EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0698

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u llll-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol 92/57/KEE (siti temporanji u mobbli) u 92/58/KEE (provvista ta' sinjali ta' sigurtà fuq ix-xogħol)

/* KUMM/2008/0698 finali */

52008DC0698

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u llll-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol 92/57/KEE (siti temporanji u mobbli) u 92/58/KEE (provvista ta' sinjali ta' sigurtà fuq ix-xogħol) /* KUMM/2008/0698 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2008

KUMM(2008) 698 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol 92/57/KEE (siti temporanji u mobbli) u 92/58/KEE (provvista ta' sinjali ta' sigurtà fuq ix-xogħol)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol 92/57/KEE (siti temporanji u mobbli) u 92/58/KEE (provvista ta' sinjali ta' sigurtà fuq ix-xogħol)

1. INTRODUZZJONI

Din il-komunikazzjoni ssegwi impenn tal-Kummissjoni[1] biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju bl-għan li ttejbu.

Hija msejsa prinċipalment fuq ir-rapporti nazzjonali pprovduti mill-Istati Membri[2] u rapport tal-esperti indipendenti li janalizza l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi fis-setturi privati u/jew pubbliċi ekonomiċi kkonċernati. Hija msejsa wkoll fuq ir-riżultati tal-kampanji Ewropej ta' spezzjoni dwar is-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni mwettqa fil-15-il Stat Membru fl-2003 u l-2004, fuq statistika Ewropea ta' dan l-aħħar fir-rigward tal-inċidenti fuq ix-xogħol, u fuq il-lezzjonijiet li l-Kummissjoni kisbet mis-sorveljanza tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttivi.

L-evalwazzjoni tkopri t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi: Id-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f'postijiet ta' kostruzzjoni temporanji jew mobbli[3] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta' sinjali tas-sigurtà u/jew is-saħħa fix-xogħol[4], fil-15-il pajjiż tal-UE biss. Il-Kummissjoni temmen li din l-evalwazzjoni għandha tkun għajn ta' tagħrif utli ħafna għat-12-il Stat Membru l-ġdid fl-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi.

2. L-EFFETTI LEGALI

2.1. Id-Direttiva 92/57/KEE

Ir-rapporti nazzjonali mill-Istati Membri[5] juru li l-impatt formali tad-Direttiva 92/57/KEE (is-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni, il-konsolidazzjoni u l-kodifikazzjoni) ippermetta lill-Istati Membri li jgħaqdu, jikkonsolidaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti. Madankollu, xi wħud mill-Istati Membri jgħidu li d-Direttiva ma kellha l-ebda impatt fuq il-prinċipji legali/amministrattivi.

L-impatt sostanzjali fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali kien konsiderevoli fl-Istati Membri kollha. Saħansitra anki dawk l-Istati Membri li qalu li diġà kellhom leġiżlazzjoni nazzjonali sofistikata introduċew emendi biex ikopru l-kunċetti bażiċi tad-Direttiva. Id-Direttiva wasslet għal żidiet sostanzjali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tad-disinn u l-koordinazzjoni tas-sit, il-pjan tas-saħħa u s-sigurtà u l-fajl dwar is-saħħa u s-sigurtà.

L-istrateġija l-ġdida għall-prevenzjoni, b'mod partikolari, id-definizzjoni tal-obbligi u r-responsabbiltajiet tad-diversi partijiet fuq sit tal-kostruzzjoni, qed tidher bħala waħda li kellha impatt ewlieni.

Id-Direttiva 92/58/KEE

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri sempliċement ħassru d-dispożizzjonijiet bikrin dwar sinjali ta' sigurtà li jittrasponu d-Direttiva 77/576/KEE u biddluhom b'leġiżlazzjoni ġdida li tittrasponi d-Direttiva 92/58/KEE. Xi wħud jistqarru li d-dispożizzjonijiet il-ġodda ssupplementaw, wessgħu jew aġġornaw il-qafas tagħhom legali u wasslu għall-konsolidazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

L-emendi sostantivi ewlenin jintroduċu regoli ġodda dwar is-sinjali, inklużi komunikazzjoni verbali u sinjali bl-idejn, sinjali relatati mas-saħħa li mhumiex koperti mid-Direttiva ta' qabel, u obbligi ġodda għal min iħaddem biex jgħarraf, iħarreġ u jikkonsulta lill-ħaddiema; huma jestendu wkoll l-ambitu tad-Direttiva għas-setturi kollha tal-attività.

3. żIEDA FL-GħARFIEN U MIżURI LI JAKKUMPANJAW GħAD-DIRETTIVI 92/57/KEE U 92/58/KEE

Ladarba ż-żewġ Direttivi ġew adottati, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ppubblikawhom u pprovdew parir dwar l-implimentazzjoni tagħhom fuq is-siti tal-kostruzzjoni u fuq il-provvista ta' sinjali fuq il-post tax-xogħol. Is-Sena Ewropea għas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Ħarsien tas-Saħħa fix-Xogħol fl-1992, il-Ġimgħat Ewropej għas-Saħħa u s-Sigurtà u l-kampanji nazzjonali għaż-żieda tal-għarfien kienu partikolarment kruċjali fit-tixrid tat-tagħrif u f'li jagħmlu lil dawk responsabbli konxji mill-obbligi tagħhom. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol, imwaqqfa fl-1994[6], impenjat ruħha fit-tixrid ta' tagħrif mal-Ewropa kollha u fiż-żieda fl-għarfien u min-naħa tagħha stabbiliet il-Forum Ewropew dwar is-Sigurtà fil-Kostruzzjoni biex tippromwovi l-iskambju tal-esperjenza bejn l-atturi fis-settur, u, b'mod partikolari, bejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC)[7] ippropona l-idea tal-inizjattivi għall-infurzar u ż-żieda fl-għarfien (Kampanji Ewropej ta' spezzjoni).

L-Istati Membri introduċew pjanijiet estensivi biex jippromwovu ħarsien attiv, iżidu l-għarfien tal-prevenzjoni integrata, u jfasslu linji ta' gwida prattiċi biex jgħinu lil min iħaddem u lill-ħaddiema jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni l-ġdida. F'xi Stati Membri dawn l-attivitajiet kienu mmirati lejn atturi ewlenin bħal pereżempju l-Iżviluppaturi. Federazzjonijiet professjonali, tredjunjins ta' ħaddiema u assoċjazzjonijiet ta' periti u inġiniera wkoll għarrfu lill-membri tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida, permezz ta' seminars, laqgħat, fuljetti u mezzi ta' xandir oħra bil-miktub. Fl-aħħar, xi kumpaniji kbar tal-kostruzzjoni fasslu t-tagħrif tagħhom stess għall-ħaddiema u għas-sotto-kuntratturi tagħhom.

4. IT-TRASPOżIZZJONI

Minkejja konsultazzjoni fil-fond minn qabel tal-partijiet soċjali, u adozzjoni unanima mill-Kunsill, il-maġġoranza tal-Istati Membri naqqsu milli jilħqu d-dati tal-għeluq tat-traspożizzjoni għaż-żewġ Direttivi, li kellhom riperkussjonijiet konsiderevoli fuq il-livelli ta' implimentazzjoni prattika fil-post tax-xogħol[8].

Wara t-traspożizzjoni, il-Kummissjoni ssorveljat il-konformità u nediet diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali biex tiċċara u ssolvi kwalunkwe problema u biex tagħmel il-korrezzjonijiet meħtieġa. Fejn meħtieġ, hija nediet proċeduri ta' ksur skont l-Artikolu 226 KE. L-ilmenti lill-Kummissjoni servew ta' tagħrif siewi waqt li setgħet tidentifika punti dgħajfa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

4.1. Id-Direttiva 92/57/KEE

Id-Direttiva ta' implimentazzjoni 92/57/KEE hija kwistjoni teknika u amministrattiva kumplessa; L-Istati Membri jirrevedu u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom b'mod regolari. Dan jispjega għalfejn, f'xi wħud mill-Istati Membri, id-Direttiva ġiet trasposta b'mod frammentat ħafna f'bosta biċċiet ta' leġiżlazzjoni (iktar minn 40 f'xi każijiet) li jikkumplikaw l-evalwazzjoni. L-evalwazzjoni żvelat differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ġejjin mill-qafas regolatorju ta' qabel u mill-fatt li d-Direttiva tistipula rekwiżiti minimi u tħalli lill-Istati Membri liberi li jżommu jew li jistabbilixxu livelli ogħla ta' ħarsien[9].

Il-problemi ewlenin ta' konformità identifikati kienu relatati mal-ambitu tal-leġiżlazzjoni, mad-definizzjonijiet, mal-ħatra ta' koordinaturi, mat-tħejjija u t-twettiq tal-proġetti, u mar-responsabbiltajiet tal-Iżviluppaturi, mas-sorveljaturi tal-proġetti, u mal-koordinaturi u ma' min iħaddem.

Madankollu, f'għadd ta' Stati Membri, il-leġiżlazzjoni marret lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva 92/57/KE, iċċarat ċerti kwistjonijiet ta' koordinazzjoni u stipulat proċeduri għal konformità effettiva.

