Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0790

    Proposta għal direttiva tal-Kunsill (Euratom) li twaqqaf qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari {SEG(2008) 2892} {SEG(2008) 2893}

    /* KUMM/2008/0790 finali - CNS 2008/0231 */

    52008PC0790




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 26.11.2008

    KUMM(2008) 790 finali

    2008/0231 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (Euratom)

    li twaqqaf qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari

    {SEG(2008) 2892}{SEG(2008) 2893}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1. Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    L-abbozz tad-Direttiva attwali li twaqqaf qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari għandu l-għan li jibda mill-ġdid il-proċess tat-twaqqif ta’ qafas tal-UE komuni għas-sikurezza nukleari, billi jaġġorna u jibdel il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill (Euratom) li tistabbilixxi obbligi bażiċi u prinċipji ġenerali dwar is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari[1], inklużi fil-Pakkett ta’ Sikurezza Nukleari.

    L-interess mill-ġdid li ntwera fl-enerġija nukleari minn għadd ta’ Stati Membri, bl-għan ta’ diversi estensjonijiet tat-tul tal-ħajja u ta’ bini ta’ impjanti ġodda, jagħmel iż-żmien ta’ din il-proposta riveduta partikolarment xieraq. Hu ċar li l-effetti tal-inċidenti radjoloġiċi ma jiqfux fil-fruntieri, b’konsegwenzi possibbli mhux biss għas-saħħa tal-ħaddiema u taċ-ċittadini, iżda wkoll implikazzjonijiet ekonomiċi kbar għall-industrija tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-adozzjoni f'leġiżlazzjoni Komunitarja vinkolanti ta’ prinċipji tas-sikurezza nukleari li jkunu aċċettati internazzjonalment tiżgura livell addizzjonali ta’ garanzija għall-biċċa l-kbira tal-pubbliku tal-UE, billi din tipprovdi ċ-ċertezza legali.

    F’dan il-kuntest, il-proposta leġiżlattiva riveduta tibni fuq: a) ix-xogħol tekniku tal-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) imlesti fl-2006 għal installazzjonijiet nukleari eżistenti, bil-parteċipazzjoni tar-regolaturi tas-sikurezza nukleari Ewropea kollha; b) il-prinċipju li regolaturi b’saħħithom u indipendenti biss jistgħu jassiguraw operazzjoni sigura kontinwa tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-UE; c) li jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja l-prinċipji tal-istrumenti internazzjonali ewlenin disponibbli, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (CNS)[2], konkluża taħt l-awspiċji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), u x-xogħol relatat mas-sikurezza mwettaq mill-IAEA[3].

    L-approċċ bażiku tagħha hu li sett ta’ prinċipji komuni fil-qasam tas-sikurezza nukleari, diġà inklużi fis-CNS, ikunu regolati fil-livell tal-Komunità, supplimentati b’rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għal reatturi tal-enerġija nukleari ġodda, li l-Istati Membri jiġu mħeġġin biex jiżviluppaw f’konsistenza mal-prinċipju tat-titjib kontinwu tas-sikurezza, abbażi tal-livelli ta’ sikurezza żviluppati mill-WENRA u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart (HLG). Abbażi tal-għaxar prinċipji għar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari li adotta, il-grupp għandu jsir il-punt fokali għall-kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji responsabbli għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari fl-Istati Membri u għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-qafas tas-sikurezza nukleari tal-Komunità.

    l-għan ġenerali tal-proposta hu li tikseb, iżżomm u ssaħħaħ kontinwament is-sikurezza nukleari fil-Komunità u li ttejjeb ir-rwol tal-korpi regolatorji. L-ambitu tal-applikazzjoni tagħha huwa d-disinn, il-lokazzjoni, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, it-tħaddim u ż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari, li għalihom il-kunsiderazzjoni tas-sikurezza hi meħtieġa taħt il-qafas leġislattiv u regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat. Id-dritt ta’ kull Stat Membru biex jiddeċiedi jekk jużax l-enerġija nukleari huwa rikonoxxut u mħares għal kollox.

    Permezz ta’ dan il-qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari, hu previst li se jintlaħqu diversi għanijiet operazzjonali, jiġifieri t-titjib tar-rwol tar-regolaturi nazzjonali, ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza ta’ min ikollu l-liċenzja taħt il-kontroll tal-korp regolatorju, sabiex jiżviluppaw regoli Ewropej fil-qasam tas-sikurezza nukleari, it-tisħiħ tal-indipendenza tal-korp regolatorju, jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza fi kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni, is-sorveljanza regolari tas-sikurezza, id-disponibbiltà ta’ għarfien espert dwar is-sikurezza nukleari, il-prijorità għas-sikurezza.

    1.2. Kuntest ġenerali

    Attwalment, l-interess fl-enerġija nukleari qiegħed jerġa’ jiżdied minħabba diversi fatturi.

    L-UE hi l-ikbar ġeneratur tal-elettriku nukleari fid-dinja b’industrija nukleari żviluppata, li tkopri ċ-ċiklu tal-fjuwil sħiħ bil-bażi teknoloġika tagħha u forza tax-xogħol kompetenti ħafna. Attwalment, l-enerġija nukleari hi s-sors ewlieni ta’ enerġija b’livell ta’ karbonju baxx f’ħafna Stati Membri tal-UE, u tipprovdi iżjed minn terz tal-elettriku tal-UE, u ġie ppruvat li hi sors stabbli u affidabbli, relattivament protetta mit-tibdil fil-prezzijiet meta mqabbla mas-swieq taż-żejt u l-gass. L-użu kontinwu tal-enerġija nukleari għaldaqstant iżid is-siġurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE kif ukoll jikkontribwixxi għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, iżda għadha tiffaċċja numru ta’ kwistjonijiet li għad iridu jiġu riżolti. L-enerġija nukleari għandha rwol importanti fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, sostnuta minn impenn qawwi fir-riċerka u l-promozzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi, immirati biex ikompli jitjiebu s-sikurezza u sigurtà tagħha.

    It-titjib kontinwu fis-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari huwa prerekwiżit importanti għall-aċċettazzjoni tal-enerġija nukleari. Il-ħidma fuq ix-xogħol eżistenti li twettaq taħt l-awspiċji tal-IAEA u li tiddaħħal fil-qafas Komunitarju żżid il-valur tal-approċċi nazzjonali. L-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali u s-sistema tal-Komunità se jiggarantixxu l-manutenzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza għall-installazzjonijiet nukleari fl-UE u jtejbu t-trasparenza tal-mekkaniżmi regolatorji fl-UE. F’perspettiva ta’ żmien twil, dan għandu jwassal għal aktar kunfidenza pubblika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE fuq kwistjonijiet tas-sikurezza nukleari u jagħti ċertezza legali.

