Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0722(04)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji

    ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 184/13


    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

    Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji

    (2008/C 184/07)

    1.   DAĦLA

    1.1.   Kuntest ġenerali: is-settur ferrovjarju

    (1)

    Il-linji tal-ferrovija għandhom vantaġġi uniċi: huwa mod tat-trasport sikur u ma jniġġisx. It-trasport ferrovjarju jista' għalhekk jagħti kontribut ewlieni għall-iżvilupp tat-trasport sostenibbli fl-Ewropa.

    (2)

    Il-White Paper “Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu” (1) u r-reviżjoni tagħha ta' nofs il-perjodu (2) jenfasizzaw kemm huwa meħtieġ settur ferrovjarju dinamiku għat-twaqqif ta' sistema ta' trasport ta' oġġetti u ta' persuni li taħdem sew, b'mod sikur u xieraq, li tikkontribwixxi għat-twettiq ta' suq Ewropew uniku bi prosperità fit-tul. Il-konġestjoni tat-toroq li jġarrbu l-ibliet u ċerti żoni tal-Komunita' Ewropea, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni għall-isfidi tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-prezz ta' l-idrokarburi juru sa liema punt huwa meħtieġ li jiġi stimulat l-iżvilupp tat-trasport bil-ferrovija. F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar li l-għanijiet ambjentali stabbiliti mit-Trattat għandhom ikunu segwiti ugwalment mill-Politika Komuni tat-Trasport (3).

    (3)

    Għaldaqstant, is-settur tat-trasport ferrovjarju fl-Ewropa mhux qed jiġbed biżżejjed interess. Mis-snin sittin sa tmiem is-seklu 20, kien hemm tnaqqis kontinwu. It-traffiku ferrovjarju kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri naqas, f'termini relattivi, meta mqabbel mal-modi l-oħra. It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija naqas ukoll f'termini assoluti: it-tagħbijiet ittrasportati bil-ferrovija kienu ogħla fl-1970 milli fl-2000. Fil-fatt, l-impriżi ferrovjarji tradizzjonali ma kienux iktar f'pożizzjoni li joffru l-affidabbiltà u l-osservanza tal-ħinijiet mitluba mill-klijenti tagħhom, u dan wassal għal trasferiment tat-traffiku bil-linji tal-ferrovija lejn il-modi l-oħra ta' trasport, u prinċipalment lejn it-triq (4). Jekk it-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, għall-kuntrarju, baqa' jikber f'termini assoluti, din iż-żieda sadanittant dehret limitata ħafna meta mqabbla maż-żieda tat-trasport bit-triq u bl-ajru (5).

    (4)

    Anki jekk din it-tendenza jidher li dan l-aħħar ġiet invertita (6), il-mixja li trid issir biex it-trasport ferrovjarju jsir solidu u kompetittiv għadha twila. B'mod partikolari, fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, għad hemm diffikultajiet kbar li jeħtieġu azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet pubbliċi (7).

    (5)

    It-tnaqqis relattiv tas-settur ferrovjarju Ewropew jirriżulta l-aktar mill-organizzazzjoni storika ta' l-offerta tat-trasport, essenzjalment skond skemi nazzjonali u monopolistiċi.

    (6)

    L-ewwelnett, fin-nuqqas ta' kompetizzjoni fuq in-networks nazzjonali, l-impriżi ferrovjarji ma kienux imħeġġa biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom u biex jiżviluppaw servizzi ġodda. L-attivitajiet tagħhom ma ġabux biżżejjed dħul biex ikopru l-ġabra kollha ta' l-ispejjeż u l-investimenti meħtieġa. Kultant, dawn l-investimenti neċessarji ma sarux. F'ċerti każijiet, l-Istati Membri ġiegħlu lill-impriżi ferrovjarji nazzjonali biex jagħmluhom meta dawn ma kienux f'pożizzjoni li jiffinanzjawhom b'mod suffiċjenti fuq ir-riżorsi tagħhom stess. Dan irriżulta f'dejn imdaqqas għal dawn l-impriżi, dejn li minnu nnifsu kellu impatt negattiv fuq l-iżvilupp tagħhom.

    (7)

    Barra minn hekk, l-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju fl-Ewropa kien limitat minħabba n-nuqqas ta' standardizzazzjoni u interoperabbiltà tan-networks, filwaqt li t-trasportaturi bit-triq u bl-ajru kienu żviluppaw firxa ta' servizzi internazzjonali. Il-Komunità Ewropea wirtet mużajk ta' networks ferrovjarji nazzjonali kkaratterizzati minn distanzi ta' linji differenti u minn sistemi ta' sinjalar u ta' sigurtà mhux kompatibbli, biex b'hekk l-impriżi ferrovjarji ma setgħux jagħmlu qligħ mill-ekonomiji ta' skala li jirriżultaw mill-kunċett ta' infrastrutturi u vetturi ferrovjarji (rolling stock) għal suq wieħed kbir flok għal 25 (8) suq nazzjonali.

    (8)

    Il-Komunità Ewropea qiegħda twettaq politika maħsuba biex terġa' tagħti l-ħajja lis-settur ferrovjarju fuq tliet livelli ewlenin:

    (a)

    bit-twaqqif gradwali ta' kundizzjonijiet li jippermettu li titrawwem il-kompetizzjoni fuq is-swieq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju;

    (b)

    bl-inkuraġġiment għall-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni teknika fuq in-networks ferrovjarji Ewropej, bil-għan li tinkiseb interoperabbiltà sħiħa fuq livell Ewropew;

    (c)

    bl-għoti ta' sostenn finanzjarju, fuq il-livell Komunitarju (fil-qafas tal-programm TEN-T u l-fondi strutturali).

    (9)

    B'hekk, il-Komunità Ewropea fetħet progressivament is-swieq tat-trasport ferrovjarju għall-kompetizzjoni. L-ewwel pakkett ta' liberalizzazzjoni ġie adottat fl-2001 u jinkludi d-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferroviji tal-Komunità (9), id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva 95/18/KE tal-Kunsill dwar l-għoti ta' liċenzji għal impriżi ferrovjarji (10) u d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji, it-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (11). Dan il-pakkett ġie segwit mit-tieni pakkett fl-2004 li l-miżuri ewlenin tiegħu huma r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (12), id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva 95/18/KE tal-Kunsill fuq l-għoti tal-liċenzji ta' l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija, l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta' l-infrastruttura tal-linji tal-ferroviji u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (13), id-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 96/48/KE tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali (14) u d-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (15). Fl-aħħar ġie adottat it-tielet pakkett fl-2007 li jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (16), ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (17), id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li temenda d-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji (18) u d-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (19). B'riżultat ta' dan, is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija infetaħ għall-kompetizzjoni fil-15 ta' Marzu 2003 fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, imbagħad fl-1 ta' Jannar 2006 għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija u fl-aħħarnett mill-1 ta' Jannar 2007 għall-kabotaġġ ferrovjarju. It-tielet pakkett ferrovjarju jistabbilixxi fl-1 ta' Jannar 2010 il-ftuħ għall-kompetizzjoni tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Ċerti Stati Membri bħar-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Italja diġà fetħu (parzjalment) is-swieq nazzjonali tagħhom tat-trasport tal-passiġġieri.

    (10)

    Id-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill tad-29 ta' Lulju 1991. dwar l-iżvilupp ta' linji tal-ferrovija tal-Komunità (20) stabbilit qafas istituzzjonali u organizzattiv ġdid tal-partijiet involuti fis-settur ferrovjarji, li jinkludu:

    (a)

    is-separazzjoni ta' l-impriżi ferrovjarji (21) mill-amministraturi ta' l-infrastruttura (22) fuq il-livell tal-kontabbiltà u ta' l-organizzazzjoni;

    (b)

    l-indipendenza tal-ġestjoni ta' l-impriżi ferrovjarji;

    (c)

    il-ġestjoni ta' l-impriżi ferrovjarji skond il-prinċipji li japplikaw għall-kumpanniji kummerċjali;

    (d)

    il-bilanċ finanzjarju ta' l-impriżi ferrovjarji konformi ma' pjan ta' negozju sod;

    (e)

    il-kompatibbiltà tal-miżuri finanzjarji ta' l-Istati Membri mar-regoli relatati ma' l-għajnuniet mill-Istat (23).

    (11)

    B'mod parallel ma' dan il-proċess ta' liberalizzazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda taħdem, fuq it-tieni livell, biex tiffavorixxi l-interoperabbiltà tan-networks ferrovjarji Ewropej. Din il-pożizzjoni hija akkumpanjata minn inizjattivi Komunitarji biex jirrinfurzaw il-livell tas-sigurtà tat-trasport ferrovjarju (24).

    (12)

    It-tielet livell ta' intervent pubbliku favur is-settur ferrovjarju qiegħed fl-appoġġ finanzjarju. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-appoġġ jista' jiġi ġġustifikat f'ċerti ċirkostanzi minħabba l-ispejjeż ta' l-adattament importanti tas-settur ferrovjarju.

    (13)

    Barra minn hekk, tinnota li l-injezzjoni ta' fondi pubbliċi fis-settur tat-trasport ferrovjarju minn dejjem kienet importanti. Mill-2004, l-Istati kollha ta' l-Unjoni Ewropea ta' 25 (UE-25) allokaw total ta' madwar EUR 17-il biljun għall-kostruzzjoni u ż-żamma ta' l-infrastrutturi ferrovjarji (25). Fir-rigward tal-kumpens għar-rendiment ta' servizzi ta' trasport tal-passiġġieri bla qligħ, jingħataw EUR 15-il biljun fis-sena lill-impriżi ferrovjarji mill-Istati Membri (25).

    (14)

    L-għoti ta' l-għajnuniet mill-Istat lis-settur ferrovjarju jista' jkun awtorizzat fejn jikkontribwixxi għat-twettiq ta' suq Ewropew integrat, miftuħ għall-kompetizzjoni u interoperabbli, kif ukoll għall-għanijiet Komunitarji ta' mobbilità sostenibbli. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-poteri pubbliċi ma jkunx jinvolvi tagħwiġ tal-kompetizzjoni li jmur kontra l-interess komuni. F'ċerti każijiet, il-Kummissjoni tkun tista' titlob impenji mill-Istati Membri fil-konfront ta' l-għanijiet Komunitarji għall-għoti ta' l-għajnuniet.

    1.2.   Għan u ambitu ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida

    (15)

    L-għan ta' dawn il-linji gwida huwa li jipprovdu orjentament dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta' l-għajnuniet mill-Istat lill-impriżi ferrovjarji, hekk kif huma ddefiniti mid-Direttiva 91/440/KEE u fil-kuntest spjegat hawn fuq. Barra minn hekk, japplikaw ukoll għat-taqsima 3, għall-impriżi ta' trasport urban, suburban jew reġjonali tal-passiġġieri. Huma bbażati partikolarment fuq il-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju fit-tliet pakketti ferrovjarji suċċessivi. Il-mira tagħhom hija li jittejbu t-trasparenza tal-finanzjamenti pubbliċi u ċ-ċertezza ġuridika fir-rigward tar-regoli tat-Trattat fil-kuntest tal-ftuħ tas-swieq. Dawn il-linji gwida ma jikkonċernawx il-finanzi pubbliċi ddestinati għall-amministraturi ta' l-infrastruttura.

    (16)

    L-Artikolu 87(1) tat-Trattat jistipula li fil-prinċipju huma inkompatibbli mas-Suq Komuni, fejn dawn jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri, l-għajnuniet mogħtija mill-Istat li jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Madankollu, għajnuniet mill-Istat bħal dawn jistgħu, f'ċerti sitwazzjonijiet, ikunu ġġustifikati fir-rigward ta' l-interess komuni tal-Komunità. Uħud minn dawn is-sitwazzjonijiet jissemmew fl-Artikolu 87(3) tat-Trattat, u japplikaw għas-settur tat-trasport kif ukoll għal setturi oħra ta' l-ekonomija.

