Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IR0093

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-valur miżjud tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir

    ĠU C 76, 31.3.2009, p. 48–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 76/48


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-valur miżjud tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir

    (2009/C 76/10)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

    jirrakkomanda li sakemm il-pajjiżi kandidati potenzjali jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, huma għandhom ikunu jistgħu jitolbu għajnuna skont it-tliet komponenti l-oħra wkoll u jkunu soġġetti għall-istess termini u kundizzjonijiet bħall-pajjiżi kandidati

    jirrakkomanda li din l-opinjoni tkun biss il-bidu ta' analiżi aktar komprensiva u fil-fond tal-esperjenzi preċedenti f'dan il-qasam. Analiżi aktar komprensiva ser tiddokumenta u tiġbed l-attenzjoni lejn il-firxa wiesgħa ta' ħidmiet li wettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċessi tat-tkabbir fil-passat. B'rabta ma' dan u permezz ta' fondi speċifiċi għar-riċerka, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu janalizza bir-reqqa l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-IPA bejn l-2007 u l-2009

    jipproponi li fil-bidu tal-2009, il-Kumitat tar-Reġjuni jniedi forum ta' diskussjoni fejn jistieden rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Parlament, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali u ta' partijiet interessati oħra sabiex jiddiskutu s-suġġett bir-reqqa u b'hekk ikunu qed jagħtu bidu lill-proċess ta' evalwazzjoni mill-ġdid

    jitlob li bħala parti minn din l-evalwazzjoni jitwaqqaf qafas politiku ta' referenza bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumissjoni dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir. Il-Kumitat għandu jadotta dan il-qafas politiku ta' referenza għaliex jista' jservi ta' opportunità tajba sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid l-istrutturi u t-tipi ta' ħidma kollaborattiva eżistenti, biex b'hekk tittejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati u fil-kandidati potenzjali.

    Rapporteur

    :

    Helene LUND (DK/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Furesø

    I.   KUMMENTI ĠENERALI

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Prinċipji bażiċi

    1.

    jilqa' l-fatt li l-ħames proċess ta' tkabbir tal-Unjoni Ewropea ntemm b'suċċess u li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Bulgarija u r-Rumanija qdew rwol ċentrali għall-iżvilupp ta' demokrazija sostenibbli fil-livelli lokali u reġjonali;

    2.

    jisħaq fuq l-importanza li nirreferu għal dak li għallmuna l-proċessi tat-tkabbir fil-passat dwar il-kooperazzjoni transkonfinali sabiex intejbu n-negozjati tal-adeżjoni li għaddejjin bħalissa mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

    3.

    jirrakkomanda għalhekk li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tingħata aktar attenzjoni;

    4.

    jilqa' l-Istrument ta' Assistenza Qabel l-Adeżjoni (IPA) li twaqqaf skont il-Proposta tal-Kummissjoni (COM(2004) 627 finali) u r-Regolament tal-Kunsill (1085/2006), u dwar dan jixtieq jirreferi wkoll għall-opinjoni tiegħu (CdR 498/2004 finali). Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-istruttura tal-IPA li hija magħmula minn dawn il-ħames komponenti li ġejjin: a) appoġġ matul il-perijodu ta' tranżizzjoni u għajnuna sabiex jitwaqqfu l-istituzzjonijiet meħtieġa, b) kooperazzjoni transkonfinali ċ) żvilupp reġjonali, d) żvilupp tar-riżorsi umani u e) żvilupp rurali;

    5.

    jinnota li l-IPA, li jkopri l-perijodu bejn l-2007 u l-2013, għandu rwol importanti fit-twaqqif ta' strutturi politiċi u amministrattivi b'saħħithom fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, għaliex sa mill-1 ta' Jannar 2007 ġabar flimkien id-diversi strumenti ta' għajnuna finanzjarja li kienu jeżistu qabel għat-Turkija u għall-Balkani tal-Punent, bħall-Phare, l-Ispa, is-Sapard, il-Cards u l-istrument finanzjarju għat-Turkija;

    6.

