgħodd, sakemm ma jkunux ġew konċeduti miżuri interim skond il-liġi nazzjonali.”;

    (b)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar in-numru ta’ talbiet għal appell, id-durata tal-proċedimenti ta’ appell u n-numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu biex jiġu konċeduti miżuri interim. L-Istati Membri għandhom jipprovdu tali informazzjoni lill-Kummisjoni u lill-GRET wara talba raġonevoli minn waħda mit-tnejn.”;

    (5)

    L-Artikolu 5(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jipprovdu l-informazzjoni kollha, inkluża l-informazzjoni finanzjarja, meħtieġa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi, jew mad-deċiżjonijiet meħuda skond dawn. B’mod partikolari, dawk l-impriżi għandhom jintalbu wkoll jissottomettu informazzjoni dwar l-iżviluppi futuri fin-network jew fis-servizz li jistgħu jkollhom impatt fuq is-servizzi wholesale li jistgħu jkunu disponibbli għall-kompetituri. Impriżi b’qawwa tas-suq sinifikanti fuq swieq wholesale jistgħu jintalbu jissottomettu data ta’ kontabbiltà dwar is-swieq tal-bejgħ bl-imnut li huma assoċjati ma’ dawk is-swieq wholesale.

    L-impriżi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fil-pront kif tintalab u b’mod konformi mal-limiti ta’ żmien u fil-livell ta’ dettall mitluba mill- awtorità regolatorja nazzjonali. L-informazzjoni mitluba mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun proporzjonata għat-twettiq ta’ dak il-kompitu. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħti r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba tagħha għall-informazzjoni u għandha tittratta l-informazzjoni konformement mal-paragrafu 3.”;

    (6)

    L-Arikoli 6 u 7 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Mekkaniżmu għall-konsultazzjoni u għat-trasparenza

    Għajr f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 7(9), 20, jew 21, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri skond din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi, jew fejn jkollhom l-intenzjoni jipprovdu għal restrizzjonijiet skond l-Artikolu 9(3) u 9(4), li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq rilevanti, huma jagħtu lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw fuq l-abbozz ta’ miżura fi żmien raġonevoli.

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippubblikaw il-proċeduri ta’ konsultazzjoni nazzjonali tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jistabbilixxu punt uniku ta’ informazzjoni li permezz tiegħu l-konsultazzjonijiet kollha għaddejjin jkunu aċċessibbli.

    L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ħlief fil-każ ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali skond il-liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalita’ tan-negozju.

    Artikolu 7

    It-tisħiħ tas-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika

    1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skond din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, l- awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont sħiħ tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, sa fejn dawk jirrelataw mat-tħaddim tas-Suq Intern.

    2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jikkoperaw flimkien u mal-Kummissjoni u mal-GRET b’mod trasparenti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi. Għal dan il-għan, huma għandhom, b’mod partikolari, jikkooperaw mal-Kummissjoni u l-GRET biex jidentifikaw it-tipi ta’ strumenti u rimedji l-iktar adattati biex ikunu ttrattati tipi partikolari ta’ sitwazzjonijiet fis-suq.

    3.   Għajr fejn jipprovdu mod ieħor fir-rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida adottati skond l-Artikolu 7a, meta titlesta l-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, fejn awtorità regolatorja nazzjonali jkollha l-intenzjoni tieħu miżura li:

    (a)

    taqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, l-Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess), u

    (b)

    tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

    għandha tqiegħed l-abbozz ta’ miżura għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-GRET u ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-Istati Membri oħra, flimkien mar-raġunijiet li fuqhom tissejjes il-miżura, skond l-Artikolu 5(3), u tinforma lill-Kummissjoni, lill-GRET u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’dan. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-GRET u l-Kummissjoni jistgħu jgħaddu l-kummenti tagħhom lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata biss fi żmien xahar. Dan il-perjodu ta’ xahar ma jistax jiġi estiż.

    4.   Fejn miżura maħsuba koperta mill-paragrafu 3 jkollha l-għan li:

    (a)

    tiddefinixxi suq rilevanti li jkun differenti minn dawk definiti fir-Rakkomandazzjoni skond l-Artikolu 15(1); jew

    (b)

    tiddeċiedi jekk impriża tiġix nominata jew le bħala li għandha, jew individwalment jew flimkien ma’ oħrajn, saħħa sinifikanti fis-suq, skond l-Artikolu 16(3), (4) jew (5); jew

    (ċ)

    timponi, temenda jew tirtira obbligu minn fuq l-operatur bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16, flimkien ma’ l-Artikoli 5 u 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess), u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali),

    u li tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u li l-Kummissjoni tkun indikat lill-awtorità regolatorja nazzjonali li hija tikkunsidra li l-abbozz ta’ miżura jkun joħloq barriera għas-suq uniku jew jekk hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibilità tiegħu mal-liġi tal-Komunità u b’mod partikolari l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8, allura l-abbozz ta’ miżura m’għandux ikun adottat qabel xahrejn oħra. Dan il-perjodu ma jistax jiġi estiż. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħrajn bir-riżervi tagħha f’tali każ.

    5.   Fi żmien perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’:

    (a)

    tieħu deċiżjoni fir-rigward tal-abbozz ta’ miżura msemmi fil-paragrafu 4(a) u 4(b) li jitlob lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tirtira l-abbozz ta’ miżura, u/jew

    (b)

    toħroġ opinjoni fir-rigward tal-abbozz ta’ miżura msemmi fil-paragrafu 4(c), jew

    (ċ)

    tieħu deċiżjoni li tirtira r-riżervi tagħha fir-rigward tal-abbozz ta’ miżura msemmi fil-paragrafu 4.

    Il-Kummissjoni għandha tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-GRET qabel tieħu deċiżjoni jew toħorġ opinjoni taħt il-punti (a) sa (c). Deċiżjoni jew opinjoni taħt il-punti (a) u (b) għandha tkun akkumpanjata minn analiżi dettaljata u oġġettiva dwar x’wassal lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-abbozz ta’ miżura m’għandux ikun adottat flimkien ma’ proposti biex ikun emendat l-abbozz ta’ miżura.

    6.   Fejn il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skond il-paragrafu 5(a) tirrikjedi lill-awtorità regolatorja nazzjonali tirtira l-abbozz ta’ miżura, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha temenda jew tirtira l-abbozz ta’ miżura fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Meta l-abbozz ta’ miżura jkun emendat, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timpenja ruħha li tagħmel konsultazzjoni pubblika skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6, u għandha tinnotifika mill-ġdid lill-Kummissjoni bl-abbozz ta’ miżura emendat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.

    7.   L-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tieħu kont sħiħ tal -kummenti ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra, tal-GRET u tal-Kummissjoni u tista’, ħlief għall-każijiet koperti mill-paragrafu 4(a) u (b), tadotta l-abbozz ta’ miżura li jirriżulta u, meta tagħmel dan, għandha tikkomunikah lill-Kummissjoni.

    Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tiddeċiedi li temenda l-abbozz ta’ miżura skond l-opinjoni maħruġa taħt il-paragrafu 5(b), hija għandha, fi żmien sitt xhur mid-data tal-opinjoni mill-Kummissjoni, timpenja ruħha li twettaq konsultazzjoni pubblika skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6 u tikkomunika l-miżura emendata lill-Kummissjoni.

    Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tiddeċiedi li ma temendax l-abbozz ta’ miżura abbażi tal-opinjoni maħruġa taħt il-paragrafu 5(b), hija għandha tippubblika wkoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha u għandha tikkomunikahom lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-opinjoni mill-Kummissjoni.

    8.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkomunika lill-Kummissjoni u lill-GRET l-miżuri finali kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(3) (a) u (b).

    9.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkunsidra li jkun hemm ħtieġa urġenti biex taġixxi sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni u tħares l-interessi tal-utenti, permezz ta’ deroga mill-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4, hija tista’ tadotta minnufih miżuri proporzjonati u temporanji. Hija għandha, mingħajr dewmien, tikkommunika dawk il-miżuri, flimkien mar-raġunijiet sħaħ, lill-Kummissjoni, lill-awtorità regolatorja nazzjonali l-oħra, u lill-GRET. Deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja biex tirrendi permanenti dawk il-miżuri jew biex testendi ż-żmien li għalih huma applikabbli għandhom ikun suġġetti għad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4.”;

    (7)

    L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 7a

    Notifiki

    1.   Wara konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali u b’kont sħiħ meħud tal-opinjoni tal-GRET, il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida fir-rigward tal-Artiklu 7 li jiddefenixxu l-forma, il-kontenut u l-livell ta’ dettalji li jridu jingħataw fin-notifiki meħtieġa skond l-Artikolu 7(3), iċ-ċirkostanzi li fihom in-notifiki ma jkunux meħtieġa, u l-kalkolu tal-limiti taż-żmien.

    2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 22(2).”;

    (8)

    L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Sakemm mhuwiex ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 9 dwar il-frekwenzi tar-radju, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tal-fatt li huwa mixtieq li r-regolamenti li jsiru jkunu newtrali teknoloġikament u għandhom jiżguraw meta jwettqu l-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, b’mod partikolari dawk maħsuba biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħmlu l-istess.”;

    (b)

    Fil-paragrafu 2, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    jiżguraw li l-utenti, inklużi l-utenti b’diżabbiltà, l-utenti anzjani, u l-utenti bi bżonnijiet speċjali jieħdu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità”;

    (ċ)

    Fil-paragrafu 2, il-punti (c) għandu jiġi mħassar;

    (d)

    Fil-paragrafu 3, il-punti (c) għandu jiġi mħassar;

    (e)

    Fil-paragrafu 3, il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    jikkooperaw bejniethom, mal-Kummissjoni u mal-GRET sabiex jiżguraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.”;

    (f)

    Fil-paragrafu 4, il-punt (e) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “(e)

    jittrattaw il-bżonnijiet ta’ gruppi soċjali speċifiċi, b’mod partikolari l-utenti b’diżabilità, l-utenti anzjani u l-utenti bi bżonnijiet soċjali speċifiċi;”;

    (g)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    “5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fis-segwitu tal-għanijiet politiċi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati billi, inter alia,:

    (a)

    jippromwovu prevedibbiltà regolatorja;

    (b)

    jiżguraw li, f’ċirkostanzi simili, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta’ intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjoni elettronika u servizzi;

    (ċ)

    jissalvagwardjaw kompetizzjoni għall-benefiċċju ta’ konsumaturi u jippromwovu fejn xieraq kompetizzjoni bbażata fuq infrastruttura;

    (d)

    jippromwovu investiment u innovazzjoni effiċjenti f’infrastrutturi ġodda u mtejba;

    (e)

    jieħdu kont debitu tal-varjetà ta’ kondizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-konsumaturi li jeżistu f’żoni ġeografiċi varji fi Stat Membru;

    (f)

    jimponu obbligi regolatorji ex-ante biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli u jirrilassawhom jew ineħħuhom hekk kif ikun hemm tali kompetizzjoni.”;

    (9)

    L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 8a

    Ippjanar strateġiku u koordinazzjoni ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni Ewropea

    1.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni fl-ippjanar strateġiku, koordinazzjoni u armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-aspetti ekonomiċi, ta’ saħħa, ta’ interess pubbliku, ta’ libertà ta’ espressjoni, kulturali, xjentifiċi, soċjali u tekniċi tal-politika tal-UE kif ukoll tal-varji interessi tal-komunitajiet ta’ utenti tal-ispettru tar-radju bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-ispettru tar-radju u jiġu evitati interferenzi dannużi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-koordinazzjoni tal-approċċi politiċi dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni Ewropea u, fejn xieraq, dwar kondizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibilità u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern fil-komunikazzjoni elettronika.

