EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0893

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri i pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali u nonkuntrattwali

/* KUMM/2008/0893 finali - COD 2008/0259 */

52008PC0893

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri i pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali u nonkuntrattwali /* KUMM/2008/0893 finali - COD 2008/0259 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.12.2008

KUMM(2008) 893 finali

2008/0259 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri i pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali u nonkuntrattwali

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont l-Artikolu 65 tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, li ġie introdott mit-Trattat ta' Amsterdam, ġew adottati diversi strumenti Komunitarji fil-qasam tal-ġustizzja ċivili[1].

Minbarra dan l-acquis ta' dritt Komunitarju, il-qasam tal-ġustizzja ċivili għal ħafna Stati membri huwa kkaratterizzat minn numru ta' ftehimiet bilaterali li kkonkludew ma' pajjiżi terzi qabel ma daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonjiet relevanti tat-Trattat ta' Amsterdam jew qabel id-dħul tagħhom fil-Komunità Ewropea. Sal-punt illi dawn il-ftehimiet preeżistenti fihom dispożizzjonjiet li mhumiex kompatibbli mat-Trattat tal-KE, jeħtieġ illi l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha sabiex jeliminaw l-inkompatibilitajiet, inkonformità mal-Artikolu 307 tat-Trattat tal-KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kkonfermat illi jekk ikun hemm il-ħtieġa, l-Istati Membri jkunu mitluba li jtemmu l-ftehimiet li huma inkompatibbli mal-acquis.

Minbarra ftehimiet bilaterali preeżistenti, jista' wkoll ikun hemm ħtieġa għall-konklużjoni ta' ftehimiet ġodda ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE. Inkonformità mal-iżvilupp taż-żona ġudizzjarja Ewropea li tirrigwarda l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-Komunità akkwistat ġuriżdizzjoni esterna esklussiva biex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi dwar numru ta' suġġetti importanti msemmija fit-Titolu IV tat-Trattat tal-KE. Dan ġie kkonfermat mill-ECJ fl-Opinjoni 1/03 tagħha tas-7 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano[2]. Il-Qorti kkonfermat illi l-Komunità akkwistat il-kompetenza esklussiva li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi, dwar kwistjonijiet li jaffetwaw ir-regoli stipulati inter alia fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ("Brussell I"), b'mod partikolari dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Fl-opinjoni tagħha l-Qorti qalet illi l-analiżi tad-dispożizzjonjiet tal-Konvenzjoni ġdida ta' Lugano dwar ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni wriet illi dawk id-dispożizzjonjiet jaffetwaw l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Komunità dwar il-ġuriżdizzjoni u t-tħaddim xieraq tas-sistema stabbilita minn dawk ir-regoli[3]. Fir-rigward tar-regoli tal-Konvenzjoni proposta dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, il-Qorti waslet għal konklużjoni simili. Hi sabet illi r-regoli tal-Komunità dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ma jistgħux jiġu dissoċjati minn dawk dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati, li magħhom jiffurmaw sistema unifikata u koerenti, u li l-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano tista' taffetwa l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Komunità fir-rigward kemm tal-kompetenza tal-qrati u kif ukoll tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi u t-tħaddim xieraq tas-sistema unifikata stabbilita minn dawk ir-regoli[4].

Bħala riżultat, għandu jiġi preżunt illi l-Komunità akkwistat il-kompetenza esklussiva għan-negozjar u l-iffirmar ta' ħafna mill-ftehimiet bilaterali msemmija hawn fuq.

Madanakollu, għandu jiġi vvalutat jekk jeżistix fil-preżent biżżejjed interess mill-Komunità sabiex hija tissostitwixxi l-ftehimiet kollha eżistenti jew proposti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, bi ftehimiet tal-Komunità. Għal dik ir-raġuni huwa neċessarju illi tiġi stabbilita proċedura b'għan doppju. L-ewwel huwa sabiex jippermetti lill-Komunità li tevalwa jekk hemmx biżżejjed interess mill-Komunità fil-konklużjoni ta' ftehimiet partikolari. It-tieni huwa sabiex l-Istati Membri jiġu awtorizzati jikkonkludu il-ftehim inkwistjoni jekk mhemmx interess attwali mill-Komunità fil-konklużjoni ta' l-Ftehim tal-Komunità[5].

Dan li ssemma huwa inkonformità mal-konklużjonjiet tal-Kunsill tal-ĠAI tad-19 ta' April 2007[6].

Il-Kummissjoni aċċettat illi għandha tiġi mfassla proċedura anki għal ftehimiet li jaffettwaw ir-Regolamenti[7] Ruma II[8] u Ruma I[9].