    jilqa' l-qafas finanzjajru indikattiv, li huwa mifrux fuq tliet snin, fi ħdan l-IPA għall-allokazzjoni tar-riżorsi lil kull pajjiż benefiċjarju għaliex jemmen li dan huwa eżempju ta' approċċ flessibbli, u jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li mhuwiex possibbli li tinstab soluzzjoni waħda għal kulħadd, għalhekk jinħtieġu strumenti flessibbli li permezz tagħhom inkunu nistgħu nindirizzaw l-isfidi u l-kwistjonijiet partikolari ta' kull pajjiż;

    7.

    fl-istess ħin jinnota li l-pajjiżi benefiċjajri huma maqsumin f'żewġ gruppi: (i) il-pajjiżi kandidati — dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kroazja u t-Turkija; u (ii) il-pajjiżi kandidati potenzjali — l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo. Il-Kumitat jinnota li l-pajjiżi kandidati tal-ewwel grupp jistgħu jitolbu għajnuna finanzjarja taħt kull wieħed mill-ħames komponenti msemmija, filwaqt li l-pajjiżi kandidati potenzjali jistgħu jitlobu għajnuna biss taħt tnejn mill-komponenti (appoġġ matul il-perijodu ta' tranżizzjoni u għajnuna sabiex jitwaqqfu l-istituzzjonijiet meħtieġa, u kooperazzjoni transkonfinali);

    8.

    jirrakkomanda li sakemm il-pajjiżi kandidati potenzjali jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, huma għandhom ikunu jistgħu jitolbu għajnuna skont it-tliet komponenti l-oħra wkoll u jkunu soġġetti għall-istess termini u kundizzjonijiet bħall-pajjiżi kandidati;

    9.

    jisħaq fuq l-importanza kbira li jiġu stipulati kundizzjonijiet stretti għad-dokumentazzjoni tar-riżultati miksuba bis-saħħa tal-IPA;

    10.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni hija implimentata fil-livelli lokali u reġjonali (70 % tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE taqa' taħt din il-kategorija). Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw l-opportunità li jirċievu l-għajnuna meħtieġa permezz tal-IPA sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol importanti li għandhom fl-iżvilupp ta' strutturi amministrattivi b'saħħithom u demokraziji lokali u reġjonali sostenibbli fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

    Il-kontribut importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir

    11.

    jenfasizza l-fatt li sabiex il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jilħqu l-kundizzjonijiet tal-aquis communautaire, il-kriterji ta' Kopenħagen u l-konklużjonijiet ta' Madrid ta' Diċembru 1995 għandhom bżonn strutturi politiċi u amministrattivi deċentralizzati u b'saħħithom;

    12.

    jisħaq li ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-ewwel punt ta' kuntatt li jkollhom iċ-ċittadini mas-sistema, u jeħtieġ għalhekk, li dawn ikunu kapaċi jipprovdulhom is-servizzi li jeħtieġu. L-esperjenzi tal-passat kienu prova ta' kemm hu importanti l-iżvilupp ta' strutturi politiċi u amministrattivi deċentralizzati u b'saħħithom, għaliex ħafna drabi fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali dawn ikunu dgħajfa. L-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għandhom esperjenza kbira f'dan il-qasam, b'mod speċjali għaliex kull awtorità fl-Istati Membri tħabbat wiċċha ma' sfidi bħal dawn. Il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq fuq kemm huwa importanti li matul il-proċess tat-tkabbir, iċ-ċittadini ma jesperjenzawx taħsir permanenti fil-livell tas-servizzi għaliex dan jista' jaffettwa l-opinjoni tagħhom dwar is-sħubija fl-UE b'mod negattiv;

    13.

    għalhekk jagħmel enfasi fuq kemm huwa utli li niffokaw fuq l-iżvilupp ta' strutturi deċentralizzati u b'saħħithom għaliex ħafna mill-aquis communautaire huwa implimentat fil-livelli lokali u reġjonali, u jinnota l-bżonn kbir li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu id f'id mal-gvern ċentrali bħala msieħba ugwali għaliex jekk l-amministrazzjoni lokali u reġjonali tkun kapaċi tipprovdi s-servizzi mitluba u taffronta l-isfidi l-ġodda, din tneħħi ħafna mill-pressjoni minn fuq il-gvern ċentrali;

