Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0702

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi taxxa definittiva antidumping u li jiġbor b’mod definittiv it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    /* KUMM/2008/0702 finali */

    52008PC0702

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi taxxa definittiva antidumping u li jiġbor b’mod definittiv it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina /* KUMM/2008/0702 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 4.11.2008

    KUMM(2008) 702 finali

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jimponi taxxa definittiva antidumping u li jiġbor b’mod definittiv it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1. Kuntest tal-proposta |

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Din il-proposta titratta mal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’). |

    Kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li saret skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Mhux applikabbli. |

    Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

    2. Konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt |

    Konsultazzjoni tal-partijiet interessanti |

    Il-partijiet interessati kkonċernati diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom waqt l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

    Ġbir u użu ta’ ħila esperta |

    Ma kienx hemm bżonn għal esperti esterni. |

    Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu assigurati. |

    3. Elementi legali tal-proposta |

    Taqsira tal-azzjoni proposta Fil-5 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni bdiet proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-investigazzjoni skopriet li kien qed isir dumping tal-prodott imsemmi, li kien qed jikkawża ħsara lill-industrija tal-Komunità. L-investigazzjoni wriet ukoll li ma kienx hemm aspett ta’ interess qawwi fil-Komunità kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi antidumping. Fuq din il-bażi, ġew imposti miżuri dispożizzjonali mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 492/2008. Il-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji essenzjali. Għaldaqstant, qed jiġi ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament sabiex jimponi miżuri definittivi. |

    Bażi legali Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005. |

    Prinċipju ta’ sussidjarità Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarità għaldaqstant ma japplikax. |

    Prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għax il-forma tal-azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku hawn fuq imsemmi u ma tħallix lok għal deċiżjoni nazzjonali. |

    Indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jista’ jiġi minimizzat u jkun proporzjonali m’hijiex applikabbli. |

    Għażla ta’strumenti |

    Strument propost: Regolament. |

    Mezzi oħra ma jkunux xierqa għax ir-Regolament bażiku ma jipprevedix għal possibiltajiet alternattivi. |

    4. Implikazzjoni baġitarji |

    Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit fil-Komunità. |

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jimponi taxxa definittiva antidumping u li jiġbor b’mod definittiv it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] (ir-'Regolament bażiku'), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    5. PROĊEDURA

    5.1. MIŻURI PROVVIŻORJI

    (1) Il-Kummissjoni, permezz ta’ Regolament (KE) Nru 492/2008[2] (ir-Regolament 'provviżorju') imponiet taxxa provviżorja antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju ('MSG') li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ('RPĊ').

    5.2. PROĊEDURA SUSSEGWENTI

    (2) Sussegwentament għall-iżvelar tal-fatt u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri antidumping provviżorji ('żvelar provviżorju'), diversi partijiet interessanti għamlu sottomissjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom fuq is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu hekk ingħataw iċ-ċans li jinstemgħu. Il-Kummissjoni baqgħet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet definittiva tagħha.

    (3) Il-Kummissjoni baqgħet għaddejja bl-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-aspetti ta’ interess għall-Komunità u wettqet analiżi tal-informazzjoni provduta minn xi utenti u fornituri fil-Komunità wara l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping provviżorji.

    (4) Tqiesu l-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati u fejn meħtieġ , is-sejbiet provviżorji ġew modifikati skont dan.

    (5) Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw fir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti assigurati permezz tat-taxxa provviżorja. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar.

    (6) Qed jitfakkar li l-investigazzjoni tad-dumping u d-danni kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2006 sat-30 ta' Ġunju 2007 ('perjodu tal-investigazzjoni' jew 'PI'). Fir-rigward tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-danni, il-Kummissjoni analizzat dejta li tkopri l-perjodu minn April 2004 sal-aħħar tal-PI ('perjodu kkunsidrat').

    6. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTTI SIMILI

    (7) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u prodotti simili, il-paragrafi (12) sa (14) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    7. DUMPING

    7.1. Applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

    (8) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għal prodottur wieħed li qed jesporta fir-RPĊ, il-paragrafi (15) sa (18) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    7.2. Trattament fl-ekonomija tas-suq ('TES')

    (9) Wara l-iżvelar provviżorju, iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniża li ma ngħatawx it-TES ikkuntestaw is-sejbiet provviżorji.

    (10) Fil-każ tal-ewwel kumpanija ġie sottomess li, fl-opinjoni tagħha, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) jirrikjedu biss il-preparazzjoni ta’ kontijiet konsolidati u ma jirrikjedux li l-kontijiet konsolidati jkunu verifikati skont l-IAS.

    (11) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja diversi rikjesti, din il-kumpanija ma pprovditx id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati rilevanti, inkluż ir-rapport tal-awdituri la fil-formola għat-talba għat-TES u lanqas waqt iż-żjara fuq il-post fir-RPĊ. L-IAS jitkellmu dwar u jispjegaw prinċipji tal-kontabilità miftiehma internazzjonalment u jipprovdu direzzjoni ta’ kif għandhom jiġu applikati. It-twettiq ta’ verifika tar-rekords tal-kontabilità skont l-IAS ikun ifisser li l-verifika tassigura li r-rekords tal-kontabilità kienu preparati u ppreżentati skont l-IAS u li jikkonformaw magħhom. F’każ ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji, ir-rapport tal-verifika għandu jsemmi l-impatt tan-nuqqas ta’ konformità u r-raġunijiet għala l-prinċipji IAS ma kinux ġew applikati. IAS 27, b’mod partikolari, jispjega b’mod ċar il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpaniji għandhom jippreparaw u jippreżentaw il-kontijiet konsolidati tagħhom. Il-kumpanija ma tikkontendix li dawn il-kundizzjonijiet kienu applikabbli għaliha fil-kuntest tal-investigazzjoni tat-TES.