    1.3. Strumenti Komunitarji eżistenti favur l-armonizzazzjoni tas-sikurezza nukleari fuq livell tal-UE

    Bl-iżvilupp tal-industrija nukleari Ewropea, il-konverġenza fil-livell tal-Komunità saret neċessarja sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jarmonizzaw il-prattiċi tas-sikurezza. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 1975 dwar il-problemi teknoloġiċi tas-sikurezza nukleari[4] irrikonoxxiet li l-Kummissjoni hija responsabbli li taġixxi bħala katalista fl-inizjattivi meħuda fuq livell internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari. Din ir-Riżoluzzjoni, filwaqt "li tqis il-prerogattivi u r-responsabbiltajiet li jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali" , tagħmel referenza għall-allinjament tar-rekwiżiti tas-sikurezza fil-kuntest ta’ approċċ armonizzat mixtieq fil-livell tal-Komunità.

    F’dan l-isfond, ġiet adottata Riżoluzzjoni tal-Kunsill oħra fl-1992[5], li fiha l-Kunsill afferma mill-ġdid l-intenzjonijiet tar-Riżoluzzjoni tal-1975 u stieden lill-Istati Membri biex ikomplu u jżidu l-isforzi konġunti tagħhom lejn l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sikurezza.

    Barra minn hekk, l-appoġġ għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza nazzjonali fil-Komunità ġie kontinwament rifless matul is-snin fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill[6] u fir-Rapporti tal-Parlament Ewropew[7]. Madankollu, sa dan il-mument, għadha ma ġietx adottata leġiżlazzjoni Komunitarja vinkolanti.

    1.4. Konsistenza tal-proposta ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

    Il-konnessjoni intrinsika bejn il-protezzjoni mir-radjazzjoni u s-sikurezza nukleari ġiet rikonoxxuta mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni tagħha fil-Każ C-29/99, li skont din id-deċiżjoni “mhux xieraq, sabiex jiġu definiti l-kompetenzi tal-Komunità, li ssir distinzjoni artifiċjali bejn il-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali u s-sikurezza tas-sorsi tar-radjazzjoni jonizzanti.” Il-Qorti kkonfermat ukoll li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-miżuri meħtieġa mill-Artikoli 18 u 19 tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (CNS) dwar id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-installazzjonijiet nukleari li jistgħu jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet li l-Istati Membri jistabbilixxu sabiex jiżguraw konformità mal-istandards bażiċi. L-iżvilupp ta’ approċċ tal-Komunità fil-qasam tas-sikurezza nukleari jikkontribwixxi għall-kisba sħiħa tal-għanijiet tal-acquis tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti mingħajr ma jillimitaw iżjed milli hemm bżonn l-użi ta’ benefiċċju tal-prattiċi li jwasslu għall-espożizzjoni għar-radjazzjoni.

    1.5. Il-Pakkett ta’ Sikurezza Nukleari inizjali

    Fit-30 ta’ Jannar 2003, wara li rċiviet l-opinjoni tal-Grupp tal-Esperti mwaqqaf bl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti tad-Direttivi li jitrattaw rispettivament mas-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari u mal-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv[8].

    Wara li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Marzu 2003, iż-żewġ proposti ntbagħtu lill-Kunsill. Skont il-proċedura fl-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom, il-Kunsill talab l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, li adotta l-opinjonijiet dwar il-proposti fis-seduta plenarja tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2004.

    Fl-istess żmien, iż-żewġ proposti ġew diskussi fil-Kunsill, taħt il-Presidenzi Taljani u Irlandiżi. Peress li ma kienx possibbli li tinkiseb maġġoranza li tippermetti l-adozzjoni jew iċ-ċaħda taż-żewġ proposti, ġie miftiehem li l-Kunsill għandu jasal għall-konklużjonijiet permezz ta’ kunsens. L-abbozzi tal-Konklużjonijiet dwar is-sikurezza nukleari u dwar is-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil nukleari wżat u l-iskart radjuattiv ġew adottati mill-Kunsill f’Ġunju 2004[9], u wasslu għall-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Sikurezza Nazzjonali (WPNS). Preżentazzjoni dettaljata tal-aspetti proċedurali relatati mal-Pakkett ta’ Sikurezza Nukleari inizjali hi inkluża fir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt[10] li qed jakkompanja l-inizjattiva attwali.

    Il-proposta eżistenti ta’ Direttiva li titratta mas-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari se titneħħa u tiġi mibdula bil-proposta l-ġdida.

    2. KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    2.1. Konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati dwar in-neċessità ta’ qafas leġislattiv Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari

    Il-proposta leġislattiva riveduta kif inhi bħalissa hi r-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiva u kontinwa, mibdija fl-2004 matul il-Presidenza Irlandiża. Il-WPNS, l-HLG u l-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari komplew bix-xogħol tagħhom fuq din il-kwistjoni.

    Matul il-proċess tal-elaborazzjoni tal-Pakkett ta’ Sikurezza Nukleari inizjali, twettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati dwar l-opportunità li jitwaqqaf qafas leġiżlattiv dwar is-sikurezza nukleari fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li tissupplimenta l-konsultazzjonijiet bħala riżultat tal-proċedura leġislattiva pprovvduta fit-Trattat Euratom (l-opinjonijiet tal-Grupp ta’ esperti mwaqqaf bl-Artikolu 31 tat-Trattat u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew). Saru wkoll konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal ma huma l-IAEA u l-Aġenzija tal-Enerġija Nukleari tal-OECD (NEA). Il-Kummissjoni ħadet ukoll vantaġġ mill-parteċipazzjoni tagħha f’diversi laqgħat internazzjonali sabiex tippreżenta l-pjanijiet tagħha għal regolamenti tal-UE fil-qasam tas-sikurezza nukleari.

    Il-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari, imwaqqaf fl-2007 u li jinvolvi lill-partijiet u l-organizzazzjonijiet ewlenin li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli nazzjonali u tal-UE, diġà ikkontribwew għat-titjib ta’ ftehim aħjar fuq l-approċċi komuni li huma meħtieġa għal iżjed żvilupp tas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari. Il-Konklużjonijiet tal-Fora ta’ Praga u ta’ Bratislava 2008 saħqu fuq l-appoġġ b’saħħtu tal-Forum għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza nukleari, ibbażata fuq “ prinċipji ta’ sikurezza fundamentali komuni fl-installazzjonijiet nukleari”.