Il-problemi ta' konformità identifikati u r-rata għolja immens ta' inċidenti fuq ix-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni jissuġġerixxu li jeżistu xi diffikultajiet li wieħed jifhem id-Direttiva 92/57/KEE, diffikultajiet li jsiru agħar minħabba fil-kumplessità tal-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni. Strumenti addizzjonali li ma jorbtux f'livell Ewropew biex jgħinu lill-atturi kollha jifhmu aħjar l-obbligi u d-drittijiet tagħhom jistgħu jkunu mezzi utli għat-titjib tal-applikazzjoni nazzjonali tad-Direttiva. Il-Kummissjoni għalhekk bdiet taħdem, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv[10] u mal-professjonisti varji fis-setturi, biex tfassal gwida li ma torbotx għall-applikazzjoni tad-Direttiva. |

4.2. Id-Direttiva 92/58/KEE

Min-natura tagħha, din id-Direttiva ġiet trasposta virtwalment fl-ittra fil-maġġoranza kbira tal-Istati Membri. Il-ftit każijiet ta' traspożizzjoni potenzjalment inkompatibbli ssolvew permezz ta' kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti, mingħajr il-ħtieġa ta' aktar azzjoni legali.

5. AZZJONI FIL-QASAM: L-IMPLIMENTAZZJONI PRATTIKA TAD-DIRETTIVA 92/57/KEE

Evalwazzjoni tal-qagħda fuq is-siti turi li hemm stampa irregolari: f'xi Stati Membri, l-implimentazzjoni tad-Direttiva għenet tabilħaqq biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u biex tevita inċidenti, filwaqt li f'oħrajn għad irid isir ħafna biex jintlaħqu r-rekwiżiti u biex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta' prevenzjoni effettiva.

Minkejja l-isforzi kollha li saru, l-istatistika tal-inċidenti fuq ix-xogħol hija inkontestabbli: il-kostruzzjoni għadu settur b'riskju għolji, bid-doppju ta' inċidenti bħala r-rata medja għas-setturi kollha ta' attività u bi 2,5 darbiet aktar inċidenti fatali[11].

Id-Direttiva tagħti lill dawk kollha attivi fuq sit ta' kostruzzjoni rwol ewlenija fil-prevenzjoni. L-implimentazzjoni tagħha ġiet għalhekk evalwata fir-rigward tal-influwenza li kull grupp għandu fuq il-prevenzjoni ta' u l-ħarsien mir-riskji ta' fuq ix-xogħol. Il-konklużjonijiet ewlenin huma kif ġej:

L-iżviluppaturi

Id-Direttiva timponi obbligi varji fuq l-Iżviluppaturi biex jimplimentaw miżuri ta' ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà. Dawn l-obbligi jikkawżawlhom xi tħassib.

L-Iżviluppaturi jinqasmu f'diversi kategoriji, skont:

- is-settur ikkonċernat: pubbliku jew privat;

- id-daqs tas-sit: kbir, medju jew żgħir;

- il-frekwenza tal-prestazzjoni tal-kostruzzjoni jew xogħlijiet tal-inġinerija ċivili: regolari jew okkażjonali;

- l-entità legali: l-individwi, il-kumpaniji tal-kostruzzjoni jew l-iżviluppaturi, l-aġenziji tal-akkomodazzjoni pubblika.

L-isforz li l-kategoriji differenti tal-Iżviluppaturi jpoġġu fil-prevenzjoni jvarja b'mod konsiderevoli, minħabba fid-differenzi fl-għarfien tagħhom tal-leġiżlazzjoni, fl-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom għall-prevenzjoni u fil-motivazzjoni tagħhom. L-individwi li jaġixxu bħala Żviluppaturi fuq siti okkażjonali, żgħar ġeneralment ma jkunux jafu dwar l-obbligi ta' prevenzjoni tagħhom, filwaqt li Żviluppaturi ewlenin li jaħdmu regolarment fuq siti kbar normalment jafu x'inhuma l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jassumu rwol attiv fil-prevenzjoni ta' riskji fuq ix-xogħol. Dawn l-Iżviluppaturi tal-aħħar huma konvinti li l-prevenzjoni hija essenzjali u għandha fl-aħħar mill-aħħar tiffranka, anki jekk dawn ifittxu li jnaqqsu l-ispiża kemm jista' jkun. Il-problema ewlenija li dawn l-Iżviluppaturi jgħidu li għandhom hija ż-żieda fl-ispejjeż ikkawżata mil-leġiżlazzjoni l-ġdida u, b'mod partikolari, bil-koordinazzjoni. B'kuntrast ma' dan, l-individwi li jwettqu xogħol okkażjonali mhumiex lesti li jimpenjaw ruħhom għall-prevenzjoni, li jqisuha bħala restrizzjoni finanzjarja u burokratika, u jemmnu li r-responsabbiltà tagħhom tispiċċa hekk kif jiffirmaw kuntratt ta' kostruzzjoni. Din il-problema, madankollu, mhijiex ġejja direttament mid-Direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri jassenjaw ir-responsabbiltà għall-prevenzjoni skont it-tip u d-daqs tal-proġett ta' kostruzzjoni.

In-nuqqas ta' ippjanar u r-restrizzjoni fil-ħin issemmew diversi drabi bħala fatturi li jfixklu bil-kbir il-prevenzjoni tal-inċidenti u l-mard. L-Iżviluppaturi li jinsistu fuq skadenzi eċċessivament qosra kienu ta' spiss ikkwotati bħala l-kawża ta' dawn il-problemi.

Għalkemm id-Direttiva ma twaqqafx lil persuna naturali jew legali milli twettaq bosta ħidmiet fl-istess ħin, il-kombinazzjoni tar-rwoli bħal dawk ta' żviluppatur u koordinatur tidher li toħloq problemi prattiċi. Żviluppatur ta' spiss ma jkunx fil-qagħda li jwettaq ir-rwol ta' koordinatur, pereżempju, minħabba li hu jew hi ma jkollux/jkollhiex il-ħiliet jew l-għarfien rilevanti.

Il-qagħda f'xi wħud mill-Istati Membri tiżvela l-ħtieġa li wieħed jgħarraf, iħarreġ u jżid l-għarfien fost il-kategoriji differenti ta' Żviluppaturi skont id-daqs tas-sit (żgħir), l-entità legali (individwi), u n-natura tax-xogħol (okkażjonali jew regolari). Jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali u l-assoċjazzjonijiet professjonali jmexxu f'dan il-qasam.

Xi wħud mill-Istati Membri diġà ħadu xi passi biex jiżguraw li standards tajba ta' sigurtà u ta' saħħa fix-xogħol jintgħarfu kif xieraq f'kuntratti ta' xiri pubbliku. Din il-prattika għandha tkun segwita minn Stati Membri oħra.

L-Iżviluppaturi – bħal dawk li għandhom ir-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji biex iwettqu x-xogħlijiet – kienu maħsuba bħala li għandhom ir-rwol ewlieni fis-sistema ta' prevenzjoni skont id-Direttiva. Madankollu, dawn ta' spiss ma jkunux mgħammra bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa, u għalhekk id-Direttiva tistipula li dawn jinvolvu atturi oħra, mingħajr ma tevadi r-responsabbiltà tagħhom.

Is-sorveljaturi tal-proġetti

Ta' spiss il-klijent jassumi wkoll ir-rwol ta' sorveljatur tal-proġett. Biex titjieb il-ġestjoni tal-prevenzjoni fejn bosta intrapriżi jaħdmu fuq sit bħala sottokuntratturi, il-kuntrattur ewlieni responsabbli għax-xogħol jista' jaġixxi bħala sorveljatur tal-proġett fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 92/57/KEE.

Bħala regola, is-sorveljaturi ta' proġett huma familjari mal-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u saħħa matul l-eżekuzzjoni ta' proġett iżda b'dispjaċir jgħarrfu li s-sigurtà ma titqiesx biżżejjed kif suppost fit-tfassil u t-tħejjija, u jħossu li r-responsabbiltajiet tas-sorveljatur u l-klijent għandhom ikunu definiti b'mod aktar ċar. Xi intrapriżi japprezzaw il-valur tal-koordinazzjoni iżda mhux il-formalitajiet amministrattivi li fiha, u jiġbdu l-attenzjoni lejn il-konfużjoni bejn il-ħidmiet tal-koordinaturi u dawk tas-servizzi ta' prevenzjoni.

L-intrapriżi l-kbar li saritilhom żjara jafu r-rekwiżiti sew. Huma ta' spiss jużaw is-servizzi ta' prevenzjoni, u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom jipprovduhom b'tagħrif regolari. L-intrapriżi ż-żgħar u dawk mikro għandhom tendenza li ma tantx ikunu jafu daqstant ir-regoli, waqt li dawk li jafuhom ma tantx huma mħeġġa li jieħdu taħt idejhom il-prevenzjoni b'mod ġenerali u l-koordinazzjoni b'mod partikolari. L-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju li mhumiex membri ta' assoċjazzjonijiet professjonali huma limitati fit-tagħrif, fatt li jirristrinġi l-għarfien tagħhom dwar is-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol. Barra minn hekk, aktar ma tkun twila l-katina sotto-kuntrattwali, aktar ikun kbir in-nuqqas ta' tagħrif. Fl-għajnejn tal-Iżviluppaturi u s-sorveljaturi tal-proġetti, il-ktajjen twal sotto-kuntrattwali jdgħajfu r-responsabbiltà. L-intrapriżi ż-żgħar biss fil-bidu tal-katina sotto-kuntrattwali jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza ewlenija tal-kuntrattur u minn prattika tajba.