    (12) L-Artikolu 2(7)(c) it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku b’mod ċar jipprovi li l-kumpaniji li japplikaw għal TES għandu jkollhom rekords tal-kontabilità bażiċi li huma vverifikati b’mod indipendenti skont l-IAS u applikati għall-għanijiet kollha. Għaldaqstant jidher ċar li l-kontijiet mhux biss għandhom jiġu preparati iżda wkoll vverifikati skont l-IAS. In-nuqqas ta’ verifika skont l-IAS ma jħallix lill-Kummissjoni tistabilixxi jekk il-kontijiet kinux preparati skont l-IAS. Fuq din il-bażi biss ma setax jiġi konkluż li t-tieni kriterju kien intlaħaq.

    (13) L-istess produttur esportatur barra minn hekk qal li fil-fehma tiegħu it-tpaċija tad-dħul mal-ispejjeż ma kinitx ta’ natura materjali u li n-nuqqas ta’ żvelar ma kienx jinfluwenza d-deċiżjoni ekonomika tal-utenti meħuda fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant ma kienx hemm ksur tal-IAS.

    (14) Din il-klejm madankollu tidher li tikkontradixxi l-ewwel waħda li saret li l-kontijiet għandhom jiġu preparati iżda mhux ivverifikati skont l-IAS. Kieku dan kien il-każ, il-kumpaniji nnifishom, u mhux awdituri kompetenti u indipendenti kif meħtieġa skont l-Artikolu 2(7)(c), jagħmlu l-valutazzjoni ta’ jekk it-tpaċija tistax tkun projbita, jekk id-dħul u l-ispejjeż kinux ta’ natura materjali, jekk din it-tpaċija tistax tinfluwenza d-deċiżjoni ekonomika tal-utenti u jekk din it-tpaċija tnaqqasx mill-abbiltà tal-utenti li jifhmu t-transazzjonijiet li jkunu ttieħdu.

    (15) Barra minn dan, filwaqt li għandu jiġi aċċettat li l-kunċett tal-"materjalità" iħalli lok għall-interpretazzjoni, il-paragrafu 30 tal-IAS 1 jipprovdi li oġġetti li m’huwiex materjali b’mod sodisfaċenti li jistħoqqlu preżentazzjoni separata fejn jidħlu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, jistgħu madankollu jitqiesu li huma materjali sodisfaċenti li għandhom jiġu preżentati b’mod separat fin-noti. Għaldaqstant, minħabba l-fatt li t-tpaċija ma kinitx imsemmija fir-rapport tal-verifika u lanqas fin-noti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija, qed jiġi kkonfermat li l-kontijiet tal-kumpanija ma kinux verifikati skont l-IAS.

    (16) Barra minn hekk, it-tpaċija inkwistjoni kienet dik li ġiet skoperta mill-investigaturi tal-Kummissjoni. Verifika fil-fond biss setgħet tiżvela jekk kienx hemm każijiet oħra fejn il-kontijiet ma kinux preparati u vverifikati skont l-IAS. Fin-nuqqas ta’ verifika ta’ din ix-xorta, il-Kummissjoni m’għandhiex iż-żmien materjali, u lanqas m’hu l-iskop taż-żjara fuq il-post, li jiġu vverifikati l-kontijiet u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-kumpaniji. Għaldaqstant, is-sejbiet tal-Kummissjoni li juru li l-kumpaniji, li jitolbu t-TES, jonqsu milli joneraw ir-rekwiżiti tar-Regolamenti bażiċi li jippreparaw rekords tal-kontabilità u jassiguraw li l-kontijiet huma preparati u vverifikati skont l-IAS iwasslu għall-konklużjoni li t-tieni kriterju ma ġiex onerat.

    (17) Fl-aħħar, l-istess kumpanija ma taqbilx mal-konklużjoni li kapital tan-negozju negattiv flimkien ma’ self mingħajr interessi għandhom jitqiesu bħala tagħwiġ li ġej mis-sistema mhux tal-ekonomija tas-suq li kien hemm qabel iżda minflok sinjal ta’ effiċjenza maniġerjali.

    (18) Għandu l-ewwelnett jiġi nnutat li s-sejbiet relatati mal-kapital tan-negozju negattiv kienu sejbiet sussidjarji u ma kinux dawk ewlenin li wasslu għall-konklużjoni li l-applikant ma kienx jissodisfa l-kriterju tat-TES. It-tieni, kapital tan-negozju negattiv waħdu jista’ jkun sinjal ta’ effiċjenza maniġerjali iżda biss f’negozju b’inventarju baxx u invojsis baxxi, li bażikament jistgħu jinstabu biss f’intrapriżi li joperaw kważi fuq bażi ta’ flus kontanti biss, bħal stabbilimenti tal-ħwienet u supermarkits. L-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ dan il-prodottur tal-esportazzjoni Ċiniż, madankollu, kienet totalment differenti. Kapital tan-negozju negattiv għandu jitqies f’dan il-każ bħala sinjal li l-kumpanija tista’ tkun qed taffaċċja l-falliment jew periklu finanzjarju serju. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, li tkun kapaċi tirċievi ammonti kbar ta’ "krediti tal-kummerċ" mingħajr spejjeż finanzjarji tkun xi ħaġa improbabbli ħafna taħt kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, is-self mingħajr interessi sinjifikanti tal-kumpanija li kien jirrapreżenta porzjon sinjifikanti tad-djun totali tagħħa f’perjodu qasir (dan tal-aħħar jirrapreżenta 80 % tad-djun totali) u li kienu jirriżultaw għal livell sinjifikanti ta’ kapital negozju negattiv għandu jitqies li mhux konformi mal-imġiba tal-ekonomija tas-suq.