    Barra minn hekk, l-isfond tekniku li jappoġġja l-prinċipji bażiċi proposti fl-abbozz tad-Direttiva riveduta li hemm bħalissa ġie provvdut mir-riżultat tal-attività tal-gruppi differenti ta’ esperti li jitrattaw kwistjonijiet tas-sikurezza nukleari. Diversi livelli differenti u tipi ta’ attivitajiet ġew żviluppati fil-livell tal-UE, bl-involviment ta’ gruppi ta’ esperti magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tas-sikurezza tal-Istati Membri, li kkontribwew b’mod attiv għall-armonizzazzjoni tal-prattiċi tas-sikurezza nukleari.

    2.2. Ħarsa ġenerali tal-gruppi ta’ esperti fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-approċċi tas-sikurezza nazzjonali fil-livell tal-UE

    2.2.1. Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Regolaturi Nukleari (NRWG) u Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza tar-Reatturi (RSWG)

    Sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1975 dwar il-problemi teknoloġiċi tas-sikurezza nukleari, il-Kummissjoni waqqfet żewġ gruppi ta’ esperti li jitrattaw is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari. L-NRWG, li ltaqa’ l-aħħar f’Ġunju 2005, jinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet regolatorji nukleari minn Stati Membri tal-UE u l-Istati Kandidati tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. L-RSWG, li kien jinkludi l-korpi regolatorji kollha u l-industriji tal-UE, twaqqaf fl-1998.

    2.2.2. CONCERTazzjoni dwar il-Ħidmiet Regolatorji Ewropej (CONCERT)

    Il-Grupp CONCERT, iffurmat fl-1992, kien forum li ressaq flimkien ir-regolaturi nukleari tal-UE, il-Pajjiżi Ewropej Ċentrali u tal-Lvant u l-Istati Indipendenti Ġodda biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jtejbu l-progress tal-programmi tal-assistenza u l-kooperazzjoni b’mod ġenerali. Il-grupp kellu l-aħħar laqgħa tiegħu fl-2005.

    2.2.3. WENRA

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-attività mwettqa minn WENRA, organizzazzjoni magħmula mill-Kapijiet u l-membri tal-istaff għolja tal-awtoritajiet regolatorji nukleari minn 17 –il Pajjiż Ewropew.

    Sabiex jiġu armonizzati l-approċċi tas-sikurezza, tniedew żewġ gruppi ta’ ħidma bil-mandat li janalizzaw is-sitwazzjoni attwali u l-approċċi tas-sikurezza differenti, iqabblu l-approċċi regolatorji nazzjonali individwali mal-Istandards tas-Sikurezza IAEA, jidentifikaw differenzi u jipproponu t-triq ‘il quddiem sabiex jiġu possibilment eliminati d-differenzi mingħajr ma jfixklu l-livell riżultanti tas-sikurezza finali.

    F’Jannar tal-2006, ġew ippubblikati rapporti dwar il-livelli ta’ referenza tas-sikurezza u dawn ġew sussegwentament riveduti fl-2007 u l-2008[11]. Il-membri tal-WENRA ddefinixxew bosta livelli ta’ referenza komuni tas-sikurezza għal reatturi tal-enerġija sabiex ir-rekwiżiti nazzjonali jiġu allinjati sas-sena 2010. Kull inizjattiva tal-Komunità f’dan il-qasam tas-sikurezza nukleari għandha tieħu vantaġġ mill-progressi tekniċi miksuba fil-WENRA. Barra minn hekk, ir-rapporti WENRA dwar l-armonizzazzjoni tal-approċċi tas-sikurezza għal reatturi tal-enerġija nukleari ġew valutati mill-WPNS li kkonkludiet li “ l-metodoloġija WENRA hi approċċ sistematiku, dokumentat u loġiku għall-armonizzazzjoni” .

    2.2.4. WPNS

    Wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 2004 dwar is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni sigura tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv, li sejħu għal “konsultazzjoni estensiva” mal-partijiet interessati, inbeda proċess ta’ konsultazzjoni li kellu effett wiesgħa, bl-għan li jiġu identifikati strument(i) ġodda li jistgħu jikkontribwixxu b’mod iżjed effettiv sabiex tkompli titjieb is-sikurezza nukleari u s-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv, fil-qafas tat-Trattat Euratom u skont il-prinċipji ta’ kif tista’ ssir liġi aħjar. B’konsegwenza, twaqqaf il-WPNS[12].

    Ir-Rapport Finali tal-WPNS[13], magħmul minn konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet globali, ġie approvat mill-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2006. Il-metodoloġija dettaljata, l-organizzazzjoni tax-xogħol u d-dejta miġbura, ir-riżultati dettaljati mill-ġbir u l-analiżi tad-dejta, u l-ġustifikazzjoni għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet huma ppreżentati fir-rapporti prodotti minn tliet sottogruppi stabbiliti[14]. Sebgħin espert mill-Istati Membri u l-Kummissjoni ipparteċipaw fix-xogħol tal-WPNS. Il-konklużjonijiet ta’ dawn ir-Rapporti joffru sfond tekniku sod għall-approċċ previst mill-abbozz attwali tad-Direttiva li twaqqaf qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari.

    2.2.5. HLG

    Fl-10 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat abbozz ta’ Programm Nukleari Illustrattiv li ppropona t-twaqqif ta’ Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-sikurezza nukleari, il-ġestjoni tal-iskart u d-dekommissjonament. Sussegwentament, din il-proposta ġiet approvata u appoġġjata mill-ogħla fora tal-UE kollha (kif rifless fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell minn Marzu 2007[15], il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2007 dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni Sigura tal-Fjuwil Nukleari Użat u Skart Radjuattiv[16] u fir-Rapport tal-Parlament Ewropew 2007 dwar 50 sena ta’ politika Ewropea dwar l-enerġija nukleari[17]).

    L-HLG ġie fformalizzat f’Lulju 2007 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom[18]. Id-Deċiżjoni tagħti mandat lill-HLG biex jgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-iżvilupp progressiv ta’ ftehim komuni u eventwalment ta’ regoli Ewropej fl-oqsma tal-installazzjonijiet nukleari u s-sikurezza tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv.

    L-HLG jinkludi fih il-Kapijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew tas-sikurezza nukleari tas-27 Stat Membru. Bit-twaqqif tal-HLG, il-ħidma teknika tal-WENRA se titwessa’ f’qafas iżjed formali, b’rabta mar-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE li ma jużawx enerġija nukleari.