    3.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-koordinazzjoni effettiva tal-interessi tal-UE f’organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju. Kull meta jkun meħtieġ għall-promozzjoni ta’ din il-koordinazzjoni effettiva, il-Kummissjoni, waqt li tieħu l-akbar kont possibbli tal-opinjoni tal-Grupp ta’ Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 622/2002/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 li jistabbilixxi Grupp ta’ Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (17), tista’ tipproponi għanijiet ta’ politika komuni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    4.   Il-Kummissjoni, waqt li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tar-RSPG, tista’ tissottometti proposti leġislattivi għall-istabbiliment ta’ programmi politiċi pluriennali dwar 'l-ispettru tar-radju.

    (10)

    L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “Artikolu 9

    Il-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika

    1.   B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skond l-Artikolu 8. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-ispettur użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati. B’dan, huma għandhom jirrispettaw l-istrumenti ta’ ftehim internazzjonali rilevanti u jistgħu jieħdu kont ta’ konsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju mal-Komunità kollha, b’konsistenza mal-ħtieġa li jkun żgurat l-użu effettiv u effiċjenti tiegħu fi tfittxija għal benefiċċji għall-konsumatur bħal ekonomiji ta’ skala u interoperabbiltà ta’ servizzi. Waqt li jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu skond id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju).

    3.   Sakemm ma jipprovdux mod ieħor it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ teknoloġija użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jintużaw fil-meded ta’ frekwenzi tar-radju, disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika skond il-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom u r-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ teknoloġija tan-network tar-radju jew ta’ l-aċċess bla wajer użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, fejn dan ikun iġġustifikat biex:

    (a)

    tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara,

    (b)

    titħares is-saħħa pubblika mill-kampijiet elettromanjetiċi,

    (ċ)

    tiġi żgurata kwalità teknika ta’ servizz,

    (d)

    jiġi żgurat li l-użu tal-frekwenza tar-radju kemm jista’ jkun jinqasam,

    (e)

    jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew

    (f)

    jiġi żgurat li jinkiseb għan ta’ interess ġenerali taħt il-paragrafu 4.

    4.   Sakemm ma jipprovdux mod ieħor fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jistgħu jkunu provduti fil-meded tal-frekwenzi tar-radju, disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika skond il-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom u r-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li se jkunu provduti.

    Miżuri li jeħtieġu li jiġi provdut servizz ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika disponibbli għal servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkun ġustifikat sabiex jiġi żgurat is-sodisfazzjon ta’ għan ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, bħal u mhux limitat għal:

    (a)

    sikurezza tal-ħajja

    (b)

    il-promozzjoni ta’ koeżjoni soċjali, reġjonali jew territorjali,

    (ċ)

    l-evitar ta’ użu ineffiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju, jew

    (d)

    il-promozzjoni ta’ diversità kulturali u lingwistika u pluraliżmu tal-media, per eżempju bil-forniment ta’ servizzi ta’ xandir bir-radju u t-televiżjoni.

    Miżura li tipprojbixxi l-provvista ta’ kull servizz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika tista’ tiġi prevista biss fejn tkun ġustifikata mill-ħtieġa li jkunu protetti servizzi tas-sikurezza tal-ħajja. L-Istati Membri jistgħu jestendu wkoll tali miżura sabiex jissodisfaw għanijet ta’ interess ġenerali oħrajn.

    5.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-ħtieġa tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 u għandhom jagħmlu r-riżultati ta’ dawn ir-reviżjonijiet pubbliċi.

    6.   Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw għall-ispettru allokat għall-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, l-awtorizzazzjonijiet ġenerali maħruġa u d-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju mogħtija wara … (18).

    L-allokazzjonijiet tal-ispettru, l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet tal-użu individwali li eżistew sa … (18) għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 9a.

    7.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi Speċifiċi u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jevitaw l-ħżin tal-ispettru, b’mod partikolari billi jistabbilixxu skadenzi stretti għall-esplojtazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-użu mid-detentur tad-drittijiet u billi japplikaw penaltajiet, inkluż penali finanzjarji jew l-irtirar ta’ drittijiet ta’ użu f’każ ta’ non konformità mal-iskadenzi. Dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti u applikati b’mod proporzjonat, non diskriminatorju u trasparenti.”;

    (11)

    L-Artikoli li ġejjin għandhom jiġu inseriti:

    “Artikolu 9a

    Reviżjoni tar-restrizzjonijiet għal drittijiet eżistenti

    1.   Għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mill- … (18), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju li jkunu ngħataw qabel dik id-data u li ser jibqgħu validi għal perijodu ta’ mhux anqas minn ħames snin wara dik id-dara, jistgħu jressqu applikazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għal reviżjoni tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom, skond l-Artikolu 9(3) u (4).

    Qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għandha tinnotifika d-detentur tad-drittijiet bir-reviżjoni mill-ġdid tagħha tar-restrizzjonijiet u tindika sa fejn jasal id-dritt konċernat wara r-reviżjoni u għandha tagħtih skadenza raġonevoli biex jirtira l-applikazzjoni tiegħu.

    Jekk id-detentur tad-drittijiet jirtira l-applikazzjoni tiegħu, id-dritt għandu jibqa’ bla tibdil sa l-iskadenza tiegħu jew sa tmiem il-perjodu ta’ 5 snin, skond liema data hija l-aktar kmieni.

    2.   Wara l-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Artikolu 9(3) u (4) japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet jew drittijiet individwali u allokazzjonijiet tal-ispettru użati għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li eżistew sa … (18)

    3.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta.

    4.   Il-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxux l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ġodda u għalhekk mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni).

    Artikolu 9b

    It-trasferiment jew kiri ta’ drittijiet individwali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju

    1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu dispożizzjonijiet biex l-impriżi jittrasferixxu jew jikru d-drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju lil impriżi oħra skond proċeduri nazzjonali.

    Kondizzjonijiet marbuta ma’ drittijiet individwali għandhom jibqgħu japplikaw wara t-trasferiment jew il-kiri, sakemm mhux speċifikat mod ieħor mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intenzjoni tal-impriża li tittrasferixxi d-drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, kif ukoll it-trasferiment effettiv ta’ dawn tkun innotifikata skond proċeduri nazzjonali lill-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ drittijiet individwali ta’ użu u tkun ippubblikata. Meta l-użu tal-frekwenza tar-radju jkun ġie armonizzat permezz tal-applikazzjoni tad- id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju)jew ta’ miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dan għandu jkun konformi ma’ dan l-użu armonizzat.”;

    (12)

    L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkontrollaw l-għotja ta’ drittijiet ta’ użu tar-riżorsi kollha tan-numerazzjoni nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni. L-Istati Membri għandom jiżguraw li firxiet adegwati ta’ numri u numerazzjoni huma provduti għas-servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunkazzjonijiet elettroniċi. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jistabbilixxu proċeduri objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji għall-għotja ta’ drittijiet ta’ użu għar-riżorsi tan-numerazzjoni nazzjonali.

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-pjani nazzjonali għan-numerazzjoni u l-proċeduri jiġu applikati b’mod li jagħti trattament ugwali lill-provdituri kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriża li tingħatala d-dritt ta’ użu għal serje ta’ numri ma tiddiskriminax kontra oħrajn li jippovdu s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fir-rigward tas-sekwenzi tan-numri użati biex jagħtu aċċess għas-servizzi tagħhom.”;

    (b)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-armonizzazzjoni ta’ numri speċifiċi jew firxiet ta’ numri fil-Komunità meta dik tippromwovi kemm il-funzjonament tas-suq intern kif ukoll tappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi pan-Ewropej. Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi xierqa dwar din il-kwistjoni.

    Il-miżuri maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jikkompletawha, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).”;

    (13)

    L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż, għandhom jiġu sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    taġixxi abbażi ta’ proċeduri effiċjenti, trasparenti u disponibbli għall-pubbliku, li jkunu applikati mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien sitt xhur mill-applikazzjoni, ħlief f’każijiet ta’ esproprjazzjoni, u”;

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi fejn awtoritajiet pubbliċi jew lokali jżommu l-proprjetà jew kontroll ta’ impriżi li joperaw networks ta’ komunikazzjoni elettronika pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, ikun hemm separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni responsabbli għall-għoti tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.”;

    (14)

    L-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 12

    Il-ko-lokazzjoni u l-użu komuni ta’ elementi tan-network u faċilitajiet assoċjati għall-fornituri tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika

    1.   Meta impriża li tipprovdi networks tal-komunikazzjoni elettronika jkollha d-dritt skond il-leġislazzjoni nazzjonali li tinstalla faċilitajiet fuq, fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata, jew tista’ tieħu vantaġġ minn proċedura għall-esproprjazzjoni jew l-użu ta’ proprjetà, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu l-kondiviżjoni ta’ tali faċilitajiet jew proprjetà, inklużi inter alia bini jew dħul għal bini, arbli, antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet ta’ appoġġ oħra, tubi, kondjuwit, toqob tal-ispezzjonar, kaxxi tat-triq, kif ukoll elementi tan-network li mhumiex attivi.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jikkondividu l-faċilitajiet jew il-proprjetà (inkluża l-ko-lokazzjoni fiżika) jew jieħdu l-miżuri biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi sabiex ikunu protetti l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jissodisfaw l-għanijet tal-ippjanar tal-ibliet u l-kampanja wara biss perijodu xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulu l-partijiet kollha interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Dan l-użu komuni jew dawn l-arranġamenti ta’ koordinazzjoni jistgħu jinkludu r-regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-użu komuni tal-faċilitajiet jew proprjetà.

