Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0221

    In-Nisa u x-Xjenza Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 21 ta' Mejju 2008 dwar in-Nisa u x-Xjenza (2007/2206(INI))

    ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 40–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 279/40


    In-Nisa u x-Xjenza

    P6_TA(2008)0221

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2008 dwar in-Nisa u x-Xjenza (2007/2206(INI))

    (2009/C 279 E/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 1999 dwar in-Nisa u x-Xjenza (1),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2001 dwar ix-xjenza u s-soċjetà u dwar in-nisa fix-xjenza (2),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2003 dwar l-aċċess ugwali u s-sehem indaqs tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà ta' għarfien għat-tkabbir u l-innovazzjoni (3),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' April 2005 dwar it-tisħiħ tar-riżorsi umani fix-xjenza u fit-teknoloġija fiż-Żona Ewropea ta' Riċerka,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (4) (FP7),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (5),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Xjenza u Soċjetà tal-4 ta' Diċembru 2001” tal-Kummissjoni (COM(2001)0714),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titolu “In-Nisa u x-Xjenza: Eċċellenza u Innovazzjoni — Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fix-Xjenza” (SEC(2005)0370),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Iż-Żona Ewropea ta' Riċerka: Perspettivi Ġodda” (COM(2007)0161), u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjha (SEC(2007)0412),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu: “In-Nisa u x-Xjenza — Il-mobbilizzazzjoni tan-nisa għall-arrikkiment tar-riċerka Ewropea” (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004 dwar il-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, tal-familja u dik privata (7),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2006 bit-titolu: “Pjan għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006 — 2010” (COM(2006)0092), u r-riżoluzzjoni relevanti tagħha tat-13 ta' Marzu 2007 (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar qafas regolatorju għal miżuri li jippermettu lil nisa żgħar fl-Unjoni Ewropea li jikkombinaw il-ħajja tal-familja ma' perjodu ta' studju (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea — 2007 (10),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0165/2008),

    A.

    billi r-riċerka hija wieħed mill-oqsma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, u billi l-Unjoni Ewropea teħtieġ li timpjega 700,000 riċerkatur ieħor sabiex tissodisfa l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjieg,

    B.

    billi riċerkaturi nisa fl-Unjoni Ewropea huma fil-minoranza, b'medja ta' 35 % tar-riċerkaturi li jaħdmu fl-oqsma tal-gvern u tal-edukazzjoni għolja u biss 18 % tar-riċerkaturi li jaħdmu fis-settur privat,

    C.

    billi huwa aċċettat b'mod ġenerali li d-diversità tkattar il-kreattività fl-ambjent intraprenditorjali u dan jista' jingħad li jgħodd ukoll għar-riċerka,

    D.

    billi l-persentaġġ tan-nisa fl-ogħla livelli tal-akkademja rari jkun aktar minn 20 %, u l-irġiel għanhom tliet darbiet aktar ċans min-nisa li jsiru prosessuri jew jiksbu postijiet ekwivalenti,

    E.

    billi anki fl-Istati Membri, id-data maqsuma skond is-sessi li tittratta r-riċerkaturi skond il-kwalifiki, il-qasam tax-xjenza u l-età, għada qajla disponibbli,

    F.

    billi r-riċerkaturi nisa jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet meta jippruvaw jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, meta mqabbla ma' rġiel riċerkaturi,

    G.

    billi n-nuqqas ta' nisa fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija xjentifika għadu sinifikanti,

    H.

    billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' teħid ta' deċiżjoni fl-università għadha mhux għolja biżżejjed biex tiżgura l-implimentazzjoni ta' politika ta' bilanċ bejn is-sessi,

    I.

    billi fil-maġġoranza tal-pajjiżi s-sehem tan-nisa fuq bordijiet xjentifiċi għadu ma laħaqx il-parità,

    J.

    billi wieħed mill-oqsma prijoritarji għall-azzjoni tal-UE imsemmi tal-Pjan Direzzjonali hawn fuq imsemmi għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2006-2010 hija r-rappreżentanza ndaqs fit-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluża l-mira ta' 25 % tal-pożizzjonijiet ta' tmexxija fis-settur pubbliku tar-riċerka li jkunu f'idejn in-nisa, li għandha tintlaħaq sa l-2010,

    K.

    billi l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) ma laħaqx bilanċ fil-ġeneru b'5 nisa biss mit-22 ruħ fil-Kunsill Xjentifiku tal-ERC,

    L.