Il-prevenzjoni hija ta' spiss żviluppata ħafna fil-kumpaniji sotto-kuntrattwali li jispeċjalizzaw f'ħidmiet partikolari (eż. l-istallazzjoni tal-gass jew il-manutenzjoni tal-lift).

Il-kollaborazzjoni b'saħħitha tul il-katina tal-provvista tirrifletti l-fatt li l-proġetti ppjanati, ġestiti u kkoordinati b'mod effettiv għandhom possibbiltà akbar li jkunu b'saħħithom u sikuri. X'aktarx li huma wkoll ikollhom il-possibbiltà li jgawdu mill-benefiċċji kummerċjali fir-rigward ta' inqas ħin mitluf minħabba fi ġranet barra mix-xogħol, inqas ħela u inqas ċans li wieħed jonqos li jilħaq il-baġit. Kulħadd fil-katina tal-provvista – l-Iżviluppaturi kif ukoll il-kuntratturi – għandhom jiftakru dan u jaġixxu skont dan. Minħabba fid-diffikultajiet li jintlaħqu l-intrapriżi li huma l-aktar 'il bogħod mill-kuntrattur ewlieni, is-sotto-kuntrattar jibqa' kwistjoni li għandha tiġi ttrattata fil-fond. Dan jeffettwa wkoll l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà. Bħala parti mill-istrateġija Komunitarja għall-2007-12 il-Kummissjoni għandha tqis din il-problema. |

Periti, inġiniera u ditti ta' konsultazzjoni

Filwaqt li din id-Direttiva ma tirreferix b'mod espliċitu għall-periti, l-inġiniera jew għad-ditti ta' konsultazzjoni, dan il-grupp ġie vvalutat minħabba li min ifassal għandu rwol ewlieni fl-istadju tat-tħejjija tal-proġett u huwa importanti ħafna fil-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol fuq is-siti tal-kostruzzjoni.

Il-periti u l-inġiniera li jfasslu l-proġetti għamluha ċara li jafu r-rekwiżiti iżda li ma jaqblux mija fil-mija mal-miżuri ġodda imposti. Xi wħud ma jaqblux mal-fatt li l-klijent jaħtar koordinatur għall-istadju tat-tfassil, billi, dan, fil-fehma tagħhom, ixekkel il-libertà kreattiva tagħhom.

F'xi whud mill-Istati Membri, madankollu, il-periti u l-inġiniera ta' spiss jaġixxu ta' koordinaturi fl-istadju tat-tfassil. Dan tejjeb bil-kbir il-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq is-siti, permezz tal-provvediment ta' ħarsien kollettiv u l-provvista ta' sinjali. Il-maġġoranza ta' diżenjaturi ta' proġetti jaċċettaw il-filosofija wara l-koordinazzjoni iżda ma tantx huma lesti li jerfgħu responsabbiltajiet addizzjonali. Xi wħud jirrapportaw problemi f'li jikkonvinċu l-Iżviluppaturi u s-sorveljaturi tal-proġetti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ta' ħarsien. Il-periti wkoll jikkritikaw il-formalitajiet ta' ċerti liġijiet nazzjonali fuq siti żgħar u l-interpretazzjonijiet differenti li dawn jistgħu jwasslu.

Il-prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà ta' spiss ma tkunx integrata fil-proġett fl-istadju tat-tfassil minħabba li l-kundizzjonijiet ta' sigurtà matul l-eżekuzzjoni u l-użu u l-manutenzjoni sussegwenti mhumiex fattur ewlieni fl-għażliet ta' tfassil/arkitettoniċi. Għad hemm ħafna xi jsir fl-Istati Membri kollha qabel mal-kultura ta' prevenzjoni trabbi l-għeruq b'mod effettiv fl-istadju tat-tfassil. Biex jinkiseb dan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu sforz biex iħarrġu d-disinjaturi tal-proġetti fl-iskejjel vokazzjonali u fl-università, waqt li jagħmlu l-prevenzjoni parti ewlenija mill-kurrikulu. |

Il-koordinaturi

Ir-rwol tal-koordinatur skont id-Direttiva 92/57/KEE huwa li jikkoordina l-implimentazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet għas-saħħa u s-sigurtà ta' dawk involuti fit-tħejjija tal-proġetti u l-istadji ta' eżekuzzjoni tal-proġett.

Id-Direttiva ma tiddefinixxix il-kompetenzi meħtieġa biex wieħed jaġixxi ta' koordinatur matul it-tħejjija tal-proġetti u l-istadji tal-eżekuzzjoni. Jeżistu differenzi kbar minn Stat Membru għall-ieħor. Xi wħud iddefinixxu l-kompetenzi u/jew il-ħiliet tal-koordinatur f'ħafna dettall, xi kultant kienu anki jeħtieġu li jkollhom taħriġ speċifiku jew kombinazzjoni ta' taħriġ u esperjenza. Oħrajn jeħtieġu biss li jkun hemm koordinaturi, li formalment ma jeħtieġu l-ebda livell speċifiku ta' kompetenza.

Il-kompetenzi meħtieġa għall-koordinaturi mill-Istati Membri fit-twettiq ta' xogħolhom huma differenti ħafna, u għalhekk l-istandard fil-koordinazzjoni jvarja minn Stat Membru għal ieħor. L-evalwazzjoni mwettqa fil-qasam tissuġġerixxi li l-implimentazzjoni għandha tibbenefika jekk l-Istati Membri jintroduċu xi kriterji minimi għall-kompetenza skont id-daqs u/jew it-tip/in-natura tar-riskji fuq is-sit. Kriterji tal-qalba għall-evalwazzjoni u t-turija tal-kompetenza tal-koordinaturi huma essenzjali. Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kriterji bħal dawn. |

L-atturi kollha fis-settur tal-kostruzzjoni jindikaw li l-koordinatur jinħatar fi stadju wisq tard fil-proċedimenti. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema ġibdu l-attenzjoni lejn nuqqas serju ta' koordinazzjoni fl-istadju tat-tfassil. L-evalwazzjoni turi wkoll li fl-fażi ta' tħejjija tal-proġett hemm nuqqas kbir ta' koordinazzjoni (u ta' kontroll); il-koordinazzjoni hija effettiva biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni.

Minħabba li t-tħejjija tal-proġetti ma tqisx il-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol qabel il-finalizzazzjoni tat-tfassil, in-nuqqas ta' ppjanar għall-prevenzjoni jkollu jiġi rimedjat fl-istadju tal-eżekuzzjoni. Din tista' tkun waħda mir-raġunijiet għar-rati ferm għolja ta' inċidenti f'dan is-settur meta mqabbla ma' oħra. Din il-qagħda xxekkel ukoll il-prevenzjoni ta' riskji fuq ix-xogħol tul l-eżistenza ta' sit, b'mod partikolari fir-rigward tal-operazzjoni, iż-żamma, il-manutenzjoni u anki t-twaqqigħ.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħmilha rekwiżit għall-miżuri ta' prevenzjoni marbuta mas-suġġett tal-kuntratt li jkunu inkorporati b'mod sistematiku fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ħruġ ta' offerti u fil-klawżoli tal-prestazzjoni tal-kuntratti u l-ġestjoni tal-kwalità tal-kuntratti mill-awtoritjiet kuntrattwali, dan jista' jgħin fil-bidla tal-attitudni f'dan il-qasam.

Jeżistu bosta xenarji fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-proġett. Xi Stati Membri jistabbilixxu li l-koordinatur għandu jkun il-perit jew l-inġinier li fassal il-bini jew il-kuntrattur prinċipali fuq is-sit (is-sorveljatur). Fi Stati Membri oħra, il-koordinaturi jistgħu jkunu persuni indipendenti naturali jew legali jew jistgħu jkunu ta' organizzazzjonijiet ta' Żviluppaturi jew ta' kumpaniji.

Anki meta hemm koordinazzjoni fuq is-sit, ta' sikwit din tkun minima. Nuqqas ta' koordinazzjoni fit-tfassil teffettwa l-kwalità tal-ħidma tal-koordinatur fl-istadju tal-eżekuzzjoni. Koordinaturi maħtura fuq siti partikolari ta' spiss jaffaċċjaw problemi ta' saħħa u sigurtà li huma diffiċli li wieħed isolvi minħabba li ma kinux tqiesu matul it-tħejjija tal-proġett. Dan huwa kkumplikat bi problemi tal-awtoritajiet. Xi drabi atturi oħra ma jifhmux x'inhu xogħol il-koordinatur, u l-impjegati għal rashom u s-sotto-kuntratturi fuq is-sit huma wisq inqas inklinati li jgħarrfu l-awtorità tal-koordinatur.