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi illi tali proċedura għandha tiġi mfassla għal ċerti ftehimiet bilaterali li jirrigwardaw kwistjonijiet settorjali. Għalhekk, il-proċedura proposta tkopri żewġ kategoriji ta' oqsma settorjali differenti. Proposta waħda tirrigwarda kwistjonijiet settorjali li għandhom x'jaqsmu mal-ġuriżdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali, kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri u obbligi tal-manteniment u l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-obbligi ta' manteniment. Il-proposta l-oħra tirrigwarda kwistjonijiet settorjali li għandhom x'jaqsmu mal-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali.

Il-proposta preżenti tirrigwarda proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni lill-Istati Membri fit-tieni qasam imsemmi, jiġifieri l-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali fi kwistjonjiet settorjali. Fl-istess ħin ma' din il-proposta, il-Kummissjoni qegħda tressaq proposta separata għal proċedura simili fil-qasam tal-kwistjonijiet matrimonjali, tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligi tal-manteniment. Peress li tal-aħħar hija rregolata bl-unanimità, dawn il-proposti għandhom jitressqu f'atti separati.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni vvalutat sensiela ta' għażliet differenti sabiex tilħaq l-għan deskritt hawn fuq, għalkemm mingħajr ma għamlet stima tal-impatt formali, wara li kkunsidrat in-natura partikolari tas-suġġett. Inżammu żewġ laqgħat mal-esperti mill-Istati Membri ġewwa Brussell, fil-11 ta' Marzu u fis-26 ta' Mejju 2008, sabiex jiġu skambjati ideat u opinjonijiet.

B'mod ġenerali, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-proposta, l-Istati Membri kienu jippreferu strument orizzontali li jqis kemm it-tip settorjali ta' ftehimiet bilaterali kif ukoll il-ftehimiet "tat-tip Lugano" li jirrigwardaw il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonjiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u anki "l-ftehimiet wesgħin'" dwar kooperazzjoni legali li tista' tkopri kwistjonijiet kriminali, ċivili, tal-familja u amministrattivi.

Madanakollu, dawn il-ftehimiet li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-ġuriżdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni fil-qasam ċivili u kummerċjali inġenerali għandhom tendenza li jimminaw il-qafas legali tal-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u għalhekk jeffetwaw eċċessivament l-acquis eżistenti li huwa bbażat fuq kunċett ta' integrazzjoni u ta' ċertezza legali għaċ-ċittadini Ewropej bl-iskop illi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja.

Bħala riżultat, peress illi din għandha titqies bħala proċedura ta' deroga fil-konfront tad-dritt Komunitarju, is-sistema proposta mill-Kummissjoni hija limitata għall-minimu essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet deskritti hawn fuq.

Diversi għażliet ġew eżaminati mill-Kummissjoni biex tiġi stabbilita l-proċedura.

L-istatus quo "passiv", jiġifieri l-għażla li ma jittieħdu l-ebda miżuri sabiex tissolva l-problema, jagħmilha impossibbli għall-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiżi terzi fl-oqsma identifikati.

L-istatus quo "attiv" jinvolvi l-għażla li ma tiġix żviluppata xi proċedura għar-ridelegazzjoni tal-setgħat tal-Komunità. Il-ftehimiet kollha bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jkollhom jiġu nnegozjti u ffirmati mill-Komunità taħt il-proċedura stipulata fl-Artikolu 300 tat-Trattat KE, anki jekk Stat Membru wieħed biss ikollu interess f'dan it-tip ta' ftehim.

L-għażla l-oħra tikkonsisti fil-ħruġ ta' awtorizzazzjoni mill-Komunità, ibbażata fuq kriterji ġenerali stipulati minn strument leġiżlattiv (pereżempju, Regolament) jew minn deċiżjoni tal-Kunsill (abbażi tal-istrument leġiżlattiv imsemmi aktar 'il fuq). Il-vantaġġ ta' din l-għażla huwa li jkun hemm proċedura iktar sempliċi li tistabbilixxi strateġija komuni għas-sitwazzjonjiet kollha. L-iżvantaġġ ta' din l-għażla huwa li tippreżupponi illi dawk il-kondizzjonijiet illi jippermettu lill-Istat Membru illi jinnegozja u jiffirma ftehimiet ma' pajjiżi terzi, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel. Peress illi l-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili qiegħed kostantement jipprogredixxi fi ħdan il-Komunità, dan ifisser li jkun hemm il-ħtieġa li jiġi stabbiliti kriterji differenti għal kull strument tal-acquis (Regolament Brussell II, Regolament Ruma I, Regolament Ruma II, abbozz tar-Regolament dwar l-obbligi tal-manteniment, eċċ.).

