This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008PC0580
Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulation (EC) No 717/2007 on roaming on public mobile telephone networks within the Community and Directive 2002/21/EC on a common regulatory framework for electronic communications networks and services {COM(2008) 579 final} {SEC(2008) 2489} {SEC(2008) 2490}
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 23.9.2008 KUMM(2008) 580 finali 2008/0187 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi { KUMM(2008) 579 finali}{SEG(2008) 2489}{SEG(2008) 2490} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA - Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha Minħabba tħassib persistenti dwar in-nuqqas ta’ pressjonijiet kompetittivi fis-suq tas-servizzi roaming internazzjonali u t-tariffi għoljin li jitħallsu sussegwentament mill-konsumaturi Ewropej għall-forniment ta’ servizzi roaming waqt vjaġġar fil-Komunità, fis-27 ta’ Ġunju 2007, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE. Dan ir-Regolament introduċa approċċ komuni biex jiżgura li l-utenti tan-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għal servizzi roaming fil-Komunità, billi stipula limiti fuq it-tariffi li jistgħu jintalbu minn operaturi tal-mowbajl, fuq livelli bl-imnut u bl-ingrossa, għall-forniment ta’ sejħiet roaming tal-vuċi li joriġinaw u jitterminawfil-Komunità. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli mmirati biex tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet u jitjieb il-forniment ta' informazzjoni tal-klijent għall-utenti ta’ servizzi roaming madwar il-Komunità. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li l-Kummissjoni għandha tistħarreġ kif qed jiffunzjona r-Regolament (KE) Nru 717/2007 u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2008 (l-Artikolu 11 tar-Regolament). Għalkemm ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 stipula biss limiti massimi fuq l-prezzijiet tas-sejħiet roaming tal-vuċi, il-leġiżlaturi għarfu li kien għad hemm tħassib dwar il-livell ta’ prezzijiet għal servizzi roaming tad-dejta madwar il-Komunità, kif ukoll tal-SMS. Għalhekk impenjaw speċifikament lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni tal-vuċi u tad-dejta lill-klijenti roaming, inklużi l-SMS u l-MMS, u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni ta' dawk is-servizzi, jekk xieraq. Din il-proposta takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li tirraporta dwar ir-reviżjoni tagħha ta' kif qed jiffunzjona r-Regolament (KE) Nru 717/2007. L-għan tagħha huwa li temenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007, sabiex tkompli ssaħħaħ is-suq uniku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi billi tiżgura li l-prezzijiet mħallsa mill-utenti ta’ netwerks mobbli pubbliċi għal servizzi roaming fil-Komunità waqt ivvjaġġar madwar il-Komunità ma humiex ogħla, bla ġustifikazzjoni, mit-tariffi li jitħallsu għal telefonati, SMSs mibgħuta jew trasferiment ta’ dejta f’pajjiżhom u li l-utenti jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu biex jifhmu u jikkontrollaw in-nefqa tagħhom fuq servizzi roaming. - Il-kuntest ġenerali Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-analiżi tagħha ta' kif qed jiffunzjona r-Regolament (KE) Nru 717/2007 kkonkludiet li, waqt li l-implimentazzjoni tar-Regolament kienet ġeneralment bla ntoppi, il-problemi strutturali li jxekklu l-forzi kompetittivi fis-suq tar-roaming kien għadhom hemm. Prinċipalment, dawn jeżistu minħabba l-fatt li r-roaming huwa biss element wieħed minn għanqud ta’ servizzi mobbli akbar mixtri minn klijenti u għalhekk normalment ma jiddettax l-għażla tagħhom tal-operatur. Barra minn hekk, id-dejta miġbura mill-Grupp Ewropew tar-Regolaturi (ERG), li jinkludi is-27 regolaturi nazzjonali tal-UE (NRAs) kollha, turi li l-prezzijiet għal sejħiet roaming tal-vuċi fil-livelli tal-ingrossa u tal-imnut ma jinżlux taħt il-livelli massimi stipulati bir-Regolament, b'mod suffiċjenti, biex jagħtu xhieda ta' kompetizzjoni b'saħħitha. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li biex tippreserva l-benefiċċji tiegħu, ir-Regolament għandu jestendi għal perjodu ieħor ta’ tliet snin wara l-2010. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-prattiki tal-kontijiet applikati minn operaturi tal-mowbajl għal sejħiet roaming tal-vuċi, li bihom sejħiet ta’ sikwit jitħallsu abbażi ta’ unitajiet ta’ sa 60 sekonda, jirrapreżentaw tariffa moħbija lill-konsumatur li l-ERG stmaha li żżid madwar 24 % ma’ kont Eurotariffa roaming tipiku għal sejħiet li jsiru u 19 % għal sejħiet riċevuti. L-analiżi tal-Kummissjoni tas-settur tas-suq tar-roaming tal-SMS ta’ madwar il-Komunità turi wkoll li l-prezzijiet fil-livelli kemm tal-ingrossa kif ukoll tal-imnut ma humiex ġustifikati bi spejjeż involuti u li, għal l-istess raġunijiet li japplikaw għar-roaming tal-vuċi, ma hemmx pressjoni kompetittiva biżżejjed fuq l-operaturi biex tnaqqas dawn il-prezzijiet. Fil-fatt, id-dejta miġbura mill-ERG turi li l-prezzijiet fil-livelli tal-ingrossa u tal-imnut baqgħu stabbli u għoljin fil-perjodu li wassal għal din il-proposta. L-analiżi tal-Kummissjoni tas-settur tas-suq tar-roaming tad-dejta kkonkludiet li l-prezzijiet għal dan is-servizz kienu għoljin meta mqabbla mat-tariffi għal servizzi domestiċi ekwivalenti jew l-ispejjeż involuti fil-forniment u li din il-problema kienet akbar minħabba nuqqas ta’ trasparenza. Dan jagħmilha diffiċli għal konsumaturi biex jifhmu kemm se jħallsu għal roaming tad-dejta u rriżulta f’ħafna każijiet ta’ ‘kont li jaħsdek’ (‘bill shock’), fejn vjaġġaturi jeħlu, bla ma jintebħu, kontijiet ta’ eluf Euro biex iniżżlu dejta meta jkunu msefrin. Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-Kummissjoni wriet li waqt li l-prezzijiet għas-servizzi roaming tad-dejta jista' jkun li qed jonqsu, baqgħu għoljin, bla ġustifikazzjoni, bl-ingrossa u bl-imnut, meta mqabbla ma' prezzijiet domestiċi għal servizzi ekwivalenti. Għalhekk, huwa ċar li jenħtieġu miżuri li jippermettu li l-klijenti roaming jifhmu u jikkontrollaw in-nefqa tagħhom fuq servizzi roaming tad-dejta b’mod aktar effettiv u biex jipprevjenu kontijiet li jaħsdu, kif ukoll biex jeliminaw ostakli għall-użu ta’ servizzi roaming tad-dejta bil-mowbajl fi ħdan is-suq intern u jwarrbu tgħawwiġ konsiderevoli tal-kompetizzjoni. - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjoni ewlenija eżistenti fil-qasam ta’ din il-proposta hija r-Regolament (KE) Nru 717/2007 nnifsu, li din il-proposta se temenda sabiex testendi l-applikazzjoni tiegħu fl-ambitu u fiż-żmien. Il-qafas regolatorju eżistenti tal-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, li ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 biex iqis il-ħtieġa għal miżuri speċifiċi għar-roaming madwar il-Komunità, jipprovdi mekkaniżmu għall-impożizzjoni ta' obbligi ex ante regolatorji fuq impriżi fi ħdan is-settur ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, abbażi tat-tifsira ta' swieq rilevanti suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante, l-analiżi tas-suq u s-sejba ta’ dominanza mill-NRAs. Madankollu, għar-raġunijiet spjegati fil-waqt tal-proposta għar-Regolament (KE) Nru 717/2007, il-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq għal roaming internazzjonali u n-natura transkonfinali ta’ dawk is-servizzi jfissru li l-għodod li huma disponibbli b’mod ieħor taħt il-qafas ma joffrux lill-NRAs mezz effettiv biex isolvu n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva u l-prezzijiet għoljin li jirriżultaw. Dawn ir-raġunijiet huwa ugwalment rilevanti għall-estensjoni tar-Regolament fl-ambitu u fiż-żmien, biex ikopri servizzi roaming tal-SMS u d-dejta. Il-liġijiet nazzjonali għall-ħarsien tal-konsumatur f’xi Stati Membri japplikaw ukoll għal attivitajiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament (KE) Nru 717/2007. Pereżempju għadd ta' Stati Membri imponew rekwiżiti fuq operaturi tal-mowbajl fir-rigward tal-kontijiet tas-servizzi tal-vuċi abbażi ta’ kull sekonda. Dan joħloq kundizzjonijiet regolatorji diverġenti għal operaturi fi Stati Membri differenti li, fil-kuntest ta’ attività transkonfinali suġġetta għal regoli armonizzati bħal roaming madwar il-Komunità, ma jwasslux biex is-suq uniku jiffunzjona tajjeb. - Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni Din il-proposta hija konformi ma’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi permezz ta’ kompetittività akbar, l-inizjattiva tal-Kummissjoni assoċjata mal-i-2010 u l-inizjattiva ta’ ‘Ewropa tar-Riżultati’. 