    3.   L-Istati Membri jistgħu, fejn xieraq, jiżguraw li impriżi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa, jekk mitluba mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex dawn l-awtoritajiet, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ikunu jistgħu jistabbilixxu inventorju dettaljat tan-natura, disponibbiltà u lokazzjoni ġeografika tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u jagħmluh disponibbli lil partijiet interessati.

    4.   Il-miżuri li jittieħdu minn awtorità regolatorja nazzjonali skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati.”;

    (15)

    Il-kapitolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “KAPITOLU IIIa

    IS-SIGURTÀ U L-INTEGRITÀ TAN-NETWORKS U S-SERVIZZI

    Artikolu 13a

    Is-sigurtà u l-integrità

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jimmaniġġaw adegwatament ir-riskji għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi. Meta tikkunsidra t-teknoloġija l-iktar moderna, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà li jkun adattat għar-riskju li jippreżenta ruħu. B’mod partikolari, il-miżuri għandhom jittieħdu biex jevitaw u jnaqqsu l-impatt tal-inċidenti ta’ sigurtà fuq l-utenti u n-networks li jkunu interkonnessi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità tan-networks tagħhom, u b’hekk jiżguraw il-kontinwità tal-provvista tas-servizzi pprovduti minn fuq dawk in-networks.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali bi ksur tas-sigurtà jew telf tal-integrità li kellu impatt sinifikanti fuq it-tħaddim tan-networks u tas-servizzi.

    L-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tgħarraf lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fi Stati Membri oħra u l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) jekk Stati Membri oħra setgħu kienu jew kienu affettwati. L-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata tista’ tgħarraf lill-pubbliku jew titlob lill-impriżi kkonċernati biex jagħmlu dan, fejn tistabbilixxi li jkun fl-interess pubbliku li l-ksur ikun żvelat.

    Darba fis-sena, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha tippreżenta rapport fil-qosor lill-Kummissjoni u lil ENISA dwar in-notifiki li tirċievi u l-azzjoni li tkun ittieħdet skond dan il-paragrafu.

    4.   Il-Kummissjoni, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-ENISA, tista’ tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi li jkunu xierqa bil-għan li jkunu armonizzati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, inklużi l-miżuri li jiddefinixxu ċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri li japplikaw għar-rekwiżiti tan-notifika. Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi kemm jista’ jkun għandhom ikunu bbażati fuq standards Ewropej u internazzjonali, u m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw ħtiġijiet addizzjonali sabiex isegwu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

    Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).

    Artikolu 13b

    L-implimentazzjoni u l-infurzar

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti jkollhom is-setgħa li joħorġu istruzzjonijiet li jorbtu lill-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku sabiex jimplimentaw l-Artikolu 13a.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi li jipprovdu n-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku biex:

    (a)

    jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex tkun ivvalutata s-sigurtà u l-integrità tas-servizzi u n-networks tagħhom, inklużi d-dokumenti dwar il-politika ta’ sigurtà; kif ukoll

    (b)

    jikkontribwixxu għal verifika tas-sigurtà mwettqa minn korp indipendenti kwalifikat jew awtorità nazzjonali kompetenti u tagħmel ir-riżultati ta’ din disponibbli lill-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ispiża tal-verifika għandha titħallas mill-impriżi.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jinvestigaw il-każi ta’ nuqqas ta’ konformità.

    4.   Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu bla ħsara għall-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.”;

    (16)

    Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’ li ġej:

    “3.   Fejn impriża jkollha saħħa sinifikanti fis-suq f’suq speċifiku, tista’ wkoll titqies li jkollha saħħa sinifikanti fis-suq f’suq relatat mill-qrib, fejn ir-rabtiet bejn iż-żewġ swieq huma tali li jippermettu li s-saħħa fis-suq miżmuma f’suq wieħed titferra ' fis-suq l-ieħor, b’hekk issaħħaħ is-saħħa tas-suq ta’ l-impriża. Konsegwentement, rimedji mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ tali trasferiment jistgħu jiġu applikati fis-suq marbut skond l-Artikoli 9, 10, 11 u 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-‘Direttiva tal-Aċċess’) u fejn tali rimedji ma jkunux biżżejjed, jistgħu jiġu imposti rimedji skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-‘Direttiva dwar is-Servizz Universali’).”;

    (17)

    L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    L-intestatura għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “Il-proċedura għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tas-swieq”;

    (b)

    Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Wara l-konsultazzjoni pubblika u l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-GRET, il-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2), għandha tadotta Rakkomandazzjoni dwar is-Swieq ta’ Prodotti u Servizzi Rilevanti (ir-‘Rakkomandazzjoni’). Ir-Rakkomandazzjoni għandha tidentifika dawk is-swieq ta’ prodotti u servizzi ġewwa s-settur tal-komunikazzjoni elettronika li l-karatteristiċi tagħhom jistgħu jkunu hekk li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ l-obbligi regolatorji stabbiliti fid-Direttivi Speċifiċi, bla ħsara għas-swieq li jistgħu jkunu definiti f’każijiet speċifiċi skond il-liġi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-swieq skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni.”;

    (ċ)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jieħdu kont sħiħ tar-Rakkomandazzjoni u lil-Linji Gwida, għandhom jiddefinixxu s-swieq rilevanti li jaqblu maċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari s-swieq ġeografiċi rilevanti ġewwa t-territorju, skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom isegwu l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7 qabel ma jiddefinixxu s-swieq li huma diversi minn dawk identifikati fir-Rakkomandazzjoni.”;

    (d)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji il-Kummissjoni tista’, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-GRET, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2a), tadotta deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali.”;

    (18)

    L-Artikolu 16 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti b’kont meħud tas-swieq identifikati fir-Rakkomandazzjoni, u wara li jieħdu kont sħiħ tal-Linji Gwida. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-analiżi titwettaq, meta jkun xieraq, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

    2.   Fejn awtorità regolatorja nazzjonali tintalab taħt il- paragrafi (3) jew (4) ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (‘id-Direttiva dwar is-Servizz Universali’), jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (‘id-Direttiva dwar l-Aċċess’) biex tiddetermina jekk timponix, iżżommx, temendax jew tirtirax l-obbligi fuq l-impriżi, hija għandha tiddetermina fuq il-bażi tal-analiżi tas-suq tagħha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk is-suq rilevanti jkunx kompetittiv b’mod effettiv.”;

    (b)

    Il-paragrafi 4, 5 u 6 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tistabbilixxi li suq rilevanti mhux effettivament kompetittiv, hija għandha tidentifika impriżi li individwalment jew flimkien għandhom saħħa sinifikanti fuq dak is-suq skond l-Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha timponi fuq dawk l-impriżi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn diġa’ jeżistu.

    5.   Fil-każ tas-swieq transnazzjonali identifikati fid-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15(4), l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji konċernati għandhom konġuntement iwettqu analiżi tas-suq, waqt li jieħdu kont sħiħ tal-Linji Gwida u jiddeċiedu b’mod miftiehem dwar kwlaunkwe impożizzjoni, manutenzjoni, emenda jew irtirar tal-obbligazzjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   Miżuri meħuda skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu soġġetti għall-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti u jinnotifikaw l-abbozz ta’ miżura korrispondenti skond l-Artikolu 7:

    a)

    fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tal-miżura preċedenti relatata ma’ dak is-suq; Madankollu, b’mod eċċezzjonali, dak il-perijodu jista’ jiġi estiż lil hinn minn tliet snin, fejn l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun notifikat estensjoni proposta b’raġuni lill-Kummissjoni u l-Kummissjoni ma tkunx oġġezzjonat fi żmien xahar mill-estensjoni notifikata;

    b)

    fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni riveduta dwar is-swieq rilevanti, għas-swieq li ma kinux notifikati qabel lill-Kummissjoni, jew;

    c)

    fi żmien sentejn mill-adeżjoni tagħhom, għall-Istati Membri li għadhom kif issieħbu mal-Unjoni.”;

    (ċ)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

    “7.   Meta awtorità regolatorja nazzjonali ma tkunx temmet l-analiżi tagħha tas-suq rilevanti identifikat fir-Rakkomandazzjoni fiż-żmien preskritt fl-Artikolu 16(6), il-GRET għandha, fuq talba, tipprovdi assistenza lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata fit-tlestija tal-analiżi tas-suq speċifiku u l-obbligi speċifiċi li ser jiġu imposti. B’din l-assistenza, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata għandha fi żmien sitt xhur tinnotifika l-abbozz ta’ miżura lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.”;

    (19)

    L-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, il-kliem “waqt li tagġixxi skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 22(2)” huwa sostitwit bil-kliem “waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2a)”;

    (b)

    It-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Fin-nuqqas ta’ dawk l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali jew rakkomandazzjonijiet adottati mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), il-Kumitat tal-Komunikazzjoni Elettronika (ECC), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u il-Kummissjoni Internazzjonali Elettroteknika (IEC).”;

    (ċ)

    Il-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “4.   Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel l-implimentazzjoni ta’ ċerti standards u/jew speċifikazzjonijiet obbligatorja, għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tistieden kummenti pubbliċi mill-partijiet kollha konċernati. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa u tagħmel l-implimentazzjoni tal-istandards rilevanti obbligatorji billi tagħmel referenza għalihom bħala standards obbligatorji fil-lista tal-istandards u/jew speċifikazzjonijiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Fejn il-Kummissjoni tqis li l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jikkontribwixxux aktar għall-provvista ta’ servizzi armonizzati ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li ma jkunux għadhom jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumatur jew qed ifixklu l-iżvilupp teknoloġiku, għandha, waqt li taġixxi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2a), tneħħihom mill-lista ta’ standards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”;

    (d)

    Fil-paragrafu 6, il-kliem “filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 22(3), tneħħihom mill-lista ta’ l-istandards u/ew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “tieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa u tneħħi dawk l-istandards jew speċifikazzjonijiet mil-lista ta’ l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1”;

    (e)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi inserit:

    “6a.   Il-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 6, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).”;

    (20)

    L-Artikolu 18 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, il-punt (c) li ġej għandu jiġi miżjud:

    “(ċ)

    dawk li jipprovdu s-servizzi u t-tagħmir tat-TV diġitali biex jikkooperaw fil-provvista ta’ servizzi interoperabbli tat-TV għall-utenti fnali b’diżabbiltà.”;

    (b)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar;

    (21)

    L-Artikolu 19 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 19

    Proċeduri ta’ armonizzazzjoni

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva u tal-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2002/20/KE (‘id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni’), fejn il-Kummissjoni ssib li d-diverġenzi fl-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi jistgħu joħolqu barriera għas-suq intern, il-Kummissjoni tista’, wara li tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-GRET, jekk ikun hemm waħda, toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi sabiex ikomplu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8.

