This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008PC0180
Proposal for a Recommendation of the European Parliament and of the Council on the establishment of the European credit system for vocational education and training (ECVET) [SEC(2008) 442 SEC(2008) 443]
Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ sistema ewropea ta’ kredits ghall-edukazzjoni u t-tahrig vokazzjonali (ECVET) [SEG(2008) 442 SEG(2008) 443]
Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ sistema ewropea ta’ kredits ghall-edukazzjoni u t-tahrig vokazzjonali (ECVET) [SEG(2008) 442 SEG(2008) 443]
/* KUMM/2008/0180 finali - COD 2008/0070 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 9.4.2008 KUMM(2008) 180 finali 2008/0070 (COD) Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) [SEG(2008) 442 SEG(2008) 443] (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-kuntest tal-proposta Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Il-ħtieġa ta’ tiġdid kontinwu ta’ l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċittadini hija kruċjali għall-kompetittività u l-koeżjoni soċjali ta’ l-UE, u f’dan ir-rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom kontribut ewlieni x'jagħtu. Madankollu, il-komplessità u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn fornituri/awtoritajiet differenti u bejn sistemi nazzjonali differenti jnaqqsu l-impatt tagħha. L-ostakli jxekklu liċ-ċittadini individwali milli jiksbu l-edukazzjoni u t-taħriġ u milli jgħaqqdu u jakkumulaw riżultati ta' tagħlim miksuba f'kuntesti ta' tagħlim differenti. Dawn jagħmluha diffiċli għaċ-ċittadini li jiċċaqalqu fi ħdan iż-żona Ewropea ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (ETV) u fis-suq tax-xogħol Ewropew u li jsegwu tagħlim matul il-ħajja ġenwin mingħajr ostakli. Il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona fl-2000 ikkonkluda li aktar trasparenza tal-kwalifiki u t-tagħlim matul il-ħajja għandhom ikunu tnejn mill-komponenti ewlenin fl-isforzi biex is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej jiġu adattati kemm għat-talbiet tas-soċjetà ta’ l-għarfien kif ukoll għall-ħtieġa ta’ livell u kwalità aħjar ta’ impjieg. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-2002 dwar il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-ETV (“il-Proċess ta’ Kopenħagen”) enfażizzat li l-għoti ta' prijorità lil sistema ta’ trasferiment ta’ kredits għall-ETV kien wieħed mill-miżuri komuni meħtieġa sabiex tiġi promossa t-trasparenza, il-komparabilità, it-trasferibbiltà u l-għarfien tal-kompetenza u/jew il-kwalifiki, bejn pajjiżi differenti u f’livelli differenti. Fil-Communiqué ta’ Maastricht ta’ l-2004, il-Ministri responsabbli għall-ETV, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali Ewropej qablu li jagħtu prijorità lill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ l-ECVET. Dan ġie kkonfermat mill-istess grupp fil-Communiqué ta’ Helsinki ta’ l-2006 li sejħet għall-iżvilupp ulterjuri ta' l-għodod Ewropej komuni, speċifikament l-ECVET[1]. Din il-proposta għal ECVET tirreaġixxi għall-mandat politiku deskritt hawn fuq. Il-kuntest ġenerali Wieħed mill-ostakli ewlenin li qed ixekkel aktar interess fil-mobbiltà transnazzjonali bħala parti minn taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali tal-bidu u kontinwu huwa d-diffikulta fl-identifikazzjoni, il-validazzjoni u l-għarfien tar-riżultati tat-tagħlim miksuba matul żmien imqatta' f'pajjiż ieħor. Barra minn hekk, kull ma jmur it-tagħlim matul il-ħajja qed iseħħ f’pajjiżi differenti u f’varjetà wiesgħa ta' kuntesti, formali, mhux formali u informali. Għalhekk, li huwa meħtieġ huwa mezz li jippermetti lin-nies li jsegwu l-passaġġ ta’ tagħlim tagħhom billi jibnu fuq ir-riżultati ta' tagħlim tagħhom meta jiċċaqalqu minn kuntest ta' tagħlim għal ieħor, u minn pajjiż għall-ieħor. Waħda mill-isfidi l-aktar importanti li trid tiġi ffaċċjata hija d-diversità, kif ukoll il-frammentazzjoni ta’ l-edukazzjoni, l-ETV u s-sistemi ta’ kwalifiki fl-Ewropa. Jistgħu jiġu involuti għadd kbir ta’ kwalifiki u ta’ istituzzjonijiet u operaturi kompetenti differenti. L-attivitajiet tagħhom jistgħu jinkludu t-tifsira ta’ kwalifiki, metodi għall-evalwar u l-validazzjoni tat-tagħlim, l-iffissar ta’ għanijiet ta’ taħriġ, li jiġi stabbilit il-kontenut tar-riżultati tat-tagħlim, l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ. Jistgħu jiġu involuti firxa wiesgħa ta’ fornituri: ministri, aġenziji, setturi okkupazzjonali, kumpaniji, imsieħba soċjali, kmamar, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u oħrajn. F’xi każi, awtorità nazzjonali tista’ takkredita jew tagħti s-setgħa lil fornituri tat-taħriġ jew operaturi oħrajn sabiex iħejju u joħroġu kwalifiki, punti, eċċ. F’każi oħrajn, dawn il-funzjonijiet jistgħu jiġu żviluppati fil-livell reġjonali, jew għall-fornituri. Il-pajjiżi għandhom qafas nazzjonali li jfisser il-livelli tal-kwalifiki jew klassifikazzjoni għal dawn il-livelli. Dawn l-oqsfa jistgħu jkunu, jew ma jkunux, immirati lejn l-organizzazzjoni taċ-ċikli ta’ edukazzjoni jew taħriġ. B’żieda ma' dan, skond liema sistemi, il-kwalifiki jistgħu jinkisbu wara tip wieħed biss ta' programm ta' taħriġ formali jew wara bosta tipi ta' proċessi ta' tagħlim. L-għoti ta’ kwalifiki huwa msejjes, f’xi sistemi, fuq l-akkumulazzjoni ta’ unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim, assoċjati ma’ punti ta’ kredits (ir-Renju Unit, il-Finlandja, l-Iżvezja...) jew le (Franza, Spanja...). Is-sistemi ta' kredits huma kultant żviluppati fi ħdan qafas ta' kwalifiki usa' (il-qafas ta' kredits u kwalifiki Skoċċiż u dawk ta' Wales) jew imfassla għal kwalifiki speċifiċi (is-sistema IFTS fl-Italja). Barra minn dan, skond il-pajjiż, hemm bosta modi kif jintużaw l-unitajiet u l-punti għal riżultati ta’ tagħlim u, f’ċerti pajjiżi jista’ jeżistu fl-istess waqt prassi differenti għall-allokazzjoni ta’ punti għar-riżultati ta’ tagħlim. Meta wieħed iqis id-diversità deskritta hawn fuq, huma meħtieġa konvenzjonijiet u prassi tekniċi komuni sabiex tkun żgurata fiduċja reċiproka u sabiex ikun possibbli t-trasferiment u l-għarfien tar-riżultati tat-tagħlim fil-kuntest tal-mobbiltà transnazzjonali. Dispożizzjonijiet eżistenti f'dan il-qasam fil-livell Ewropew Din il-proposta ta' l-ECVET hija parti minn sejre ta’ inizjattivi Ewropej, inkluża s-Sistema Ewropea ta’ Trasferiment u Akkumulazzjoni ta’ Kredits (ECTS), l-Europass[2], il-Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà (EQCM), il-prinċipji Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali u l-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki għat-tagħlim matul il-ħajja (EQF)[3]. - L-ECTS ġiet promossa mir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fil-Komunità għal studenti, persuni