    (19) Fil-każ tat-tieni kumpanija, ma ġewx provduti argumenti oħra li jibdlu s-sejbiet provviżorji fuq it-TES. B’mod partikolari, ġie kkonfermat li l-influwenza tal-azzjonist ikkontrollat mill-Istat fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanija kien sproporzjament għoli u li l-Istat qabel li jnaqqas il-valur stabbilit tad-drittijiet tal-użu tal-art b’50 % mingħajr kumpens. Ġie kkonfermat ukoll li l-kontijiet tal-kumpanija ma ġewx ivverifikati skont l-IAS.

    (20) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar it-TES, il-paragrafi (19) sa (26) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    7.3. Trattament individwali ('TI')

    (21) Parti interessata qalet li l-prattiċi antikompetittivi u l-interferenxa tal-Istat kienu se jiskoraġġixxu l-evitar tal-miżuri u għaldaqstant l-ebda mill-prodotturi Ċiniżi m’għandhom jingħataw it-TI.

    (22) Madankollu, din il-parti interessata ma pprovdietx evidenza ta’ kif dawn il-prattiċi antikompetittivi u l-interferenza allegata mill-Istat kienu se jippermettu l-evitar ta’ dawn il-miżuri. Barra dan, l-investigazzjoni żvelat li kwalunkwe interferenza teoretika mill-Istat kienet tkun possibbli biss permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Fermentazzjoni fiċ-Ċina li tagħha ż-żewġ produtturi esportaturi huma membri. Madankollu, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha meħuda minn din l-Assoċjazzjoni kienu ta’ natura li ma jorbtux. Għaldaqstant, din il-klejm ġiet irrifjutata.

    (23) Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra fir-rigward tat-TI, il-paragrafi (27) sa (29) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    7.4. Valur normali

    7.4.1. Pajjiż analogu

    (24) Parti interessata kkontestat l-għażla magħmula mill-Kummissjoni biex tuża t-Tajlandja bħala pajjiż analogu u, b’mod partikolari, il-prodottur Ajinomoto Thailand, li għandu x’jaqsam mal-prodottur tal-Komunità. Madankollu, l-argumenti u l-kummenti minn din il-parti ġew sottomessi qabel il-limitu taż-żmien speċifiku għas-sottomissjoni tal-kummenti[3], iżda b’mod iżjed importanti ġew provduti mingħajr ma ġew sostanzjati. Għaldaqstant, dawn il-kummenti kellhom jiġu injorati.

    (25) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-pajjiż analogu, qed jiġu kkonfermati l-paragrafi (30) sa (34) tar-Regolament provviżorju.

    7.4.2. Metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali

    (26) Prodottur tal-esportazzjoni Ċiniż qal li għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispejjeż tal-materjali naturali. B’mod partikolari dan il-prodottur tal-esportazzjoni allega li l-MSG prodott mill-ġulepp magħqud kien jiswa iżjed minn MSG prodott mill-qamħirrum jew il-lamtu tar-ross.

    (27) Madankollu, jidher li l-prodottur tal-esportazzjoni Ċiniż esaġera b’mod sinjifikanti il-proporzjon bejn id-dħul tal-ġulepp magħqud u l-produzzjoni tal-MSG meta mqabbel ma dak li nstab u ġie vverifikat fil-produttur li kkopera fil-pajjiż analogu. Għaldaqstant, il-klejm li dan kien jiswa iżjed li jiġi prodott l-MSG fil-pajjiż analogu kellha tiġi rrifjutata.

    (28) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra li jikkonċernaw il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali, il-paragrafu (35) tar-Regolament provviżorju qed jiġi hawnhekk ikkonfermat.

    7.5. Prezz tal-esportazzjoni

    (29) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezz tal-esportazzjoni, li kienu jibdlu s-sejbiet fl-istadju provviżorju, il-paragrafi (36) sa (37) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    7.6. Tqabbil

    (30) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar it-tqabbil, il-paragrafi (38) sa (39) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    7.7. Marġini tad-dumping

    (31) Għall-kumpaniji li jingħataw it-TI, il-valur normali medju kwalifikat tqabbel mal-prezz medju kwalifikat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, kif provdut fl-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

    (32) Fuq din il-bażi, il-marġini tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, taxxa mhux imħallsa, huma:

    - Fujian Province Jianyang Wuyi MSG Co., Ltd.: 36,5 %

    - Hebei Meihua MSG Group Co., Ltd., u Tongliao Meihua Bio-Tech Co., Ltd.: 33,8 %

    (33) Il-bażi biex jiġu stabbiliti l-marġini tad-dumping fil-pajjiż ġiet stabbilita fil-paragrafu (42) tar-Regolament provviżorju, li, fin-nuqqas ta’ kummenti, qed tiġi hawnhekk ikkonfermata. Fuq din il-bażi il-livell ta’ dumping fil-pajjiż ġie stabbilit bħala 39,7 % tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, taxxa mhux imħallsa.