2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira, u l-profil ġenerali tal-parteċipanti Id-dipartimenti tal-Kummissjoni nedew konsultazzjoni wiesgħa f’Mejju 2008 li talbet għal kummenti fuq l-analiżi tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 u l-estensjoni possibbli tiegħu għal servizzi roaming tal-SMS u d-dejta. Saru 39 mistoqsija fuq kif qed jiffunzjona r-Regolament kif ukoll fuq kwistjonijiet speċifiċi bħal roaming involontarju, l-effett fuq operaturi iżgħar u prezzijiet domestiċi u l-kwistjoni ta’ minuti attwali kontra dawk imniżżla fuq il-kont. Il-konsultazzjoni pubblika kienet aċċessibbli permezz is-sit tal-internet 'Your voice in Europe'. It-tweġibiet fil-qosor u kif tqiesu Il-ħidma tal-konsultazzjoni wriet appoġġ wiesa’ minn Stati Membri, l-NRAs, l-ERG u gruppi ta’ konsumaturi biex ir-Regolament jittawwal u jiġi estiż għas-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta. Xi operaturi iżgħar huma wkoll favur l-estensjoni tar-Regolament għal servizzi roaming bl-ingrossa tal-SMS u d-dejta. Filwaqt li bosta operaturi opponew l-estensjoni tar-Regolament u b’hekk ukoll ma aċċettawx regolarmentazzjoni tas-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta, bosta rrikonoxxew il-ħtieġa li nittrattaw il-‘kont li jaħsdek’ għas-servizzi roaming tad-dejta. Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-internet mis-7 ta’ Mejju 2008 sat-2 ta’ Lulju 2008. Il-Kummissjoni rċeviet 44 tweġiba. Ir-riżultati jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/regulation/consult08/contributions/index_en.htm. - Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert Oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien espert rilevanti Il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar servizzi roaming tad-dejta li ġie ppubblikat f’Ġunju 2008. Il-metodoloġija użata L-istudju ħares lejn kif jiffunzjonaw is-servizzi roaming tad-dejta u vvaluta xi ħtiġijiet teknoloġiċi hemm bżonn biex servizzi bħal dawn jiġu offruti. Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati Connect2Roam Il-parir mogħti u użat fil-qosor L-istudju qabbel il-prezzijiet bejn servizzi domestiċi u roaming u ħares lejn il-komponenti ta’ l-ispiża li huma speċifiċi għall-forniment tas-servizzi roaming tad-dejta. Mezz li bih il-parir espert sar disponibbli pubblikament L-istudju kien ippubblikat fuqhttp://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/docs/study_data_roaming.pdf. - Il-valutazzjoni tal-impatt Il-valutazzjoni ta’ l-impatt għal din il-proposta eżaminat il-medda ta’ għażliet li ġejja: l-ebda bidla fil-politika, l-awtoregolamentazzjoni, il-koregolamentazzjoni, liġi mhux vinkolanti, u regolamentazzjoni mmirata f’erba’ oqsma speċifiċi: roaming tal-vuċi, kontijiet għal kull sekonda, SMS roaming u roaming tad-dejta. Minħabba l-limitazzjonijiet strutturali involuti li għad hemm fil-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming, li l-problemi jitħallew biex jiġu indirizzati permezz ta’ awtoregolamentazzjoni jew koregolamentazzjoni m’għandhiex tkun soluzzjoni vijabbli. Minħabba r-rispons relattivament baxx mill-industrija għal talbiet għal tariffi aktar baxxi tal-SMS roaming, il-potenzjal ta' approċċi verament differenti fuq livell nazzjonali (għal problema li hija transkonfinali) u l-fatt li ebda NRA wieħed ma għandu l-għodod regolatorji meħtieġa biex jindirizza l-problema kemm fuq livell tal-ingrossa kif ukoll dak tal-imnut, kien ukoll meqjus li liġi mhux vinkolanti aktarx li ma tkunx biżżejjed biex tindirizza l-problemi persistenti involuti. B’riżultat ta’ dan l-għażliet ta’ awtoregolamentazzjoni, koregolamentazzjoni u liġi mhux vinkolanti, twarrbu. Għalhekk ġiet ikkunsidrata r-regolamentazzjoni mmirata. Rigward roaming tal-vuċi u l-SMS, ir-rikors lejn regolamentazzjoni bl-ingrossa jew bl-imnut biss ma ġiex ikkunsidrat li jiżgura li l-għanijiet jintlaħqu. Għalhekk ġiet studjata taħlita ta' regolamentazzjoni bl-ingrossa u bl-imnut. Għall-kontijiet ikkalkulati għal kull sekonda, l-intervent kien ikkunsidrat meħtieġ biex jiżgura konsistenza madwar is-suq uniku. Fil-livell tal-imnut l-għażla preferuta kienet li l-operaturi jitħallew jitolbu ħlas massimu ta’ tqabbid ekwivalenti għall-ewwel 30 sekonda ta’ sejħa roaming li ssir, u wara l-ħlas isir għal kull sekonda. Fil-livell tal-ingrossa tqis li għandu japplika ħlas għal kull sekonda. Għas-servizzi roaming tad-dejta, ġew studjati wkoll għadd ta’ għażliet. L-introduzzjoni ta’ miżuri bi trasparenza qawwija akkumpanjati minn mekkaniżmu tariffarju ta’ salvagwardja fil-livell tal-ingrossa biex jiffaċilita li l-operaturi jbassru l-ispejjeż imġarrba, tqieset bħala l-aħjar soluzzjoni. Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt kif elenkat fil-Programm ta’ Ħidma. Dan ir-rapport jinstab fuq : http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htm. 3. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA - L-azzjoni proposta fil-qosor Il-proposta tipprovdi għall-estensjoni fl-ambitu u fiż-żmien tar-Regolament (KE) Nru 717/2007. Rigward roaming tal-vuċi, il-proposta testendi r-regolament eżistenti għal tliet snien oħra u tistipula limiti massimi ġodda matul il-perjodu estiż għat-tariffi li jistgħu jitolbu l-operaturi tan-netwerk mobbli għall-forniment bl-ingrossa ta’ sejħiet roaming regolati. Sabiex tiżgura li l-benefiċċji ta’ dawn it-tnaqqisiet jgħaddu għal għand l-utenti aħħarin, il-proposta tistabbilixxi wkoll limiti massimi ġodda matul il-perjodu estiż għal tariffi suġġetti għal Eurotariffa. Barra minn hekk, il-proposta tistipula li r-rekwiżiti ta’ ħlas għal kull sekonda għandhom japplikaw kemm fil-livell tal-ingrossa kif ukoll fil-livell tal-imnut suġġett għal perjodu minimu ta’ ħlas fil-livell tal-imnut ta' sa 30 sekonda għal sejħiet roaming li jsiru. Il-proposta testendi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 biex ikopri servizzi roaming intrakomunitarji tal-SMS , billi tistabbilixxi limitu massimu għat-tariffi li operaturi tan-netwerks mobbli jistgħu jitolbu għall-forniment bl-ingrossa ta’ messaġġi SMS roaming mibgħuta fi ħdan il-Komunità u billi teżiġi li operaturi tal-mowbajls joffru lil klijenti roaming tagħhom ‘Eurotariffa-SMS’ li ma għandhiex taqbeż limitu massimu tal-prezz għal kull SMS. Il-proposta tippromwovi trasparenza fil-prezzijiet billi testendi l-obbligu fuq fornituri tal-mowbajl li jagħtu lil klijenti roaming tagħhom informazzjoni personalizzata fuq prezzijiet meta jidħlu fi Stat Membru ieħor, li tinkludi informazzjoni fuq l-ispiża ta’ messaġġ SMS roaming regolat li jintbagħat. Id-data pprovduta għat-tnaqqis fil-limiti tal-prezzijiet għal sejħiet roaming regolati fil-livelli tal-ingrossa u tal-imnut fl-2009 qed titressaq mit-30 ta’ Awwissu għall-1 ta’ Lulju, sabiex tiżgura konsistenza mal-obbligi rigward prezzijiet ta’ messaġġi SMS regolati. B’dan il-mod, l-utenti kemm tas-servizzi roaming tal-vuċi u dawk tal-SMS se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tariffi ġodda matul il-perjodu li l-aktar li jkun hemm domanda għal dawk is-servizzi. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi transparenza tal-prezzijiet u mekkaniżmu ta’ salvagwardja għal servizzi roaming tad-dejta, biex tippermetti li l-klijenti jifhmu u jikkontrollaw aħjar in-nefqa tagħhom fuq dawn is-servizzi u jevitaw kontijiet li jaħsdu. B’mod partikolari, meta klijenti roaming jibdew għall-ewwel darba sessjoni ta’ roaming tad-dejta kif jaslu fi Stat Membru ieħor, l-operatur tagħhom għandu jinfurmahom li huma qegħdin roaming u jipprovdi informazzjoni personalizzata fuq it-tariffi applikabbli għal dak is-servizz. L-operaturi se jkunu wkoll mitluba, fi żmien madwar sena mid-dħul fis-seħħ tal-emendi li jinstabu fil-proposta, li joffru l-klijenti roaming kollha opportunità li jispeċifikaw minn qabel, bla ħlas, limitu massimu finanzjarju għar-roaming tad-dejta. Barra minn dan, mekkaniżmu ta' salvagwardja li jagħti lil fornituri tar-roaming livell ta' assigurazzjoni dwar l-ispejjeż bl-ingrossa li ser jinġarbu, u li jevitaw tagħwiġ konsiderevoli tal-kompetizzjoni, meta jitqiesu l-persistenza ta' tariffi bl-ingrossa għoljin (b'mod partikolari fuq netwerks mhux preferuti) u l-limitazzjonijiet tat-tmexxija tat-traffiku, il-proposta tistipula limitu fuq it-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ netwerk miżjura jista’ jitlob mill-operatur tan-netwerk roaming tal-pajjiż tal-klijent għall-forniment ta’ servizzi roaming tad-dejta regolati. Fl-aħħarnett, il-proposta temenda il-frażi “netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli” għal “netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli” fejn tidher fir-Regolament (KE) Nru 717/2007 u fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Qafas, biex tiżgura konsistenza kontinwa fit-terminoloġija użata x’imkien ieħor fil-qafas regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi, fid-dawl tar-reviżjonijiet tal-qafas propost mill-Kummissjoni u li attwalment qed jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. - Bażi ġuridika L-Artikolu 95 KE - Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/in. L-istess karatteristiċi speċjali li japplikaw għas-suq tar-roaming tal-vuċi u l-azzjoni awtorizzata taħt ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 japplikaw ukoll għall-forniment ta’ servizzi roaming takl-SMS u d-dejta madwar il-Komunità. Għal