EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0602

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet {SEG(2008) 2532} {SEG(2008) 2533}

/* KUMM/2008/0602 finali - COD 2008/0191 */

52008PC0602

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet {SEG(2008) 2532} {SEG(2008) 2533} /* KUMM/2008/0602 finali - COD 2008/0191 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.10.2008

KUMM(2008) 602 finali

2008/0191 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

{SE G(2008) 2532}{SEG(2008) 2533}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

Suq finanzjarju uniku fl-UE hu fattur ewlieni għall-promozzjoni tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u t-tnaqqis tal-ispejjeż kapitali tal-kumpaniji. Il-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji tal-1999 sal-2005 (l-FSAP) immira li joħloq il-bażi għal suq finanzjarju b’saħħtu fl-UE billi fittex li jilħaq tliet għanijiet strateġiċi::

- li jiġi żgurat Suq Uniku għal servizzi finanzjarji bl-ingrossa ("wholesale financial services");

- li jkun hemm swieq bl-imnut ("retail markets") miftuħin u siguri, u

- li jkun hemm regoli prudenzjali u sorveljanza mill-aktar aġġornati.

F’dan il-kuntest, f’Ġunju 2006 ġie adottat qafas ġdid għar-rekwiżiti kapitali bbażat fuq il-ftehim tal-G10 imsejjaħ "Basel II" fil-forma tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (is-CRD); din tinkludi d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE. L-għan kumplessiv tal-proposta attwali hu li jiġi żgurat li l-effettività tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali ma tkunx ippreġudikata. Ir-reviżjoni hi marbuta ma’:

- Reviżjonijiet tar-regoli li kienu tressqu f’direttivi preċedenti, bħalma kienu r-reġim tal-iskoperturi l-kbar u derogi mir-rekwiżiti prudenzjali għal netwerks ta’ banek;

- Il-ħolqien ta’ prinċipji u regoli li ma kinux ġew ifformalizzati fuq il-livell tal-UE bħalma hu t-trattament ta’ strumenti kapitali ibridi fl-ambitu tal-fondi proprji oriġinali;

- L-iċċarar tal-qafas ta’ sorveljanza għall-ġestjoni tal-kriżijiet u t-twaqqif ta’ kulleġġi għat-tisħiħ kemm tal-effiċjenza kif ukoll tal-effettività tas-sorveljanza.

It-taqlib fis-suq finanzjarju li beda fl-2007 wassal għall-eżaminar mill-ġdid ta’ ċerti setturi oħra u dan bil-għan li jiġi żgurat ħarsien xieraq tal-interessi tal-kredituri u l-istabbiltà finanzjarja globali.

L-inkonsistenzi li ġew identifikati waqt il-fażi ta’ traspożizzjoni tas-CRD jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jiġi żgurat li l-effettività tal-għanijiet li fuqhom hija msejsa s-CRD ma tkunx ippreġudikata. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-inkonsistenzi huma ta’ natura teknika u ġew koperti minn miżuri separati tal-komitoloġija.

2. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Bejn is-16 ta’ April u s-17 ta’ Ġunju 2008 ġiet organizzata konsultazzjoni miftuħa fuq l-Internet. Il-Kummissjoni rċeviet 118-il tweġiba. Ħlief għal dawk it-tweġibiet li min bagħathom iddikjarahom bħala kunfidenzjali, it-tweġibiet kollha jinsabu fis-sit li ġej:

http://circa.europa.eu/Public/irc/markt/markt_consultations/library?l=/financial_services/cross-sector_issues&vm=detailed&sb=Title

Tliet kwistjonijiet tqajmu minn ħafna minn dawk li wieġbu u għalhekk dawn il-kwistjonijiet jixirqilhom attenzjoni partikulari.

2.1. L-iskoperturi kbar interbankarji

Il-Kummissjoni temmen li l-iskoperturi interbankarji mhumiex ħielsa mir-riskji u għandhom ikunu ġestiti bil-prudenza. Il-Kummissjoni tipproponi li l-iskoperturi interbankarji kollha jiġu llimitati għal 25 % tal-fondi proprji jew limitu alternattiv ta' EUR 150 miljun, skont liema tkun l-ogħla.

2.2. Ir-rekwiżiti kapitali għat-titolizzazzjoni

Id-dokument ta’ konsultazzjoni inkluda rekwiżit li l-oriġinaturi jrid ikollhom ċertu perċentwal ta’ kapital għall-iskoperturi li huma jkunu qed jittitolizzaw. Bi tweġiba għall-konsultazzjoni, issa qed jiġi propost li l-oriġinaturi u l-finanzjaturi għandhom ikunu obbligati jżommu sehem mir-riskji u li l-investituri għandhom jiżguraw li dan l-obbligu jkun ġie rrispettat fil-verità. Filwaqt li tikkunsidra t-tweġibiet għal konsultazzjoni pubblika oħra, il-Kummissjoni tisħaq fuq in-neċessità tagħha għal miżura dimostrabbli ta’ diliġenza u rigorożità dovuti fil-każ tal-mudell tan-negozju msejjaħ "oriġina u ddistribwixxi".

2.3. Il-kulleġġi tas-superviżuri

Id-dokument ta’ konsultazzjoni introduċa l-ħtieġa għall-ħolqien ta’ “kulleġġi” tas-superviżuri għall-banek transkonfinali kollha u ħtieġ lis-superviżuri li jipparteċipaw f’dawn il-kulleġġi jiddiskutu u jaqblu dwar kwistjonijiet speċifiċi b'mekkaniżmu ta’ medjazzjoni li ma jorbotx permezz tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (is-CEBS) mingħajr ma tinbidel l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn is-superviżuri oriġinali u dawk ospitanti.

Għal raġunijiet differenti, il-biċċa l-kbira mill-partijiet interessati dehrilhom li din il-proposta ma kenitx sodisfaċenti.

Li l-kulleġġi jibqgħu effettivi u effiċjenti fis-superviżjoni tagħhom tal-gruppi bankarji huwa ta’ importanza fundamentali. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li ż-żieda fil-flussi tat-tagħrif għandha tkun akkumpanjata mid-deċiżjoni eventwali biex żewġ aspetti ewlenin jiġu fdati f’idejn is-superviżur ta’ konsolidazzjoni (ir-rekwiżiti kapitali u r-rekwiżiti tar-rappurtar tal-Pilastru nru 2).

2.4. Għarfien espert

Mill-2005 sal-2007, il-Kummissjoni ħarġet diversi sejħiet għall-għoti ta’ pariri lis-CEBS dwar l-istrumenti kapitali ibridi u l-iskoperturi l-kbar. Rigward l-istrumenti kapitali ibridi, is-CEBS ippropona kundizzjonijiet li kwalunkwe strument ibridu għandu jkun konformi magħhom sabiex jitqies bħala kapital eliġibbli tal-ewwel livell fl-UE. Fir-rigward tal-iskoperturi l-kbar, is-CEBS għamel suġġerimenti dwar it-tifsiriet, l-ambitu tal-applikazzjoni tar-reġim tal-iskoperturi l-kbar, il-limiti tal-iskoperturi u l-kalkolu tal-valuri tal-iskoperturi. Il-prinċipji stabbiliti fit-tweġibiet ġew ikkunsidrati b’mod ġenerali. Il-pariri tas-CEBS huma ppubblikati fuq is-sit tal-internet li ġej:

http://www.c-ebs.org/Advice/advice.htm

Is-servizzi tal-Kummissjoni waqqfu wkoll grupp ta’ ħidma li l-membri tiegħu nħatru mill-EBC, li fl-2007 u fl-2008 kien mexxa laqgħat li damu għaddejjin disat ijiem. L-EBC approva abbozz ta’ din il-proposta fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2008.

3. Il-valutazzjoni tal-impatt

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt jinsab fuq is-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/index_en.htm#capitalrequire

B’kollox, ġew ivvalutati ’l fuq minn 60 għażla tal-politika differenti. It-taqsira t'hawn taħt tiddeskrivi l-għażliet tal-politika ppreferuti f’kull wieħed mis-sitt oqsma problematiċi koperti mill-valutazzjoni tal-impatt u l-impatt mistenni tagħhom fuq il-partijiet interessati ewlenin.

3.1. L-iskoperturi l-kbar

Reġim emendat ta’ protezzjoni bbażata fuq il-limitu huwa meqjus bħala l-aktar wieħed effettiv minħabba li dan huwa mfassal b'mod speċifiku sabiex iwieġeb għan-nuqqasijiet identifikati tar-reġim attwali. Barra minn hekk, it-tqassim tal-kosti u tal-benefiċċji fost il-gruppi tal-partijiet interessati skont din l-għażla huwa l-aktar wieħed konsistenti. L-industrija bankarja mistennija tirreġistra ffrankar fil-piż amministrattiv grazzi għal reġim aktar armonizzat u l-allinjament eqreb tagħha mar-reġim tas-solvenza. Ċerti tipi ta’ impriżi tal-investiment għandhom jiġu eżentati mill-ambitu ta’ dan ir-reġim. Ħaġa importanti hi li l-istabbiltà finanzjarja se tissaħħaħ biċ-ċertezza li skopertura massima ta’ istituzzjoni ta’ kreditu speċifika għal parti terza hija limitata.

3.2. Strumenti kapitali ibridi

Qafas Ewropew regolatorju komuni jindirizza n-nuqqasijiet tas-sitwazzjoni attwali billi jiffaċilita l-konverġenza bejn l-Istati Membri u bejn l-oqsma, u b'hekk jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet indaqs aktar b'saħħithom fi ħdan is-suq uniku. Regolamentazzjoni ċara tal-UE se ttejjeb il-kwalità tal-kapital minn perspettiva industrijali u superviżorja, filwaqt li tipprovdi għażla akbar u aktar likwidità lill-investituri.

3.3. Kwistjonijiet rigward l-Istat Membru tal-oriġini u dak ospitanti u arranġamenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet

Kulleġġi li jħaddnu fihom awtoritajiet li jissorveljaw entitajiet fi gruppi fi Stati Membri differenti se jindirizzaw kunflitti potenzjali u r-repetizzjoni tas-sorveljanza. Dan se jiġi megħjun billi se jkun hemm setgħat imsaħħa.għas-superviżur ta’ konsolidazzjoni. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, il-partijiet interessati se jibbenefikaw minn kooperazzjoni superviżorja msaħħa u minn allokazzjoni aktar ċara tar-responsabbiltajiet. Mekkaniżmi ta’ medjazzjoni se jiżguraw ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti filwaqt li skambji regolari se jippermettu li l-istress finanzjarju jinkixef kmieni.

3.4. Id-derogi minn ċerti rekwiżiti prudenzjali għan-netwerks bankarji

Huwa xieraq li s-sitwazzjoni fl-Istati Membri li implimentaw id-derogi skont l-Artikolu 3 tas-CRD fis-sistemi legali tagħhom tiġi “rregolarizzata” wara l-limiti taż-żmien. Għall-Istati Membri l-oħrajn, dan jista’ jfisser li tfiġġ il-possibbiltà li netwerks bankarji tal-UE b’assi ta' ’l fuq minn EUR 331 biljun u li jirrappreżentaw aktar minn 5 miljun membru jikkwalifikaw għal trattament superviżorju skont l-artikolu. Tipikament, dawn it-tipi ta' netwerks ikunu magħmulin minn banek kooperattivi, ukoll jekk l-Artikolu 3 mhuwiex limitat għalihom.

3.5. It-trattament tal-impriżi tal-investiment kollettiv (is-CIUs) skont il-Metodu Bbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (IRB)

L-applikazzjoni ta’ żidiet aktar immirati għall-piżijiet standardizzati għar-riskju tipprovdi għal trattament alternattiv tal-iskoperturi fis-CIUs b’saħħtu u sensittiv għar-riskju, li bih iż-żieda perċentwali fil-piżijiet għar-riskju jkunu aktar baxxi għal skoperturi li kklassifikaw tajjeb u ogħla għal skoperturi li kklassifikaw baxx jew skoperturi mhux klassifikati.

3.6. Ir-rekwiżiti kapitali u l-ġestjoni tar-riskji għall-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni

Kunflitti potenzjali ta’ interess fil-mudell imsejjaħ ‘oriġina u ddistribwixxi’ għandhom jiġu indirizzati billi jiġi żgurat li l-oriġinaturi u l-finanzjaturi tat-trasferiment tar-riskju tal-kreditu jżommu sehem mir-riskji li jkunu ssottoskrivew. Għal dan il-għan, l-investituri se jintalbu jiżguraw li l-oriġinaturi u l-finanzjaturi jżommu sehem materjali mir-riskji u fi kwalunkwe każ mhux inqas minn 5 fil-mija tat-total, sabiex, effettivament, b'mod indaqs, l-oriġinaturi u l-finanzjaturi li huma rregolati mis-CRD u dawk li mhumiex, se jkollhom iżommu sehem mir-riskji. Qafas ta’ titolizzazzjoni aktar b'saħħtu u aktar rigoruż inkluż diliġenza dovuta iktar rigoruża għandu jikkontribwixxi lejn sottoskrizzjoni iktar responsabbli u biex jiġu evitati l-ispejjeż kbar li ġġarrbu mill-investituri u mill-istituzzjonijiet finanzjarji matul l-aħħar 18-il xahar.

4. L-elementi ġuridiċi tal-proposta

Direttiva li temenda d-direttivi attwali hi l-istrument l-aktar xieraq. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 47(2) tat-Trattat, li hu l-bażi ġuridika biex jiġu adottati miżuri Komunitarji mmirati biex jintlaħaq is-Suq Intern fis-servizzi finanzjarji.

Skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-KE, l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Komunità. Id-dispożizzjonijiet tagħha ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja biss tista’ tiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-gruppi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ superviżjoni prudenzjali, li tiżgura opportunitajiet indaqs għal kulħadd, tevita spejjeż ta’ konformità li ma jkunux iġġustifikati għal attivitajiet transkonfinali u b'hekk tħeġġeġ aktar l-integrazzjoni fis-suq uniku. Azzjoni Komunitarja tiżgura wkoll livell għoli ta’ stabbiltà finanzjarja fl-UE.

Din il-proposta ma żżidx il-piż amministrattiv għall-Istati Membri jew għall-operaturi ekonomiċi. Għall-kuntrarju, ir-reġim tal-iskoperturi l-kbar huwa ssimplifikat filwaqt li r-rekwiżiti tar-rappurtar huma mnaqqsa. L-armonizzazzjoni tat-trattament tal-istrumenti kapitali ibridi twassal ukoll għal simplifikazzjoni u allura għal tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi għall-banek li joperaw b'mod transkonfinali.

5. L-implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju.

6. Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta

6.1. Il-kapital ibridu (It-Taqsima 1 tal-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Strumenti kapitali ibridi (ibridi) huma titoli ta’ kreditu li għandhom mill-ekwità kif ukoll mid-dejn. L-għan tal-ħruġ ta’ dawn it-tipi ta’ strumenti hu li jiġu koperti l-ħtiġijiet kapitali tal-banek filwaqt li jħajru lil klassi ta’ investituri li lesti jieħdu riskju akbar minn dak marbut ma’ prodotti ta’ dħul fiss (dejn) u li għalhekk jistennew ukoll profitti akbar. Ġeneralment, dawn l-istrumenti huma mfassla b’mod li jimmiraw biex il-kwalifikazzjoni tagħhom bħala ‘fondi proprji oriġinali’ għal għanijiet regolatorji tkun żgurata.

In-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fuq livell Komunitarju wassal għal kriterji ta’ eliġibbiltà u limiti diverġenti fl-UE kollha. Dan jirriżulta f’nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd u joħloq il-possibbiltà ta’ arbitraġġ regolatorju għall-banek li joperaw fiż-żona tas-suq uniku minħabba li d-differenzi fit-trattament bejn l-Istati Membri jħallu impatt fuq l-ispejjeż tal-ħruġ għall-istrumenti kapitali ibridi.

