Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52008DC0579

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar ir-riżultat tar-reviżjoni dwar it-tħaddim tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE

52008DC0579




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.9.2008

KUMM(2008) 579 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar ir-riżultat tar-reviżjoni dwar it-tħaddim tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE

{KUMM(2008) 580 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar ir-riżultat tar-reviżjoni dwar it-tħaddim tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)WERREJ

1. Daħla 3

2. Sfond 3

2.1. Ir-Regolament Attwali 3

2.2. Ħarsa ġenerali lejn is-suq 4

2.3. Żviluppi sa mill-adozzjoni tar-Regolament 5

2.4. Il-proċess ta’ konsultazzjoni 5

3. Reviżjoni 6

3.1. Il-kisba tal-għanijiet 6

3.2. Kwistjonijiet speċifiċi 7

3.3. Estensjoni tar-Regolament fl-ambitu u fiż-żmien 8

4. Konklużjoni 11

1. Daħla

It-tlestija tas-suq uniku u l-kisba tal-miri tal-Istrateġija ta’ Liżbona sabiex tagħmel lill-UE “l-ekonomija msjesa fuq l-għarfien l-iktar dinamika u kompetittiva fid-dinja” jibqgħu fil-qalba tal-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea. L-iffaċilitar tal-komunikazzjonijiet transkonfinali huwa element ewlieni sabiex jintlaħqu dawn il-miri. Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007/KE dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament”)[1], li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2007, huwa wkoll eżempju ewlieni tal-aġenda politika tal-Kummissjoni, “Ewropa ta’ riżultati”, li timmira biex tikseb benefiċċji għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa, billi tibni fuq il-kisbiet li ntlaħqu sal-lum mill-UE.

Ir-Regolament se jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2010 sakemm ma jiġix estiż mill-Parlament u l-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni. Għalhekk skont ir-Regolament, il-Kummissjoni kellha tirrevedi t-tħaddim tar-Regolament u tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2008[2]. Il-Kummissjoni hija inkarigata tevalwa jekk intlaħqux l-għanijiet tar-Regolament u biex tirrevedi l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-għoti ta' servizzi tal-vuċi u ta' komunikazzjoni ta' dejta lill-klijenti tar-roaming, inkluż l-SMS, u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-bżonn li tirregola dawk is-servizzi, jekk huwa xieraq, filwaqt li żżomm f’moħħha l-interessi tal-konsumaturi.

Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar r-riżultati tar-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tar-Regolament, tispjega t-tibdiliet ewlenin fil-politika li qed tipproponi biex timplimenta l-konklużjonijiet tagħha u hi akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva sabiex ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq. Id-dettalji u r-raġunar bażiku jinsabu fil-proposta leġiżlattiva u fil-Valutazzjoni tal-Impatt assoċjata. Bħal fil-każ tar-Regolament innifsu, il-bażi ġuridika għall-proposta l-ġdida hija l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE.

2. Sfond

2.1. Ir-Regolament Attwali

Il-karatteristiċi speċifiċi transkonfinali u l-istruttura tas-swieq tar-roaming intra-Komunitarji xekklu ħafna lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) meta ġew biex jittrattaw b’mod effettiv in-nuqqas ta' pressjonijiet kompetittivi u l-prezzijiet għoljin li rriżultaw mis-servizzi tar-roaming mifruxa mal-Komunità. Il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej (ERG), li twaqqaf biex jagħti pariri esperti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet regolatorji li għandhom dimensjoni ta' suq uniku, indunaw b'din il-problema u sejħu lill-Kummissjoni sabiex taġixxi f'livell Ewropew. Il-Kummissjoni adottat il-proposta għal Regolament dwar netwerks pubbliċi fi ħdan il-Komunità fit-12 ta’ Lulju 2006[3]. F’Ġunju 2007, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament li kkontribwixxa għat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern filwaqt li kiseb livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, issalvagwardja l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-mowbajl u ppriżerva kemm l-inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur.

Il-Kummissjoni issa lestiet ir-reviżjoni tagħha dwar it-tħaddim tar-Regolament imqabbel mal-għanijiet ewlenin tiegħu, li huma li jippromwovu l-kompetizzjoni, jikkonsolidaw is-suq uniku u jiżguraw li l-konsumaturi meta jaqsmu l-fruntieri ma jħallsux tariffi għoljin mhux iġġustifikati meta mqabbla ma' tariffi domestiċi.

