Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0024

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja fi ħdan il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    /* KUMM/2008/0024 finali - ACC 2008/0012 */

    52008PC0024

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja fi ħdan il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ /* KUMM/2008/0024 finali - ACC 2008/0012 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 23.1.2008

    KUMM(2008) 24 finali

    2008/0012 (ACC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja fi ħdan il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Ħarsa ġenerali lejn it-Termini ta’ l-Adeżjoni ta’ l-Ukraina fil-WTO

    I. INTRODUZZJONI

    Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u r-Repubblika ta' l-Ukraina laħqu l-istadju konklussiv tal-ftehim dwar it-termini ta’ l-adeżjoni ta’ l-Ukraina fl-organizzazzjoni. Dan wasal wara 14-il sena ta’ negozjati, li bdew meta l-Ukraina ressqet l-applikazzjoni tagħha biex tingħaqad mal-WTO fl-1993. Issa jrid ikun hemm Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova t-termini ta’ l-adeżjoni ta’ l-Ukraina , qabel ma l-UE tkun tista’ tappoġġja formalment id-dħul ta' l-Ukraina.

    Taqsira tat-termini ta’ l-adeżjoni tinsab hawn taħt.

    II. TAQSIRA TAT-TERMINI TA' L-ADEŻJONI TA' L-UKRAINA FIL-WTO SKOND IS-SETTUR

    Prodotti industrijali

    Il-medja tar-rati kkonsolidati tal-bidu (IBR) ta' l-Ukraina hija ta' 4.91 %, li se titnaqqas għal 4.81 % (FBR). Il-perjodi ta’ implimentazzjoni ta' bejn sena u ħames snin ġew introdotti biss għal 226 linja. Dan iwassal għal perjodu stazzjonali medju ta’ 0.05 snin. 71 linji tariffarji biss se jkunu b'rati ta' dazju ta' 15 % jew aktar. 5 linji se jibqgħu fil-livell quċċata ta' 25 %. It-tariffi kollha se jkunu kkonsolidati.

    Fir-rigward ta’ inizjattivi settorali, se jitneħħew it-tariffi fuq ITA, karta, tagħmir mediku, għamara u ġugarelli. Fl-inizjattivi settorali l-oħrajn it-tariffi se jinżlu taħt 1% (tagħmir agrikulturali 0.71 % u għall-kostruzzjoni 0.35, azzar (MSA) 0.22 u farmaċewtiċi 0.05 %). L-armonizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi se tkun ta’ 5.32 %.

    It-tariffi fuq il-makkinarju u l-apparat, l-aktar setturi interessanti għall-UE, se jkunu ta’ 5.33 %. It-tariffi fuq il-vetturi u l-partijiet se jkunu ta’ 7.97 %.

    Prodotti agrikulturali

    Fuq il-prodotti agrikulturali, il-medja tar-rati kkonsolidati tal-bidu (IBR) hija ta' 11.05 %, li se titnaqqas għal 10.61 %. Fl-agrikultura, 20 linja tariffarja biss għandhom perjodu ta’ implimentazzjoni (sentejn). L-ogħla rati huma 30 % għal żejt taż-żerriegħa tal-warda tax-xemx u 50 % għaz-zokkor.

    Servizzi

    L-Ukraina għandha impenji li jippermettu għall-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi domestiċi u barranin fi prattikament is-setturi u s-sottosetturi kollha, li se ġġib benefiċċji kemm għall-ekonomija ta’ l-Ukraina kif ukoll għall-UE, li hija l-esportatur ewlieni fid-dinja f'dan il-qasam.

    Il-fornituri tas-servizzi barranin mhu se jiffaċċjaw l-ebda restrizzjonijiet kwantitattivi jew diskriminatorji fis-setturi tas-servizzi ewlenin, bħal:

    - is-servizzi professjonali

    - il-maġġoranza l-kbira tas-servizzi tan-negozju

    - is-servizzi tal-posta u tal- courier fl-oqsma mhux riservati għall-monopolju nazzjonali