dawn is-servizzi kollha, azzjoni mill-Istati Membri ma għandhiex tkun effettiva biex issolvi l-problema involuta ta’ nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva fis-suq tar-roaming u l-prezzijiet għoljin u t-trasparenza baxxa li jirriżultaw, meta jitqiesu n-natura transkonfinali tas-servizzi konċernati u l-għodod regolatorji limitati li jeżistu b’mod ieħor. Azzjoni mill-Istati Membri weħidhom biex jindirizzaw il-problemi koperti minn din il-proposta għandha tkun ta’ riskju li jintlaħqu riżultati diverġenti, u b’hekk il-funzjoni tajba tas-suq uniku tkun mhedda. L-azzjoni Komunitarja se tikseb aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Il-forniment fi ħdan il-Komunità ta’ servizzi roaming tal-mowbajl bħal sejħiet tal-vuċi, u trasferimenti tal-SMS u d-dejta, min-natura tiegħu nnifsu jeffettwa l-Istati Membri kollha u jolqot ukoll l-interessi ta’ partijiet fi Stati Membri differenti fl-istess waqt. Għalhekk approċċ armonizzat fil-livell Komunitarju huwa meħtieġ biex jiggarantixxi l-konsistenza fl-applikazzjoni u biex jiżgura s-salvagwardja ta’ l-interessi tal-konsumaturi u impriżi fl-Istati Membri kollha. Biex il-benefiċċji tas-suq uniku jinkisbu kollha fir-rigward tas-servizzi roaming madwar il-Komunità, l-utenti ta’ dawk is-servizzi għandhom ikunu jistgħu jistennew l-istess livell ta’ ħarsien u l-istess benefiċċji irrispettivament ta’ fejn ikunu fl-Unjoni. It-twaqqif ta’ aktar salvagwardji u/jew salvagwardji addizzjonali għall-utenti tat-telefonija mobbli tal-vuċi, u tas-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta u għal operaturi ta’ servizzi bħal dawn fuq bażi mhux diskriminatorja madwar il-Komunità ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri b’mod sigur, armonizzat u f’waqtu u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar mill-Komunità. Barra minn hekk, billi l-proposta teħtieġ l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 u tad-Direttiva 2002/21/KE, dan jista’ biss jintlaħaq b’azzjoni fil-livell Komunitarju. Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. - Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. L-azzjoni regolatorja proposta tinvolvi l-inqas ammont ta’ ndħil possibbli fl-imġiba kummerċjali ta’ l-impriżi effettwati. L-istipular ta’ limiti massimi ta’ prezzijiet għal sejħiet roaming tal-vuċi u messaġġi SMS roaming fuq livelli tal-ingrossa u tal-imnut u l-miżuri ta’ trasparenza tal-prezzijiet, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja introdott għal tariffi bl-ingrossa ta’ roaming tad-dejta, jiżguraw l-anqas tgħawwiġ ta’ kundizzjonijiet kompetittivi konsistenti mal-għanijiet, billi jippriservaw l-libertà tal-operaturi biex jikkompetu u jvarjaw l-offerti tagħhom fi ħdan il-limiti pprovduti. Fir-rigward tas-servizzi roaming tal-vuċi u l-SMS, jeħtieġ regolamentazzjoni fil-livell tal-imnut biex jiżgura li l-benefiċċju ta' prezzijiet bl-ingrossa ibaxx jgħaddi għal klijenti bl-imnut. L-azzjoni proposta tkompli tħalli l-ħidma ta’ monitoraġġ u infurzar għall-awtorità regolatorja responsabbli għal komunikazzjonijiet elettroniċi f’kull Stat Membru. Minħabba n-natura u s-sempliċità tal-azzjonijiet regolatorji magħżula fil-proposta u l-applikazzjoni diretta tal-obbligi tagħha fi ħdan il-Komunità, il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq il-Komunità, il-gvernijiet u l-awtoritajiet nazzjonali se jkun minimu. - L-għażla ta’ strument Strument propost: regolament. Billi huwa propost li r-Regolament (KE) Nru 717/2007 jiġi emendat b’mod ikkontemplat mir-Regolament innifsu, u li tkompli tiġi emendata d-Direttiva 2002/21/KE, regolament li jemenda huwa l-uniku strument adattat. 4. L-IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT Din il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. 5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI - Analiżi/reviżjoni/klawżola ta’ estinzjoni Il-proposta tinkludi klawżola ta’ analiżi. Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni. - Iż-Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea. 2008/0187 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2], Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni, Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3], Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE[4] stipula limiti fuq it-tariffi li jistgħu jintalbu minn operaturi tal-mowbajl, fuq livelli tal-ingrossa u tal-imnut, għal forniment ta’ servizzi roaming internazzjonali għal sejħiet tal-vuċi li joriġinaw u jitterminaw fi ħdan il-Komunità. Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll regoli mmirati sabiex tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet u tittejjeb l-għotja ta' informazzjoni dwar it-tariffi lill-utenti ta’ servizzi roaming madwar il-Komunità. (2) Il-Kummissjoni għamlet analiżi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 717/2007, fejn intalbet tevalwa jekk l-għanijiet tar-Regolament kienux intlaħqu, tanalizza l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-forniment lil klijenti roaming ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi u d-dejta, inklużi l-SMS u l-MMS, u jekk ikun xieraq, tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa tar-regolamentazzjoni ta’ dawk is-servizzi. Fir-rapport ragħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ [ ] 2008[5], il-Kummissjoni kkonkludiet li kien xieraq li l-validità tar-Regolament jiġi estiż aktar mit-30 ta’ Ġunju 2010. (3) Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet illi l-għan tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandu jiġi estiż biex ikopri l-forniment fi ħdan il-Komunità tas-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta. Il-karatteristiċi speċjali esibiti mis-swieq roaming internazzjonali, li ġġustifikaw l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 u l-imposizzjoni ta’ obbligi fuq operaturi tal-mowbajl fir-rigward tal-forniment madwar il-Komunità ta’ sejħiet roaming tal-vuċi, japplikaw ugwalment għall-forniment tas-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta madwar il-Komunità. Bħas-servizzi roaming tal-vuċi, is-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta ma jinxtrawx indipendentement fil-livell nazzjonali iżda jikkostitwixxu parti biss minn pakket usa' li jixtru l-klijenti bl-imnut mill-fornitur ta' pajjiżhom, allura b'hekk jillimitaw il-forzi kompetittivi involuti. Hekk ukoll, minħabba n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li huma responsabbli għas-salvagwardja u l-promozzjoni tal-interessi tal-klijenti mobbli residenti fit-territorju tagħhom ma jistgħux jikkontrollaw l-imġieba tal-operaturi tan-netwerk miżjura, li tinstab fi Stati Membri oħra. (4) Għal din ir-raġuni l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, waqt li jaġixxu fi ħdan il-Grupp Ewropew tar-Regolaturi (ERG), fit-tweġiba tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-analiżi tar-Regolament (KE) Nru 717/2007, għal darb' oħra talbu lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq livell Komunitarju, kemm fir-rigward ta' l-estensjoni tar-Regolament fiż-żmien u kif ukoll fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-servizzi roaming tal-SMS u d-dejta. (5) Dejta dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet għal servizzi roaming tal-vuċi madwar il-Komunità minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 717/2007, inkluż b’mod partikolari dawk miġbura mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u rrapurtati kull tliet xhur permezz tal-ERG, ma tipprovdix biżżejjed provi li jissuġġerixxu li l-kompetizzjoni fil-livelli bl-ingrossa u bl-imnut se tkun aktarx sostenibbli minn Ġunju 2010 ’l quddiem fin-nuqqas ta’ miżuri regolatorji. Din id-dejta tindika li prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa jaqgħu kollha fil-limiti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 717/2007, jew qribhom, b’kompetizzjoni limitata biss taħt dawk il-limiti. (6) L-iskadenza f’Ġunju 2010 tas-salvagwardji regolatorji li japplikaw għal servizz roaming tal-vuċi madwar il-Komunità fil-livelli tal-ingrossa u tal-imnut permezz tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandha għalhekk twassal għal riskju sinifikanti li n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva involuta fis-suq tar-roaming tal-vuċi u l-inċentiv għall-operaturi tal-mowbajl biex jiksbu l-massimu tad-dħul tar-roaming tagħhom jistgħu jwasslu biex il-prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa għal roaming madwar il-Komunità jerġgħu lura għal dawk li ma jikkostitwixxux riflessjoni raġonevoli tal-ispejjeż involuti fil-forniment tas-servizz, u b’hekk jheddu l-kisba tal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 717/2007. Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandu għalhekk jiġi estiż 'il hemm mit-30 ta' Ġunju 2010 għal perjodu ieħor ta' tliet snin sabiex il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ikun żgurat billi jiggarantixxi li l-konsumaturi jibqgħu jibbenefikaw mill-assigurazzjoni li mhux se jħallsu prezz eċċessiv meta jagħmlu jew jirċievu sejħa roaming regolata filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi żmien biżżejjed biex il-kompetizzjoni tiżviluppa. (7) Il-livelli tat-tariffi medji bl-ingrossa massimi għal sejħiet roaming regolati stipulati bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandhom ikomplu jonqsu matul iż-żmien li bih ser jiġi estiż ir-Regolament biex jirriflettu l-ispejjeż li qed jonqsu, inkluż tnaqqis fir-rati ta’ terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl regolati fl-Istati Membri, sabiex ikun żgurat li s-suq intern jiffunzjona tajjeb filwaqt li fl-istess ħin jibqgħu jilħqu l-għanijiet doppji ta’ tnaqqis ta’ prezzijiet eċċessivi filwaqt li jħallu l-operaturi liberi li jikkompetu u jagħmlu innovazzjonijiet. (8) Id-data stabbilita għat-tnaqqis fil-limiti tal-prezzijiet massimi għal sejħiet roaming regolati fil-livelli tal-ingrossa, kif ukoll tal-imnut fl-2009, għandha titressaq ’il quddiem mit-30 ta’ Awwissu għall-1 ta’ Lulju, sabiex tiżgura konsistenza mal-introduzzjoni tal-obbligi rigward prezzijiet ta’ messaġġi SMS regolati pprovduti minn dan ir-Regolament. B’dan il-mod, l-utenti kemm tas-servizzi roaming tal-vuċi u dawk tal-SMS se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tariffi ġodda matul il-perjodu li l-aktar li jkun hemm domanda għal dawk is-servizzi. (9) Billi l-konformità mal-limitu tat-tariffa bl-ingrossa stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 titkejjel b’referenza għall-prezz medju bl-ingrossa li jkun hemm bejn kwalunkwe żewġ operaturi matul perjodu ta’ 12-il xahar, huwa xieraq li jiġi ċċarat illi l-perjodu jista’ jkun iqsar, pereżempju meta d-data ta’ tnaqqis skedat fil-livell tat-tariffa medja bl-ingrossa massima tintervjeni qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 12-il xahar. (10) Il-prattika minn xi operaturi tan-netwerk mobbli li jitħallsu għall-forniment ta’ sejħiet roaming bl-ingrossa abbażi ta’ perjodi minimi ta’ ħlas sa 60 sekonda, kif oppost għal bażi ta’ kull sekonda li normalment tapplika għal tariffi bl-ingrossa ta’ interkonnessjoni oħrajn, toħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn dawn l-operaturi and dawk li japplikaw metodi ta’ ħlas differenti u tnaqqas mill-applikazzjoni konsistenti tal-limiti ta’ prezzijiet bl-ingrossa introdotti mir-Regolament (KE) Nru 717/2007. Barra minn hekk tirrapreżenta tariffa addizzjonali li, billi żżid l-ispejjeż bl-ingrossa, għandha konsegwenzi negattivi fuq l-ipprezzar tas-servizzi roaming tal-vuċi fil-livell tal-imnut. L-operaturi tal-mowbajl għandhom għalhekk jintalbu jitħallsu għall-forniment bl-ingrossa ta’ sejħiet roaming regolati abbażi ta’ kull sekonda. (11) Il-livelli massimi tal-Eurotariffa (kemm għal sejħiet li jsiru u dawk riċevuti) għandhom ikomplu jonqsu kull sena matul il-perjodu estiż ta’ validità tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 b’mod konsistenti mat-tnaqqisiet meħtieġa matul il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, biex jirriflettu t-tkomplija ta’ tnaqqisiet fi prezzijiet mobbli domestiċi b’mod ġenerali, kif ukoll it-tkomplija tat-tnaqqisiet fl-ispejjeż involuti fil-forniment ta’ sejħiet roaming regolati. B’dan il-mod, tinżamm il-kontinwità tal-effetti tar-Regolament. (12) Il-marġini miżjuda bejn tariffi bl-ingrossa u bl-imnut massimi provduti b’dan ir-Regolament għandhom jippermettu aktar skop għal operaturi biex jikkompetu fuq prezz fil-livell tal-imnut, u b'hekk ikun hemm l-akbar probabbiltà li jinħoloq suq kompetittiv kif suppost. (13) L-ERG stima li l-prattika ta’ operaturi tal-mowbajl li jużaw intervalli ta’ ħlas ta’ aktar minn sekonda waħda, meta jitolbu l-ħlas għal servizzi roaming fil-livell tal-imnut, żied 24% ma’ kont Eurotariffa tipiku għal sejħiet li saru u 19% għal sejħiet riċevuti. Stqarru wkoll li dawn iż-żidiet jirrapreżentaw forma ta' tariffa moħbija billi mhumiex trasparenti għal bosta konsumaturi. Għal din ir-raġuni, l-ERG irrakkomanda azzjoni urġenti li tindirizza l-prattiki ta’ ħlas differenti fil-livell tal-imnut li japplikaw għall-Eurotariffa. (14) Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 717/2007 stabbilixxa approċċ komuni biex jiżgura li klijenti roaming ma jintalbux iħallsu prezzijiet eċċessivi għal sejħiet roaming regolati billi introduċa Eurotariffa fil-Komunità, il-prattiki differenti ta’ ħlas skont l-unità li l-operaturi tal-mowbajl jużaw inaqqsu serjament l-applikazzjoni konsistenti tiegħu. Dan ifisser ukoll li minkejja n-natura transkonfinali madwar il-Komunità ta’ servizzi roaming fil-Komunità, hemm approċċi differenti applikabbli għat-tariffi ta’ sejħiet roaming regolati li jgħawġu l-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq uniku. (15) Għalhekk għandu jiġi introdott sett ta’ regoli komuni dwar il-ħlas Eurotariffa għal kull unità fil-livell tal-imnut sabiex ikompli jsaħħaħ is-suq uniku u jipprovdi livell komuni ta’ ħarsien lil konsumaturi tas-servizzi roaming fil-Komunità, madwar il-Komunità kollha. (16) Fornituri ta’ sejħiet roaming regolati fil-livell tal-imnut għandhom għalhekk jiġu mitluba jitolbu ħlas abbażi ta’ kull sekonda lill-klijenti tagħhom għas-sejħiet kollha, suġġett għal Eurotariffa, suġġetta biss għall-possibbiltà li japplika perjodu minimu inizjali ta’ ħlas ta’ mhux aktar minn 30 sekonda għal sejħiet li jsiru. Dan għandu jippermetti lill-operaturi li jkopru kwalunkwe spiża raġonevoli ta’ tqabbid kif ukoll jipprovdi flessibbiltà għal kompetizzjoni billi joffri perjodi minimi ta’ ħlas iqsar. Madankollu, ebda perjodu minimu inizjali ta’ ħlas mhu ġustifikat fil-każ ta’ sejħiet riċevuti b’Eurotariffa, billi l-ispiża bl-ingrossa involuta titħallas abbażi ta’ kull sekonda u kwalunkwe spiża speċifika tat-tqabbid tkun diġà koperta mir-rati ta’ terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl. (17) Fir-rigward tas-servizzi roaming tal-SMS, id-dejta tas-suq miġbura mill-ERG u l-Kummissjoni minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 wriet li għad hemm sitwazzjoni fil-Komunità fejn it-tariffi bl-ingrossa għal dawn is-servizzi baqgħu pjuttost stabbli u mgħandhomx relazzjoni valida mal-ispejjeż involuti. Bħal fil-każ tas-servizzi roaming tal-vuċi, jidher li mhemmx pressjoni kompetittiva biżżejjed fuq l-operaturi biex inaqqsu l-prezzijiet bl-ingrossa. Il-prezzijiet bl-imnut għal servizzi roaming tal-SMS ukoll baqgħu pjuttost stabbli, suġġett għal marġini għoljin u prezzijiet sinifikament ogħla minn servizzi domestici tal-SMS ekwivalenti bla ebda ġustifikazzjoni ċara. (18) Kif fil-każ tas-sejħiet roaming tal-vuċi, hemm riskju sinifikanti li obbligi imposti fuq prezzijiet bl-ingrossa biss ma għandhomx iwasslu għal rati ibaxx għal klijenti bl-imnut. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni sabiex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġi indirizzat il-livell ta’ l-ispejjeż bl-ingrossa marbuta ma’ l-għoti ta’ dawn is-servizzi tista' tippreġudika l-pożizzjoni ta’ xi operaturi, b’mod partikolari dawk iżgħar, billi jiżdied ir-riskju ta’ għafsa fil-prezzijiet. (19) Barra minn hekk, minħabba l-istruttura partikolari tas-suq tar-roaming u n-natura transkonfinali tiegħu il-qafas regolatorju tal-2002 ma pprovdiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’għodod adattati biex jindirizzaw effettivament il-problemi kompetittivi involuti fil-livell għoli ta’ prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut ta’ servizzi roaming tal-SMS regolati. Dan jonqos milli jiżgura li s-suq intern jiffunzjona tajjeb u għandu jitranġa. (20) L-ERG stqarr ukoll fit-tweġiba tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-operat tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 li kien jikkunsidra r-regolamentazzjoni tal-SMS roaming bħala bżonn, kemm fil-livell tal-ingrossa u dak tal-imnut, sabiex il-prezzijiet jiġu pari passu mal-ispejjeż u l-prezzijiet domestiċi. Kien tal-fehma li arranġamenti analogi ma’ dawk tar-roaming tal-vuċi għandhom ikunu adattati. B’mod aktar speċifiku, l-ERG irrakkomanda l-introduzzjoni ta’ livell massimu fir-rata medja bl-ingrossa li jitlob kwalunkwe operatur lil kwalunkwe operatur ieħor għall-SMS roaming, kif ukoll l-emenda tal-obbligu Eurotariffa biex jinkludi offerta ta’ SMS roaming b’rata mhux ogħla mill-ogħla limitu massimu speċifikat. (21) Għalhekk għandhom jiġu imposti obbligi regolatorji rigward servizzi roaming tal-SMS regolati fil-livell tal-ingrossa, sabiex tiġi stabbilita relazzjoni aktar raġonevoli bejn it-tariffi bl-ingrossa u l-ispejjeż tal-forniment involuti, u fil-livell tal-imnut biex jitħarsu l-interessi tal-klijenti roaming. (22) Dawn l-obbligi regolatorji għandhom jidħlu fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, filwaqt li jipprovdu lill-operaturi kkonċernati b'perjodu raġonevoli sabiex jadattaw il-prezzijiet u l-offerti ta' servizz tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità. (23) L-approċċ aktar effettiv u proporzjonat biex jiġi rregolat il-livell ta’ prezzijiet għal messaġġi SMS roaming regolati fil-livell bl-ingrossa huwa t-twaqqif ta’ tariffa medja massima fuq livell Komunitarju għal kull SMS mibgħut minn netwerk miżjur. It-tariffa medja bl-ingrossa ghandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi tal-mowbajl fi ħdan il-Komunita matul perjodu speċifikat. (24) Il-limitu tal-prezz bl-ingrossa għal SMS roaming regolat għandu jinkludi l-ispejjez kollha mġarrba mill-fornitur tas-servizz bl-ingrossa, inkluż interalia l-l-oriġini, it-transitu u l-ispiża mhux irkuprata ta’ terminazzjoni ta’ messaġġi SMS roaming fuq in-netwerk miżjur. Fornituri bl-ingrossa ta’ servizzi ta’ SMS roaming regolati għandhom għalhekk jiġu projbiti li jintroduċu ħlas separat għat-terminazzjoni ta’ messaġġi SMS roaming fuq in-netwerk tagħhom, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament. (25) L-approċċ l-aktar effettiv u proporzjonat biex jiġi rregolat il-livell tal-prezzijiet ta’ messaġġi SMS roaming madwar il-Komunità fil-livell tal-imnut huwa l-introduzzjoni ta’ rekwiżit għal operaturi tal-mowbajl li joffru lil klijenti roaming tagħhom tariffa Euro-SMS li ma taqbiżx limitu massimu ta’ prezz speċifikat. It-tariffa Euro-SMS għandha tiġi stipulata f’livell li jiggarantixxi marġini suffiċjenti lil operaturi filwaqt li tirrifletti b’mod aktar raġonevoli l-ispejjeż bl-imnut involuti. (26) Dan l-approċċ regolatorju għandu jiżgura li t-tariffi bl-imnut għal messaggi SMS roaming regolati jipprovdu riflessjoni aktar raġonevoli ta' l-ispejjeż involuti fl-għoti tas-servizz milli kien il-każ. Tariffa Euro-SMS massima li tista' tiġi offruta lill-klijenti roaming għandha għalhekk tirrifletti marġini raġonevoli fuq l-ispejjeż tal-għoti tas-servizz roaming tal-SMS regolat, filwaqt li l-operaturi jkollhom il-liberta li jikkompetu billi jvarjaw l-offerti tagħhom u jadattaw l-istrutturi tal-prezzijiet tagħhom għall-kundizzjonijiet tas-suq u għall-preferenzi tal-konsumaturi. Dan l-approċċ regolatorju m'għandux japplika għal servizzi tal-SMS b‘valur miżjud. (27) Klijenti roaming ma għandhomx jintalbu jħallsu kwalunkwe tariffa addizzjonali meta jirċievu messaġġ SMS roaming regolat waqt li jkunu roaming fuq netwerk miżjur, billi dawn l-ispejjeż ta’ terminazzjoni huma diġà inklużi fit-tariffa bl-imnut li titħallas biex jintbagħat messaġġ SMS roaming. (28) Tariffa Euro-SMS għandha tapplika awtomatikament għal kwalunkwe klijent roaming, ġdid jew eżistenti, li deliberatament ma għażilx jew ma jagħżilx deliberatament tariffa speċjali ta’ SMS roaming jew pakkett għal servizzi roaming inkluż servizzi roaming tal-SMS regolati. (29) Sabiex ikunu żgurati konnessjoni minn tarf sa tarf u interoperabbiltà għal klijenti roaming tas-servizzi tal-SMS roaming regolati, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jintervjenu b’mod f’waqtu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess)[6] u fuq bażi kordinat, kif ukoll skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 717/2007u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)[7], meta operatur ta’ netwerk mobbli terrestri stabbilita fi Stat Membru wieħed jilmenta lill-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu li l-abbonati tiegħu ma jistgħux jibagħtu jew jirċievu SMS roaming regolat lil jew minn abbonati ta’ netwerk mobbli terrestri li tinstab fi Stat Membru ieħor minħabba nuqqas ta’ ftehim bejn iż-żewġ operaturi konċernati. (30) Messaġġ SMS huwa messaġġ b’test ta’ Servizz ta’ Messaġġ Qasir (Short Message Service), prinċipalment magħmul minn karattri alfabetiċi jew numeriċi iżda jista’ wkoll ikollu karattri ta’ stampa, li jista’ jintbagħat u jitwassal fuq telefown mobbli jew apparat mobbli ieħor bejn numri ta' mowbajl assenjati skond pjan nazzjonali ta' numerar. Messaġġ SMS huwa distintament differenti minn messaġġi oħra bħal messaggi MMS jew emails. Sabiex ikun żgurat li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament jintlaħqu u li l-effettività tiegħu ma tinqeridx, għandu jkun projbit kwalunkwe tibdil fil-parametri tekniċi ta’ messaġġ SMS roaming li għandu jagħmlu differenti minn messaġġ SMS domestiku. (31) Dejta miġbura minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali tindika li tariffi medji bl-ingrossa għal servizzi roaming tad-dejta li jintalbu minn operaturi ta’ netwerks miżjura minn fornituri tal-pajjiżi tal-oriġini tal-klijenti roaming jidhru li qabdu xejra ta’ niżla, għalkemm għadhom jippersistu prezzijiet għoljin għal servizzi roaming tad-dejta bl-ingrossa. (32) Għad hemm tħassib dwar il-livell għoli tal-prezzijiet bl-imnut għal servizzi roaming tad-dejta u dan jindika li għad ma hemmx kompetizzjoni biżżejjed f’dawn is-servizzi. Madankollu, kontra li jiġri fil-każ ta’ servizzi roaming tal-vuċi u tal-SMS, jeżisti xkiel fil-kompetizzjoni fil-livell tal-imnut, billi l-klijenti roaming għandhom mezz alternattiv ta' aċċess għal servizzi tad-dejta meta jsiefru, bħal aċċess wireless pubbliku għall-internet, mingħjar xkiel assoċjat ma’ numerar. Għalhekk ikun bikri wisq li f’dan l-istadju l-prezzijiet jiġu regolati fil-livell tal-imnut. (33) Madankollu, għandhom jiġu introdotti miżuri biex itejbu t-trasparenza ta’ prezzijiet bl-imnut għal servizzi roaming tad-dejta, b’mod partikolari biex jeliminaw il-fenomenu ta’ “kont li jaħsdek” li huwa ostaklu għal funzjonament tajjeb tas-suq intern u biex jipprovdu l-klijenti roaming bl-għodod li jeħtieġu għal monitoraġġ u kontroll tan-nefqa tagħhom fuq servizzi roaming tad-dejta. (34) B’mod partikolari, operaturi tal-mowbajl għandhom jipprovdu lill-klijenti roaming tagħhom b’informazzjoni personalizzata dwar it-tariffi applikabbli għalihom għal servizzi roaming tad-dejta meta jibdew għall-ewwel darba servizz roaming tad-dejta hekk kif jaslu fi Stat Membru ieħor. Din l-informazzjoni għandha tinbagħat lit-telefown mobbli tagħhom jew apparat mobbli ieħor b’mod l-aktar adattat biex jirċevuh u jifhmuh malajr. (35) Barra minn hekk, biex jiġu evitati kontijiet jaħsdu, l-operaturi tal-mowbajl għandhom joffru l-klijenti roaming tagħhom kollha, mingħajr ħlas, opportunità biex jispeċifikaw minn qabal limitu massimu finanzjarju għat-tariffi pendenti tagħhom għal servizzi roaming tad-dejta, b’messaġġ adattat ta’ twissija meta dan il-limitu jkun se jintlaħaq. Meta jintlaħaq dan il-limitu massimu, is-servizz roaming tad-dejta għandu jiġi tterminat sakemm il-klijent ma jitlobx speċifikament li jibqa’ jużah. (36) Dawn il-miżuri ta’ trasparenza għandhom jitqiesu bħala salvagwardji minimi għal klijenti roaming, u ma għandhomx iwaqqfu l-operaturi tal-mowbajl milli joffru l-klijenti tagħhom firxa ta’ faċilitajiet oħra li jgħinuhom biex ikunu jafu minn qabel u jikkontrollaw in-nefqa tagħhom f'servizzi roaming tad-dejta. Pereżempju, bosta operaturi qed jiżviluppaw offerti ta’ rata fissa bl-imnut ġdida li jippermettu roaming tad-dejta għal prezz speċifiku matul perjodu speċifiku sa limitu ta’ volum ta’ “użu ġust”. Bl-istess mod l-operaturi qed jiżviluppaw sistemi biex jippermettu li l-klijenti roaming tagħhom ikun aġġornati fuq bażi ta’ ħin reali dwar it-tariffi pendenti akkumulati tagħhom tad-roaming tad-dejta. Biex ikun żgurat li s-suq intern jiffunzjona tajjeb, dawn l-iżviluppi fis-swieq domestiċi għandhom ikunu riflessi fir-regoli armonizzati. (37) Barra minn hekk, il-persistenza ta’ tariffi bl-ingrossa għoljin għas-servizz roaming tad-dejta hija prinċipalment il-kawża ta’ prezzijiet bl-ingrossa għoljin mitluba mill-operaturi ta’ netwerks mhux preferuti. Dawn it-tariffi jirriżultaw minn limitazzjonijiet tat-tmexxija tat-traffiku li ma jħallu ebda inċentiv min-naħa tal-operaturi biex inaqqsu l-prezzijiet standard bl-ingrossa tagħhom, billi t-traffiku jasal irrispettivament tal-prezz li jitħallas. Dan jirriżulta f’varjazzjoni estrema fl-ispejjeż bl-ingrossa. F’xi każijiet il-prezzijiet bl-ingrossa tar-roaming tad-dejta applikabbli għal netwerks mhux preferuti huma 30 darba akbar minn dawk li japplikaw għan-netwerk preferuta. Dawn it-tariffi bl-ingrossa eċċessivament għoljin għas-servizzi roaming tad-dejta jwasslu għal tgħawwiġ konsiderevoli tal-kundizzjonijiet kompetittivi bejn operaturi tal-mowbajl fi ħdan il-Komunità li jtellfu milli s-suq intern jiffunzjona tajjeb. Ixxekkel wkoll l-ħila tal-fornituri domestiċi li jbassru l-ispejjeż bl-ingrossa tagħhom u għalhekk li jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’pakketti ta’ prezzijiet bl-imnut trasparenti u kompetittivi. Minħabba n-nuqqasijiet fuq is-setgħa tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex isolvu dawn il-problemi b’mod effettiv fuq livell nazzjonali, għandu japplika limitu ta’ prezz bl-ingrossa fuq servizzi roaming tad-dejta. Il-limitu tal-prezz bl-ingrossa għandu jiġi stabbilit f’livell ta’ salvagwardja, 'il fuq sew mill-anqas prezzijiet bl-ingrossa li bħalissa jinsabu fis-suq, biex itejbu l-kundizzjonijiet kompetittivi u jippermettu li s-suq intern jiffunzjona aħjar