    14.

    jemmen li biex l-istrutturi politiċi u amministrattivi fil-livell lokali u reġjonali jkollhom bażi politika u amministrattiva b'saħħitha jeħtieġ li b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili jiżviluppaw demokrazija lokali li jkollha l-fiduċja taċ-ċittadini u li fi ħdanha jħossu li għandhom vuċi. Jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom snin sħaħ ta' esperjenza fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali, pereżempju permezz tal-iskemi ta' ġemellaġġ bejn il-bliet. Din l-esperjenza tiġbor fiha wkoll aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-kultura u mal-identità u li jagħmlu parti mill-iżvilupp tad-demokrazija u tal-istrutturi amministrattivi. Huwa proprju dan li jġib valur miżjud fil-Komunità;

    15.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-livell għoli ta' għarfien li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-kooperazzjoni interkulturali għaliex ħafna drabi jkollhom kuntatt dirett maċ-ċittadini li ġejjin minn kulturi differenti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ħafna esperjenza ta' ħidma mill-qrib ma' kulturi differenti. Din hija ħila li tista' tħalli l-frott fl-attivitajiet interkulturali li għandhom x'jaqsmu mat-tkabbir bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

    Il-bżonn ta' approċċ koerenti għall-kooperazzjoni transkonfinali

    16.

    jemmen li l-iżvilupp ta' approċċ koerenti għall-kooperazzjoni transkonfinali huwa importanti f'kull proċess ta' qabel l-adeżjoni;

    17.

    jisħaq li waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni hija li jfiehem il-proċess tat-tkabbir liċ-ċittadini (CdR 322/2006 fin). Sabiex ikun jista' jikkomunika aħjar il-ħidma li qiegħda ssir f'dan il-qasam, il-Kumitat jeħtieġ li jkollu għarfien sistematiku tar-riżultati prattiċi, kostruttivi u permanenti li jkunu kisbu l-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-ħidma tagħhom fi ħdan il-proċess tat-tkabbir;

    18.

    jirringrazzja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri, lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali li ħadu sehem fl-istudju li fuqu nbniet din l-opinjoni. Huma qasmu l-esperjenza tagħhom tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati u fil-kandidati potenzjali u b'hekk taw kontribut eċċezzjonali fl-abbozzar ta' din l-opinjoni. Il-bliet u r-reġjuni tal-Kroazja, b'mod partikolari, taw kontribut kbir, fatt li jirrifletti l-impenn serju tagħhom f'dan ir-rigward. Ir-risposti tal-pajjiżi parteċipanti jistgħu jagħtu bidu għall-evalwazzjoni tal-attivitajiet li saru s'issa f'dan il-qasam, u fuqhom tista' tinbena wkoll il-bażi għall-iżvilupp ta' linji gwida politiċi għall-ħidma li ser issir fil-futur.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET POLITIĊI

    Linji gwida politiċi (1)

    19.

    jirrakkomanda li din l-opinjoni tkun biss il-bidu ta' analiżi aktar komprensiva u fil-fond tal-esperjenzi preċedenti f'dan il-qasam. Analiżi aktar komprensiva ser tiddokumenta u tiġbed l-attenzjoni lejn il-firxa wiesgħa ta' ħidmiet li wettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċessi tat-tkabbir fil-passat. B'rabta ma' dan u permezz ta' fondi speċifiċi għar-riċerka, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu janalizza bir-reqqa l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-IPA bejn l-2007 u l-2009. Ir-riċerka għandha ssir bil-kooperazzjoni tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tal-pajjiżi Membri u l-pajjiżi kandidati. Il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li jitwaqqaf grupp ta' segwitu magħmul mir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi, il-kummissjoni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali bil-għan li jissorvelja r-riċerka u jgħaddi l-informazzjoni tiegħu lill-Kumitat u lill-gruppi ta' ħidma. B'hekk ikun qed jidħol għal impenn serju fil-kuntest tal-proċess ta' evalwazzjoni;

    20.