li qed jirċievu taħriġ, volontarji, għalliema u dawk li jħarrġu[4], użata fl-edukazzjoni ogħla. L-ECVET għandha tkun kompattibbli ma' l-ECTS sabiex titneħħa d-differenza bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni ogħla. - L-Europass inħoloq mid-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi. - Il-prinċipji Ewropej għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali ġew miftiehma fl-għamla ta' Konklużjonijiet tal-Kunsill fl-2004[5]. L-implimentazzjoni ta’ l-ECVET se tqis dawn il-prinċipji. - L-EQCM ġie adottat permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fil-Komunità għal għanijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ (Il-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà[6]). F'punt 8 ta' l-Anness tagħha din tiddikjara li, meta persuna tiddeċiedi li tkun mobbli, "il-parteċipanti għandhom jingħataw għajnuna sabiex ikun iffaċilitat l-għarfien u ċ-ċertifikazzjoni" tar-riżultati ta’ tagħlim. L-ECVET hija maħsuba bħala appoġġ għall-kwalità tal-mobbiltà ta’ l-individwi kif meħtieġ mir-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq. - L-EQF tnieda mir-Rakkomandazzjoni ta' l-2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas Ewropew dwar il-kwalifiki (EQF)[7] bħala għodda ta’ referenza għat-tqabbil tal-livelli ta’ kwalifiki f’sistemi ta’ kwalifiki nazzjonali u anke f’sistemi ta’ kwalifiki żviluppati minn organizzazzjonijiet settorjali internazzjonali. L-ECVET se jikkomplementa u jibni fuq kunċetti u prinċipji komuni ma’ l-EQF. Fil-fatt, l-ECVET juża l-EQF bħala l-livell ta’ referenza għall-kwalifiki. Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni L-ECVET ma tapplikax għall-għarfien reċiproku tal-kwalifiki fil-qasam ta’ professjonijiet regolati, minħabba li dan ġie żgurat mid-Direttiva 2005/36/KE[8] tas-7 ta’ Settembru 2005, minħabba li l-ECVET mhux għodda li tagħti drittijiet lil migranti fl-għarfien tal-kwalifiki tagħhom miksuba fi Stat Membri bil-għan li jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru ieħor. F’każ bħal dan, id-Direttiva biss timponi obbligi li jorbtu legalment fuq awtoritajiet ta' l-Istati Membri. 2. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-istima ta’ l-impatt Konsultazzjoni ma’ l-esperti Ir-rapport Cedefop (2005) dwar “strateġiji Ewropej dwar sistemi ta’ (trasferiment ta’) kredits fil-ETV – Evalwazzjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ sistemi ta’ kredits eżistenti għal sistema Ewropea ta’ trasferiment ta’ kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET)” jibni b'mod estensiv fuq każijiet u prassi internazzjonali rilevanti fil-qasam tas-sistemi ta' kredits. Fl-2005 il-Kummissjoni ffinanzjat żewġ studji dwar l-ECVET fil-kuntest tal-mobbiltà Ewropea fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali tal-bidu[9]. Dawn iż-żewġ studji jikkonkludu li l-partijiet interessati, li kienu intervistati u saru anke laqgħat magħhom, iqisu l-prinċipji ta’ l-ECVET bħala pożittivi. L-ECVET hija meqjusa wkoll bħala mezz kruċjali għat-titjib tas-sistemi ETV bil-għan ta’ tqabbil aħjar bejn il-ħtiġijiet ta’ l-individwi u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol. Madankollu, l-istudji jenfasizzaw li l-ECVET ma tistax tiġi introdotta u użata sakemm ma tkunx kulturalment u teknikament adattata għall-kuntesti nazzjonali, reġjonali jew settorali. Dawn jikkonfermaw li l-ECVET tista’ tiġi applikata mingħajr ma jkun hemm dubji dwar is-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tal-bidu eżistenti u l-prinċipji fundamentali taċ-ċertifikazzjoni u l-kwalifiki. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni laħqet konklużjonijiet bżonnjużi mir-riżultati tal-proġetti li qabel kienu ffinanzjati taħt il-programm Leonardo da Vinci li juri li strateġija msejsa fuq unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim hija s-soluzzjoni xierqa għall-kwistjoni ta’ trasferiment u akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim għal individwi li jiċċaqalqu minn kuntest ta’ tagħlim għal ieħor. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati (2006-2007) Minn Novembru 2006 għal Marzu 2007, il-Kummissjoni Ewropea nediet proċess ta’ konsultazzjoni madwar l-Ewropa kollha dwar pjan ta’ ECVET imsejjes fuq id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) - Sistema għat-trasferiment, l-akkumulazzjoni u l-għarfien ta' riżultati ta' tagħlim fl-Ewropa" - SEC(2006) 1431. Dan id-dokument kien imsejjes fuq ix-xogħol ta’ grupp espert imniedi fl-2003 u magħmul minn rappreżentattivi ta’ l-oqsma prinċipali kollha ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ (ġenerali, adulti, vokazzjonali, edukazzjoni ogħla u taħriġ) kif wkoll rappreżentattivi ta’ awtoritajiet pubbliċi, setturi, imsieħba soċjali u Cedefop. Bħala parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-pjan ta’ ECVET ġie ppreżentat u diskuss f’numru ta’ laqgħat organizzati minn awtoritajiet nazzjonali, imsieħba soċjali, korpi settorali u oħrajn matul il-perjodu ta' konsultazzjoni. Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-internet matul l-istess perjodu. Ir-riżultati[10] tal-proċess ta' konsultazzjoni ġew diskussi waqt konferenza li saret f'Munich f'Ġunju 2007. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkonferma l-appoġġ wiesgħa għall-ECVET. Il-maġġoranza ta’ dawn li wieġbu qablu li hemm ħtieġa għal sistema Ewropea ta' Kredits komuni għall-ETV. Madankollu, l-appoġġ sar kondizzjonali dwar serje ta' rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet, li kellhom jitqiesu għal din il-proposta. Il-ġbir u l-użu ta’ l-għarfien espert Oqsma ta’ għarfien xjentifiku/espert involuti Wara li sar proċess ta' konsultazzjoni, fl-2007 ġie stabbilit grupp espert sabiex ikun hemm qbil dwar sett ta' speċifikazzjonijiet tekniċi kif ukoll sett ta' tifsiriet ewlenin li huma l-bażi ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ ikkontribixxew ukoll b’mod attiv għall-ħidma, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-esperti esterni u l-gruppi esperti. Ġabra fil-qosor tal-konsulenza miksuba u użata Ara fuq Il-mezzi użati biex il-konsulenza ta’ l-esperti tkun disponibbli għall-pubbliku Fl-aħħarnett, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-grupp espert qabel dwarhom kienu parti minn dokument mibgħut lill-Kumitat Konsulattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali, li ta opinjoni pożittiva dwar l-elementi ewlenin tal-proposta fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007. L-istima ta’ l-impatt L-istima ta’ l-impatt tisħaq fuq il-valur miżjud li l-ECVET iġib biex jiffaċilità t-tagħlim matul il-ħajja u jnaqqas l-ostakli ta' mobbiltà madwar l-Ewropa. Din tfassal l-alternattivi varji li l-Kummissjoni qieset fit-tfittxija ta' soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet u sabiex tiżgura li l-ECVET tiġi adattata. Nuqqas mill-Unjoni Ewropea li tieħu azzjoni tippermetti t-tkompli tal-qagħda xejn sodisfaċenti attwali, li jkun inaċċettabbli għal bosta partijiet interessati, meta wieħed iqis l-ostakli msemmija hawn fuq għat-trasferiment u l-għarfien ta' riżultati ta’ tagħlim; b’żieda ma' dan, dan ma jissodisfax il-mandat ċar mogħti lill-Kummissjoni. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ma tinvolvix l-Istati Membri u lanqas ma tinvolvi l-Parlament Ewropew fl-adozzjoni tagħha u għalhekk ma tiġġenerax l-impenn politiku għall-ħolqien u l-implimentazzjoni efettiva ta’ ECVET operattiva. Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 150 tat-Trattat ma jkollhix impatt aktar b’saħħtu mill-għażla preċedenti, minħabba li ma tkunx tinvolvi lill-Istati Membri jew il-Parlament Ewropew fl-adozzjoni formali, u għalhekk xorta ma tiġġenerax il-grad ta' impenn politiku meħtieġ biex l-ECVET tkun implimentata effettivament. Deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill taħt l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat tadotta prinċipji u obbligi għal dawk l-Istati Membri li jqabblu s-sistemi nazzjonali tagħhom ma’ l-ECVET. Madankollu, il-qbil b’maġġoranza tal-partijiet interessati (l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-setturi u oħrajn) huwa li l-ECVET għandha tkun volontarja. Rakkomandazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, taħt l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat jimpenja, fuq bażi volontarja , lill-Istati Membri għall-użu ta’ l-ECVET bħala mezz li jiffaċilita t-trasparenza, il-komparabilità, it-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim bejn kuntesti ta’ tagħlim differenti u pajjiżi differenti, bil-għan li tiġi stabbilita żona ta' tagħlim matul il-ħajja mingħajr fruntieri. Il-Kummissjoni identifikat din l-għażla bħala l-aktar xierqa. Din tikkorrispondi l-aktar mill-qrib ma’ l-aspettattivi kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll tal-partijiet interessati, u tipprovdi l-aqwa bażi għall-implimentazzjoni b’suċċess għal ECVET operattiva u għall-kisba tal-valur miżjud reali li tista’ ġġib id-dimensjoni Ewropea. Ir-rapport dwar l-istima ta’ l-impatt tal-Kummissjoni huwa aċċessibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni. 3. L-elementi ġuridiċi tal-proposta Ġabra fil-qosor ta' l-azzjoni proposta Ir-Rakkomandazzjoni proposta timpenja lill-Istati Membri li jużaw l-ECVET fuq bażi volontarja. Din tistabbilixxi l-ECVET bħala qafas metodoloġiku li jista’ jintuża biex jiddeskrivi kwalifiki f’termini ta’ unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim b’punti assoċjati, bil-għan tat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim. L-ECVET hija msejsa fuq it-tfassil ta’ unitajiet koerenti u bi skop ta’ riżultati ta’ tagħlim u mhux dwar frammentazzjoni ta’ kwalifiki. L-ECVET ma għandhiex l-għan ta', jew teħtieġ, armonizzazzjoni ta' kwalifiki u sistemi ETV; minflok din timmira għal komparabilità u kompatibilità aħjar. Ir-Rakkomandazzjoni proposta tinkludi żewġ annessi li jippreżentaw glossarju u l-fatturi ewlenin ta' l-ECVET. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-ECVET sa l-2012. L-Istati Membri huma rrakkomandati wkoll li jiżviluppaw sħubiji u netwerks fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali u settorali, kif xieraq, u li jippromwovu u japplikaw il-prinċipji għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV meta jimplimentaw l-ECVET. L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għal tagħrif dwar l-ECVET u gwida lil partijiet interessati u lil individwi, u jiżguraw li l-kwalifiki rilevanti kollha u dokumenti “Europass” relatati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fihom tagħrif ċar li għandu x'jaqsam ma' l-użu ta' l-ECVET. Fl-aħħarnett, l-Istati Membri huma rrakkomandati jiżguraw li jeżistu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, monitoraġġ u reviżjoni li jaħdmu, li jqisu strumenti eżistenti sabiex tkun garantita l-konsistenza ta’ inizjattivi fil-pajjiżi u bejniethom. Ir-reviżjoni nazzjonali se tikkontribwixxi għal reviżjoni Ewropea li se tkun organizzata mill-Kummissjoni. Il-proposta tistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri jwettqu l-ħidmiet msemmija hawn fuq, biex tiżviluppa gwida u għodod għall-utenti ta’ l-ECVET, biex tistabbilixxi grupp bi prova ta' utenti ta' l-ECVET u biex tiżviluppa netwerk Ewropew għall-ECVET sabiex tkun żgurata l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-proċess ta’ kooperazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-ECVET. B’żieda ma’ dan, il-Kummissjoni se tissorvelja l-azzjoni bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni bil-għan ta’ reviżjoni possibbli erba' snin wara l-adozzjoni tagħha. Bażi ġuridika L-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Azzjoni komunitarja tikseb aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin: - Il-proposta tipprovdi mezz komuni, terminoloġija komuni, referenzi komuni u strateġiji u konvenzjonijiet komuni għal kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati involuti. Dawn il-funzjonijiet ma jistgħux jingħataw b’azzjoni fil-livell nazzjonali. - L-isfidi li għandhom x’jaqsmu ma’ fiduċja reċiproka, trasparenza, validazzjoni u trasferiment ta’ riżultati ta’ tagħlim fl-ETV fuq skala Ewropea huma komuni għall-Istati Membri kollha u ma jistgħux jissolvew esklussivament fuq livelli nazzjonali jew settorali. - Jekk partijiet interessati involuti fl-ETV mis-27 Stati Membri kellhom jinnegozjaw ftehimiet bilaterali dwar is-suġġett kopert mir-Rakkomandazzjoni proposta mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha individwalment u b'mod mhux koordinat, bl-użu ta' kunċetti, prinċipji u regoli speċifiċi u partikolari, dan jirriżulta fi struttura ġenerali kumplessa immens u mhux trasparenti fil-livell Ewropew. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li ma tiħux post u lanqas ma tfisser sistemi nazzjonali ta' kwalifiki u/jew kwalifiki, ma tarmonizzax l-ETV u s-sistemi ta' kwalifiki u tħalli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għall-Istati Membri. Se jintużaw sistemi ta’ rrappurtar eżistenti, biex b’hekk jimminimizzaw il-piż amministrattiv. L-għażla ta’ l-istrumenti Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4. L-implikazzjoni għall-baġit Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. 