    L-abbozz tad-Direttiva proposta jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati mill-HLG, li se jkollhom rwol ewlieni billi jappoġġjaw id-definizzjoni ta’ strumenti biex tinżamm u tkompli tittejjeb is-sikurezza nukleari madwar il-Komunità kollha. Għal dan il-għan, meta l-Kunsill jadotta d-Direttiva attwali, l-ewwel mandat tal-Grupp, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom se jiġi emendat mill-Kummissjoni, sabiex jiġu riflessi b’mod xieraq ir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    2.3. Valutazzjoni tal-Impatt

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ magħha taġġorna l-Valutazzjoni tal-Impatt relatata mal-proposta tas-sikurezza nukleari li kien hemm qabel inkluża fil-Pakkett ta’ Sikurezza Nukleari[19], u hi bbażata fuq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tekniċi identifikati fir-Rapporti WPNS, kif ukoll fuq l-obbligi u r-rekwiżiti stabbiliti fis-CNS u fuq il-prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA.

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt tanalizza erba’ għażliet ta’ politika : L-g ħażla ta ’ Politika 0 tikkonsisti li s-sitwazzjoni preżenti tibqa’ mhux mibdula; L-g ħażla ta ’ Politika 1 tipprovdi għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi standards tas-sikurezza komuni għal installazzjonijiet nukleari; L-g ħażla ta ’ Politika 2 tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi biss qafas komuni li għandu l-għan li jilħaq u li jżomm livell uniformi għoli tas-sikurezza nukleari madwar il-Komunità imsejjes fuq prinċipji tas-sikurezza nukleari rikonoxxuti internazzjonalment, fejn il-miżuri implimentattivi sussegwenti jiġu ppreparati mill-HLG; L-g ħażla ta ’ Politika 3 hija bbażata fuq sett ta’ prinċipji tas-sikurezza nukleari rikonoxxuti internazzjonalment (l-approċċ propost mill-għażla ta’ Politika 2), supplimentati minn rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza għal reatturi tal-enerġija nukleari ġodda, li l-Istati Membri huma mħeġġin jiżviluppaw skont il-prinċipju tat-titjib kontinwu tas-sikurezza, abbażi tal-livelli ta’ sikurezza żviluppati mill-WENRA u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-HLG. B’konsegwenza ta’ dan, l-evalwazzjoni tal-għażliet uriet li l-iżjed soluzzjoni effiċjenti għat-twaqqif tal-approċċ komuni tas-sikurezza nukleari fil-Komunità hi dik prevista mill-għażla ta’ Politika 3.

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1. Taqsira tal-azzjoni proposta

    Il-proposta attwali għandha l-għan li jerġa’ jinbeda mill-ġdid il-proċess tat-twaqqif tal-qafas komuni tal-UE dwar is-sikurezza nukleari bil-għan li jinkiseb u jinżamm livell għoli komparabbli ta’ sikurezza nukleari fil-Komunità, billi tiġi mibdula l-ewwel proposta korrispondenti inkluża fil-Pakkett ta’ Sikurezza Nukleari. Il-proposta hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tas-CNS, li jwaqqfu qafas legali preċiż li jirrapreżenta l-fondazzjoni ta’ sistema tas-sikurezza nukleari armonizzata u li tagħhom huma Partijiet Kontraenti l-Euratom u l-Istati Membri tal-UE kollha.

    3.2. Bażi legali

    Il-bażi legali għal din il-proposta hi l-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom, b’rabta mal-Artikolu 32 tiegħu. L-Artikolu 31 jiddefinixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandards tas-sikurezza bażiċi provduti fl-Artikolu 30 għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li joħorġu mir-radjazzjoni jonizzanti. L-Artikolu 32 b’mod espliċitu jiddikjara li l-istandards bażiċi jistgħu jiġu ssupplimentati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31.

    3.3. Sussidjarjetà u proporzjonalità

    L-enerġija nukleari twettaq rwol importanti fit-tranżizzjoni għal ekonomija b’użu ta’ enerġija b’livell ta’ karbonju baxx u tnaqqas id-dipendenza fuq il-provvista tal-enerġija minn barra l-UE. L-għażla li l-enerġija nukleari tiddaħħal fit-taħlita tal-enerġija titħalla f’idejn l-Istati Membri. Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea hu li tiżgura li dan is-sors ta’ enerġija jiġi żviluppat filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta’ sikurezza.

    L-Istati Membri tal-UE kollha huma Partijiet Kontraenti tas-CNS, li tikkostitwixxi pjattaforma għall-iżvilupp tas-sikurezza nukleari. L-Istati Membri tal-UE diġà implimentaw miżuri li jippermettuhom li jiksbu livell għoli ta’ sikurezza nukleari fl-UE. Madankollu, minħabba d-differenzi fl-isfond storiku, l-oqfsa legali, it-tip u n-numru ta’ reatturi u l-approċċi differenti, għadhom ma ġewx stabbiliti regoli komuni fil-qasam tas-sikurezza nukleari li japplikaw mal-Komunità kollha.

    L-approċċ tal-proposta attwali jippermetti li l-Istati Membri jisfruttaw b’mod sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà għax joħloq qafas leġislattiv għas-sikurezza nukleari mingħajr ma jkun preskrittiv fejn jidħlu d-dettalji. Barra minn hekk, l-abbozz tad-Direttiva għandha l-għan li tinforza r-rwol u l-indipendenza tal-korpi regolatorji nazzjonali biex b’hekk tibni fuq il-kompetenzi tagħhom, kif ukoll ir-rwol tal-korpi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma. Permezz tad-Direttiva, il-prinċipju tar-responsabbiltà nazzjonali għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari jiġi mħares għal kollox, kif ukoll għas-sikurezza ta’ reatturi tal-enerġija nukleari ġodda; l-Istati Membri jiġu mħeġġin jiżviluppaw rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza, f'konformità mat-titjib kontinwu tas-sikurezza abbażi tal-livelli ta’ sikurezza żviluppati mill-WENRA u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-HLG. Barra minn hekk, l-Istati Membri jżommu d-dritt li, fuq il-livell nazzjonali, jimponu miżuri ta’ sikurezza aktar stretti minn dawk previsti fl-abbozz tad-Direttiva.

    4. DISPOŻIZZJONIJIET EWLENIJA TAL-PROPOSTA

    4.1. Responsabbiltà u qafas għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari (Artikolu 3)

    L-artikolu dwar ir-responsabbiltà għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari jirrifletti wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-sikurezza nukleari, li ddaħħal ukoll fl-Artikolu 9 tas-CNS: ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari, tul il-ħajja tagħhom, hija tal-pussessur tal-liċenzja taħt il-kontroll tal-korp regolatorju. Barra minn hekk, il-miżuri u l-kontrolli tas-sikurezza li għandhom jiġu implimentati f’installazzjoni nukleari għandhom jiġu deċiżi biss mill-korp regolatorju u u jitwettqu mill-pussessur tal-liċenzja.