B'kuntrast ma' dan, ir-relazzjonijiet bejn il-koordinatur u l-ħaddiema huma tajbin ħafna meta l-koordinatur huwa indipendenti (jiġifieri ma jkun marbut la mas-sorveljatur tal-proġett u lanqas mal-perit jew mal-inġiniera, eċċ.), li jagħmilha aktar faċli għall-ħaddiema li jgħidulu jew jgħidulha dwar kwalunkwe problema ta' prevenzjoni li għandu mnejn ma jkunux jixtiequ jirrappurtaw lill-persuna inkarigata mis-sit. Huwa aktar faċli li wieħed jibni din il-fiduċja jekk il-koordinatur iżur is-sit b'mod regolari.

Fuq siti kbar is-sitwazzjoni b'mod ġenerali hija aċċettata, u hemm koordinazzjoni effettiva u effiċjenti. Madankollu, fuq is-siti żgħar u ta' daqs medju s-sitwazzjoni hija differenti ħafna, u d-Direttiva rari hija implimentata. Fuq siti żgħar privati, il-koordinazzjoni hija kważi injorata b'mod invarjat u hija limitata għall-'konformità amministrattiva'; il-koordinatur huwa ta' spiss maħtur tard u l-intrapriżi ż-żgħar ġeneralment iħarsu lejn il-koordinazzjoni bħala ‘fakoltattiva’.

Id-diffikultajiet għall-koordinazzjoni effettiva fuq is-siti ż-żgħar għandhom jiġu ttrattati meta jiġu żviluppati l-istrumenti li ma jorbtux, biex il-ħidmiet essenzjali ta' prevenzjoni jitwettqu b'mod sempliċi u proporzjonali mad-daqs u r-riskji tas-sit. |

Il-ħaddiema

F'ħafna Stati Membri, il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni huma ta' diversi nazzjonalitajiet, li jwassal għal problemi ta' komunikazzjoni u komprensjoni. Ostakoli minħabba fil-lingwa jagħmluha aktar diffiċli għall-ħaddiema li jsegwu l-istruzzjonijiet ta' sigurtà u saħħa għall-użu ta' makkinarju u sustanzi kimiċi. Il-ħaddiema migranti jidhru li huma inqas imħarrġa u mgħarrfa minn oħrajn fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskji ta' fuq ix-xogħol. Ta' sikwit in-nuqqas ta' kultura ta' prevenzjoni u l-mod differenti kif wieħed iħares lejn il-valuri fundamentali jistgħu jwasslu li l-ħaddiema jieħdu riskji inaċċettabbli. It-taħriġ u l-edukazzjoni dwar il-prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà huma fundamentali biex itejbu din is-sitwazzjoni.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni ta' kuljum għandhom rwol ewlieni fil-konformità mal-prattika tajba ta' prevenzjoni, b'mod partikolari fuq siti żgħar fejn is-sorveljatur tal-proġett u l-koordinatur ma jkunux dejjem preżenti. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema qed jaraw progress ġenwin fil-miżuri tal-iġjene (kmamar fejn wieħed ibiddel, canteens, faċilitajiet sanitarji) u fl-aċċess għas-siti, bis-saħħa tad-Direttiva.

Il-ħaddiema jirrappurtaw li ma jifhmux ir-rwol tal-koordiatur jew l-obbligi fl-istadju tat-tfassil, iżda li huma aktar familjari max-xogħol tal-koordinatur fl-istadju tal-eżekuzzjoni.

L-iżviluppaturi jgħidu li l-ħaddiema ma jadottawx attitudni proattiva għall-prevenzjoni, iżda huma sodisfatti li jaqdu dmirijiethom mingħajr ma jinkwetaw dwar l-effetti fuq is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

L-evalwazzjoni fuq is-sit turi li, flimkien ma' nuqqas ġenerali ta' taħriġ, hemm problemi kbar ta' komunikazzjoni u komprensjoni, li jmorru għall-agħar meta ħaddiema migranti jkunu qed jaħdmu fuq is-sit. Il-programmi ta' taħriġ tat-tip tas-‘Safe Pass’[12] jista' jservi ta' eżempju li wieħed jista' jsegwi. Il-fatt li jkun hemm ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq is-sit jista' jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-ħaddiema ta' sikwit iħarsu lejn l-ispezzjonijiet fuq is-sit bħala parti mid-dmirijiet tal-koordinaturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu ta' tagħmir personali protettiv. |

Il-ħaddiema għal rashom

In-numru ta' ħaddiema għal rashom fuq is-siti qiegħed dejjem jiżdied fl-Istati Membri kollha b'riżultat ta' xejra li qed tikber lejn is-sotto-kuntrattar. Din is-sitwazzjoni hija indirizzata fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/57/KEE, li titlob li l-ħaddiema għal rashom fuq is-siti jirrispettaw ċerti obbligi u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-koordinaturi.

Ħaddiema għal rashom impenjati fir-rinnovazzjoni għall-Iżviluppaturi privati qed joħolqu problema prinċipali minħabba li dawn huma persuni li qed jipprovdu s-servizz, u mhux sotto-kuntratturi; dawn is-soltu jaħdmu mingħajr l-ebda superviżjoni teknika u ta' sikwit lanqas biss ikunu familjari mal-leġiżlazzjoni.

L-awtoritjiet kompetenti għandhom joħolqu kampanji speċifiċi ta' żieda fl-għarfien li jimmiraw lejn il-ħaddiema għal rashom. L-Iżviluppaturi jew kumpaniji li jikru lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom iridu jassumu r-responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u għall-impatt tal-azzjonijiet tagħhom fuq ħaddiema oħra. |

Is-servizzi ta' ħarsien

B'mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni l-ġdida inkoraġġiet żieda fl-għadd ta' konsulenti għas-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol, iżda dawn huma involuti biss fil-fażi tal-eżekuzzjoni tal-proġett, mhux fil-fażijiet tat-tfassil u tat-tħejjija.

F'xi wħud mill-Istati Membri, is-servizzi ta' ħarsien kienu attivi ħafna f'li jipprovdu t-taħriġ u t-tagħrif, b'mod partikolari għall-koordinaturi u għall-Iżviluppaturi. Madankollu, huma jistqarru li ma għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jintervjenu fl-istadju tat-tfassil.

Is-servizzi ta' ħarsien għandhom jingħataw rwol aktar attiv fit-taħriġ u t-tagħrif fuq is-sit ta' kostruzzjoni għall-ħaddiema.

5.1. Dokumenti meħtieġa: prevenzjoni ta' veru jew burokrazija biss?

Waħda mill-kritiki ewlenin immirati lejn id-Direttiva 92/57/KEE hija ż-żieda fil-piż amministrattiv u l-ispejjeż sproporzjonati li dan jinvolvi għall-intrapriżi, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

Id-Direttiva tistipula tliet tipi ta' dokumenti mfassla biex iqisu bis-sħiħ il-kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà fil-fażijiet kollha tal-kostruzzjoni: mit-tfassil għall-eżekuzzjoni, matul l-użu u l-manutenzjoni, matul ir-rinnovazzjoni u l-immontar u, fejn xieraq, sat-twaqqigħ.

In-notifika minn qabel

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57/KEE, f'ċerti każijiet għandha titfassal notifika minn qabel mill-iżviluppatur jew mis-sorveljatur li tagħti tagħrif amministrattiv dwar is-sit ta' kostruzzjoni tal-proġett u tiġi esposta fuq is-sit ta' kostruzzjoni. Fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, din in-notifika għandha tingħata lill-awtoritjiet kompetenti minn qabel fil-limitu ta' żmien stipulat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa ta' sikwit il-koordinatur, li jinħatar meta l-proġett ikun diġà wasal fi stadju avvanzat, li jħeġġeġ lill-iżviluppatur biex jikkonforma ma' dan ir-rekwiżit.

Il-mod kif din in-notifika minn qabel titfassal u tintbagħat lill-awtoritjiet kompetenti huwa differenti minn Stat Membru għal ieħor. Ta' sikwit, huwa l-koordinatur li jagħmel dan ix-xogħol anki jekk id-Direttiva tistipula li dan huwa xogħol l-iżviluppatur jew is-sorveljatur tal-proġett.

Skont id-Direttiva, in-notifika minn qabel hija maħsuba biex tagħti tagħrif basiku li jidentifika s-sit ta' kostruzzjoni u l-atturi ewlenin, flimkien ma' l-għadd ta' ħaddiema, intrapriżi u persuni li jaħdmu għal rashom fuq is-sit, iżda din hija meħtieġa biss għal ċerti kategoriji ta' siti. Mill-angolu tal-ħarsien, dan id-dokument jiġbed l-attenzjoni tal-iżviluppatur u/jew tas-sorveljatur tal-proġett lejn id-dmirijiet tagħhom u jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw li dawn id-dmirijiet qed jitwettqu mill-istadju tat-tfassil 'il quddiem, qabel ma jinbeda x-xogħol.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jeħtieġu sistematikament notifika minn qabel, għalkemm skont id-Direttiva din hija biss meħtieġa għal ċerti siti. Biex tonqos il-burokrazija, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jgħaqqdu n-notifika minn qabel ma' proċeduri amministrattivi oħra, bħall-għoti ta' permess ta' kostruzzjoni. |

Il-pjan għas-sigurtà u s-saħħa

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/57/KEE jistipula li l-iżviluppatur jew is-sorveljatur tal-proġett jiżgura li jitfassal pjan għas-sigurtà u s-saħħa qabel ma jitwaqqaf is-sit ta' kostruzzjoni. Huwa l-koordinatur li jfassal il-pjan, waqt li jispeċifika r-regoli li japplikaw fuq is-sit.