    2.   Meta l-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni skond il-paragrafu 1, għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2).

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kont sħiħ ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Meta awtorità regolatorja nazzjonali tagħżel li ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha.

    3.   Il-GRET tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess tagħti parir lill-Kummissjoni dwar jekk il-miżura għandhiex tiġi adottata skond il-paragrafu 1.”;

    (22)

    L-Artikolu 20(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fil-każ ta’ disputa li tinqala’ b’konnessjoni ma’ obbligazzjonijiet eżistenti taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjoni elettronika jew servizzi fi Stat Membru, jew bejn tali impriżi u impriżi oħra fl-Istat Membru li jibbenefika mill-obbligi ta’ aċċess u/jew konnessjoni minn ġewwa li tirriżulta minn din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi, l-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata, għandha, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-partijiet, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi d-disputa fl-iqsar perijodu ta’ żmien possibbli u f’kull każ fi żmien erba ' xhur, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. L-Istat Membru konċernat għandu jitlob li l-partijiet kollha jikkooperaw kompletament ma’ l-awtorità regolatorja nazzjonali.”;-

    (23)

    L-Artikolu 21 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 21

    Is-soluzzjoni ta’ disputi transkonfinali

    1.   Fil-każ ta’ disputa transkonfinali taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn partijiet fi Stati Membri differenti, u meta d-disputa taqa ' fl-ambitu tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   Kwalunkwe parti tista’ tirreferi d-disputa lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji konċernati. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kompetenti għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni għad-disputa, skond l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8.

    Kwalunkwe awtorità nazzjonali regolatorja li għandha kompetenza f’tali disputa tista’ titlob lill-GRET biex tadotta opinjoni dwar l-azzjoni li trid tittieħed skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas u/jew d-Direttivi Speċifiċi biex tiġi solvuta d-disputa.

    Meta din it-talba tkun saret lill-GRET, kwalunkwe awtorità nazzjonali regolatorja li jkollha l-kompetenza f’xi aspett tad-disputa għandha tistenna l-opinjoni tal-GRET, qabel ma taġixxi biex tirriżolvi d-disputa. Dan m’għandux jimpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji milli jieħdu l-miżuri urġenti meta jkun meħtieġ.

    Kull obbligu impost fuq l-impriża mill-awtorità regolatorja nazzjonali biex tirriżolvi d-disputa għandu jirrispetta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi u jieħu kont sħiħ tal-opinjoni adottata mill-GRET.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kompetenti biex flimkien ma jaċċettawx li jirriżolvu d-disputa meta jkunu jeżistu mekkaniżmi oħra, inkluża l-medjazzjoni, u dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu aħjar għar-riżoluzzjoni tad-disputa b’mod f’waqtu skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8.

    Huma għandhom jinfurmaw lill-partijiet mingħajr dewmien. Jekk wara erba’ xhur id-disputa ma tkunx riżolta, fejn id-disputa ma tkunx tressqet quddiem il-qrati mill-parti li tkun qed tfittex rimedju u jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet titlob dan, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jirriżolvu d-disputa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 u b’kont sħiħ meħud ta’ kwalunkwe opinjoni adottata mill-GRET.

    4.   Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhiex tipprekludi lil xi waħda mill-partijiet milli tieħu azzjoni fil-qorti.”;

    (24)

    L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 21a

    Pieni

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkunu implimentati. Il-pieni li jkun ipprovdut għalihom għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill … (19) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”;

    (25)

    L-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 2a għandu jiġi miżjud:

    “2a.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

    (b)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi ssostitwit bit-test li ġej:

    “3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

    (ċ)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar;(26)L-Artikolu 27 għandu jiġi mħassar;

    (26)

    L-Artiklu 27 għandu jiġi mħassar;

    (27)

    L-Anness I għandu jiġi mħassar;

    (28)

    L-Anness II għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS II

    Kriterji li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji meta ssir evalwazzjoni tad-dominanza konġunta skond it-tioeni subparagrafu tal-Artikolu 14(2)

    Żewġ impriżi jew aktar jistgħu jinstabu li jkunu f'pożizzjoni ta' dominanza konġunta fis-sens tal-Artikolu 14 jekk, anke fin-nuqqas ta' struttura jew rabtiet oħra bejniethom, huma joperaw f'suq li huwa karatterizzat b'nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva u li fih l-ebda impriża ma għandha saħħa sinifikanti fis-suq. Skond id-dispożizzjonijiet dwar id-dominanza konġunta stabbiliti fir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar il-Fużjonijiet) (20), dan x'aktarx ser ikun il-każ fejn is-suq huwa konċentrat u jesebixxi numru ta' karatteristiċi xierqa li minnhom dawn li ġejjin jistgħu jkunu l-aktar rilevanti fil-kuntest tal-komunikazzjoni:

    elastiċità baxxa tad-domanda

    ishma simili fis-suq

    ostakoli legali jew ekonomiċi għolja għad-dħul

    integrazzjoni vertikali b'rifjut kollettiv ta' forniment

    nuqqas ta' poter ta' kontrobilanċ min-naħa tax-xerrej

    nuqqas ta' kompetizzjoni potenzjali.

    Din ta' hawn fuq hija lista indikattiva u m'hijiex eżawrjenti, lanqas il-kriterji ma huma kumulattivi. Anzi, l-lista hija maħsuba biex turi biss it-tip ta' evidenza li tista' tintuża biex issostni asserzjonijiet li jikkonċernaw l-eżistenza ta' dominanza konġunta.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttiva 2002/19/KE (Id-Direttiva ta’ Aċċess)

    Id-Direttiva 2002/19/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    ‘aċċess’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet u/jew servizzi lil impriża oħra, taħt kundizzjonijiet definiti, fuq bażi esklussiva jew mhux esklussiva, bl-iskop li jkunu provduti s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż meta jintużaw għall-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew servizzi ta’ xandir tas-servizzi b’kontenut. Tkopri, fost l-oħrajn: aċċess għall-elementi ta’ network u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess mal-linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali); aċċess għal infrastruttura fiżika, inklużi bini, tubi u arbli; aċċess għal sistemi ta’ software rilevanti, inklużi sistemi ta’ appoġġ operazzjonali; aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni jew bażijiet tad-data għall-ordnijiet minn qabel, forniment, ordnijiet, talbiet ta’ manutenzjoni u tiswija, u kontijiet; aċċess għat-traduzzjoni ta’ numri jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti; aċċess għal networks fissi u mobbli, partikolarment għar-roaming; aċċess għal sistema ta’ aċċess kundizzjonali għal servizzi ta’ televiżjoni diġitali u aċċess għal servizzi ta’ network virtwali.”;

    (b)

    Il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    ‘linja lokali’ tfisser iċ-ċirkwit fiżiku li jqabbad il-punt tat-terminazzjoni tan-network fil-post tal-abbonat mal-qafas prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti fin-network tal-komunikazzjoni elettronika pubbliku fiss.”;

    (2)

    L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-operturi tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni għandhom ikollhom id-dritt u, meta jintalbu minn impriżi oħra li jkunu awtorizzati biex jagħmlu dan skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni), l-obbligu li jinnegozjaw l-ikkonnettjar ta’ network ma’ ieħor bl-iskop li jipprovdu s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku, sabiex jiżguraw il-provvista u l-interoperabilità tas-servizzi mal-Komunità kollha. L-operaturi għandhom joffru l-aċċess u l-ikkonnettjar lill-impriżi l-oħra skond termini u kundizzjonijiet konsisenti ma’ l-obbligi imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikoli 5, 6, 7 u 8.”;

    (3)

    L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit kif ġej:

    “1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-għanijet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, investiment u innovazzjoni effiċjenti, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.”;

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “2.   L-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom ikunu implimentati skond il-proċedura msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/ 21 /KE (Direttiva Qafas).”;

    (ċ)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar;

    (d)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tal-linji politiċi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

    (4)

    L-Artikolu 6(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fid-dawl ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni biex temenda l-Anness I. Dawn il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 14(3).”;

    (5)

    L-Artikolu 7 għandu jiġi mħassar;

    (6)

    L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, il-kliem “f’Artikoli 9 sa 13” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “fl-Artikoli 9 sa 13a”;

    (b)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    L-ewwel subparagrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

    fl-ewwel inċiż, il-kliem “Artikoli 5(1), 5(2) u 6” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Artikoli 5(1) u 6”.

    fit-tieni inċiż, “Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ tagħrif personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (21)” għandha tiġi sostitwita bi “Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (22)

    (ii)

    it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’ li ġej:

    “F’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha intenzjoni li tinponi fuq operaturi b’ setgħa sostanzjali fuq is-suq obbligi oħra għall-aċċess u l-interkonnessjoni minbarra dawk stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva, hija għandha tissottometti din it-talba lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont sħiħ tal-opinjoni tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fit-Telekomunikazzjonijiet (GRET’) (23). Il-Kummissjoni, għandha tieħu deċiżjoni li tawtoriżża jew tipprojbixxi lill- awtorità regolatorja nazzjonali milli tieħu tali miżuri.