    8. DANNI

    8.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Komunità

    (34) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Komnunità, paragrafi (44) sa (46) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawn ikkonfermati.

    8.2. Konsum fil-Komunità

    (35) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum fil-Komunità, il-paragrafu (47) tar-Regolament provviżorju qed jiġi hawnhekk ikkonfermat.

    8.3. Importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ

    (36) Wara l-iżvelar provviżorju, wieħed mill-importaturi tal-Komunità qal li s-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tibdil fil-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż fil-perjodu kkunsidrat kienu mgħawġa minħabba li ntużaw snin finanzjarji minflok snin kalendari. Il-perjodu kkunsidrat beda fl-1 ta' April 2004 filwaqt li l-użu tas-snin kalendari kien ifisser li l-perjodu kien jibda fl-1 ta' Jannar 2004. Skont id-dejta preżentata mill-kumpanija, din il-bidla fil-punt tal-bidu kienet turi żieda ta' 12 % fil-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi bejn is-sena kalendarja 2004 u l-PI meta mqabbla mat-tmaqqis żgħir rappurtat fil-paragrafu (50) tar-Regolament provviżorju. Madankollu, għandu jiġi nnutata li d-dejta preżentata mill-importatur kienet ibbażata fuq il-prezzijiet tal-xiri totali tiegħu li naturalment kienu jkopru biss parti mill-esportazzjonijiet Ċiniżi fil-Komunità. Wara li ġiet eżaminata d-dejta fir-rigward tal-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet kollha tal-MSG mir-RPĊ, ibbażati fuq l-Eurostat, instab li l-prezzijiet Ċiniżi rilevanti żdiedu biss b’0.5 % minn Jannar 2004 sal-aħħar tal-PI u mhux bi 12 % kif indikat mill-importatur. Id-differenza fit-tendenza tal-prezzijiet bejn dak li nstab għall-perjodu kkunsidrat (tnaqqis ta’ 2 %) u dak għall-perjodu minn Jannar 2004 sal-aħħar tal-PI (żieda ta' 0,5 %) m’hijiex tali li tibdel il-konklużjonijiet mislta fir-rigward tal-effett ta’ dawn il-prezzijiet fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità. Għaldaqstant din il-klejm kellha tiġi rrifjutata.

    (37) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ, il-parargrafi (48) sa (52) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    8.4. Sitwazzjoni ekonomika tal-Industrija tal-Komunità

    (38) Ċertu partijiet interessati esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-analiżi tat-tendenzi tal-indikaturi tad-danni. Huma qali li l-perjodu ta’ 12-il xahar ibbażati fuq is-sena finanzjarja ta’ min għamel l-ilment minflok fuq is-snin kalendari effettivament qassru l-perjodu li ġie kkunsidrat għal tliet snin peress li s-sena finanzjarja 2007, fil-biċċa l-kbira tagħha, tisporġi mal-IP. Dawn il-partijiet qalu li sabiex issir stima tat-tendenzi tal-indikaturi tad-dannu, il-perjodu kkunsidrat għandu jiġi prolongat sabiex ikopri s-sena kalendari sħiħa 2004. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li r-Regolament bażiku ma jipprovdix għal skeda orarja stretta dwar id-definizzjoni tal-perjodu kkunsidrat. Barra minn dan, ir-Rakkomandazzjoni tad-WTO dwar il-perjodi tal-ġbir tad-dejta għal investigazzjonijiet antidumping tipprovdi li " Bħala regola ġenerali,[…] il-perjodu għall-ġbir tad-dejta għal investigazzjonijiet tad-danni normalment għandu jkun mill-inqas ta’ tliet snin[…]. "[4] Madankollu, saret analiżi komparattiva tal-indikaturi tad-dannu bażiċi fuq bażi ta’ sena kalendari, i.e. saret preżeunzjoni li l-perjodu kunsidrat ta’ 2004, 2005, 2006 u l-PIP, sabiex jiġi vverifikat jekk konklużjonijiet differenti għandhomx isiru fir-rigward tad-danni. L-analiżi wriet li t-tendenzi tal-indikaturi tad-danni ewlenija ma jinbidlux sinifikament. Avolja ċertu tendenzi fosthom it-tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ ikunu inqas jolqtu l’għajn meta mqabbla mal-konklużjonijiet fir-Regolament provviżorju, sejbiet oħra relatati mal-profittabilità negattiva tal-industrija tal-Komunità, iż-żieda kbira fl-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-qtugħ qawwi fil-prezzijiet jibqgħu mhux mibdula. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-perjodu kkunsidrat iservi bħala indikatur tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità sabiex jiġi determinat jekk tistax titqies li qed issofri minn dannu materjali waqt l-IP. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-argument tal-partijiet hu rrifjutat fuq il-bażi li l-istampa tad-dannu kienet tibqa’ turi dannu materjali anke jekk il-perjodu kkunsidrat kien ġie estiż bl-ewwel trimestru tal-2004.