L-evalwazzjoni turi li l-pjanijiet ivarjaw fil-kwalità minn dawk eċċellenti għal dawk bilkemm aċċettabbli. F'xi każijiet, il-koordinatur għall-istadju ta' tħejjija jistieden lill-koordinatur għall-istadju ta' eżekuzzjoni biex jgħin fid-definizzjoni ta' miżuri ta' ħarsien li għandhom jiġu applikati. Il-pjan għas-sigurtà u s-saħħa għandu jkopri metodi siguri ta' ħidma li għandhom jintużaw fuq is-sit tal-kostruzzjoni u għandu jkun aġġornat jekk meħtieġ. Dan hu b'mod speċjali importanti jekk ammont kbir ta' xogħol ikun qed jiġi sotto-kuntrattat.

Il-pjan huwa ta' sikwit imsejjes fuq dokumenti standard, b'mod partikolari fil-każi ta' siti żgħar u intrapriżi żgħar, u għalhekk isir formalità amministrattiva aktar milli wieħed li jirrifletti miżuri speċifiċi meħtieġa għal sit partikolari. F'każijiet oħra, mhuwiex aktar minn lista ta' prattika ġenerali tajba ta' ħarsien, indipendentement mis-sit.

L-intrapriżi li jadottaw din l-attitudni jargumentaw li sit ta' kostruzzjoni jinbidel il-ħin kollu u dan ma jiġġustifikax ippjanar iddettaljat ħafna billi dan malajr jista' ma jibqax jgħodd.

Madankollu, għadd kbir ta' inċidenti fis-settur iseħħu minħabba f'ippjanar fqir u nuqqas ta' previżjoni. Dan japprova li l-pjan għas-sigurtà u s-saħħa mhuwiex biss rekwiżit burokratiku iżda huwa kruċjali biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta' xogħol, fejn il-pjan jevolvi f'konformità ma' bidliet fil-qagħda tas-sit ta' kostruzzjoni.

Barra minn hekk, fil-prattika, l-Istati Membri rari użaw il-possibilità mogħtija mid-Direttiva għall-eżenzjoni tal-intrapriżi mit-tfassil ta' pjan ta' sigurtà u saħħa, għalkemm din hija għażla fil-każijiet kollha għajr dawk speċifikati fid-Direttiva (xogħol i jinvolvi riskji partikolari u xogħol li għalih teħtieġ notifika minn qabel). Dan huwa aktar impressjonanti billi m'hemm l-ebda għarfien ta' jew referenza għal din il-possibilità meta l-piżijiet amministrattiva tad-Direttiva jiġu diskussi.

Biex jitħaffu l-ħidmiet tal-Iżviluppaturi u s-sorveljaturi tal-proġetti, gwida li ma torbotx għandha tkopri l-aspetti varji tal-pjan għas-sigurtà u s-saħħa u l-possibilitajiet mogħtija mid-Direttiva għall-eżenzjoni ta' intrapriżi mill-obbligu li jfasslu ċerti dokumenti fil-każijiet fejn ir-riskji ma jiġġustifikawx dan. |

Il-fajl għas-sigurtà u s-saħħa

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva, il-koordinatur tal-proġett għandu jħejji fajl li jkun fih tagħrif rilevanti dwar is-sigurtà u s-saħħa li għandu jitqies matul kwalunkwe xogħol sussegwenti fuq il-proġett. Huwa każ rari li dan jitressaq fi tmiem il-fażi tat-tfassil. Ta' sikwit huwa l-koordinatur għall-istadju tal-eżekuzzjoni li jfasslu u li jagħtih lill-iżviluppatur meta x-xogħol ikun tlesta.

Dan il-fajl ta' spiss jiġi mfixkel mal-pjan għas-sigurtà u s-saħħa, u x'aktarx li jitfassal bħala operazzjoni ta' rutina. Fil-każ ta' siti żgħar, madankollu, il-fajl għas-sigurtà u s-saħħa għandu jkun jixraq mat-tip ta' proġett, għandu jinżamm sempliċi u jkun fih biss tagħrif rilevanti dwar is-sigurtà u s-saħħa meħtieġ għall-użu sussegwenti. Id-Direttiva tippermetti b'mod espliċitu li l-kontenut tal-fajl jiġi mibdul biex ikun adattat għall-proġett.

Xi atturi jħarsu lejn il-pjan għas-sigurtà u s-saħħa u l-fajl għas-sigurtà u s-saħħa bħala formalitajiet amministrattivi li ma jżidu l-ebda valur għas-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit ta' kostruzzjoni. Huwa ċara li l-għan u l-importanza tal-fajl għas-sigurtà u s-saħħa biex jipprevjeni r-riskji ta' fuq ix-xogħol matul ħidma sussegwenti mhux qed jinftiehem kif suppost. Għal siti żgħar, id-dokumenti huma ta' sikwit kopji ta' mudelli standard li ma jirriflettux il-kundizzjonijiet attwali fuq is-sit u ma jżidu l-ebda valur fir-rigward tat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' fuq ix-xogħol. Gwida li ma torbotx għandha tindirizza din il-problema bl-għan li tħaffef il-piż amministrattiv tal-intrapriżi mingħajr ma tnaqqas il-ħarsien, u li ttejjeb l-impenn lejn u s-sjieda tad-dokumenti tas-saħħa u s-sigurtà. |

5.2. Ir-responsabbiltà tad-diversi atturi fuq is-sit

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/57/KEE jistipula r-responsabbiltajiet tal-Iżviluppaturi, tas-sorveljaturi tal-proġetti u ta' min iħaddem.

F'xi każijiet, il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva ma jiddeskrivux b'mod ċar l-impenji u r-responsabbiltajiet tal-Iżviluppaturi, tas-sorveljaturi tal-proġetti u ta' min iħaddem. Fil-prattika, dan ifisser li kull attur jinterpreta r-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha b'mod suġġettiv, u l-ħidmiet u r-responsabbiltajiet jistgħu għalhekk jiġu ddelegati minn attur wieħed għal ieħor: min ifassal jgħaddi r-responsabbiltajiet tiegħu lill-intrapriżi, li mbagħad jgħadduhom lis-sotto-kuntratturi; il-koordinatur fil-fażi ta' tħejjija jirtira hekk kif il-pjanijiet u l-ispeċifikazzjonijiet ikunu tlestew, anki jekk it-tfassil dettaljat ikun għadu ma tħejjiex.

Evalwazzjoni fuq is-sit turi li l-Iżviluppaturi ta' sikwit jaħsbu li jistgħu jiddelegaw ir-responsabbiltà fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol lill-perit jew lis-sorveljatur tal-proġett. Dan mhuwiex permess fl-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni tistipula li l-iżviluppatur u mhux is-sorveljatur tal-proġett huwa responsabbli għall-prevenzjoni. L-iżviluppaturi għadhom jemmnu li s-sorveljaturi tal-proġetti biss huma responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fis-sit. Dan il-fenomenu huwa b'mod partikolari mifrux fuq siti żgħar privati.

5.3. L-infurzar

L-infurzar ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 92/57/KEE huwa ġeneralment ir-responsabbiltà tal-ispettorati tax-xogħol fl-Istati Membri.

Fl-2001, il-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC) iddeċieda li jwettaq kampanja ta' infurzar mifruxa mal-UE kollha fis-settur tal-kostruzzjoni. L-ewwel kampanja saret fl-2003 f'dawk li kienu l-15-il-Stat Membru. Kienet kampanja ta' spezzjoni u ta' tagħrif dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/57/KEE, b'enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni ta' waqgħat mill-għoli. Il-kampanja ta' spezzjoni tal-2003 irrepetiet ruħha fl-2004 u twessgħet biex tinkludi t-trasport fuq il-post tax-xogħol, oġġetti li jaqgħu u l-irfigħ.

Ir-riżultati tal-kampanja tal-2003 indikat li, fir-rigward tal-koordinazzjoni, tal-pjan ta' sigurtà u saħħa, tan-notifika minn qabel u tal-fajl tal-proġett, hemm korrelazzjoni pożittiva bejn id-daqs tas-sit u l-ammont ta' konformità mad-Direttiva, b'siti kbar (ta' 'l fuq minn 50 ħaddiem) jiksbu punti ferm aħjar minn siti żgħar. Għalkemm is-siti kbar huma aktar siguri minn dawk żgħar fil-prattika, l-ammont ta' konformità xorta għadu mhux sodisfaċenti (20-30 % tas-siti l-kbar mhumiex konformi, kontra 40-50 % tas-siti ż-żgħar).