    (17)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 73 tat-Trattat jistipula li huma kompatibbli mas-Suq Komuni “[m]iżuri ta' għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport, jew li jikkorrispondu ma' rimborżi dwar ċerti piżijiet li jeżistu fil-prinċipju ta' servizz pubbliku”. Dan l-Artikolu jikkostitwixxi lex specialis fl-ekonomija ġenerali tat-Trattat. Abbażi ta' dan l-Artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju adotta żewġ testi speċifiċi għas-settur tat-trasport: ir-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (26) u (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill ta' l-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (27). Bl-istess mod, ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija (28) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jaqblu fuq l-għoti ta' ċerti kumpensi lill-impriżi ferrovjarji.

    (18)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1107/70 jistipula li l-Istati Membri ma għandhom la jieħdu miżuri ta' koordinazzjoni u lanqas jimponu obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku li jinvolvu l-għoti ta' għajnuna skond l-Artikolu 73 tat-Trattat ħlief fil-każijiet jew fiċ-ċirkostanzi previsti mir-Regolament imsemmi, dejjem mingħajr ħsara għar-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1192/69. Skond is-sentenza ta' “Altmark” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (29), jirriżulta li l-għajnuniet mill-Istat li ma jistgħux jiġu awtorizzati abbażi tar-Regolamenti (KEE) Nru 1107/70, (KEE) 1191/69 jew (KEE) Nru 1192/69 ma jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-Suq Komuni skond l-Artikolu 73 tat-Trattat (30). Barra minn hekk, ta' min ifakkar li l-kumpensi ta' servizz pubbliku li ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat ma jistgħux ikunu ddikjarati kompatibbli mas-Suq Komuni skond l-Artikolu 86(2), jew ta' kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat (31).

    (19)

    Id-dħul fis-seħħ ft-3 ta' Diċembru 2009 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (“ir-Regolament ta' l-OSP”) li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 se jistabbilixxi qafas ġuridiku ġdid. Għaldaqstant, l-aspetti marbutin mal-kumpens ta' servizz pubbliku mhumiex koperti minn dawn il-linji gwida.

    (20)

    Bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-Artikolu 73 tat-Trattat jista' jiġi applikat direttament bħala bażi ġuridika għall-istabbiliment tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet li mhumiex koperti mir-Regolament ta' l-OSP, partikolarment l-għajnuniet għall-koordinament tat-trasport tal-merkanzija. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żviluppata interpretazzjoni ġenerali għall-eżami tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuna skond ir-rekwiżiti ta' koordinazzjoni ma' l-Artikolu 73 tat-Trattat. Dawn il-linji gwida għandhom partikolarment l-għan li jistabbilixxu kriterji għal dan l-eżami kif ukoll limiti ta' intensità. Fid-dawl tal-kliem ta' l-Artikolu 73, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li juru, fejn meħtieġ, il-bżonn u l-proporzjonalità tal-miżuri li jmorru lil hinn mil-limiti stabbiliti.

    (21)

    Dawn il-linji gwida jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 73 u 87 tat-Trattat u l-implimentazzjoni tagħhom għall-finanzjamenti pubbliċi maħsuba għall-impriżi ferrovjarji skond id-Direttiva 91/440/KEE. L-aspetti li ġejjin huma ttrattati: l-appoġġ pubbliku għall-impriżi ferrovjarji permezz ta' l-iffinanzjar ta' l-infrastrutturi (Taqsima 2), l-għajnuna għax-xiri u t-tiġdid tal-vetturi ferrovjarji (Taqsima 3), it-tneħħija ta' djun mill-Istati sabiex ikun hemm tisħiħ finanzjarju ta' l-impriżi ferrovjarji (Taqsima 4), l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriżi ferrovjarji (Taqsima 5), l-għajnuna għall-koordinament tat-trasport (Taqsima 6), u l-garanziji ta' l-Istat għall-impriżi ferrovjarji (Taqsima 7). Min-naħa l-oħra, dawn il-linji gwida ma jittrattawx ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament ta' l-OSP, li għalih il-Kummissjoni għadha ma stabbilietx il-prattika għat-teħid tad-deċiżjonijiet (32).

    2.   APPOĠĠ PUBBLIKU GĦALL-IMPRIŻI FERROVJARJI PERMEZZ TA' L-IFFINANZAR TA' L-INFRASTRUTTURI FERROVJARJI

    (22)

    L-infrastrutturi ferrovjarji għandhom importanza ewlenija għall-iżvilupp tas-settur tal-ferroviji fl-Ewropa. Kemm jekk huwa għall-interoperabbiltà, is-sigurtà jew l-iżvilupp tal-ferroviji ta' veloċità għolja, investimenti konsiderevoli huma indispensabbli fl-infrastrutturi ferrovjarji (33).

    (23)

    Dawn il-linji gwida huma indirizzati biss għall-impriżi ferrovjarji. B'hekk, l-għan tagħhom mhuwiex li jiddefinixxu, fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat, ir-reġim legali applikabbli għall-finanzjament pubbliku ta' l-infrastrutturi. Din it-taqsima tittratta biss l-effetti tal-finanzjament pubbliku ta' l-infrastrutturi fuq l-impriżi ferrovjarji.

    (24)

    Il-finanzjamenti pubbliċi għall-iżvilupp ta' infrastrutturi jistgħu, effettivament, iġibu magħhom vantaġġ indirett għal xi impriżi ferrovjarji, u b'hekk ikunu jikkostitwixxu għajnuna. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropew, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni rigward jekk il-miżura favur l-infrastrutturi jkollhiex l-effett ekonomiku li tnaqqas l-ispejjeż li normalment ikunu ta' piż għall-baġit ta' l-impriżi ferrovjarji (34). Biex dan ikun il-każ, huwa meħtieġ b'mod partikolari li jinkiseb vantaġġ selettiv għall-impriżi kkonċernati, u li dan il-vantaġġ joriġina mill-finanzjament ta' l-infrastrutturi kkunsidrat (35).

    (25)

    Meta l-użu ta' infrastruttura huwa miftuħ għall-utenti potenzjali kollha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju, u l-aċċess għal din l-infrastruttura jitħallas fuq livell li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (id-Direttiva 2001/14/KEE), il-Kummissjoni normalment tikkunsidra li l-finanzjament pubbliku ta' l-infrastrutturi ma jikkostitwixxix għajnuniet mill-Istat favur impriżi ferrovjarji (36).

    (26)

    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, fejn il-finanzjament pubbliku ta' infrastrutturi ferrovjarji jikkostitwixxi għajnuna lil impriża ferrovjarja waħda jew aktar, dan jista' jiġi awtorizzat, per eżempju abbażi ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat, sakemm l-infrastruttura kkonċernata taqdi l-bżonnijiet ta' koordinament tal-mezzi tat-trasport. F'dan ir-rigward, it-taqsima 6 ta' dawn il-linji gwida hija punt ta' referenza rilevanti għall-analiżi tal-kontabbiltà.

    3.   GĦAJNUNIET GĦALL-AKKWIST U GĦAT-TIĠDID TAL-VETTURI FERROVJARJI (ROLLING STOCK)

    3.1.   Għan

    (27)

    Il-flotta ta' lokomotivi u ta' vaguni użati għat-trasport tal-passiġġieri hija qadima u ġieli anke antikwata, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda. Fl-2005, 70 % tal-lokomotivi (tad-diżil u elettriċi) u 65 % tal-vaguni ta' l-UE-25 kellhom 'il fuq minn 20 sena (37). Jekk inqisu biss l-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004, 82 % tal-lokomotivi u 62 % tal-vaguni fl-2005 kellhom 'il fuq minn 20 sena (38). Barra minn hekk, skond l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tistima li madwar 1 % ta' din il-flotta jiġġedded kull sena.

    (28)

    Din l-evoluzzjoni tirrifletti sew id-diffikultajiet tas-settur ferrovjarju b'mod ġenerali, li jnaqqsu l-inċentivi u l-kapaċità ta' l-impriżi ferrovjarji biex jinvestu fi sforz għal modernizzazzjoni u/jew ta' tiġdid tal-vetturi ferrovjarji. Investiment bħal dan huwa indispensabbli biex tinżamm il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel mal-mezzi l-oħra tat-trasport li jniġġsu aktar, jew li joħolqu aktar spejjeż esterni. Huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġi limitat l-impatt tat-trasport ferrovjarju fuq l-ambjent, speċjalment billi jitnaqqas it-tniġġis akustiku li jikkawża, u tittejjeb is-sikurezza. Fl-aħħarnett, it-titjib ta' l-interoperabbiltà bejn in-networks nazzjonali jimplika adattamenti għall-vetturi ferrovjarji eżistenti sabiex tkun tista' tinżamm il-koerenza tas-sistema.

    (29)

    Minn dak li ntqal qabel, jidher li l-għajnuniet għall-akkwist u għat-tiġdid tal-vetturi ferrovjarji jistgħu jikkontribwixxu, f'ċerti kundizzjonijiet, għal bosta tipi ta' għanijiet b'interess komuni u għalhekk ikunu kkunsidrati kompatibbli mas-Suq Komuni.

    (30)

    Din it-taqsima timmira li tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tmexxi tali studju ta' kompatibbiltà.

    3.2.   Kompatibbiltà

    (31)

    L-istudju tal-kompatibbiltà għandu jsir skond l-għan ta' interess komuni, li għalih tikkontribwixxi l-għajnuna.

    (32)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-prinċipju, il-ħtiġijiet ta' modernizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji jistgħu jitqiesu biżżejjed, jew fl-implimentazzjoni tar-regoli ġenerali applikabbli għall-għajnuniet mill-Istat, jew inkella fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat, jekk dawn l-għajnuniet ikunu għall-koordinament tal-mezzi tat-trasport (ara t-Taqsima 6).

    (33)

    Għaldaqstant, fl-eżami tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet għall-vetturi ferrovjarji, il-Kummissjoni tapplika b'mod ġenerali l-kriterji ddefiniti għal kull waħda mill-kategoriji ta' għajnuniet li ġejjin f'dawn il-linji gwida jew fid-dokumenti kollha oħra rilevanti:

    (a)

    għajnuniet għall-koordinament tal-mezzi tat-trasport (39);

    (b)

    għajnuniet għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriżi ferrovjarji (40);

    (c)

    għajnuniet għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (41);

    (d)

    għajnuniet għall-ħarsien ta' l-ambjent (42);

    (e)

    għajnuniet għall-kumpens ta' l-ispejjeż marbutin ma' l-obbligi ta' servizz pubbliku u fil-qafas tal-kuntratti ta' servizz pubbliku (43);

    (f)

    għajnuniet għal skopijiet reġjonali (44).

    (34)

    Billi dawn huma skemi ta' għajnuniet reġjonali għall-investimenti inizjali, il-linji gwida dwar l-għajnuniet għal skopijiet reġjonali jikkunsidraw li, “fis-settur tat-trasport, l-ispejjeż ta' akkwist ta' materjal ta' trasport (attivi mobbli) ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuniet għall-investiment inizjali” (punt 50, nota tal-qiegħ tal-paġna nru 48). Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm lok li tidderoga minn din ir-regola f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija. Dan huwa minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' dan il-mezz ta' trasport, speċjalment minħabba l-fatt li l-vetturi ferrovjarji f'dan is-settur jistgħu jkunu marbuta b'mod sostenibbli ma' linji jew servizzi speċifiċi. B'hekk, taħt ċerti kundizzjonijiet definiti hawn isfel, l-ispejjeż ta' akkwist tal-vetturi ferrovjarji fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri (jew ta' mezzi oħrajn bħall-ferrovija ħafifa, il-ferrovija ta' taħt l-art jew it-tramm), jitqiesu bħala nefqa eliġibbli fis-sens tal-linji gwida kkonċernati (45). Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta' l-akkwist tal-vetturi ferrovjarji għall-użu esklussiv tat-trasport tal-merkanzija mhumiex eliġibbli.