6.1.1. Id-distinzjoni bejn l-elementi ta’ “qofol” tal-fondi proprji tal-banek u l-ibridi eliġibbli fil-fondi proprji oriġinali tal-banek (l-Artikolu 57(a) u (ca) tad-Direttiva 2006/48/KE)

Sal-lum, ma teżistix terminoloġija ċara li tiddeskrivi l-istrumenti ibridi eliġibbli bħala fondi proprji oriġinali tal-banek ("kapital tal-livell nru 1"). Billi lista ta’ strumenti speċifiċi fid-Direttiva tisfa skaduta f’qasir żmien minħabba l-innovazzjoni kontinwa, ġew żviluppati prinċipji li jiddefinixxu l-ibridi eliġibbli għall-fondi proprji oriġinali.

Fondi proprji ewlenin fl-ambitu tal-fondi proprji oriġinali tal-banek jinkludu l-istrumenti kollha li huma msemmija fid-definizzjoni nazzjonali ta’ kapital tal-ekwità, li jassorbu t-telf kollu fuq il-bażi ta' negozju avvjat u li jirrappreżentaw l-aktar pretensjonijiet subordinati matul likwikazzjoni. B’mod aktar partikulari, dawn l-istrumenti għandhom jirrappreżentaw “l-aħħar linja tad-difiża” għal kwalunkwe bank kemm matul żminijiet normali kif ukoll fi żmien ta’ likwidazzjoni. Ġeneralment, dawn l-istrumenti huma ishma komuni u primjums li jikkorrispondu magħhom imma, b’mod aktar ġenerali, kwalunkwe tip ta’ strument li ma jipprovdix drittijiet preferenzjali f'każ ta’ prestazzjoni ekonomika negattiva.

Madanakollu, jeżistu wkoll strumenti li ma jaqgħux f’dan l-ambitu, bħalma huma l-ishma preferenzjali li joħolqu drittijiet preferenzjali għall-ħlasijiet tad-dividendi u l-likwidazzjoni, li għaldaqstant huma inklużi fil-kategorija tal-ibridi.

6.1.2. Il-kriterji tal-eliġibbiltà (l-Artikolu 63a tad-Direttiva 2006/48/KE)

Biex l-ibridi jingħarfu bħala 'fondi proprji oriġinali', jeħtieġ li jassorbu t-telf, jippermettu l-ikkanċellar tal-pagamenti fi żminijiet stressanti, ikunu subordinati b’mod profond matul iż-żmien ta’ likwidazzjoni u jridu jkunu disponibbli fuq bażi permanenti sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju mill-kapaċità tagħhom biex ikunu ta' appoġġ għad-depożituri u għall-kredituri l-oħra matul żminijiet stressanti. Dawn il-kriterji ntlaħaq qbil dwarhom fuq il-livell tal-G10 u xxandru fi Stqarrija għall-Istampa fl-1998 imma ma ġewx trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Strumenti eliġibbli jissodisfaw il-prova ta’ permanenza jekk ma jkunux iddatati jewinkella jekk il-maturità oriġinali tagħhom tkun itwal minn 30 sena. Madanakollu, l-istrumenti jistgħu jinħarġu aktar kmieni imma dan jista' jsir biss fuq inizjattiva tal-emittent, bl-approvazzjoni tas-superviżur u jekk jitbiddlu b’kapital tal-istess kwalità, sakemm is-superviżur ma jkunx jidhirlu li jkun jeżisti kapital xieraq. Is-superviżuri għandhom ukoll jingħataw is-setgħa jissospendu l-fidwa ta’ strumenti ddatati skont is-solvenza tal-bank.

Strumenti eliġibbli għandhom jippermettu wkoll l-ikkanċellar tal-pagamenti jew il-fidwa tagħhom sakemm tkun teżisti konformità mar-rekwiżiti kapitali minimi. L-istrumenti eliġibbli ma jridux ikunu kumulattivi, jiġifieri kwalunkwe ammont mhux imħallas għandu jintilef u ma jibqax aktar dovut u pagabbli. Madanakollu, mekkaniżmu alternattiv ta’ ħlas in natura għandu jkun awtorizzat (pereżempju, bil-ħruġ ta’ ishma ġodda) taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti mis-superviżuri (l-ispejjeż rilevanti għandhom jitħallsu mill-azzjonisti permezz ta' dilwazzjoni tal-interessi tagħhom).

L-istrumenti eliġibbli għandhom jassorbu t-telf matul iż-żmien ta' likwidazzjoni imma għandhom ukoll igħinu lill-istituzzjoni tkompli bl-operazzjonijiet abbażi tal-prinċipju ta' negozju avvjat u ma għandhomx ifixklu l-proċess tal-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-emittent. Għaldaqstant, l-ibridi għandhom ikunu ogħla biss fir-rigward ta’ kapital azzjonarju ordinarju u inqas fir-rigward ta’ ibridi inklużi fil-fondi proprji addizzjonali tal-bank.

6.1.3. Limiti kwantitattivi (l-Artikolu 66 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Il-banek u l-impriżi tal-investiment ma għandhomx jistrieħu b’mod estensiv fuq l-istrumenti kapitali ibridi għad-detriment tal-elementi ewlenin indikati fl-Artikolu 57(a). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi struttura ta’ limiti li taħseb għal kategoriji differenti.

Il-kriterju prinċipali għad-distinzjoni bejn il-kategoriji, il-konvertibbiltà tal-ibridi f’każ ta’ ħtieġa, jipprovdi inċentiv għall-iżvilupp ta’ ibridi li jwasslu għal kwalità ogħla ta’ kapital f’waqtiet ta’ kriżi (jiġifieri, permezz ta’ sehem akbar ta' kapital ewlieni). L-awtoritajiet superviżorji jistgħu ma japplikawx il-limiti fuq bażi temporanja f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

L-istrumenti l-aktar subordinati ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li m’għandhiex proprjetarji jew azzjonisti taħt il-liġi nazzjonali, bħalma huma ċ-ċertifikati tal-membri ta’ wħud mill-banek kooperattivi, għandhom jiġu ttrattati bħala ibridi konvertibbli sakemm il-kapital rispettiv ikun tħallas u sakemm dan jiġi wara l-pretensjonijiet l-oħrajn kollha.

6.1.4. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji (il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 154 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-ibridi bħala sors prinċipali ta' finanzjament u l-ħtieġa biex jiġi limitat l-impatt tar-regolamentazzjoni l-ġdida. Għal dan il-għan, il-proposta tippermetti lill-impriżi li mhumiex konformi mal-ġabra l-ġdida ta' limiti kwantitattivi biex jaġġustaw b'mod gradwali għar-regoli l-ġodda fuq medda ta’ tletin sena.

6.1.5. Id-dispożizzjonijiet tal-iżvelar (il-punti 3(a) u (b) tal-Parti 2 tal-Anness XII tad-Direttiva 2006/48/KE)

Wara l-iffissar ta’ kriterji għall-istrumenti kapitali ibridi biex ikunu eliġibbli għall-fondi proprji oriġinali, l-Anness XII jeħtieġ li jiġi emendat kif xieraq. Dawn it-tibdiliet għandhom jiġu inklużi f’din il-proposta. Il-banek huma mitluba jiżvelaw tagħrif speċifiku dwar l-ibridi, partikularment dwar dawk l-ibridi eliġibbli biss fi żmien il-perjodu tranżitorju.

6.2. L-iskoperturi l-kbar

Id-dispożizzjonijiet attwali tas-CRD huma msejsa fuq is-suppożizzjoni ġenerali li l-banek iferrxu l-iskoperturi tagħhom fuq il-klijenti tagħhom. Imma minkejja dan, l-istituzzjonijiet xorta waħda jistgħu jibqgħu esposti għall-istess klijent jew għal grupp ta’ klijenti relatati. F’sitwazzjonijiet estremi, dan jista’ jwassal għat-telf tal-iskopertura sħiħa jew ta’ parti tagħha. L-għan tar-reġim tal-iskoperturi l-kbar hu sabiex istituzzjoni ma titħalliex iġġarrab telf li jkun sproporzjonalment kbir bħala riżultat tal-falliment ta’ klijent individwali (jew ta’ grupp ta’ klijenti relatati) minħabba li jseħħu avvenimenti mhux mistennija. Biex tindirizza dan, fl-1987 il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rakkomandazzjoni[1] segwita minn direttiva[2] fl-1992. Minħabba l-għadd limitat tagħhom u l-estent tat-tibdiliet imwettqa fiż-żmien meta ġiet adottata s-CRD, ir-reġim tal-iskoperturi l-kbar ilu 16-il sena ma jiġi rivedut. B’għarfien ta’ dan il-fatt, l-Artikolu 119 ta’ 2006/48/KE u l-Artikolu 28(3) ta’ 2006/49/EC jeħtieġu eżaminar bir-reqqa tar-rekwiżiti eżistenti “flimkien ma’ kwalunkwe proposti xierqa” li jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Id-dispożizzjonijiet attwali tas-CRD juru diversi nuqqasijiet: spejjeż għoljin għall-industrija inklużi spejjeż ta’ konformità li mhumiex iġġustifikati għal ċerti tipi ta’ impriżi tal-investiment, nuqqas ta’ ċarezza u nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd. Barra minn hekk, ir-reġim attwali ma jindirizzax b'mod effettiv il-falliment tas-suq li għandu x'jaqsam ma' ċerti tipi ta' skopertura (pereżempju, l-iskoperturi għall-istituzzjonijiet), u dan jimplika piż ikbar fuq min iħallas it-taxxa u ineffiċjenzi kapitali. Dawn in-nuqqasijiet huma indirizzati permezz tat-tħassir ta' diskrezzjonijiet nazzjonali fejn dan hu possibbli, tal-eżenzjoni ta’ ċerti tipi ta’ impriżi tal-investiment mir-reġim, tal-allinjamant tal-metodi applikati biex ikunu eqreb tal-metodi applikati għall-għanijiet ta’ adegwatezza tal-kapital, permezz tat-tisħiħ taċ-ċertezza legali billi jiġu ċċarati t-tifsiriet, u tal-aġġustament tat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ skoperturi (pereżempju, l-iskoperturi għall-istituzzjonijiet).

6.2.1. It-tifsiriet (il-punt 45 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 106 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Rigward il-kunċett ta’ klijenti relatati mfisser fl-Artikolu 4, s’issa l-awtoritajiet superviżorji ffukaw biss fuq l-aspett tal-assi tal-entitajiet konċernati sabiex jidentifikaw jekk entità partikulari tistax tiltaqa’ ma’ diffikultajiet marbuta ma’ ħlas lura minħabba l-problemi finanzjarji tal-entità l-oħra. L-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fis-suq urew li żewġ impriżi jew aktar jistgħu jiddependu fuq xulxin finanzjarjament (u huma ta' riskji sinifikanti) għaliex ikunu ffinanzjati mill-istess mezz. Minħabba f'hekk, din il-proposta tqis mhux biss ir-risku li jinbet min-negozju u mill-assi ta’ żewġ entitajiet imma wkoll mil-lat tal-obbligazzjoni u l-finanzjament tagħhom.

6.2.2. Is-simplifikazzjoni tar-reġim tal-iskoperturi l-kbar (it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar skont l-Artikolu 110 ġew issimplifikati u armonizzati. Dan kien wieħed mill-akbar ilmenti tal-industrija rigward ir-reġim attwali. Ir-rekwiżit għar-rappurtar provviżorju tneħħa u l-istituzzjonijiet li japplikaw il-metodu tal-IRB iridu jirrappurtaw l-akbar 20 skopertura tagħhom li ma jkunux eżentati, fuq bażi konsolidata.

Il-limiti attwali għall-iskoperturi l-kbar huma ta’ bosta suriet. Fl-Artikolu 111, din l-istruttura ġiet issimplifikata għal limitu uniku ta’ 25%.

Dal-ħin, il-lista ta’ eżenzjonijiet fl-Artikolu 113 hija twila u toħloq diffikultajiet rigorużi fl-Istati Membri kollha kif ukoll nuqqas ta’ kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd. L-uniċi eżenzjonijiet li jifdal huma l-iskoperturi għas-sovranitajiet u għall-gvernijiet reġjonali u għall-awtoritajiet lokali, dawk li jirriflettu n-natura tipika tal-banek kooperattivi, l-iskoperturi ta' ġol-grupp jekk dawn ikunu eżentati taħt ir-reġim tas-solvenza, l-iskoperturi ggarantiti b’ċertu kollateral u l-iskoperturi li jinħolqu minn faċilitajiet ta’ kreditu mhux miġbud sakemm dik il-faċilità ta’ kreditu li tkun inġibdet fir-realtà ma taqbiżx il-limitu preskritt.

L-użu attwali ta’ metodi ta’ kalkolu u ta' metodi tal-mitigazzjoni tar-riskju differenti ma għenx biex titjieb it-trasparenza tar-riżultati li għandhom jiġu vvalutati mill-impriżi finanzjarji u mis-superviżuri tagħhom. Fl-Artikoli 114, 115 u 117, il-metodi huma ċċarati u allinjati kemm jista’ jkun mal-metodi applikati għar-reġim tal-adegwatezza tal-kapital. Sabiex tiżdied il-flessibbiltà tal-impriżi, id-diskrezzjonijiet nazzjonali attwali biex jiġu applikati l-metodi rispettivi nbidlu f'għażliet għall-istituzzjonijiet infushom.

6.2.3. L-iskoperturi interbankarji (l-Artikolu 111 tad-Direttiva 2006/48/KE)

L-iskoperturi interbankarji huma ta' riskju sinifikanti minħabba li, għalkemm irregolati, il-banek jistgħu jfallu. Falliment ta’ istituzzjoni waħda tista’ tikkawża falliment ta’ istituzzjonijiet oħra bil-possibbiltà li tinqala’ kriżi sistemika. Għal dan il-għan, skoperturi interbankarji kbar jeħtieġu ġestjoni prudenti ħafna. Billi telf trawmatiku minn skopertura għal istituzzjoni jista' jkun aħrax daqs dak minn kwalunkwe skopertura oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-reġim attwali, imsejjes fuq taħlita kumplessa ta' piżijiet għar-riskju u ta' differenzjazzjoni mal-maturità, mhijiex prudenti biżżejjed. F'dan il-kuntest, wara riflessjoni fuq ir-riżultati tal-analiżi li investigat l-infiq u l-benefiċċji ta' diversi approċċi regolatorji disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li jagħmel sens li l-iskoperturi interbankarji jiġu ttrattati bħal kwalunkwe skoperturi oħra, indipendentement mill-maturità tagħhom. Il-Kummissjoni indirizzat tħassib speċifiku billi ppermettiet limitu alternattiv ta' EUR 150 miljun u konċessjonijiet għall-banek li joperaw f'netwerks, banek għat-tfaddil skond ċerti kundizzjonijiet u ċerti tipi ta' skoperturi marbuta ma' tranżazzjonijiet ta' kklerjar u sald.

6.2.4. Konċessjoni għal ċerti impriżi tal-investiment (l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/49/KE)

Ir-reġim attwali jimponi kosti ta’ konformità li mhumiex ġustifikati fuq impriżi tal-investiment mingħajr ma jrendi l-ebda benefiċċju soċjali. Għaldaqstant, qed jiġi propost li tingħata deroga lill-impriżi tal-investiment ‘b’liċenzja limitata’ u b'‘attivitajiet limitati’ mir-reġim tal-iskoperturi l-kbar fid-Direttiva 2006/49/KE.