    It-tieni paragrafu jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu qafas leġislattiv u regolatorju għas-sikurezza nukleari. Din id-dispożizzjoni diġà qed tiġi segwita mill-Istati Membri kollha u m’għandhiex tikkawża diffikultajiet fl-implimentazzjoni.

    4.2. Korpi regolatorji (Artikolu 4)

    It-test jirrinforza r-rwol u l-indipendenza tal-korpi regolatorji nazzjonali, u jibni fuq il-kompetenzi tagħhom. Sabiex jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet awtonomi li jagħtu prijorità lis-sikurezza nukleari, għandha tiġi żgurata l-indipendenza effettiva tal-korp regolatorju mill-organizzazzjonijiet li jkollhom l-obbligu jippromwovu u jħaddmu installazzjonijiet nukleari jew jiġġustifikaw il-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà, kif ukoll minn elementi mhux xierqa. Fis-CNS (Artikolu 8, paragrafu 2) diġa teżisti dispożizzjoni ta’ dan it-tip. Il-korp regolatorju, ipprovdut b’awtorità, kompetenza u riżorsi finanzjarji u umani xierqa sabiex iwettaq ir-responsabbiltajiet u doveri tiegħu, għandu jingħata l-karigu li jissorvelja u jirregola s-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari, kif ukoll li jiżgura l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti, kundizzjonijiet u regolamenti tas-sikurezza.

    Il-korp regolatorju se jkollu r-responsabbiltà li jagħti l-liċenzji u jissorvelja l-applikazzjoni tagħhom fuq il-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-ikkummissjunar, it-tħaddim jew iż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari.

    Il-korp regolatorju jkollu d-dover li jiżgura li l-pussessur tal-liċenzja jkollu biżżejjed persunal kwalifikat biex iħaddem l-installazzjonijiet.

    Sabiex tkompli tittejjeb l-infrastruttura regolatorja, il-korp regolatorju u l-istruttura regolatorja nazzjonali se jkunu soġġetti għal reviżjoni regolari minn esperti ugwali fil-qasam.

    Fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni, il-korpi regolatorji nazzjonali u s-sistemi regolatorji se jkunu soġġetti għal missjonijiet regolari ta’ reviżjoni minn esperti internazzjonali ugwali fil-qasam permezz ta’ missjonijiet mis-Servizz ta’ Reviżjoni Regolatorju Internazzjonali (IRRS) tal-IAEA, u jaċċettaw li jippreparaw awtoevalwazzjoni mill-inqas darba kull għaxar snin.

    4.3. Trasparenza (Artikolu 5)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 jindirizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat li jingħata aċċess għal informazzjoni affidabbli u li l-pubbliku jitħalla jipparteċipa fi proċess trasparenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

    4.4. Rekwiżiti u regolamenti tas-sikurezza għal installazzjonijiet nukleari (Artikolu 6)

    L-Artikolu 6 itenni u jsaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri biex jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tas-sikurezza tal-IAEA[20] kif ukoll biex josservaw l-obbligi u r-rekwiżiti miftiehma internazzjonalment tas-CNS.

    Barra minn hekk, fir-rigward tas-sikurezza ta’ reatturi tal-enerġija nukleari ġodda, l-Istati Membri jiġu mħeġġin jiżviluppaw rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza, f'konformità mat-titjib kontinwu tas-sikurezza abbażi tal-livelli ta’ sikurezza żviluppati mill-WENRA u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-HLG.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, ladarba l-Kunsill ikun qabel fuq it-test tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadatta skont il-mandat tal-HLG kif stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqfu.

    4.5. Obbligi tal-pussessuri tal-liċenzja (Artikolu 7)

    Dan l-artikolu jiġbor flimkien l-obbligi tal-pussessuri tal-liċenzja biex iwettqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 u jenfasizza d-doveri tagħhom li jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni u li jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għas-sikurezza nukleari.

    4.6. Sorveljanza (Artikolu 8)

    Il-valutazzjonijiet, l-investigazzjonijiet, il-kontrolli u l-azzjonijiet ta’ infurzar tas-sikurezza nukleari li jsiru mill-korp regolatorju għandhom jitwettqu tul il-ħajja kollha tal-installazzjonijiet, anke waqt iż-żarmar. Dan hu prinċipju ieħor li dwaru hemm ftehim komuni. Sabiex jisaħħu s-setgħat tar-regolaturi Ewropej, id-Direttiva attwali tipprovdi għal setgħat regolatorji estiżi fl-interess tas-sikurezza. F’każ ta’ ksur serju jew ripetut tar-regoli tas-sikurezza, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jirtira l-liċenzja operattiva u li jordna li jitwaqqfu l-operazzjonijiet ta’ kwalunkwe impjant fejn u meta jitqies li s-sikurezza ma tkunx garantita b’mod sħiħ. L-obbligu tal-valutazzjoni u l-verifikazzjoni tas-sikurezza hu stabbilit ukoll fl-Artikolu 14 tas-CNS.

    4.7. Għarfien espert dwar is-sikurezza nukleari (Artikolu 9)

    Id-disponibbiltà tal-esperti tas-sikurezza nukleari hi kwistjoni importanti ħafna li tinħass f’kull laqgħa internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari. F’dawn l-aħħar diċenji ma ġewx mħarrġa biżżejjed speċjalisti, u għaldaqstant għad hemm il-problema li l-persunal u l-ispetturi tas-sikurezza qed jixjieħu, u ħafna minnhom waslu għall-età tal-irtirar. Dan hu qasam fejn il-Komunità tista’ tassisti billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni u taħriġ trans-nazzjonali. L-obbligu li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ biżżejjed impjegati li jkunu kwalifikati hu rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 11(2) tas-CNS.

    4.8. Prijorità għas-sikurezza (Artikolu 10)

    F’konsistenza mal-prinċipju tal-prijorità għas-sikurezza, l-Istati Membri jistgħu, fuq il-livell nazzjonali, jimponu miżuri ta’ sikurezza aktar stretti minn dawk previsti fl-abbozz tad-Direttiva.

    5. KONKLUŻJONI

    Il-Kunsill, għaldaqstant, qed jintalab li:

    japprova il-proposta mehmuża għal Direttiva tal-Kunsill (Euratom) li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari.

