This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008PC0505
Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council of […] on substances that deplete the ozone layer (Recast) (Text with EEA relevance) {SEC(2008)2366 final} {SEC(2008)2367 final}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Li ttemm it-tneħħija gradwali ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu Regolamentazzjoni aħjar mibnija fuq 20 sena ta' suċċess {KUMM(2008) 2366 finali} {KUMM(2008) 2367 finali}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Li ttemm it-tneħħija gradwali ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu Regolamentazzjoni aħjar mibnija fuq 20 sena ta' suċċess {KUMM(2008) 2366 finali} {KUMM(2008) 2367 finali}
/* KUMM/2008/0505 finali - COD 2008/0165 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 1.8.2008 KUMM(2008) 505 finali 2008/0165 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li ttemm it-tneħħija gradwali ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu Regolamentazzjoni aħjar mibnija fuq 20 sena ta' suċċess PART 1 {KUMM(2008) 2366 finali}{KUMM(2008) 2367 finali} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li ttemm it-tneħħija gradwali ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu Regolamentazzjoni aħjar mibnija fuq 20 sena ta' suċċess DAħLA Is-saff tal-ożonu stratosferiku jipproteġi l-ħajja fuq id-dinja mir-radjazzjoni ultravjola dannuża mix-xemx. Fil-bidu tas-snin tmenin, ix-xjentisti osservaw tnaqqis sinifikanti fil-konċentrazzjoni tal-ożonu fl-istratosfera fuq l-Antartiku, li sar magħruf bħala "it-toqba tal-ożonu". Fl-eqqel tagħha – matul ir-rebbiegħa fl-aħħar tas-snin disgħin – it-toqba tal-ożonu kienet l-agħar madwar il-poli, għalkemm il-konċentrazzjonijiet kienu naqsu b'mod sinifikanti f'postijiet oħra wkoll. Iż-żieda fir-radjazzjoni UV għandha effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, pereżempju billi jiżdiedu l-każijiet tal-kanser tal-ġilda u l-katarretti, kif ukoll fuq l-ekosistemi. Sa mill-1987, il-gvernijiet qablu dwar il-Protokoll ta' Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, u b'hekk bdew it-tneħħija gradwali tas-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (ODS) fil-pajjiżi firmatarji kollha skond skeda stabbilita Fl-2007, il-Partijiet (inkluża l-Komunità Ewropea) iċċelebraw l-għoxrin anniversarju mill-Protokoll ta' Montreal, dan issemma' bħala wieħed mill-iktar ftehimiet ambjentali internazzjonali ta' suċċess. Sa dak iż-żmien, il-191 Parti kollha kienu kisbu tnaqqis ta’ 95 % fil-konsum tal-ODS meta mqabbel mal-linji ta’ bażi li kienu ġew iffissati tal-[1].It-tnaqqis kien l-ogħla (99.2 %) fil-pajjiżi industrijalizzati u xi ftit inqas (80 %) fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw[2] Fl-aħħar rapport tiegħu, ippubblikat fl-2007, il-Panel tal-Valutazzjoni Xjentifika (SAP) stabbilit skond il-Protokoll ta' Montreal ikkonferma li s-saff tal-ożonu qiegħed bil-mod jirkupra bis-saħħa tal-miżuri ta' kontroll introdotti mill-Protokoll - għalkemm minn 10 sa 15-il sena iktar tard minn kif kien stmat fir-rapport tiegħu tal-2002. Il-livelli medji u taż-żona Artika issa huma mistennija li jirkupraw sal-2050 u t-toqba tal-ożonu tal-Antartika bejn l-2060 u l-2075. Skond il-UNEP, il-kontrolli introdotti skond il-Protokoll ta' Montreal