Fir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet ukoll inkarigata biex tikkunsidra jekk ir-regolament dwar is-servizzi tal-SMS u tad-dejta kienx meħtieġ fid-dawl tal-iżviluppi wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

2.2. Ħarsa ġenerali lejn is-suq

Is-suq tal-UE għas-servizzi tar-roaming bil-mowbajl li jistgħu jinqasmu f’servizzi tal-vuċi, l-SMS u s-servizzi tad-dejta. Fl-2007 t-tliet oqsma flimkien kellhom dħul ta' EUR 6.54 biljuni[4]. Dan jikkorrispondi għal bejn wieħed u ieħor 4.7 % tas-suq totali tal-mowbajl fl-UE. Minkejja li f’dak li għandu x’jaqsam ma' dħul, is-servizzi tar-roaming huma inqas importanti għall-industrija tal-mowbajl mis-servizzi domestiċi, is-sehem tar-roaming fid-dħul globali tal-operatur xorta huwa sinifikanti u tipikament iktar attraenti minn servizzi oħra minn perspettiva ta' marġni tal-profitt.

F’dak li għandu x’jaqsam ma' dħul, fl-2007 s-servizzi tar-roaming tal-vuċi okkupaw 79.1 % tas-suq kollu tar-roaming filwaqt li l-bqija tas-suq kien okkupat mir-roaming tal-SMS u tad-dejta bi 12.3 % u 8.6 % rispettivament. It-tkabbir fis-suq tal-komunikazzjoni bil-vuċi u bl-SMS jirrifletti l-aktar il-maturità ta’ dawn l-oqsma tas-suq; it-tkabbir tas-servizzi tar-roaming tad-dejta huwa għaldaqstant dinamiku u għall-inqas konformi mat-tkabbir tas-servizzi mobbli domestiċi tad-dejta Għaldaqstant il-qasam tad-dejta se jegħleb dak tal-SMS sabiex isir it-tieni l-ikbar qasam fir-roaming fi żmien sena jew sentejn.

Filwaqt li l-prezzijiet tar-roaming tal-vuċi naqsu b’effett tar-Regolament, ma jidhirx li ġara l-istess f’dak li għandu x’jaqsam mar–roaming tal-SMS, minħabba li l-prezzijiet urew b'mod ġenerali ftit ċaqliq, fl-aħħar sena, minkejja l-pressjoni politika li saret fuq l-operaturi sabiex jaġixxu ħalli tkun evitata r-regolazzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tas-servizzi tar-roaming tad-dejta jibqgħu għoljin minkejja li l-prezzijiet fil-livell tal-ingrossa u tal-imnut urew xejra konsistenti 'l isfel. Hemm problema partikolari marbuta man-nuqqas ta' trasparenza fil-prezzijiet tar-roaming tad-dejta u x-“xokkijiet mill-kontijiet” li jirriżultaw minħabba f’hekk. Prezzijiet kompetittivi għar-roaming tad-dejta huma meħtieġa sabiex ineħħu l-ostakli għall-aċċess tas-servizzi tal-Internet permezz tal-mowbajl meta wieħed jaqsam il-fruntieri.

2.3. Żviluppi sa mill-adozzjoni tar-Regolament

Wara l-adozzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-ERG sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regolament. L-ERG beda eżerċizzju ta’ ġabra wiesgħa ta' dejta li hu l-bażi ta’ żewġ Rapporti ta’ Punti ta’ Referenza[5].

Il-Kummissjoni kkummissjonat ukoll studju minn konsulenti indipendenti dwar is-servizzi tar-roaming tad-dejta u dan kien ippubblikat fis-27 ta’ Ġunju 2008[6].

Il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, ġabret dejta mingħand aktar minn 120 operatur.

2.4. Il-proċess ta’ konsultazzjoni

Fis-7 ta’ Mejju 2008 l-Kummissjoni varat konsultazzjoni wiesgħa pubblika billi talbet kummenti dwar ir-reviżjoni tar-Regolament u l-estensjoni possibbli tiegħu għas-servizzi tar-roaming tal-SMS u tad-dejta. Tqajmu 39 mistoqsija dwar it-tħaddim ġenerali tar-Regolament kif ukoll kwistjonijiet speċifiċi bħal ir-roaming involontarju, l-effett fuq operaturi iżgħar u l-prezzijiet domestiċi u l-kwistjoni tal-minuti użati fir-realtà meta mqabbla ma’ dawk li ġew iċċarġjati. Intlaqgħu 45 reazzjoni: Ir-reazzjonijiet li ma kinux kunfidenzjali ġew ippubblikati[7].