    (39) Barra dan, min għamel l-iment ikkumenta fuq il-kliem tal-paragrafu (60) tar-Regolament provviżorju. Min għamel l-ilment indika li s-sentenza "l-akkwist ta’ Orsan SA minn Ajinomoto Foods Europe" ma kinitx korretta peress li Orsan SA kienet ġiet akkwistata minn Ajinomoto Group u sussegwentament mogħtija l-isem ġdid Ajinomoto Foods Europe.

    (40) Skont dawn il-fatti u kunsiderazzjonijiet, il-konklużjoni li l-industrija tal-Komunità sofriet danni materjali, kif imsemmi fil-paragrafi (70) sa (72) tar-Regolament provviżorju, qed jiġi hawnhekk ikkonfermat.

    9. KAWŻALITÀ

    9.1. Effetti ta’ importazzjonijiet dumped

    (41) Parti interessata qalet li waqt il-perjodu kkunsidrat ma kienx hemm kumbinazzjoni fiż-żmien bejn it-tendenza negattiva fil-profittabilità osservata għall-industrija tal-Komunità u l-iżvilupp fil-volumi tal-import mir-RPĊ. Għaldaqstant, intqal li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma setgħux jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Komunità. Avolja din il-kwistjoni kienet spjegata fid-dettall fil-paragrafi 60) u (61) tar-Regolament provviżorju, qed jiġi barra minn hekk innutat, skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, li m’humiex biss il-volumi tal-importazzjonijiet dumped li jistgħu jkunu fattur rilevanti fil-valutazzjoni ta’ jekk l-importazzjonijiet dumped kinux il-kawża tad-dannu materjali lill-industrija tal-Komunità, iżda wkoll, bħala alternattiva, il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet. Fil-paragrafu (76) tar-Regolament provviżorju ġie konkluż li "[…] l-importazzjonijiet dumped bi prezz baxx mir-RPĊ li b’mod sinifikattiv waqqa’ l-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità waqt l-IP, u li żied b’mod sinifikattiv żied il-volum, kellhom irwol determinanti fid-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità ". Meta wieħed iqis l-iżvilupp tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet dumped waqt il-perjodu kkunsidrat, għandu jitqies li din il-klejm tiġi rrifjutata.

    (42) Parti interessata oħra qalet li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-MSG mir-RPĊ fil-perjodu kkunsidrat ma affetwatx is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità peress li dawn l-importazzjonijiet kienu qegħdin primarjament jibdlu importazzjonijiet minn sorsi oħra.

    (43) F’dan ir-rigward qed jipi mfakkar li, avolja l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-MSG sa ċertu punt ħadu post l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, kif spjegat fil-paragrafu (57) tar-Regolament provviżorju, importazzjonijiet dumped bi prezz baxx mir-RPĊ b’mod konsistenti rnexxielhom jiggwadanjaw is-sehem fis-suq anke a spejjeż tal-industrija tal-Komunità anke meta l-konsum fil-Komunità kien qed jonqos. Barra minn dan, din il-klejm mhix appoġġjata mis-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni li wriet li ż-żieda f’daqqa ta’ importazzjonijiet dumped bi prezz baxxa mir-RPĊ li b’mod sinjifikanti waqqa’ l-prezz tal-industrija tal-Komunità wassal għal sitwazzjoni ta’ dannu materjali soffert mill-industrija tal-Komunità waqt il-perjodu kkunsidrat. Fuq din il-bażi, din il-klejm għandha tiġi rrifjutata.

    (44) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar dan, il-paragrafi (74) sa (76) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    9.2. Effetti ta’ fatturi oħra

    (45) Diversi partijiet interessati tennew il-klejms li nġiebu qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji li d-dannu materjali soffert mill-industrija tal-Komunità kien ikkawżat minn fatturi oħra apparti l-importazzjonijiet dumped. Dawn il-klejms, li jirrigwardaw speċifikament l-ispejjeż tar-ristrutturar u ż-żieda fl-ispejjeż tal-materjali naturali li allegatament jaffetwaw l-industrija tal-Komunità, kienu diġà ġew indirizzati fil-paragrafi (60) u (61) tar-Regolament provviżorju.

    (46) Parti interessata tenniet il-klejms magħmula qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji li kwalunkwe dannu materjali soffert mill-industrija tal-Komunità jista’ wkoll jiġi kkawżat minn esportazzjonijiet tal-MSG mir-RPĊ magħmula minn kumpaniji relatati mal-industrija tal-Komunità. Barra minn hekk, din il-parti qalet li min għamel l-ilment kien żgwida lill-Kummissjoni billi ma żvelax l-eżistenza tal-kumpaniji relatati fir-RPĊ u billi ħeba l-fatt li dawn il-kumpaniji relatati fiċ-Ċina kienu jesportaw MSG lill-Komunità. Fuq din il-bażi, din il-parti qieset li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għandu jiġi applikat għall-ilment. L-istess parti barra minn hekk qalet li kien hemm ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża għax il-verżjonijiet tal-ilment u t-tweġiba tal-kwestjonarju ta’ min għamel l-ilment għall-ispezzjoni minn partijiet interessati ('verżjoni miftuħa') ma żvelax il-fatt li min għamel l-ilment għandu kumpaniji relatati fir-RPĊ li kienu nvoluti fin-negozju MSG.