5. Tagħrif ieħor Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/estinzjoni Din il-proposta tinkludi klawżola ta’ reviżjoni. Iż-Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta L- għan ta’ l-ECVET huwa li tappoġġja u tippromwovi mobbiltà transnazzjonali u aċċess għat-tagħlim matul il-ħajja fl-ETV. Filwaqt li l-EQF tipprovdi qafas ta’ referenza komuni li huwa maħsub sabiex iservi bħala mezz ta’ traduzzjoni bejn sistemi ta’ kwalifiki differenti u l-livelli tagħhom, l-ECVET tipprovdi qafas metodoloġiku komuni li huwa maħsub biex jiffaċilità t-trasferiment ta' kredits għar-riżultati ta' tagħlim minn sistema ta' kwalifiki għal oħra, jew minn passaġġ ta' tagħlim wieħed għall-ieħor (ara l-eżempji fl-anness tal-memorandum ta' spjegazzjoni, il-grafika 1). Din tikkontribwixxi għall-permeabilità ta' sistemi ta' tagħlim, kompatibilità bejn sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ l-ETV awtonomi u, billi tagħmel dan, tappoġġja l-possibbiltà għal min qed jitgħallem li jibni passaġġi ta’ tagħlim individwali li jwasslu għall-kwalifiki. L-implimentazzjoni tagħha hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ partiċipazzjoni volontarja mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati. Il-qafas metodoloġiku ta' l-ECVET jinkludi prinċipji u speċifikazzjonijiet tekniċi ewlenin li jippermettu li l-kwalifiki jiġu deskritti f'termini ta' unitajiet ta' riżultati ta' tagħlim u ta’ punti ECVET assoċjati (ara l-grafika 2 fl-anness), għall-għan tat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta' kredits u sabiex ikunu appoġġjati s-sħubiji. Il-prinċipji ta’ l-ECVET u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma mfassla għall-użu b’mod flessibbli iżda strutturali. Se jkun hemm aktar dettall dwarhom fil-gwida għall-utenti ta' l-ECVET. Bħala sistema ta’ kredits imsejsa fuq l-unità , l-ECVET se tikkontribwixxi għall-iżvilupp u ż-żieda fil-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Imsejsa kif inhi fuq riżultati ta’ tagħlim, is-sistema msejsa fuq l-unità proposta hija kompattibbli mas-sistemi ta’ kwalifiki, kuntesti ta' tagħlim u strateġiji ta' tagħlim kollha. Strateġija msejsa fuq l-unità tappoġġja passaġġi ta’ tagħlim individwali flessibbli, fejn dawn li qed jitgħallmu jistgħu jakkumulaw l-unitajiet meħtieġa ta’ riżultati ta’ tagħlim matul iż-żmien, f’pajjiżi differenti u b’modi ta’ tagħlim differenti sabiex jiksbu kwalifika. Il-flessibbiltà tagħha tiffaċiltà l-proċess ta’ organizzazzjoni ta’ esperjenzi ta’ mobbiltà għal dawk li qed jitgħallmu l-ETV, filwaqt li l-prinċipji tagħha jippreservaw il-koerenza u l-integrità ġenerali ta’ kull kwalifika u jevitaw frammentazzjoni eċċessiva ta’ riżultati ta’ tagħlim li jridu jiġu vvalidati u rikonoxxuti. Fl-aħħarnett, sistema ta’ kredits imsejsa fuq l-unità toħloq il-possibbiltà ta’ l-izvilupp ta’ referenzi komuni għall-kwalifiki tal-ETV billi tipprovdi struttura u konvenzjonijiet komuni. Sħubiji u netwerks ta’ l-ECVET li jinvolvu istituzzjonijiet, awtoritajiet, imsieħba soċjali, setturi u fornituri kompetenti huma meħtieġa għall-ittestjar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni wiesgħa ta' l-ECVET. Dawn jipprovdu mod għall-varjetà wiesgħa ta’ l-istituzzjonijiet tal-ETV sabiex jaħdmu flimkien. Joħolqu ambjent fejn tista’ tiġi żviluppata fiduċja reċiproka u jipprovdu qafas għat-trasferiment ta’ kredits ta’ l-ECVET. Dawn is-sħubiji jistgħu jiġu formalizzati permezz ta’ Memoranda ta’ Fehma ta’ l-ECVET. Ftehimiet ta’ Tagħlim joffru linji ta’ gwida sempliċi, konvenjenti u sistematiċi għall-implimentazzjoni prattika ta’ arranġamenti u proċeduri ta’ trasferiment ta’ kredits għal individwu li jkun qed jitgħallem. Il-punti ECVET huma mehmuża mal-kwalifiki u l-unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim bħala għajn ta' tagħrif meħtieġ u komplementarju. Dawn huma żviluppati bħala il-bażi ta’ konvenzjonijiet Ewropej komuni u, billi jsaħħu l-leġibbiltà ta’ riżultati ta’ tagħlim miksuba, dawn jiffaċiltaw it-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim minn dawk li jkunu qed jitgħallmu. B’żieda ma’ dan, il-punti ECVET mogħtija kemm għall-kwalifika kif ukoll għall-unitajiet ta’ komponent tagħha, ir-riżultati ta’ tagħlim isiru aktar "tanġibbli. B’dan il-mod, il-punti ECVET jipprovdu tagħrif f’termini ta’ piż ġenerali tar-riżultati ta’ tagħlim meħtieġa sabiex tinkiseb kwalifika u jippermettu li l-piż relattiv ta' kull wieħed mill-unitajiet ta' komponent tagħhom jiġi identifikat. Jirriflettu l-kisba ta’ unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim u l-akkumulazzjoni ta’ unitajiet. Ta’ min jinnota li punti ECVET għandhom tifsira biss f’relazzjoni ma’ riżultati ta’ tagħlim fi ħdan il-kwalifika partikolari, sakemm ir-regoli nazzjonali, reġjonali jew settorali ma jippermettux li l-punti ECVET jintużaw mod ieħor. Bħala konvenzjoni, se jingħataw 60 punt lir-riżultati ta’ tagħlim li mistennija jinkisbu f’sena ta’ ETV formali u fulltime. Fl-ECVET, kwalunkwe kredits miksub minn min ikun qed jitgħallem huwa espressjoni tal-validità tar-riżultati ta’ tagħlim miksuba minnu/minnha għall-għan ta’ trasferiment u l-akkumulazzjoni għal kwalifika. Dawn ir-riżultati ta’ tagħlim huma evalwati u vvalidati biex b’hekk ikun jista’ jiġi trasferit kredits (unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim) minn sistema ta’ kwalifiki ta’ l-ETV għal oħra jew minn kuntest ta' tagħlim għal ieħor. L-ECVET tista’ tintuża irrilevanti minn jekk dawn is-sistemi ta’ kwalifiki għandhomx sistema/i ta’ kredits tagħhom. L-ECVET tista’ tiġi implimentata fi kwalunkwe kwalifika ta’ ETV f’kull livell ta’ referenza ta' l-EQF. Hija applikabbli għar-riżultati ta' tagħlim miksuba f'kull kuntest (eżempji fl-anness, il-grafika 3). L- utenti aħħarija ta’ l-ECVET huma dawk li jkunu qed jitgħallmu. L-ECVET tkun effettiva biss wara li ssir operattiva mill-istituzzjonijiet kompetenti rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew settorali. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom ifissru u jiddeċiedu l-ambitu ta’ l-implimentazzjoni u jifformalizzaw deċiżjonijiet fil-livell xieraq. Għandhom ukoll rwol li jiżguraw li l-implimentazzjoni u l-użu ta' l-ECVET isegwu kriterji ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet għal għarfien effettiv u proċess ta' trasferiment ta’ kredits, u b'hekk jippromwovu fiduċja reċiproka bejn l-operaturi differenti, l-ECVET teħtieġ impenn għal kriterji ta' assigurazzjoni ta' kwalità u proċeduri mill-operaturi kollha involuti u fil-livelli kollha tas-sistema. l-implimentazzjoni ta’ l-ECVET għandha tkun proċess kontinwu li jeħtieġ l-impenn effettiv u sostenibbli ta' istituzzjonijiet, awtoritajiet, imsieħba soċjali, setturi u fornituri kompetenti, u se jeħtieġ grad għoli ta' sinerġija bejn l-inizjattivi fil-livell Ewropej, nazzjonali u settorali. Anness għall-memorandum ta’ spjegazzjoni Grafika 1: L-EQF u l-ECVET għat-trasparenza u l-portabbiltà ta’ riżultati ta’ tagħlim (eżempju). [pic] Fl-eżempju ta’ hawn fuq, l-individwu kiseb il-kwalifika tiegħu/tagħha fi