se jevitaw miljuni ta' kansers tal-ġilda fatali u għexieren ta' miljuni ta' kansers tal-ġilda mhux fatali u katarretti madwar id-dinja. Minbarra dan, dawn il-kontrolli se jgħinu biex jevitaw l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra ekwivalenti għal iktar minn 100 biljun tunnellata ta' CO2 bejn l-1990 u l-2010. Sal-2010, l-emissjonijiet tal-ODS se jkunu inqas mill-5 % tal-emissjonijiet tas-CO2 globali previsti mqabbla ma kważi 50 % fl-1990[3]. Fir-rapport tiegħu tal-2007, l-SAP wissa lill-Partijiet li, minkejja s-suċċessi, hemm bżonn ta' viġilanza kontinwa biex tinżamm l-iskeda ġdida ppjanata għall-irkupru tas-saff tal-ożonu, li tikkunsidra wkoll l-inċertezzi li baqa', notevolment dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima. L-isfidi prinċipali li baqa' huma: - Ir-rilaxx fl-atmosfera ta' emissjonijiet ODS/GHG "maħżuna" – Minħabba li l-Protokoll kien qed jiffoka fuq il-projbizzjoni tal-produzzjoni tal-ODS, ammonti sinifikanti ta' ODS jibqgħu maħżuna fi prodotti u tagħmir (pereżempju f'fowm ta' insulazzjoni, refriġeranti u sistemi tal-arja kondizzjonata). Il-kalkoli jipprevedu li sal-2015 dawn il-ħażniet globali għandhom iżidu sa 2 miljun tunnellata b'potenzjal tat-tnaqqis tal-ożonu (ODP) jew 13.4 biljun tunellata ta' CO2eq – b'hekk il-bżonn ta' azzjoni ulterjuri. - Eżenzjonijiet fl-użu tal-ODS – Il-Protokoll jipprovdi għal ċertu flessibilità dwar l-użu tal-ODS ikkontrollati, pereżempju fejn għad m'hemm ebda alternattiva vijabbli teknikament jew ekonomikament jew għal ċerti applikazzjonijiet, bħal ma hu l-użu tal-bromur tal-metil għal raġunijiet ta' kwarantina u trattament ta' qabel it-trasbord jew għall-għalf. L-SAP wissa lill-Partijiet li sal-2015 eżenjonijiet tal-użu bħal dawn għandhom bżonn jonqsu b'mod sinifikanti mil-livelli attwali ta' madwar 20 000 tunellata ODP fis-sena biex ikun evitat li l-iskeda għall-irkupru tas-saff tal-ożonu taqa' lura bi ftit snin oħra. - ODS ġodda – Evidenza xjentifika ġdida turi li l-ODP ta' ċerti sustanzi kimiċi li bħalissa mhumiex ikkontrollati mill-Protokoll huwa sostanzjalment ogħla, filwaqt li l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn is-sustanzi qiegħda tiżdied b'rata mgħaġġla. L-SAP esprima wkoll tħassib serju dwar iż-żieda aktar mgħaġġla fil-produzzjoni ta' idroklorofluworokarboni (HCFCs) qabel it-tneħħija sħiħa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Madankollu, il-Partijiet malajr ħadu azzjoni billi qablu immedjatament fl-2007, fuq tibdil fil-Protokoll dwar skedi aċċelerati ta' tneħħija gradwali tal-HCFC biex jinkiseb tnaqqis sa livell massimu ta' miljun tunnellata ODP u 18-il biljun tunnellata ta' CO2eq globalment[4]. Dawn l-isfidi globali (għalkemm ma japplikawx bis-sħiħ għall-UE) waqqfu l-isfond għal din il-proposta tal-Kummissjoni u l-analiżi tagħha. IS-SITWAZZJONI ATTWALI FL-UE Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu ("ir-Regolament") huwa l-istrument ewlieni tal-Komunitajiet Ewropej biex jimplimentaw il-Protokoll ta' Montreal[5]. L-oqsfa tal-politika internazzjonali u tal-UE li jixxiebhu ħafna u li jsaħħu wieħed lill-ieħor għandhom storja ta' kisbiet impressjonanti, li turi t-tneħħija gradwali kważi sħiħa tal-produzzjoni u l-konsum tal-ODS ikkontrollati. Sal-llum, il-KE neħħiet b'mod gradwali iktar minn 99 % tal-konsum