għall-benefiċċju tal-konsumaturi. (38) Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-suq u l-qafas regolatorju applikabbli għal komunikazzjonijiet elettroniċi, jeħtieġ nirreferu għal “netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” minflok “netwerks pubbliċi tat-telefonija”. F’ġieħ il-konsistenza, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) għandu jiġi emendat skont dan. (39) Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li r-Regolament (KE) Nru 717/2007 u d-Direttiva 2002/21/KE jiġu emendati sabiex jinżamm u jibqa’ jiġi żviluppat sett komuni ta’ regoli li jiżguraw li l-utenti ta’ netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli waqt ivvjaġġar fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għal servizzi roaming madwar il-Komunità (sew għal sejħiet tal-vuċi, messaġġ SMS jew trasmissjonijiet ta’ dejta), sabiex b’hekk jintlaħaq funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur u tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-mowbajl, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri b'mod sigur, armonizzat u f'waqtu u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri meħtieġa għall-emendi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu adattat u meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. (40) Għaldaqstant dan l-approċċ komuni għandu jinżamm għal perjodu limitat ta’ żmien, iżda jista’, fid-dawl ta’ analiżi li se ssir mill-Kummissjoni, ikompli jiġi estiż jew emendat. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-effettività tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 kif emendat b’dan ir-Regolament u l-kontribut li jagħmel lejn l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kif ukoll tqies l-impatt tiegħu fuq fornituri iżgħar tal-komunikazzjonijiet mobbli fil-Komunità u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tar-roaming madwar il-Komunità kollha. (41) Ir-Regolamenti (KE) Nru 717/2007 u d-Direttiva 2002/21/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Emendi għar-Regolament (KE) Nru 717/2007/KE Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007/KE huwa emendat kif ġej: 1. Fit-titolu “netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli" tinbidel bi "netwerks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet mobbli". 2. L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej: (a) Il-Paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej: "1. Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli li jkunu msiefra fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi tar-roaming madwar il-Komunità meta jagħmlu u jirċievu sejħiet, meta jibagħtu u jirċievu messaġġi SMS u meta jużaw servizzi ta’ pakkett ta’ komunikazzjoni ta’ dejta trasmessa, sabiex b’hekk isir kontribut għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern waqt li jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, filwaqt li tiġi ssalvagwardata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-mowbajl u jitħarsu kemm l-inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur. Jistipula regoli fuq it-tariffi li jistgħu jintalbu minn operaturi tal-mowbajl għall-forniment ta’ servizzi roaming internazzjonali għal sejħiet tal-vuċi u messaġġi SMS li joriġinaw u jitterminaw fi ħdan il-Komunità u għal servizzi ta’ pakkett ta’ komunikazzjoni ta’ dejta trasmessa użati minn klijenti msiefra waqt roaming fuq netwerk mobbli fi Stat Membru ieħor. Japplika kemm għal tariffi mħallsa bejn operaturi ta’ netwerks fil-livell bl-ingrossa u kif ukoll, fejn xieraq, għal tariffi mħallsa minn fornituri domestiċi fil-livell tal-imnut.” (b) Il-Paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej: "4. Il-limiti tat-tariffi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma espressi f’Euro. Meta tariffi rregolati bl-Artikoli 3, 4, 4a, 4b u 6a(4) huma denominati f’muniti differenti, il-limiti tal-bidu skont dawk l-Artikoli jkunu determinati f’dawk il-muniti, fil-każ tal-Artikoli 3 u 4 billi japplikaw ir-rati referenzjali tal-kambju tat-30 ta' Ġunju 2007, u fil-każ tal-Artikoli 4a, 4b u 6a(4) r-rati referenzjali tal-kambju tal-[1 ta’ Mejju] 2009 japplikaw, f’kull każ kif ippubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Għall-finijiet tat-tnaqqis sussegwenti fil-limiti previsti fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4(2), il-valuri riveduti għandhom jiġu determinati billi jiġu applikati r-rati referenzjali tal-kambju hekk kif ippubblikati xahar qabel id-data li minnha japplikaw il-valuri riveduti.” 3. Il-Paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej: (a) Fil-punt (b) it-terminu “telefonija” jinbidel bi "komunikazzjonijiet”. (b) Fil-punt (c) it-termini "telefown” u “telefonija” jinbidlu bi "komunikazzjonijiet”. (c) Il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej: "(d) ‘roaming madwar il-Komunità’ tfisser l-użu ta' telefown mobbli jew apparat ieħor minn klijent roaming sabiex jagħmel jew jirċievi sejħiet intrakomunitarji, jew biex jibgħat jew jirċievi messaġġi SMS jew komunikazzjonijiet ta’ pakkett ta’ dejta trasmessa, waqt li jkun fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih jinsab in-netwerk domestiku, permezz ta’ arranġamenti bejn l-operatur tan-netwerk tal-pajjiż ta' l-oriġini u l-operatur tan-netwerk miżjur;” (d) Fil-punt (e) it-terminu “telefonija” jinbidel bi "komunikazzjonijiet”. (e) Il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej: "(f) “klijent roaming” tfisser klijent ta’ fornitur ta’ servizzi pubbliċi ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri, permezz ta’ netwerk pubbliku mobbli terrestri li jinsab fil-Komunità, li l-kuntratt jew l-arranġament tiegħu mal-fornitur domestiku jippermetti l-użu ta’ telefown mobbli jew apparat ieħor sabiex jagħmel jew jirċievi sejħiet jew biex jibgħat jew jirċievi messaġġi SMS jew pakkett ta’ komunikazzjonijiet ta’ dejta trasmessa fuq netwerk użat waqt vjaġġar permezz ta’ arranġamenti bejn l-operatur tan-netwerk domestiku u l-operatur tan-netwerk miżjur;” (f) Il-punt (g) jinbidel b'dan li ġej: "(g) “netwerk miżjur” tfisser netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri li jinsab fi Stat Membru li mhuwiex dak tan-netwerk domestiku u li jippermetti klijent roaming li jagħmel jew jirċievi sejħiet, jew li jibgħat jew jirċievi messaġġi SMS jew li jibgħat jew jirċievi pakkett ta’ komunikazzjonijiet ta’ dejta trasmessa, permezz ta’ arranġamenti ma’ l-operatur tan-netwerk domestiku;” (g) Jiżdiedu l-punti li ġejjin (h), (i), (j) u (k): "(h) ‘Tariffa Euro-SMS’ tfisser kwalunkwe tariffa li ma taqbizx it-tariffa massima, prevista fl-Artikolu 4a, li fornitur domestiku jista’ jitlob għall-forniment ta’ messaġġi SMS roaming regolati b’konformità ma’ dak l-Artikolu; (i) ‘Messaġġ SMS’ huwa messaġġ b’test ta’ Servizz ta’ Messaġġ Qasir (Short Message Service), prinċipalment magħmul minn karattri alfabetiċi u/jew numeriċi, li jista’ jintbagħat bejn numri ta' mowbajl assenjati skond pjan nazzjonali ta' numerar; (j) ‘messaġġ SMS roaming regolat’ tfisser messaġġ SMS mibgħut minn klijent roaming, li joriġina fuq netwerk miżjur u li jittermina fuq netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità jew irċevut minn klijent roaming, li joriġina fuq netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità u jittermina fuq netwerk miżjur; (k) ‘servizz tar-roaming tad-dejta regolat’ tfisser servizz roaming li jippermetti t-trasmissjoni jew it-teħid ta’ pakkett ta’ komunikazzjonijiet ta’ dejta trasmessa minn klijent roaming permezz tat-telefown mobbli tiegħu jew apparat mobbli ieħor waqt li jkun ikkonnettjat ma' netwerk miżjur. Servizz tar-roaming tad-dejta regolat ma jinkludix it-trasmissjoni jew it-teħid ta’ sejħiet roaming jew messaġġi SMS regolati, iżda jinkludi t-trasmissjoni u t-teħid ta’ messaġġi (MMS) tas-Servizz ta’ Messaġġi Multimidja.” 4. L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej: (a) Il-Paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej: "2. Din it-tariffa medja bl-ingrossa għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkolata fuq perjodu ta’ tnax-il xhar jew kwalunkwe perjodu iqsar bħal dan li jifdal qabel tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ tariffa medja bl-ingrossa massima kif previst f’dan il-paragrafu jew l-iskadenza ta' dan ir-Regolament. It-tariffa medja bl-ingrossa massima għandha tonqos għal EUR 0.28, u EUR 0.26, fit-30 ta' Awwissu 2008 u fl-1 ta' Lulju 2009 rispettivament u għandha tibqa' tonqos għal EUR 0.23, EUR 0.20 and EUR 0.17, fl-1 ta’ Lulju 2010, fl-1 ta’ Lulju 2011 u fl-1 ta’ Lulju 2012 rispettivament.” (b) Fil-paragrafu 3 jiżdied is-subparagrafu li ġej: “Madankollu, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009, it-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi d-dħul bl-ingrossa totali tar-roaming, jiġi diviż bl-għadd totali ta’ minuti roaming bl-ingrossa fil-fatt utilizzati għall-forniment ta’ sejħiet roaming bl-ingrossa fi ħdan il-Komunità mill-operatur rilevanti matul il-perjodu rilevanti, aggregata abbażi ta’ kull sekonda.” 