    (7)

    L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, jimponu obbligi għat-trasparenza b’relazzjoni mal-interkonnessjoni u/jew aċċess, li jeħtieġu li l-operaturi jagħmlu pubbliku informazzjoni speċifika, bħal informazzjoni dwar il-kontabilità, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-karatteristiċi tan-network, it-termini u kondizzjonijiet għall-forniment u l-użu, inklużi l-linji politiċi dwar il-ġestjoni tat-traffiku, u l-prezzijiet.”;

    (b)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Minkejja l-paragrafu 3, fejn operatur ikollu obbligi taħt l-Artikolu 12 dwar aċċess għal infrastrutturi ta’ network ta’ kummerċ bl-ingrossa, inkluż aċċess disassoċjat għal-linja lokali f’post fiss, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza li jkun fiha tal-anqas l-elementi stabbiliti fl-Anness II.”;

    (ċ)

    Il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-emendi meħtieġa għall-Anness II sabiex tadattah għall-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq. Il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(3).Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’ tkun assistita mill-GRET.”;

    (8)

    L-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    li jagħtu lil partijiet terzi aċċess għal elementi u/jew faċilitajiet speċifiċi ta’ networks, inkluż aċċess għal elementi ta’ network li mhumiex attivi/jew aċċess disassoċjat għal-linja lokali, sabiex fost oħrajn, ikunu permessi l-għażla u/jew l-għażla minn qabel tal-operaturi u/jew l-offerta ta’ abbonament fil-linja tal-bejgħ mill-ġdid;”;

    (b)

    Fil-paragrafu 1, il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(f)

    li jipprovdu l-ko-lokazzjoni jew forom oħra ta’ użu komuni tal-faċilitajiet assoċjati, inklużi t-tubi, il-bini jew id-dħul fil-bini, l-antenni, it-torrijiet u l-kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, il-konduits, l-arbli, it-toqob ta’ l-ispezzjonar, u l-kaxxi;”;

    (ċ)

    Fil- paragrafu 1, il-punt li ġej għandu jiġi miżjud:

    “(j)

    li jipprovdu l-aċċess għas-servizzi assoċjati bħal ma huma servizzi tal-identità, il-lok u l- preżenza.”;

    (d)

    Fil-paragrafu 2, il-kliem introduttorju u l-punt (a) għandhom jiġu sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikunu qegħdin jikkunsidraw l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, u b’ mod partikulari, meta jkunu qegħdin jevalwaw kif tali obbligi jistgħu jkunu proporzjonali għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), huma għandhom jieħdu kont b’ mod partikulari tal- fatturi li ġejjin:

    (a)

    il-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-użu jew l-istallazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp tas-suq, b’kont meħud tan-natura u t-tip ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess involuti, inkluż il-vijabbiltà ta’ prodotti oħra ta’ aċċess upstream bħal aċċess għal tubi;”;

    (e)

    Fil-paragrafu 2, il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fuq terminu twil, inkluż permezz ta’ kompetizzjoni bbażata fuq infrastruttura li tkun ekonomikament effiċjenti;”;

    (f)

    Il-paragrafu 3 li ġej għandu jiġi miżjud:

    “3.   Meta jimponu l-obbligi fuq l-operatur biex jipprovdi l-aċċess skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tekniċi jew operattivi li jridu jkunu ssodisfatti minn dak li jipprovdi l-aċċess u/jew mill-benefiċjarji ta’ dan l-aċċess meta jkun meħtieġ biex ikun żgurat it-tħaddim normali tan-network. Meta jkun hemm l-obbligi li jkunu segwiti standards tekniċi speċifiċi dawn għandhom ikunu konformi ma’ l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet preskritti skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

    (9)

    L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, timponi obbligi rigward l-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet rigward l-ispejjeż u l-obbligi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq tindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur ikkonċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali. Sabiex jiġu inkoraġġuti l-investimenti magħmulin mill-operatur inklużi fin-networks tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital adegwat investit, b’kont meħud tar-riskji involuti.”;

    (b)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

    “5.   Minflok jimponu obbligi fuq is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jaċċettaw l-użu ta’ metodi alternattivi tal-ipprezzar tal-interkonnessjoni, bħal metodu ta’ ‘bill and keep’ dment li tali metodi ma jxekklux jew jfixklux il-kompetizzjoni.”;

    (10)

    L-Artikoli li ġejjin għandhom jiġu inseriti:

    “Artikolu 13a

    Separazzjoni funzjonali

    1.   Meta awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li l-obbligi adatti imposti skond l-Artikoli 9 sa 13 jkunu fallew biex tinkiseb kompetizzjoni effettiva u li hemm problemi ta’ kompetizzjoni/fallimenti fis-suq importanti u persistenti identifikati fir-rigward tal-forniment bl-ingrossa ta’ ċerti prodotti ta’ aċċess, hija tista’, bħala miżura eċċezzjonali, skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3), timponi obbligu fuq impriżi integrati vertikalment li jqiegħdu l-attivitajiet relatati mal-provvista bl-ingrossa ta’ dawn il-prodotti ta’ aċċess f’entità ta’ negozju li topera b’mod indipendenti.

    Dik l-entità ta’ negozju għandha tforni l-prodotti u s-servizzi ta’ aċċess lill-impriżi kollha, inklużi entitajiet ta’ negozju oħrajn fi ħdan il-kumpannija prinċipali (parent company), fl-istess perijodi ta’ żmien, bl-istess termini u kundizzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz u l-livelli ta’ servizz, u permezz tal-istess sistemi u proċessi.

    2.   Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jkollha l-ħsieb li timponi obbligu ta’ separazzjoni funzjonali, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kummissjoni li tkun tinkludi:

    (a)

    provi li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1;

    (b)

    evalwazzjoni bir-raġunijiet li turi li f’perijodu raġonevoli, il-prospett ta’ kompetizzjoni ibbażata fuq l-infrastruttura huwa ineżistenti jew limitat;

    (ċ)

    analiżi tal-impatt mistenni fuq l-awtorità regolatorja, fuq l-impriża, fuq l-inċentivi tagħha biex tinvesti f’settur in ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li tkun żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali, u fuq partijiet involuti oħrajn, inkluż b’mod partikolari, l-impatt mistenni fuq il-kompetizzjoni għall-infrastruttura, u kull effett potenzjali fuq il-konsumaturi;

    3.   L-abbozz ta’ miżura għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    in-natura preċiża u l-livell ta’ separazzjoni, waqt li jispeċifika b’mod partikolari l-istatus ġuridiku tal-entità ta’ negozju separata;

    (b)

    identifikazzjoni tal-assi tal-entità ta’ negozju separata, u tal-prodotti jew tas-servizzi li għandhom jiġu fornuti minn din l-entità;

    (ċ)

    l-arranġamenti ta’ governanza biex tkun żgurata l-indipendenza tal-persunal impjegat mill-entità ta’ negozju separata, u l-istruttura ta’ inċentivi korrispondenti;

    (d)

    ir-regoli biex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi;

    (e)

    ir-regoli biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċeduri operattivi, b’mod partikolari lejn partijiet involuti oħrajn;

    (f)

    il-programm ta’ monitoraġġ biex tkun żgurata l-osservanza, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali.

    4.   Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ miżura meħuda skond l-Artikolu 8(3), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq analiżi koordinata tas-swieq differenti relatati man-network ta’ aċċess skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timponi, iżżomm, temenda jew tirtira l-obbligi, skond l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

    5.   Impriża li fuqha kienet imposta s-separazzjoni funzjonali tista’ tkun soġġetta għal kwalunkwe obbligu identifikat fl-Artikoli 9 sa 13 fi kwalunkwe suq speċifiku meta hija tkun ġiet identifikata bħala li għandha saħħa sinifikanti fis-suq skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), jew kwalunkwe obbligu ieħor awtorizzat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3).

    Artikolu 13b

    Is-separazzjoni volontarja minn impriża integrata vertikalment

    1.   Impriżi li kienu nominati bħala li kellhom saħħa sinifikanti f’wieħed jew diversi swieq rilevanti skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) għandhom jinfurmaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali minn qabel u b’ mod tempestiv, sabiex jippermettu lill-awtorita’ regolatorja nazzjonali biex tevalwa l-effett tat-tranżazzjoni ppjanata, fejn ikunu bi ħsiebhom jittrasferixxu l-assi tagħhom fin-network għall-aċċess lokali jew parti sostanzjali minnhom lil entità ġuridika separata li tkun proprjeta ta’ ħaddieħor, jew li jistabbilixxu entità ta’ negozju separata biex huma jfornu lill-impriżi li jbigħu lill-utenti finali, inklużi d-diviżjonijiet tagħhom stess li jbigħu lill-utenti finali, bil-prodotti għall-aċċess li jkunu ekwivalenti għal kollox.

    L-impriżi għandhom ukoll jinfurmaw lill-awtorità regolartorja nazzjonali dwar kwalunkwe bidla f’dak is-sens kif ukoll dwar l-eżitu finali tal-proċess ta’ separazzjoni.

    2.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta l-effett tat-tranżazzjoni maħsuba fuq l-obbligi regolatorji eżistenti skond id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

    Għal dak il-għan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tmexxi analiżi koordinata tad-diversi swieq relatati man-network għall-aċċess skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

    Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timponi, iżżomm, temenda jew tirtira l-obbligi, skond l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

    3.   L-entità ta’ negozju li tkun separata b’mod legali u/jew operattiv tista’ tkun soġġetta għal kull obbligu identifikat fl-Artikoli 9-13 f’kull suq speċifikat meta hija tkun nominata bħala li għandha saħħa sinifikanti fis-suq skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), jew għal kull obbligu ieħor awtorizzat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3).”;

    (11)

    L-Artikolu 14 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

    (b)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar.

    (12)

    L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    It-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    (b)

    Id-definizzjoni (a) għandha tiġi sostitwita b’ li ġej:

    “(a)

    ‘sub-linja lokali’ tfisser linja lokali parzjali li tikkonettja il-punt terminali ta’ network ma’ punt ta’ konċentrazzjoni jew punt intermedju speċifikat ta’ aċċess fin-network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tat-telefon pubbliku fiss;”

    (ċ)

    Id-definizzjoni (c) għandha tiġi sostitwita b’ li ġej:

    “(ċ)

    ‘aċċess disassoċjat sħiħ għal-linja lokali’ tfisser il-forniment lil benefiċjarju ta’ aċċess għal-linja lokali jew sub-linja lokali ta’ l-operatur notifikat li tippermetti l-użu tal-kapaċità sħiħa ta’ l-infrastruttura tan-network;”

    (d)

    Id-definizzjoni (d) għandha tiġi sostitwita b’ li ġej:

    “(d)

    ‘aċċess maqsum għal-linja lokali’ tfisser il-forniment lil benefiċjarju ta’ aċċess għal-linja lokali jew sub-linja lokali ta’ l-operatur notifikat, li tippermetti l-użu ta’ parti speċifikata tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tan-network, bħal parti mill-frekwenza jew l-ekwivalenti;”

    (e)

    Fil-parti A, il-punti 1, 2, u 3 għandhom jiġu sostiwiti b’ li ġej;

    “1.