u l-produzzjoni bażi tagħha tal-ODS. Sal-2010 l-KE se tkun neħħiet għal kollox l-użijiet ikkontrollati tal-ODS, minbarra xi ftit mijiet ta' tunnellati ODP fis-sena, meta mqabbla mal-livelli bażi ta' 400 000 tunellata. Il-produzzjoni tal-ODS fil-KE għall-użijiet ikkontrollati mill-Protokoll u r-Regolament hija ppjanata li tispiċċa sal-2025 u bħalissa qiegħda tonqos għal madwar 4 000 tunellata ODP fis-sena fl-2010 mqabbla mal-livelli bażi ta' 700 000 tunnellata. Bl-iskeda ta' tneħħija gradwali aċċellerata ta' HCFC adottata mill-Partijiet fl-2007, hemm il-ħtieġa li r-Regolament ikun allinjat mill-ġdid biex iressaq 'il quddiem it-tneħħija gradwali sħiħa mill-2025, kif stabbilit bħalissa fir-Regolament, għall-2020. Minħabba t-tneħħija gradwali sħiħa li se ssir dalwaqt tal-użu tal-HCFCs "verġni", hemm bżonn li jissaħħu l-miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta' kummerċjalizzazzjoni u użu illegali tal-ODS. Il-ħażniet tal-ODS fl-UE jistgħu jammontaw għal madwar 700 000 tunnellata ODP fl-2010, ekwivalenti għal 5 biljun tunellata ta' CO2, għalkemm il-kalkoli attwali huma suġġetti għal livell għoli ta' inċertezza. L-emissjonijiet annwali fuq il-perjodu 2005-15 jista' jvarjaw sa massimu ta' 24 000 tunnellata ODP fis-sena jew sa 170 miljun tunnellata ta' CO2eq. Il-projbizzjonijiet tal-użu u d-dispożizzjonijiet dwar ir-riċiklaġġ u l-qerda stabbiliti fir-Regolament, u, ta' iktar importanza, dispożizzjonijiet simili fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart tal-UE u d-Direttiva dwar it-Tagħmir Elettriku u Elettroniku jistgħu jaqbdu l-maġġoranza tal-emissjonijiet, għalkemm huwa rikonoxxut li r-rati ta' riċiklaġġ u rkupru tal-iskart huma baxxi ħafna. Attwalment huwa stmat li l-emissjonijiet ta' ODS ġodda fl-UE jammontaw għal inqas minn 300 tunellati ODP fis-sena, għalkemm qegħdin jiżdiedu b'rata kostanti. Fl-UE l-użijiet kritiċi u essenzjali tal-ODS waqfu kważi fil-każi kollha, filwaqt li l-użijiet eżentati tal-bromur tal-metil għal raġunijiet ta' kwarantina u trattament ta' qabel it-trasbord (QPS) huma mistennija li jibqgħu stabbli f'livell ta' inqas minn 300 tunellata ODP fis-sena. L-ispiża amministrattiva minn dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament naqset b'mod sinifikanti f'konformità mat-tnaqqis kostanti fl-għadd ta' deċiżjonijiet ta' eżenzjoni neċessarji minħabba l-iżvilupp kontinwu u l-kummerċjalizzazzjoni ta' alternattivi vijabbli teknikament u ekonomikament. Stħarriġ għall-partijiet interessati imwettaq biex jappoġġa din il-proposta kkonferma s-sodisfazzjoni ġenerali bl-effettività u l-effiċjenza tal-qafas regolatorju eżistenti, għalkemm b'mod ġeneralikien rikonoxxut bħala kumpless. LEJN REGOLAMENTAZZJONI AħJAR L-impenn tal-istituzzjonijiet Ewropej lejn regolamentazzjoni aħjar, flimkien mal-20 sena esperjenza tal-UE fil-protezzjoni tas-saff tal-ożonu, ħolqu opportunità f'waqtha biex ikun rivedut ir-Regolament dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu[6]. L-għanijiet ewlenin ta' din ir-reviżjoni huma: (1) li tissimplifika u tirriformula r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas kull piż amministrattiv żejjed f'konformità mal-impenn tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar; 2) li tiżgura l-konformità mal-Protokoll ta' Montreal kif aġġustat fl-2007; u (3) li tiżgura li l-isfidi futuri deskritti hawn fuq ikunu indirizzati, sabiex tiżgura rkupru f'waqtu tas-saff tal-ożonu u tevita l-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi. Fil-kuntest attwali, kemm globalment kif ukoll fil-livell tal-UE, firxa ta' oqsma li jistgħu jitjiebu kienu diskussi u vvalutati fid-dettall waqt ir-reviżjoni tar-Regolament u l-valutazzjoni tal-impatt assoċjata[7]. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni tipproponi li r-Regolament għall-protezzjoni tas-saff tal-ożonu jkun issimplifikat, isir iktar effiċjenti u jittejjeb filwaqt li jittieħdu għadd ta' miżuri , inkluż fuq livell internazzjonali. Reviżjoni tal- leġiżlazzjoni eżistenti Ir-reviżjoni identifikat ħafna opportunitajiet fejn it-test tar-Regolament jista' jkun simplifikat[8]. Xi wħud mill-emendi prinċipali għas-simplifikazzjoni tar-Regolament jikkonsistu fit-tneħħija tad-dispożizzjonijiet li issa skadew u l-proċeduri assoċjati mal-użijiet essenzjali u kritiċi tal-ODS u fis-simplifikazzjoni tar-rappurtar fejn possibbli, waqt li jitqiesu kif xieraq l-obbligi tal-UE li joriġinaw mill-Protokoll. Ir-reviżjoni serviet ukoll biex tallinja r-Regolament mad-Deċiżjoni XIX/6 riċenti biex taċċellera t-tneħħija gradwali tal-HCFCs, kif adottat mill-Partijiet fil-Protokoll fl-2007. Id-data tat-tneħħija gradwali għall-produzzjoni tal-HCFCs għalhekk għandha titressaq 'il quddiem għall-2020. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll xi emendi meqjusa biex jiffaċilitaw il-ħidma kumplessa tal-infurzar, notevolment mill-awtoritajiet tad-dwana, biex ikunu evitati l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu illegali tal-ODS fl-UE. Miżuri bħal dawn jinkludu l-introduzzjoni ta' rekwiżiti magħżulin ta' ttikkettar u t-tneħħija ta' eżenzjonijiet li ftit jintużaw u li jimponu spejjeż amministrattivi sinifikanti fuq għadd żgħir ta' partijiet għal benefiċċji li qegħdin jonqsu b'rata mgħaġġla. Kien hemm il-ħtieġa għal xi miżuri li jsaħħu l-leġiżlazzjoni biex l-UE tkun tistà tiffaċċja l-isfidi li baqa', għalkemm bi spejjeż limitati filwaqt li ngħatat spiss iktar simplifikazzjoni amministrattiva. Biex issolvi l-problema tal-ħażniet tal-ODS, il-Kummissjoni tipproponi li tissikka d-dispożizzjoni fir-Regolament dwar l-irkupru u l-qerda tal-ODS fi prodotti u tagħmir, u b'hekk twassal għal benefiċċji ambjentali sa massimu ta' 14 000 tunnellata ODP (112 miljun tunnellata ta' CO2eq). Biex tkun evitata l-espansjoni tas-swieq li jkun hemm bżonn tkun indirizzata iktar tard, il-Kummissjoni tipproponi l-elenkar ta' ODS ġodda fir-Regolament u tesiġi li l-produtturi u l-importaturi jirrappurtaw il-volumi kkummerċjalizzati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tnaqqas il-limitu eżistenti għall-użu tal-bromur tal-metil għal raġunijiet ta' kwarantina u trattament ta' qabel it-trasbord minn 600 tunnellata ODP għal-livelli attwali ta' 200 tunnellata u li ttemm tneħħija gradwali kompleta sal-2015. Sadanittant, it-teknoloġiji ta' rkupru mill-ġdid disponibbli se jsiru mandatorji, dan ukoll biex is-saħħa tal-ħaddiema tkun protetta. Azzjoni ulterjuri Barra mill-emendi deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni ulterjuri biex tasal għat-tneħħija gradwali kompleta tal-ODS, inkluża f'livell internazzjonali. L-azzjoni ta' segwitu se tiffoka, l-ewwel