Ir-riżultati tal-kampanja tal-2004 ma kinux aħjar. Għall-kuntrarju, hemm evidenza li l-qagħda fis-siti ż-żgħar għandha mnejn marret kemxejn għall-agħar, li tikkonferma l-konklużjoni tal-2003 li huwa kruċjali għas-settur tal-kostruzzjoni li jagħti attenzjoni akbar fi kwistjonijet ta' sigurtà u saħħa u fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

6. AZZJONI FIL-QASAM: L-IMPLIMENTAZZJONI PRATTIKA TAD-DIRETTIVA 92/58/KEE

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-atturi huma familjari mas-sinjali dwar is-sigurtà u s-saħħa, billi dawn diġà kienu qed jintużaw għall-adozzjoni tad-Direttiva 92/58/KEE. Kien hemm ftit li xejn bidliet fil-forma, fil-logos, fil-kuluri, eċċ., tas-sinjali li kienu jintużaw qabel, l-unika eċċezzjoni kienet ta' dawk li jindikaw il-post tal-ħruġ ta' emerġenzi fil-każ ta' nar.

Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, min iħaddem jitlob parir qabel isir ix-xiri ta' ċerti tipi ta' sinjali. Ġeneralment, huma jistaqsu dwar it-tip ta' sinjali li għandhom jintużaw u l-aħjar post fejn dawn għandhom jitqiegħdu.

Filwaqt li l-intrapriżi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu konxji sew mill-leġiżlazzjoni, ma kinux dejjem konformi magħha minħabba fl-assunzjoni ġenerali li l-leġiżlazzjoni kienet marġinali u supplementari.

Bħala regola, l-intrapriżi kienu aktar familjari mas-sinjali ta' nar u ta' evakwazzjoni, billi dawn huma r-riskji l-aktar enfasizzati mill-awtoritajiet kompetenti u mill-kumpaniji tal-assikurazzjoni. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-intrapriżi kienu jafu li għandhom ipoġġu s-sinjali għar-riskji, l-intrapriżi ż-żgħar kienu inqas mgħarrfa mill-intrapriżi l-kbar, u f'xi setturi, (eż. ażjendi agrikoli, restoranti u lukandi, siti ta' kostruzzjoni), il-konformità ma kinitx daqshekk mifruxa. Ir-riskji marbuta direttament mal-attività ewlenija tal-intrapriża (pereżempju, riskji kimiċi fil-kumpaniji tal-kimika) huma mmarkati aktar minn riskji oħra (bħal dawk tat-traffiku fit-toroq jew tat-trasportazzjoni ta' tagħbijiet tqal). |

Il-leġiżlazzjoni hija applikata b'mod aktar konsistenti f'intrapriżi ġodda milli f'dawk aktar antiki . Madankollu, anki f'każijiet fejn il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-sinjali qed tiġi rispettata, jiġu nnutati ħafna nuqqasijiet fil-prattika. Ta' sikwit is-sinjali mhumiex imġedda.

Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' konformità jistgħu jkunu serji ħafna. Nuqqas ta' sinjali li jindikaw vetturi fuq il-post tax-xogħol, tagħbija mdendla, drenaġġi miftuħa, riskji tal-elettriku, eċċ. ta' sikwit jistgħu jkunu l-kawża ta' inċidenti serji. |

It-taħriġ speċifiku dwar it-tifsir tas-sinjali u tagħrif ieħor viżwali għall-ħaddiema ma jidhirx li huwa disponibbli b'mod ġenerali fil-maġġoranza tal-Istati Membri. F'bosta każijiet il-ħaddiema jirċievu taħriġ ġenerali u tagħrif dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u saħħa, b'parti żgħira wisq iddedikata għas-sinjali. Il-każ speċifiku ta' ħaddiema migranti jeħtieġ li jiġi studjat, biex jiġi stabbilit il-limitu safejn dawn jifhmu s-sinjali.

Ċerti problemi jinqalgħu ukoll fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sinjali tal-‘Ħruġ ta' emerġenza’ u tat-‘Telefon għas-salvataġġ u għall-ewwel għajnuna’, meta mqabbla ma' sinjali ta' ‘Tagħmir tat-tifi tan-nar’ u tat-‘Telefon f'każ ta' nar’. L-unika differenza bejn dawn iż-żewġ gruppi ta' sinjali hija l-kulur tal-isfond.

7. EVALWAZZJONI ġENERALI

7.1. L-effetti ewlenin pożittivi taż-żewġ Direttivi

Id-Direttiva 92/57/KEE

Fir-rapporti tagħhom nazzjonali l-Istati Membri jindikaw li d-Direttiva ta' implimentazzjoni 92/57/KEE qajmet l-għarfien dwar kwistjonijiet ta' sigurtà ta' saħħa fuq skala kbira u ġegħelithom jaġġornaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri jħarsu lejn l-adozzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni l-ġdida bħala indispensabbli, żvilupp pożittiv, utli, rilevanti, ġġustifikat u sodisfaċenti.

Id-Direttiva 92/57/KEE kienet ta' benefiċċju kbir fir-rigward tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-siti ta' kostruzzjoni. B'mod partikolari, hija tagħat spinta lill-kultura ta' prevenzjoni f'dan il-qasam, li huwa ‘punt iswed’ fl-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol. Ħafna Stati Membri jgħidu li l-kwalità ta' faċilitajiet fuq is-siti tjiebet b'mod konsiderevoli (iġjene, postijiet fejn isir it-taħriġ, canteens, faċilitajiet sanitarji u uffiċċji) u li d-Direttiva tejbet id-djalogu u l-komunikazzjoni bejn id-diversi atturi fuq is-siti fi stadji differenti.

L-innovazzjoni ewlenija tad-Direttiva, li qed titqies bħala pass 'il quddiem mil-lati kollha, hija li żżomm l-atturi kollha, u prinċipalment l-iżviluppaturi, risponsabbli. L-introduzzjoni tal-koordinazzjoni fl-istadji ta' tħejjija u tal-eżekuzzjoni titqies ukoll bħala benefiċjali ħafna, kif ukoll l-obbligu li jitfassal pjan ta' sigurtà u saħħa u fajl dwar is-sigurtà u s-saħħa.

Skont xi wħud mill-Istati Membri, l-intrapriżi qegħdin dejjem aktar jirrikonoxxu r-rilevanza tal-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Il-miżuri tas-sigurtà u s-saħħa ma għadhomx aktar jitqiesu bħala spejjeż biss, iżda wkoll bħala benefiċċji ekonomiċi, billi dawn jistgħu jnaqqsu l-assenzi u fl-aħħar mill-aħħar iżidu l-produttività.

Id-Direttiva 92/58/KEE

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ddefinixxiet is-sinjali f'termini prattiċi u eżawrjenti, waqt li ppermettiet li s-sinjali li jintużaw fuq il-postijiet tax-xogħol jiġu armonizzati madwar l-Istati Membri kollha. Il-fatt li d-Direttiva inkludiet u rregolat sinjali oħra barra dawk viżwali – bħas-sinjali luminużi, tal-akustika, u sinjali verbali u bl-idejn – intlaqa' b'approvazzjoni.

Ir-rapporti nazzjonali juru li d-Direttiva pprovdiet l-opportunità li ġġedded u żżid mal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti. Hija għenet biex tirrendi l-leġiżlazzjoni nazzjonali konsistenti u biex tintroduċi sensiela koerenti ta' dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u s-saħħa fl-UE.

7.2. Il-problemi ewlenin tal-implimentazzjoni

Id-Direttiva 92/57/KEE

Il-problemi ewlenin rappurtati mill-Istati Membri ġejjin mill-ħtieġa li jitfassal pjan ta' sigurtà u saħħa u li jinħatru koordinaturi minn kmieni sa mill-istadju ta' tħejjija tal-proġett.

Fil-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-iżviluppatur huwa responsabbli għall-politika ta' prevenzjoni. L-iżviluppaturi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fit-twettiq tar-resonsabbiltajiet tagħhom li qed jiżdiedu. Il-ħatra ta' koordinaturi għadha mhijiex sodisfaċenti jew qed tasal tard fl-istadju ta' tħejjija, billi din ukoll titqies bħala piż amministrattiv.

Jekk il-pjan tas-sigurtà u s-saħħa għadu ma tfassalx jew jekk il-koordinatur għadu ma nħatarx qabel l-istadju ta' eżekuzzjoni tal-proġett, l-obbligu li l-prinċipji ta' prevenzjoni jiġu inkorporati fit-tħejjija tal-proġett għadu ma twettaqx. Barra minn hekk, id-diversi dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-pjan tas-sigurtà u s-saħħa huma vagi u ġenerali wisq biex jippermettu lill-dawk responsabbli li jkunu jafu x'għandhom jinkludu fil-pjan. L-ispettorati tax-xogħol żvelaw problema oħra serja, notevolment li xi intrapriżi jistrieħu fuq mudelli standard ta' pjanijiet ta' sigurtà li ma jippermettux l-ispezzjoni tal-kundizzjonijet speċifiċi ta' xogħol fuq sit speċifiku. L-Istati Membri jirrappurtaw li l-intrapriżi ma jaslux biex jifhmu r-rwol li l-fajl tas-sigurtà u s-saħħa għandu fis-sistema ta' prevenzjoni.