    (35)

    Fid-dawl tal-qagħda deskritta fil-punti 28 u 29, din id-deroga tapplika għal kull tip ta' investiment, inizjali jew ta' bdil, fil-vetturi ferrovjarji, sakemm dawn ikunu assenjati għal linji li jaqdu reġjun regolarment u li jistgħu jgawdu minn għajnuna skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat, reġjun 'il barra mill-periferija jew reġjun b'densità baxxa ta' populazzjoni fis-sens tal-punti 80 u 81 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għal skopijiet reġjonali (46). Fir-reġjuni l-oħra, id-deroga tapplika biss għall-għajnuna għal investiment inizjali. F'dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-investiment ta' bdil, id-deroga tapplika biss fejn is-sett tal-vetturi ferrovjarji modernizzat bl-għajnuna jkollu aktar minn 15-il sena.

    (36)

    Madankollu, sabiex jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-deroga trid tkun soġġetta għal erba' kundizzjonijiet, li jridu jintlaħqu b'mod kumulattiv:

    (a)

    il-vetturi ferrovjarji kkonċernati għandhom ikunu destinati esklussivament għal servizzi ta' trasport urban, suburban jew reġjonali tal-passiġġieri f'reġjun speċifiku jew għal linja speċifika li taqdi diversi reġjuni; għal dan il-għan, għall-bżonnijiet ta' dawn il-linji gwida, “servizzi ta' trasport urbani u suburbani” għandha tfisser servizzi ta' trasport li jaqdu l-bżonnijiet ta' ċentru urban jew ta' agglomerazzjoni, kif ukoll il-bżonnijiet ta' trasport bejn dan iċ-ċentru urban jew agglomerazzjoni u l-periferija tagħhom, filwaqt li “servizzi ta' trasport reġjonali” għandha tfisser is-servizzi ta' trasport li jaqdu l-bżonnijiet ta' trasport ta' reġjun wieħed jew aktar. Servizzi ta' trasport li jaqdu ħafna reġjuni, fi Stat Membru wieħed jew aktar, jistgħu jidħlu wkoll fl-ambitu ta' applikazzjoni ta' dan il-punt fejn l-impatt fuq l-iżvilupp reġjunali tar-reġjuni koperti jista' jintwera, partikolarment bir-regolarità tas-servizz. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-għajnuna ma tikkompromettix il-ftuħ effettiv tas-suq tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri u tal-kabotaġġ wara d-dħul fis-seħħ tat-tielet pakkett ferrovjarju;

    (b)

    il-vetturi ferrovjarji kkonċernati għandhom jibqgħu allokati esklussivament għar-reġjun speċifiku jew għal-linja speċifika li taqsam ħafna reġjuni u li għaliha jkunu gawdew minn għajnunijiet matul talanqas għaxar snin;

    (c)

    il-vetturi ferrovjarji ta' bdil għandhom jilħqu l-istandards ta' l-interoperabbiltà, ta' sikurezza u ta' l-ambjent (47) applikabbli fin-network ikkonċernat;

    (d)

    l-Istat Membru għandu juri li l-proġett jinkontribwixxi għal strateġija ta' żvilupp reġjonali koerenti.

    (37)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni, partikularment billi tqis id-dħul addizzjonali li l-vetturi ferrovjarji mibdula fuq il-linja kkonċernata jistgħu jġibu lill-impriża megħjuna, per eżempju permezz tal-bejgħ lil partijiet terzi jew bl-użu tagħhom fi swieq oħra. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tissoġġetta l-għoti ta' l-għajnuna għall-obbligu li l-impriża benefiċjarja tbigħ f'kundizzjonijiet normali tas-suq il-vetturi ferrovjarji li ma għadhiex tuża, sabiex ikunu jista' jitħaddmu minn operaturi oħra; f'dan il-każ, id-dħul mill-bejgħ tal-materjal qadim jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli.

    (38)

    B'mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jsirx użu abbużiv mill-għajnuna. Il-kundizzjonijiet l-oħra kkunsidrati fil-linji gwida jikkonċernaw l-għajnuniet għal skopijiet reġjonali, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-limiti ta' intensità, il-mapep ta' l-għajnuniet reġjonali u r-regoli dwar l-akkumulu, huma applikabbli, għajr għad-dispożizzjonijiet rigward l-għajnuniet favur proġetti kbar ta' investiment. Il-Kummissjoni tinnota li l-linji speċifiċi kkonċernati jistgħu, f'ċerti każijiet, jaqsmu reġjuni li għalihom japplikaw limiti differenti ta' intensità skond il-mappa ta' l-għajnuniet reġjonali. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tapplika l-aktar rata ta' intensità għolja tar-reġjuni regolarment moqdija fuq il-linja kkonċernata, b'mod proporzjonali għar-regolarità tas-servizz (48).

    (39)

    F'dak li jirrigwarda l-proġetti ta' investiment fejn l-ispejjeż eliġibbli jaqbżu l-EUR 50 miljun, il-Kummissjoni tqis li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, jeħtieġ li ssir deroga mill-punti 60 sa 70 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għal skopijiet reġjonali. Madankollu, il-punti 64 u 67 ta' dawn il-linji gwida jibqgħu japplikaw fejn il-proġett ta' investiment jirrigwarda vetturi ferrovjarji assenjati għal linja speċifika li taqdi diversi reġjuni.

    (40)

    Jekk l-impriża benefiċjarja tkun ingħatat ir-responsabbiltà għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li jirrikjedu x-xiri u/jew it-tiġdid tal-vetturi ferrovjarji, u diġà tkun qed tirċievi kumpens għal dan il-għan, dan il-kumpens għandu jitqies fl-ammont ta' għajnuna reġjonali li tista' tingħata lil din l-impriża, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed.

    4.   IT-TĦASSIR TA' DJUN

    4.1.   Għan

    (41)

    Kif issemma fit-Taqsima 1.1, matul l-istorja, l-impriżi ferrovjarji kienu f'sitwazzjoni żbilanċjata bejn id-dħul tagħhom u l-ispejjeż tagħhom, b'mod partikolari l-ispejjeż ta' investiment tagħhom. Dan wassal għal dejn kbir, fejn is-servizz finanzjarju jirrappreżenta piż għoli ħafna għall-impriżi ferrovjarji u jillimita l-kapaċità tagħhom li jagħmlu l-investimenti meħtieġa, kemm fuq il-livell ta' l-infrastrutturi kif ukoll tat-tiġdid tal-vetturi ferrovjarji.

    (42)

    Id-Direttiva 91/440/KEE qieset din is-sitwazzjoni b'mod espliċitu. Fil-fatt, din id-Direttiva tindika fis-seba' premessa tagħha li l-Istati Membru għandhom “jridu jiżguraw b'mod partikulari li l-impriżi eżistenti tat-trasport li huma tal-pubbliku jew ikkontrollati jingħataw struttura finanzjarja b'saħħitha”, u tikkunsidra li “arranġament mill-ġdid finanzjarju” tista' għalhekk tkun neċessarja. L-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva jistipula li l-Istati Membri, “flimkien ma' l-impriżi eżistenti tal-ferrovija li huma tal-pubbliku jew ikkontrollati,(…) (i)ridu jwaqqfu strutturi xierqa biex inaqqsu d-dejn ta' dawk l-impriżi fuq kull livell li ma jfixkilx it-tmexxija finanzjarja tajba u li jtejjeb il-qagħda finanzjarja tagħhom”. Il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu jipprovdi għall-għoti ta' għajnuniet mill-Istat “biex tħassar id-djun li għaliħ hemm referenza f'dan l-Artikolu”, u jistipula li l-għoti ta' dawn l-għajnuniet għandu jsir bl-osservanza ta' l-Artikoli 73, 87 u 88 tat-Trattat.

    (43)

    Fil-bidu tas-snin disgħin, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/440/KEE, l-Istati Membri naqqsu b'mod konsiderevoli d-djun ta' l-impriżi ferrovjarji. Ir-ristrutturazzjoni tad-djun ta' l-impriżi ferrovjarji għalhekk ħadet forom differenti:

    (a)

    it-trasferiment tad-djun kollha jew parti minnhom lill-korp inkarigat mill-ġestjoni ta' l-infrastruttura, biex b'hekk l-impriża ferrovjarja setgħet taħdem fuq bażi finanzjarja aktar b'saħħitha. Dan it-trasferiment seta' jitwettaq wara s-separazzjoni ta' l-attivitajiet ta' sfruttament ta' servizzi ta' trasport u ta' ġestjoni ta' l-infrastruttura;

    (b)

    il-ħolqien ta' entitajiet separati għall-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura (per eżempju, il-linji ta' veloċità għolja) biex b'hekk l-impriżi ferrovjarji setgħu jħaffu l-piż finanzjarju tal-ġejjieni li kien jirrappreżenta l-finanzjament ta' dawn l-infrastrutturi l-ġodda;

    (c)

    ir-ristrutturazzjoni finanzjarja ta' l-impriżi ferrovjarji, speċjalment bit-tneħħija tad-djun kollha jew parti minnhom.

    (44)

    Dawn it-tliet tipi ta' azzjonijiet ikkontribwixxew għat-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-impriżi ferrovjarji fuq perjodu ta' żmien qasir. Id-dejn naqas meta mqabbel mal-passiv kollu, l-istess bħall-parti tar-rimborż ta' l-interessi fl-ispejjeż operattivi. B'mod ġenerali, it-tnaqqis tad-dejn ħalla lill-impriża ferrovjarja ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha minħabba nuqqas tar-rimborżi tal-kapital u ta' l-imgħaxijiet. Barra minn hekk, tnaqqis bħal dan seta' jikkontribwixxi għal tnaqqis tar-rati ta' l-imgħax, li għandu inċidenza sostanzjali fuq is-servizz finanzjarju tad-dejn.

    (45)

    Madankollu, il-Kummissjoni tiddikjara li l-livell tad-dejn ta' bosta impriżi ferrovjarji jibqa' jkun ta' tħassib. Ħafna minn dawn l-impriżi għandhom livell ta' dejn ogħla mil-livelli aċċettabbli għal kumpannija kummerċjali, ma jistgħux dejjem jiffinanzjaw lilhom infushom, u/jew ma jistgħux jiffinanzjaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' investiment permezz tad-dħul li jiġi mill-attivitajiet attwali u futuri ta' trasport. Barra minn hekk, fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea wara l-1 ta' Mejju 2004, wieħed jinnota li l-livell ta' dejn tal-kumpanniji tas-settur huwa konsiderevolment ogħla milli fil-bqija ta' l-Unjoni Ewropea.

    (46)

    Din il-qagħda hija riflessa fl-għażla tal-leġiżlatur Komunitarju li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/440/KEE ma jiġux emendati ma' l-adozzjoni tad-Direttivi 2001/12/KE u 2004/51/KE. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jiddaħħlu fil-qafas ġenerali tal-pakketti ferrovjarji suċċessivi.

    (47)

    Din it-taqsima timmira li tippreċiża l-mod kif il-Kummissjoni biħsiebha tapplika, fid-dawl ta' din l-eżiġenza mill-leġiżlazzjoni sekondarja, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuniet mill-Istat għall-mekkaniżmi għat-tnaqqis tad-djun ta' l-impriżi ferrovjarji.

    4.2.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

    (48)

    L-ewwelnett, il-Kummissjoni tfakkar li l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat tapplika biss għall-għajnuniet li jwasslu għal “distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, u biss “safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Skond ġurisprudenza kostanti, fejn għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża fir-rigward ta' impriżi oħra kompetituri fil-kummerċ intrakomunitarju, għandu jitqies li dawn ta' l-aħħar huma influwenzati mill-għajnuna (49).

    (49)

    Għaldaqstant, kull miżura imputabbli għall-Istat, li twassal għat-tħassir totali jew parzjali tad-dejn speċifikament favur impriża ferrovjarja waħda jew aktar u permezz ta' fondi statali, taqa' fl-ambitu ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, sakemm l-impriżi ferrovjarja kkonċernata hija attiva fi swieq miftuħin għall-kompetizzjoni, u sakemm it-tħassir tad-dejn isaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-impriża/i f'talanqas wieħed minn dawn is-swieq.