    billi, minkejja li n-nisa jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-istudenti tal-UE u 43 % tad-dottorati jinkisbu minnhom, fil-mejda huma għandhom biss 15 % tal-karigi akkademiċi għolja u għaldaqstant għandhom ħafna anqas influwenza fir-rigward tal-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet fis-settur tar-riċerka,

    M.

    billi r-rapport tal-Kummissjoni tal-2008 “Mapping the Maze: Getting More Women to the Top in Research” juri li għalkemm evalwazzjonijiet u proċeduri għall-promozzjonijiet trasparenti u ġusti huma strumenti neċessarji, weħedhom mhumiex biżżejjed; jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-kultura sabiex jittejjeb il-bilanċ fit-teħid ta' deċiżjonijiet fir-riċerka,

    N.

    billi l-FP7 ma jirrikjedix pjanijiet ta' azzjoni obligatorji fir-rigward tas-sessi għall-proposti ta' proġetti,

    O.

    billi l-istudji wrew li s-sistemi attwali ta' evalwazzjoni u reklutaġġ mhumiex newtrali fejn jidħol il-ġeneru,

    1.

    Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-fatt li s-sistemi edukattivi fl-Unjoni Ewropea għadhom imantnu sterjotipi tas-sessi, b'mod partikulari fl-oqsma tar-riċerka bħax-xjenzi naturali;

    2.

    Jemmen li huwa ferm importanti li x-xjenza tiġi promossa minn kmieni bħala qasam interessanti għaż-żewġ sessi; iħeġġeġ sabiex dan jitqies meta jkun qed jitħejja materjal edukattiv u fit-taħriġ għall-għalliema; jinkuraġġixxi lill-universitajiet u lill-fakultajiet biex janalizzaw is-sistemi tagħhom ta' għażla għall-ammissjoni sabiex jidentifikaw xi diskriminazzjoni impliċita li jista' jkun hemm bejn is-sessi u sabiex, jekk ikun il-każ, jikkoreġu s-sistema ta' għażla;

    3.

    Jinnota li persentaġġ għoli ta' nisa jabbanduna l-karriera fix-xjenza tul is-snin; huwa tal-fehma li dan il-fenomenu, li ta' sikwit ġie deskritt permezz tal-mudell ta' “pajp imtaqqab”, għandu jiġi analizzat fuq il-bażi ta' mudelli differenti, fejn wieħed minn dawn huwa dak tal-“fatturi ta' ripulsjoni u ta' attrazzjoni”; jistieden lill-awtoritajiet konċernati sabiex fil-mument meta jipproponu soluzzjonijiet, jikkunsidraw fatturi differenti bħalma huma l-ambjent tax-xogħol, l-isterjotipi professjonali, il-konkorrenza, l-eżiġenzi fil-qasam tal-mobbilità u r-responsabbilitajiet tal-familja;

    4.

    Jinnota li l-approċċ konvenzjonali għall-evalwazzjoni ta' “eċċellenza” u “rendiment”, inter alia fir-rigward ta' numru ta' pubblikazzjonijiet, jista' ma jkunx newtrali mil-lat tas-sessi, iżda huwa ta' limitazzjoni u mhux kapaċi jqis ir-riżorsi disponibbli — bħalma huma l-fondi, l-ispazju, it-tagħmir u l-persunal — u l-kwalitajiet essenzjali f'kull riċerkatur — bħalma hija l-abilità li jiġu organizzat u miżmum flimkien tim ta' riċerka jew li jiġu mħarrġa l-membri ż-żgħar tat-tim;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu d-differenzi bejn il-karrieri tipiċi fix-xjenza tan-nisa u tal-irġiel fid-definizzjonijiet ta' eċċellenza u “riċerkatur tajjeb”; jenfasizza li r-riċerkaturi nisa jikkontribwixxu wkoll għad-dinja tar-riċerka b'perspettivi u għażliet ta' suġġetti ta' riċerka differenti;

    6.

    Jiddispjaċih li l-waqfiet li n-nisa jagħmlu fil-karrieri xjentifiċi għal raġunijiet ta' familja għandhom impatt ħażin fuq l-opportunitajiet ta' karriera għalihom, minħabba li ħafna mill-kollegi rġiel ma jiqfux mix-xogħol u jistgħu jilħqu pożizzjonijiet ta' livell simili f'età iżgħar u jsibu ruħhom f'vantaġġ fil-karrieri tagħhom fil-ġejjieni; għalhekk jistaqsi biex tiġi meqjusa l-eta? bħala kriterju ta' eċċellenza flimkien mas-sitwazzjoni tal-familja, inkluż in-numru ta' dipendenti tar-riċerkatur; jitlob ukoll sabiex il-korpi ta' riċerka u l-universitajiet tal-UE kollha jwaqqfu għotjiet għal dottorati skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali għal-liv ta' maternità;

    7.