B'kuntrast, l-aħħar għażla li ntgħażlet mill-Kummissjoni tipprevedi awtorizzazzjoni speċifika li għandha tinħareġ fuq bażi każ b'każ wara li jiġi evalwat il-ftehim notifikat mill-Istat Membru abbażi ta' kriterji oġġettivi. Il-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar in-negozjar lill-Istat Membru, jekk ikun hemm bżonn, u tagħmel evalwazzjoni tal-eżitu tan-negozjati qabel ma tippermetti li l-ftehim jiġi finalment konkluż.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju tal-azzjoni proposta

L-għan tal-proposta huwa illi tiġi stabbilita proċedura għall-Komunità sabiex tagħmel evalwazzjoni ta' jekk hemmx biżżejjed interess mill-Komunità fil-konklużjoni tal-ftehimiet bilaterali proposti mal-pajjiżi terzi, u fl-assenza ta' tali interess sabiex tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu dawn il-ftehimiet ma' pajjiżi terzi f'ċerti oqsma li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

Peress illi l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tidderoga mir-regola illi l-Komunità hija esklussivament kompetenti sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet, din il-proċedura għandha tiġi meqjusa bħala miżura eċċezzjonali u għandha tiġi limitata fl-ambitu u fiż-żmien.

Qiegħed jiġi propost li l-proċedura inkwistjoni tiġi limitata biss għal kwistjonijiet settorjali li jirrigwardaw kwistjonijiet matrimonjali, responsabbiltà tal-ġenituri, obbligi tal-manteniment fuq in-naħa l-waħda, u fuq in-naħa l-oħra għal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali. Il-proposta mehmuża titratta dwar it-tieni suġġett.

Il-Kummissjoni tipproponi l-garanziji li ġejjin sabiex tippreserva l-acquis communautaire inkluża l-integrità tas-sistema tal-Komunità fil-qasam ikkunsidrat.

Il-proċedura hija bbażata fuq notifika bil-quddiem tal-abbozz ta' ftehim mill-Istat Membru li jkun jixtieq jikseb l-awtorizzazzjoni sabiex jirrinegozja u jikkonkludi l-ftehim mal-pajjiż terz abbażi ta' kondizzjonjiet speċifiċi li għandhom jiġu evalwati fuq bażi ta' każ b'każ.

Jekk il-Komunità diġà kkonkludiet ftehim dwar l-istess suġġett mal-pajjiż terz ikkonċernat, l-Istat Membru ma jitħalliex jinnegozja jew jikkonkludi l-ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat u kwalunkwe applikazzjoni ppreżentata għandha tiġi miċħuda. Jekk ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk tali ftehim hux mistenni fil-futur qarib. Jekk tali ftehim mhux mistenni fil-futur qarib il-Kummissjoni tista' tikkonċedi awtorizzazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonjiet li ġejjin: (a) l-Istat Membru kkonċernat jkun wera li għandu interess speċifiku li jikkonkludi l-Ftehim mal-pajjiż terz, relatat b'mod partikolari mal-eżistenza ta' rabtiet ekonomiċi, ġeografiċi, kulturali jew storiċi bejn l-Istat Membru u dak il-pajjiż terz; u (b) il-Kummissjoni tiddetermina li l-ftehim propost għandu impatt limitat fuq l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Komunità eżistenti u fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minn dawk ir-regoli.

Il-proċedura tipprovdi wkoll għall-inklużjoni fil-ftehimiet ta' klawżoli ta' terminazzjoni awtomatika sabiex tiġi limitata id-durata tal-validità tal-ftehimiet iffirmati mill-Istati Membri sa meta l-Komunità tikkonkludi ftehimiet dwar l-istess suġġett mal-pajjiż terz ikkonċernat.

- Bażi Legali

Il-bażi legali tal-proposta mehmuża dwar il-ftehimiet li jirrigwardaw kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali hija l-Artikolu 61(c) u l-Artikolu 65 tat-Trattat tal-KE, li jistipulaw illi l-miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonjiet transkonfinali għandhom jittieħdu inkonformità mat-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5), jiġifieri abbażi tal-proċedura ta' kodeċiżjoni.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju ta’ sussidjarità ma japplikax.

- Il-prinċipju ta' proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet:

Il-proċedura proposta tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-eżerċizzju tal-kompetenza esklussiva tal-Komunità fil-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. Hija limitata għal dak li hu strettament neċessarju sabiex tippermetti lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiżi terzi fl-oqsma identifikati u tistabbilixxi numru ta' kriterji li għandhom jiġu sodisfatti. Se tingħata biss awtorizzazzjoni għall-Istati Membri jekk il-ftehim propost jista' jiġi kkunsidrat li għandu biss impatt negliġibbli fuq is-sistema tal-Komunità applikabbli.

Il-proċedura proposta tagħmel użu mill-proċedura tal-komitoloġija, peress illi proċedura leġiżlattiva mhijiex meqjusa neċessarja u qed jiġi kkunsidrat il-fatt illi l-proċedura proposta tirrigwarda s-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-proċedura proposta għalhekk tnaqqas l-oneru amministrattiv li jaqa' fuq il-Kummissjoni u fuq il-gvernijiet nazzjonali għall-minimu essenzjali.