6.3. Arranġamenti superviżorji

6.3.1. Skambju ta’ tagħrif u kooperazzjoni – l-Artikoli 40, 42a, 42b, 49 u 50 tad-Direttiva 2006/48

F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-iskambju ta’ tagħrif multilaterali bla tfixkil u mingħajr restrizzjonijiet huwa ta’ relevanza speċjali. Huwa għalhekk li qed jiġi propost titjib fid-drittijiet għat-tagħrif tas-superviżuri tal-pajjiż ospitanti ta’ fergħat ta’ rilevanza sistematika fl-Artikolu 42a u biex fl-Artikoli 49 u 50 jiġi speċifikat il-qafas legali għat-trażmissjoni tat-tagħrif lill-ministeri tal-finanzi u lill-banek ċentrali.

Il-proposta tipprovdi għal tifsira ta’ “fergħat ta’ rilevanza sistematika” fl-Artikolu 42a. L-aċċess għat-tagħrif rilevanti jkun iffaċilitat permezz tal-involviment tas-superviżuri tal-fergħat ta’ rilevanza sistematika fil-kulleġġi tas-superviżuri. Din il-parteċipazzjoni għandha tkun deċiża mis-superviżur ta’ konsolidazzjoni skont il-kwistjonijiet li jkunu jridu jiġu mitħaddta.

Billi jitlob lill-awtoritajiet iqisu l-implikazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-istabbiltà finanzjarja fi Stati Membri oħra, l-Artikolu 40(3) jagħti stampa ta’ dimensjoni Ewropea fid-deċiżjonijiet superviżorji li hija fattur fundamentali biex tissejjes il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet.

6.3.2. Il-kulleġġi tas-superviżuri – l-Artikoli 42a, 129 u 131a (ġdid) tad-Direttiva 2006/48

L-għan tal-emendi li qed jiġu ssuġġeriti hu li jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività tas-superviżjoni tal-gruppi bankarji transkonfinali billi ssir talba:

- għat-twaqqif ta’ kulleġġi tas-superviżuri biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tas-superviżur ta’ konsolidazzjoni u tas-superviżuri ospitanti,

- għal deċiżjoni konġunta dwar żewġ aspetti superviżorji li huma fundamentali għas-superviżjoni ta' grupp (it-tieni pilastru u r-rekwiżiti tar-rappurtar) bl-għoti tad-dritt għall-aħħar kelma lis-superviżuri ta’ konsolidazzjoni. Dan jiżżewweġ ma’ mekkaniżmu ta’ medjazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil.

- li l-awtoritajiet kompetenti involuti fis-superviżjoni ta' grupp japplikaw b’mod konsistenti fi ħdan grupp bankarju r-rekwiżiti prudenzjali skont id-Direttiva.

Is-superviżuri ta’ konsolidazzjoni għandhom jintalbu jinfurmaw lis-CEBS dwar l-attivitajiet tal-kulleġġi biex jiġu żviluppati approċċi konsistenti fil-kulleġġi kollha. Il-kulleġġi se jkunu meħtieġa wkoll għas-superviżuri li jissorveljaw entitajiet transkonfinali li ma għandhomx sussidjarji fi Stati Membri oħra imma li għandhom fergħat sistemikament importanti.

6.4. Emendi tekniċi

6.4.1. Derogi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati ma’ istituzzjoni ċentrali (l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48/KE, hemm propost it-tħassir tal-iskadenzi (id-dati tal-15 ta’ Diċembru 1977 u tal-15 ta’ Diċembru 1979) li jirrestrinġu l-applikazzjoni tiegħu. L-adeżjoni riċenti ta' Stati Membri ġodda żvelat il-ħtieġa li d-derogi f’dan l-Artikolu jkunu disponibbli wkoll għall-Istati Membri kollha u mhux biss għal dawk li ssieħbu mal-UE tletin sena ilu.

6.4.2. Ir-rekwiżiti kapitali għal investimenti f’impriżi tal-investiment kollettiv (l-Artikolu 87 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Ir-rekwiżiti kapitali għall-investimenti f’impriżi tal-investiment kollettiv (is-CIU), bħalma huma l-fondi reċiproċi, kienu stretti wisq taħt l-approċċ tal-IRB f’dawk il-każi fejn il-banek ma jistgħux jew ma jridux jipprovdu klassifikazzjoni interna għall-iskopertura miżmuma mis-CIU. Il-proposta tnaqqas ir-rekwiżiti kapitali għal assi anqas riskjużi miżmuma mis-CIU b’mod konsiderevoli imma żżomm tariffi kapitali għoljin fejn l-assi huma ta' riskju għoli jew fejn ir-riskju reali mhux magħruf. Dan ukoll ikompli jipprovdi diżinċentiv biex jinħbew riskji mhux magħrufa fil-karta tal-bilanċ ta’ bank sottostanti għal investimenti f’CIU mingħajr rekwiżiti kapitali xierqa.

6.4.3. It-titolizzazzjoni (l-Artikolu l-ġdid 122a tad-Direttiva 2006/48/KE)

Kunflitti potenzjali ta’ interess fil-mudell "oriġina u ddistribwixxi" għandhom jiġu indirizzati billi jiġi żgurat li l-oriġinaturi u l-finanzjaturi tal-istrumenti inqas ċari għat-trasferiment tar-riskju tal-kreditu jżommu proporzjon mir-riskju li jkun qed jiġi ttrasferit lill-investituri. Għal dan il-għan, l-investituri għandhom jintalbu jiżguraw li l-oriġinaturi u l-finanzjaturi jżommu sehem materjali (mhux inqas minn 5 fil-mija) mir-riskji sabiex, effettivament, b'mod indaqs, l-oriġinaturi u l-finanzjaturi li huma rregolati minn din id-direttiva u dawk li mhumiex ikollhom iżommu sehem mir-riskji għalihom infushom. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkumplimentat billi jiġi żgurat li l-investituri jkunu fehmu sewwa r-riskji sottostanti u l-karatteristiċi strutturali kumplessi ta' dak li jkunu qed jixtru. Tagħrif dettaljat għandu jkun disponibbli għall-investituri sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet infurmati.

6.4.4. Ir-riskju tal-kreditu għall-kontroparti (l-Anness III u l-Artikolu 150 tad-Direttiva 2006/48/KE)

Dan l-Anness jistipula d-dettalji dwar il-metodi għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali għar-riskju tal-kreditu għall-kontroparti. L-għan tal-emendi tekniċi proposti hu li jiġu solvuti għadd ta’ diffikultajiet identifikati matul il-fażi ta’ trażpożizzjoni tas-CRD. It-tibdiliet ma jibdlux il-kontenut tal-anness b’mod sostanzjali imma jiċċaraw u jissimplifikaw l-applikazzjoni tiegħu.

Emendi tekniċi tal-Anness III fil-ġejjieni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ komitoloġija. Dal-ħin, is-setgħat ta’ eżekuzzjoni ma jirreferux b'mod espliċitu għal dan l-anness.

6.4.5. Ir-riskju tal-likwidità (l-Annessi V u XI tad-Direttiva 2006/48/KE)

It-taqlib li għaddej bħalissa fis-suq enfasizza l-fatt li l-likwidità hi fattur determinanti għas-saħħa tas-settur bankarju.

It-tibdil propost jimplimenta x-xogħol imwettaq mis-CEBS u l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja biex jiġu żviluppati prinċipji sodi għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità. It-tibdil proposti għall-Anness V jenfasizza l-ħtieġa li l-bord tad-diretturi jiffissa livell xieraq ta’ tolleranza għar-riskju tal-likwidità. L-għan tat-tibdil proposti ghall-Anness XI hu li jiġi żgurat inċentiv xieraq għall-banek sabiex jifhmu aħjar il-profil tar-riskju tal-likwidità tagħhom. Dan jeħtieġ lis-superviżuri nazzjonali jiffaċilitaw l-għarfien tal-impriżi tal-profil tar-riskju tal-likwidità tagħhom, u ma teskludix il-possibbiltà li jiddependu, sa ċertu punt, fuq metodoloġiji interni għall-fini tas-superviżjoni.

Minħabba t-tibdil sinifikanti li ddaħħal b’dawn il-modifiki, huwa xieraq li dawn l-emendi jiġu inklużi f’din il-proposta.

2008/0191 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikulari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[5],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[7],

Billi:

(1) L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu [ titlu mhux uffiċjali ][8] jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal reġimi prudenzjali speċjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ilhom affiljati fuq bażi permanenti ma’ entità ċentrali sa mill-15 ta’ Diċembru 1977, dejjem jekk dawk ir-reġimi jkunu ddaħħlu fil-liġijiet nazzjonali sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru 1979. Dawn l-iskadenzi ma jħallux lill-Istati Membri, speċjalment lil dawk li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea mill-1980 ’l hawn, idaħħlu l-istess reġimi għal affiljazzjonijiet simili ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li twaqqfu aktar tard fit-territorju tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 3 jitneħħew sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri. Il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għandu jipprovdi linji ta' gwida mhux vinkolanti sabiex tittejjeb il-konverġenza tal-prattiki superviżorji f'dan ir-rigward.

(2) L-istrumenti kapitali ibridi għandhom rwol importanti fil-ġestjoni tal-kapital ma taqta’ xejn tal-istituzzjonijiet tal-kreditu. Dawn l-istrumenti jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu jiksbu struttura kapitali varjata u jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ investituri finanzjarji. Fit-28 ta’ Ottubru 1998, il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja adotta ftehim kemm dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà kif ukoll dwar il-limiti għall-inklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ strumenti kapitali ibridi fil-fondi proprji oriġinali tal-istituzzjonijiet tal-kreditu.

(3) Għalhekk, huwa importanti li jiġu stipulati kriterji għal dawk l-istrumenti kapitali biex ikunu eliġibbli għall-fondi proprji oriġinali tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/48/KE jkunu allinjati ma’ dak il-ftehim. L-emendi għall-Anness XII għad-Direttiva 2006/48/KE jirriżultaw direttament mill-ħolqien ta’ dawk il-kriterji. Il-kriterji tal-eliġibbiltà għandhom jirreferu għall-istrumenti l-aktar subordinati ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li ma għandhiex proprjetarji jew azzjonisti taħt il-liġi nazzjonali, bħalma huma ċ-ċertifikati tal-banek kooperattivi ta’ ċerti membri, sakemm il-kapital rispettiv ikun tħallas u sakemm dan ikun ikklassifikat wara l-pretensjonijiet l-oħra kollha.

(4) Sabiex ma jkunx hemm tfixkil tas-swieq u tiġi żgurata l-kontinwità fil-livelli totali tal-fondi proprji, huwa xieraq li titwitta t-triq għal arranġamenti tranżitorji speċifiċi għar-reġim il-ġdid fir-rigward tal-istrumenti kapitali ibridi.

(5) Bil-għan li jissaħħaħ il-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Komunità, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ dawk ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn u, fejn ikun xieraq, mal-banek ċentrali, b’mod effiċjenti. Sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet tal-kreditu prinċipali awtorizzati fil-Komunità u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jitħallew iwettqu aħjar is-superviżjoni ta’ grupp bankarju fuq bażi konsolidata, l-attivitajiet superviżorji għandhom jiġu kkoordinati b'mod iżjed effettiv. Għaldaqstant, għandhom jitwaqqfu l-Kulleġġi tas-Superviżuri. Il-ħolqien ta’ dawn il-kulleġġi ma għandux jaffettwa d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/48/KE. Il-ħolqien tagħhom għandu jkun strument għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jiftehmu dwar ħidmiet superviżorji ewlenin. Il-kulleġġi għandhom jiffaċilitaw il-ġestjoni tas-superviżjoni ma taqta' xejn u tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Is-superviżur ta' konsolidazzjoni jista', b'rabta mal-membri l-oħra tal-kulleġġ, jiddeċiedi li jorganizza laqgħat jew attivitajiet li ma jkunux ta' interess ġenerali u għalhekk ikun hemm udjenza magħżula kif xieraq.

(6) Il-mandati tal-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dimensjoni Komunitarja. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-effett tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħrajn kollha.

(7) L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem f'kulleġġi mwaqqfin għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu li l-istituzzjoni prinċipali tagħhom tkun qiegħda f’pajjiż terz. Il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għandu jipprovdi, fejn ikun meħtieġ, linji ta' gwida u rakkomandazzjonijiet li ma jorbtux sabiex tissaħħaħ il-konverġenza tal-prattiki superviżorji skont id-Direttiva 2006/48/KE.

(8) Żbilanċ tat-tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-oriġini u dawk ospitanti jista’ jkun ta’ detriment għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri ospitanti. Għalhekk, id-drittijiet għat-tagħrif tas-superviżuri ospitanti, b’mod partikulari fi kriżi ta’ fergħat ta’ rilevanza sistematika, għandhom jissaħħu. Għal dak il-għan, il-fergħat ta’ rilevanza sistematika għandhom jitfissru. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħaddu t-tagħrif li hu essenzjali għat-twettiq tax-xogħol tal-banek ċentrali u tal-Ministeri tal-Finanzi fejn jidħlu l-kriżijiet finanzjarji.

(9) Konċentrazzjoni eċċessiva ta’ skoperturi għal klijent uniku jew għal grupp uniku ta’ klijenti relatati tista’ twassal għal riskju ta’ telf li mhuwiex aċċettabbli. Sitwazzjoni bħal din tista’ titqies li hi ta' ħsara għas-solvenza ta’ istituzzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-iskoperturi l-kbar ta' istituzzjoni tal-kreditu għandhom ikunu parti integrali mis-superviżjoni tagħha.

(10) Ir-reġim attwali tal-iskoperti l-kbar imur lura għall-1992. Għalhekk, ir-rekwiżiti eżistenti għal skopertura kbira stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u fid-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu (kif ifformulata mill-ġdid) [ titlu mhux uffiċjali ][9] għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid.

(11) Minħabba li l-istituzzjonijiet tal-kreditu fis-suq intern huma involuti f’kompetizzjoni diretta, ir-regoli essenzjali għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-iskoperturi l-kbar tal-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jiġu armonizzati aktar. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq dahar l-istituzzjonijiet tal-kreditu, għandu jitnaqqas l-għadd ta’ għażliet għall-Istati Membri f'dak li għandu x’jaqsam mal-iskoperturi l-kbar.

(12) Meta tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ grupp ta’ klijenti relatati u għaldaqstant ta’ skoperturi li jikkostitwixxu riskju uniku, huwa importanti li jitqiesu wkoll ir-riskji li jinbtu minn sors komuni ta’ finanzjament sinifikanti pprovdut mill-istituzzjoni tal-kreditu jew mill-impriża tal-investiment innifisha, il-grupp finanzjarju tagħha jew il-partijiet relatati magħha.

(13) Filwaqt li hu mixtieq li l-kalkolu tal-valur tal-iskopertura jkun ibbażat fuq dak ipprovdut għall-fini tar-rekwiżiti minimi tal-fondi proprji, huwa xieraq li jiġu adottati regoli għall-monitoraġġ tal-iskoperturi l-kbar mingħajr ma jiġu applikati l-piżijiet tar-riskju jew il-gradi tar-riskju. Barra minn hekk, il-metodi tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu applikata fir-reġim tas-solvenza tfasslu bis-suppożizzjoni ta’ riskju tal-kreditu varjat sew. Fil-każ ta’ skoperturi kbar li jkunu jittrattaw riskju ta’ konċentrazzjoni b'isem uniku, ir-riskju tal-kreditu ma jkunx varjat sew. Għalhekk, l-effetti ta’ dawn il-metodi għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji prudenzjali. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi pprovdut għal irkupru effettiv tal-protezzjoni tal-kreditu għall-għanijiet tal-iskoperturi l-kbar.