    (47) Kif diġà spjegat fil-paragrafu (94) tar-Regolament provviżorju, il-kwistjoni tal-esportazzjonijiet tal-MSG lill-Komunità bi prodottur wieħed fir-RPĊ li hu magħruf li hu relatat mal-industrija tal-Komunità ma tqisitx li hi rilevanti minħabba l-volum insinjifikanti tagħhom. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-ilment ma kienx jipprovdi informazzjoni li tiżgwida lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kumpaniji relatati magħha fir-RPĊ. Din l-informazzjoni ġiet rappurtata fil-verżjonijiet kunfidenzjali tal-ilment u fit-tweġiba għall-kwestjonarju minn min għamel l-ilment. Hu fatt li din l-informazzjoni ma kinitx oriġinarjament inkluża fil-verżjoni miftuħa tal-ilment jew fil-verżjoni miftuħa tat-tweġiba tal-kwestjonarju minn min għamel l-ilment. Madankollu, min għamel l-ilment provda verżonijiet miftuħa inkluża informazzjoni fuq il-kumpaniji relatati fir-RPĊ wara l-proċedura. F’dawn iċ-ċirkostanzi, hu meqjus li ma seħħ l-ebda ksur tad-dritt tad-difiża tal-partijiet. Barra minn dan, ma ġiet preżentata l-ebda evidenza konvinċenti li tista’ tappoġġja l-klejm li l-Ajinomoto Group kien konxju tal-allegata attività tal-esportazzjoni indiretta ta’ waħda mill-kumpaniji Ċiniżi relatati. Għaldaqstant, hu meqjus li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku ma japplikax f’din is-sitwazzjoni u l-klejm hi rrifjutata.

    (48) Waħda mill-partijiet interessati tenniet li l-klejms impoġġija 'il quddiem qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar l-impatt tar-rata tal-kambju tad-dollaru Amerikan kontra l-euro dwar il-kalkoli li jwaqqgħu l-prezzijiet u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Komunità. Madankollu, ma ġiet provduta l-ebda informazzjoni jew evidenza addizzjonali li kienet se tibdel il-konklużjonijiet milħuqa fil-paragrafi (84) sa (90) tar-Regolament provviżorju li qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    (49) Parti interessata tenniet il-klejm tagħha qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar l-impatt tal-istrateġija globali tal-Ajinomoto Group, b’mod partikolari esportazzjonijiet għas-suq tal-UE mill-prodotturi tal-MSG f’terzi pajjiżi li s-sidien tagħhom huma Ajinomoto, u l-impatt ta’ dawn fuq il-profitti ta’ min għamel l-ilment u l-livell tal-istokk. Fil-paragrafu (92) tar-Regolament provviżorju ntqal li l-bejgħ tal-MSG fuq is-suq tal-Komunità li joriġina minn esportaturi relatati mal-industrija tal-Komunità f’pajjiżi barra mill-Komunità kiet qiegħed b’mod kostanti u sinifikattiv jonqos matul il-perjodu kkunsidrat. B’konsegwenza, ġie konkluż fil-paragrafu (95) ta’ dak ir-regolament li l-importazzjonijiet tal-industrija tal-Komunità minn partijiet relatati minn barra l-Komunità ma kkontribwewx mad-dannu materjali li nstab. Din il-parti ma pprovdietx iżjed informazzjoni jew evidenza li jistgħu jibdlu din il-konklużjoni li qed tiġi hawnhekk ikkonfermata.

    9.3. Konklużjoni fuq il-kawżalità

    (50) Meta wieħed iqis l-analiżi hawn fuq imsemmija li b’mod ċar iddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi l-oħra kollha magħrufa dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet dumped, qed jiġi hawnhekk ikkonfermat li dawn il-fatturi l-oħra ma jieħdux lura l-fatt li d-dannu materjali għandu jkun attribwit mal-importazzjonijiet dumped.

    (51) Wara li jitqies ta’ hawn fuq, huwa konluż li l-prodotti importati dumped tal-MSG li joriġinaw fir-RPĊ ikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità fit-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    (52) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rispett, il-konklużjonijiet fil-paragrafi (99) sa (100) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

    10. INTERESS FIL-KOMUNITÀ

    10.1. Interess tal-industrija tal-Komunità

    (53) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward partikolari, is-sejbien stabbilit fil-paragrafi (103) sa (106) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk konfermati.

    10.2. Interess tal-importaturi

    (54) Importatur qal li l-impatt negattiv li l-miżuri antidumping jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni ekonomika kien sottovalutat fil-paragrafu (108) tar-Regolament provviżorju. Skont il-kumpanija, minħabba l-profittabilità tal-bejgħ tagħha tal-MSG u l-possibilità limitata taż-żieda fil-prezz lill-klijenti tagħha, l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping tfisser l-għeluq tan-negozju tagħha fl-MSG. Għandu jiġi nnutat li n-negozju tal-MSG ma jirrapreżentax sehem ewlieni tal-attività tal-importatur imsemmi li hi primarjament il-bejgħ tal-MSG tagħha mir-RPĊ. L-importatur in kwistjoni għandu l-għażla li jaqleb għal sorsi oħra ta’ provvista li m’humiex affetwati mill-miżuri antidumping. Madankollu, kif imsemmi fil-paragrafu (108) tar-Regolament provviżorju, l-effett mistenni bl-impożizzjoni tal-miżuri se jkun li jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet tan-negozju effettivi fis-suq tal-Komunità, li f’dan il-każ jista’ jwasslu għal prezzijiet miżjuda tal-MSG, b’mod partikolari mill-industrija tal-Komunità u mir-RPĊ. Għaldaqstant, hu mistenni li l-importaturi kollha għandhom ikunu kapaċi li jgħaddu lil ħaddieħr almenu parti miż-żieda fl-ispejjeż tagħhom li jirriżultaw mill-impożizzjoni tal-miżuri antidumping. Fuq din il-bażi, il-konklużjoni milħuqa fil-paragrafu (108) tar-Regolament provviżorju qed tiġi għaldaqstant ikkonfermata.