- L-għażla tal-istrumenti

Strument(i) propost(i): Regolament.

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati għar-raġunijiet li ġejjin:

Billi l-proċedura proposta tiddisponi għal deroga mid-dritt Komunitarju, ir-Regolament huwa l-istrument li huwa direttament applikabbli u li jipprovdi l-iktar garanzija fir-rigward taċ-ċertezza legali u tat-trattament indaqs.

4. IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Klawżola ta’ valutazzjoni/reviżjoni/terminazzjoni awtomatika

Il-proposta tinkludi klawżola ta' reviżjoni u klawżola ta' terminazzjoni awtomatika.

- Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta

Ambitu tal-applikazzjoni (Artikolu 1)

L-Artikolu 1 jillimita l-ambitu tal-applikazzjoni tal-proposta preżenti għall-oqsma koperti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, u fi kwistjonijiet settorjali biss.

Definizzjonijiet (Artikolu 2)

L-Artikolu 2 jistipula illi huma biss ftehimiet bilaterali bejn Stat Membru u Stat terz li huma koperti mill-proċedura stabbilita mill-proposta preżenti. Għaldaqstant, ftehimiet multilaterali (inklużi b'mod partikolari ftehimiet reġjonali) mhumiex koperti bil-proċedura proposta.

Il-proċedura proposta (Artikoli 3-8)

Il-proċedura proposta hija intiża li tistabbilixxi arranġament funzjonali b'formalitajiet ridotti. Fl-istess ħin, tiżgura illi l-acquis communautaire jkun jista' jiġi ssalvagwardjat.

Il-proċedura tobbliga (Artikolu 3) lill-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu li jibda negozjati dwar ftehim ġdid jew li jemenda ftehim eżistenti. In-notifika għandha tinkludi kopja tal-abbozz ta' ftehim jekk disponibbli u kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti oħra. Din in-notifika għandha tiġi magħmula mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tan-negozjati mal-pajjiż terz ikkonċernat.

Wara li tirċievi n-notifika, il-Kummissjoni tkun teħtieġ li tevalwa jekk l-Istat Membru jistax jipproċedi bin-negozjati (Artikolu 4). Jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim dwar l-istess suġġett mal-pajjiż terz ikkonċernat, l-applikazzjoni tiġi awtomatikament miċħuda. L-evalwazzjoni għandha tinkludi l-passi li ġejjin: Jekk għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim mill-Komunità mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk tali ftehim huwiex mistenni fil-futur qarib. Jekk l-ebda ftehim bħala dan m'hu mistenni fil-futur qarib il-Kummissjoni tista' tagħti l-awtorizzazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonjiet li ġejjin: (a) l-Istat Membru kkonċernat jkun wera li għandu interess speċifiku li jikkonkludi l-Ftehim mal-pajjiż terz, relatat b'mod partikolari ma' rabtiet ekonomiċi, ġeografiċi, kulturali jew storiċi bejn l-Istat Membru u dak il-pajjiż terz; u (b) il-Kummissjoni tiddetermina li l-ftehim propost għandu impatt limitat fuq l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Komunità eżistenti u fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minn dawk ir-regoli.

Jekk il-Kummissjoni tikkkonsidra, fid-dawl tal-kondizzjonjiet imsemmija aktar 'il fuq, illi mhemmx ostakoli għall-ftehim propost, hija tista' tippermetti lill-Istat Membru li jiftaħ in-negozjati (Artikolu 5). Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tipproponi linji gwida għan-negozjati u tista' titlob l-inklużjoni ta' klawżoli partikolari.

Il-ftehim għandu jistipula klawżola ta' teminazzjoni awtomatika biex jintemm, fil-każ illi l-Komunità Ewropea tikkonkludi ftehim mal-pajjiż terz inkwistjoni.

Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu permessi jew le, in-negozjati, tiġi meħuda mill-Kummissjoni bl-assistenza ta' kumitat konsultattiv taħt l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KEli li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[10]. Il-proċedura konsultattiva hija ġustifikata peress illi hija mmirata sabiex tillimita l-formalitajiet għall-minimu essenzjali. Il-Kummissjoni tippreżenta lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu, li fuqhom il-kumitat jesprimi opinjoni. Il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi, wara illi tieħu inkonsiderazzjoni din l-opinjoni se fejn hu possibbli, u tinforma lill-kumitat dwar il-mod kif l-opinjoni ġiet meħuda inkonsiderazzjoni.

Jekk l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni jkun negattiv, il-Kummissjoni ma tagħtix l-awtorizzazzjoni tagħha u tippreżenta din id-deċiżjoni għall-opinjoni ta' kumitat konsultattiv.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tieħu sehem fin-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz, bħala osservatriċi. Jekk il-Kummissjoni nnifisha ma tieħux sehem, hija għandha tiġi infurmata bir-riżultati matul l-istadji differenti tan-negozjati, sabiex tkun tista' tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kontenut tal-ftehim lill-Istat Membru qabel il-konklużjoni finali tal-istess ftehim fl-interess tal-effiċjenza (Artikolu 6).