    L-elementi tan-network li għalihom l-aċċess huwa offrut li jkopru b’mod partikolari l-elementi li ġejjin, flimkien ma’ faċilitajiet assoċjati xierqa:

    (a)

    aċċess disassoċjat għal-linji lokali u għas-sub-linji lokali (sħiħ u maqsum);

    (b)

    aċċess disassoċjat għal-linji lokali u għas-sub-linji lokali (sħiħ u maqsum), inkluż fejn rilevanti, aċċess għall-faċilitajiet assoċjati bħal ma huma ducts u/jew optical fibre għal-backhaul;

    (ċ)

    fejn rilevanti, aċċess għad-ducts li jippermettu r-roll-out ta’ networks ta’ aċċes.

    2.

    Tagħrif li jikkonċerna s-siti ta’ l-aċċess fiżiku inklużi kabinetts tat-toroq u oqfsa ta’ distribuzzjoni, id-disponibilità tal-linji lokali u tas-sub-linji lokali, tad-ducts u tal-faċilitajiet ta’l-backhaul f’partijiet speċifiċi tan-network ta’ l-aċċess, u fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar fejn qegħdin id-ducts u d-disponibilità fid-ducts;

    3.

    Kondizzjonijiet tekniċi relatati ma’ l-aċċess u l-użu ta’ linji lokali u sub-linji lokali u ducts, inklużi l-karatteristiċi tekniċi tal-par milwi, ta’ fibra optika jew l-ekwivalenti, u tad-distributuri tal-kejbil, ducts u faċilitajiet assoċjati, u fejn rilevanti, il-kundizzjonijiet tekniċi relatati mal-aċċess għad-ducts;”

    (f)

    Fil-parti B, il-punt 1 għandu jiġi sostitwit b’ li ġej:

    “1.

    Informazzjoni dwar fejn qegħdin is-siti rilevanti jew tagħmir eżistenti tal-operatur notifikat u l-aġġornmenti ppjanati ta’ dawn.”.

    Artikolu 3

    Emendi għad-Direttiva 2002/20/KE (Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)

    Id-Direttiva 2002/20/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika wkoll:

    ‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser il-qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-networks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, skond din id-Direttiva.”;

    (2)

    L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri

    1.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. L-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

    tkun evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

    tkun żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;

    ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru; jew

    jiġu sodisfatti għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

    2.   Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ networks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skond id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

    Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skond il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

    Meta jagħtu d-drittijiet ta’ użu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw jekk dawk id-drittijiet jistgħux ikunu ttrasferiti mid-detentur tad-drittijiet, u taħt liema kondizzjonijiet. Fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, tali dispożizzjoni għandha tkun skond l-Artikolu 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

    Fejn Stati Membri jagħtu drittijiet ta’ użu għal perijodu ta’ żmien limitat, id-durata għandha tkun adatta għas-servizz ikkonċernat fid-dawl tal-objettiv segwit u l-investimenti meħtieġa.

    Kwalunkwe dritt individwali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju li jingħata għal aktar minn 10 snin u li ma jistax ikun ittrasferit jew mikri bejn l-impriżi skond l-Artikolu 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (Id-Direttiva Qafas), għandu jkun soġġett għal eżami mill-awtorità nazzjonali kompetenti fid-dawl tal-kriterji fil-paragrafu 1, b’mod partikolari fuq talba ġustifikata tad-detentur tad-dritt. Jekk il-kriterji biex jingħataw id-drittijiet individwali ta’ użu ma jkunux japplikaw iżjed, id-dritt individwali ta’ użu għandu jinbidel f’awtorizzazzjoni ġenerali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, jew ikun jista’ jiġi trasferit jew mikri bejn l-impriżi skond l-Artikoli 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (Id-Direttiva Qafas).

    3.   Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għandhom jittieħdu, jkunu komunikati u magħmula pubbliċi malajr kemm jista’ jkun wara li tkun waslet l-applikazzjoni kompluta tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fi żmien tliet gimgħat fil-każ tan-numri li kienu allokati għal skopijiet speċifiċi ġewwa l-pjan nazzjonali għall-għoti tan-numri u fi żmien sitt ġimgħat fil-każ tal-frekwenzi tar-radju li kienu allokati biex jintużaw minn servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ġewwa l-pjan nazzjonali għall-frekwenzi. Il-limitu ta’ żmien imsemmi l-aħħar għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali applikabbli relatat mal-użu ta’ frekwenzi tar-radju jew pożizzjonijiet orbitali.

    4.   Fejn ikun ġie deċiż, wara li kienu konsultati l-partijiet konċernati skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), li d-drittijiet għall-użu tan-numri ta’ valur ekonomiku eċċezzjonali jridu jingħataw permezz ta’ proċeduri ta’ għażla li jkunu kompetittivi u komparattivi, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu massimu ta’ tliet ġimgħat b’mhux iktar minn tliet ġimgħat oħra.

    Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-frekwenzi tar-radju, l-Artikolu 7 għandu japplika.

    5.   L-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw ħlief fejn dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċcjenti ta’ frekwenzi tar-radju skond l-Artikolu 7.

    6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skond l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju.”;

    (3)

    L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-awtorizzazzjoni ġenerali biex ikunu provduti n-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, u d-drittijiet għall-użu tan-numri, tista’ tkun soġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness I. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u mhux diskriminatorji, u fil-każ ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandhom ikunu skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

    (b)

    Fil-paragrafu 2, il-kliem “l-Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali)” għandha tiġi ssostitwita bil-kliem “l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali)”;

    (ċ)

    Fil-paragrafu 3, il-kelma ‘Anness’ għandha tiġi sostitwita bil-kliem “Anness I”;

    (4)

    L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    Il-kliem introduttorju għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skond it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:”;

    (ii)

    Il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(ċ)

    jippubblika kull deċiżjoni biex jillimita l-għoti tad-drittijiet għall-użu jew it-tiġdid tad-drittijiet għall-użu, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dan;”;

    (b)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji ta’ l-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu ta’ dik id-Direttiva.”;

    (ċ)

    Fil-paragrafu 5, il-kliem “Artikolu 9” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Artikolu 9b”;

    (5)

    L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijet għall-użu u ta’ l-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), skond l-Artikolu 11.

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali jew li jgawdu d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun ivverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu jew ta’ l-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), skond l-Artikolu 11.

    2.   Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jirriżultalha li impriża ma tkunx qed tosserva waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew ta’ l-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), hija għandha tinnotifika lill-impriża b’dak ir-riżultat u tagħti lill-impriża l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

    3.   L-awtorità rilevanti għandha jkollha s-setgħa li titlob il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 2 jew minnfih jew f’limitu ta’ żmien raġonevoli u għandha tieħu l-miżuri xierqa u proporzjonati bl-iskop li tiżgura l-osservanza.

    F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet rilevanti li jimponu pieni finanzjarji meta jkun xieraq. Il-miżuri u r-raġunijiet li fuqhom huma jkunu bażati għandhom ikunu komunikati lill-impriża konċernata mingħajr dewmien u għandhom jistipulaw perijodu raġonevoli għall-impriżi biex dawn jiġu konformi mal-miżura.”;

    (b)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtorità rilevanti s-setgħa li timponi sanzjonijiet finanzjarji, fejn xieraq, fuq impriżi li jkunu naqsu milli jipprovdu informazzjoni skond l-obbligi imposti fl-Artikolu 11(1)(a) jew (b) ta’ din id-Direttiva, jew skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva ta’ Aċċess), f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, stipulat mill-awtorità regolatorja nazzjonali.”;

    (ċ)

    Il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Fil-każi ta’ ksur serju jew ripetut tal-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew ta’ l-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2), meta jkunu fallew il-miżuri immirati biex jiżguraw l-osservanza kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu ma jħallux lill-impriża tkompli tipprovdi n-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jew jissospendu jew jirtiraw id-drittijet għall-użu. Is-sanzjonijiet u l-pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kull ksur, ukoll jekk sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat.”;

    (d)

    Il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 5, meta l-awtorità rilevanti jkollha l-evidenza ta’ ksur tal-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet għall-użu, jew ta’ l-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2) li jkun jirrappreżenta theddida immedjata u serja għall-protezzjoni pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika jew li jkun se joħloq problemi ekonomiċi u operattivi serji għal oħrajn li jipprovdu jew jużaw in-networks u s-servizzi tal- komunikazzjoni elettronika jew utenti oħra tal-ispettru tar-radju, hija tista’ tieħu miżuri temporanji urġenti biex tirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma tasal għad-deċiżjoni finali. L-impriża konċernata għandha wara dan tingħata opportunita raġonevoli biex tiddikjara l-fehmiet tagħha u tipproponi r-rimedji. Fejn xieraq, l-awtorità rilevanti għandha tikkonferma l-miżuri interim, li għandhom ikunu validi għal massimu ta’ 3 xhur, iżda li jistgħu, f’ċirkostanzi fejn ma jkunux intemmu l-proċeduri ta’ infurzar, jiġu estiżi għal perijodu ulterjuri sa mhux aktar minn tliet xhur.”;

    (6)

    L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-Punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    verifika sistematika jew każ b’każ tal-konformità mal-kondizzjonijiet 1 u 2 tal-Parti A, kondizzjonijiet 2 u 6 tal-Parti B u kondizzjonijiet 2 u 7 tal-Parti C tal-Anness I u tal-konformità mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(2);”;

    (b)

    Fil-Punt (b), il-kelma “Anness” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “Anness I”;

    (ċ)

    Il-punti li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

    “(g)

    is-salvagwardja tal-użu effiċjenti u l-iżgurar tal-ġestjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju;

    (h)

    l-evalwazzjoni ta’ żviluppi futuri fin-networks jew fis-servizzi li jista’ jkollhom impatt fuq is-servizzi ta’ bl-ingrossa li jkunu disponibbli għall-kompetituri.”;