    (50)

    Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva 2001/12/KE fetħet is-suq tas-servizzi internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija għall-kompetizzjoni fuq in-Network Trans-Ewropew tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija kollu mill-15 ta' Marzu 2003. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, b'mod ġenerali, il-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni sar sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu 2003.

    4.3.   Kompatibbiltà

    (51)

    Fejn it-tħassir ta' dejn favur impriża ferrovjarja jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat koperta mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat, dan għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 tat-Trattat.

    (52)

    B'mod ġenerali, tali għajnuna għandha tiġi eżaminata abbażi tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà ta' l-2004 (minn issa 'l quddiem, “il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004” ), suġġett għat-Taqsima 5 ta' dawn il-linji gwida.

    (53)

    Madankollu, fil-każijiet speċifiċi fejn id-djun ikkanċellati jikkonċernaw esklussivament il-koordinament tat-trasport, il-kumpensi ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku jew in-normalizzazzjoni tal-kontijiet, il-kompatibbiltà se tkun eżaminata skond l-Artikolu 73 tat-Trattat, skond ir-Regolamenti adottati għall-implimentazzjoni tagħha u skond ir-Regolament dwar in-normalizzazzjoni tal-kontijiet (50).

    (54)

    Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/440/KEE, il-Kummissjoni tqis li, f'ċerti ċirkostanzi, għandu jkun possibbli li tali għajnuniet jiġu awtorizzati fin-nuqqas ta' ristruturazzjoni finanzjarja, fejn it-tħassir jikkonċerna djun antiki, imġarrba qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/12/KE, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tas-settur għall-kompetizzjoni.

    (55)

    Il-Kummissjoni tqis effettivament li l-għajnuniet ta' dan it-tip jistgħu jkunu kompatibbli jekk l-għan tagħhom huwa li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn suq ferrovjarju miftuħ, kif stabbilit mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/440/KEE (51). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li għajnuniet bħal dawn jistgħu jkunu kkunsidrati kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat (52), sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti.

    (56)

    L-ewwelnett, l-għajnuna għandha sservi ta' kumpens għal djun ċarament iddefinit u individwalizzat, u mġarbba qabel il-15 ta' Marzu 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/12/KE. L-għajnuna ma tista' taqbeż fl-ebda każ l-ammont ta' dawn id-djun. Fil-każ ta' l-Istati Membri li ssieħbu fil-Komunità wara l-15 ta' Marzu 2001, id-data rilevanti hija dik ta' l-adeżjoni tagħhom fil-Komunità. Fil-fatt, il-loġika ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/440/KEE, imtennija fid-Direttivi ta' warajha, kienet li jiġi rimedjat livell ta' dejn akkumulat f'kuntest fejn kien għadu mhux deċiż il-ftuħ tas-suq fuq il-livell Komunitarju.

    (57)

    It-tieni, id-djun ikkonċernati jridu jkunu direttament marbutin ma' l-attività ta' trasport ferrovjarju jew ma' l-attivitajiet ta' ġestjoni, kostruzzjoni jew użu ta' infrastruttura ferrovjarja. Id-djun imġarrba biex isiru investimenti li mhumiex direttament marbuta mat-trasport u/jew ma' l-infrastrutturi ferrovjarji mhumiex eliġibbli.

    (58)

    It-tielet, it-tneħħija ta' djun trid issir favur impriżi li huma ffaċċjati b'livell eċċessiv ta' dejn, li jostakola l-ġestjoni finanzjarja b'saħħitha tagħhom. L-għajnuna għandha tkun meħtieġa biex tirrimedja din is-sitwazzjoni fis-sens li l-iżvilupp imbassar tal-kompetizzjoni fuq is-suq ma jkunx jippermetti lill-impriża li ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fil-futur imbassar. L-evalwazzjoni ta' dan il-kriterju għandha tikkunsidra l-benefiċċji ta' produttività li jistgħu jkunu b'mod raġonevoli mistennija mill-impriża.

    (59)

    Ir-raba', l-għajnuna ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan. Fuq dan il-punt ukoll irid ikun ikkunsidrat l-iżvilupp futur tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, dan ma jistax f'perjodu ta' żmien qasir iqiegħed lill-impriża f'sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta' impriża ta' daqs medju mmexxi tajjeb li għandha l-istess profil ta' attività.

    (60)

    Il-ħames, it-tneħħija ta' djun ma tistax tagħti lill-impriża vantaġġ kompetittiv b'mod li timpedixxi l-iżvilupp ta' kompetizzjoni effettiva fuq is-suq, per eżempju billi tiddisswadi d-dħul, f'ċerti swieq nazzjonali jew reġjonali, ta' impriżi esterni għal dawn is-swieq jew ta' atturi ġodda. B'mod partikolari, l-għajnuniet iddestinati biex ineħħu d-djun ma jistgħux ikunu ffinanzjati mit-tnaqqis impost fuq operaturi ferrovjarji oħrajn (53).

    (61)

    Meta dawn il-kundizzjonijiet jinġabru, il-miżuri ta' tneħħija ta' djun jikkontribwixxu għall-għan stipulat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/440/KEE, mingħajr ma jitgħawġu b'mod sproporzjonat il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk dawn jistgħu jkunu kkunsidrati kompatibbli mas-Suq Komuni.

    5.   GĦAJNUNIET GĦAR-RISTRUTTURAZZJONI TA' IMPRIŻI FERROVJARJI — IR-RISTRUTTURAZZJONI TAL-FERGĦA GĦALL-MERKANZIJA

    5.1.   Għan

    (62)

    Ħlief għal dispożizzjoni speċifika, il-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà fis-settur ferrovjarju abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni fis-seħħ ta' l-2004. Dawn il-linji gwida fil-fatt ma jagħmlux provvediment għal deroga għall-impriżi ferrovjarji.

    (63)

    B'mod ġenerali, fergħa ta' impriża, jiġifieri entità ekonomika mingħajr natura ġuridika proprja, ma tistax tibbenefika minn għajnuniet għar-ristrutturazzjoni. Il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni japplikaw fil-fatt unikament għal “impriżi f'diffikultà”. Barra minn hekk, il-linji gwida jippreċiżaw fil-punt 13, li kumpannija “li tagħmel parti minn grupp jew tittieħed minn grupp ma tistax bi prinċipju tibbenefika minn għajnuniet ... għar-ristrutturazzjoni, ħlief jekk jista' jintwera li d-diffikultajiet tagħha huma speċifiċi għaliha u ma jirriżultawx minn allokazzjoni arbitrarja ta' l-ispejjeż fi ħdan il-grupp, u li dawn id-diffikultajiet ikunu serji wisq biex ikunu riżolti mill-grupp innifsu”. Aktar importanti minn hekk, jaqbel li tiġi evitata sitwazzjoni fejn diviżjoni artifiċjali ma tippermettix li attività b'defiċit fi ħdan impriża ddeterminata ma tgawdix minn fondi pubbliċi.

    (64)

    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li s-settur Ewropew tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija illum jinsab f'qagħda għalkollox speċifika, li timplika, fl-interess komuni, li jiġi pprovdut li, f'ċerti ċirkostanzi, l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' fergħat ta' “trasport ta' merkanzija” ta' impriżi ferrovjarji jistgħu jkunu kkunsidrati kompatibbli mas-Suq Komuni.

    (65)

    Fil-fatt, fis-settur ferrovjarju, is-sitwazzjoni kompetittiva ta' l-attivitajiet ta' trasport tal-merkanzija llum hija differenti ħafna minn dik tat-trasport tal-passiġġieri. Is-swieq nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija huma miftuħin għall-kompetizzjoni, filwaqt li l-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri mhux se jsir qabel l-1 ta' Jannar 2010.

    (66)

    Din is-sitwazzjoni għandha impatt finanzjarju safejn l-attività ta' trasport ta' merkanzija hija mmexxija, fil-prinċipju, mir-relazzjonijiet kummerċjali biss bejn min jgħabbi u t-trasportaturi. Min-naħa l-oħra, il-bilanċ finanzjarju ta' l-attività ta' trasport tal-passiġġieri jista' wkoll jistrieħ fuq l-intervent ta' l-awtoritajiet pubbliċi permezz ta' kumpensi ta' servizz pubbliku.

    (67)

    Madankollu, diversi impriżi ferrovjarji Ewropej ma firdux ġuridikament l-attivitajiet ta' trasport tal-passiġġieri u l-attivitajiet ta' trasport tal-merkanzija, jew wettqu din is-separazzjoni biss dan l-aħħar. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ ma tistipula l-ebda obbligu ta' separazzjoni ġuridika ta' dan it-tip.

    (68)

    Barra minn hekk, it-tiġdid tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ilu ħafna snin fil-qalba tal-prijoritajiet tal-politika Ewropea dwar it-trasport. Ir-raġunijiet għal dan ġew imfakkra fit-Taqsima 1 ta' dawn il-linji gwida.

    (69)

    Minn dan il-karattru speċifiku ta' l-attivitajiet ta' trasport ferrovjarju tal-merkanzija titnissel il-ħtieġa ta' strateġija adattata, li ġiet irrikonoxxuta fil-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (54), abbażi tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà (55) ta' l-1999.

    (70)

    L-għan ta' din it-Taqsima huwa li jindika, fid-dawl ta' din il-prattika ta' teħid tad-deċiżjonjiet tal-Kummissjoni, u filwaqt li jiqiesu l-emendi mdaħħlin mil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004 fil-linji gwida korrispondenti ta' l-1999, il-mod kif il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta din l-istrateġija fil-ġejjieni.

    (71)

    Fid-dawl tar-riskji enfasizzati hawn fuq, din l-istrateġija twieġeb għal ċirkustanzi speċifiċi u se tiġi applikata biss għall-fergħa ta' l-impriżi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija, u għal perjodu ta' tranżizzjoni, għar-ristrutturazzjoni notifikata sa l-1 ta' Jannar 2010, id-data tal-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri.

    (72)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tqis il-fatt li, f'għadd dejjem jikber ta' Stati Membri, l-impriżi ferrovjarji adattaw l-organizzazzjoni tagħhom għall-evoluzzjonijiet speċifiċi ta' l-attivitajiet ta' trasport tal-merkanzija u ta' trasport tal-passiġġieri, billi wettqu separazzjoni ġuridika ta' l-attivitajiet tagħhom ta' trasport tal-merkanzija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se teżiġi, fil-qafas tar-ristrutturazzjoni u bħala prerekwiżit għall-għoti ta' l-għajnuna, is-separazzjoni ġuridika tal-fergħa kkonċernata mat-trasport tal-merkanzija billi din tiġi ttrasformata f'kumpannija kummerċjali tad-dritt komuni. Il-Kummissjoni tinnota li tali separazzjoni ġġib magħha, flimkien ma' miżuri oħra xierqa, kontribut sinifikanti lejn it-twettieq ta' għan doppju: l-esklużjoni ta' kull sussidju komuni bejn il-fergħa ristrutturata u l-bqija ta' l-impriża, u l-iżgurar li r-relazzjonijiet finanzjarji kollha bejn dawn iż-żewġ attivitajiet isiru fuq bażi kummerċjali u permanenti.

    (73)

    Biex kull dubju jiġi evitat, il-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004 jibqgħu japplikaw fl-intier tagħhom fl-eżaminar ta' l-għajnuniet imsemmija f'din it-Taqsima, għajr għad-derogi espressament previsti hawn taħt.

    5.2.   Eliġibbiltà

    (74)

    Il-kriterju ta' eliġibbiltà għandu jiġu adattat biex jinkludi s-sitwazzjoni fejn fergħa tat-trasport tal-merkanzija ta' impriżi ferrovjarja tikkostitwixxi unità ekonomika koerenti u permanenti, li ser tkun separata ġuridikament mill-bqija ta' l-impriża matul ir-ristrutturazzjoni u qabel ma tingħata l-għajnuna, u li tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet li minħabba fihom li kieku kienet ġiet separata mill-impriża ferrovjarja, kienet tikkostitwixxi “impriża f'diffikultà” fis-sens tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni.