5. L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej: (a) Il-Paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej: "2. It-tariffa bl-imnut (eskluża l-VAT) ta’ Eurotariffa, li l-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini jista' jitlob lill-klijent roaming tiegħu għall-forniment ta' sejħa roaming regolata, tista’ tvarja għal kull sejħa roaming iżda m'għandiex taqbeż EUR 0,49 kull minuta għal kull sejħa magħmula jew EUR 0,24 kull minuta għal kull sejħa riċevuta. Il-limitu fil-prezz għal sejħiet magħmula għandu jonqos għal EUR 0,46 u EUR 0,43, u għal sejħiet riċevuti għal EUR 0,22 u EUR 0,19, fit-30 ta’ Awwissu 2008 u fl-1 ta’ Lulju 2009 rispettivament. Il-limitu fil-prezz għal sejħiet magħmula għandu jibqa’ jonqos għal EUR 0.40, EUR 0.37, u EUR 0.34 u għal sejħiet riċevuti għal EUR 0.16, EUR 0.13 u EUR 0.10, fl-1 ta’ Lulju 2010, fl-1 ta’ Lulju 2011 u fl-1 ta’ Lulju 2012 rispettivament. B'effett mill-1 ta' Lulju 2009 kull fornitur domestiku għandu jitlob ħlas lil klijenti roaming tiegħu għall-forniment ta’ kwalunkwe sejħa roaming regolata li għaliha tapplika Eurotariffa, kemm jekk magħmula kif ukoll irċevuta, abbażi ta’ kull sekonda. B’deroga mit-tieni subparagrafu, il-fornitur domestiku jista’ japplika perjodu minimu ta’ ħlas tal-bidu li ma jaqbiżx 30 sekonda għal sejħiet magħmula li huma suġġetti għal Eurotariffa.” (b) Il-Paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej: "4. Kwalunkwe klijent roaming jista' jitlob, fi kwalunkwe punt wara li jkun tlesta l-proċess stabbilit fil-paragrafu 3, li jibdel għal jew minn Eurotariffa. Kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien ġurnata ta’ xogħol minn meta tintlaqa’ t-talba u għandha tkun bla ħlas u ma għandux ikollha kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' elementi oħra ta' l-abbonament, għajr dak meta klijent roaming li huwa abbonat ma' pakkett roaming speċjali li jinkludi aktar minn servizz roaming wieħed (i.e. vuċi, SMS u/jew dejta) jixtieq jibdel għal Eurotariffa, il-fornitur domestiku jista’ jeħtieġ lil klijent li qed jibdel li jitlef il-benefiċċji tal-elementi l-oħra ta’ dak il-pakkett. Fornitur domestiku jista’ jdewwem bidla sa meta t-tariffa roaming preċedenti tkun effettiva għal perjodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx tliet xhur.” 6. Jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej: "Artikolu 4a Tariffi bl-ingrossa għal messaġġi SMS roaming regolati 1. B’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2009, it-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ netwerk miżjur jista’ jitlob lill-operatur ta’ netwerk domestiku ta' klijent roaming għall-forniment ta' messaġġ SMS roaming regolat li joriġina fuq dak in-netwerk miżjur, ma għandhiex taqbeż EUR 0.04 għal kull messaġġ SMS. 2. Din it-tariffa medja bl-ingrossa għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkulata fuq perjodu ta’ tnax-il xahar jew kwalunkwe perjodu iqsar li jista' jkun fadal qabel ma jiskadi dan ir-Regolament. 3. It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi jiġi diviż id-dħul bl-ingrossa totali li jirċievi l-operatur tan-netwerk miżjur minn kull operatur ta’ netwerk domestiku għall-oriġinar u t-trasmissjoni ta' messaġġi SMS roaming regolati fi ħdan il-Komunità matul il-perjodu rilevanti bl-għadd totali ta’ messaġġi SMS bħal dawn li joriġinaw u jiġu trasmessi f’isem l-operatur rilevanti ta’ netwerk domestiku matul dak il-perjodu. 4. L-operatur ta’ netwerk miżjur ma għandu jitlob ebda tariffa lil fornitur domestiku, separata mit-tariffa msemmija fil-paragrafu 1, għat-terminazzjoni ta’ messaġġ SMS roaming regolat mibgħut lil klijent roaming waqt li jkun roaming fuq in-netwerk tiegħu miżjur.” 7. Jiddaħħal l-Artikolu 4b li ġej: "Artikolu 4b Tariffi bl-imnut għal messaġġi SMS roaming regolati 1. Il-fornituri domestiċi għandhom jagħmlu disponibbli lill-klijenti roaming kollha tagħhom, b’mod ċar u trasparenti, tariffa Euro-SMS kif prevista fil-paragrafu 2. It-tariffa Euro-SMS ma għandha titlob ebda abbonament assoċjat jew tariffi oħra fissi jew rikurrenti u tista' tingħaqad ma' kwalunkwe tariffa bl-imnut, suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu. 2. B’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2009, it-tariffa bl-imnut (eskluża l-VAT) ta’ tariffa Euro-SMS li fornitur domestiku jista’ jitlob lil klijient roaming tiegħu għal messaġġ SMS roaming regolat mibgħut minn dak il-klijent roaming tista’ tvarja għal kull messaġġ SMS roaming iżda m’għandhiex taqbeż EUR 0.11. 3. Il-fornituri domestiċi m'għandhom jitolbu ebda tariffa mill-klijenti roaming tagħhom meta jirċievu messaġġ SMS roaming regolat. 4. Mill-1 ta’ Lulju 2009 il-fornituri domestiċi għandhom japplikaw awtomatikament tariffa Euro-SMS lil klijenti roaming kollha eżistenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-klijenti roaming li diġa għażlu deliberament tariffa jew pakkett roaming speċifiku li permezz tiegħu jibbenefikaw minn tariffa differenti għal messaġġ SMS roaming regolat milli kieku kienu jieħdu mingħajr din l-għażla. 5. Mill-1 ta’ Lulju 2009 il-fornituri domestiċi għandhom japplikaw tariffa Euro-SMS lil klijenti roaming ġodda kollha li ma jagħżlux deliberatament tariffa SMS roaming differenti jew pakket ta’ tariffi għal servizzi roaming li jinkludi tariffa differenti għal messaġġi SMS roaming regolati. 6. Kwalunkwe klijent roaming jista’ jitlob fi kwalunkwe ħin li jibdel għal jew minn tariffa Euro-SMS. Kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien ġurnata ta’ xogħol mit-teħid tat-talba u tkun mingħajr ħlas u ma għandhiex tinvolvi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet relatati ma’ elementi oħrajn ta’ l-abbonament ħlief dak roaming. Fornitur domestiku jista’ jdewwem tali bidla sa meta t-tariffa roaming preċedenti tkun effettiva għal perjodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx tliet xhur. Tariffa Euro-SMS dejjem tista' tingħaqad ma' Eurotariffa. 7. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2009, fornituri domestiċi għandhom jinfurmaw lil klijenti roaming kollha tagħhom individwalment dwar it-tariffa Euro-SMS, dwar il-fatt li se tapplika mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009 għal klijenti roaming kollha li ma għażlux deliberatament tariffa speċjali jew pakkett applikabbli għal messaġġi SMS regolati, u dwar id-dritt tagħhom li jibdlu għal u mit-tariffa skont il-paragrafu 6 preċedenti.” 8. Jiddaħħal l-Artikolu 4c li ġej: ”Artikolu 4c Karatteristiċi tekniċi ta’ messaġġi SMS roaming regolati Ebda fornitur domestiku jew operatur ta' netwerk miżjur ma għandu jibdel il-karatteristiċi tekniċi ta' messaġġi SMS roaming regolati b'tali mod li jagħmilhom differenti mill-karatteristiċi tekniċi ta’ messaġġi SMS disponibbli fi ħdan is-suq domestiku tiegħu.” 9. L-Artikolu 5 jitħassar. 10. L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 6 Trasparenza ta’ tariffi bl-imnut ta’ sejħiet u messaġġi SMS roaming regolati 1. Sabiex klijent roaming jiġi notifikat dwar il-fatt li jkun suġġett għal tariffi tar-roaming meta jagħmel jew jirċievi telefonata jew meta jibgħat messaġġ SMS, kull fornitur domestiku għandu, ħlief meta l-klijent ikun innotifika lill-fornitur domestiku tiegħu li ma jeħtieġx dan is-servizz, jipprovdi lill-klijent, b'mod awtomatiku, permezz ta’ Servizz ta’ Messaġġi, mingħajr dewmien żejjed u mingħajr ħlas, meta jidħol fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak tan-netwerk domestiku tiegħu, b’informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet dwar it-tariffi roaming (inkluża l-VAT) li japplikaw għal dak il-klijent biex jagħmel u jirċievi sejħiet u biex jibgħat messaġġi SMS fl-Istat Membru miżjur. Din l-informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet għandha tinkludi t-tariffi massimi li huwa suġġett għalihom il-klijent skont l-iskema ta’ tariffa tiegħu għal: (a) sejħiet li jagħmel fil-pajjiż miżjur u lejn l-Istat Membru tan-netwerk domestiku tiegħu, kif ukoll għal sejħiet li jirċievi; u (b) messaġġi SMS roaming regolati li jibgħat waqt li jkun fl-Istat Membru miżjur. Għandha tinkludi wkoll in-numru mingħajr ħlas imsemmi fil-paragrafu 2 għall-aċċess għal informazzjoni aktar dettaljata. Klijent li jkun avża li huwa m’għandux bżonn is-Servizz ta’ Messaġġ awtomatiku għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur domestiku sabiex jerġa’ jipprovdi s-servizz. Il-fornituri domestiċi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni personalizzata bażika dwar prezzijiet lill-klijenti neqsin mid-dawl jew li jkollhom vista parzjali b’mod awtomatiku, permezz ta’ sejħa bil-vuċi, mingħajr ħlas, jekk huma jitolbu dan. 2. Addizzjonalment għall-paragrafu 1, klijenti għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu u jirċievu, mingħajr ħlas, aktar informazzjoni personalizzata dettaljata dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli għal sejħiet tal-vuċi, SMS, MMS u servizzi oħrajn ta’ komunikazzjoni ta’ dejta, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri ta' trasparenza applikabbli permezz ta' dan ir-Regolament, permezz ta’ sejħa vil-vuċi mobbli tal-vuċi jew SMS. Talba bħal din għandha ssir mingħajr ħlas fuq numru assenjat għal dan il-għan mill-fornitur domestiku. 