(14) Minħabba li telf li jinħoloq minn skopertura għal istituzzjonijiet tal-kreditu jew għal impriża tal-investiment jista’ jkun aħrax daqs telf minn kwalunkwe skopertura oħra, it-tali skoperturi għandhom jiġu ġestiti u rrappurtati bħal kwalunkwe skopertura oħra.

(15) Huwa importanti li jitneħħa n-nuqqas ta' allinjament bejn l-interessi tal-kumpaniji li "jerġgħu jippakkjaw" is-self f'titolizzazzjonijiet li jistgħu jinbiegħu u fi strumenti finanzjarji oħrajn (l-oriġinaturi) u dawk tal-kumpaniji li jinvestu f'dawn it-titolizzazzjonijiet jew l-istrumenti (l-investituri). Għaldaqstant huwa importanti għall-oriġinaturi li jżommu skopertura għar-riskju tas-self konċernat. B'mod partikulari f'każ fejn ikun hemm trasferiment tar-riskju tal-kreditu permezz tat-titolizzazzjoni, l-investituri għandhom jiddeċiedu biss wara li jkunu wettqu d-diliġenza dovuta b'mod sħiħ, ħaġa li għaliha jeħtieġu tagħrif adegwat dwar it-titolizzazzjonijiet.

(16) L-Anness III tad-Direttiva 2006/48/KE għandu jiġi adattat sabiex jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet bil-ħsieb li tissaħħaħ il-konverġenza tal-prattiki superviżorji.

(17) L-iżviluppi riċenti tas-suq enfasizzaw il-fatt li l-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità hija fattur ewlieni li jiddetermina kemm l-istituzzjonijiet tal-kreditu jkunu b'saħħithom. Il-kriterji stabbiliti fl-Annessi V u XI għad-Direttiva 2006/48/KE għandhom jissaħħu sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu allinjati max-xogħol imwettaq mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej u mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.

(18) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/48/KE għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni[10].

(19) B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2006/48/KE sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji jew fl-istandards tal-kontabilità, jew ir-rekwiżiti li jqisu l-leġiżlazzjoni Komunitarja, jew li jirrigwardaw il-konverġenza tal-prattiki superviżorji u kif ukoll li tibdel il-perċentwal speċifikat fl-Artikolu 111(1) ta’ dik id-Direttiva sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji. Billi dawn il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2006/48/KE, iridu jiġu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja marbuta mal-iskrutinju li dwarha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(20) Minħabba li l-għanijiet tal-azzjoni proposta, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ regoli li jikkonċernaw il-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u s-superviżjoni prudenzjali tagħhom, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għaliex jeħtieġu l-armonizzazzjoni ta’ għadd kbir ta’ regoli differenti li jeżistu fis-sistemi legali tad-diversi Stati Membri u għaldaqstant jistgħu jinkisbu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(21) Għalhekk id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE għandhom jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/48/KE

Id-Direttiva 2006/48/KE qed tiġi emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 3(1) qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-frażi introduttorja fl-ewwel subparagrafu qed titbiddel b’dan li ġej:

“Istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar li jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru u li jkunu affiljati b'mod permanenti ma’ entità ċentrali li tissorveljahom u li tkun tinsab fl-istess Stat Membru, jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-Artikoli 7 u 11(1) jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi li:”

(b) It-tieni u t-tielet subparagrafu qed jitħassru.

2. L-Artikolu 4 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-punt (6) qed jitbiddel b’dan li ġej:

"(6) 'istituzzjonijiet' għall-fini tat-Taqsimiet 2, 3 u 5 tat-Titolu V, il-Kapitolu 2, tfisser istituzzjonijiet kif definit fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2006/49/KE;"

(b) Il-punt (45)(b) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(b) żewġ persuni fiżiċi jew legali jew aktar li bejniethom ma tkun teżisti l-ebda relazzjoni ta’ kontroll kif stabbilit fil-punt (a) imma li għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu riskju uniku minħabba li tant huma marbutin ma’ xulxin li jekk xi ħadd minnhom kellu jsofri problemi finanzjarji, b’mod partikulari diffikultajiet ta’ finanzjament jew ta’ ħlas lura, l-ieħor jew l-oħrajn kollha x’aktarx li wkoll jiltaqgħu ma’ diffikultajiet relatati mal-finanzjament jew mal-ħlas lura.”

(c) Qed jiżdied il-punt (48):

"(48) "superviżur ta’ konsolidazzjoni" tfisser l-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata tal-istituzzjonijiet tal-kreditu prinċipali tal-UE u tal-istituzzjonijiet tal-kreditu kkontrollati minn kumpaniji holding finanzjarji prinċipali tal-UE.”

3. Fl-Artikolu 40 qed jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"3. L-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru partikulari għandhom iqisu l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra kollha konċernati u, b’mod partikulari, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.”

4. Qed jiddaħħal l-Artikolu 42a li ġej:

“Artikolu 42a

1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lis-superviżur ta’ konsolidazzjoni f'każ fejn japplika l-Artikolu 129(1) jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, biex fergħa ta’ istituzzjoni tal-kreditu titqies bħala sistemikament rilevanti.

It-talba għandha tipprovdi r-raġunijiet għaliex il-fergħa għandha titqies bħala sistemikament rilevanti b’kunsiderazzjoni partikulari għal dan li ġej:

(a) jekk is-sehem tas-suq tal-fergħa tal-istituzzjoni tal-kreditu f’termini tad-depożitu jaqbiżx it-2% fl-Istat Membru ospitanti;

(b) l-impatt li aktarx ikollhom is-sospensjoni jew l-għeluq tal-operazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-kreditu fuq is-sistemi tal-ħlasijiet, tal-ikklerjar u tas-sald fl-Istat Membru ospitanti;

(c) id-daqs u l-importanza tal-fergħa f'termini tal-għadd ta' klijenti fil-kuntest tas-sistema bankarja jew finanzjarja tal-Istat Membru ospitanti.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u ta' dak ospitanti, u s-superviżur ta’ konsolidazzjoni f'każ fejn japplika l-Artikolu 129(1), għandhom jagħmlu dak kollu possibbli fl-ambitu tas-setgħa tagħhom biex jaslu għal deċiżjoni konġunta dwar il-ħatra tal-fergħat bħala sistemikament rilevanti.

Jekk ma tintlaħaq l-ebda deċiżjoni konġunta fi żmien xahrejn minn meta tasal talba skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jiddeċiedu huma stess, matul perjodu ta' xahrejn oħra, dwar jekk il-fergħa hijiex sistemikament rilevanti jew le. Huma u jiddeċiedu dan, għandhom iqisu l-fehmiet u d-dubji tas-superviżur ta’ konsolidazzjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini.

Id-deċiżjonijiet imsemmija fit-tielet u r-raba’ subparagrafi għandhom jiġu stabbiliti f’dokument li jkun fih id-deċiżjonijiet bir-raġunamenti sħaħ tagħhom, mgħoddi lill-awtoritajiet kompetenti konċernati, irrikonoxxut bħala determinanti u applikat mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri konċernati.

Il-ħatra ta’ fergħa bħala sistemikament rilevanti ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva.

2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti li fih tkun ġiet stabbilita fergħa li hi sistemikament rilevanti t-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 132(1)(c) u (d) u jwettqu l-ħidmiet imsemmijin fl-Artikolu 129(1)(c) f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

Jekk awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-oriġini ssir konxja ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza f’istituzzjoni tal-kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 130(1), din għandha twissi mill-aktar fis prattikabbli lill-awtoritajiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 49 u fl-Artikolu 50.

3. F'każ fejn ma japplikax l-Artikolu 131a, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed iwettqu superviżjoni ta' istituzzjoni tal-kreditu b’fergħat fi Stati Membri oħra li huma sistemikament rilevanti għandhom jistabbilixxu u jippresiedu kulleġġ tas-superviżuri biex titħaffef il-kooperazzjoni skont l-Artikolu 42 u l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. It-twaqqif u t-tħaddim tal-kulleġġ għandhom ikunu bbażati fuq arranġamenti bil-miktub li jkunu ġew iddeterminati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti konċernati."

5. Qed jiddaħħal l-Artikolu 42b li ġej:

“Artikolu 42b

1. Waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-konverġenza fir-rigward tal-istrumenti u l-prattiki superviżorji fl-applikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u r-rekwiżiti amministrattivi adottati skont din id-Direttiva. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej u li dawn iqisu l-linji ta' gwida u r-rakkomandazzjonijiet li ma jorbtux li jipprovdi dan il-Kumitat.

2. Kull tliet snin mill-31 ta’ Diċembru 2010 'il quddiem, il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għandu jirrapporta lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea xi progress ikun sar lejn il-kisba tal-konverġenza superviżorja.”

6. L-Artikolu 49 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Fl-ewwel paragrafu, il-punt (a) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(a) il-banek ċentrali u entitajiet oħra li għandhom funzjoni simili fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji meta dan it-tagħrif ikun rilevanti għat-twettiq tal-ħidmiet statutorji rispettivi tagħhom, inkluż l-imġiba tal-politika monetarja, is-sorveljanza tas-sistemi ta’ pagamenti u ta' sald tat-titolizzazzjonijiet, u l-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja; u”

(b) Qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“F’sitwazzjoni ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 130(1), l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jikkomunikaw tagħrif lill-banek ċentrali fil-Komunità f'każ fejn din l-informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq tal-ħidmiet statutorji rispettivi tagħhom, inkluż l-imġiba tal-politika monetarja, is-sorveljanza tas-sistemi ta’ pagamenti u ta' sald tat-titolizzazzjonijiet, u l-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja.”

7. Fl-Artikolu 50, qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“F’sitwazzjoni ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 130(1), l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiżvelaw tagħrif lid-dipartimenti msemmija fl-ewwel paragrafu fl-Istati Membri kollha konċernati.”

8. L-Artikolu 57 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-punt (a) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(a) kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/635/KEE, sakemm dan ikun tħallas u miegħu jkunu tħallsu wkoll il-kontijiet primjum tal-ishma relatati, sakemm jassorbi kompletament it-telf f’sitwazzjonijiet ta' negozju avvjat, u sakemm fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni jkun ikklassifikat wara l-pretensjonijiet l-oħra kollha.”

(b) Qed jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:

“(ca) “strumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 63(2) u fl-Artikolu 63a, minbarra dawk imsemmija fil-punt (a);”

9. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 qed jitbiddel b'dan li ġej:

“Il-kunċett tal-fondi proprji kif imfissra fil-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 57 jinkorpora għadd massimu ta’ elementi u ta’ ammonti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar l-użu ta’ dawk l-elementi u dwar it-tnaqqis tal-elementi minbarra dawk elenkati fil-punti (i) sa (r) tal-Artikolu 57.”

10. Fl-Artikolu 63(2), qed jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"L-istrumenti msemmija fil-punt (ca) tal-Artikolu 57 għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a), (c), (d) u (e) ta’ dan l-Artikolu."

11. Qed jiddaħħal l-Artikolu 63a li ġej:

“Artikolu 63a

"1. L-istrumenti msemmija fil-punt (ca) tal-Artikolu 57 għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-istrumenti jew ma għandhomx ikunu ddatati jew għandu jkollhom maturità oriġinali ta’ mill-inqas 30 sena. Dawk l-istrumenti jistgħu jinkludu dritt ta' xiri wieħed jew aktar skont id-diskrezzjoni unika tal-emittent, iżda ma għandhomx jinfdew qabel ħames snin wara d-data tal-ħruġ. Jekk id-dispożizzjonijiet statutorji jew kuntrattwali li jirregolaw strumenti mhux iddatati jipprovdu għal inċentiv moderat għall-istituzzjoni tal-kreditu biex tifdi kif iddeterminat mill-awtoritajiet kompetenti, tali inċentiv ma għandux iseħħ qabel għaxar snin wara d-data tal-ħruġ.

Stumenti ddatati u strumenti mhux iddatati jistgħu jinxtraw jew jinfdew biss b’kunsens minn qabel mingħand l-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu l-permess dejjem jekk it-talba ssir fuq l-inizjattiva tal-istituzzjoni tal-kreditu u sakemm il-kundizzjonijiet finanzjarji jew ta’ solvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma jiġux affettwati b’mod eċċessiv. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet ibiddlu l-istrument b’elementi tal-istess kwalità jew ta’ kwalità aħjar imsemmija fil-punt (ca) tal-Artikolu 57.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu s-sospensjoni tal-fidwa ta’ strumenti ddatati jekk l-istituzzjoni tal-kreditu ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kapitali stabbiliti fl-Artikolu 75.

L-awtorità kompetenti tista’ tagħti permess fi kwalunkwe ħin għal fidwa bikrija ta’ strumenti ddatati u strumenti mhux iddatati f’każ li jkun hemm bidla fit-trattament fiskali applikabbli jew fil-klassifikazzjoni regolatorja li ma kenitx prevista fid-data tal-ħruġ.”

3. Id-dispożizzjonijiet statutorji jew kuntrattwali li jirregolaw l-istrument għandhom jippermettu lill-istituzzjoni ta’ kreditu tikkanċella, meta dan ikun meħtieġ, il-ħlas tal-interess jew tad-dividendi għal perjodu ta’ żmien mingħajr limitu, fuq bażi mhux kumulattiva.

Madanakollu, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tikkanċella t-tali ħlasijiet jekk ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kapitali stabbiliti fl-Artikolu 75.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu l-kanċellazzjoni tat-tali ħlasijiet fuq il-bażi tas-sitwazzjoni finanzjarja u ta’ solvenza tal-istituzzjoni tal-kreditu. It-tali kanċellazzjoni għandha tkun bla ħsara għad-dritt tal-istituzzjoni tal-kreditu biex tbiddel il-ħlas tal-interess jew tad-dividend bi ħlas fil-forma ta’ strument imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 57, dejjem jekk kwalunkwe tali mekkaniżmu jippermetti lill-istituzzjoni tal-kreditu tippreżerva riżorsi finanzjarji. It-tali tibdil jista’ jkun suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

4. Id-dispożizzjonijiet statutorji jew kuntrattwali li jirregolaw l-istrument għandhom jipprovdu għal kapital prinċipali, interess mhux imħallas jew dividend li jkunu tali li jassorbu t-telf u li ma jkunux ta’ tfixkil għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-istituzzjoni tal-kreditu.

5. Fil-każ tal-falliment jew tal-likwidazzjoni tal-istituzzjoni tal-kreditu, l-istrumenti għandhom jiġu kklassifikati wara l-elementi msemmija fl-Artikolu 63(2).

6. Il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għandu jfassal linji ta' gwida għall-konverġenza tal-prattiċi superviżorji fir-rigward tal-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jimmonitorja l-applikazzjoni tagħhom. Sa Jannar 2012, il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u għandha tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill."

12. Fl-Artikolu 65(1), il-punt (a) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(a) kwalunkwe interessi tal-minoranza skont it-tifsira tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 83/349/KEE, meta jintuża l-metodu ta’ integrazzjoni globali. Kwalunkwe strumenti msemmija fil-punt (ca) tal-Artikolu 57, li joħolqu interessi tal-minoranza għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti skont l-Artikoli 63a, 66, u l-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 63(2);"

13. L-Artikolu 66 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. L-elementi msemmija fil-punti (d) sa (h) tal-Artikolu 57 għandhom ikunu suġġetti għal-limiti li ġejjin:

(a) it-total tal-elementi fil-punti (d) sa (h) tal-Artikolu 57 ma jistax jaqbeż massimu ta’ 100% tal-elementi fil-punti (a) sa (ca) li minnu jitnaqqsu (i), (j) u (k) ta’ dak l-Artikolu; u

(b) it-total tal-elementi fil-punti (g) sa (h) tal-Artikolu 57 ma jistax jaqbeż massimu ta’ 50% tal-elementi fil-punti (a) sa (ca) li minnu jitnaqqsu (i), (j) u (k) ta’ dak l-Artikolu.”