    (75)

    Dan jimplika speċifikament li l-fergħa ta' l-impriża kkonċernata tkun taffaċċja diffikultajiet intrinsiċi serji, li mhumiex ir-riżultat ta' allokazzjoni arbitrarja ta' l-ispejjeż fi ħdan l-impriżi ferrovjarja.

    (76)

    Biex il-fergħa li għandha tiġi ristrutturata tikkostitwixxi unità ekonomika koerenti u permanenti, għandha tiġbor l-attivitajiet kollha tagħha ta' trasport tal-merkanzija ta' l-impriża ferrovjarja, mil-lat industrjali, kummerċjali, finanzjarju u tal-kontabbiltà. Għandu jkun possibbli li jingħatawlha livell ta' telf u livell ta' fondi proprji jew ta' kapital, li jirreflettu biżżejjed ir-realtà ekonomika tas-sitwazzjoni li taffaċċja din il-fergħa, biex jiġi evalwat b'mod koerenti l-kriterju stabbilit fil-punt 10 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004 (56).

    (77)

    Fl-analiżi rigward jekk fergħa tinsabx f'diffikultà fis-sens mogħti hawn fuq, il-Kummissjoni se tqis il-kapaċità tal-bqija ta' l-impriża ferrovjarja biex tiżgura l-irkupru tal-fergħa li għandha tiġi ristrutturata.

    (78)

    Il-Kummissjoni tqis li, minkejja li s-sitwazzjoni deskritta mhijiex koperta direttament mil-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristruturazzjoni ta' l-2004, li, fil-punt 12, jeskludu mill-ambitu tagħhom ta' applikazzjoni lill-impriżi ġodda, jistgħu jingħataw għajnuniet għar-ristrutturazzjoni f'dan il-kuntest, bil-għan li l-impriża sussidjarja maħluqa bis-separazzjoni ġuridika tkun tista' topera fis-suq f'kundizzjonijiet vjabbli. Hawnhekk huma kkonċernati biss is-sitwazzjonijiet fejn l-impriża sussidjarja li se tinħoloq bis-separazzjoni ġuridika tiġbor il-fergħa tat-trasport tal-merkanzija kollha kemm hi, hekk kif deskritta mill-kontabbiltà separata stabbilita skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/440/CEE, u tinkludi l-attivi u passivi, il-kapital, l-impenji mhux kontabbilizzati, u l-ħaddiema kollha tal-fergħa.

    (79)

    Il-Kummissjoni tinnota li, għall-istess raġunijiet, fejn impriżi ferrovjarja tkun għadha kemm isseparat ġuridikament il-fergħa tagħha ta' trasport tal-merkanzija, filwaqt li din il-fergħa tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti hawn fuq, l-impriża sussidjarja kkonċernata ma għandhiex titqies bħala impriża ġdida fis-sens tal-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004, u għaldaqstant mhijiex eskluża mill-ambitu ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida.

    5.3.   Ir-ritorn għall-vjabbiltà fuq medda ta' żmien twila

    (80)

    Il-Kummissjoni ser tiżgura mhux biss li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004 għar-ritorn għall-vjabbiltà fuq medda ta' żmien twila (57), iżda anki li r-ristrutturazzjoni tippermetti li tiġi Gazzetta ufficiale della Repubblica italianażgurata t-trasformazzjoni ta' l-attività ta' trasport tal-merkanzija minn attività protetta li tgawdi drittijiet esklussivi, għal attività kompetittiva fil-kuntest ta' suq miftuħ. Għaldaqstant, din ir-ristrutturazzjoni għandha tikkonċerna l-aspetti kollha ta' l-attività ta' trasport tal-merkanzija, mil-lat industrjali, kummerċjali u finanzjarju. Il-pjan ta' ristrutturazzjoni mitlub mil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni (58) għandu jippermetti partikolarment li jiġi żgurat livell ta' kwalità, affidabbiltà u servizz kompatibbli ma' l-eżiġenzi tal-klijenti.

    5.4.   Il-Prevenzjoni ta' kull tagħwiġ żejjed tal-kompetizzjoni

    (81)

    Fl-analiżi tal-prevenzjoni ta' kull tagħwiġ żejjed tal-kompetizzjoni, kif previst mil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni tistrieħ fuq l-elementi li ġejjin:

    (a)

    id-differenzi tal-mudelli ekonomiċi bejn it-trasport bil-linji tal-ferrovija u l-mezzi l-oħra tat-trasport;

    (b)

    l-għan Komunitarju ta' bbilanċjar mill-ġdid tal-mezzi tat-trasport;

    (c)

    is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq fil-waqt tar-ristrutturazzjoni (il-grad ta' integrazzjoni, il-potenzjal ta' tkabbir, il-preżenza ta' kompetituri, il-prospettivi ta' żvilupp).

    5.5.   Għajnuna minima

    (82)

    Id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004 japplikaw għall-verifika ta' dan il-kriterju. Għal dan il-għan, il-kontribut propju ta' l-impriża tinkludi l-kontribut tal-fergħa ta' trasport tal-merkanzija li se tiġi separata ġuridikament mill-impriża ferrovjarja. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni għalkollox speċifika li jinsab fiha s-settur tat-trasport ferrovjarju Ewropew tal-merkanzija, imfakkra hawn fuq, tista' tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-punt 44 ta' dawn il-linji gwida. Għaldaqstant, tista' taċċetta kontributi proprji aktar baxxi minn dawk previsti mil-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta' l-2004, sakemm il-kontribut propju tal-fergħa ta' trasport tal-merkanzija jkun kemm jista' jkun għoli mingħajr ma jipperikola l-vjabbiltà ta' l-attività.

    5.6.   Il-prinċipju ta' l-għajnuna waħdanija

    (83)

    F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għajnuna waħdanija, din tapplika għall-impriżi sussidjarja separata ġuridikament, b'qies għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata bħala għajnuna inizjali għar-ristrutturazzjoni li tkun gawdiet l-impriża. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni awtorizzata fil-kundizzjonijiet mogħtija f'dan il-Kapitolu hija mingħajr rilevanza għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-għajnuna waħdanija għall-bqija ta' l-impriża ferrovjarja.

    (84)

    Biex kull dubju jiġi evitat, jekk l-impriża ferrovjarja, fl-intier tagħha, tkun diġà rċeviet għajnuniet għar-ristrutturazzjoni, il-prinċipju ta' l-għajnuna waħdanija tmur kontra l-għoti ta' għajnuniet għar-ristrutturazzjoni tal-fergħa tagħha ta' trasport tal-merkanzija, hekk kif inhuma previsti f'din it-Taqsima.

    6.   L-GĦAJNUNIET GĦALL--KOORDINAMENT TAT-TRASPORT

    6.1.   Għan

    (85)

    Kif spjegat qabel, l-Artikolu 73 tat-Trattat ġie implimentat permezz tar-Regolamenti (KEE) Nru 1107/70 u (KEE) Nru 1991/69, li se jkunu rrevokati mir-Regolament ta' l-OSP. Ir-Regolament ta' l-OSP sadanittant ma jkunx applikabbli ħlief għat-trasport fuq l-art ta' passiġġieri. Dan ma jkoprix it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, li għalih l-għajnuniet għall-koordinament tat-trasport jibqgħu suġġetti għall-Artikolu 73 waħdani tat-Trattat.

    (86)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament ta' l-OSP dwar l-għajnuniet għall-koordinament tat-trasport u l-għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp japplikaw espliċitament mingħajr ħsara għall-Artikolu 73 tat-Trattat, li għalhekk jista' jkun użat direttament biex jiġġustifika l-kompatibbiltà ta' għajnuniet għall-koordinament tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri.

    (87)

    L-għan ta' din it-Taqsima jikkonsisti għalhekk filli jkunu ddeterminati l-kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà, fuq bażi ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat, ta' l-għajnuniet għall-koordinament tat-trasport, b'mod ġenerali (it-Taqsima 6.2) u f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti forom speċifiċi ta' għajnuniet (it-Taqsima 6.3). Il-Kummissjoni tfakkar li, minkejja li l-prinċipji ġenerali ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat naturalment huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta' għajnuniet mill-Istat fir-rigward tar-Regolament ta' l-OSP, dawn il-linji gwida ma jittrattawx ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament ikkonċernat.

    6.2.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    (88)

    L-Artikolu 73 tat-Trattat jipprovdi għall-kompatibbiltà mat-Trattat tal-KE ta' l-għajnuniet li jaqdu l-bżonnijiet ta' koordinament tat-trasport. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet b'liġi li dan l-Artikolu “jaċċetta l-kompatibbiltà mat-Trattat ta' għajnuniet għat-trasport biss f'każijiet determinati sew u li ma jkunux ta' preġudizzju għall-interessi ġenerali tal-Komunità” (59).

    (89)

    In-nozzjoni ta'“koordinament tat-trasport” użata fl-Artikolu 73 tat-Trattat għandha sinifikat li jmur lil hinn mis-sempliċi fatt li tiffaċilita l-iżvilupp ta' attività ekonomika. Timplika intervent ta' l-awtoritajiet pubbliċi li jimmiraw li jorjentaw l-iżvilupp tas-settur tat-trasport fl-interess komuni.

    (90)

    Il-progressi tal-liberalizzazzjoni fis-settur tat-trasport fl-art, f'ċerti aspetti, b'mod konsiderevoli naqqsu l-bżonnijiet ta' koordinament. Fil-prinċipju, f'settur liberalizzat effiċjenti, il-koordinament jista' fil-prinċipju jirriżulta mill-azzjoni tal-forzi tas-suq. Madankollu, kif indikat hawn fuq, jibqa' l-fatt li l-investiment fl-iżvilupp ta' infrastrutturi, f'ħafna każi, jibqa' jsir mill-poteri pubbliċi. Barra minn hekk, anke wara l-liberalizzazzjoni tas-settur, ħafna nuqqasijiet fis-suq jistgħu jippersistu. Partikolarment, dawn huma nuqqasijiet li jiġġustifikaw l-intervent tas-setgħat pubbliċi f' dan il-qasam.

    (91)

    L-ewwelnett, is-settur tat-trasport jimplika aspetti esterni negattivi importanti, per eżempju bejn utenti (konġestjoni), jew fir-rigward tas-soċjetà kollha (tniġġis). Dawn l-aspetti esterni huma diffiċli biex ikunu kkunsidrati, notevolment minħabba l-fatt tal-limitu inerenti għall-possibbiltà li jkunu inklużi l-ispejjeż esterni, jew anke sempliċement l-ispejjeż diretti ta' l-użu, fl-iffissar ta' prezzijiet ta' aċċess għall-infrastrutturi tat-trasport. Minn dan jirriżultaw differenzi possibbli bejn il-modi differenti ta' trasport, li jistħoqqilhom ikunu korretti permezz ta' appoġġ tal-poteri pubbliċi għall-modi ta' trasport li jikkawżaw l-inqas spejjeż esterni.

    (92)

    It-tieni, is-settur tat-trasport jista' jkollu diffikultajiet ta'“koordinament” fis-sens ekonomiku tat-terminu, pereżempju bl-adozzjoni ta' standard ta' interoperabbiltà komuni għal-linji tal-ferrovija, jew fil-kollegamenti bejn networks differenti ta' trasport.

    (93)

    It-tielet, l-impriżi ferrovjarji jistgħu ma jkunux f'qagħda li jieħdu l-benefiċċji kollha ta' l-isforzi tagħhom fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (effetti esterni pożittivi), li jikkostitwixxi nuqqas fis-suq.