3. Il-fornituri domestiċi għandhom jagħtu lill-utenti kollha informazzjoni sħiħa dwar it-tariffi roaming applikabbli, b’mod partikolari dwar l-Eurotariffa u t-tariffa Euro-SMS, meta jsiru l-abbonamenti. Huma għandhom ukoll jipprovdu lill-klijenti roaming tagħhom aġġornamenti dwar it-tariffi roaming applikabbli mingħajr dewmien bla bżonn kull darba li jkun hemm bidla f’dawn it-tariffi. Il-fornituri domestiċi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li l-klijenti roaming kollha tagħhom isiru jafu dwar id-disponibbiltà tal-Eurotariffa u t-tariffa Euro-SMS. Għandhom jikkomunikaw, b’mod partikolari, lill-klijenti roaming kollha sat-30 ta’ Lulju 2007, il-kundizzjonijiet relatati mal-Eurotariffa u sal-1 ta’ Ġunju 2009, il-kundizzjonijiet relatati mat-tariffa Euro-SMS, f’kull każ b’mod ċar u oġġettiv. Huma għandhom wara dan ifakkru, f’intervalli raġonevoli, permezz ta' messaġġ lill-klijenti kollha li jkunu għażlu tariffa oħra.” 11. Jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej: "Artikolu 6a Mekkaniżmi ta’ salvagwardja u trasparenza għal servizzi roaming tad-dejta regolati 1. Fornituri domestiċi għandhom jiżguraw li l-klijenti roaming tagħhom ikunu infurmati adegwatament bit-tariffi li japplikaw għall-użu tagħhom ta' servizzi roaming tad-dejta regolati, b’mod li jiffaċilitaw lil klijenti biex jifhmu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan l-użu u jippermettihom jimmonitoraw u jikkontrollaw n-nefqa tagħhom fuq servizzi roaming tad-dejta regolati skont il-paragrafi 2 u 3. 2. Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009, messaġġ awtomatiku mill-fornitur domestiku li jinforma lil klijent roaming li huwa qiegħed roaming u li jipprovdi informazzjoni tariffarja personalizzata fuq it-tariffi applikabbli għall-forniment ta' servizzi roaming tad-dejta regolati lil dak il-klijent roaming fl-Istat Membru kkonċernat, ħlief meta l-klijent ikun avża lill-fornitur domestiku tiegħu li ma għandux bżonn din l-informazzjoni. Informazzjoni tariffarja personalizzata bħal din għandha tintbagħat lit-telefown mobbli tal-klijent roaming jew apparat ieħor, hekk kif il-klijent roaming jibda servizz roaming tad-dejta regolat fi Stat Membru partikolari, għajr dak tan-netwerk domestiku tiegħu għall-ewwel darba wara li jkun wasal f’dak l-Istat Membru. Din għandha tintbagħat mingħajr dewmien bla bżonn u bla ħlas, b’mod adattat u adegwat biex jiffaċilita li jittieħed u jiftihem malajr. Klijent li jkun avża lil fornitur domestiku tiegħu li huwa m’għandux bżonn l-informazzjoni tariffarja awtomatika għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur domestiku biex jerġa’ jipprovdi dan is-servizz. 3. Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010, il-fornituri domestiku għandhom jipprovdu faċilità ta’ “Limitu” li biha joffru u jżommu disponibbli għal klijenti roaming kollha tagħhom, mingħajr ħlas, opportunità li jispeċfikaw bil-quddiem limitu massimu finanzjarju, espress fil-munita li biha jħallas il-klijent roaming, għat-tariffi pendenti tagħhom tas-servizzi roaming tad-dejta regolati. Ladarba dan il-Limitu jintlaħaq, il-fornitur domestiku għandu jwaqqaf immedjatament is-servizzi roaming tad-dejta regolati lill-klijent roaming, jekk il-klijent roaming ma jitlobx li l-forniment ta’ dawn is-servizzi jitkompla jew jiġġedded u sakemm dan jagħmel it-talba. Il-fornitur domestiku għandu wkoll jiżgura li messaġġ ta’ twissija adattat jintbagħat lit-telefown mobbli tal-klijent roaming jew apparat ieħor qabel limitu wieħed ta’ tariffa intermedjarja jew aktar, miftehma bejn il-klijent u l-fornitur domestiku, jintlaħqu. Dan il-messaġġ ta’ twissija għandu jinforma lil-klijent roaming li l-Limitudalwaqt jintlaħaq u bil-proċedura li għandha tittieħed mill-klijent jekk hu jew hi j/tixtieq li j/titlob li l-forniment ta’ dawk is-servizzi jitkompla jew jiġġedded. 4. B’effett mill-1 ta’ Lulju 2009: (a) It-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ netwerk miżjura jista’ jitlob lill-operatur ta’ netwerk domestiku ta' klijent roaming għall-forniment ta' servizzi roaming tad-dejta regolati fuq dak in-netwerk miżjur, ma għandhiex taqbeż limitu ta’ salvagwardja ta’ EUR 1.00 għal kull megabyte ta’ dejta trasmessa. (b) Din it-tariffa medja bl-ingrossa għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkulata fuq perjodu ta’ tnax-il xahar jew kwalunkwe perjodu iqsar li jista' jkun fadal qabel ma jiskadi dan ir-Regolament. (c) It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-punt a għandha tiġi kkalkulata billi d-dħul bl-ingrossa totali li jdaħħal l-operatur tan-netwerk miżjura minn kull operatur ta’ netwerk domestiku għall-forniment ta’ servizzi roaming tad-dejta regolati fil-perjodu rilevanti jiġi diviż bl-għadd totali ta’ megabytes ta’ dejta użati mill-forniment ta’ dawk is-servizzi matul dak il-perjodu.” 12. L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej: (a) Il-Paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej: "2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 4a, 4b u 6a, b’mod li jippermetti li l-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għaliha.” (b) Il-Paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej: "5. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jintervjenu fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom, b’mod partikolari, fejn meħtieġ, jużaw il-poteri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Aċċess biex jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati li jiggarantixxu konnettività minn tarf sa tarf u interoperabiltà ta’ servizzi roaming, pereżempju fejn abbonati ma jistgħux jagħmlu skambju ta’ messaġġi SMS roaming ma’ abbonati ta’ netwerk mobbli terrestri fi Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ ftehim li jippermetti li jaslu dawk il-messaġġi.” 13. L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 9 Penali L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u jwaqqfu l-ksur. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2008 jew, fil-każ tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament [XXXX/YYYY], sa mhux aktar tard mid-data li taħbat disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament u għandhom mingħajr dewmien jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti li teffetwahom.” 14. L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 11 Analiżi 1. Il-Kummissjoni għandha tanalizza kif qed jiffunzjon dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar mit-30 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni se tevalwa b’mod partikulari jekk l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament intlaħqux. Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni se tanalizza l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-forniment lil klijenti roaming ta’ servizzi tal-komunikazzjoni tal-vuċi u tad-dejta, inklużi l-SMS u l-MMS, u jekk ikun xieraq, għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ aktar regolamentazzjoni ta’ dawn is-servizzi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tuża l-informazzjoni provduta skond l-Artikolu 7(3). 2. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fid-dawl ta' l-iżviluppi fis-suq inkluża l-kwalità tas-servizz provdut, u fir-rigward kemm tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-ħarsien tal-konsumatur, ikunx meħtieġ li jiġi estiż it-tul ta' dan ir-Regolament aktar mill-perjodu stabbilit fl-Artikolu 13 jew li jerġa’ jiġi emendat, b'kont meħud ta' l-iżviluppi fit-tariffi għal servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli tal-vuċi jew tad-dejta fil-livell nazzjonali u l-effetti ta’ dan ir-Regolament fuq partijiet differenti tal-Komunità u anke fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi iżgħar, indipendenti jew li għadhom jibdew. Skont is-sejbiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.” 15. Fl-Artikolu 12 jitħassar il-kliem “mhux aktar tard minn 30 ta’ Awwissu 2007”. 16. Fl-Artikolu 13, "2010" tinbidel b' "2013". Artikolu 2 Emenda tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) Fl-Artikolu 1(5) tad-Directive 2002/21/KE (Direttiva Kwadru) "netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli" tinbidel bi "netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli". Artikolu 3 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat fuq il- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C , , p. . [2] ĠU C , , p. . [3] ĠU C , , p. . [4] ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32. [5] [ ] [6] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7. [7] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.