    jipproponi li fil-bidu tal-2009, il-Kumitat tar-Reġjuni jniedi forum ta' diskussjoni fejn jistieden rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Parlament, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali u ta' partijiet interessati oħra sabiex jiddiskutu s-suġġett bir-reqqa u b'hekk ikunu qed jagħtu bidu lill-proċess ta' evalwazzjoni mill-ġdid;

    21.

    jirrakkomanda li l-ħidma ta' evalwazzjoni ssir bil-parteċipazzjoni tas-segretarjat tal-Kumitat tar-Reġjuni, tat-tliet gruppi ta' ħidma dwar il-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Kroazja, li sa ċertu punt diġà kkunsidraw l-aspetti rilevanti tat-tkabbir, u tal-kumitat konsultattiv konġunt ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Ilkoll jistgħu jipprovdu għarfien siewi dwar l-isfdi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

    22.

    jitlob li bħala parti minn din l-evalwazzjoni jitwaqqaf qafas politiku ta' referenza bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir. Il-Kumitat għandu jadotta dan il-qafas politiku ta' referenza għaliex jista' jservi ta' opportunità tajba sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid l-istrutturi u t-tipi ta' ħidma kollaborattiva eżistenti, biex b'hekk tittejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati u fil-kandidati potenzjali. L-għan tal-qafas politiku ta' referenza huwa li jservi ta' dokument komuni ta' referenza bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni bil-għan li jkompli jiġi żviluppat l-IPA sabiex dan l-istrument jibda jaqdi l-bżonnijiet speċifiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali aħjar;

    23.

    jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw parti ekwa fil-proċess tat-tkabbir b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza vasta u l-għarfien li kisbu huma u jagħtu l-għajnuna tagħhom sabiex jissaħħu l-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali permezz tal-kooperazzjoni transkonfinali lokali u reġjonali. Din għandha tiġi kkunsidrata bħala riżors komuni li minnu għandhom x'jirbħu l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha kollha. Nitolbu lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali sabiex jaħdmu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw qafas legali u finanzjajru adattat għal dan il-kontribut. Il-qafas politiku ta' referenza dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa l-ewwel pass fit-triq lejn il-ksib ta' dan l-għan;

    III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IL-PROĠETTI

    Linji gwida għall-proġetti

    24.

    jinnota li l-proġetti transkonfinali ż-żgħar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huma ta' valur miżjud importanti għaliex kif urew l-Istati Membri fil-passat, il-proġetti ż-żgħar huma magħrufin għat-trasparenza u l-kuntatt dirett li jrawmu bejn l-imsieħba involuti — dawn huma kollha fatturi li jkattru l-fiduċja fil-proġett u jwasslu għal riżultati tanġibbli għall-problemi li jinqalgħu;

    25.

    pereżempju, kemm fir-Rumanija kif ukoll f'pajjiżi oħra rajna kemm huwa importanti r-rwol li jaqdu r-riżorsi għall-finanzjament ta' proġetti deċentralizzati, li ġejjin milll-istrumenti għall-perijodu ta' qabel l-adeżjoni, fit-twaqqif tal-istituzzjonijiet meħtieġa fil-livell lokali u reġjonali fil-pajjiżi kandidati u fil-kandidati potenzjali;

    26.

    jirrakkomanda bidla fil-komponenti tal-IPA sabiex dan jibda jiġbor fih ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NGOs li jagħtu kontribut ċentrali fil-proċess tat-tkabbir. L-esperjenza f'diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit u d-Danimarka, uriet li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jsibuha diffiċli jilħqu l-limitu minimu ta' appoġġ għall-proġetti transkonfinali sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-għajnuna mill-IPA;

    27.

    jemmen li huwa importanti li l-IPA jiffoka aktar fuq it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell lokali u reġjonali milli fuq it-tisħiħ tal-amministrazzjoni ċentrali. Mingħajr kapaċità amministrattiva tajba fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-implimentazzjoni sostenibbli tal-acquis communautaire ser tkun diffiċli;

    28.