    (94)

    Il-preżenza fit-Trattat ta' bażi speċifika li tippermetti li jkunu awtorizzati l-għajnuniet li jikkorrispondu mal-bżonnijiet tal-koordinament tat-trasport hija xhieda ta' l-importanza ta' dawn ir-riskji ta' falliment tas-suq, u ta' l-impatt negattiv li huma għandhom fuq l-iżvilupp tal-Komunità.

    (95)

    Fil-prinċipju, l-għajnuniet li jikkorrispondu għall-bżonnijiet tal-koordinament tat-trasport għandhom ikunu kkunsidrati kompatibbli mat-Trattat tal-KE.

    (96)

    F'kull każ, biex l-għoti ta' għajnuna jista' jitqies li “jaqdi l-bżonnijiet” tal-koordinament tat-trasport, għandu jkun meħtieġ u proporzjonat ma' l-għan indikat. Barra minn hekk, it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li huwa inerenti għall-għajnuna ma għandux jolqot ħażin l-interessi ġenerali tal-Komunità. Bħala eżempju, għajnuna li sservi biex tbiddel id-direzzjoni tal-flussi ta' traffiku tat-trasport marittimu ta' distanza qasira lejn il-linji tal-ferroviji ma tistax tissodisfa dawn il-kriterji.

    (97)

    Fl-aħħarnett, fid-dawl ta' l-iżvilupp mgħaġġel tas-settur tat-trasport, u għaldaqstant fid-dawl tal-bżonnijiet ta' koordinament li jirrigwardawh, kull għajnuna nnotifikata lill-Kummissjoni minħabba deċiżjoni li tiddikjara li din l-għajnuna hija kompatibbli mat-Trattat, abbażi ta' l-Artikolu 73 tiegħu, trid tkun limitata (60) għal massimu ta' 5 snin, sabiex tippermetti lill-Kummissjoni terġa' teżaminaha fid-dawl tar-riżultati miksuba u, jekk ikun il-każ, tawtorizza t-tiġdid tagħha (61).

    (98)

    F'dak li għandu x'jaqsam b'mod iktar speċifiku mas-settur ferrovjarju, l-għajnuniet għall-bżonnijiet tal-koordinament tat-trasport x'aktarx li jieħdu bosta forom:

    (a)

    għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura, jiġifieri l-għajnuniet mogħtija lil impriżi ferrovjarji li għandhom il-piż ta' l-ispejjeż relatati ma' l-infrastruttura li tuża, waqt li l-impriżi li jipprovdu servizzi ta' trasport li jistrieħu fuq modi oħra ta' trasport m'għandhomx piżijiet bħal dawn;

    (b)

    għajnuniet għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni, li huma ddestinati biex jinkoraġġixxu trasferiment modali lejn il-linji tal-ferrovija, minħabba li dawn jipproduċu inqas spejjeż esterni mill-modi l-oħra bħat-trasport bit-triq;

    (c)

    għajnuniet li jiffavorixxu l-interoperabbiltà kif ukoll, safejn iwieġbu għall-bżonnijiet tal-koordinazzjoni tal-mezzi ta' trasport, l-għajnuna li tiffavorixxi t-tisħiħ tas-sikurezza, it-tneħħija tax-xkiel tekniku u t-tnaqqis tat-tniġġis akustiku (minn issa 'l quddiem “l-għajnuniet favur l-interoperabbiltà”);

    (d)

    għajnuniet għall-izvilupp u r-riċerka, li jaqdu l-bżonnijiet tal-koordinament tat-trasport.

    (99)

    Fit-taqsimiet li ġejjin, il-Kummissjoni tagħti dettalji tal-kundizzjonijiet li, skond il-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, jippermettu li jkun żgurat, għal dawn it-tipi differenti ta' għajnuniet għall-koordinament tat-trasport, li l-għajnuniet ikkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 73 tat-Trattat. Fid-dawl tal-karattru speċifiku ta' l-għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp, il-kriterji applikabbli għal dan it-tip ta' miżuri jiġu ttrattati b'mod separat.

    6.3.   Il-kriterji għall-għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura ferrovjarja, għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni u għall-interoperabbiltà

    (100)

    L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni u l-interoperabbiltà fir-rigward ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat tikkorrispondi għall-prassi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 1107/70. Il-kundizzjonijiet iddettaljati li ġejjin, fid-dawl ta' din il-prassi jidhru suffiċjenti għall-kompatibbiltà ta' l-għajnuna.

    6.3.1.   L-ispejjeż eliġibbli

    (101)

    L-ispejjeż eliġibbli huma ddeterminati abbażi ta' l-elementi li ġejjin:

    (102)

    Fir-rigward ta' l-għajnuniet għall-użu ta' infrastrutturi ferrovjarji, l-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż supplementari ta' l-użu ta' infrastrutturi appoġġati mit-trasport ferrovjarju iżda mhux b'mezz ta' trasport kompetitur li jniġġes aktar.

    (103)

    Fir-rigward ta' l-għajnuniet għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni, l-ispejjeż eliġibbli huma s-sehem ta' l-ispejjeż esterni li t-trasport ferrovjarju jippermetti li jevita meta mqabbla mal-mezzi kompetittivi.

    (104)

    F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/14/KE jippermetti b'mod espliċitu lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistema ta' kumpens ta' l-ispejjeż ambjentali, l-ispejjeż marbuta ma' l-inċidenti u l-ispejjeż ta' infrastruttura mhux koperti bil-modi kompetittivi ta' trasport, meta n-nuqqas ta' kopertura ta' dawn l-ispejjeż jista' jkun stabbilit u safejn dawn jaqbżu l-ispejjeż ekwivalenti proprja tal-ferrovija. Jekk għadha ma teżistix leġiżlazzjoni Komunitarja li tarmonizza l-metodi ta' kalkolu tal-ħlasijiet għall-aċċess għall-infrastruttura bejn il-mezzi differenti ta' trasport fuq l-art, il-Kummissjoni se tqis, għall-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida, l-evoluzzjoni tar-regoli applikabbli għall-allokazzjoni ta' l-ispejjeż ta' infrastruttura u ta' l-ispejjeż esterni (62).

    (105)

    Kemm għall-għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll għal dawk ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni, l-Istat Membru għandu jipprovdi analiżi komparattiva, trasparenti, raġunata u kwantifikata ta' l-ispejjeż, bejn it-trasport ferrovjarju u l-għażliet alternattivi bbażati fuq mezzi oħra ta' trasport (63). Il-metodu użat u l-kalkoli li jsiru jridu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni pubblika (64).

    (106)

    F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għajnuniet għall-interoperabbiltà, l-ispejjeż eliġibbli jkopru, safejn jikkontribwixxi għall-għan ta' koordinazzjoni tat-trasport, l-investimenti kollha relatati ma' l-installazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà u interoperabbiltà (65), jew mat-tnaqqis tat-tniġġis akustiku, kemm fl-infrastrutturi ferrovjarji kif ukoll fil-vetturi ferrovjarji. B'mod partikolari, huma koperti l-investimenti marbuta mat-twettiq ta' l-ERTMS (European Rail Traffic Management System) u kull miżura oħra simili li tista' tikkontribwixxi biex tnaqqas l-ostakli tekniċi għas-suq Ewropew ta' servizzi ferrovjarji (66).

    6.3.2.   Il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-għajnuna

    (107)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li teżisti preżunzjoni ta' ħtieġa u proporzjonalità ta' l-għajnuna, meta l-intensità ta' l-għajnuna tibqa' inqas mill-valuri li ġejjin:

    (a)

    għall-għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura, 30 % ta' l-ispiża totali tat-trasport ferrovjarju, sa ammont massimu ta' 100 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (67);

    (b)

    għall-għajnuniet għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni, 30 % (68) ta' l-ispiża totali tat-trasport ferrovjarju, sa ammont massimu ta' 50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (69);

    (c)

    fil-każ ta' għajnuniet għall-interoperabbiltà, 50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli.

    (108)

    Għall-ispejjeż li jmorru lil hinn minn dawn il-livelli massimi, huwa f'idejn l-Istati Membri li jipprovdu evidenza tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tal-miżuri kkonċernati (70).

    (109)

    Fir-rigward kemm ta' l-għajnuniet għall-użu ta' infrastrutturi ferrovjarji kif ukoll l-għajnuniet għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni, l-għajnuna għandha tkun strettament limitata biex tikkumpensa l-ispejjeż ta' opportunità marbuta ma' l-użu tat-trasport ferrovjarju minflok għall-użu ta' mod ta' trasport li jniġġes aktar. Fejn jeżistu bosta soluzzjonijiet alternattivi kompetittivi li jikkawżaw livelli ta' tniġġis ogħla mit-trasport ferrovjarju, il-limitu magħżul jikkorrispondi għall-ogħla differenzjali ta' spejjeż fost dawn is-soluzzjonijiet diversi. Fejn il-limiti ta' intensità msemmija fil-punt 108 huma osservati, jista' jkun preżunt li l-kriterju ta' nuqqas ta' kumpens żejjed huwa mwettaq.

    (110)

    Fi kwalunkwe każ, meta l-benefiċjarju ta' l-għajnuna hija impriża ferrovjarja, irid ikun muri li l-għajnuna hija attwalment effett b'inċentiv ta' trasferiment modali lejn il-linji tal-ferrovija. Dan jitlob fi prinċipju li l-għajnuna tkun riflessa fil-prezz mitlub lill-passiġġier jew lil min jgħabbi, billi huwa f'dan il-livell li ssir l-għażla bejn il-ferrovija u l-modi ta' trasport li jniġġsu aktar bħat-triq (71).

    (111)

    Fl-aħħarnett, f'dak li għandu x'jaqsam speċifikament ma' l-għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura u t-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni, għandu jkun hemm perspettivi realistiċi ta' manteniment tat-traffiku trasferit lejn il-ferrovija sabiex l-għajnuna twassal għal trasferiment sostenibbli tat-traffiku.

    6.3.3.   Konklużjoni

    (112)

    L-għajnuniet għall-użu ta' l-infrastruttura ferrovjarja, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż esterni u l-interoperabbiltà li huma meħtieġa u proporzjonati u għaldaqstant ma jgħawġux il-kompetizzjoni b'mod li jolqot ħażin l-interess komuni, għandhom jitqiesu kompatibbli skond l-Artikolu 73 tat-Trattat.

    6.4.   Il-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet mar-riċerka u l-iżvilupp

    (113)

    Fil-qasam tat-trasport fuq l-art, l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/70, adotta abbażi ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat tal-KE, jipprovdi għall-possibbiltà li jingħataw għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-Kummissjoni reċentement żviluppat prassi fl-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni (72).

    (114)

    L-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament ta' l-OSP jerġa' jieħu t-test ta' l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/70. Abbażi ta' din id-dispożizzjoni, l-għajnuniet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-riċerka u l-iżvilupp ta' forom u tekniki ta' trasport ferrovjarju tal-passiġġieri iktar ekonomiku għall-kollettività, huma limitati għall-fażi sperimentali u ma jaffettwawx il-fażi ta' sfruttament kummerċjali ta' dawn il-forom u tekniki, għandhom ikunu ikkunsidrati li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-koordinament tat-trasport.

    (115)

    L-Artikolu 9(2)(b) japplika mingħajr ħsara għall-Artikolu 87 tat-Trattat. Għalhekk, l-għajnuniet għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tat-trasport ta' passiġġieri, jekk ma jkunux koperti mill-Artikolu 9 tar-Regolament ta' l-OSP u l-għajnuniet li jikkonċernaw biss it-trasport tal-merkanzija, jistgħu jkunu kkunsidrati kompatibbli abbażi ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

    (116)

    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddefinixxiet fil-qafas Komunitarju l-għajnuniet mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (73) (minn hawn il quddiem “il-qafas Komunitarju”) il-kundizzjonijiet li taħthom hija ddikjarat kompatibbli mas-Suq Komuni, fuq bażi ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, l-għajnuniet ta' dan it-tip. Dan il-qafas japplika “għall-għajnuniet favur ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-setturi kollha rilevanti tat-Trattat. Japplika wkoll għas-setturi mmexxija mir-regoli Komunitarji speċifiċi fil-qasam ta' għajnuniet mill-Istat, sakemm ir-regoli msemmija ma jiddisponux mod ieħor” (74). Japplika għalhekk għall-għajnuniet għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-settur tat-trasport ferrovjarju li ma jaqgħux taħt l-ambitu ta' l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 1107/70 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament ta' l-OSP (wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ta' l-aħħar).