    Jirrimarka li limiti ta' età għall-għoti ta' għotjiet jolqtu ħażin liż-żgħażagħ li jieħdu ħsieb persuni dipendenti, u li l-biċċa l-kbira ta' dawn huma nisa; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex f'dawn il-każijiet jiżguraw li jkun hemm implimentati miżuri leġiżlattivi biex jikkoreġu din l-anomalija, pereżempju billi jżidu sena fl-iskadenza għall-applikazzjonijiet għal kull sena li fiha jkun qed jittieħed ħsieb tal-persuna dipendenti;

    8.

    Jinnota li l-mobbilità hija waħda mill-modi kruċjali kif jiġi żviluppat u assigurat il-progress fil-karriera ta' riċerka u jinnota li dan jista' jkun diffiċli biex jiġi rikonċiljat mal-ħajja tal-familja u li għalhekk għandhom jittieħdu miżuri ta' politika adegwati sabiex dan isir aktar vijabbli;

    9.

    Jenfasizza l-irwol tal-infrastruttura sabiex jitħaffef il-bilanċ sostenibbli bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll l-importanza li titkabbar is-sigurtà ta' karrieri fix-xjenza;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex itejbu s-sitwazzjoni billi jiġi integrat l-aspett tal-familja permezz ta' possibbilitajiet għal siegħat flessibbli ta' xogħol, faċilitajiet imtejba għall-ħarsien tat-tfal u aċċessibbilità ta' dispożizzjonijiet ta' sigurta? soċjali bejn il-fruntieri; jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet għal liv tal-ġenituri li verament jippermettu lill-irġiel u lin-nisa l-liberta? tal-għażla; jisħaq li r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u tax-xogħol hija responsabbilità kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;

    11.

    Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni tal-2008 msemmi hawn fuq jikkonkludi li impenn mill-ogħla livell huwa vitali sabiex tinkiseb l-ugwaljanza fir-riċerka u li impenn bħal dan irid jidher fil-livell nazzjonali u istituzzjonali;

    12.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex janalizzaw il-fatturi li jiskoraġġixxu l-preżenza tan-nisa f'postijiet għolja f'universitajiet u f'awtoritajiet tal-edukazzjoni, li jnaqqsu serjament l-influwenza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjoni fir-riċerka fl-Unjoni Ewropea, u biex jipproponu soluzzjonijiet adegwati;

    13.

    Jinkuraġġixxi lill-universitajiet, lill-istituti ta' riċerka u lin-negozji privati sabiex jadottaw u jinfurzaw strateġiji ta' ugwaljanza fl-organizzazzjonijiet tagħhom u sabiex iwettqu evalwazzjoni ta' impatt tas-sessi fil-proċessi tagħhom ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi inizjattivi li jqajjmu kuxjenza fil-komunità xjentifika, kif ukoll fost dawk li jfasslu l-politika, dwar il-kwistjoni tal-opportunitajiet indaqs fix-xjenza u fir-riċerka;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jużaw proċessi ta' reklutaġġ aktar trasparenti u sabiex jipprevedu l-obbligu li jiżguraw bilanċ bejn is-sessi f'bordijiet ta' evalwazzjoni, kumitati ta' għażla u kumitati oħra, kif ukoll bordijiet u kumitati ta' ħatra, b'mira li ma torbotx ta' mhux anqas minn 40 % nisa u mhux anqas minn 40 % rġiel;

    16.

    Jikkritika l-mira mingħajr ambizzjoni u insuffiċjenti li għandha l-UE ta' 25 % ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fir-riċerka tas-settur pubbliku u jfakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-parità tas-sessi timplika mill-inqas 40 % ta' rappreżentanza femminili;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tingħata attenzjoni lill-parteċipazzjoni tan-nisa fi programmi ta' riċerka xjentifiċi billi jingħata taħriġ immirat għas-sensibbilizzazzjoni dwar il-ġeneru lil dawk li għandhom pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet, lil dawk li jiffurmaw parti minn bordijiet ta' konsultazzjoni jew ta' evalwazzjoni, dawk li jħejju sejħiet għal offerti kif ukoll dawk li jmexxu negozjati ta' offerti u ta' kuntratti;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li fl-għotjiet imressqa taħt l-FP7 tiġi evalwata b'mod pożittiv rappreżentanza bilanċjata ta' rġiel u nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-istess arranġamenti fil-programmi nazzjonali u reġjonali tagħhom;

    19.