    2008/0231 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (Euratom)

    li twaqqaf qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewopea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31u 32 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, imfassla wara li ttieħdet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni appuntati mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri[21],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[22],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[23],

    Billi:

    (1) L-Artikolu 2(b) tat-Trattat jistipula li l-Komunità għandha twaqqaf standards tas-sikurezza uniformi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali u tiżgura li jiġu applikati.

    (2) L-Artikolu 30 tat-Trattat jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti standards bażiċi fil-Komunità għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li joħorġu mir-radjazzjoni jonizzanti.

    (3) Għal dak il-għan, id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards tas-sikurezza bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li joħorġu mir-radjazzjoni jonizzanti[24], tistabbilixxi l-istandards bażiċi tas-sikurezza. Id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva ġew supplimentati minn leġiżlazzjoni aktar speċifika.

    (4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunita għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika[25] stabbilixxiet qafas għan-notifikazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni li għandu jintuża mill-Istati Membri biex jipproteġu l-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom tas-27 ta’ Novembru 1989 dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika[26] timponi obbligi fuq l-Istati Membri biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.

    (5) Minkejja li s-sistema tal-protezzjoni mir-radjazzjoni stabbilita mill-istandards bażiċi fis-seħħ, ibbażata fuq l-għarfien xjentifiku attwali, tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-popolazzjoni, din is-sistema għandha tiġi ssupplimentata sabiex tiżgura li jinżamm, jiġi żviluppat u mtejjeb kontinwament livell għoli ta’ sikurezza fl-installazzjonijiet nukleari. Iż-żamma ta’ livell għoli ta’ sikurezza, mill-fażi tad-disinn sa dik taż-żarmar, hija kundizzjoni sine qua non meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tat-Trattat. Għal dan il-għan, għandhom jinżammu difiżi effettivi kontra riskji radjoloġiċi flimkien mal-prevenzjoni ta’ aċċidenti li jistgħu jħallu konsegwenzi radjoloġiċi.

    (6) Filwaqt li kull Stat Membru huwa ħieles biex jiddeċiedi dwar liema taħlita ta’ enerġija juża, wara perjodu ta’ riflessjoni, l-interess fil-bini ta’ impjanti ġodda kiber u xi Stati Membri ddeċidew li jilliċenzjaw impjanti ġodda. Barra minn hekk, aktar rekwiżiti għal estensjonijiet tal-ħajja tal-impjanti tal-enerġija nukleari huma mistennija li jiġu preżentati mill-pussessuri ta’ liċenzja fis-snin li ġejjin.

    (7) Għal dan il-għan, l-aħjar prattiċi għandhom jiġu żviluppati biex il-korpi regolatorji jiġu ggwidati fit-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom dwar l-estensjonijiet tat-tul tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari.

    (8) L-Istati Membri diġà implimentaw miżuri li jippermettulhom li jiksbu livell għoli ta’ sikurezza nukleari fil-Komunità.

    (9) It-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari jeħtieġ li s-sistemi ta’ ġestjoni stabbiliti u l-pussessuri tal-liċenzji jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza għall-pubbliku ġenerali.

    (10) Il-prinċipji fundamentali u r-rekwiżiti stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) jikkostitwixxu qafas ta’ prattiċi li fuqu għandhom jiġu bbażati r-rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza. L-Istati Membri taw kontribut kbir għat-titjib ta' dawn il-prinċipji fundamentali u rekwiżiti.

    (11) L-awtoritajiet nażżjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri b’impjanti tal-enerġija nukleari fit-territorju tagħhom ħadmu flimkien fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) u ddefinixxew bosta livelli ta’ referenza tas-sikurezza komuni għal reatturi tal-enerġija bl-għan li r-rekwiżiti nazzjonali jiġu allinjati sas-sena 2010.

    (12) Minkejja l-armonizzazzjoni eżistenti, il-proċeduri u l-prattiċi tas-sikurezza nukleari xorta jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Bħalissa, id-diversità fil-miżuri ma tiżgurax li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa tal-Artikolu 2(b) tat-Trattat qed jiġu applikati fil-Komunità bl-iżjed mod koerenti. Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, billi daħlet fil-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari li daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Ottubru 1996, ikkommettiet ruħha li tirrispetta livell għoli rikonoxxut internazzjonalment ta’ sikurezza nukleari[27]. Sabiex il-Komunità tiżgura li l-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni jiddaħħlu fis-seħħ fil-livell tal-Komunità u li jiġu applikat standards tas-sikurezza uniformi kif meħtieġa mill-Artikolu 2(b) tat-Trattat, l-istandards bażiċi għall-protezzjoni mir-radjazzjoni għandhom jiġu supplimentati bi prinċipji tas-sikurezza komuni.

    (13) L-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku, b’mod preċiż u fil-ħin, dwar kwistjonijiet importanti ta’ sikurezza nukleari għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta' trasparenza f’materji relatati mas-sikurezza ta' installazzjonijiet nukleari.

    (14) Ir-responsabbiltà nazzjonali tal-Istati Membri għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari hija l-prinċipju fundamentali li fuqu ġiet żviluppata r-regolamentazzjoni dwar is-sikurezza nukleari f'livell internazzjonali, kif approvat mill-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari. Dan il-prinċipju tar-responsabbiltà nazzjonali kif ukoll dak li bih ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza ta’ installazzjoni nukleari tibqa’ mal-pussessur ta’ liċenzja taħt il-kontroll tal-korp regolatorju nazzjonali tiegħu għandhom jittejbu permezz ta’ din id-Direttiva.

    (15) Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta’ sikurezza għal installazzjonijiet nukleari, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi regolatorji bħala awtoritajiet indipendenti. Il-korpi regolatorji għandhom jiġu pprovduti b’kompetenzi u riżorsi xierqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri tagħhom.

    (16) Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni f’intervalli ta’ żmien regolari. Fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, xieraq li dawn ikunu intervalli ta’ tliet snin.

    (17) Sabiex ittejjeb is-sikurezza nukleari b’mod kontinwu, il-Kummissjoni, meta xieraq, tista’ tippreżenta proposti lill-Kunsill biex jadottahom.

    (18) Il-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart kien ġie stabbilit[28] biex jgħin fl-ilħiq tal-għanijiet tal-Komunità fil-qasam tas-sikurezza nukleari. Għal dan il-għan, huwa għandu jappoġġja l-iżvilupp tal-istrumenti meħtieġa biex tinżamm u tiġi mtejba kontinwament is-sikurezza nukleari u li għandhom jiġu applikati għad-disinn, il-lokazzjoni, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, it-tħaddim u ż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari, li għalihom tkun meħtieġa l-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza skont il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    (19) Il-korpi regolatorji responsabbli għas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari fl-Istati Membri għandhom jikkooperaw l-aktar permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart li żviluppa għaxar prinċipji għar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari. Il-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart għandu jikkontribwixxi biex il-qafas Komunitarju tas-sikurezza nukleari jirnexxilu jilħaq l-għan tiegħu li jtejjeb is-sikurezza nukleari b’mod kontinwu.