FR billi akkumula riżultati ta’ tagħlim trasferiti mill-HU, EI. Grafika 2: unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim u punti ECVET (eżempju) [pic] Grafika 3: L-applikazzjoni ta’ l-ECVET għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta' riżultati ta' tagħlim Eżempju nru 1: trasferiment organizzat minn żewġ imsieħba (fornituri ETV) f’kuntest ta’ tagħlim formali għal individwi li huma involuti fi programm ta' mobbiltà, bħal Leonardo da Vinci. [pic] Eżempju nru 2: it-trasferiment u l-valutazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim miksuba tul esperjenza professjonali u tal-ħajja (kuntest ta' tagħlim mhux formali u informali), minn individwu li għandu esperjenza professjonali u jixtieq jikseb kwalifika. [pic] 2008/0070 (COD) Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) (Test b' rilevanza ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u l-aktar l-Artikoli 149(4) u 150(4) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[11], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[14], Billi: (1) L-iżvilupp u l-għarfien ta’ l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza taċ-ċittadini huma kruċjali għall-iżvilupp individwali, il-kompetittività, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali fil-Komunità. F’dan ir-rigward, dawn għandhom jiffaċilitaw il-mobbiltà transnazzjonali għall-ħaddiema u għal dawk li għandhom qed jitgħallmu u jikkontribwixxu lejn l-ilħiq tar-rekwiżiti ta’ provvista u talba fis-suq tax-xogħol Ewropew. Il-parteċipazzjoni f’tagħlim matul il-ħajja mingħajr fruntieri għall-kullħadd, it-trasferiment, l-għarfien u l-akkumulazzjoni ta' riżultati ta' tagħlim ta' individwi miksuba f'kuntesti formali, mhux formali u informali għandhom għalhekk jiġu promossi u mtejba fil-livell nazzjonali u tal-Komunità. (2) Il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona fl-2000 ikkonkluda li aktar trasparenza fil-kwalifiki għandha tkun waħda mill-komponenti ewlenin li huma meħtieġa sabiex is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-Komunità jiġu adattati għat-talbiet tas-soċjetà tat-tagħrif. B’żieda ma’ dan, il-Kunsill Ewropew ta’ Barċelona fl-2002 enfasizza fuq l-importanza tat-titjib tal-metodi ta’ trasparenza u għarfien fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. (3) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali[15] (“il-proċess ta’ Kopenħagen”), u r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u Taħriġ ta’ l-2010 adottat fl-2004[16], jisħqu fuq l-importanza ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. (4) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li ltqagħu fi ħdan il-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2004[17] dwar il-prijoritajiet futuri ta’ Kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali taw prijorità lill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistema Ewropea ta’ trasferiment ta’ kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET) sabiex tippermetti lil dawk li għandhom qed jitgħallmu li jibnu fuq l-kisbiet li jirriżultaw mill-passaġġi ta' tagħlim tagħhom meta jiċċaqalqu minn sistema ta' taħriġ vokazzjonali għal oħra. (5) L-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tinħoloq sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (minn hawn ’il quddiem "ECVET") maħsuba sabiex tiffaċilità t-trasferiment, l-għarfien u l-akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim ta’ individwi li qed jimmiraw li jiksbu kwalifika. Dan se jtejjeb it-trasparenza u l-portabbiltà tar-riżultati ta’ tagħlim ta’ ċittadini madwar u fl-Istati Membri f’żona ta’ tagħlim matul il-ħajja mingħajr fruntieri. (6) L-ECVET għandha tissejjes fuq il-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness 2 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Barra minn dan, għandu jkollha bħala l-bażi l-prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalita stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali ta’ Mejju 2004[18] u r-Rakkomandazzjoni dwar il-ħolqien ta’ Qafas ta’ Referenza Ewropew dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali[19]. (7) L-ECVET hija applikabbli għar-riżultati ta' tagħlim kollha li fil-prinċipju għandhom jinkisbu permezz ta' varjetà ta’ passaġġi ta’ edukazzjoni u tagħlim, u mbagħad jiġu trasferiti u rikonoxxuti. Din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tikkontribwixxi għall-għanijiet usa’ tal-promozzjoni ta’ tagħlim matul il-ħajja u ż-żieda fil-kapaċità għall-impjieg, il-mobbiltà u l-inklużjoni soċjali għall-ħaddiema u dawk li għandhom qed jitgħallmu, kif ukoll għall-modernizzar tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp ta' passaġġi ta’ ETV flessibbli u individwali, ir-rabta bejn l-edukazzjoni, it-taħrig, l-impjieg u l-ħtiġijiet ta’ l-individwi, għall-bini ta’ pontijiet bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali, u l-għarfien ta’ riżultati ta’ tagħlim miksuba matul l-esperjenza tal-ħajja u dik professjonali. (8) Prinċipji ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità trasparenti, skambju ta’ tagħrif u żvilupp ta’ sħubiji bejn istituzzjonijiet kompetenti għall-kwalifiki, fornituri ta’ l-ETV u partijiet interessati rilevanti oħrajn għandhom jgħinu biex tinbena fiduċja reċiproka u għandhom jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. (9) Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiffaċilità l-kompatibbiltà u l-komparabilità bejn sistemi ta’ kredits użati fl-ETV u s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta’ Kredits (ECTS) li hija użata fis-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla, u għalhekk għandha tikkontribwixxi għal permeabilità akbar bejn il-livelli ta’ edukazjoni u taħriġ, skond il-legiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali. (10) Il-validazzjoni ta’ riżultati ta' tagħlim mhux formali u informali għandhom jiġu promossi skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prinċipji Ewropej komuni għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali tat-28 ta’ Mejju 2004[20]. (11) Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni [...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-[...] dwar il-ħolqien ta’ Qafas tal-Kwalifiki Ewropew għat-tagħlim matul il-ħajja (minn hawn ’il quddiem “EQF”)[21] li jirrakkomanda lill-Istati Membri li jippromwovi rabtiet mill-qrib bejn l-EQF u sistemi Ewropej eżistenti jew futuri għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta’ kredits fl-edukazzjoni ogħla u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Filwaqt li l-għan ewlieni ta’ l-EQF huwa li tiżdied it-trasparenza, il-komparabilità u l-portabbiltà ta' kwalifiki miksuba, l-ECVET se tiffaċilità t-trasferiment, l-għarfien u l-akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim għal indivdwi li huma fi triqthom li jiksbu kwalifika. (12) Din ir-Rakkomandazzjoni tqis id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass)[22] u r-Rakkomandazzjoni 2006/961/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fil-Komunità għal għanijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Il-Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà[23]. (13) Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar l-għarfien ta' kwalifiki professjonali[24] li tagħti drittijiet u obbligi kemm lill-awtorità nazzjonali rilevanti kif ukoll lill-migrant. L-użu ta’ l-ECVET ma għandux jaffettwa l-aċċess għas-suq tax-xogħol, fejn il-kwalifiki professjonali ġew rikonoxxuti skond id-Direttiva 2005/36/KE. (14) Minħabba li l-għan ta’ din il-Rakkomandazzjoni, jiġifieri li tiffaċilità l-kooperazzjoni u żżid il-komunikazzjoni u t-trasparenza sabiex tippromwovi l-mobbiltà u t-tagħlim matul il-ħajja, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-kobor tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, din ir-Rakkomandazzjoni hija skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi f'dan l-Artikolu , ir-Rakkomandazzjoni attwali ma tmurx 'lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tikseb dawn l-għanijiet, minħabba li la tieħu post u lanqas ma tfisser is-sistemi ta' kwalifiki nazzjonali u/jew il-kwalifiki u/jew is-sistemi ta' kredits nazzjonali, ma tiddiskrivix riżultati ta' tagħlim speċifiċi jew il-kompetenzi ta' individwu u ma għandhix l-għan ta', jew teħtieġ, atomizzazzjoni jew armonizzazzjoni tas-sistemi tal-kwalifiki. HAWNHEKK TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI: 1. jippromwovu s-sistema Ewropea ta’ kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (minn hawn ’il quddiem “ECVET”) kif stipulat fl-Anness 1 u 2 sabiex tkun iffaċilitatà l-mobbiltà transnazzjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim matul il-ħajja mingħajr fruntieri; 2. jużaw l-ECVET mill-2012, b’mod partikolari billi jadottaw miżuri għall-applikazzjoni gradwali tagħha għall-kwalifiki ta’ edukazzjoni u taħriġ, skond il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali, għall-għan tat-trasferiment, l-għarfien u l-akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim ta’ individwi miksuba f’kuntesti formali, mhux formali u informali. 3. jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ sħubiji u netwerks nazzjonali u Ewropej li jinvolvu istituzzjonijiet u awtoritajiet kompetenti, imsieħba soċjali, setturi u fornituri ta' l-ETV, dedikati għall-esperimentazzjoni, l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ l-ECVET; 4. jiżguraw li l-partijiet interessati u l-individwi fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom aċċess għat-tagħrif u l-gwida għall-użu ta' l-ECVET. B’żieda ma’ dan, jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ l-ECVET għall-kwalifiki hija ppublikata b’mod xieraq mill-awtoritajiet kompetenti u li dokumenti “Europass” assoċjati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ikun fihom tagħrif rilevanti espliċitu; 5. japplikaw il-prinċipji għall-assigurazzjoni ta’ kwalità meta jużaw l-ECVET, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni, il-validazzjoni u l-għarfien ta' riżultati ta' tagħlim; 6. jiżguraw li hemm mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u sorveljanza li jaħdmu fil-livelli xierqa, skond il-leġiżlazzjoni, l-istrutturi u r-rekwiżiti ta’ kull Stat Membru, sabiex jiggarantixxu kwalità, trasparenza u konsistenza ta’ l-inizjattivi meħuda biex tiġi implimentata l-ECVET. IĦADDNU L-ĦSIEB TAL-KUMMISSJONI LI: 1. tappoġġja lill-Istati Membri biex iwettqu l-ħidmiet imsemmija fil-punt 1 sa 6 u fl-użu tal-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ l-ECVET kif stipulat fl-Anness 2, b'mod partikolari billi tiffaċilità l-ittestjar, il-kooperazzjoni, it-tagħlim reċiproku, il-promozzjoni u t-tnedija ta’ eżerċizzju ta’ tagħrif u konsultazzjoni, permezz ta’ netwerk Ewropew ECVET; 2. tiżviluppa gwida u għodod għall-utenti b’kollaborazzjoni ma’ esperti u utenti nazzjonali u Ewropej, tiżviluppa għarfien espert għat-tisħiħ tal-kompatibbiltà bejn l-ECVET u s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta’ Kredits użata fis-settur ta’ l-Edukazzjoni Ogħla, u tipprovdi tagħrif regolari dwar l-iżviluppi ta' l-ECVET; 3. tistabbilixxi, fi żmien sena mid-data meta tiġi adottat din ir-rakkomandazzjoni, grupp ta’ utenti ta’ l-ECVET li jinvolvi partijiet interessati fl-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti u istituzzjonijiet kompetenti nazzjonali u li jipparteċipaw fin-netwerk Ewropew ECVET, sabiex jikkontribwixxu għall-aġġornar tal-gwida ta' l-utenti u għall-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-proċess ta' kooperazzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-ECVET; 4. tissorvelja u ssegwi l-azzjoni meħuda, b’mod partikolari billi taġġorna l-materjal ta' gwida u, wara li tevalwa u tivvaluta din l-azzjoni mwettqa b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, tirraporta, erba' snin wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur, inkluż, jekk meħtieġ, reviżjoni possibbli u l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Magħmula fi Brussel, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS 1 Għall-għanijiet tar-Rakkomandazzjoni, it-tifsiriet li japplikaw huma dawn li ġejjin: a) “Kwalifika”: riżultat formali ta’ proċess ta’ evalwazzjoni u validazzjoni li jinkiseb meta istituzzjoni kompetenti tistabbilixxi li indivdwu kiseb riżultati ta’ tagħlim ta' ċertu standards; b) “Riżultati ta’ tagħlim”: stqarrijiet dwar dak li jaf, jifhem u huwa kapaċi jwettaq individwu li għandu qed jitgħallem fi tmiem ta’ proċess ta' tagħlim u li huma mfissra f’termini ta’ għarfien, ħiliet u kompetenza; c) “Unità ta’ riżultati ta’ tagħlim” (unità): komponent ta’ kwalifika, li fiha sett koerenti ta’ għarfien, ħiliet u kompetenza, li tista' tiġi evalwata u vvalidata; d) “Kredits għal riżultati ta’ tagħlim” (Kredits): ir-riżultati ta’ tagħlim ta’ individwu li ġew evalwati u li jistgħu jiġu akkumulati għal kwalifika jew trasferiti għal programmi jew kwalifiki ta’ tagħlim oħrajn; e) “Istituzzjoni kompetenti”: istituzzjoni responsabbli għat-tfassil u l-għoti ta’ kwalifika jew unitajiet ta’ għarfien jew funzjonijiet oħrajn marbuta ma’ l-ECVET, bħal l-allokazzjoni ta’ punti ECVET għall-kwalifiki u l-unitajiet, l-evalwar, il-validazzjoni u l-għarfien ta' riżultati ta' tagħlim, taħt ir-regoli u l-prassi ta' pajjiżi parteċipanti; f) “Evalwar ta’ riżultati ta’ tagħlim”: metodi u proċessi użati biex jiġi stabbilit il-livell ta’ l-għarfien, ħiliet u kompetenza fil-fatt miksuba minn dawk li għandhom qed jitgħallmu; g) “Validazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim”: il-proċess ta’ konferma li ċerti riżultati ta’ tagħlim evalwati miksuba minn individwu li għandu qed jitgħallem jikkorrispondu ma’ riżultati speċifiċi li jistgħu jkunu meħtieġa għal unità jew kwalifika; h) “Għarfien ta’ riżultati ta’ tagħlim”: il-proċess ta’ l-attestar għal riżultati ta’ tagħlim miksuba uffiċjalment permezz ta’ l-għoti ta’ unitajiet jew kwalifiki; i) “Punti ECVET”: rappreżentazzjoni numerika tal-piż ġenerali ta' riżultati ta’ tagħlim fi kwalifika u tal-piż relattiv ta’ unitajiet fir-rigward tal-kwalifika. ANNESS 2 ECVET – Prinċipji u Speċifikazzjonijiet Tekniċi Is-sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali hija maħsuba biex tiffaċilità l-għarfien ta’ riżultati ta’ tagħlim, fil-qafas tal-mobbiltà, għall-għan li tinkiseb kwalifika. L-applikazzjoni tagħha għal kwalifika partikolari hija msejsa fuq il-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ġejjin. 1. Unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim Unità hija komponent ta’ kwalifika, li hija magħmula minn parti mill-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza meħtieġa għal kwalifika partikolari. Kwalifika tinkludi fil-prinċipju bosta unitajiet u hija magħmula minn sett sħiħ ta’ unitajiet. Għalhekk, individwu li jkun għadu qed jitgħallem jista’ jikseb kwalifika billi jakkumula l-unitajiet meħtieġa, miksuba f’pajjiżi differenti u f’kuntesti differenti (formali, mhux formali u informali). L-unitajiet li jagħmlu kwalifika għandhom ikunu: - deskritti f'termini li jistgħu jinqraw u jinftehmu billi jirreferu għall-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li fihom; - imfassla u organizzati b’mod koerenti fir-rigward tal-kwalifika ġenerali; - imfassla b’mod li jippermetti evalwazzjoni u validazzjoni diskreta ta’ riżultati ta’ tagħlim li jkun fiha l-unità. Unità tista’ tkun speċifika għal kwalifika waħdanija jew komuni għal bosta kwalifiki. Ir-riżultati ta’ tagħlim mistennija li jfissru unità jistgħu jintlaħqu irrispettivament minn fejn jew kif inkisbu. Għalhekk, fil-prinċipju unità ma għandhiex tiġi mfixkla ma’ komponent ta’ programm ta’ tagħlim jew forniment ta’ taħriġ formali. Ir-regoli u l-proċeduri għat-tifsir ta’ karatteristiċi ta’ unitajiet ta’ riżultati ta’ tagħlim u biex l-unitajiet jingħaqdu u jiġu akkumulati għal kwalifika speċifika huma mfissra mill-istituzzjonijiet kompetenti skond ir-regoli nazzjonali, reġjonali jew settorali. L-ispeċifikazzjonijiet għal unità għandhom jinkludu: - it-titolu ġeneriku ta' l-unità; - it-titolu ġeneriku tal-kwalifika li għandha x’taqsam magħha l-unità; - ir-referenza tal-kwalifika skond il-livell ta' l-EQF u, jekk xieraq, il-livell NQF, bil-punti ta' kredits ECVET assoċjati mal-kwalifika; - ir-riżultati ta’ tagħlim li fiha l-unità; - il-proċeduri u l-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ dawn ir-riżultati ta’ tagħlim; - il-punti ECVET assoċjati ma' l-unità; - il-validità fiż-żmien ta’ l-unità, jekk rilevanti. 2. Trasferiment u Akkumulazzjoni ta’ riżultati ta’ tagħlim, sħubiji ECVET Fl-ECVET, l-unitajiet ta’ riżultati ta' tagħlim miksuba f’ambjent wieħed huma evalwati u mbagħad, wara evalwazzjoni ta’ suċċess, trasferiti għal ambjent ieħor. F’dan it-tieni kuntest, dawn huma vvalidati u rikonoxxuti mill-istituzzjoni kompetenti bħala parti mir-rekwiżiti għall-kwalifika li l-persuna qed timmira li tikseb. L-unitajiet tar-riżultati ta' tagħlim jistgħu mbagħad jiġu akkumulati għal din il-kwalifika, skond ir-regoli nazzjonali, settorali jew reġjonali. Il-proċeduri u l-linji ta’ gwida għall-evalwazzjoni, il-validazzjoni, l-akkumulazzjoni u l-għarfien ta’ l-unitajiet tar-riżultati ta’ tagħlim huma mfassla mill-istituzzjonijiet kompetenti rilevanti. It-trasferiment ta’ kredits msejjes fuq l-ECVET u applikat għar-riżultati ta’ tagħlim miksuba f’kuntesti ta’ tagħlim formali għandhom jiġu ffaċilitati billi jiġu stabbiliti sħubiji u netwerks li jinvolvu istituzzjonijiet kompetenti, b'kull waħda minnhom ikollha s-setgħa, fl-ambjent tagħha, li tagħti kwalifiki jew unitajiet jew li tagħti kredits għar-riżultati ta' tagħlim miksuba għal trasferiment u validazzjoni. Il-ħolqien ta’ sħubiji għandu l-għan li: - jipprovdi qafas ġenerali ta’ kooperazzjoni u netwerking bejn l-imsieħba, stipulat fil-Memoranda ta’ Fehma (MoU) li permezz tiegħu jiġi stabbilit ambjent ta’ fiduċja reċiproka; - jgħin lill-imsieħba jfasslu arranġamenti speċifiċi għat-trasferiment ta’ kredits għal dawk li għandhom qed jitgħallmu. Il-MoU għandhom jikkonfermaw li l-imsieħba: - jaċċettaw l-istatus ta’ xulxin bħala istituzzjonijiet kompetenti; - jaċċettaw il-kriterji u l-proċeduri ta’ assigurazzjoni, evalwar, validazzjoni u għarfien tal-kwalità ta’ xulxin bħala sodisfaċenti għall-għanijiet ta’ trasferiment ta’ kredits; - jaqblu dwar il-kundizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tas-sħubija, bħal għanijiet, tul u arranġamenti għar-reviżjoni tal-MoU; - jaqblu dwar il-komparabilità tal-kwalifiki kkonċernati għall-għan ta' trasferiment ta’ kredits, bl-użu ta’ l-EQF biex jiġu stabbiliti l-livelli ta’ referenza; - jidentifikaw operaturi u istituzzjonijiet kompetenti oħrajn li jistgħu jkunu involuti fil-proċess ikkonċernat u l-funzjonijiet tagħhom. Biex l-ECVET tiġi applikata għal rizultati ta’ tagħlim miksuba f'kuntesti ta’ tagħlim mhux formali u informali jew barra l-qafas ta' MoU, l-istituzzjoni kompetenti li tingħata s-setgħa li tagħti kwalifiki jew unitajiet jew li tagħti l-kredits għandha tistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi għall-identifikazzjoni, il-validazzjoni u l-għarfien ta' dawn ir-riżultati ta' tagħlim permezz ta' l-għoti ta' l-unitajiet korrispondenti u l-punti ECVET assoċjati. 3. Ftehim ta’ tagħlim u traskrizzjoni personali Biex jiġi applikat it-trasferiment ta’ kredits li jinvolvi żewġ imsieħba u individwu speċifiku u immobbli li għadu qed jitgħallem, huwa konkluż Ftehim ta’ Tagħlim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet kompetenti, fil-qafas ta’ l-MoU, u dak li għadu qed jitgħallem. Dan għandu: - jagħmel differenza bejn istituzzjonijiet kompetenti tal-pajjiż "ta’ oriġini" u tal-pajjiż "ospitant"[25]; - jispeċifika l-kundizzjonijiet partikolari għal perjodu ta’ mobbiltà, bħal l-identità ta’ dak li għandu qed jitgħallem, it-tul tal-perjodu ta’ mobbiltà, ir-riżultati ta’ tagħlim mistennija li jinkisbu u l-punti ECVET assoċjati. Il-Ftehim ta’ Tagħlim għandu jistabbilixxi li, jekk dak li għadu qed jitgħallem kiseb ir-riżultati ta’ tagħlim mistennija u dawn ġew evalwati b’mod pożittivi mill-istituzzjoni tal-pajjiż “ospitant”, l-istituzzjoni tal-pajjiż “ta’ oriġini” jista’ jivvalidhom u jirrikonoxxihom bħala parti mir-rekwiżiti għal kwalifika, skond ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti. It-trasferiment