    (117)

    Mhuwiex eskluż li l-kompatibbiltà ta' l-għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp tista' tiġi analizzata direttament abbażi ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat, fejn l-għan imfittex jaqdi l-bżonn ta' koordinament tat-trasport. F'dan il-każ, jaqbel li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, partikolarment il-fatt li l-għajnuna għandha tkun meħtieġa u proporzjonata ma' l-għan imfittex, u ma għandhiex tolqot ħażin l-interess ġenerali tal-Komunità. Il-Kummissjoni tqis li l-prinċipji ġenerali stipulati fil-qafas Komunitarju huma rilevanti għall-analiżi tal-kriterji differenti.

    7.   IL-GARANZIJI TA' L-ISTAT LILL-IMPRIŻI FERROVJARJI

    (118)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat f'forma ta' garanziji (75) tiddefinixxi s-sistema ġuridika applikabbli għall-garanziji ta' l-Istat, inkluża fil-qasam tat-trasport ferrovjarju.

    (119)

    Din il-Komunikazzjoni tindika fil-paragrafu 2.1.3 tagħha li “jikkostitwixxu [ ... ] għajnuna taħt forma ta' garanzija,il-kundizzjonijiet ta' kreditu aktar favorevoli miksuba mill-impriżi li l-istatut legali tagħhom jeskludi l-possibbiltà ta' proċedura ta' falliment jew insolvenza jew jagħmel provvediment b'mod espliċitu għal garanzija ta' l-Istat jew kopertura tat-telf mill-Istat”.

    (120)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra, abbażi ta' prassi kostanti, li l-garanziji illimitati f'settur miftuħ għall-kompetizzjoni huma inkompatibbli mat-Trattat tal-KE. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, dawn ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn missjonijiet ta' interess ġenerali. Fil-fatt, jidher impossibbli, fil-każ ta' garanzija illimitata, li jiġi vverifikat li l-ammont ta' l-għajnuna ma jaqbiżx l-ispejjeż netti ta' provvista ta' servizz pubbliku (76).

    (121)

    Meta l-garanziji ta' l-Istat jingħataw lil impriżi preżenti kemm fuq is-swieq kompetittivi u dawk mhux kompetittivi, il-Kummissjoni għandha l-prattika li titlob it-tneħħija kompleta tal-garanzija illimitata mogħtija lill-impriża fl-intier tagħha (77).

    (122)

    Diversi impriżi ferrovjarji jgawdu minn garanziji illimitati. Dawn il-garanziji ġeneralment huma wirt ta' status partikolari ta' monopolji storiċi li twaqqfu għall-impriżi tal-ferrovija qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat jew qabel il-ftuħ tas-suq tas-servizzi ta' trasport ferrovjarju għall-kompetizzjoni.

    (123)

    Skond l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha, il-biċċa l-kbira minn dawn il-garanziji jikkostitwixxu għajnuniet eżistenti. L-Istati Membri kkonċernati huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' dawn is-sistemi, kif ukoll bil-miżuri ppjanati biex ineħħuhom, skond il-proċedura ddefinita fit-Taqsima 8.3.

    8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    8.1.   Regoli dwar l-akkumulazzjoni ta' għajnuniet

    (124)

    Il-limiti għall-għajnuniet stabbiliti f'dawn il-linji gwida japplikaw indipendentement jekk l-għajnuna kkonċernata hijiex finanzjata integralment mir-riżorsi ta' l-Istat jew mir-riżorsi Komunitarji fit-totalità tagħhom jew parzjalment. L-għajnuniet awtorizzati skond dawn il-linji gwida ma jistgħux jiġu akkumulati ma' għajnuniet mill-Istat oħrajn skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE u lanqas ma' finanzjamenti Komunitarji oħrajn, jekk din l-akkumulazzjoni jwassal għal livell ta' għajnuna ogħla minn dak stabbilit minn dawn il-linji gwida.

    (125)

    F'każ ta' għajnuniet għal skopijiet differenti u li jinvolvu l-istess spejjeż eliġibbli, japplika l-aktar limitu għall-għajnuna favorevoli.

    8.2.   Id-data ta' l-applikazzjoni

    (126)

    Il-Kummissjoni għandha tapplika dawn il-linji gwida mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-linji gwida lill-għajnuniet kollha nnotifikati jew mhux innotifikati li fuqhom toħroġ sentenza wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom.

    8.3.   Miżuri utli

    (127)

    F'konformità ma' l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jemendaw is-sistemi eżistenti ta' għajnuniet li huma relatati ma' l-għajnuniet mill-Istat fil-mira f'dawn il-linji gwida biex ikunu konformi ma' dawn sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, u dan suġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-Kapitolu relatat mal-garanziji ta' l-Istat. L-Istati Membri huma mistiedna jikkonfermaw bil-miktub li huma jaċċettaw dawn il-proposti għal miżuri utli sa mhux aktar tard minn sena wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (128)

    F'każ fejn Stat Membru ma jikkonfermax l-aċċettazzjoni tiegħu bil-miktub qabel id-data msemmija, il-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (78), u tiftaħ, jekk ikun meħtieġ, il-proċedura msemmija f'dak l-Artikolu.

    8.4.   Il-perjodu ta' validità u r-rapport

    (129)

    Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li temenda dawn il-linji gwida. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tagħhom qabel kull emenda, u, mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom.


    (1)  COM(2001) 370, 12.9.2001, p. 18.

    (2)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Inżommu lill-Ewropa miexja — Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna — Reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-White Paper dwar it-Trasport”, (COM(2006) 314, 22.6.2006, p. 21).

    (3)  L-Artikolu 2 tat-Trattat jiddikjara, fost l-għanijiet prinċipali tal-Komunità, dik li jkun promoss “it-tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju u li jirrispetta l-ambjent”. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kompletati bl-għanijiet partikolari ddefiniti fl-Artikolu 174, li jistipula li l-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent tikkontribwixxi notevolment għall-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent. L-Artikolu 6 tat-Trattat jiddikjara li: “Il-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji msemmija fl-Artikolu 3, partikolarment bl-iskop li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”.

    (4)  Mill-1995 sa l-2005, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija (imfisser f't/km) żdied b'0,9 % bħala medja kull sena, kontra +3,3 % ta' żieda medja annwali għat-toroq matul l-istess perjodu (sors: Eurostat).

    (5)  Mill-1995 sa l-2004, it-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri (imfisser f'passiġġieri/km) żdied b'0,9 % bħala medja fis-sena, kontra +1,8 % ta' żieda medja annwali għall-vetturi partikolari matul l-istess perjodu (sors: Eurostat).

    (6)  Mill-2002 'l hawn, speċjalment fil-pajjiżi li fetħu s-swieq tagħhom għall-kompetizzjoni. Fl-2006, wieħed jinnota żieda annwali ta' 3,7 % fir-rendiment tat-trasport ferrovjarju ta' merkanzija u ta' 3 % fir-rendiment tat-trasport tal-passiġġieri. Dan it-titjib mistenni li jiġi kkonfermat fl-2007.

    (7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn network ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija” (SEC(2007) 1322, SEC(2007) 1324 u SEC(2007) 1325), 18.10.2007.

    (8)  Malta u Ċipru ma għandhomx network ta' trasport ferrovjarju.

    (9)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1.

    (10)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26.

    (11)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2007/58/KE (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44).

    (12)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.

    (13)  ĠU L 164, 30.4.2001, p. 44.

    (14)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114.

    (15)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164.

    (16)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

    (17)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.

    (18)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44.

    (19)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.

    (20)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/58/KE.

    (21)  L-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE jfisser l-impriżi ferrovjarji bħala: “kull impriża pubblika jew privata liċenzjata skond il-leġiżlazzjoni tal-Komunità applikabbli, li n-negozju ewlieni tagħha jkun li tipprovdi servizzi għat-trasport ta' oġġetti u/jew passiġġieri bil-ferrovija b'kondizzjoni li l-impriża trid tassigura trazzjoni, din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss”.

    (22)  L-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE jfisser l-amministraturi ta' l-infrastruttura bħala: “kull korp jew impriża responsabbli b'mod partikolari biex tistabbilixxi u żżomm linfrastruttura ferrovjarja. Din tista' tinkludi wkoll l-amministrazzjoni ta' sistemi infrastrutturali ta' kontroll u sigurtà. Il-funzjonijiet ta' l-amministratur ta' l-infrastruttura fuq network jew parti minn network jistgħu jiġu allokati lil korpi jew impriżi differenti”.

    (23)  L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 91/440/KEE: “L-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri biex tħassar id-djun li għalih hemm referenza f'dan l-Artikolu tista' tingħata b'mod konformi ma' l-Artikoli 73, 87 u 88 tat-Trattat” .

    (24)  Partikolarment id-Direttiva 2004/49/KE.

    (25)  Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, fuq bażi tad-dejta kkomunikata kull sena mill-Istati Membri. Din id-dejta għandha tkun ogħla safejn l-appoġġ finanzjarju kollu u b'mod partikolari l-finanzjamenti konġunti fil-qafas tal-fondi strutturali jew ta' koeżjoni ma jkunux ikkomunikati.

    (26)  Ir-Regolament ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169, 29.6.1991, p. 1).

    (27)  ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1.

    (28)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 8. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

    (29)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Lulju 2003, Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (“Altmark”), Ġabra tal-ġurisprudenza 2003, p. I-7747.

    (30)  Is-sentenza “Altmark”, op cit., punt 107.

    (31)  Ara f'dan ir-rigward id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat taħt forma ta' kumpensi ta' servizzi pubbliċi mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67, punt 17).

    (32)  Il-linji gwida ma jikkonċernawx lanqas l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1192/69.

    (33)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Inżommu lill-Ewropa miexja — Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna — Reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-White Paper dwar it-Trasport”.

    (34)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Ġunju 2002, Kawża C-382/99, l-Olanda vs il-Kummissjoni, Ġabra tal-ġurisprudenza 2002, p. I-5163.

    (35)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, Kawża C-156/98, Iġ-Ġermanja vs il-Kummissjoni, Ġabra tal-ġurisprudenza 2000, p. I-6857.

    (36)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2006, N 478/04, Irlanda — Garanzija ta' l-Istat għal self ta' kapital minn Coràs Iompair Eirann (CIÉ) għall-investiment fl-infrastruttura (ĠU C 209, 31.8.2006, p. 8); id-Deċiżjoni tat-8 ta' Marzu 2006, N 284/2005, Irlanda — Regional Broadband Programme (Programm reġjunali broadband) (ĠU C 207, 30.8.2006, p. 3), punt 34; u d-Deċiżjonijiet li ġejjin: id-Deċiżjoni tat-2 ta' Awissu 2003/227/KE dwar il-park Terra Mitica SA (Benidorm, Alicante) implimentata minn Spanja (ĠU L 91, 8.4.2003, p. 23), punt 64; id-Deċiżjoni ta' l-20 ta' April 2005, N 355/2004 — il-Belġju — Sħubija pubblika privata għat-tqegħid ta' tunnel bejn Krijgsbaan sa Deurne, l-għoti ta' importanza lill-art industrijali u l-isfruttament ta' l-ajruport ta' Antwerp (ĠU C 176, 16.7.2005, p. 11), punt 34; id-Deċiżjoni tal-11 ta' Diċembru 2001, N 550/2001 Sħubija pubblika privata għall-bini ta' impjant ta' tagħbija u ta' ħatt (ĠU C 24, 26.1.2002, p. 2), punt 24; Deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2001 N 649/2001, United Kingdom, Freight Facilities Grant (ĠU C 45, 19.2.2002, p. 2) punt 45; id-Deċiżjoni tas-17 ta' Lulju 2002, N 356/2002 Renju Unit Network Rail, ĠU C 232, 28.9.2002, p. 2), punt 70; N 511/1995 Jaguar Cars Ltd. Ara wkoll, Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u ta' l-Artikolu 61 tal-ftehim EEA dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur ta' l-avjazzjoni (ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5), punt 12; White paper: ħlasijiet ġusti għall-użu ta' l-infrastrutturi, (COM(1998) 466 finali, punt 43; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Titjib tal-kwalita' tas-servizzi fil-portijiet: element ewlieni fis-sistema tat-trasport fl-Ewropa”, (COM(2001) 35 finali, p. 11).