L-istadju finali tal-proċedura jirrigwarda l-iffirmar tal-ftehim (Artikolu 7). Qabel ma jiġi inizjalat il-ftehim, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-eżiti tan-negozjati u jipprovdilha t-test tal-ftehim. Il-Kummissjoni tevalwa jekk il-ftehim hux inkonformità mal-linji gwidi għan-negozjati u jekk il-konklużjoni tal-ftehim jistax jiġi kkunsidrat li għandu impatt negattiv fuq l-operazzjoni tas-sistema tal-Komunità eżistenti, b'mod partikolari (f'liema miżura) kemm se taffetwa l-acquis communautaire fis-seħħ. Jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tkun pożittiva, hija tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha. Jekk l-evalwazzjoni tkun negattiva, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx awtorizzat jipproċedi bil-ftehim. Din id-deċiżjoni tittieħed skont il-proċedura ta' amministrazzjoni taħt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

Qed jiġi propost illi l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha rigward kull stadju relevanti tal-proċedura ta' evalwazzjoni fi żmien sitt xhur min-notifika relevanti mill-Istat Membru.

Dispożizzjonjiet tranżitorji u finali (Artikoli 9-11)

L-Artikolu 9 jistipula dispożizzjonjiet tranżitorji li għandhom jiġu applikati fil-każijiet meta, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat ikun diġà beda n-negozjati mal-pajjiż terz jew diġà kkonkludihom, iżda ma jkunx għadu ta l-kunsens tiegħu sabiex jintrabat bil-ftehim[11].

Għaldaqstant, il-proċedura proposta tapplika wkoll għal din is-sitwazzjoni, suġġetta għall-aġġustamenti neċessarji: botifika tal-ftehim (abbozz) lill-Kummissjoni; evalwazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-kondizzjonjiet elenkati fl-Artikolu 4 tal-proposta; awtorizzazzjoni sabiex jitkomplew in-negozjati u jiġu stabbiliti linji gwida għan-negozjati jekk l-istadju li waslu fih in-negozjati jippermetti; u awtorizzazzjoni sabiex jiġi konkluż il-ftehim.

L-Artikolu 10 jistipula illi l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament sa mhux iktar tard minn Jannar 2014. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva xierqa, peress illi d-durata tal-applikazzjoni tar-regolament hija limitata sal-31 ta' Diċembru 2014.

2008/0259 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri i pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali u nonkuntrattwali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 61, 65 u 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[12],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[13],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[14],

Billi:

(1) It-Titolu IV tat-Trattat jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn issa 'il quddiem msejjaħ "it-Trattat tal-KE") jipprovdi l-bażi legali għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet ċivili.

(2) Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kienet tradizzjonalment irregolata minn ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

(3) L-Artikolu 307 tat-Trattat KE jeħtieġ l-eliminazzjoni ta' kwalunkwa inkompatibilità bejn l-acquis tal-Komunità u l-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Dan jista' jinvolvi l-ħtieġa għar-rinegozjar ta' dawn il-ftehimiet.

(4) Jista' ukoll ikun hemm ħtieġa għall-konklużjoni ta' ftehimiet ġodda ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE.

(5) Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/03 tagħha tas-7 ta' Frar 2006 dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano, ikkonfermat li l-Komunità akkwistat ġuriżdizzjoni esterna esklussiva biex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi dwar numru ta' suġġetti importanti msemmija fit-Titolu IV tat-Trattat tal-KE. B'mod partikolari, il-Qorti kkonfermat illi l-Komunità akkwistat kompetenza esklussiva li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi, dwar kwistjonijiet li jaffettwaw ir-regoli stipulati, fost affarijiet oħrajn, fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ("Brussell I"), b'mod partikolari dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

(6) Għaldaqstant, skont l-Artikolu 300 tat-Trattat tal-KE, hija il-Komunità li għandha tikkonkludi tali ftehimiet bejn il-Komunità u pajjiż terz, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kompetenza Komunitarja.

(7) L-Artikolu 10 tat-Trattat KE jobbliga lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità u li ma jieħdu l-ebda miżura li tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat. Dan id-dmir ta' kooperazzjoni ġenwina huwa ta' applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix fuq jekk il-kompetenza tal-Komunità hijiex esklussiva jew le.