    jinnota li wieħed mill-fatturi prinċipali li qed ixekklu l-użu effettiv tal-fondi għall-proġetti huwa l-fatt li l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali mhumiex kapaċi jisfruttaw dawn il-fondi bl-aħjar mod. Dan jgħodd għall-proċess sħiħ, mill-applikazzjoni u l-implimentazzjoni sat-tfassil tar-rapporti, u ġej min-nuqqas ta' esperjenza fil-qasam. L-ostakli lingwistiċi u n-nuqqas ta' għarfien tekniku huma fatturi oħra li jxekklu l-bidu u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Għalhekk huwa importanti li nistabbilixxu sistemi ta' appoġġ fi ħdan l-IPA sabiex ngħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jibnu l-kapaċità amministrattiva tagħhom;

    29.

    jipproponi li l-IPA ikun magħmul minn diversi stadji sabiex wieħed ikun jista' jibda minn proġetti żgħar imbagħad, wara li jkun kiseb aktar esperjenza u kapaċità amministrattiva, jgħaddi għal proġetti akbar;

    30.

    jirrakkomanda li fi ħdan il-baġit tal-IPA jitwaqqaf baġit speċjali għall-proġetti ż-żgħar bħalma sar fi programmi oħra bħall-Fondi Phare għall-Proġetti fil-Baltiku u l-Fondi Tacis għall-Proġetti ż-Żgħar; jinnota li mill-1998 sal-2001, dawn il-progammi wasslu għal 259 proġett ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Russja, il-Belarus, l-Ukraina u l-Moldova, u li fl-2000 il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fl-evalwazzjoni ta' diversi programmi fosthom il-programmi Tacis, irrakkomandat li l-Fondi ta' Tacis għall-Proġetti ż-Żgħar għandhom jiżdiedu;

    31.

    jinnota li l-esperjenza fit-Turkija turi li l-proġetti ż-żgħar ħafna drabi jinvolvu inizjattivi speċifiċi li jġibu valur miżjud lill-Unjoni kollha għax huma mezz ieħor ta' kif titwassal informazzjoni pożittiva u għarfien dwar l-UE fil-livelli lokali u reġjonali;

    32.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-proġetti ta' għajnuna li saru fil-passat urew kemm huwa importanti li l-għajnuna mill-IPA tingħata bl-anqas ammont ta' burokrazija possibbli u li m'għandhiex tinqasam f'diversi fażijiet, b'fondi separati għal kull fażi. Huwa jinnota wkoll kemm huma utli l-programmi flessibbli li bis-saħħa tagħhom il-fondi jgħaddu minn pilastru għal ieħor fi ħdan il-baġit, għaliex b'dan il-mod tista' titqies informazzjoni oħra u b'hekk, huma u jitwettqu, il-proġetti jkomplu jittejbu u jiġu żviluppati. B'rabta ma' dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota wkoll li burokrazija bħal din hija wisq restrittiva għall-proġetti ż-żgħar. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota, pereżempju, li meta l-fondi għall-proġetti jdumu ħafna ma jaslu għand l-awtoritajiet ikkonċernati, il-konsegwenzi jistgħu jkunu negattivi, kif ġara fis-Serbja;

    33.

    jinnota li l-organizzazzjonijiet nazzjonali jistgħu jiffaċilitaw il-proċess relatat mal-ġestjoni tal-proġetti billi, pereżempju, jaqdu rwol attiv bħala punti ta' referenza u bħala sorsi ta' informazzjoni. Huma għandhom ħafna għarfien rilevanti u jistgħu jagħtu kontribut fil-promozzjoni tal-aqwa prattika fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti;

    34.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-kooperazzjoni pożittiva li kien hemm bejn l-Istati Membri u t-Turkija, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-proġett kulturali tal-UE u bejn l-Istati Membri u t-Turkija fil-programm tat-tagħlim tul il-ħajja tal-UE, kif ukoll lejn l-esperjenza pożittiva li rriżultat mill-ħidma li saret mat-Turkija, mal-Kroazja, ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mas-Serbja fi ħdan is-seba' programm qafas ta' riċerka tal-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li l-IPA għandu jirrifletti dan l-approċċ mimli opportunitajiet ta' skambju sabiex ikun hemm l-istess opportunitajiet ta' skambju ta' esperti ġejjin minn setturi speċifiċi bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, anki fil-livelli lokali u reġjonali;