Problema oħra msemmija hija dik tar-rata baxxa ta' parteċipazzjoni ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni fil-prevenzjoni tar-riskji fil-post tax-xogħol permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Instab li hemm nuqqas ta' taħriġ għall-ħaddiema, għas-sotto-kuntratturi, għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju. Barra minn hekk, l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju jbatu minn eċċess ta' burokrazija u nuqqas ta' flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Fl-aħħar, f'bosta Stati Membri l-kompetenzi tal-koordinatur mhumiex definiti mil-leġiżlazzjoni. Dan joħloq sitwazzjonijiet fejn il-koordinazzjoni ma tistax tkun effettiva billi dawk li jassumu r-rwol ma għandhomx l-għarfien meħtieġ.

Id-Direttiva 92/58/KEE

Ir-rapporti tal-Istati Membri u l-valutazzjoni tal-esperti jindikaw li l-problema ewlenija ġejja minn nuqqas ta' taħriġ għall-ħaddiema. F'bosta każijiet il-ħaddiema jirċievu taħriġ ġenerali dwar is-saħħa u s-sigurtà, b'parti żgħira wisq iddedikata għas-sinjali. F'termini aktar ġenerali, in-nuqqas ta' interess li juru l-intrapriżi u l-amministraturi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ġie wkoll definit bħala problema.

8. SUġġERIMENTI GħAL TITJIB

Id-Direttiva 92/57/KEE

Xi Stati Membri jgħidu li huwa diffiċli li tapplika d-Direttiva billi t-termini tagħha huma ġenerali ħafna. Xi wħud staqsew lill-Kummissjoni biex tħejji tagħrif li ma jorbotx li jindirizza mistoqsijiet u dubji possibbli, li jista' jgħin fl-implimentazzjoni.

B'mod ġenerali, ir-rapporti nazzjonali juru li t-tħassib ewlieni tal-Istati Membri huwa n-nuqqas fl-iżvilupp ta' koordinazzjoni tas-sigurtà fl-istadju tat-tħejjija. Xi wħud għalhekk jixtiequ li l-Kummissjoni tkopri l-koordinazzjoni fl-istadju tat-tħejjija bi strumenti li ma jorbtux.

Oħrajn jixtiequ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tiċċara l-interazzjoni bejn il-koordinatur tal-proġett, dawk li jfasslu l-proġetti u l-iżviluppatur, u bejn il-koordinatur tal-proġett, is-sorveljaturi tal-proġett, dawk li jaħdmu għal rashom u l-iżviluppatur.

Id-Direttiva 92/58/KEE

Saru għadd ta' suġġerimenti biex titjieb il-leġiżlazzjoni jew il-mod ta' kif din tiġi applikata.

Wieħed mis-suġġeriment għat-titjib tal-leġiżlazzjoni kien li jiġi inkluż għall-ħaddiema taħriġ bażiku obbligatorju dwar is-sinjali ta' sigurtà, għalkemm it-taħriġ ipprovdut ikollu jkun proporzjonat mar-riskji involuti. Suġġeriment ieħor kien ir-reviżjoni tar-regoli dwar is-sinjali bl-idejn, biex titjieb l-implimentazzjoni. Għandhom isiru sforzi biex jarmonizzaw id-Direttiva ma' standards internazzjonali.

9. L-EVALWAZZJONI DWAR L-EFFIKAċJA TAL-LEġIżLAZZJONI

Id-Direttiva 92/57/KEE

Huwa diffiċli ħafna li wieħed juri b'mod oġġettiv ir-rabta bejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva u t-titjib tas-sitwazzjoni fir-rigward ta' tnaqqis ta' inċidenti fuq ix-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni.

It-tkabbir tas-settur tal-kostruzzjoni mindu d-Direttiva daħlet fis-seħħ; l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda; il-kumplessità tal-introduzzjoni ta' sistema ta' ħarsien fuq is-sit u l-multipliċità tal-atturi; il-varjazzjonijiet skont l-istaġuni; u l-mod kif id-Direttiva fiha xi dispożizzjonijiet ġodda u oħrajn li huma mnaqqxa fir-regolamenti nazzjonali eżistenti kollha jikkumplikaw evalwazzjoni tal-effikaċja tagħha.

Is-settur tal-kostruzzjoni jissokta bl-ifqar rekords fir-rigward tal-inċidenti fil-post tax-xogħol meta mqabbla ma' setturi oħra ta' attività ekonomika. Filwaqt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva wasslet għal waqgħa fir-rati tal-inċidenti fis-settur tal-kostruzzjoni matul is-snin, it-tnaqqis għadu mhux kbir daqskemm mistenni.

(a) L-effetti fuq l-inċidenti fil-post tax-xogħol u fuq il-mard ikkaġunat mix-xogħol

L-istatistika Ewropea l-aktar reċenti disponibbli dwar l-inċidenti fil-post tax-xogħol fuq siti ta' kostruzzjoni fl-UE-15 hija għas-sena 2005. Mill-1996, ġie osservat titjib fir-rata ta' inċidenża[13] kemm fil-każ ta' inċidenti fatali (1996: 13.3; 2005: 8.8) kif ukoll fil-każ ta' inċidenti li jinvolvu aktar minn tlitt ijiem assenza mix-xogħol (1996: 8,023; 2005: 6,069). Madankollu, għandu jiġi nnutat li r-rata ta' inċidenti fatali fil-kostruzzjoni hija kważi 2.5 darbiet aktar mir-rata medja għall-attivitajiet kollha, inkluża l-kostruzzjoni, u r-rata ta' inċidenti li jinvolvu assenza mix-xogħol ta' aktar minn tlitt ijiem hija għolja d-doppju.

(b) L-impatt fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività

Il-parti l-kbira mill-Istati Membri ma jipprovdu l-ebda tagħrif dwar l-impatt li l-leġiżlazzjoni l-ġdida qed ikollha fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività. Bħala regola, dawn il-miżuri l-ġodda jidhru bħala benefiċjali f'xi Stati membri fir-rigward ta' produttività u kompetittività, b'mod partikolari fit-tul. Skont dawn l-Istati Membri, l-implimentazzjoni tad-Direttiva tinkoraġġixxi l-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, li b'mod loġiku jwasslu għal titjib fil-produttività billi jiżguraw li l-organizzazzjoni fix-xogħol hija ppjanata u riveduta.

Id-Direttiva 92/58/KEE

(a) L-effetti fuq l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u fuq il-mard ikkaġunat mix-xogħol

L-ebda dejta speċifika m'hi disponibbli dwar dan is-suġġett, billi l-istatistika ġeneralment ma tikkunsidrax l-inċidenti kkawżati minħabba nuqqas ta' sinjali. In-nuqqas ta' sinjali, b'mod partikolari, ma jitqiesx ġeneralment bħala fattur materjali f'inċident. Konsegwentement, in-nuqqas ta' sinjali mhuwiex inkluż fil-lista ta' aġenti materjali marbuta mal-istatistika tal-inċidenti. Hija għal din ir-raġuni li n-nuqqas ta' sinjali fir-rigward ta' sigurtà u saħħa ma jidhirx fl-istudji li twettqu biex jindikaw il-kawża tal-inċidenti fuq ix-xogħol.

(b) L-impatt fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività

L-Istati Membri sabuha diffiċli ħafna li jkejlu l-impatt tad-Direttiva fuq il-produttività, l-impjiegi u l-kompetittività. Stat Membru wieħed qal li, bħala strument ta' ġestjoni, id-Direttiva kkontribwiet għall-produttività; Stat Membru ieħor stqarr li din kellha effetti benefiċjarji fuq l-għadd ta' assenzi mix-xogħol minħabba mard u fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol b'mod ġenerali.

10. KONKLUżJONIJIET

Id-Direttiva 92/57/KEE

Filwaqt li l-rata ta' inċidenza u l-għadd ta' inċidenti fil-post tax-xogħol niżlu kemm fir-rigward tal-inċidenti fatali kif ukoll fir-rigward tal-inċidenti li jinvolvu nuqqas ta' aktar minn tlett ijiem mix-xogħol (li fiha nnifisha tagħti prova tal-impatt pożittiv tad-Direttiva fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-UE), iċ-ċifri għadhom mhumiex aċċettabbli: il-kostruzzjoni għadu s-settur fejn il-ħaddiema huma esposti għall-akbar riskji.