    - is-servizzi tat-telekomunikazzjoni

    - is-servizzi tal-kostruzzjoni

    - is-servizzi ta’ distribuzzjoni

    - is-servizzi ambjentali

    - is-servizzi tat-turiżmu

    - il-maġġoranza l-kbira tas-servizzi finanzjarji, u

    - il-maġġoranza l-kbira tas-servizzi tat-trasport, inkluż it-trasport bil-katusi

    L-uniċi setturi li għalihom l-Ukraina ma għandhiex impenji jinkludu s-servizzi ta’ investigazzjoni u sigurtà, is-servizzi awdjoviżivi, it-trasport fl-ispazju u s-servizzi ta’ l-imbuttar u l-irmonk għat-trasport marittimu u ferrovjarju. Għat-trasport ferrovjarju għall-passiġġieri u tal-merkanzija, l-impenji huma limitati għall-konsum barra ta’ dawn is-servizzi. Għas-servizzi ta’ l-assigurazzjoni, l-Ukraini se żżomm il-limitazzjonijiet fuq il-provvista transkonfinali, simili għal dawk tal-bqija tas-sħubija tal-WTO u se tippermetti ftuħ dirett għall-WTO ħames snin biss wara l-adeżjoni tagħha, filwaqt li żżomm xi limitazzjonijiet.

    Impenji tal-protokoll

    Fl-aħħar stadju multilaterali tal-proċess ta’ adeżjoni, il-Membri tal-WTO fittxew kollettivament li jiżguraw il-kompatibbiltà bażika tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet kummerċjali ta' l-Ukraina mar-regoli u l-ftehimiet tal-WTO, u niżżluhom fil-Protokoll ta’ Adeżjoni u r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma. Il-kwistjonijiet li ġejjin huma ta’ interess partikolari għall-UE:

    Politiki ta’ ipprezzar

    L-Ukraina hija impenjata li ma tapplikax rekwiżiti obbligatorji ta' prezz minimu għall-ebda prodott importat. Ma' l-adeżjoni, il-ħlasijiet kollha għat-trasport ferrovjarju jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja għall-prodotti trasportati bejn postijiet domestiċi, importati, esportati, jew fi transitu.

    Ħlasijiet tal-liċenzji ta’ l-Alkoħol

    L-Ukraina bidlet il-leġiżlazzjoni tagħha biex iġġib il-ħlasijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ xorb alkoħoliku u tat-tabakk għal-livell ta’ UAH 780 (104 EUR), li huwa kompatibbli għall-ispiża tas-servizzi mogħtija u b’hekk kompatibbli ma’ l-Artikolu VII GATT 1994. L-Ukraina hija impenjata li żżomm dan il-livell mid-data ta’ l-adeżjoni.

    Applikazzjoni ta’ taxxi interni fuq l-importazzjonijiet

    L-Ukraina bidlet il-leġiżlazzjoni tagħha biex tneħħi t-taxxa diskriminatorja tas-sisa fuq xorb alkoħoliku importat. Tneħħew ukoll l-eżenzjonijiet tal-VAT mogħtija lil industriji li jibnu karozzi, vapuri u ajruplani. L-Ukraina ħadet ukoll l-impenn li żżomm din il-qagħda u li tapplika t-taxxi interni tagħha f'konformità mar-regoli tal-WTO ma’ l-adeżjoni.

    Sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni

    L-Ukraina bidlet il-leġiżlazzjoni tagħha biex il-proċeduri ta' liċenzji ta' importazzjoni tagħha jkunu konformi mar-regoli tal-WTO, inkluż il-Ftehim dwar il-Proċeduri ta' Liċenzji għall-Importazzjoni. Bosta dispożizzjonijiet ta’ l-istrumenti tal-WTO f’dan il-qasam diġà ġew trasposti fil-liġi nazzjonali, u l-ftit dispożizzjonijiet li baqa’ se jiġu adottati bl-adeżjoni.

    Valutazzjoni tad-dwana

    L-Ukraina hija impenjata li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-WTO dwar il-valutazzjoni tad-dwana ma’ l-adeżjoni. L-Ukraina mhi se tuża l-ebda forma ta' referenza jew prezzijiet minimi jew skedi ta' valutazzjoni fissa għall-valutazzjoni ta' l-importazzjonijiet, u l-metodi kollha ta' valutazzjoni użati se jkunu konformi ma' dawn stipulati fil-Ftehim tal-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VII GATT 1994.