(b) Qed jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Minkejja l-paragrafu 1, it-total tal-elementi fil-punt (ca) tal-Artikolu 57 għandu jkun suġġett għal-limiti li ġejjin:

(a) l-istrumenti li, waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, iridu jitbiddlu fl-elementi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 57 fl-ambitu ta’ firxa ddeterminata minn qabel, u kapital li jkun tħallas kollu, li kompletament jassorbi t-telf f’sitwazzjonijiet ta' negozju avvjat, u li fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni jkun ikklassifikat wara l-pretensjonijiet l-oħra kollha, ma għandux ikollhom total li jaqbeż massimu ta' 50% tal-elementi fil-punti (a) sa (ca) li minnu jitnaqqsu (i), (j) u (k) tal-Artikolu 57;

(b) sal-limitu msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, l-istrumenti l-oħra kollha ma għandhomx jaqbżu massimu ta’ 35% tal-elementi fil-punti (a) sa (ca) li minnu jitnaqqsu (i), (j) u (k) tal-Artikolu 57;

(c) sal-limiti msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu, l-istrumenti ddatati u kwalunkwe strument li d-dispożizzjonijiet statutorji jew kuntrattwali tiegħu jipprovdu għal inċentiv għall-istituzzjoni tal-kreditu biex tifdi, ma għandhomx jaqbżu massimu ta’ 15% tal-elementi fil-punti (a) sa (ca) li minnhom jitnaqqsu (i), (j) u (k) tal-Artikolu 57.

(d) l-ammont ta’ elementi li jaqbżu l-limiti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) għandu jkun suġġett għal-limitu stabbilit fil-paragrafu 1.”

(c) Il-paragrafu 2 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"2. It-total tal-elementi fil-punti (l) sa (r) tal-Artikolu 57 għandu jitnaqqas nofs mit-total tal-elementi (a) sa (ca) li minnu jitnaqqsu (i), (j) u (k) ta’ dak l-Artikolu, u n-nofs l-ieħor mit-total tal-elementi (d) sa (h) ta’ dak l-Artikolu, wara li jiġu applikati l-limiti stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Sal-punt li nofs it-total tal-elementi (l) sa (r) tal-Artikolu 57 jaqbeż it-total tal-elementi (d) sa (h) ta’ dak l-Artikolu, l-ammont żejjed għandu jitnaqqas mit-total tal-elementi (a) sa (ca) li minnu jitnaqqsu (i), (j) u (k) ta’ dak l-Artikolu. L-elementi fil-punt (r) tal-Artikolu 57 ma għandhomx jitnaqqsu jekk ikunu ġew inklużi fil-kalkolu tal-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju għall-fini tal-Artikolu 75 kif imsemmi fil-Parti 4 tal-Anness IX.”

(d) Il-paragrafu 4 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet tal-kreditu jaqbżu l-limiti stipulati fil-paragrafi 1 u 1a b'mod temporanju waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.”

14. L-Artikolu 87 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 11 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"11. F'każ fejn skoperturi fil-forma ta’ impriża għall-investiment kollettiv (CIU) jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punti 77 u 78 tal-Parti 1 tal-Anness VI, u l-istituzzjoni tal-kreditu tkun konxja tal-iskoperturi kollha li fuqhom tissejjes is-CIU jew ta' partijiet minnhom, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tirreferi direttament għal dawn l-iskoperturi li fuqhom tissejjes is-CIU sabiex tikkalkula l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju u l-ammonti ta’ telf mistennija f'konformità mal-metodi stabbiliti f'din is-Sottosezzjoni. Il-paragrafu 12 għandu japplika għall-parti tal-iskoperturi li fuqhom tissejjes is-CIU li l-istituzzjoni tal-kreditu ma tkunx konxja tagħha u li tagħha ma tistax tkun konxja b'mod raġonevoli.

F'każ fejn l-istituzzjoni tal-kreditu ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-użu tal-metodi stabbiliti f’din is-Sottosezzjoni għall-iskoperturi kollha jew partijiet minnhom li fuqhom tissejjes is-CIU, l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju u l-ammonti ta’ telf mistennija għandhom jiġu kkalkulati skont il-metodi li ġejjin:

(a) għal skoperturi li jappartjenu għall-klassi tal-iskoperturi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 86(1), il-metodu stabbilit fil-punti 19 sa 21 tal-Parti 1 tal-Anness VII.

(b) għall-iskoperturi sottostanti l-oħra kollha, il-metodu stabbilit fl-Artikoli 78 sa 83, suġġett għall-modifiki li ġejjin:

(i) għal skoperturi suġġetti għal piż għar-riskju speċifiku għal skoperturi li ma ngħataw l-ebda rata jew li huma suġġetti għall-ogħla grad ta' kwalità tal-kreditu għal klassi ta’ skoperturi partikulari, il-piż għar-riskju għandu jiġi mmultiplikat b’fattur ta’ 2 imma ma jistax ikun iktar minn 1250%;

(ii) għall-iskoperturi l-oħra kollha, il-piż għar-riskju għandu jiġi mmultiplikat b’fattur ta’ 1.1 u jkun suġġett għal minimu ta’ 5%.”

Jekk, għall-fini tal-punt (a), l-istituzzjoni tal-kreditu ma tkunx tista’ tagħmel differenza bejn ekwità privata, innegozjata fuq il-bażi ta’ skambju, u skoperturi oħra tal-ekwità, għandha tittratta l-iskoperturi konċernati bħalma tittratta l-iskoperturi tal-ekwità l-oħrajn. F'każ fejn dawn l-iskoperturi, meħuda flimkien mal-iskoperturi diretti tal-istituzzjoni tal-kreditu f’din il-klassi ta’ skoperturi, ma jkunux skoperturi materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 89(2), jista’ jiġi applikat il-Paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu suġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.”

(b) Fil-paragrafu 12, it-tieni subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“B'mod alternattiv għall-metodu mfisser fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet tal-kreditu jistgħu jew jikkalkulaw huma stess jewinkella jserrħu fuq parti terza biex tikkalkula u tirrapporta l-ammonti medji tal-iskopertura ppeżati għar-riskju bbażati fuq l-iskoperturi li fuqhom tissejjes is-CIU f’konformità mal-metodi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 11, dejjem jekk ikunu żgurati l-korrettezza tal-kalkolu u tar-rapport b’mod xieraq.”

15. Fl-Artikolu 89, il-frażi introduttorja tal-punt (d) qed titbiddel b'dan li ġej:

“(d) skoperturi għall-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri u l-gvernijiet reġjonali tagħhom, l-awtoritajiet u l-entitajiet amministrattivi lokali sakemm”

16. L-Artikolu 106 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"2. L-iskoperturi ma għandhom jinkludu l-ebda element minn dawn li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ skambju barrani, skoperturi mġarrbin waqt operazzjoni normali tas-sald matul it-48 siegħa ta' wara l-pagament;

(b) fil-każ ta' tranżazzjonijiet biex jinxtraw jew jinbiegħu titolizzazzjonijiet, skoperturi mġarrbin waqt operazzjoni normali tas-sald matul il-ħamest ijiem tax-xogħol ta’ wara li jkun sar il-pagament jew il-kunsinna tat-titolizzazzjonijiet, liema minnhom jiġi l-ewwel; jew

(c) fil-każ tal-forniment ta’ servizzi ta' trasferiment ta’ flus jew ta' servizzi ta' kklerjar u sald tat-titolizzazzjonijiet lill-klijenti, irċevuti tard f’każ ta’ finazjament u skoperturi oħrajn li jinbtu minn attività min-naħa tal-klijent, li ma jdumux aktar mill-jum tan-negozju li jkun imiss”.

(b) Qed jiżdied il-paragrafu 3:

"3. Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ grupp ta’ klijenti relatati, fir-rigward tal-iskoperturi msemmija fil-punti (m), (o) u (p) tal-Artikolu 79(1), f'każ fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti, istituzzjoni tal-kreditu għandha tivvaluta l-iskema u l-iskoperturi li fuqhom hija msejsa. Għal dan il-għan, istituzzjoni tal-kreditu għandha tevalwa s-sustanza ekonomika u r-riskji li hemm fl-istruttura tat-tranżazzjoni.”

17. L-Artikolu 107 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Artikolu 107

Għall-fini tal-kalkolu tal-valur tal-iskoperturi f’konformità ma’ din it-Taqsima, it-terminu "istituzzjoni tal-kreditu" għandu jkopri wkoll kwalunkwe impriża privata jew pubblika, inkluż il-fergħat tagħha, li tissodisfa d-definizzjoni ta’ "istituzzjoni tal-kreditu" u li ġiet awtorizzata f’pajjiż terz.”

18. L-Artikolu 110 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Artikolu 110

1. Istituzzjoni tal-kreditu għandha tirrapporta t-tagħrif li ġej dwar kull skopertura kbira lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-iskoperturi l-kbar li huma eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 111(1):

(a) l-identifikazzjoni tal-klijent jew tal-grupp ta’ klijenti relatati li għalihom istituzzjoni tal-kreditu għandha skopertura kbira;

(b) il-valur tal-iskopertura qabel ma jitqies l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, sa fejn hu possibbli;

(c) meta wżata, it-tip ta’ protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhijiex;

(d) il-valur tal-iskopertura wara li jitqies l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu kkalkulat għall-fini tal-Artikolu 111(1).

Jekk istituzzjoni tal-kreditu tkun suġġetta għall-Artikoli 84 sa 89, l-akbar 20 skopertura tagħha fuq bażi konsolidata, minbarra dawk eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 111(1), għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li r-rappurtar għandu jsir mill-inqas darbtejn fis-sena.

3. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu janalizzaw, sa fejn hu possibbli, l-iskoperturi tagħhom għal emittenti tal-kollateral u għal fornituri ta’ protezzjoni tal-kreditu mhux iffinanzjata għall-konċentrazzjonijiet possibbli u fejn xieraq jieħdu azzjoni u jirrappurtaw kwalunkwe riżultat sinifikanti lill-awtorità kompetenti tagħhom.”

19. L-Artikolu 111 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. Istitutuzzjoni tal-kreditu tista' ma ġġarrabx skopertura ta' valur li ma jaqbiżx il-25 % tal-fondi proprji tagħha, wara li tqis l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu skont l-Artikoli 112 sa 117, għal klijent jew grupp ta' klijenti konnessi.

Fejn klijent ikun istituzzjoni jew grupp ta' klijenti konnessi jinkludu isituzzjoni waħda jew aktar, dan il-valur ma jistax jaqbeż il-25 % tal-fondi proprji tal-istituzzjoni tal-kreditu jew l-ammont ta' EUR 150 mijlun, skont liema jkun l-ogħla, sakemm it-total tal-valuri tal-iskoperturi, wara li jitqiesu l-effetti tal-mitigazzjoni tar-risjku tal-kreditu skond l-Artikoli 112 sa 117, għall-klijenti kollha konnessi li ma jkunux istituzzjonijiet ma jeċċedix il-25 % tal-fondi proprji tal-istituzzjoni tal-kreditu.

L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitu aktar baxx minn EUR 150 miljun u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni."

(b) Il-paragrafi 2 u 3 qed jitħassru.

(c) Il-paragrafu 4 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"4. Istituzzjoni ta’ kreditu għandha dejjem tkun konformi mal-limitu stipulat fil-paragrafu 1. Jekk, f'każ eċċezzjonali, l-iskoperturi jaqbżu dan il-limitu, il-valur tal-iskopertura għandu jiġi rrappurtat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu jippermettu lill-istituzzjoni tal-kreditu perjodu ta’ żmien limitat li fih għandha tikkonforma mal-limitu, fejn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan.”

20. L-Artikolu 112 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"2. Suġġett għall-paragrafu 3, f'każ fejn ir-rikonoxximent tal-protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata u mhijiex ikun awtorizzat, skont l-Artikoli 113 sa 117, dan għandu jkun suġġett għall-konformità mar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà u rekwiżiti minimi oħra, stabbiliti fl-Artikoli 90 sa 93."

(b) Qed jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"4. Għall-fini ta’ din it-Taqsima, istituzzjoni tal-kreditu ma għandhiex tqis il-kollateral imsemmi fil-punti 20 sa 22 tal-Parti 1 tal-Anness VIII, sakemm dan ma jkunx awtorizzat skont l-Artikolu 115.”

21. L-Artikolu 113 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafi 1 u 2 qed jitħassru.

(b) Il-paragrafu 3 qed jiġi emendat kif ġej:

(i) Il-frażi introduttorja qed titbiddel b’dan li ġej:

"3. L-iskoperturi li ġejjin għandhom jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 111(1):”

(ii) Il-punti (e) u (f) qed jitbiddlu b’dan li ġej:

“(e) elementi tal-assi li jikkostitwixxu pretensjonijiet fuq il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri fejn dawk il-pretensjonijiet ikunu assenjati piż għar-riskju ta’ 0% skont l-Artikoli 78 sa 83 u skoperturi oħrajn għat-tali gvernijiet jew awtoritajiet jew iggarantiti minnhom li l-pretensjonijiet fuqhom ikunu assenjati piż għar-riskju ta’ 0% skont l-Artikoli 78 sa 83.

(f) l-iskoperturi għall-kontropartijiet imsemmija fil-paragrafu 7 jew il-paragrafu 8 tal-Artikolu 80 jekk dawn jiġu assenjati piż għar-riskju ta’ 0% skont l-Artikoli 78 sa 83; l-iskoperturi li ma jissodisfawx dawn il-kriterji għandhom jiġu ttrattati bħala skoperturi għal parti terza, kemm jekk ikunu eżentati mill-Artikolu 111(1) u kemm jekk le.”

(iii) Il-punt (i) qed jitbiddel b’dan li ġej:

"(i) l-iskoperturi li jirriżultaw minn faċilitajiet tal-kreditu mhux użati li fl-Anness II huma kklasifikati bħala oġġetti ta’ riskju baxx li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ u dejjem jekk ikun intlaħaq ftehim mal-klijent jew mal-grupp ta’ klijenti relatati li permezz tiegħu l-faċilità tista’ tintuża biss jekk ikun ġie aċċertat li l-limitu applikabbli skont l-Artikolu 111(1) ma jkunx se jinqabeż minħabba f'hekk.”

(iv) Il-punti (j) sa (t) qed jitħassru.

(c) It-tielet, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi qed jitħassru.