(8) Tinħtieġ evalwazzjoni ta' jekk hemmx attwalment interess Komunitarju biżżejjed fis-sostituzzjoni tal-ftehimiet bilaterali proposti u eżistenti kollha bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi bi ftehimiet Komunitarji. Għaldaqstant huwa neċessarju illi tiġi stabbilita proċedura b'għan doppju. L-ewwel huwa sabiex tippermetti lill-Komunità li tevalwa jekk hemmx biżżejjed interess Komunitarju fil-konklużjoni ta' ftehim bilaterali partikolari. It-tieni huwa sabiex tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu l-ftehim inkwistjoni jekk mhemmx interess attwali mill-Komunità fil-konklużjoni ta' tali ftehim.

(9) Proċedura li tkun koerenti u trasparenti għandha tiġi stabbilita sabiex tawtorizza l-Istati Membri sabiex jemendaw ftehimiet eżistenti ma' pajjiżi terzi jew jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet ġodda f'ċirkostanzi eċċezzjonali, b'mod partikolari meta l-Komunità nnifisha ma tkunx indikat l-intenzjoni tagħha li teżerċita il-kompetenzi esterni tagħha biex tikkonkludi l-ftehimiet. Din il-proċedura hija bla ħsara għall-kompetenza esklussiva tal-Komunità u għad-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 300 u 307 tat-Trattat tal-KE. Peress illi tidderoga mir-regola illi l-Komunità hija esklussivament kompetenti sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet, din il-proċedura għandha tiġi meqjusa bħala miżura eċċezzjonali u għandha tiġi limitata fl-ambitu u fiż-żmien.

(10) Skont il-premessi tar-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”)[15], u Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)[16], il-Kummissjoni għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jkunu intitolati sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu f'isimhom ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali u kuntrattwali.

(11) Skont dawn ir-Regolamenti, il-mekkaniżmu propost għandu japplika biss għal ftehimiet f'każijiet individwali u eċċezzjonali, li jirrigwardaw kwistjonijiet settorjali u li jistipulaw regoli fl-oqsma koperti minn dawn l-istrumenti.

(12) Sabiex jiġi żgurat illi l-ftehimiet propost mill-Istat membru ma jrendix id-dritt Komunitarju ineffettiv u ma jikkompromettix il-funzjonament tas-sistema stabbilita mir-regoli tagħha, l-awtorizzazzjoni għandha tkun meħtieġa kemm biex jinbdew in-negozjati kif ukoll sabiex jitkomplew u jiġi konkluż il-ftehim. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt mistenni tal-eżitu (possibbli) tan-negozjati fuq id-dritt Komunitarju. Fil-każi relevanti, il-Kummissjoni tista' tipproponi linji gwida għan-negozjar jew titlob l-inklużjoni ta' klawżoli partikolari fil-ftehimiet proposti.

(13) Sabiex jiġi garantit li l-ftehimiet ma jkunx jikkostitwixxi ostaklu għall-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Komunità dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-ftehim għandu jipprovdi għat-terminazzjoni tiegħu, meta jiġi konkluż ftehim Komunitarju mal-istess pajjiż terz dwar l-istess suġġetti ta' liġi applikabbli.

(14) Huwa neċessarju illi jkun hemm dispożizzjoni għal miżuri tranżitorji li jkopru sitwazzjonjiet fejn, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri jkunu fi proċess ta' negozjati ma' pajjiż terz jew ikkonkludew in-negozjati iżda ma jkunux għadhom esprimew il-kunsens tagħhom biex jintrabtu bil-ftehim.

(15) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[17].

(16) Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament m'għandux imur lil hinn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(17) Ir-Renju Unit u l-Irlanda, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, safejn ipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolamenti koperti minn dan ir-Regolament jew aċċettaw ir-Regolamenti preċedenti wara l-adozzjoni tagħhom.

(18) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed itpparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u Ambitu

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tawtorizza Stat Membru sabiex jemenda ftehim bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz, jew sabiex jinnegozja u jikkonkludi ftehim bilaterali ġdid suġġett għall-kondizzjonjiet stipulati fid-dispożizzjonjiet li ġejjin:

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u li jaqa', kompletament jew parzjalment, fl-ambitu tar-Regolament (KE) No 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali u tar-Regolament (KE) No 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

3. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "ftehim" għandu jiġi mifhum li jfisser ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz.

4. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru minbarra d-Danimarka.

Artikolu 3

Notifika lill-Kummissjoni

5. Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jidħol f'negozjati ma' pajjiż terz biex jemenda ftehim eżistenti, jew biex jikkonkludi ftehim ġdid li jaqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu bil-miktub.

6. In-notifika għandha tinkludi kopja tal-ftehim eżistenti, l-abbozz tal-ftehim jew l-abbozz ta' proposta mill-pajjiż terz ikkonċernat, jekk ikunu disponibbli, u kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti oħra. L-Istat Membru għandu jiddeskrivi l-għanijiet tan-negozjati u għandu jispeċifika il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati, jew id-dispożizzjonjiet tal-ftehim eżistenti li għandhom jiġu emendati, u għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra.