    Dazji fuq l-esportazzjoni

    L-Ukraina hija impenjata li tnaqqas gradwalment u b’mod sinifikanti id-dazji tagħha fuq l-esportazzjoni imposti fuq ir-ruttam tal-metall, il-ġlud, l-ifrat ħajjin u ż-żerriegħa taż-żejt f’perjodu ta’ bejn 5 u 8 snin. L-iskedi ta' tnaqqis u l-livelli mnaqqsa ta' dazji se jiġu kkonsolidati ma' l-adeżjoni.

    Sussidji

    L-Ukraina bidlet il-leġiżlazzjoni tagħha biex tneħħi dawk is-sussidji kollha mhux kompatibbli mal-WTO mogħtija lil industriji li jibnu karozzi, vapuri u ajruplani. L-Ukraina hija impenjata wkoll li ma tintroduċix sussidjarji bħal dawn fil-ġejjieni. L-Ukraina se tipprovdi notifika dwar is-sussidju lill-WTO sad-data ta' l-adeżjoni.

    Transitu

    L-Ukraina se tapplika l-liġijiet,ir-regolamenti u l-miżuri oħra kollha tagħha li jirregolaw it-transitu tal-prodotti (inkluż l-enerġija), u t-tariffi għat-trasportazzjoni ta’ prodotti fi transitu f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu V tal-GATT 1994 u dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tal-Ftehim tal-WTO ma’ l-adeżjoni.

    Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali

    Fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, l-Ukraina tipprovdi koeżistenza ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ma’ trademarks preċedenti taħt ċerti ċirkustanzi skond l-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPS. L-Ukraina tipprovdi wkoll l-istess ħarsien tad-drittijiet għal indikazzjonijiet ġeografiċi lil ċittadini ta’ membri tal-WTO kif ingħata lil ċittadini Ukraini. Fir-rigward tal-ħarsien tad- data , l-Ukraina tipprovdi ħames snin ta’ ħarsien għall-farmaċewtiċi u għaxar snin għal sustanzi agrokimiċi. Dwar l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, l-Ukraina ħadet impenji komprensivi li jirriflettu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rilevanti tal-KE.

    III. RAKKOMANDAZZJONI

    Bil-preżentazzjoni tat-termini ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ukraina fil-WTO għall-approvazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tirrakkomanda dawn it-termini li jirrappreżentaw pakkett bilanċjat iżda ambizzjuż ta’ impenji tal-ftuħ tas-suq, li se jġib benefiċċji sostanzjali lill-Ukraina u lis-sħab kummerċjali tagħha tal-WTO bl-istess mod.

    2008/0012 (ACC)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja fi ħdan il-Kunsill Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 133(1) u 133(5) flimkien mat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Fl-20 ta’ Novembru 1993 il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Ukraina applika għall-adeżjoni mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skond l-Artikolu XII ta’ dan il-Ftehim.

    (2) Fis-17 ta’ Diċembru 1993 twaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni ta' l-Ukraina sabiex jilħaq ftehim dwar it-termini ta’ adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika ta' l-Ukraina u l-Membri kollha tal-WTO.

    (3) Il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità, innegozjat sensiela komprensiva ta’ impenji tal-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika ta' l-Ukraina li huma ta’ importanza partikolari għall-Komunità, kif stipulat f'memorandum li kien hemm qbil dwaru bejn in-negozjaturi tar-Repubblika ta' l-Ukraina u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Marzu 2003.

    (4) Dawn l-impenji huma issa inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ukraina fil-WTO.

    (5) L-adeżjoni fil-WTO hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv u dejjiem għall-proċess ta’ riforma ekonomika u żvilupp sostenibbli fir-Repubblika ta' l-Ukraina.

    (6) Il-Protokoll ta’ Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat.

    (7) L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO jistipula li t-termini ta’ l-adeżjoni għandu jkun hemm qbil dwarhom bejn il-Membru ta’ l-adeżjoni u l-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tal-WTO tapprova t-termini ta’ adeżjoni min-naħa tal-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO jistipula li fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom isiru mill-Kunsill Ġenerali.

    (8) Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill Ġenerali,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    1. Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-WTO dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Ukraina fil-WTO, hija li tapprova l-adeżjoni.

    2. Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni f’isem il-Komunità.

    Magħmula fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President

    […]

    Top