    10.3. Interess tal-utenti

    (55) Wara l-kummenti magħmula minn partijiet interessati dwar l-impatt possibbli tal-miżuri proposti fuq l-utenti, saret iżjed analiżi fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-utenti ewlenija tal-MSG fil-Komunità, jiġiferi Nestle u Unilever. L-investigazzjoni wriet li l-MSG tirrapreżenta inqas minn 3 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodotti li kollha li fihom l-MSG prodotti miż-żewġ kumpaniji. Għaldaqstant, wara li jiġu kkunsidrati l-indikazzjonijiet dwar ir-rati tal-profitt medji li huma relattivament għolja li ż-żewġ kumpaniji jkunu laħqu waqt il-PI b’mod partikolari minn dawn il-prodotti, jista’ jiġi kkonfermat li l-impatt possibbli tal-miżuri proposta fuq l-attività tagħhom mhux se jkun sinjifikanti.

    10.4. Interess tal-fornituri tal-materjali naturali

    (56) Wara l-paragrafu (115) tar-Regolament povviżorju, l-analiżi fir-rigward tal-interessi tal-fornitur upstream tal-industrija tal-Komunità ġiet estiża biex tinkludi dejta provduta mit-tieni fornitur. Fuq il-bażi tat-tweġibiet fil-kwestjonarju provduti miż-żewġ fornituri, instab li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji fornituri kienet qalbet għall-agħar ħafna waqt il-perjodu kkunsidrat skont id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità. Il-bejgħ totali tal-fornituri investigati naqas bejn 8% sa 13% u l-bejgħ tagħhom lill-industrija tal-Komunità għadda minn tnaqqis sinjifikanti ta’ kważi d-doppju. (bejn 15 % sa 25 %). Iż-żewġ kumpaniji esperjenzaw ukoll tnaqqis fir-rati tal-profittabilità tagħhom.

    (57) Meta wieħed iqis is-sejbiet imsemmija, il-kontenut tal-paragrafu (116) tar-Regolament provviżorji qed jiġi hawnhekk ikkonfermat.

    10.5. Kompetizzjoni u effetti li jgħawġu n-negozju

    (58) Uħud mill-partijiet interessati tennew l-kummenti tagħhom dwar l-allegata pożizzjoni dominanti tal-Ajinomoto Group madwar id-dinja u l-pożizzjoni allegatament monopolistika tagħha fil-Komunità. Dawn is-suppetti kienu diġà indirizzati fil-paragrafu (117) tar-Regolament provviżorju. Ma ġiet preżentata l-ebda evidenza ġdida dwar dawn il-klejms.

    (59) Bosta partijiet interessati qajmu argumenti oħra marbuta mal-iżviluppi wara l-PI fuq is-suq tal-MSG. Huma qalu l-volumi tal-importazzjoni naqsu u l-prezzijiet żdiedu wara l-PI, biex b’hekk ġie eliminat kwalunkwe dannu potenzjali lill-industrija tal-Komunità. F’din is-sitwazzjoni, dawn il-partijiet qalu li l-impożizzjoni ta’ taxxi antidumping kienu se jagħmlu ħsara biss lill-importaturi u l-utenti fil-Komunità. Il-partijiet qajmu wkoll punt dwar l-allegat nuqqas globali tal-provvisti MSG għax, skont id-dejta tagħhom, diversi produtturi importanti madwar id-dinja ma baqgħux jipproduċu jew naqqsu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom.. Madankollu, id-dejta tal-Eurostat u l-informazzjoni addizzjonali miksuba mill-industrija tal-Komunità ma jappoġġjawx il-klejms imsemmija. Għall-kuntrarju, il-prezzijiet tal-importazzjoni baqgħu stabbli fil-perjodu wara l-PI u f’ċerti xhur anke naqsu, filwaqt li l-volumi tal-importazzjoni kemm mill-RPĊ u anke minn terzi pajjiżi żdiedu. Dan l-iżvilupp aħħari juri li xi kompetituri mhux Ċiniżi għandhom l-kapaċità li jiżviluppaw l-esportazzjonijiet tagħhom fil-Komunità.

    10.6. Konklużjoni dwar l-interess fil-Komunità

    (60) Minħabba r-riżultati ta’ din l-investigazzjoni tal-aspetti tal-interess fil-Komunità, is-sejbien u l-konklużjonijiet msemmija fil-paragrafi (119) tar-Regolament provviżorju qed jiġu kkonfermati hawnhekk.

    11. MIŻURI DEFINITTIVI ANTIDUMPING

    11.1. Livell tal-eliminazzjoni tad-dannu

    (61) Fin-nuqqas ta’ kummenti sostanzjati li jibdlu l-konklużjoni dwar il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu, il-paragrafi (120) sa (122) tar-Regolament provviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    11.2. Forma u livell tat-taxxi

    (62) Fid-dawl ta’ dak li semmejna u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu tiġi imposta taxxa definittiva antidumping f’livell suffiċjenti biex jelimina d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet dumped mingħajr ma jinqabeż il-marġin tad-dumping misjub.