bejn l-imsieħba jista’ japplika għal riżultati ta’ tagħlim miksuba f’kuntesti formali jew mhux formali. Għalhekk, it-trasferiment ta’ kredits għal riżultati miksuba ta' tagħlim għandu tliet stadji: - l-istituzzjoni tal-pajjiż "ospitant" tevalwa r-riżultati ta’ tagħlim miksuba u tagħti kredits lil dak li għadu qed jitgħallem. ir-riżultati ta’ tagħlim miksuba u l-punti ECVET korrispondenti jitniżżlu fit-“traskrizzjoni personali”[26] ta’ dak li għadu qed jitgħallem; - l-istituzzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tivvalida l-kredits bħala prova xierqa tas-suċċess ta’ dak li għadu qed jitgħallem; - l-istituzzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imbagħad tgħaraf ir-riżultati ta’ tagħlim li nkisbu. Dan l-għarfien iżid l-għoti ta' l-unitajiet u l-punti ECVET korrispondenti tagħhom, skond ir-regoli tas-sistema tal-pajjiż ta’ oriġini. Il-validazzjoni u l-għarfien ta’ l-istituzzjoni kompetenti tal-pajjiż "ta’ oriġini" jiddependu fuq l-evalwazzjoni b'suċċess tar-riżultati ta' tagħlim mill-istituzzjoni tal-pajjiż "ospitant" kompetenti, skond il-proċeduri miftehma u l-kriterji ta' assigurazzjoni ta' kwalità. 4. Punti ECVET Il-punti ECVET jipprovdu tagħrif komplementarju dwar il-kwalifiki u l-unitajiet f’forma numerika. Dawn ma għandhom l-ebda valur indipendenti mir-riżultati ta' tagħlim miksuba li jirreferu għalihom u jirriflettu l-kisba u l-akkumulazzjoni ta' l-unitajiet. Sabiex tkun possibbli strateġija komuni għall-użu tal-punti ECVET, hija użata konvenzjoni li skond din jingħataw 60 punt għar-riżultati ta’ tagħlim mistennija li jinkisbu f’sena ta’ ETV formali u fulltime . Fl-ECVET l-allokazzjoni tal-punti normalment ikollha żewġ fażijiet: Il-punti ECVET huma allokati l-ewwel għal kwalifika sħiħa, imbagħad għall-unitajiet tagħha. Għal kwalifika speċifika, bħala referenza jittieħed kuntest ta’ tagħlim formali wieħed u, fuq il-bażi tal-konvenzjoni jingħata l-għadd totali ta’ punti għal dik il-kwalifika. Minn dan it-total, il-punti ECVET huma mbagħad allokati għal kull unità skond il-piż relattiv tagħha fil-kwalifika. Għal kwalifiki li ma għandhomx referenza ta’ passaġġ ta’ tagħlim formali, il-punti ta’ kredits ECVET jistgħu jiġu allokati permezz ta' stima bi tqabbil ma’ kwalifika oħra li għandha kuntest ta' referenza formali. Biex tiġi stabbilita l-komparabilità tal-kwalifiki, l-istituzzjoni kompetenti għandha tirreferi għal-livell EQF ekwivalenti jew, possibilment, il-livell NQF, jew għax-xebħ tal-kompetenzi jew ta' l-oqsma professjonali jew tar-rizultati ta' tagħlim. Il-piż relattiv ta’ unità ta’ riżultati ta’ tagħlim, fir-rigward tal-kwalifika, għandu jiġi stabbilit skond il-kriterji li ġejjin jew it-taħlita tagħhom: - l-importanza relattiva tar-riżultati ta’ tagħlim li fihom l-unità għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, għall-progess lejn livelli ta’ kwalifika oħrajn jew għall-integrazzjoni soċjali; - il-kumplessità, l-ambitu u l-volum ta’ riżultati ta’ tagħlim fl-unità; - l-isforz meħtieġ għal dak li għadu qed jitgħallem biex jikseb għarfien, ħiliet u kompetenzi meħtieġa għall-unità. Il-piż relattiv ta’ kull unità komuni għal bosta kwalifiki, kif espressa f'punti ECVET, tista' tvarja minn waħda minn dawn il-kwalifiki għal oħra. L-allokazzjonijiet ta’ punti ECVET huma normalment parti mit-tfassil tal-kwalifiki u l-unitajiet. Dawn huma prodott mill-istituzzjoni kompetenti responsabbli għat-tfassil u ż-żamma tal-kwalifika jew imsaħħa b’mod speċifiku għal din il-ħidma. F’pajjiżi fejn diġà teżisti sistema nazzjonali ta’ punti, l-istituzzjonijiet kompetenti rilevanti jistabbilixxu arranġamenti għall-konverżjoni ta’ punti ta’ kredits nazzjonali għal punti ECVET. Il-kisba b’suċċess ta’ kwalifika jew ta’ unità ġġib magħha l-għoti ta’ punti ECVET assoċjati, indipendentement miż-żmien attwali meħtieġ biex jinkisbu. Normalment it-trasferiment ta’ unità jikkonsisti mit-trasferiment tal-punti ECVET korrispondenti sabiex dawn ikunu inklużi meta jiġu rikonoxxuti r-riżultati ta’ tagħlim trasferiti. Hija responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni kompetenti li tikkunsidra mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, il-punti ECVET li għandhom jitqiesu, sakemm ir-regoli u l-metodoloġiji li huma stipulati għal dan il-għan huma trasparenti u msejsa fuq prinċipji ta' assigurazzjoni ta' kwalità. Kull kwalifika miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali jew informali li għaliha tista' tiġi identifikata referenza ta' passaġġ ta’ tagħlim formali, u l-unitajiet korrispondenti, għandhom l-istess punti ECVET bħar-referenza, minħabba li nkisbu l-istess riżultati ta' tagħlim. [1] Il-Communiqué ta’ Maastricht dwar il-prijoritajiet futuri ta’ kooperazzjoni Ewropea msaħħa fit-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali, 14 ta' Diċembru 2004 (http://ec.europa.eu/education/news/ip/docs/maastricht_com_en.pdf); Il-Communiqué ta’ Helsinki dwar kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, 5 ta' Diċembru 2006 (http://ec.europa.eu/education/policies /2010/doc/helsinkicom_en.pdf) [2] Il-qafas komunitarju għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass) [3] Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki għat-tagħlim matul il-ħajja, COM(2006) 479 finali, Brussell, 5.9.2006 [4] ĠU L 215, 09.08.2001 [5] 9600/04 EDUC 118 SOC 253, 28 ta’ Mejju 2004 [6] ĠU L 394, 30.12.2006, p.5 [7] ĠU […] [8] ĠU L 255/22, 30.09.2005, p.1 [9] ECVET Riflettur (http://www.ecvet.net/c.php/ecvet/index.rsys); ECVET Konnessjoni (http://www.ecvetconnexion.com/) [10] http://ec.europa.eu/education/ecvt/results_en.html [11] ĠU C , , p. . [12] ĠU C , , p. . [13] ĠU C , , p. . [14] ĠU C 145, 30.06.2007, p. 5-9 [15] ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2. [16] Doc. 6905/04 EDUC 43 ta’ Marzu 2004 [17] Doc. 13832/04 EDUC 204 SOC 499 ta’ Novembru 2004 [18] Doc. 9599/04 EDUC 117 SOC 252 ta’ Mejju 2004 [19] ĠU … , , p. . [20] Doc. 9600/04 EDUC 118 SOC 253 [21] ĠU … , , p. . [22] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6 [23] ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5. [24] ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22. Id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/100/KE (ĠU L363, 20.12.2006, p.141). [25] L-istituzzjoni tal-pajjiż "ta’ oriġini" hija l-istituzzjoni li se tivvalida u tirrikonoxxi riżultati ta’ tagħlim miksuba minn dak li għadu qed jitgħallem. L-istituzzjoni tal-pajjiż ospitant hija dik li tipprovdi taħriġ għar-riżultati ta’ tagħlim ikkonċernati u tevalwa r-riżultati ta’ tagħlim miksuba. [26] Traskrizzjoni personal huwa dokument li fih jitniżżlu r-riżultati ta’ tagħlim evalwati, l-unitajiet u l-punti ECVET mogħtija ta’ dawk li għandhom qed jitgħallmu.