    (d)

    It-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e), (f), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu ma tistax tintalab qabel jingħata, jew bħala kundizzjoni ta’, l-aċċess għas-suq.”;

    (7)

    L-Artikolu 14 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “Artikolu 14

    Emendi tad-drittijiet u ta’ l-obbligi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijet għall-użu jew id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jistgħu jkunu emendati biss fil-każi li jkunu oġġettivament ġustifikati u b’mod proporzjonat, b’kont meħud, fejn adatt, tal-kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-drittijiet trasferibbli ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Ħlief fejn l-emendi proposti huma minuri u ntlaħaq qbil dwarhom mad-detentur tad-drittijiet jew l-awtorizzazzjoni ġenerali, għandu jingħata avviż b’mod adatt tal-intenzjoni li se jsiru dawn l-emendi u l-partijiet konċernati, inklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandu jingħatalhom perijodu biżżejjed ta’ żmien biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-emendi proposti, li dan m’għandux ikun inqas minn erba’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

    2.   L-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw jew jirtiraw id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jew id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju qabel ma jagħlaq il-perijodu li għalih huma kienu ingħataw ħlief meta dan ikun iġġustifikat u meta jkun japplika b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti dwar il-kumpens għall-irtirar tad-drittijiet.”;

    (8)

    L-Artikolu 15(1) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-drittijiet, il-kundizzjonijiet, il-proċeduri, il-ħlasijiet, il-ħlas ta’ drittijiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, id-drittijiet għall-użu u d-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet tkun ippubblikata u miżmuma aġġornata b’mod xieraq sabiex huma jipprovdu aċċess faċli għal dik l-informazzjoni lill-partijiet konċernati kollha.”;

    (9)

    Fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9a tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet individwali ta’ użu li diġà jkunu eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 2009 għandhom jinġiebu konformi mill-Istati Membri mal-Artikoli 5, 6, 7, u l-Anness I ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    2.   Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 twassal għal tnaqqis fid-drittijiet jew estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu diġà eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet jew drittijiet sat-30 ta’ Settembru 2012, sakemm id-drittijiet ta’ impriżi oħra skond il-liġi tal-Komunità ma jiġux affettwati bihom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn l-estensjonijiet lill-Kummissjoni u jiddikjaraw ir-raġunijiet għalihom.”;

    (10)

    L-Anness għandu jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 huwa b’dan imħassar.

    Artikolu 5

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa … il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ tali dispożizzjonijiet.

    Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn …

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali adottati minnhom fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 7

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, …

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsilll

    Il-President


    (1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p.50

    (2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p.51.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Frar 2009 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ …

    (4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

    (5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

    (6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

    (7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

    (8)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

    (9)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

    (10)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (11)  Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 77, 13.3.2004, p.1).

    (12)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2003 dwar is-Swieq ta’ Prodotti u Servizzi Rilevanti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għar-regolazzjoni ex-ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 114, 8.5.2003, p.45) .

    (13)  ĠU L 336, 30.12.2000, p. 4.

    (14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (15)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;

    (16)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru …/2009 ta’ … [ li jistabilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej tat-Telekomunikazzjoni] (ĠU L …)”

    (17)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.”;

    (18)  Id-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/ … /KE [Direttiva li temenda 2002/21/KE].

    (19)  L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/…/KE [Direttiva li temenda 2002/21/KE]

    (20)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1”.

    (21)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 1.

    (22)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;

    (23)  Regolament (KE) Nru … /2009 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill ta’ … [ li jistabilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fit-Telekomunikazzjonijiet] (ĠU L …)”;


    ANNESS

    L-Anness tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Anness jipprovdu l-lista massima ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jiżdiedu ma’ l-awtorizzazzjonijiet ġenerali (il-Parti A), id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju (il-Parti B) u d-drittijiet għall-użu tan-numri (il-Parti C) kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 11(1)(a), fil-limiti permessi skond l-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

    (2)

    Il-Parti A hija emendata kif ġej:

    (a)

    Il-punt 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.

    L-aċċessibilità mill-utenti aħħarija għan-numri mill-pjan nazzjonali għall-għoti tan-numri, numri mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika, n-Numri ta’ Telefonati Bla Ħlas Internazzjonali Universali u fejn, teknikament u ekonomikament fattibbli, minn pjani għall-għoti tan-numri ta' Stati Membri oħrajn, u l-kondizzjonijiet f'konformità mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali).”;

    (b)

    Il-punt 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “7.

    Id-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza speċifiċi għas-settur tal- komunikazzjoni elettronika konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (1).

    (c)

    Il-punt 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “8.

    Ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, inklużi l-kundizzjonijiet konformi mad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali), u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilità skond l-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.”;

    (d)

    Fil-punt 11, il-kliem “Direttiva 97/66/KE” huwa sostitwit bil-kliem “Direttiva 2002/58/KE”;

    (e)

    Il-punt li ġej huwa inserit:

    “11a.

    Il-termini għall-użu tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi biex iwissu lill-pubbliku ġenerali b’theddid imminenti u biex itaffu l-konsegwenzi ta’ katastrofi serju.”;

    (f)

    Il-punt 12, huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “12.

    It-termini ta' użu waqt diżastri kbar jew emerġenzi nazzjonali biex jiġu żgurati komunikazzjonijiet bejn is-servizzi ta' emerġenza u l-awtoritajiet.”;

    (g)

    Il-punt 16, huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “16.

    Is-sigurtà ta' networks pubbliċi kontra aċċess mhux awtorizzat skond id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-Privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).”;

    (h)

    Il-punt li ġej huwa miżjud:

    “19.

    Obbligi ta' trasparenza għall-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni pubbliċi disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata konnettività end-to-end, f'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), żvelar rigward restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-serviżżi u applikazzjonijiet u rigward politiki ta' ġestjoni tat-traffiku u, fejn meħtieġ u proporzjonat, aċċess minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali għal informazzjoni bħal din meħtieġa biex jiġi vverifikat dan l-iżvelar.”;

    (3)

    Il-Parti B hija emendata kif ġej:

    (a)

    Il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.

    L-obbligu li jkun provdut servizz jew li tintuża tip ta’ teknoloġija li jkun ingħata għalihom id-dritt għall-użu tal-frekwenza, inklużi, meta jkun xieraq, ir-rekwiżiti tal-kopertura u ta' kwalita'.”;

    (b)

    Il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.

    L-użu effettiv u effiċjenti ta' numri f'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

    (c)

    Il-punt li ġej huwa miżjud:

    “9.

    L-obbligi speċifiċi għall-użu sperimentali tal-frekwenzi tar-radju.”;

    (4)

    Fil-parti C, il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.

    L-identifikazzjoni tas-servizzi li għalihom in-numri għandhom jintużaw, inkluża kull ħtieġa marbuta mal-forniment ta' dak is-servizz u, sabiex jiġi evitat kull dubju, prinċipji ta’ tariffi u prezzijiet massimi li jistgħu japplikaw fis-serje ta' numri speċifiċi bl-iskop li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur skond l-Artikolu 8(4)(b) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”.


    (1)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;


    DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Direttiva għal Regolamentazzjoni Aħjar fit-13 ta’ Novembru 2007 (1). Din il-proposta tifforma parti minn l-hekk imsejjaħ pakkett ta’ reviżjoni tal-qafas regolatorju għan-netwerks ta’ komunikazzjoni tal-UE, li jikkonsisti f’żewġ proposti għal Direttivi emendatorji (l-hekk imsejħa Direttiva għal Regolamentazzjoni aħjar li temenda d-Direttivi Qafas, tal-Awtorizzazzjoni u tal-Aċċess attwali u l-hekk imsejħa Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini li temenda d-Direttivi dwar is-Servizz Universali u dwar il-Privatezza) u l-proposta għal Regolament (li jistabbilixxi Awtorità Ewropea għas-Suq tal-Komunikazzjoni Elettronika). Dan id-dokument jirreferi għall-proposta għal Direttiva għal Regolamentazzjoni Aħjar.

    2.

    Il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-24 ta’ Settembru 2008 (2), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ta l-Opinjoni tiegħu fid-29 ta’ Mejju 2008 (3) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) ta l-Opinjoni tiegħu fid-19 ta’ Ġunju 2008 (4).

    3.

    Il-Kummissjoni adottat il-proposta emendata tagħha fis-6 ta’ Novembru 2008 (5).

    4.

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fis-16 ta’ Frar 2009.

    II.   OBJETTIV

    1.

    Bil-proposta tagħha għal Direttiva għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni timmira li taġġusta l-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika billi ttejjeb l-effikaċja tiegħu, tnaqqas ir-riżorsi amministrattivi meħtieġa biex tkun implimentata r-regolamentazzjoni ekonomika (il-proċedura tal-analiżi tas-suq) u tagħti aċċess iktar sempliċi u iktar effiċjenti għall-frekwenzi tar-radju.

    2.

    Il-proposta timmira sabiex:

    Wieħed jersaq lejn ġestjoni iktar effiċjenti tal-ispettru tar-radju biex b’hekk ikun iffaċilitat l-aċċess għall-ispettru tar-radju għall-operaturi u titħeġġeġ l-innovazzjoni;

    Ikun żgurat li, fejn ir-regolazzjoni tibqa’ meħtieġa, din tkun iktar effiċjenti u iktar sempliċi kemm għall-operaturi kif ukoll għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs);

    Isir pass deċiżiv lejn iktar konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE sabiex jitkompla s-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    3.

    Il-kwistjonijiet l-aktar kontroversjali fil-Proposta għal Regolamentazzjoni Aħjar jikkonċernaw l-ispettru tar-radju, l-awtorità l-ġdida għat-telekomunikazzjoni, is-separazzjoni funzjonali u l-qafas regolatorju għan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGNs).

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

    Kummenti ġenerali

    Fl-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni tiegħu, il-Kunsill endorsja sa limitu sinifikanti l-approċċ u l-għanijiet proposti mill-Kummissjoni u aċċetta kważi nofs il-126 emenda adottata tal-Parlament. Madankollu, twettqu numru ta’ bidliet kemm fis-sustanza kif ukoll fil-kliem tal-proposta għal Direttiva għal Regolamentazzjoni Aħjar bil-għan li:

    jittieħed kont tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew;

    jiġi indirizzat numru żgħir ta’ kwistjonijiet speċifiċi;

    uħud mill-kliem tat-tliet Direttivi jsiru aktar preċiżi u b’hekk titjieb iċ-ċarezza legali tat-testi.