u qabel kollox, fuq it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas tal-politika tal-iskart, notevolment id-Direttiva dwar Skart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku ("WEEE"), u l-irkupru tal-ODS fis-settur tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni. Azzjonijiet bħal dawn se jiffukaw ukoll fuq l-identifikazzjoni ta' inċentivi xierqa biex jiżdied b'mod sinifikanti l-ammont ta' ODS fi prodotti u tagħmir ippreżentati għall-irkupru, ir-riċiklaġġ jew il-qerda fl-UE[9]. Dawn l-azzjonijet għandhom ikunu segwiti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-oqsma tas-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu, il-ġestjoni tal-iskart (notevolment skart mill-kostruzzjoni u d-demolizzjoni) u t-tibdil fil-klima. Dawn il-miżuri jistgħu potenzjalment iwasslu għal iktar benefiċċji ambjentali sa massimu ta' 80 000 tunnellata ODP jew 640 miljun tunnellata ta' CO2eq. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se taħdem f'livell internazzjonali mal-Istati Membri u ma' Partijiet firmatarji tal-Protokoll, ukoll permezz ta' laqgħat bilaterali, biex ikompli it-tnaqqas tal-użijiet u l-emissjonijiet tal-ODS li baqa' u wkoll biex il-Partijiet ikun imħeġġa jaderixxu kompletament mal-emendi tal-Protokoll. Il-prijoritajiet notevolment se jinkludu li jkun żgurat li t-tnaqqis gradwali globali tal-HCFCs iwassal għall-introduzzjoni ta' alternattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima, li tinsab soluzzjoni għall-ħażniet tal-ODS fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jitnaqqas l-użu tal-bromur tal-metil għall-attivitajiet QPS, u l-kontrolli xierqa tal-monitoraġġ globali fuq ODS ġodda, u, jekk hemm bżonn, żieda fil-kontrolli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkompli tippromwovi t-teknoloġija u t-trasferiment tal-għarfien permezz ta' gruppi ta' ħidma u attivitajiet ta' qsim ta' għarfien immirati. L-IMPATT MISTENNI Dan il-pakkett għandu jwassal għal test regolatorju ssimplifikat b'mod sinifikanti waqt li fl-istess ħin joffri garanziji biex jiżguraw u jikkonsolidaw il-progress li sar s'issa dwar it-tneħħija gradwali tal-ODS. Bi tkomplija għas-suċċessi tal-imgħodd u l-opportunitajiet għas-simplifikazzjoni, it-tnaqqis globali fl-ispejjeż amministrattivi se jammontaw għal kważi €3 miljun għall-perjodu 2010-2020, b'madwar €2 miljun jmorru għall-industrija, € 0.7 ta' miljun għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-bqija għall-Kummissjoni Ewropea. L-impatt ekonomiku dirett addizzjonali kumulattiv fuq il-perjodu 2010-2020 huwa mistenni li jibqa inqas minn €13-il miljun, prinċipalment relatat ma' miżuri biex jitnaqqas l-użu tal-bromur tal-metil għal raġunijiet tal-QPS[10]. Is-simplifikazzjoni għandha tkun partikolarment ta' benefiċċju għall-SMEs li għandhom inqas aċċess għall-għarfien speċjalistiku għall-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-benefiċċji l-iktar tanġibbli mill-pakkett huma relatati mal-azzjoni tal-politika dwar l-azzjonijiet tal-QPS u dwar l-irkupru u l-qerda tal-ODS "maħżuna". Dawn jistgħu jammontaw għal qligħ nett ta' 16 000 tunnellata ODP fil-perjodu 2010-2020 jew l-ekwivalenti ta' 112-il miljun tunnellata ta' CO2[11]. KONKLUżJONIJIET Ir-Regolament wera li hu effettiv sew, u żgura li l-UE kienet kontributriċi ewlenija