Dawn ir-reazzjonijiet, inkluża r-reazzjoni tal-ERG, tqiesu waqt it-tħejjija ta’ din ir-reviżjoni.

Fir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika, kien hemm appoġġ qawwi favur l-opinjoni li r-regolament dwar is-telefonati ikun estiż lil hinn mid-data ta' skadenza tal-2010. L-ERG, NRAs individwali, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet tal-konsumatur sostnew li huma favur li jżommu kemm ir-regolament dwar is-servizzi bl-ingrossa kif ukoll dak dwar is-servizzi bl-imnut. Operaturi iżgħar ukoll qablu li ż-żmien tar-Regolament għandu jiġi estiż, għall-inqas fil-livell ta’ servizzi bl-ingrossa.

Kien hemm appoġġ simili favur ir-regolazzjoni tas-servizzi tar-roaming tal-SMS, b'mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas ta' ċaqliq fil-prezzijiet tas-servizzi bl-imnut. Filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-GSM u ħafna mill-operaturi tal-mowbajls kienu b’mod ġenerali kontra t-tkomplija tar-regolazzjoni dwar is-servizzi tar-roaming tal-vuċi u l-estensjoni tiegħu għar-roaming tad-dejta u tal-SMS, uħud mill-operaturi urew li huma favur ir-regolazzjoni tas-servizzi tal-SMS tar-roaming bl-ingrossa.

F’dak li għandhom x'jaqsmu s-servizzi tar-roaming, kien hemm kważi qbil totali dwar il-ħtieġa li jiġu evitati x-"xokkijiet mill-kontijiet" u kien hemm tħassib dwar il-prezzijiet għoljin.

3. Reviżjoni

Minbarra li evalwat il-miri tar-Regolament, u ddeċidiet dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tipproponi regolazzjoni għar-roaming tal-SMS u tad-dejta, il-Kummissjoni kienet ukoll imtelefonata tivvaluta jekk, fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq u fir-rigward kemm tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-protezzjoni tal-konsumatur, hemmx il-ħtieġa li jiġi estiż iż-żmien tar-Regolament jew li jiġi emendat, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-iżviluppi fit-tariffi għas-servizzi ta’ komunikazzjoni tal-vuċi u tad-dejta permezz tal-mowbajl f'livell nazzjonali u l-effetti ta’ dan ir-Regolament fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi iżgħar, indipendenti jew li għadhom jibdew. Ir-Regolament jistipula li jekk il-Kummissjoni ssib li teżisti din il-ħtieġa, għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.1. Il-kisba tal-għanijiet

Il-miri ppreżentati mir-Regolament kienu li jiġi introdott approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-klijenti li jużaw is-servizz tar-roaming fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi meta jagħmlu u jirċievu telefonati, b’hekk jikkontribwixxu għat-tħaddim bla xkiel tas-suq uniku filwaqt li jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-mowbajl u jippriżervaw kemm l-inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur.

L-implimentazzjoni u t-tranżizzjoni għall-“Eurotariffa” b’mod partikolari mxew bla xkiel, għajr għal xi ftit eċċezzjonijiet osservati mill-NRAs. Il-monitoraġġ tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni jindika li l-obbligi stipulati fir-Regolament qegħdin jiġu onorati u l-konsumaturi għandhom aċċess għal Eurotariffa li tiswa daqs jew inqas mill-prezzijiet massimi permessi mir-Regolament. Il-konsumaturi bbenefikaw minn tariffi tar-roaming irħas biex jagħmlu jew jirċievu telefonati. B’mod partikolari, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-prezz medju sabiex wieħed jagħmel telefonata kien ta’ EUR 0.7692 filwaqt li l-prezz għal telefonata li wieħed jirċievi meta juża s-servizz tar-roaming kien ta’ EUR 0.417. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament fisser li l-konsumaturi bbenefikaw minn rati aktar baxxi kemm biex jagħmlu kif ukoll biex jirċievu telefonati minħabba li l-limiti massimi tal-prezzijiet għall-Eurotariffa kienu stabbiliti għal EUR 0.49 (il-VAT eskluża) meta wieħed jagħmel telefonata u EUR 0.24 (il-VAT eskluża) meta wieħed jirċievi telefonata. Minn dakinhar ‘l hawn tnaqqsu għal EUR 0.46 (il-VAT eskluża) u EUR 0.22 (il-VAT eskluża) rispettivament.