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1 Għan u ambitu

    1. Din id-Direttiva għandha l-għan li tikseb, iżżomm u ssaħħaħ kontinwament is-sikurezza nukleari fil-Komunità u li ttejjeb ir-rwol tal-korpijiet regolatorji nazzjonali.

    2. Għandha tapplika għad-disinn, il-lokazzjoni, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, it-tħaddim u ż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari, li għalihom il-kunsiderazzjoni tas-sikurezza hi meħtieġa taħt il-qafas leġislattiv u regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom.

    4. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru biex jiddeċiedi jekk joperax il-programm nukleari ċivili tiegħu jew le.

    Artikolu 2Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “installazzjoni nukleari” tfisser impjant ta’ manifattura ta’ fjuwil nukleari, reattur tar-riċerka (fosthom muntaġġi subkritiċi u kritiċi), impjant tal-enerġija nukleari, faċilità għall-ħżin ta’ fjuwil użat, impjant ta’ arrikkament jew faċilità ta’ proċessar mill-ġdid;

    (2) “sikurezza nukleari” tfisser il-ksib, permezz ta’ miżuri meħuda bit-tir tal-prevenzjoni ta’ aċċidenti jew tat-tnaqqis ta’ konsegwenzi tal-aċċidenti, ta’ kundizzjonijiet ta’ tħaddim xieraq li jirriżultaw fi protezzjoni tal-ħaddiema, tal-pubbliku u tal-ilma, arja u ħamrija minn perikli tar-radjazzjoni eċċessivi li joħorġu minn installazzjonijiet nukleari;

    (3) “materjal radjuattiv” tfisser kwalunkwe materjal li fih radjunuklejdi li l-attività jew konċentrazzjoni tagħhom ma tistax tiġi injorata mil-lat tal-protezzjoni mir-radjazzjoni;

    (4) “żarmar” tfisser azzjonijiet amministrattivi u tekniċi li jittieħdu biex jippermettu t-tneħħija ta’ parti mill-kontrolli regolatorji, jew il-kontrolli kollha, minn installazzjoni nukleari, għajr għal repożitorju jew għal ċerti faċilitajiet nukleari li jintużaw għar-rimi ta’ residwi mix-xogħol tal-minjieri u l-ipproċessar ta’ materjal radjuattiv, li jingħalqu u ma jiżżarmawx;

    (5) “skart radjuattiv” tfisser materjal radjuattiv f’għamla ta’ gass, likwidu jew solidu li l-Istat Membru ma jipprevedi ebda użu ieħor għalih, u li jiġi kkontrollat bħala skart radjuattiv minn korp regolatorju skont il-qafas leġiżlattiv u regolatorju ta’ stat Membru;

    (6) "fjuwil użat" tfisser fjuwil nukleari li ġie irradjat u mneħħi b’mod permanenti mill-qalba tar-reattur; fjuwil użat jista’ jew jiġi kkunsidrat bħala riżorsa li tintuża li tista’ tiġi proċessata mill-ġdid jew li hi destinata għar-rimi finali mingħajr ebda użu ieħor previst u trattat bħala skart radjuattiv;

    (7) “radjazzjoni jonizzanti” tfisser it-trasferiment tal-enerġija fil-forma ta’ partikuli jew raġġi elettromanjetiċi ta’ mewġa ta’ 100 nanometru jew inqas jew frekwenza ta’ 3 x 1015 Hertz jew iżjed li kapaċi tipproduċi jonji b’mod dirett jew indirett;

    (8) “korp regolatorju" tfisser kwalunkwe korp jew korpi, awtorizzat mill-Istat Membru li jagħti f’dak l-Istat Membru liċenzji u li jissorvelja l-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-kummissjunar, it-tħaddim jew iż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari;

    (9) "liċenzja" tfisser kull awtorizzazzjoni mogħtija mill-korp regolatorju lill-applikant sabiex jagħti r-responsabbiltà għal-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-attivazzjoni, l-operazzjoni jew iż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari;

    (10) “reatturi tal-enerġija nukleari” tfisser reatturi tal-enerġija nukleari liċenzjati biex joperaw wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3Responsabbiltà u qafas għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari

    1. Ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari għandha tibqa’ mal-pussessur tal-liċenzja taħt il-kontroll tal-korp regolatorju. Il-miżuri u l-kontrolli tas-sikurezza li għandhom jiġu implimentati f’installazzjoni nukleari għandhom jiġu deċiżi biss mill-korp regolatorju u applikati mill-pussessur tal-liċenzja.

    Il-pussessur tal-liċenzja għandu jkollu r-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tul il-ħajja kollha tal-installazzjonijiet nukleari sakemm jinħeles mir-responsabbiltà tal-kontroll regolatorju. Din ir-responsabbiltà tal-possessur tal-liċenzja ma tistax tiġi delegata.

    2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas leġiżlattiv u regolatorju biex jirregolaw is-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari. Dan għandu jinkludi rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza, sistema ta’ liċenzjar u kontroll tal-installazzjonijiet nukleari, il-projbizzjoni tat-tħaddim tagħhom mingħajr liċenzja u sistema ta’ sorveljanza regolatorja li jkollha l-infurzar meħtieġ.

    Artikolu 4Korpi regolatorji

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp regolatorju jkun effettivament indipendenti minn kull organizzazzjoni li xogħlha jkun li tippromwovi, tħaddem installazzjonijiet nukleari jew tiġġustifika l-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà, kif ukoll ħieles minn kwalunkwe element li jista’ jaffettwa s-sikurezza.

    2. Il-korp regolatorju għandu jingħata l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa biex iwettaq ir-responsabbiltajiet u d-doveri tiegħu. Għandu jissorvelja u jirregola s-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari u jiżgura l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti, kundizzjonijiet u regolamenti tas-sikurezza.

    3. Il-korp regolatorju jagħti liċenżji u jimmonitorja l-applikazzjoni tagħhom dwar il-lokazzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni, il-kummissjunar, it-tħaddim jew iż-żarmar tal-installazzjonijiet nukleari.

    4. Il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li l-pussessuri tal-liċenzja jkollhom biżżejjed persunal bi kwalifiki xierqa.