7. In-notifika għandha ssir mill-inqas tliet xhur qabel ma jkunu skedati li jibdew in-negozjati formali mal-pajjiż terz interessat.

Artikolu 4

Valutazzjoni mill-Kummissjoni

8. Man-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' jekk l-Istat Membru jistax ikompli n-negozjati mal-pajjiż terz kkonċernat. Jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet xi ftehim dwar l-istess suġġetti mal-pajjiż terz ikkonċernat, l-applikazzjoni tal-Istat Membru tiġi awtomatikament miċħuda mill-Kummissjoni.

9. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx għada ffirmat ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha, meta tagħmel l-evalwazzjoni tagħha, teżamina l-ewwel jekk huwiex mistenni xi ftehim Komunitarju relevanti mal-pajjiż terz ikkonċernat fil-futur qarib. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni tista' tagħti awtorizzazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonjiet li ġejjin:

1. l-Istat Membru kkonċernat jkun wera li hemm interess speċifiku fil-konklużjoni tal-Ftehim bilaterali settorjali mal-pajjiż terz, relatat b'mod partikolari mal-eżistenza ta' rabtiet ekonomiċi, ġeografiċi, kulturali jew storiċi bejn l-Istat Membru u dak il-pajjiż terz; u

2. il-Kummissjoni tiddetermina li l-ftehim propost għandu impatt limitat fuq l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Komunità eżistenti u fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minn dawk ir-regoli.

Artikolu 5

Awtorizzazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati

10. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi illi mhemmx ostakli għall-ftehim fid-dawl tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4, tkun tista' tawtorizza lil Stat Membru sabiex jiftaħ in-negozjati mal-pajjiż terz ikkonċernat. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tipproponi linji gwida għan-negozjati u tista' titlob l-inklużjoni ta' klawżoli partikolari fil-ftehim propost.

Il-ftehim għandu jipprovdi għall-klawżola għat-terminazzjoni tiegħu fil-każ li l-Komunità tikkonkludi ftehim mal-istess pajjiż terz dwar l-istess suġġett. Il-ftehim għandu jinkludi l-klawżola li ġejja: {>“(isem l-Istat Membru) għandu jtemm il-ftehim meta l-Komunità Ewropea tikkonkludi ftehim ma’ (isem il-pajjiż terz) dwar l-istess oqsma ta' ġustizzja ċivili kif irregolati mill-ftehim preżenti”.

11. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi illi hemmx ostakoli għall-ftehim fid-dawl tal-kondizzjonjiet imsemmija fl-Artikolu 4, l-Istat Membru m'għandux ikun awtorizzat sabiex jiftaħ in-negozjati mal-pajjiż terz.

12. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

Il-Kummissjoni għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien sitt xhur mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni tal-Komunità fin-negozjati

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tieħu sehem fin-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz bħala osservatur. Jekk il-Kummissjoni ma tipparteċipax bħala osservatur, hija għandha tinżamm mgħarrfa dwar il-progress u r-riżultati matul l-istadji differenti tan-negozjati.

Artikolu 7

Awtorizzazzjoni sabiex jiġi ffirmat il-ftehim

13. Qabel jinizjala l-ftehim, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test tal-ftehim lill-Kummissjoni.

14. Man-notifika l-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni dwar jekk il-ftehim innegozjat hux konformi mal-valutazzjoni inizjali tagħha. Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni ulterjuri l-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-ftehim propost jinkludix ir-rekwiżiti li saru mill-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-inklużjoni tal-klawżoli msemmija fl-Artikolu 5(1) u jekk il-konklużjoni tal-ftehim propost iwassalx biex id-dritt Komunitarju isir ineffettiv u jimmina l-iffunzjonar xieraq tas-sistema stabbilita mir-regoli tiegħu.

15. Jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li n-negozjati rriżultaw fi ftehim li ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru m'għandux ikun awtorizzat jikkonkludi l-ftehim.

16. Jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li n-negozjati rriżultaw fi ftehim li jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jiġi awtorizzat jikkonkludi l-ftehim.

17. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(3).

Il-Kummissjoni għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien sitt xhur mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 8

Proċedura tal-Kumitat

18. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat, stabbilit taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nr [...] li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet settorjali u li jkopru l-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligi tal-manteniment, u l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet marbuta mal-obbligi tal-manteniment..

19. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandha tapplika l-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tagħha.

20. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandha tapplika l-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tagħha.

21. Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

Artikolu 9

Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali

22. Fejn Stat Membru diġà beda jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz fi żmien id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw l-Artikolu 3(1) u 3(2) u l-Artikoli 4 sa 7.

Fejn l-istadju tan-negozjati jippermetti dan, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjati jew l-inklużjoni ta’ klawżoli partikolari, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1).