(d) Qed jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-iskoperturi li ġejjin għal kollox jew b'mod parzjali mill-applikazzjoni tal-Artikolu 111(1):

(a) bonds koperti li jaqgħu fi ħdan it-termini tal-punti 68, 69 u 70 tal-Parti 1 tal-Anness VI;

(b) elementi tal-assi li jikkostitwixxu pretensjonijiet fuq il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri fejn dawk il-pretensjonijiet ikunu assenjati piż għar-riskju ta’ 20% skont l-Artikoli 78 sa 83 u skoperturi oħrajn għat-tali gvernijiet jew awtoritajiet jew iggarantiti minnhom li l-pretensjonijiet fuqhom ikunu assenjati piż għar-riskju ta’ 20% skont l-Artikoli 78 sa 83;

(c) minkejja l-punt (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skoperturi mġarrba minn istituzzjoni tal-kreditu għall-impriża prinċipali tagħha, għal sussidjarji oħrajn ta’ dik l-impriża prinċipali jew għas-sussidjarji tagħha stess, sakemm dawn l-impriżi jkunu koperti mis-supervżjoni fuq bażi konsolidata li għaliha hija suġġetta l-istituzzjoni tal-kreditu nnifisha, skont din id-Direttiva jew skont l-istandards ekwivalenti fis-seħħ f'pajjiż terz; l-iskoperturi li ma jissodisfawx dawn il-kriterji għandhom jiġu ttrattati bħala skoperturi għal parti terza, kemm jekk ikunu eżentati mill-Artikolu 111(1) u kemm jekk le;

(d) elementi tal-assi li jikkostitwixxu skoperturi għal, parteċipazzjonijiet fi jew tipi oħra ta’ depożiti f’istituzzjonijiet tal-kreditu reġjonali jew ċentrali li magħhom l-istituzzjoni tal-kreditu li qed issellef hija assoċjata f’netwerk skont id-dispożizzjonijiet legali jew statutorji u li huma responsabbli, skont dawk id-dispożizzjonijiet, għall-operazzjonijiet ta’ kklerjar tal-flus fi ħdan in-netwerk;

(e) elementi tal-assi li jikkostitwixxu pretensjonijiet fuq istituzzjonijiet tal-kreditu, u skoperturi oħra għal istituzzjonijiet tal-kreditu, imġarrba minn istituzzjonijiet tal-kreditu li joperaw fuq bażi mhux kompetittiva li jipprovdu self skont programmi leġiżlattivi jew l-istatuti tagħhom biex jippromwovu oqsma speċifiċi tal-ekonomija taħt xi forma ta’ sorveljanza governattiva u restrizzjonijiet fuq l-użu tas-self, sakemm l-iskoperturi rispettivi joriġinaw mit-tali self li jitgħadda lill-benefiċjarji permezz ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu oħrajn.”

(f) elementi tal-assi li jikkostitwixxu pretensjonijiet fuq istituzzjonijiet, u skoperturi oħra għal istituzzjonijiet, dejjem jekk dawk l-iskoperturi ma jikkostitwixxux il-fondi proprji tat-tali istituzzjonijiet, ma jdumux aktar mill-jum tan-negozju li jkun imiss u jkunu fil-munita tal-Istat Membru li jkun qed jeżerċita din l-għażla, dejjem jekk din il-munita ma tkunx l-euro."

22. L-Artikolu 114 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. Suġġett għall-paragrafu 3, għall-fini tal-kalkolu tal-valur tal-iskoperturi għall-finijiet tal-Artikolu 111(1), istituzzjoni tal-kreditu tista’ tuża l-“valur tal-iskopertura aġġustat kompletament” kif ikkalkulat skont l-Artikoli 90 sa 93, filwaqt li tqis il-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, l-aġġustamenti għall-volatilità u kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fil-maturità (E*).”

(b) Il-paragrafu 2 qed jiġi emendat kif ġej:

(i) L-ewwel subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Bla ħsara għall-paragrafu 3, istituzzjoni tal-kreditu li hija awtorizzata tuża l-estimi tagħha stess ta’ telf minħabba ksur ta’ kuntratt (LGDs), u fatturi ta’ konverżjoni għal klassi ta’ skopertura skont l-Artikoli 84 sa 89, għandu jkollha l-permess, fejn tkun tista’ u jekk tissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti, tagħmel stima tal-effetti ta’ kollateral finanzjarju fuq l-skoperturi tagħha separatament minn aspetti oħra rilevanti għal-LGD, biex tirrikonoxxi t-tali effetti fil-kalkolu tal-valur tal-iskoperturi għall-għanijiet tal-Artikolu 111(1).”

(ii) Ir-raba’ subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Istituzzjonijiet tal-kreditu li jitħallew jużaw l-istimi tagħhom stess ta' telf minħabba ksur ta’ kuntratt (LGDs) u fatturi ta’ konverżjoni għal klassi ta’ skopertura skont l-Artikoli 84 sa 89, li ma jikkalkulawx il-valur tal-iskoperturi tagħhom bl-użu tal-metodu msemmi fl-ewwel subparagrafu jistgħu jużaw il-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju jew l-approċċ stabbilit fl-Artikolu 117(1)(b) għall-kalkolu tal-valur tal-iskoperturi.”

(c) Il-paragrafu 3 qed jiġi emendat kif ġej:

(i) L-ewwel subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Istituzzjoni tal-kreditu li tuża l-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju jew li titħalla tuża l-metodu deskritt fil-paragrafu 2 biex tikkalkula l-valur tal-iskoperturi għall-għanijiet tal-Artikolu 111(1), għandha, minn żmien għall-ieħor, twettaq testijiet dwar l-istress tal-konċentrazzjonijiet tar-riskju ta’ kreditu tagħha, inkluż f'dak li għandu x’jaqsam mal-valur realizzabbli ta’ kwalunkwe kollateral li jkun ittieħed.”

(ii) Ir-raba’ subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“F'każ li t-tali test dwar l-istress jindika valur realizzabbli tal-kollateral meħud li jkun aktar baxx milli kien ikun awtorizzat sabiex jitqies waqt l-użu tal-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju jew tal-metodu deskritt fil-paragrafu 2 kif xieraq, il-valur tal-kollateral li hu awtorizzat li jiġi rrikonoxxut għall-kalkolu tal-valur tal-iskoperturi għall-għanijiet tal-Artikolu 111(1) għandu jitnaqqas kif xieraq.”

(iii) Fil-ħames subparagrafu, il-punt (b) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(b) il-politiki u l-proċeduri f'każ li test dwar l-istress jindika valur realizzabbli tal-kollateral aktar baxx minn dak li tqies waqt l-użu tal-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju jew tal-metodu deskritt fil-paragrafu 2; u”

(d) Il-paragrafu 4 qed jitħassar.

23. L-Artikolu 115 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“ Artikolu 115

1. Għall-fini ta’ din it-Taqsima, istituzzjoni tal-kreditu tista’ tnaqqas il-valur tal-iskopertura b’mhux aktar minn 50% tal-valur tal-proprjetà residenzjali konċernata, jekk tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-iskopertura hija ggarantita minn ipoteki fuq proprjetà residenzjali jew minn ishma f’kumpaniji Finlandiżi ta’ proprjetà immobbli residenzjali, li joperaw f’konformità mal-Liġi Finlandiża tal-1991 dwar il-Kumpaniji ta’ Proprjetà Immobbli Residenzjali jew mal-leġiżlazzjoni ekwivalenti li ġiet wara;

(b) l-iskopertura hija marbuta ma’ tranżazzjoni tal-kiri li biha dak li għandu l-proprjetà għall-kiri jżomm sjieda sħiħa tal-proprjetà residenzjali mikrija għal sakemm il-kerrej ma jeżerċitax l-għażla tiegħu biex jixtri.

Il-valur tal-proprjetà għandu jiġi kkalkulat, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti, fuq il-bażi ta’ standards tal-valutazzjoni riġidi stipulati mil-liġi, mir-regolamentazzjoni jew minn dispożizzjonijiet amministrattivi. Għandha ssir valutazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Proprjetà residenzali għandha tfisser residenza li trid tkun okkupata jew mikrija minn sidha.

2. Għall-għanijiet ta’ din it-Taqsima, istituzzjoni tal-kreditu tista’ tnaqqas il-valur tal-iskopertura b’mhux aktar minn 50% tal-valur tal-proprjetà kummerċjali konċernata biss jekk l-iskoperturi li ġejjin jirċievu piż għar-riskju ta’ 50% skont l-Artikoli 78 sa 83:

(a) skoperturi garantiti minn ipoteki fuq uffiċċji jew bini kummerċjali ieħor, jew minn ishma f’kumpaniji Finlandiżi ta’ proprjetà immobbli residenzjali, li joperaw f’konformità mal-Liġi Finlandiża tal-1991 dwar il-Kumpaniji ta’ Proprjetà Immobbli Residenzjali jew mal-leġiżlazzjoni ekwivalenti li ġiet wara, fir-rigward ta’ uffiċċji jew bini kummerċjali ieħor; jew

(b) skoperturi marbutin ma’ tranżazzjonijiet ta’ kiri tal-proprjetà li jikkonċernaw uffiċċji jew bini kummerċjali ieħor.

Il-bini kummerċjali għandu jkun binja kompluta, mikrija kompletament u li tipproduċi dħul xieraq mill-kera.”

24. L-Artikolu 116 qed jitħassar.

25. L-Artikolu 117 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. F'każ fejn skopertura għal klijent hija ggarantita minn parti terza jew tkun iggarantita b'kollateral maħruġ minn parti terza, istituzzjoni tal-kreditu tista’:

(a) tittratta l-porzjon tal-iskopertura li hija ggarantita bħala mġarrba għall-garanti u mhux għall-klijent, dejjem jekk l-iskopertura mhix iggarantita għall-garanti tkun assenjata piż għar-riskju daqs jew aktar baxx mill-piż għar-riskju tal-iskopertura mhix iggarantita għall-klijent skont l-Artikoli 78 sa 83;

(b) tittratta l-porzjon tal-iskopertura kkollateralizzata mill-valur tas-suq ta’ kollateral irrikonoxxut bħala porzjon li ġġarrab mill-parti terza u mhux mill-klijent, jekk l-iskopertura tkun iggarantita b’kollateral u dejjem jekk il-porzjon ikkollateralizzat tal-iskopertura jkun assenjat piż għar-riskju daqs jew aktar baxx mill-piż għar-riskju tal-iskopertura mhix iggarantita għall-klijent skont l-Artikoli 78 sa 83;

Il-metodu msemmi fil-punt (b) ma għandux jintuża minn istituzzjoni tal-kreditu f'każ fejn ikun jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn il-maturità tal-iskopertura u l-maturità tal-protezzjoni.

Għall-għanijiet ta’ din it-Taqsima, istituzzjoni tal-kreditu tista’ tuża kemm il-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju u kif ukoll it-trattament ipprovdut fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu biss meta titħalla tuża kemm il-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju u kif ukoll il-Metodu Ssimplifikat għall-Kollateral Finanzjarju għall-għanijiet tal-Artikolu 75(a).”

(b) Fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja qed titbiddel b’dan li ġej:

“F'każ fejn istituzzjoni tal-kreditu tapplika l-punt (a) tal-paragrafu 1:”

26. L-Artikolu 119 qed jitħassar.

27. Qed tiżdied it-Taqsima 7 li ġejja mal-Kapitolu 2:

"Taqsima 7

L-iskoperturi għar-riskju tal-kreditu ttrasferit

“Artikolu 122a

1. Istituzzjoni tal-kreditu għandha tkun esposta għar-riskju tal-kreditu ta' obbligazzjoni jew ta' obbligazzjoni potenzjali jew ta' ġabra ta' obbligazzjonijiet jew ta' obbligazzjonijiet potenzjali f'każ fejn ma kenitx involuta direttament fin-negozjar, l-istrutturar u d-dokumentazzjoni tal-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligazzjonijiet jew l-obbligazzjonijiet potenzjali jekk:

(a) il-persuni jew l-entitajiet li nnegozjaw, strutturaw u ddokumentaw direttament il-ftehim oriġinali mal-obbligatur jew mal-obbligatur potenzjali; jew b'mod alternattiv u fejn applikabbli,

(b) il-persuni jew l-entitajiet li jmexxu u jixtru t-tali obbligazzjonijiet jew obbligazzjonijiet potenzjali direttament jew indirettament f'isem l-istituzzjoni tal-kreditu

jkunu ħarġu impenn espliċitu lill-istituzzjoni tal-kreditu li jżommu, fuq bażi kontinwa, interess ekonomiku materjali nett u fi kwalunkwe każ li ma jkunx inqas minn 5 fil-mija f'pożizzjonijiet li jkollhom l-istess profil tar-riskju bħal dak li hija esposta għalih l-istituzzjoni tal-kreditu.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-obbligazzjonijiet jew obbligazzjonijiet potenzjali li jikkostitwixxu pretensjonijiet jew pretensjonijiet kontinġenti fuq jew iggarantiti minn:

(a) gvernijiet ċentrali jew banek ċentrali;

(b) istituzzjonijiet li għalihom japplika grad ta' kwalità tal-kreditu bin-numru 3 jew aħjar skont il-punt 29 tal-Parti 1 tal-Anness VI; u

(c) banek għall-iżvilupp multilaterali.

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għas-self issindikat jew għal tibdil tan-nuqqasijiet tal-obbligi tal-kreditu ("credit default swaps") f'każ fejn dawn l-istrumenti ma jkunux użati bħala pakkett u/jew kopertura għal obbligazzjoni li hija koperta mill-paragrafu 1.

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għal skoperturi mġarrba mill-istituzzjonijiet tal-kreditu wara l-1 ta' Jannar 2011. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jwaqqfu b'mod temporanju r-rekwiżiti waqt perjodi ta' stress ġenerali fil-likwidità tas-suq.

4. Qabel ma jinvestu u fuq bażi kontinwa, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom dejjem ikunu kapaċi juru lill-awtoritajiet kompetenti, għal kull waħda mill-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni tagħhom, li huma fehmu b'mod komprensiv u sewwa, u implimentaw il-politiki u l-proċeduri formali għall-analiżi u ż-żamma tar-rekords bil-miktub ta':

(a) l-impenn, skont il-paragrafu 1, tal-oriġinaturi u/jew tal-finanzjaturi li jżommu interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni u l-perjodu għal meta ngħata dan l-impenn;

(b) il-karatteristiki tar-riskju tal-pożizzjoni tat-titolizzazzjoni individwali;

(c) il-karatteristiki tar-riskju tal-iskoperturi li fuqhom tissejjes il-pożizzjoni tat-titolizzazzjoni;

(d) l-isem u l-esperjenza tat-telf f'titolizzazzjonijiet iktar bikrin tal-oriġinaturi fil-klassijiet tal-iskopertura rilevanti li fuqhom tissejjes il-pożizzjoni tat-titolizzazzjoni;

(e) id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-oriġinaturi u l-finanzjaturi dwar id-diliġenza dovuta li wettqu dwar l-obbligaturi u, fejn applikabbli, dwar il-kwalità kollaterali tal-iskopreturi li fuqhom tissejjes il-pożizzjoni tat-titolizzazzjoni;

(f) fejn applikabbli, il-metodoloġiji u l-kunċetti li fuqhom hija bbażata l-valwazzjoni tal-kollateral li jkun qed jappoġġa l-iskoperturi li fuqhom tissejjes il-pożizzzjoni tat-titolizzazzjoni u l-politiki adottati mill-oriġinaturi sabiex tiġi żgurata l-indipendenza ta' min iwettaq il-valwazzjoni; u

(g) Il-karatteristiċi strutturali kollha tat-titolizzazzjoni li jista' jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni tat-titolizzazzjoni tal-istituzzjoni tal-kreditu. Għal dan il-għan, qabel ma jinvestu u b'mod regolari wara li jagħmlu dan, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom iwettqu u jżommu rekord tat-testijiet xierqa dwar l-istress, li għandhom jitwettqu b'mod indipendenti mill-ECAI jew ECAIs li taw grad lit-titolizzazzjoni u li għandhom jibbażaw fuq it-tagġrif rilevanti kollu mogħti mill-oriġinatur għal dan il-għan.

5. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jistabbilixxu proċeduri formali sabiex jimmonitorjaw tagħrif dwar il-prestazzjoni tal-iskoperturi li fuqhom jissejsu l-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni tagħhom fuq bażi kontinwa u fil-ħin dovut. Fejn rilevanti, dan għandu jinkludi, mill-inqas: it-tip tal-iskopertura, kemm l-iskopertura jkun ilha miżmuma mill-oriġinatur, inkluż il-perċentwal miżmum mill-oriġinatur għal inqas minn sentejn, il-perċentwal ta' self li qabeż it-30, 60 u 90 jum minn meta kien dovut, ir-rati tan-nuqqasijiet tal-obbligi, ir-rati tal-ħlas bil-quddiem, is-self fi stat ta' preklużjoni, it-tip u l-okkupanza tal-kollateral, id-distribuzjoni tal-frekwenza tal-marki tal-kreditu ("credit scores") jew miżuri oħrajn tal-vijabbiltà tal-kreditu fl-iskoperturi sottostanti, id-diversifikazzjoni industrijali u ġeografika, id-distribuzzjoni tal-frekwenza tas-self għall-proporzjonijiet tal-valur b'livelli li jħaffu l-analiżi xierqa tas-sensittività. F'każ fejn l-iskoperturi sottostanti huma minnhom infushom pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni, ir-rekwiżiti sabiex jiġu mmonitorjati u sabiex ikun hemm aċċess għat-tagħrif għandu japplika għall-iskoperturi li fuqhom jissejsu dawk il-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni. F'każ fejn ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti tal-paragrafu 4 u f'dan il-paragrafu, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom japplikaw piż għar-riskju ta' 1250% għal dawn il-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni taħt il-parti 4 tal-Anness IX.

6. Istituzzjonijiet tal-kreditu oriġinaturi u finanzjaturi għandhom japplikaw l-istess kriterji sodi u mfissrin tajjeb għall-għoti tal-kreditu skont ir-rekwiżiti tal-punt 3 tal-Anness V għall-iskoperturi li għandhom jiġu ttitolizzati bħalma japplikaw fil-każ ta' skoperturi li jkunu se jinżammu fil-kotba li mhumiex tal-kummerċ tagħhom stess. Għal dan il-għan għandhom jiġu applikati l-istess proċessi sabiex jiġu approvati u, fejn rilevanti, jiġu emendati, mġedda jew iffinanzjati mill-ġdid il-krediti mill-istituzzjonijiet tal-kreditu oriġinaturi u finanzjaturi. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom japplikaw ukoll l-istess standards tal-analiżi għall-parteċipazzjonijiet u/jew is-sottoskrizzjonijiet fi kwistjonijiet tat-titolizzazzjoni mixtrija mingħand partijiet terzi kemm jekk it-tali parteċipazzjonijiet u/jew sottostkrizzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-kotba tal-kummerċ tagħhom u kemm jekk għandhom jiddaħħlu fil-kotba li mhumiex tal-kummerċ tagħhom.

7. L-istituzzjonijiet tal-kreditu oriġinaturi u finanzjaturi għandhom jiżvelaw lill-investituri l-livell tal-impenn tagħhom taħt il-paragrafu 1 li jżommu interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni. L-istituzzjonijiet tal-kreditu oriġinaturi u finanzjaturi għandhom jiżguraw li investituri prospettivi jkollhom aċċess li jkun disponibbli b;mod faċli għad-dejta rilevanti materjali ollha dwar il-kwalità u l-prestazzjoni tal-kreditu tal-iskoperturi sottostanti individwali, tal-flussi tal-flus u tal-kollateral li jkun qed jappoġġa skopertura għat-titolizzazzjoni kif ukoll it-tagħrif meħtieġ biex iwettqu testijiet dwar l-istress komprensivi u mgħarrfa sewwa dwar il-flussi tal-flus u l-valuri kollaterali li jappoġġaw l-iskoperturi sottostanti. F'każ fejn ma jkunux issodisfati dawn ir-rekwiżiti u dawk fil-paragrafu 6, ma għandux jiġi applikat l-Artikolu 95(1) minn istituzzjoni tal-kreditu oriġinatriċi li mhix se titħalla teskludi l-iskoperturi titolizzati mill-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali tagħha skont din id-Direttiva.

8. Il-paragrafi 4 sa 7 għandhom japplikaw għal titolizzazzjonijiet maħruġin mid-data meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva u għal titolizzazzjonijiet eżistenti f'każ fejn jiżdiedu jew jinbidlu skoperturi sottostanti ġodda wara dik id-data.

9. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżvelaw b'mod pubbliku ta' lanqas darba fis-sena:

(a) il-metodoloġiji adottati sabiex tiġi analizzata l-konformità mal-paragrafi 1 sa 7;

(b) deskrizzjoni u l-għadd tal-miżuri mwettqin sabiex tiġi analizzati l-konformità mal-paragrafi 1 sa 7 matul l-aħħar sena; u

(c) l-għadd u deskrizzjoni qasira tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-paragrafi 1 sa 7 identifikati matul l-aħħar sena.

Dan ir-rekwiżit huwa suġġett għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 144.

10. Kull sena, il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-konformità tal-awtoritajiet kompetenti ma' dan l-Artikolu. Sa mhux aktar tard minn Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-effettività ta' dan l-Artikolu fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq."

28. L-Artikolu 129 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jiġi emendat kif ġej:

(i) Il-punt (b) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(b) l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji f’sitwazzjonijiet ta' negozju avvjat, inkluż f'dak li għandu x’jaqsmu mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 123, 124, 136 fil-Kapitolu 5 u fl-Anness V, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti involuti;

(ii) Qed jiżdied il-punt (c) li ġej:

(c) l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti involuti, u jekk ikun meħtieġ mal-banek ċentrali, bħala tħejjija u waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġerza, inklużi żviluppi negattivi f’istituzzjonijiet tal-kreditu jew fis-swieq finanzjarji.

L-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji msemmija fil-punt (c) jinkludu l-miżuri eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 132(3)(b), it-tħejjija ta’ valutazzjonijiet konġunti, l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza u l-komunikazzjoni lill-pubbliku.”

(b) Qed jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"3. Is-superviżur ta’ konsolidazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tas-sussidjarji ta’ istituzzjoni tal-kreditu prinċipali tal-UE jew ta’ kumpanija holding finanzjarja prinċipali tal-UE fi Stat Membru għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaslu għal deċiżjoni konġunta:

(a) dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 123 u 124 biex tiġi ddeterminata l-adegwatezza tal-livell ikkonsolidat tal-fondi proprji miżmuma mill-grupp fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja u l-profil tar-riskju tiegħu u konsegwentement, il-livell ta’ fondi proprji meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 136(2) għal kull entità fi ħdan il-grupp bankarju u fuq bażi konsolidata;

(b) dwar formati uniformi, il-frekwenzi u d-dati tar-rappurtar għall-applikazzjoni tal-Artikolu 74(2) għall-entitajiet kollha fi ħdan il-grupp bankarju.

Għall-għanijiet tal-punt (a), id-deċiżjoni konġunta għandha tintlaħaq sitt xhur wara li s-superviżur ta’ konsolidazzjoni jressaq rapport li jkun jinkludi l-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp f’konformità mal-Artikoli 124 u 123 lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra.

Għall-għanijiet tal-punt (b), id-deċiżjoni konġunta għandha tintlaħaq sat-30 ta’ Ġunju 2011.

Id-deċiżjoni konġunta msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titniżżel f’dokument li jkun fih id-deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha, li għandu jintbagħat lill-istituzzjoni tal-kreditu prinċipali tal-UE mis-superviżur ta’ konsolidazzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati, is-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu jikkonsulta lill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej. Is-superviżur ta’ konsolidazzjoni jista’ jikkonsulta lill- Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej minn jeddu.

Jekk sa żmien sitt xhur ma tkun ittieħdet l-ebda tali deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti, is-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 74(2), 123, 124 u 136(2) huwa stess. Id-deċiżjoni għandha titniżżel f’dokument li jkun fih id-deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha u għandha tqis il-fehmiet u d-dubji tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra mressqin matul il-perjodu tas-sitt xhur. Id-deċiżjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra mis-superviżur ta’ konsolidazzjoni.

F'każ fejn ikun ġie kkonsultat il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej, is-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu jqis it-tali parir, u jagħti raġuni għal kwalunkwe devjazzjoni sinifikanti minnu.

Id-deċiżjoni konġunta msemmija fl-ewwel subparagrafu u d-deċiżjoni msemmija fis-sitt subparagrafu għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala determinanti u għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru konċernat.”

29. Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 130 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. Meta tinħoloq sitwazzjoni ta’ emerġenza, inklużi żviluppi negattivi fis-swieq finanzjarji, li potenzjalment tqiegħed fil-periklu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri fejn entitajiet ta’ grupp ikunu ġew awtorizzati jew fejn ikunu stabbiliti fergħat sistemikament rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 42a, is-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu, suġġett għat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1, iwissi, mill-aktar fis prattikabbli, lill-awtoritajiet imsemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 49 u fl-Artikolu 50, u għandu jikkomunika t-tagħrif kollu li hu essenzjali għalihom biex iwettqu xogħolhom. Dawn l-obbligi għandhom japplikaw għall-awtoritajiet kompetenti kollha skont l-Artikoli 125 u 126 u għall-awtorità kompetenti identifikata fl-Artikolu 129(1).

Jekk l-awtorità msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 49 issir konxja ta’ sitwazzjoni deskritta fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din għandha twissi, mill-aktar fis prattikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 125 u 126.

Meta jkun possibbli, l-awtorità kompetenti u l-awtorità msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 49 għandhom jużaw kanali ta’ komunikazzjoni ddefiniti eżistenti.”

30. Qed jiddaħħal l-Artikolu 131a li ġej:

“Artikolu 131a

1. Is-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu jistabbilixxi kulleġġi tas-superviżuri sabiex iħaffef it-twettiq tal-ħidmiet imsemmija fl-Artikoli 129 u 130(1).

Il-kulleġġi tas-superviżuri għandhom jipprovdu qafas għas-superviżur ta’ konsolidazzjoni u għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra konċernati biex iwettqu l-ħidmiet li ġejjin:

(a) l-iskambju tat-tagħrif;

(b) il-qbil dwar l-affidament volontarju tal-ħidmiet u d-delegazzjoni tar-responsabbiltajiet;

(c) id-determinazzjoni ta’ programmi superviżorji ta’ eżaminar ibbażati fuq valutazzjoni tar-riskju tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 124;

(d) iż-żieda fl-effiċjenza tas-superviżjoni permezz tat-tneħħija ta’ ripetizzjoni bla ħtieġa tar-rekwiżiti superviżorji, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mat-talbiet għat-tagħrif imsemmija fl-Artikoli 130(2) u 132(2);

(e) l-applikazzjoni b’mod konsistenti tar-rekwiżiti prudenzjali skont din id-Direttiva fost l-entitajiet kollha fi ħdan grupp bankarju;

(f) l-applikazżjoni ta’ 129(1)(c) filwaqt li jitqies ix-xogħol ta’ fora oħrajn li jistgħu jiġi stabbiliti f'dan il-qasam.

L-awtoritajiet kompetenti li jieġdu sehem fil-kulleġġ tas-superviżuri għandhom jikkooperaw mill-qrib. Ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 ma għandhomx iżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw tagħrif kunfidenzjali fi ħdan il-kulleġġi tas-superviżuri. It-twaqqif tal-kulleġġi tas-superviżuri ma għandux jaffettwa d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva.

2. It-twaqqif u t-tħaddim tal-kulleġġ għandhom ikunu bbażati fuq arranġamenti bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 131, iffissati wara konsultazzjonijiet tas-superviżur ta’ konsolidazzjoni konċernat mal-awtoritajiet kompetenti.

Il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej għandu jfassal linji ta' gwida għat-tħaddim operattiv tal-kulleġġi.

L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta’ istituzzjoni tal-kreditu prinċipali tal-UE jew ta’ kumpanija holding finanzjarja prinċipali tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż ospitanti fejn huma stabbiliti fergħat sistemikament rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 42a, u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fejn dan ikun xieraq, jistgħu jieħdu sehem fil-kulleġġi tas-superviżuri.

Is-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu jippresiedi l-laqgħat tal-kulleġġ u għandu jiddeċiedi liema awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu sehem f’laqgħa jew f’attività tal-kulleġġ. Is-superviżur ta' konsolidazzjoni għandu jżomm infurmati bis-sħiħ il-membri kollha tal-kulleġġ tal-organizzazzjoni b'dawn il-laqgħat u attivitajiet u d-deċiżjonijiet meħuda f'dawn il-laqgħat.

Fid-deċiżjoni tiegħu, is-superviżur ta' konsolidazzjoni għandu jqis ir-rilevanza tal-attività superviżorja li trid tiġi ppjanata jew ikkoordinata għal dawk l-awtoritajiet, u l-obbligi msemmija fl-Artikoli 40(3) u 42a(2).

Suġġett għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1, us-superviżur ta’ konsolidazzjoni għandu jinforma lill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej dwar l-attivitajiet tal-kulleġġ tas-superviżuri, inkluż f'sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, u jikkomunika lil dak il-Kumitat it-tagħrif kollu li huwa partikolarment rilevanti għall-għanijiet tal-konverġenza superviżorja.”

31. L-Artikolu 132 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-punt (d) tal-paragrafu 1, ir-referenza għall-Artikolu 136 qed titbiddel bir-referenza għall-Artikolu 136(1).

(b) Fil-punt (b) tal-paragrafu 3, ir-referenza għall-Artikolu 136 qed titbiddel bir-referenza għall-Artikolu 136(1).

32. L-Artikolu 150 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jiġi emendat kif ġej:

(ii) Il-punti (k) u (l) qed jitbiddlu b’dan li ġej:

"(k) il-lista u l-klassifika ta’ oġġetti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ fl-Annessi II u IV;

(l) l-aġġustament tad-dispożizzjonijiet fl-Annessi III u V sa XII sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji (b’mod partikulari prodotti finanzjarji ġodda) jew fl-istandards tal-kontabilità jew fir-rekwiżiti li jqisu l-leġiżlazzjoni Komunitarja, jew għall-fini tal-konverġenza tal-prattika superviżorja; jew”

(ii) qed jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m) it-tibdil fl-ammont u fil-peċentwal speċifikat fl-Artikolu 111(1) biex jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji.”

(b) Fil-paragrafu 2, il-punt (c) qed jitbiddel b’dan li ġej:

"(c) kjarifiki tal-eżenzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 113;”

33. Fl-Artikolu 154, qed jiżdiedu l-paragrafi 8 u 9 li ġejjin:

"8. L-istituzzjonijiet tal-kreditu li sa [ id-data msemmija fl-Artikolu 4 – għandha tiddaħħal jekk hija magħrufa ] ma jkunux konformi mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 66(1a) għandhom jiżviluppaw strateġiji u proċessi skont l-Artikolu 123 għall-miżuri meħtieġa sabiex isolvu din is-sitwazzjoni qabel id-dati stabbiliti fil-paragrafu 9.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu eżaminati skont l-Artikolu 124.

9. L-istrumenti li sa [ id-data msemmija fl-Artikolu 4 – għandha tiddaħħal jekk hija magħrufa ], skont il-liġi nazzjonali kienu meqjusa ekwivalenti għall-oġġetti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 57 imma li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt (a) tal-Artikolu 57 jew li mhumiex konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 63a, għandhom ikomplu jitqiesu ekwivalenti sa [ 30 sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 4 – għandha tiddaħħal jekk hija magħrufa ], għal ammont li ma jaqbiżx:

(a) l-20% tat-total tal-punti (a) sa (ca) tal-Artikolu 57, li minnu jitnaqqas it-total tal-punti (i), (j) u (k) tal-Artikolu 57 [ bejn 10 sa 20 sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 4 – għandha tiddaħħal jekk hija magħrufa ];

(b) l-10% tat-total tal-punti (a) sa (ca) tal-Artikolu 57, li minnu jitnaqqas it-total tal-punti (i), (j) u (k) tal-Artikolu 57 [ bejn 20 sa 30 sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 4 – għandha tiddaħħal jekk hija magħrufa ];

34. L-Anness III qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-punt 5 tal-parti 1 qed jiżdied it-test li ġej:

“Skont il-metodu stabbilit fil-Parti 6 ta’ dan l-Anness (IMM), is-settijiet kollha tan-nettjar ma’ kontroparti unika jistgħu jiġu ttrattati bħala sett uniku ta’ nettjar jekk il-valuri tas-suq simulati negattivi tas-settijiet ta’ nettjar individwali jkunu ffissati għal 0 fl-istima tal-iskopertura mistennija (EE).”