    5. Mill-anqas ta’ kull għaxar snin, il-korp regolatorju għandu jissottometti ruħu u s-sistema regolatorja nazzjonali għal reviżjoni minn esperti ugwali fil-qasam bl-għan li l-infrastruttura regolatorja tiġi mtejba kontinwament.

    Artikolu 5Trasparenza

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-proċeduri u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza relatati mas-sikurezza nukleari. Għandhom jiżguraw ukoll li l-korpi regolatorji jinfurmaw lill-pubbliku b’mod effettiv dwar l-oqsma tal-kompetenza tagħhom. Għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni, skont l-obbligi nazzjonali u internazzjonali rilevanti

    Artikolu 6Rekwiżiti tas-sikurezza u regolamenti għal installazzjonijiet nukleari

    1. l-Istati Membri għandhom iħarsu l-prinċipji findamentaqli tas-sikurezza tal-IAEA (Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA: Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, Standard tas-Sikurezza IAEA Nru SF-1 (2006). Għandhom josservaw l-obbligi u r-rekwiżiti inkorporati fil-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (IAEA INFCIRC 449 tal-5 ta’ Lulju 1994).

    B’mod partikolari għandom jiżguraw li l-prinċipji applikabbli stipulati fil-prinċipji fundamentali tas-sikurezza tal-IAEA jiġu implimentati sabiex jassiguraw livell għoli ta’ sikurezza fl-installazzjonijiet nukleari, li jinkludu inter alia arranġamenti effettivi kontra l-perikli radjoloġiċi possibbli, il-prevenzjoni u r-reazzjoni għal-aċċidenti, il-ġestjoni tal-qdim tal-impjant, il-ġestjoni fuq perjodu taż-żmien twil tal-materjali kollha radjuattivi prodotti u informazzjoni dwar il-popolazzjoni u l-awtoritajiet tal-Istati tal-madwar.

    2. Fir-rigward tas-sikurezza ta’ reatturi tal-enerġija nukleari ġodda, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jiżviluppaw rekwiżiti addizzjonali tas-sikurezza, f'konformità mat-titjib kontinwu tas-sikurezza abbażi tal-livelli ta’ sikurezza żviluppati mill-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA) u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart.

    Artikolu 7Obbligi tal-pussessuri tal-liċenzja

    1. Il-pussessuri tal-liċenzja għandhom jiddisinjaw, jibnu, jħaddmu u jżarmaw l-installazzjonijiet nukleari tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1) u (2).

    2. Il-pussessuri tal-liċenzja għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi tal-ġestjoni li għandhom jiġu vverifikati b’mod regolari mill-korp regolatorju.

    3. Il-pussessuri tal-liċenzja għandhom jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom.

    Artikolu 8Sorveljanza

    1. Il-valutazzjonijiet, l-investigazzjonijiet, il-kontrolli u, fejn neċessarju l-azzjonijiet ta’ infurzar tas-sikurezza nukleari għandhom isiru mill-korp regolatorju fl-installazzjonijiet nukleari tul il-ħajja kollha tal-installazzjonijiet, anke waqt iż-żarmar.

    2. F’każ ta’ ksur serju jew ripetut tar-regoli tas-sikurezza fl-installazzjoni nukleari, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jirtira l-liċenzja operattiva.

    3. Il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jordna li jitwaqqaf l-operat ta’ kwalunkwe impjant nukleari fil-każ li jitqies li s-sikurezza ma tkunx garantita b’mod sħiħ

    Artikolu 9Għarfien espert dwar is-sikurezza nukleari

    L-edukazzjoni xierqa u l-opportunitajiet ta’ taħriġ għal taħriġ teoretiku u prattiku kontinwu fis-sikurezza nukleari għandhom jiġu magħmula disponibbli mill-Istati Membri separatament u permezz ta’ kooperazzjoni trans-nazzjonali.

    Artikolu 10Prijorità għas-sikurezza

    L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miżuri ta’ sikurezza aktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

    Artikolu 11Rappurtar

    L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa mhux iżjed tard minn [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ], u kull tliet snin wara. Abbażi tal-ewwel rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkompanjat, jekk xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

    Artikolu 12Traspożizzjoni

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iżjed tard minn [sentejn wara d-data msemmija fl-Artikolu 13]. Minnufih, għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 13Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 14Indirizzati

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] KUMM(2003) 32 u KUMM(2004) 526.

    [2] INFCIRC/449

    [3] Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA: Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, Standard tas-Sikurezza IAEA Nru SF-1 (2006)

    [4] ĠU Nru C 185 tal-14 ta’ Awwissu 1975, p. 1.

    [5] ĠU Nru C 172 tat-8 ta’ Lulju 1992, p. 2.

    [6] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sikurezza nukleari u l-ġestjoni sigura tal-karburant nukleari użat u l-iskart radjuattiv (10823/04); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sikurezza Nukleari u l-ġestjoni Sigura tal-karburant nukleari użat u l-iskart radjuattiv (8784/07)

    [7] Rapport Maldeikis dwar il-50 sena tat-Trattat Euratom (A6-0129/2007) u r-rapport Reul dwar l-enerġiji konvenzjonali (A6-0348/2007)

    [8] KUMM(2003) 32.

    [9] 10823/04

    [10] SEG(2008) 2892.

    [11] http://www.wenra.org

    [12] Il-WPNS ġie attivat mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kwistjonijiet Atomiċi (WPAQ) b’konsegwenza tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sikurezza Nukleari u l-ġestjoni Sigura tal-fjuwil nukleari użat u skart radjuattiv (10823/04)

    [13] 15475/2/06 REV2

    [14] 15475/2/06 REV 2 ADD 1, 15475/2/06 REV 2 ADD 2, 15475/2/06 REV 2 ADD 3

    [15] 7224/1/07 REV 1

    [16] 8784/07

    [17] A6-0129/2007

    [18] ĠU L 195, 27.7.2007, p. 44.

    [19] KUMM(2003) 32.

    [20] Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza tal-IAEA: Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, Standard tas-Sikurezza IAEA Nru SF-1 (2006).

    [21] ĠU C […], […], p. […]

    [22] ĠU C […], […], p. […]

    [23] ĠU C […], […], p. […]

    [24] ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

    [25] ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

    [26] ĠU L 357, 7.12.1989, p. 31.

    [27] Il-Ftehim Inter-istituzzjonali dwar il-kooperazzjoni inter-istituzzjonali fil-qafas tal-Konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha huma partijiet, japplikaw f’dan il-kuntest.

    [28] ĠU L 195, 27.7.2007, p. 44.

    Top