Meta r-Regolament daħal fis-seħħ, 400 miljun konsumatur bbenefikaw mill-Eurotariffa, li saret it-tariffa regolari standard fl-UE. Il-konsumaturi jistgħu jgawdu wkoll minn offerti speċjali imma f’dan il-każ bħala medja huma jħallsu bejn wieħed u ieħor l-istess prezz għal kull minuta li jħallsu l-konsumaturi permezz tal-Eurotariffa. B'riżultat ta' dan, skont l-Eurotariffa l-konsumaturi jiffrankaw medja ta’ 36.4 % meta jagħmlu telefonati u 42.9 % meta jirċievu telefonati meta mqabbla mal-prezzijiet għas-servizzi tar-roaming fl-UE li ppredominaw fil-bidu tas-sena 2007.

Ir-Regolament kien ukoll ta’suċċess minħabba li tejjeb it-trasparenza għall-konsumaturi minkejja l-fatt li għadd żgħir ta’ operaturi ma kinux kapaċi jsolvu problemi tekniċi marbuta mad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza fil-ħin. Il-maġġornaza tal-operaturi, madankollu, irrispettaw il-ħin u fejn l-operaturi kellhom diffikultajiet bl-implimentazzjoni, l-NRAs immonitorjaw is-sitwazzjoni sabiex jiżguraw li tittieħed azzjoni ta’ rimedju fil-ħin.

Madankollu, problemi bħal spejjeż ta’ adattamanet u nuqqas ta’ sostitwibbiltà xierqa li ppredominaw fis-suq tar-roaming tal-vuċi baqgħu kif kienu, il-kompetizzjoni ma żviluppatx u l-prezzijiet b'mod ġenerali baqgħu fil-limiti tal-prezzijiet massimi. Għalhekk hemm riskju sinifikanti li l-fatt li r-Regolament jitħalla jiskadi jista' jwassal għal żieda fil-prezzijiet.

3.2. Kwistjonijiet speċifiċi

Roaming involontarju

Il-kwistjoni tar-roaming involontarju fir-reġjuni li qegħdin fil-fruntieri baqgħet kwistjoni taħraq. F’dan ir-rigward, l-obbligu tat-trasparenza li wieħed jinforma l-konsumaturi dwar il-prezz tar-roaming għen sabiex il-konsumaturi jkunu konxji li huma qegħdin jagħmlu użu minn roaming involontarju. L-NRAs u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri wkoll taw is-sehem tagħhom permezz ta' ħidma bilaterali biex jittrattaw il-kwistjoni u ntlaħqu bosta ftehimiet.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni biex tiżgura t-tħaddim bla xkiel tas-suq uniku.

Impatt fuq operaturi iżgħar

Ir-Regolament żgura li operaturi iżgħar għandhom aċċess għal tariffi tar-roaming bl-ingrossa aktar baxxi. Din kellha effett pożittiv fuq operaturi iżgħar, billi tat lok lil uħud mill-operaturi jintroduċu xi offerti bl-imnut mill-aktar irħas fis-suq. Waqt il-konsultazzjoni pubblika, waħda mill-kwistjonijiet li tqajmu kienet dik dwar id-diffikultà għal operaturi ġodda li għadhom kif twaqqfu biex jidħlu fi ftehimiet ġodda dwar ir-roaming mal-operaturi kollha fil-ħin. Dan huwa importanti meta l-abbonati ma jkunux jistgħu jibagħtu messaġġi tar-roaming bl-SMS lill-abbonati ta' netwerk mobbli fi Stat Membru ieħor minħabba li ma jkunx hemm ftehim li jippermetti l-wasla ta' dawn il-messaġġi.

L-NRAs jistgħu jintervjenu skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Aċċess[8] fuq l-inizjattiva tagħhom stess biex jiżguraw li jkun hemm konformità.