għall-protezzjoni tas-saff tal-Ożonu. L-għażliet politiċi proposti jkomplu jibnu fuq is-saħħa tar-Regolament eżistenti, u jirriflettu impenn qawwi għal regolamentazzjoni iktar sempliċi u aħjar ibbażata fuq analiżi soda. Ir-Regolament il-ġdid għandu jiżgura li l-UE tkompli tikkonforma mal-Protokoll ta' Montreal, filwaqt li tevita spejjeż amministrattivi mhux neċessarji. Fl-istess ħin, għandu jpoġġi lill-UE f'pożizzjoni aħjar biex iżomm ir-rwol prinċipali biex tiffaċċja l-isfidi li baqa' fuq livell globali, inkluż il-kummerċjalizzazzjoni illegali, u għalhekk tilqa' għat-tħassib ta' kummerċanti u organizzazzjonijiet mhux governattivi bona fide . [1] L-Artikolu 1 tal-Protokoll ta' Montreal jiddefinixxi il-"Konsum" bħala l-produzzjoni flimkien mal-importazzjoni u mnaqqas l-esportazzjoni tas-sustanzi kontrollati. [2] Tnaqqis ta' suċċes fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kien possibbli permezz tal-Fond Multilaterali li sa issa ikkontribwixxa madwar US$2.4 biljun lejn it-trasferiment tat-teknoliġija u proġetti ta' bini ta' kapaċitajiet relatati. L-iskedi għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw tipikament huma lura b'xi ftit jekk imqabbla ma' dawk ta' pajjiżi industrijalizzati. [3] Dawn il-kontribuzzjonijiet kbar għat-tibdil fil-klima huma minħabba l-potenzjal tat-tisħin globali (GWP) għoli ħafna għas-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (xi wħud minnhom huma iktar minn 14 000 darba iktar qawwija mis-CO2). [4] Ara d-Deċiżjoni XIX/6 tad-19-il laqgħa tal-Partijiet fil-Protokoll (2007, Montreal) biex taċċellera t-tneħħija gradwali tal-HCFCs. Innota li t-tnaqqis potenzjali tal-gassijiet b'effett serra (GHG) jiddependi fuq it-trażżin tal-emissjonijiet mill-allternattivi attwali (pereżempju għar-refriġeranti) b'GWP relattivament għoli (bħal ma huma l-HFCs) u/jew l-introduzzjoni ta' alternattivi b'GWP baxx. Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima huma integrati fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Partijiet dwar din il-kwistjoni. [5] Ir-Regolament jemenda wkoll ir-Regolamenti ta' qabel li kienu ilhom fis-seħħ għal kważi żewġ deċenni. [6] Din ir-reviżjoni hija inkluża fil-Programm ta' Ħidma Leġislattiv tal-Kummissjoni (CLWP) 2008 taħt l-intestatura "Simplifikazzjoni". [7] Ara SEC (2008) xxx u SEC(2008) xxx. [8] L-għażliet li r-Regolament jitħalla kif inhu (operat bħas-soltu) jew anke li jitneħħa kienu kkunsidrati sew iżda kienu miċħuda, fost l-oħrajn fuq il-bażi li jpoġġu lill-KE f'pożizzjoni ta' nuqqas ta' konformità mal-Protokoll ta' Montreal u ma jħalluhiex tkompli ssegwi l-għan tagħha ta' simplifikazzjoni. [9] Pereżempju standards marbuta ma' sistemi ta' kumpens jew ta' depożitu, finanzjament ta' qerda minn fondi reġjonali, eċċ. [10] L-ispejjeż jistgħu ikunu inqas b'mod sinifikanti jekk tkun ikkunsidrata d-deċiżjoni probabbilment se titteħed biex titneħħa r-reġistrazzjoni tal-Bromur tal-Metil għal raġunijiet ta' saħħa. [11] F'termini tal-potenzjal tat-tisħin globali, dan huwa ekwivalenti għal 2 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra fl-1990. Għal skopijiet ta' paragun biss, it-tnaqqis huwa ekwivalenti għal 1/10 mit-tnaqqis neċessarju biex tinkiseb il-mira tal-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'20 % skond il-pakkett tal-klima u l-enerġija.