    35.

    jinnota kemm hu importanti li nisħqu fuq il-kompentenzi speċifiċi ta' kull settur. Kemm fid-Danimarka kif ukoll fil-Polonja rajna kif il-parteċipazzjoni ta' esperti lokali u reġjonali, li ta' kuljum jaħdmu fuq il-kwistjonijiet speċifiċi involuti, tiffaċilita d-djalogu speċjalizzat u ssaħħaħ kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-proċess ta' tagħlim. L-esperjenza li nkisbet fir-Renju Unit uriet kif l-iskambju bejn l-esperti huwa proċess pożittiv ta' interazzjoni li fih kellhom x'jirbħu ż-żewġ naħat għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-esperti li ġejjin mill-Istati Membri jieħdu ħafna lura magħhom minn ħidma bħal din. L-esperjenza fil-Kroazja u l-Italja turi li proġetti li jkunu marru tajjeb għaż-żewġ naħat jistgħu jwittu t-triq għal aktar proġetti konġunti u aktar kooperazzjoni;

    36.

    jisħaq fuq l-importanza kbira tal-programmi ta' tagħlim u taħriġ tul il-ħajja li jwasslu l-messaġġ li l-proċess ta' tagħlim ma jieqafx mat-tmiem ta' proġett speċifiku iżda jkompli jiżviluppa u jissaħħaħ u jinnota li kif rajna fir-Rumanija u fi bnadi oħra, il-kooperazzjoni hija importanti ħafna sabiex is-settur pubbliku jkun effiċjenti u vijabbli;

    37.

    jemmen li għandu jkun hemm baġit speċifiku għall-interpretazzjoni; kif ġara fl-Estonja, fil-Kroazja u f'pajjiżi oħra, l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' proġetti transkonfinali batew minħabba n-nuqqas ta' interpretazzjoni professjonali għaliex il-partijiet interessati ma setgħux jikkomunikaw tajjeb biżżejjed biex itemmu l-proġett b'suċċess;

    38.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li nikkonċentraw fuq id-data meħtieġa għal dawn il-proġetti billi xi drabi l-aċċess għad-data meħtieġa u data ta' kwalità kien diffiċli; dan jista' jaffettwa l-kwalità tal-proġett;

    39.

    jemmen fil-ħtieġa ta' kapaċità amministrattiva b'saħħitha f'kull livell tal-gvern għall-iżvilupp tar-riformi istituzzjonali u jinnota li struttura amministrattiva dgħafja tista' thedded riformi bħal dawn. Fil-Kroazja, pereżempju, id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali qiegħed jaffettwa l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-livelli lokali u reġjonali;

    40.

    għalhekk jinnota l-bżonn li niffokaw fuq il-problemi li jistgħu jinqalgħu meta niġu biex nassiguraw tħaddim tajjeb kemm tar-regoli tal-UE kif ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fis-Serbja, pereżempju, l-inkonsistenzi li jeżistu fir-regoli dwar l-offerti pubbliċi jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' ftehim u għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett;

    41.

    jemmen fil-ħtieġa li jkun hemm bilanċ tajjeb bejn l-appoġġ li jingħata lill-oqmsa differenti. Il-proċessi tat-tkabbir fil-passat urew li l-livell ta' żvilupp fis-setturi involuti jvarja. Filwaqt li sar progress f'dawk is-setturi bbażati fuq l-aquis li ngħataw prijorità politika, ftit li xejn sar progress f'setturi oħra. Numru żgħir ta' setturi rċevew attenzjoni speċifika filwaqt li setturi pubbliċi importanti oħra ma ngħatawx l-attenzjoni jew ir-riżorsi li jixirqilhom. Għal din ir-raġuni, f'perijodu ta' żmien qasir wisq ġew introdotti għadd ta' inizjattivi f'dawn l-oqsma b'rata mgħaġġla żżejjed u bi ftit riżorsi. M'għandniex xi ngħidu, azzjoni bħal din issagrifikat kull ċans li jinkiseb riżultat tajjeb;