23. Fejn Stat Membru jkun diġà spiċċa n-negozjati fi żmien id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ma jkun ikkonkluda ftehim, għandhom japplikaw l-Artikolu 3(1) u 3(2) u l-Artikoli 7(2) sa (5).

Meta tiddeċiedi dwar tawtorizzax jew le l-konklużjoni tal-ftehim, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk hemmx xkiel għall-ftehim fid-dawl tal-kundizzjonijiet msemija fl-Artikolu 4.

Artikolu 10

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014 il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u miegħu jista' jkun hemm ukoll proposta leġiżlattiva xierqa.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, [...]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President […] […]

[1] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' falliment, ĠU L 160 tat-30.6.2000, p.1.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12 tas-16.1.2001, p.1.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali, ĠU L 174 tas-27.6.2001, p.1.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

Direttiva tal-Kunsill 2002/8/KE biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn, ĠU L 26 tal-31.1.2003, p. 41.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti, ĠU L 261, 6.8.2004, p. 65.

Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, ĠU L 143 tat-30.4.2004, p.15.

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, ĠU L 399 tat-30.4.2004, p.15.

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.

Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, ĠU L 324, 10.12.2007, p.79.

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 31.7.2007, p. 6.

Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 136, 21.5.2008, p.3.

[2] Opinjoni 1/03 tas-7 Frar 2006, Ġabra 2006, p.I-1145.

[3] Opinjoni 1/03 Lugano, punt 161.

[4] Opinjoni 1/03 Lugano, punt 172.

[5] Soluzzjoni simili ġiet adottata aktar kmieni fis-settur tal-avjazzjoni ċivili: ara r-Regolament (KE) Nru 847/2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, ĠU L 157, 30.4.2004, p.7.

[6] Fid-19 ta' April 2007, il-Kunsill tal-ĠAI ssuġġerixxa illi, fir-rigward ta' ftehimiet bilaterali futuri u kwalunkwe emendi tal-ftehimiet bilaterali eżistenti ma' pajjiżi terzi partikolari li jirrigwardaw obbligi ta' manteniment, għandha tiġi introdotta " proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta' dan it-tip ta' ftehimiet, ispirata minn preċedenti eżistenti fid-dritt Komunitarju, fost affarijiet oħra, il-proċedura għas-servizz bl-ajru ". " Dik il-proċedura għandha tistabbilixxi kriterji u kondizzjonijiet għall-evalwazzjoni ta' jekk il-konklużjoni ta' tali ftehim huwiex fl-interess tal-Komunità. Meta ma jkunx il-każ, il-proċedura għandha tistabbilixxi kriterji u kondizzjonjiet għan-negozjar u l-iffirmar ta' tali ftehim minn Stati Membri, partikolarment jekk id-disposiżżjonjiet tal-ftehim prospettiv ikunu differenti mir-regoli tal-Komunità, sabiex jiġi żgurat illi l-ftehimiet ma jikkompromettux is-sistema stabbilita".

[7] Jista' jkun neċessarju illi jiġu promulgati dispożizzjonjiet li jirrigwardaw il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali f'dawn il-każi sabiex jiġu rregolati sitwazzjonjiet speċifiċi. Dawn jistgħu jirrigwardaw, pereżempju, kwistjonijiet ta' ġestjoni ta' ajruporti jew toroq. Eżempji ta' dawn il-ftehim settorjali huma l–Konvenzjoni tal-4 ta' Lulju 1949 bejn Franza u l-Iżvizzera dwar il-bini u l-ġestjoni tal-Ajruport ta' Basel-Mulhouse u l-Ftehim tal-25 ta' April 1977 bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera dwar it-triq bejn Lörrach u Weil am Rhein fuq it-territorju Żviizzeru.

[8] Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) , fil-Premessa 37 tistipula illi "Il-Kummissjoni sejra tagħmel proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri u l-kondizzjonijiet skond liema l-Istati Membri jkunu intitolati jinnegozjaw u jikkonkludu f’isimhom ftehim ma’ pajjiżi terzi f’każi individwali u eċċezzjonali, li jikkonċernaw kwistjonijiet settorjali, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali."

[9] Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) fih premessa simili (Premessa 42).

[10] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (1999/468/KE), ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[11] Eżempju ta' din is-sitwazzjoni jista' tkun l-abbozz ta' ftehim bejn Franza, l-Iżvizzera u l-Organizzazzjoni Ewropea għar-riċerka Nukleari (CERN) dwar il-liġi applikabbli għall-impriżi li joperaw fil-bini tas-CERN sabiex jipprovdu servizzi transkonfinali. Dan il-ftehim huwa eżempju ta' ftehim settorjali li jaqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ("Ruma I"), u għalhekk huwa suġġett għall-proċedura proposta.

[12] ĠU C […], […], p. […].

[13] ĠU C […], […], p. […].

[14] ĠU C […], […], p. […].

[15] ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

[16] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[17] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

Top