L-evalwazzjoni turi biċ-ċar, kif juru ċ-ċifri ta' hawn fuq, li t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-siti tal-kostruzzjoni jista' jintlaħaq biss jekk id-Direttiva 92/57/KEE tiġi implimentata b'mod aktar effettiv fil-prattika. Issa ma jidhirx li huwa l-waqt adattat li wieħed jidħol fi proċess li jemenda d-Direttiva mingħajr ma l-ewwel wieħed jieħu l-azzjoni alternattiva f'livell nazzjonali u/jew Ewropew biex id-Direttiva tkun tista' tieħu l-effett sħiħ tagħha, u biex tkun żgurata l-konformità magħha. Fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali għas-saħħa u s-sigurtà, l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni biex japplikaw id-Direttiva 92/57/KEE b'mod iżjed effettiv, l-ewwel nett permezz tal-ġeneralizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-oqfsa legali nazzjonali eżistenti filwaqt li jimxu fuq il-prinċipji ta' leġiżlazzjoni konsistenti u effettiva. L-eżerċizzju biex jonqos il-piż amministrattiv fl-Unjoni Ewropea[14], li fih il-Kummissjoni hija attwalment involuta, huwa kruċjali f'dan ir-rigward. Huwa jinkludi evalwazzjoni tad-Direttiva 92/57/KEE u għandu jkun kapaċi jidentifika piżijiet amministrattivi żejda kkawżati kemm mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-Istati Membri jaqblu kollha, u l-evalwazzjoni f'dan il-qasam jikkonferma dan, li jeħtieġu strumenti li ma jorbtux f'livell Ewropew u/jew nazzjonali biex jagħmluha eħfef li tiġi applikata d-Direttiva 92/57/KEE fil-prattika. Speċifikament, il-maġġoranza tal-Istati Membri jenfasizzaw il-problemi fil-fehma u t-tfassil tal-pjan tas-saħħa u s-sigurtà u fl-identifikazzjoni tal-persuni responsabbli li jagħmlu dan. Ir-rwol tal-fajl dwar is-sigurtà u s-saħħa jeħtieġ ukoll li jiġi spjegat.

B'mod ġenerali, l-Istati Membri jirrappurtaw problemi ġejjin min-nuqqas ta' tagħrif ċar dwar id-definizzjoni, ir-rwol, il-ħidmiet u l-kwalifiki tal-koordinaturi skont it-tip ta' proġett.

Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi, permezz tat-taħriġ u tat-tagħrif, biex l-għarfien tal-Iżviluppaturi jiżdied fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom u biex dawn ikunu konvinti li l-koordinazzjoni mhijiex spiża addizzjonali iżda mezz effettiv għat-tnaqqis tal-ispejjez matul il-proġett. Il-periti u l-inġiniera involuti fit-tfassil għandhom ukoll jingħataw taħriġ dwar il-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol, preferibbilment bħala parti mill-istudji universitarji tagħhom. Għandhom jiġu żviluppati r-rekwiżiti bażiċi tat-taħriġ għall-koordinaturi. Fl-aħħar nett, l-intrapriżi ż-żgħar u l-ħaddiema, speċjalment il-ħaddiema migranti u dawk għal rashom, għandhom ikunu mgħarrfa u mħarrġa kif xieraq fil-leġiżlazzjoni u r-responsabbiltajiet tagħhom.

Aspett kruċjali huwa l-infurzar tad-Direttiva b'mod ekwivalenti mal-UE kollha. Flimkien mal-iffukar fuq il-fażi tal-eżekuzzjoni tal-kostruzzjoni, l-infurzar għandu jagħti aktar kas li jiżgura li l-Iżviluppaturi u dawk li jfasslu jaqblu mal-obbligi tagħhom fl-istadju tat-tfassil. Is-siti għandhom jiġu spezzjonati aktar ta' spiss, u l-pjanijiet ta' sigurtà u ta' saħħa u l-fajl dwar is-sigurtà u s-saħħa għandhom ukoll jiġu vverifikati kemm għall-forma kif ukoll għas-sustanza tagħhom. Għandhom jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u disswasivi kemm fuq l-Iżviluppaturi kif ukoll fuq is-sorveljaturi tal-proġetti fejn huma jonqsu milli jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. F'dan il-kuntest, l-SLIC għandu rwol fundamentali u għandu jindirizza s-sitwazzjoni partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni bħala prijorità fil-ħidma futura tagħha.

Fil-qosor, l-azzjoni segwenti jeħtieġ li tiġi żviluppata jew f'livell nazzjonali jew f'dak tal-UE:

- it-tfassil ta' strumenti li ma jorbtux (linji ta' gwida);

- l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet speċifiċi ta' sigurtà u saħħa fil-programmi tal-iskola vokazzjonali u tal-edukazzjoni terzjarja f'livell nazzjonali għal professjonisti li għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tad-direttiva;

- l-introduzzjoni ta' rekwiżiti tal-kompetenza nazzjonali għall-koordinaturi;

- l-inkorporazzjoni sistematika ta' miżuri ta' ħarsien marbuta mas-suġġett tal-kuntratt fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sejħa għall-offerti fil-klawżoli ta' prestazzjoni fil-kuntratt u fit-treġija tal-kwalità tal-kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti;

- it-titjib tal-edukazzjoni t-taħriġ għall-ħaddiema u l-komunikazzjoni li għandha ssir magħhom tul il-programmi ta' taħriġ (bħala pereżempju s-'Safe Pass');

- l-organizzazzjoni ta' kampanji nazzjonali għaż-żieda fl-għarfien immirati lejn il-ħaddiema għal rashom;

- il-kombinazzjoni tat-tħejjija tan-notifika minn qabel ma' proċeduri amministrattivi nazzjonali oħra rilevanti (bħall-applikazzjoni għall-permess tal-kostruzzjoni);

- l-ispezzjoni tas-siti aktar ta' sikwit;

- l-introduzzjoni ta' pieni effettivi, proporzjonali u disswasivi.

Il-kostruzzjoni tibqa' settur partikolarment perikoluż li jeħtieġ sforz akbar mill-atturi kollha jekk l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/57/KEE għandha titjieb b'mod sinifikanti. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal dan l-għan, inter alia billi tfassal gwida prattika, li ma torbotx biex tiċċara ċerti kunċetti ewlenin u biex tgħin lill-atturi kollha jwettqu l-obbligi tagħhom.

Id-Direttiva 92/58/KEE

L-Istati Membri kollha jemmnu li d-Direttiva 92/58/KEE kellha impatt pożittiv ħafna fir-rigward tal-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u tal-partijiet terzi. Hija ppermettiet li s-sitwazzjonijiet ta' riskji jiġu identifikati b'mod ċar, indipendentement mill-għarfien tal-lingwa, u tat kontribut deċiżiv biex timplimenta prinċipju ewlieni fil-liġi Komunitarja: il-moviment liberu tal-ħaddiema.

Id-Direttiva se tiġi affettwata bl-introduzzjoni tas-Sistema Globali ta' Armonizzazzjoni tal-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki (GHS) – li temenda l-kriterji, ir-rappreżentazzjoni bl-istampi u s-simboli għat-tossiċità, il-fjammabilità u riskji oħra kimiċi – u għalhekk se jkollha tiġi aġġornata.

[1] Fil-komunikazzjoni Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq il-post tax-xogħol : Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fil-post tax-xogħol , COM(2007) 62 finali, 21.2.2007.

[2] Mibgħut lill-Kummissjoni skont l-Artkoli 14 u 11 taż-żewġ Direttivi. Dawk l-Artikoli tħassru sussegwentement bid-Direttiva 2007/30/KE.

[3] ĠU L 245, 26.8.1992, p. 6.

[4] ĠU L 245, 26.8.1992, p. 23.

[5] Żewġ Stati Membri, li kellhom ħeġġa kbira li jiżguraw li d-Direttiva kienet evalwata oġġettivament, użaw stħarriġ/studju li sar minn konsulenti esterni indipendenti; fi kważi l-Istati Membri kollha l-imsieħba soċjali kellhom rwol importanti ħafna fit-tfassil tar-rapport.

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fix-Xogħol (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1). Kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1112/2005 (ĠU L 184, 15.7.2005, p. 5).

[7] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 1995 li stabbiliet Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (ĠU L 188, 9.8.1995, p. 11).

[8] Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri r-rappreżentanti kollha tas-settur tal-kostruzzjoni (l-imsieħba soċjali, il-periti, l-iżviluppaturi, is-sorveljaturi tal-proġett, eċċ.) ġew ikkonsultati minn qabel u mogħtija l-opportunità li jieħdu sehem fit-traspożizzjoni tad-Direttiva.

[9] Ara l-paragrafu 17 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-84/94 Ir-Renju Unit v. il-Kunsill [1996] ECR I-5755

[10] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1).

[11] Sors : Dejta tal-Eurostat ESAW 2005.

[12] Is-Safe Pass tal-Programm dwar l-Għarfien tas-Saħħa u s-Sigurtà huwa programm ta' jum wieħed immexxi mill-awtorità tat-taħriġ u l-impjiegi tal-Irlanda. Is-Safe Pass jimmira li jiżgura li l-ħaddiema kollha tal-kostruzzjoni fl-Irlanda jkollhom tagħrif bażiku dwar is-saħħa u s-sigurtà, biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq is-siti ta' kostruzzjoni mingħajr ma jkunu ta' riskju għalihom infushom jew għal oħrajn li jistgħu jiġu affettwati mill-azzjonijiet tagħhom.

[13] Ir-rata tal-inċidenza ddefinita permezz tal-metodoloġija ESAW hija l-għadd ta' inċidenti fuq ix-xogħol għal kull 100 000 ħaddiem li jinsabu fl-impjieg.

[14] COM(2007) 23 tal-24.1.2007, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni - Programm ta' azzjoni għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea (SEC(2007) 84) (SEC(2007) 85).

Top