    Iqis il-pjanijiet ta' azzjoni fejn jidħlu kwistjonijiet ta' ġeneru fl-istadju tal-proposta u tal-evalwazzjoni tal-FP7 bħala parti essenzjali tal-istrateġija ġenerali tal-integrazzjoni tas-sessi u tal-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-Unjoni Ewropea; għaldaqstant jemmen li għandhom jibqgħu jkunu parti integrali tal-finanzjament ta' UE għar-riċerka;

    20.

    Jemmen bis-sħiħ li jinħtieġ li jiġu introdotti miżuri speċifiċi ta' reklutaġġ, ta' taħriġ u ta' relazzjonijiet pubbliċi sabiex ikun promoss u mħeġġeġ is-sehem akbar tan-nisa f'oqsma bħat-teknoloġija, il-fiżika, l-inġinerija, l-informatika u oqsma oħra;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni pożittiva li tinkuraġġixxi lir-riċerkaturi nisa u sabiex ikunu żviluppati aktar l-iskemi ta' appoġġ u ta' konsulenza, kif ukoll ta' politiki ta' promozzjoni b'objettivi ċari; jinnota li l-iżvilupp ta' strutturi ta' appoġġ bħala gwida għall-karrieri u l-provvediment ta' parir indirizzat, inter alia, lill-xjenzati nisa jistgħu jipproduċu riżultati partikolarment pożittivi;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintroduċu politiki effettivi sabiex jeliminaw id-differenza fil-pagi bejn is-sessi; jinnota li fil-qasam tax-xjenza l-prinċipju ta' pagi ndaqs għandu japplika wkoll għall-boroż ta' studju u għall-għotjiet;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu għal fondi ta' riċerka mmirati għan-nisa sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' fondi għan-nisa fir-riċerka;

    24.

    Jenfasizza l-importanza li l-bniet jitħeġġu sabiex jieħdu karrieri xjentifiċi u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu dan billi jippromwovu r-riċerkaturi nisa bħala mudelli ta' eżempju u billi jadottaw u jimplimentaw miżuri oħra li jwasslu sabiex jintlaħaq dan l-għan;

    25.

    Jinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu azzjonijiet li jqajmu kuxjenza sabiex il-bniet jiġu infurmati u mħeġġa jsegwu studji u jiksbu lawrji universitarji fix-xjenza u fit-teknoloġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-proċessi ta' skambju ta' għarfien, peress li fl-Istati Membri differenti hemm disponibbli tendenzi differenti ħafna ta' għażliet ta' edukazzjoni;

    26.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' programmi speċjali fl-universitajiet li jżidu l-interess ta' bniet żgħar u nisa biex jibdew karrieri fix-xjenza;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwaqqfu programmi ta' taħriġ u ta'appoġġ għall-xjenzati nisa żgħar biex jipparteċipaw fi programmi ta' riċerka u applikazzjonijiet għal għotjiet sabiex ikunu mgħejjuna jibqgħu fl-akkademja u fir-riċerka;

    28.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet mwettqa mill-organizzazzjonijiet u mill-aġenziji mhux governattivi fil-livell Ewropew u nazzjonali sabiex jiżdied is-sehem tan-nisa fix-xjenza u jiżdied in-numru ta' nisa xjenzjati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isaħħu aktar in-netwerk fost xjenzati nisa fuq livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE, fattur li ġie identifikat bħala strument fundamentali biex tingħata s-setgħa lin-nisa sabiex numru akbar ta' nisa xjenzjati jkunu attirati għal karrieri fix-xjenza, sabiex xjenzjati nisa jitħeġġu jipparteċipaw fid-dibattitu politiku u biex jittejjeb il-progress professjonali tagħhom;

    30.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 201, 16.7.1999, p. 1.

    (2)  ĠU C 199, 14.7.2001, p. 1.

    (3)  ĠU C 317, 30.12.2003, p. 6.

    (4)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.

    (6)  ĠU C 309, 27.10.2000, p. 57.

    (7)  ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 492.

    (8)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 56.

    (9)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0265.

    (10)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0423.


    Top