    Fuq livell ġenerali, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija differenti mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjoni tal-użu tal-komitoloġija u fir-rigward tal-istruttura, il-funzjoni u l-kompiti tal-awtorità l-ġdida għat-telekomunikazzjoni. Fuq dawn iż-żewġ kwistjonijiet, il-Kunsill ħa approċċ aktar kawt minn dak tal-Kummissjoni, għaliex fil-fehma tiegħu, il-qafas regolatorju attwali għall-komunikazzjoni elettronika iffunzjona pjuttost tajjeb għal dawn l-aħħar snin u m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni suffiċjenti għal bidla fundamentali fl-arranġamenti u r-responsabbiltajiet istituzzjonali attwali.

    Kummenti speċifiċi

    1.   Bidliet prinċipali magħmula fil-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva Qafas:

    (a)   Awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) (Artikolu 3)

    Dwar l-NRAs, il-Kunsill qabel dwar formulazzjonmi li tiċċara li, minkejja “is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali”, l-NRAs ser iwettqu l-kompiti regolatorji tagħhom “indipendentement” u b’ “riżorsi finanzjarji u umani xierqa”.

    (b)   Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjoni elettronika (Artikolu 7)

    Il-Kunsill ma jikkondividix l-approċċ propost, li l-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li toħroġ “deċiżjonijiet” dwar abbozz ta’ miżuri li l-NRAs bi ħsiebhom jieħdu, jiġifieri l-veto tal-Kummissjoni fuq ir-rimedji. Il-Kunsill huwa aktar tal-fehma li huwa xieraq li l-Kummissjoni toħrog “opinjonijiet” mhux vinkolanti dwar abbozz ta’ miżuri proposti mill-NRAs u li tirrikjedi li l-NRAs jiġġustfifikaw pubblikament id-deċiżjoni finali tagħha. Din il-kwistjoni hija fil-qalba tad-dibattitu dwar id-diviżjoni ta’ responsabbiltajiet fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika u għandha wkoll tiġi kkunsidrata fir-rigward tal-proposta għall-istabbiliment ta’ awtorità Ewropea għat-telekomunikazzjoni f’dan il-qasam.

    (c)   Il-politika dwar l-ispettru tar-radju (l-Artikolu 9 dwar il-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, l-Artikolu 9a dwar ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet għal drittijiet eżistenti u l-Artikolu 9c dwar miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju)

    Il-Kunsill jappoġġja il-proposti tal-Kummissjoni, li jimmiraw biex jersqu lejn ġestjoni iktar effiċjenti tal-ispettru tar-radju biex b’hekk ikun iffaċilitat l-aċċess għall-ispettru għall-operaturi u biex titħeġġeġ l-innovazzjoni. Madankollu, il-Kunsill iċċara f’aktar dettall ir-restrizzjonijiet li jistgħu japplikaw għat-tipi ta’ teknoloġija u servizzi li għandhom jiġu pprovduti. Minħabba li l-arranġamenti attwali diġà jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi fil-qasam tal-ispettru tar-radju, il-Kunsill ħassar l-Artikolu 9c kif propost.

    2.   Bidliet prinċipali magħmula fil-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni:

    (a)   Miżuri ta’ armonizzazzjoni, proċedura komuni ta’ għażla għall-ħruġ ta’ drittijiet u l-għoti armonizzat ta’ drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u kondizzjonijiet armonizzati għan-netwerks panEwropej jew servizzi ta’ komunikazzjoni panEwropej (Artikoli 6a, 6b u 8)

    Il-Kunsill eżamina bir-reqqa d-dispożizzjonijiet proposti fid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni li tikkonċerna l-ispettru tar-radju (partikolarment l-Artikoli 6a, 6b u 8), inklużi l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu individwali, miżuri ta’ armonizzazzjoni u proċeduri komuni ta’ għażla għall-ħruġ ta’ drittijiet. Għalkemm il-Kunsill jikkondividi fil-biċċa l-kbira l-objettivi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, huwa jħoss li uħud mill-proposti għandhom effett kbir wisq minħabba li ser ibiddlu wisq, u mingħajr gustifikazzjoni suffiċjenti, l-arranġamenti attwali għat-tfassil ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju Konsegwentement, il-Kunsill ħassar l-Artikoli proposti 6a u 6b iżda reġa’ daħħal l-Artikolu 8 sabiex jippermetti l-introduzzjoni armonizzata ta’ servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, li jiddipendu mid-disponibbiltà tal-ispettru tar-radju.

    3.   Bidliet prinċipali magħmula fil-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva ta’ Aċċess:

    (a)   Separazzjoni funzjonali (Artikolu 13a)

    Il-Kunsill emenda d-dispożizzjoni proposta dwar is-separazzjoni funzjonali sabiex jiċċara li s-separazzjoni funzjonali tista’ tiġi mposta mill-NRAs “bħala miżura eċċezzjonali” u soġġetta għal deċiżjoni mill-Kummissjoni sabiex takkwista l-forniment bl-ingrossa adegwat ta’ ċerti prodotti ta’ aċċess.

    4.   Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal Regolamentazzjoni Aħjar

    Il-pożizzjoni komuni tinkorpora madwar nofs il-126 emenda proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari.

    4.1   Dwar il-Premessi:

    Il-Kunsill aċċetta kompletament, parzjalment jew fil-prinċipju l-emendi 2, 4, 5, 6, 15, 16, 17, 21, 22, 25, 27, 29, 30, 32, 33 u 35.

    Għal uħud minn dawn l-emendi, kważi l-kliem kollha ġew aċċettati, filwaqt li oħrajn ġew inkorporati f’forma differenti li madankollu żżomm il-mira prinċipali tal-emendi jew partijiet mill-emenda.

    Il-Kunsill ma inkorporax l-emendi li ġejjin fil- pożizzjoni komuni tiegħu: 1, 3, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14/rev, 18, 19, 20, 23, 24, 26, 28, 31, 34, 36, 37, 38 u 39.

    4.2   Fir-rigward tal-artikoli fid-Direttiva ta’ Qafas:

    Il-Kunsill aċċetta kompletament, parzjalment jew fil-prinċipju l-emendi 40, 41, 42, 43, 44, 45, 46, 47, 50, 60, 62, 63/rev, 64/rev, 65, 66, 69, 70,71, 73/rev, 74, 76, 77, 80, 81, 86 u 90. Għal uħud minn dawn l-emendi, kważi l-kliem kollha ġew aċċettati, filwaqt li oħrajn ġew inkorporati f’forma differenti li madankollu żżomm il-mira prinċipali tal-emendi jew partijiet mill-emenda.

    Il-Kunsill ma inkorporax l-emendi li ġejjin fil-pożizzjoni komuni tiegħu: 48, 49, 51, 52, 53, 54, 55, 56, 57, 58, 59, 61, 67/rev, 68, 72, 75, 78, 79, 82, 83, 84, 85, 87, 88, 89 u 138.

    4.3   Fir-rigward tal-artikoli fid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni:

    Il-Kunsill aċċetta kompletament, parzjalment jew fil-prinċipju l-emendi 107, 109, 110, 112, 113, 115, 116, 120, 121 u 124. Għal uħud minn dawn l-emendi, kważi l-kliem kollha ġew aċċettati, filwaqt li oħrajn ġew inkorporati f’forma differenti li madankollu żżomm il-mira prinċipali tal-emendi jew partijiet mill-emenda.

    Il-Kunsill ma inkorporax l-emendi li ġejjin fil-pożizzjoni komuni tiegħu: 106, 108/rev, 111, 114, 117/rev, 118, 119, 122, 123 u 125.

    4.4   Fir-rigward tal-artikoli fid-Direttiva ta’ Aċċess:

    Il-Kunsill aċċetta kompletament, parzjalment jew fil-prinċipju l-emendi 91, 92, 95, 96, 98, 100, 101, 102, 103 u 105. Għal uħud minn dawn l-emendi, kważi l-kliem kollha ġew aċċettati, filwaqt li oħrajn ġew inkorporati f’forma differenti li madankollu żżomm il-mira prinċipali tal-emendi jew partijiet mill-emenda.

    Il-Kunsill ma inkorporax l-emendi li ġejjin fil-pożizzjoni komuni tiegħu: 93, 94, 97, 99 u 102.

    IV.   KONKLUŻJONI

    Minkejja l-fatt li l-Kunsill ma setax jaċċetta l-emendi kollha li ġew adottati mill-Parlament Ewropew, huwa jaqbel mal-Parlament u mal-Kummissjoni li l-kwistjonijiet pendenti prinċipali fil-proposta għal Regolamentazzjoni Aħjar jikkonċernaw l-ispettru tar-radju, l-awtorità l-ġdida għat-telekomunikazzjoni u s-separazzjoni funzjonali.

    Għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni, appoġġata fil-biċċa l-kbira mill-Parlament, ipproponiet li tbiddel il-qafas (inter) istituzzjonali u, konsegwentement, il-bilanċ tal-poter bejn l-atturi varji, awtoritajiet regolatorji, l-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet involuti oħra. Għalkemm il-Kunsill huwa tal-fehma li aġġornament tal-qafas regolatorju għall-kominkazzjoni elettronika ikun ta’ benefiċċju għas-settur u jippermetti li jsiru deċiżjonijiet importyanti dwar l-investiment, pereżempju fl-NGNs, huwa tal-fehma li dan jista’ jinkiseb billi jittejbu l-arranġamenti attwali aktar milli billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi alternattivi. Għalhekk, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tfittex li tiċċara u ttejjeb id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu, inter alia, mal-NRAs, il-Kummissjoni u l-użu tal-komitoloġija u r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tat-tifsil ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju.

    F’dan il-kuntest, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija ntiża bħala bażi biex jinstabu, bl-assistenza notevoli tal-Kummissjoni, kompromessi mal-Parlamnet Ewropew, li jirriżultaw f’ambjent regolatorju stabbli u prevedibbli għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

    Il-Kunsill qed jistenna b’ interess li jidħol f’diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament fid-dawl tal-adozzjoni tat-testi ġodda lejn l-aħħar tal-leġiżlatura attwali.


    (1)  COM(2007) 697.

    (2)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

    (4)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

    (5)  COM(2008) 724.


    Top