    (63) Ir-rati tat-taxxa definittivi huma definittivament stabbiliti kif ġej:

    Kumpanija | Marġinu tal-eliminazzjoni tad-dannu | Marġinu tad-dumping | Rata tat-taxxa antidumping |

    Hebei Meihua MSG Group Co., Ltd., u Tongliao Meihua Bio-Tech Co., Ltd. | 54,8 % | 33,8 % | 33,8 % |

    Fujian Province Jianyang Wuyi MSG Co., Ltd. | 60,4 % | 36,5 % | 36,5 % |

    Il-kumpaniji l-oħra kollha | 63,7 % | 39,7 % | 39,7 % |

    (64) Ir-rati tat-taxxa antidumping ta’ kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għaldaqstant, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet waqt l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tat-taxxa (kif opposti għal taxxi madwar il-pajjiż applikabbli għall-"kumpaniji l-oħra kollha") huma għaldaqstant esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpaniji u għaldaqstant mill-entitajiet legali speċifikament imsemmija. Il-prodotti importati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tat-taxxa applikabbli għall-"kumpaniji l-oħra kollha".

    (65) Kull talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tat-taxxa antidumping tal-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ ġodda) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni[5] bl-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessi mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni assoċjati ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entità tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Jekk ikun meħtieġ, ir-Regolament għandu imbagħad jiġu emendat b’dan il-mod billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpaniji li qed jibbenefikaw mir-rati tat-taxxa individwali.

    11.3. Garanziji

    (66) Produttur esportatur Ċiniż li xtaq jikkoopera offra garanzija fuq il-prezz.

    (67) F’dan ir-rigward qed jiġi nnutat li l-prezzijiet MSG huma negozjati globalment ma' kumpaniji internazzjonali kbar b’faċilitajiet tal-produzzjoni ġewwa u barra l-Komunità. Qed jiġi nnutat ukoll li l-maġġoranza tal-bejgħ ta’ dan il-produttur esportatur qed isiru primarjament lil kumpaniji barranin. Minħabba dan, ġie meqjus li r-riskju tal-kumpens trasversali tal-prezzijiet bejn il-ftehim tal-bejgħ magħmul ma’ kumpaniji internazzjonali għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom fil-Komunità u għall-faċilitajiet tagħhom li jinsabu f’pajjiżi oħra barra l-Komunità hu għoli ħafna. Ġie meqjus ukoll li dan il-kumpens trasversaliikun diffiċli ħafna li jiġi maqbud fil-kwadru tas-sorveljanza tal-garanzija. Għaldaqstant, l-offerta għall-garanzija ta’ dan il-produttur esportatur, fil-forma attwali tagħha, kellha tiġi rrifjutata peress li l-aċċettanza tagħha tqieset li m’hijiex prattika minħabba l-fatt li ma setgħetx tiġi ssorveljata sew mill-Kummissjoni.

    11.4. Ġbir definittiv ta’ taxxa provviżorja u sorveljana speċjali

    (68) Minħabba l-kobor tal-marġini tad-dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell tad-dannu kkwżat lill-industrija tal-Komunità, hu meqjus neċessarju li l-ammonti assigurati permezz tat-taxxa provviżorja antidumping, imposti mir-Regolament provviżorji, jiġifieri ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 492/2008, għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-limitu tal-ammont tat-taxxa definittiva imposta.

    (69) Qed jitfakkar li jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpaniji li qed jistennew li jibbenefikaw minn rati tat-taxxa individwali iżjed baxxi, iżidu b’mod sinifikattiv il-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping, din iż-żieda għandha titqies li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fil-mudell tan-negozju minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsir tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, u sakemm jiġu onerati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra l-evitar. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia , teżamina l-bżonn għat-tneħħija ta’ rati tat-taxxa individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ taxxa applikabbli mal-pajjiż kollu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Taxxa definittiva antidumping qed tiġi hawn imposta fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (TARIC 2922 42 00 10) u li toriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    2. Ir-rata tat-taxxa definittiva antidumping applikabbli għall-prezz net ħieles mill-fruntiera tal-Komunità qabel it-taxxa, tal-prodotti manifatturati mill-kumpaniji msemmija hawn taħt għandha tkun kif ġej:

    Kumpanija | Rata tat-taxxa AD (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

    Hebei Meihua MSG Group Co., Ltd., u Tongliao Meihua Bio-Tech Co., Ltd. | 33,8 | A883 |

    Fujian Province Jianyang Wuyi MSG Co., Ltd. | 36,5 | A884 |

    Il-kumpaniji l-oħra kollha | 39,7 | A999 |

    3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar it-taxxi doganali għandhom japplikaw.

    Artikolu 2

    L-ammonti assigurati permezz ta’ taxxi provviżorji antidumping skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 492/2008 dwar l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (TARIC 2922 42 00 10) u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru definittivament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    […]

    [1] ĠU L56, 6.3.1996, p.1

    [2] ĠU L 144, 4.6.2008, p. 14.

    [3] Punt 6 (c) tal-Avviż tal-Bidu, ĠU C 206, 5.9.2007, p .23.

    [4] G/ADP/6 tas-16 ta' Mejju 2000

    [5] Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju, N105 04/092, 1049 Brussell, Belġju

    Top