(b) Fil-parti 2, il-punt 3 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"3. F'każ fejn istituzzjoni tal-kreditu tixtri protezzjoni tad-derivattiv tal-kreditu kontra skopertura li mhix imdaħħla fil-kotba tal-kummerċ jew kontra skopertura għar-RKK, tista’ tikkalkula r-rekwiżit kapitali tagħha għall-ass kopert f’konformità mal-punti 83 sa 92 tal-Parti 3 tal-Anness VIII, jew, suġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mal-punt 4 tal-Parti 1 tal-Anness VII, jew mal-punti 96 sa 104 tal-Parti 4 tal-Anness VII.

F’dawn il-każijiet, u meta ma tiġix applikata l-għażla fit-tieni sentenza tal-punt 11 tal-Anness II tad-Direttiva 2006/49/EC, il-valur tal-iskopertura għar-RKK għal dan id-derivattivi tal-kreditu għandu jiġi ffissat għal 0.

Madanakollu, istituzzjoni tista’ tagħżel li, b’mod konsistenti, tinkludi, għall-għanijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali għar-riskju tal-kreditu għall-kontroparti, id-derivattivi tal-kreditu kollha li mhumiex inklużi fil-kotba tal-kummerċ u mixtrija bħala protezzjoni kontra skopertura li mhix imdaħħla fil-kotba tal-kummerċ jew kontra skopertura għar-RKK meta l-protezzjoni tal-kreditu tkun irrikonoxxuta skont din id-Direttiva.”

(c) Fil-parti 5, il-punt 15 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"15. Għal kull emittent ta’ strument ta’ dejn ta’ referenza li fuqu huwa msejjes tibdil tan-nuqqas tal-obbligi tal-kreditu, jeżisti sett ta’ koperturi. Basket ta’ tibdiliet tan-nuqqas tal-obbligi tal-kreditu li fihom nuqqas "n" tal-obbligi għandu jiġi ttrattat kif ġej:

(a) id-daqs tal-pożizzjoni tar-riskju fi strument ta’ dejn ta’ referenza f’basket li fuqu jissejjes tibdil tan-nuqqas tal-obbligi tal-kreditu li fih nuqqas "n" tal-obbligi huwa l-valur nozzjonali effettiv tal-istrument ta’ dejn ta’ referenza, immultiplikat bit-tul ta’ żmien immodifikat tad-derivattiv li fih nuqqas "n" tal-obbligi fir-rigward ta’ bidla fil-firxa tal-kreditu tal-istrument ta’ dejn ta’ referenza;

(b) għal kull strument ta’ dejn ta’ referenza f’basket li fuqu jissejjes jissejjes tibdil speċifiku tan-nuqqas tal-obbligi tal-kreditu li fih nuqqas "n" tal-obbligi, jeżisti sett ta’ koperturi; il-pożizzjonijiet tar-riskju minn tibdiliet tan-nuqqas tal-obbligi tal-kreditu li fihom nuqqas "n" tal-obbligi ma għandhomx ikunu inklużi fl-istess sett ta’ koperturi;

(c) il-multiplikatur tar-RKK applikabbli għal kull sett ta’ koperturi maħluq għal wieħed mill-istrumenti ta’ dejn ta’ referenza ta’ derivattiv li fih gnuqqas "n" tal-obbligi hu ta' 0.3% għal strumenti ta’ dejn ta’ referenza li għandhom valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI irrikonoxxuta ekwivalenti għal grad ta' kwalità tal-kreditu bin-numru 1 sa 3 u ta' 0.6% għall-istrumenti ta’ dejn l-oħrajn.”

35. L-Anness V qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-punt 14 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"14. Għandu jkun hemm strateġiji, politiki, proċessi u sistemi b'saħħithom għall-identifikazzjoni, il-kejl u l-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità għal matul ġabra ta' termini xierqa taż-żmien, inkluż għall-istess jum, sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jżommu livelli xierqa ta’ riżervi tal-likwidità. Dawn l-istrateġiji, il-politiki, il-proċessi u s-sistemi għandhom jitfasslu b'mod speċifiku għal-linji tan-negozju, il-muniti u l-entitajiet legali u għandhom jinkludu mekkaniżmi xierqa għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-likwidità.”

(e) Qed jiddaħħal il-punt 14a li ġej:

“14a. L-istrateġiji, il-politika, il-proċessi u s-sistemi msemmija fil-punt 14 għandhom ikunu proporzjonali għall-kumplessità, il-profil tar-riskju, l-ambitu tal-operazzjoni tal-impriża u t-tolleranza għar-riskju stabbiliti mill-entità ta’ ġestjoni u għandhom jirriflettu r-rilevanza sistemika tal-istituzzjoni tal-kreditu f’kull wieħed mill-Istati Membri li fih tkun twettaq in-negozju tagħha.”

(f) Il-punt 15 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"15. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jiżviluppaw metodoloġiji għall-identifikazzjoni, il-kejl, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-pożizzjonijiet ta’ finanzjament, b’mod partikulari permezz ta’ sistema ta’ limiti. Dawn għandhom jinkludu l-flussi tal-flus li ġejjin mill-assi, mill-obbligazzjonijiet, mill-oġġetti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, inklużi obbligazzjonijiet kontinġenti u l-impatt possibbli tar-riskju tal-isem.”

(g) Qed jiżdiedu l-punti 16 sa 22 li ġejjin:

"16. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jagħmlu distinzjoni bejn assi mirhana u assi mingħajr piż imqiegħed fuqhom li huma disponibbli dejjem, b'mod partikulari f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Huma għandhom iqisu wkoll l-entità legali li fiha jkunu jinsabu l-assi, kif ukoll l-eliġibbiltà u l-mobilizzazzjoni f'waqtha tagħhom.

17. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jagħtu każ ukoll tal-limitazzjonijiet legali, regolatorji u operattivi eżistenti għat-trasferimenti potenzjali tal-likwidità u tal-assi mingħajr piż imqiegħed fuqhom bejn entitajiet legali, kemm fiż-ŻEE kif ukoll 'il barra minnha.

18. Istituzzjoni ta’ kreditu għandha tqis għodod differenti għall-mitigazzjoni tar-riskju tal-likwidità, inklużi r-riżervi tal-likwidità sabiex tkun tista’ tiflaħ għal firxa ta’ avvenimenti differenti ta’ stress u struttura ta’ finanzjament varjata b’mod xieraq kif ukoll aċċess għal sorsi ta’ finanzjament. Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu eżaminati fuq bażi regolari.

19. Għandhom jitqiesu kuntesti alternattivi marbuta mal-pożizzjonijiet tal-likwidità u mal-mitiganti tar-riskju, u s-suppożizzjonijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni ta’ finanzjament għandhom jiġu eżaminati b'mod regolari. Għal dawn l-għanijiet, kuntesti alternattivi għandhom jindirizzaw, b’mod partikulari oġġetti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ u obbligazzjonijiet kontinġenti oħrajn, inklużi dawk tal-SSPEs jew entitajiet oħrajn b'għanijiet speċjali, li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni tal-kreditu taġixxi ta’ finanzjatur jew tipprovdi appoġġ materjali tal-likwidità.

20. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom iqisu l-impatt potenzjali ta’ kuntesti alternattivi li jkunu marbutin ma’ istituzzjoni, mifruxin mas-suq kollu u magħqudin flimkien. Għandhom jitqiesu termini ta’ żmien differenti u għadd ta’ gradi ta’ kundizzjonijiet ta’ stress.

21. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jaġġustaw l-istrateġiji, il-politiki interna u l-limiti għar-riskju tal-likwidità tagħhom u jiżviluppaw pjanijiet ta’ kontinġenza effettivi, waqt li jqisu r-riżultati tal-kuntesti alternattivi msemmija fil-punt 19.

22. Biex jittrattaw kriżijiet tal-likwidità, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandu jkollhom imħejjija pjanijiet ta’ kontinġenza li jistabbilixxu strateġiji adegwati u miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-possibbiltà ta’ nuqqasijiet tal-likwidità. Dawn il-pjanijiet għandhom jiġu ttestjati fuq bażi regolari, jiġu aġġornati fuq il-bażi tar-riżultati tal-kuntesti alternattivi stabbiliti fil-punt 16, u jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet għoljin tal-ġestjoni u approvati minnhom, sabiex il-politiki u l-proċessi interni jkunu jistgħu jiġu aġġustati kif xieraq.”

36. L-Anness XI qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-punt 1(e) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(e) il-kejl, il-ġestjoni u l-iskopertura għar-riskju tal-likwidità mill-istituzzjonijiet tal-kreditu, inkluż l-iżvilupp ta’ analiżi ta’ kuntesti differenti, il-ġestjoni tal-mitiganti tar-riskju (b’mod partikulari l-livell, il-kompożizzjoni u l-kwalità tar-riżervi tal-likwidità) u l-pjani ta’ kontinġenza effettivi;

(b) Qed jiddaħħal il-punt 1a li ġej:

“1a. Għall-għanijiet tal-punt 1(e), l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq bażi regolari, iwettqu valutazzjoni komprensiva tal-ġestjoni ġenerali tar-riskju tal-likwidità mill-istituzzjonijiet tal-kreditu u jippromwovu l-iżvilupp ta’ metodoloġiji interni sodi. Filwaqt li jwettqu dawn l-analiżi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-kreditu fis-swieq finanzjarji. L-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru partikulari għandhom jagħtu każ ukoll tal-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra kollha konċernati.”

37. Il-punti 3 (a) u (b) tal-parti 2 tal-Anness XII qed jitbiddlu b’dan li ġej:

“(a) tagħrif fil-qosor dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-karatteristiċi ewlenin tal-oġġetti kollha tal-fondi proprji u l-komponenti tagħhom, inkużi l-istrumenti msemmija fil-punt (ca) tal-Artikolu 57, l-istrumenti li d-dispożizzjonijiet statutorji jew kuntrattwali tagħhom jipprovdu inċentiv għall-istituzzjoni tal-kreditu biex tifdihom, u l-istrumenti suġġetti għall-Artikolu 154(9);

(b) l-ammont tal-fondi proprji oriġinali, bi żvelar separat tal-oġġetti pożittivi kollha u tat-tnaqqis; l-ammont globali tal-istrumenti msemmija fil-punt (ca) tal-Artikolu 57 u l-istrumenti li d-dispożizzjonijiet statutorji jew kuntrattwali tagħhom jipprovdu inċentiv għall-istituzzjoni tal-kreditu biex tifdihom, għandhom ukoll jiġu żvelati b'mod separat; kull parti minn dak l-iżvelar għandha tispeċifika l-istrumenti suġġetti għall-Artikolu 154(9);”

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2006/49/KE

Id-Direttiva 2006/49/KE qed tiġi emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 12, l-ewwel subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“"Il-fondi proprji oriġinali" tfisser it-total tal-punti (a) sa (ca), li minnu jitnaqqas it-total tal-punti (i), (j) u (k) tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2006/48/KE.

(2) L-Artikolu 28 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. L-istituzzjonijiet, ħlief għall-impriżi tal-investiment li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu (2) jew (3) tal-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva, għandhom jimmonitorjaw u jikkontrollaw l-iskoperturi l-kbar tagħhom f’konformità mal-Artikoli 106 sa 118 tad-Direttiva 2006/48/KE.”

(b) Il-paragrafu 3 qed jitħassar.

(3) L-Artikolu 30(4) qed jitħassar.

(4) L-Artikolu 31 qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Fl-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b) qed jitbiddlu b’dan li ġej:

“(a) l-iskopertura għall-klijent jew għall-grupp ta’ klijenti li mhix imdaħħla fil-kotba tal-kummerċ konċernata ma taqbiżx il-limitu stipulat fl-Artikolu 111(1) tad-Direttiva 2006/48/KE, b’dan il-limitu jiġi kkalkulat b’referenza għall-fondi proprji kif speċifikat f’dik id-Direttiva, hekk li l-ammont żejjed jidher kollu kemm hu fuq il-kotba tal-kummerċ;

(b) l-istituzzjoni tissodisfa rekwiżit kapitali addizzjonali għall-ammont żejjed fir-rigward tal-limitu stipulat fl-Artikolu 111(1) tad-Direttiva 2006/48/KE, b'dan ir-rekwiżit kapitali addizzjonali jiġi kkalkulat skont l-Anness VI ta’ din id-Direttiva;”

(b) Fl-ewwel paragrafu, il-punt (e) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(e) kull tliet xhur l-istituzzjonijiet għandhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti l-każijiet kollha fejn il-limitu stipulat fl-Artikolu 111(1) tad-Direttiva 2006/48/KE jkun inqabeż matul it-tliet xhur ta' qabel.”

(c) It-tieni paragrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Fir-rigward tal-punt (e), f’kull każ li fih ikun inqabeż il-limitu, għandhom jiġu rrappurtati l-ammont żejjed u isem il-klijent konċernat.”

(5) Fl-Artikolu 32(1), l-ewwel subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

"1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri biex l-istituzzjonijiet ma jitħallewx jevitaw b’mod deliberat ir-rekwiżiti kapitali addizzjonali li altrimenti kienu jġarrbu, għal skoperturi li jaqbżu l-limitu stipulat fl-Artikolu 111(1) tad-Direttiva 2006/48/KE ladarba dawk l-iskoperturi jkunu nżammu għal aktar minn għaxart ijiem, billi jagħmlu trasferiment temporanju tal-iskoperturi konċernati lil kumpanija oħra, indipendentement jekk dan ikunx fl-istess grupp jew le, u/jew billi jwettqu tranżazzjonijiet artifiċjali biex jgħalqu l-iskopertura matul il-perjodu tal-għaxart ijiem u joħolqu skopertura ġdida.”

(6) Fl-Artikolu 38, qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3. L-Artikolu 42a, ħlief għall-punt (a) tad-Direttiva 2006/48/KE għandu japplika mutatis mutandis għas-superviżjoni tal-impriżi tal-investiment sakemm l-impriżi tal-investiment ma jkunux jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 20(2), 20(3) jew 46(1) ta’ din id-Direttiva.

(7) Fl-Artikolu 45(1) id-data "il-31 ta’ Diċembru 2010" qed titbiddel u ssir "il-31 ta' Diċembru 2012".

(8) Fl-Artikolu 48(1) id-data "il-31 ta’ Diċembru 2010" qed titbiddel u ssir "il-31 ta' Diċembru 2012".

Artikolu 3It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jeħtieġ biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet flimkien ma’ tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet sa mill-31 ta’ Marzu 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandha tiġi inkluża referenza għal din id-Direttiva jew magħhom għandu jkun hemm it-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 5Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzati lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President [pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Ir-Rakkomandazzjoni nru 87/62/KEE dwar il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ skoperturi kbar tal-istituzzjonjijiet ta’ kreditu [ titlu mhux uffiċjali ].

[2] Id-Direttiva 92/121/KEE dwar il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ skoperturi kbar tal-istituzzjonjijiet ta’ kreditu [ titlu mhux uffiċjali ].

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU C , , p. .

[6] ĠU C , , p. .

[7] ĠU C , , p. .

[8] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

[9] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

[10] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

Top