    42.

    jenfasizza li, fid-dawl tal-esperjenzi msemmija f'din l-opinjoni, jeħtieġ li l-proġetti tal-UE jitniedu fi stadju bikri tal-proċess sabiex l-implimentazzjoni tagħhom u r-riżultati mistennija ma jkunux magħfusin biż-żmien;

    43.

    jemmen li l-kriterji politiċi għandhom jitqiesu b'mod aktar miftuħ sabiex jiġu kkunsidrati wkoll il-bilanċ u r-relazzjoni meħtieġa bejn il-kriterji politiċi stabbiliti mill-UE u l-kriterji li jitwaqqfu fuq livell nazzjonali. Il-programm Phare wera kif xi drabi l-appoġġ mogħti biex jintlaħqu l-kriterji politiċi ma kellu l-ebda effett għaliex kien approċċ bi skop limitat wisq. L-appoġġ li jingħata ħafna drabi ma jirriflettix il-bżonn ta' relazzjoni bejn diversi setturi ċentrali, bħas-settur tar-riforma pubblika, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, il-gvernanza t-tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Barra minn dan, l-għajnuna mogħtija naqset milli tirrifletti l-kwistjoni ċentrali li ħafna drabi l-kriterji politiċi ma jistgħux jitpoġġew fil-prattika mingħajr impatt fuq il-kriterji ekonomiċi. Huwa importanti għalhekk li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw fit-twaqqif tal-prijoritajiet tal-IPA sabiex l-għajnuna tingħata fuq il-bażi ta' bżonn ġenwin. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-nuqqas ta' koerenza bejn l-istrateġiji nazzjonali ta' żvilupp u l-istrateġiji tal-kontributuri jista' jiġġenera l-problemi, kif ġara fil-Kroazja;

    44.

    jemmen li fid-dawl tal-ħtieġa ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u ċentrali, il-livelli lokali u reġjonali għandhom jibdew jipparteċipaw fil-proċess fi stadju aktar bikri. L-esperjenza għallmitna wkoll li n-nuqqas ta' koordinazzjoni jwassal biex dawk l-attivitajiet li jkunu saru fuq livell ċentrali ma jitqisux aktar tard, fil-kuntest ta' kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fil-livelli lokali u reġjonali. B'riżultat ta' dan, il-potenzjal tal-attivitajiet u l-proġetti li jkunu saru ma jkunx qed jiġi sfruttat sa barra;

    45.

    għalhekk isejjaħ għal koordinazzjoni bejn l-awtoritàjiet ċentrali, lokali u reġjonali u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reġjuni Kroati ta' Sisak-Moslavina, Slavonia, Osjecko-Baranjska, Lika-Senj u l-bliet ta' Varaždin u Karlovac, fost oħrajn, li qegħdin ifittxu li jipparteċipaw aktar fil-ħimda preparatorja involuta fil-programmi operazzjonali tal-IPA. B'hekk ser tiżdied il-konsistenza bejn dak li verament hemm bżonn u l-attivitajiet li jkunu ser isiru;

    46.

    jipproponi għalhekk li fil-ġestjoni tat-tħaddim tal-IPA jitħeġġeġ il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif sar fil-Kroazja fil-qafas tat-tieni komponent tal-IPA (il-kooperazzjoni transkonfinali). Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom l-esperjenza tal-bżonnijiet lokali u reġjonali u għalhekk jinsabu f'pożizzjoni li jagħrfu l-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu u jagħtu kontribut sabiex tinstab soluzzjoni tajba għalihom. Għalhekk jeħtieġ li dan l-approċċ jixxerred fil-pajjiżi kandidati l-oħra u jinfetaħ sabiex jiġbor fih il-prijoritajiet l-oħra tal-programm.

    Brussell, is-27 ta' Novembru 2008

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Il-linji gwida politiċi u prattiċi huma bbażati fuq l-istudju li sar bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali. Mehmuża ma' din l-opinjoni tistgħu ssibu d-data rilevanti.


    Top