    (37)  Sors: UIC Rolling stock fleet in EU25 + Norway (2005).

    (38)  Sors: CER (2005).

    (39)  Ara t-Taqsima 6.

    (40)  Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriżi f'diffikultà, ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2, u t-Taqsima 5.

    (41)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1976/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 85).

    (42)  Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

    (43)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69; ir-Regolament “ta' l-OSP”, li minnu ta' min ifakkar l-Artikolu 3(1): “Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta' kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta' kuntratt għal servizz pubbliku.”

    (44)  Linji gwida dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali għall-2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13, punt 8).

    (45)  Il-Kummissjoni tinnota li dan ir-raġunament jista', skond iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, japplika mutatis mutandis għall-vetturi użati fil-qafas tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq, meta dawn jissodisfaw l-aħħar standards Komunitarji applikabbli għall-vetturi l-ġodda. Meta dan huwa l-każ, biex tieħu ħsieb l-ugwaljanza tat-trattament, il-Kummissjoni tapplika għal sitwazzjonijiet bħal dawn il-metodu spjegat hawn għall-vetturi ferrovjarji. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fejn jawtorizzaw dan it-tip ta' għajnuna, jappoġġaw it-teknoloġiji li jniġġsu l-inqas, u ser tistudja safejn huwa xieraq appoġġ finanzjarju speċifiku li jwassal għal intensità ogħla ta' għajnuna favur tali teknoloġiji.

    (46)  Ir-reġjuni l-anqas popolati jikkostitwixxu jew jagħmlu parti minn reġjuni fil-livell NUTS-II, b'densità ta' popolazzjoni massima ta' 8 abitanti kull kilometru kwadru, u jitwessgħu għaż-żoni iżgħar tal-madwar bl-istess kriterji tal-popolazzjoni.

    (47)  L-għajnuna għall-ksib ta' vetturi ġodda tat-trasport li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jżidu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta' standards Komunitarji huma possibbli fil-qafas tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent.

    (48)  Fejn il-linja jew is-servizz speċifiku jaqdu sistematikament (jiġifieri f'kull vjaġġ) lir-reġjun li għalih tapplika l-ogħla rata, din ir-rata tiġi applikata għall-infiq kollu eliġibbli. Fejn ir-reġjun li għalih tapplika l-ogħla rata jkun moqdi biss b'mod okkażjonali, din ir-rata tapplika biss għal parti mill-infiq eliġibbli allokata għall-qadi ta' dak ir-reġjun.

    (49)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 1980, Kawża 730/79, Philip Morris Holland v. Il-Kummissjoni, Ġabra tal-ġurisprudenza 1980 p. 2671, punt 11.

    (50)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69.

    (51)  Il-Kummissjoni tapplika, b'analoġija, ċerti kundizzjonijiet previsti mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi ta' l-għajnuna mill-Istat marbuta ma' l-istranded costs tas-26 ta' Lulju 2001, SEC(2001) 1238.

    (52)  Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69, (KEE) Nru 1107/70 u (KEE) Nru 1192/69.

    (53)  Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/14/KE.

    (54)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2005, N 386/2004, “Għajnuna għar-ristrutturazzjoni tat-Trasport ta' Merkanzija SNCF” — Franza (ĠU C 172, 12.7.2005, p. 3).

    (55)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

    (56)  Il-punt 10 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni, jipprovdi li ġej: “Speċifikament, fil-prinċipju u indipendentement mid-daqs tagħha, impriża titqies li tinsab f'diffikultà għall-ħtiġijiet ta' dawn il-linji gwida fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    jekk hija kumpannija ta' responsabbiltà limitata, meta aktar minn nofs il-kapital tagħha jkun sparixxa, b'aktar minn kwart tal-kapital mitluf matul l-aħħar tnax-il xahar; jew

    jekk hija kumpannija li fiha ċerti msieħba jkollhom talanqas responsabbiltà illimitata għad-dejn tal-kumpannija, meta aktar minn nofs il-fondi proprji, kif imniżżlin fil-kontijiet tal-kumpannija, ikunu sparixxew, b'aktar minn kwart tal-fondi mitlufin matul l-aħħar tnax-il xahar; jew

    għal kull forma ta' impriża, meta tkun laħqet, skond il-liġi nazzjonali applikabbli, il-kundizzjonijiet ta' sottomissjoni għal proċedura kollettiva ta' insolvenza”.

    (57)  Ara, b'mod partikolari, il-punti 34 sa 37 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni.

    (58)  Ara, b'mod partikolari, it-Taqsima 3.2 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għar-ristrutturazzjoni.

    (59)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 1978, Kawża 156/77, Il-Kummissjoni vs il-Belġju, Ġabra tal-ġurisprudenza 1978, p. 1881, punt 10.

    (60)  Ibidem.

    (61)  Dan il-perjodu jittawwal sa 10 snin għall-miżuri li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikolu 15(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100). Ara partikolarment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008, NN 46/B/2006 — Is-Slovakkja — Excise duty exemptions and reductions provided for by Council Directive 2003/96/EC (transport sector), li għadha ma ġietx ippubblikata.

    (62)  F'dan ir-rigward l-Artikolu 11, it-tielet paragrafu tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999 p. 42), hekk kif emendata mid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344) jistabbilixxi li “Mhux iktar tard mill-10 ta' Ġunju 2008 il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-għażliet kollha, inklużi spejjeż marbuta ma' l-ambjent, mal-ħsejjes, mal-konġestjoni u mas-saħħa, għandha tippreżenta mudell applikabbli b'mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni ta' l-ispejjeż esterni kollha sabiex iservi bħala l-bażi għall-kalkolu fil-ġejjieni tal-ħlasijiet għall-infrastruttura. Dan il-mudell għandu jkun akkumpanjat minn analiżi ta' l-impatt ta' l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni għall-modi kollha ta' trasport u minn strateġija għal implimentazzjoni fi stadji tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport.” Fil-qafas tat-tfassil ta' Komunikazzjoni dwar l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni għall-ilħiq ta' dan il-għan, fis-16 ta' Jannar 2008 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat manwal li jiġbor l-istudji mwettqa sal-lum dwar l-ispejjeż esterni tas-settur tat-trasport (http://ec.europa.eu/transport/costs/handbook/index_en.htm). Dan il-manwal, imħejji flimkien ma' istituti varji ta' riċerki dwar it-trasport, jista' jintuża fost l-oħrajn għad-determinazzjoni ta' l-ispejjeż eliġibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat, fid-dokument COM(1998) 466, White Paper intitolata “Ħlasijiet ġusti għall-użu ta' infrastrutturi — Metodu fi stadji għat-twaqqif ta' qafas komuni fil-qasam ta' l-iffissar ta' prezzijiet ta' infrastrutturi ta' trasport fl-UE” (Bullettin ta' l-UE — Suppliment 3/98).

    (63)  L-Istati Membri jistgħu jsibu indikazzjonijiet dwar il-metodi differenti ta' valutazzjoni ta' l-ispejjeż esterni fl-Anness 2 tal-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn ħlas ġust u effikaċi fit-trasport — Għażliet fil-qasam ta' assimilazzjoni ta' l-ispejjeż esterni tat-trasport fl-UE” (Bullettin ta' l-UE — Suppliment 2/96; Dokument COM(1995) 691 finali) u fl-istudju li l-Kummissjoni se tippreżenta sa mhux aktar tard mis-16 ta' Jannar 2008 (ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/62/KE).

    (64)  L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/14/KE.

    (65)  Ara partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta' Lulju 1996 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira, ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6, hekk kif emendata bid-Direttiva 2007/32/KE (ĠU L 141, 25.6.2007, p. 63) u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1). Direttiva kif emendati l-aħħar bid-Direttiva 2007/32/KE.

    (66)  Il-kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli għandu jqis il-modulazzjonijiet potenzjali tal-ħlasijiet għall-użu ta' l-infrastruttura skond ir-rendiment tal-vetturi ferrovjarji (partikolarment f'dak li jirrigwarda l-istorbju).

    (67)  Ara bħala eżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Diċembru 2006, N 574/05, l-estensjoni ta' l-iskema eżistenti ta' għajnuna N 335/03 — L-Italja — Friuli-Venezia-Giulia — Għajnuna għat-twaqqif ta' awtorotot ferrovjarji (ĠU C 133, 15.6.2007, p. 6); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006, N 427/2006 — Ir-Renju Unit — Rail Environmental Benefit Procurement Scheme (REPS) (ĠU C 283, 21.11.2006, p. 10).

    (68)  Ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II ), u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 1) jipprovdi fl-Anness 1 tiegħu li l-assistenza finanzjarja tal-Komunità lill-azzjonijiet ta' ċaqliq modali hija limitata għal massimu ta' 35 % tan-nefqa totali meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet ta' l-azzjoni u li seħħew b'riżultat ta' l-azzjoni. F'dawn il-linji gwida, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-għajnuniet mill-Istat għall-koordinament tat-trasport il-kriterju huwa ta' 30 % tan-nefqa totali tat-trasport ferrovjarju.

    (69)  Ara bħala eżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2006, N 552/06, id-Danimarka, l-estensjoni ta' skema ta' għajnuna ambjentali għat-trasport ta' merkanzija bil-ferrovija (ĠU C 133, 15.6.2007, p. 5) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006, N 427/2006 — Ir-Renju Unit — Rail Environmental Benefit Procurement Scheme (REPS), op. cit.

    (70)  Dan jista' jkun il-każ tal-miżuri favur l-interoperabbiltà fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport kif iddefinit l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 1).

    (71)  F'dak li jirrigwarda l-miżuri ta' l-Artikolu 15(1)(e) tad-Direttiva 2003/96/KE, impatt fuq il-prezz tat-trasport jista' jitqies, għajr jekk ikun hemm prova bil-kontra. Ara partikolarment id-Deċizjoni tal-Kummussjoni tat-2 ta' April 2008, NN 46/B/2006 — is-Slovakkja — Eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa u tnaqqis stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE, li għadha ma ġietx ippubblikata.

    (72)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2007, N 780/06 — l-Olanda — Onderzoek en onttwikkeling composiet scheepsconstructie en multi-purpose laadruim; il-proġett “CompoCaNord” (ĠU C 227, 27.9.2007, p. 5); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2006, N 556/2005 — L-Olanda — Environmental protection and innovation in public transport in the province of Gelderland (ĠU C 207, 30.8.2006); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Lulju 2005, N 63/2005 — Ir-Repubblika Ċeka — Programme for energy economics and use of alternative fuels in the transport sector (ĠU C 83, 6.4.2006).

    (73)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

    (74)  Ibidem, fil-punt 2.1.

    (75)  ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14.

    (76)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/145/KE tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar l-għajnuniet ta' l-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur ta' l-industriji ta' l-elettriku u l-gass, ĠU L 49, 22.2.2005, p. 9; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' April 2007, E 12/2005 Polonja, Garanzija illimitata mogħtija lil Poczta Polska (ĠU C 284, 27.11.2007, p. 2); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2002, E 10/2000 Ġermanja Garanzija mill-Istat favur stabbilimenti pubbliċi ta' kreditu (ĠU C 150, 22.6.2002, p. 7).

    (77)  Ibidem.

    (78)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.


    Top