Tmexxija tat-traffiku

Waqt il-proċess tar-reviżjoni tat-tħaddim tar-Regolament, il-Kummissjoni la identifikat u lanqas ma rċeviet rapporti dwar każijiet ta’ tmexxija tat-traffiku li qiegħed jintuża għad-detriment tal-konsumaturi. Ladarba l-Eurotariffi tal-operaturi għandhom jirrispettaw limitu massimu ta’ prezz, ħafna mill-operaturi ddeċidew li joffru l-istess tariffa irrispettivament mil-liema netwerk ta' tiżjir ikun qiegħed jintuża, biex b’hekk tiżdied it-trasparenza fil-prezz għall-konsumaturi li ma għandhomx għalfejn jinkwetaw biex jaqilbu manwalment għal netwerk irħas.

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda

Mir-reviżjoni tal-Kummissjoni, ħareġ li ma kienx hemm impatt negattiv f'dak li għandu x'jaqsam mar-reġjuni l-aktar imbiegħda. F’dan ir-rigward, hu ċar mill-konsultazzjoni pubblika u l-kuntatti tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet Franċiżi li l-kwistjoni għal Franza ġiet indirizzata minħabba li ġiet adottata leġiżlazzjoni biex tiżgura li ċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni l-aktar imbiegħda ma jkunux żvantaġġati meta jagħmlu telefonati għall-parti ta' Franza li hija metropolitana.

Prezzijiet domestiċi

Il-Kummissjoni rat ukoll jekk kienx hemm xi żieda fil-prezzijiet domestiċi li setgħet tkun attribwita lir-Regolament. Ħareġ li hu wisq diffiċli biex tiġi identifikata xi żieda fit-tariffi domestiċi direttament relatata mal-introduzzjoni tar-Regolament. L-ERG jinnota li mhuwiex normali li jiżdiedu l-prezzijiet domestiċi tal-mowbajl, għaliex huma l-qofol prinċipali tal-kompetizzjoni għall-konsumaturi. It-tlettax-il Rappport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju kkonkluda wkoll li l-prezzijiet tas-servizzi tal-mowbajl baqgħu neżlin fl-2007[9].

L-iċċarġjar għal kull unità

Filwaqt li l-limiti tal-prezzijiet fir-Regolament huma espressi f’termini ta’ ammonti “għal kull minuta”, sar evidenti li l-prattiki ta' kif ċerti operaturi jiċċarġjaw, fejn jiċċarġjaw għal telefonati bil-vuċi b'referenza għall-perjodi minimi ta' 60 sekonda minflok abbażi ta' kull sekonda, qegħdin inaqqsu l-effetti tar-Regolament u li xi operaturi biddlu l-prattiki ta' kif jiċċarġjaw minn meta r-Regolament ġie adottat biex b'hekk żiedu dan l-effett. Tabilħaqq, l-ERG ikkalkulat li l-prattiki ta’ ċċarġjar għal kull minuta iżidu kont tipiku b'madwar 24 % bbażati fuq prezzijiet bl-imnut għal telefonati li jkunu saru u b'19 % għal telefonati riċevuti meta tintuża l-Eurotariffa.

3.3. Estensjoni tar-Regolament fl-ambitu u fiż-żmien

Vuċi

Kif jidher hawn fuq, il-problemi fundamentali li eżistew qabel daħal ir-Regolament għadhom hemm. Hemm xi ftit kompetizzjoni imma dawn l-offerti għamlu biss ftit infiltrazzjoni fis-suq.

Filwaqt li servizzi tar-roaming tal-vuċi jistgħu jkunu sors importanti ta' dħul u qligħ għall-operaturi tal-mowbajl, mil-lat ta' prezzijiet għall-konsumaturi tar-roaming tal-vuċi huma biss element wieħed għal għadd akbar ta’ prodotti mobbli u huma element inqas importanti minn ngħidu aħna, telefonati domestiċi tal-vuċi, SMSs domestiċi jew sussidju fuq is-sett tat-telefown. Dan jillimita l-possibbiltà li l-operaturi jużaw prezzijiet tar-roaming aktar attraenti bħala għodda effettiva biex jiġbdu klijenti ġodda. Barra minn hekk, l-eżistenza tal-ispejjeż ta’ addattament u n-nuqqas ta' sostitwibbiltà xierqa għar-roaming tal-vuċi meta l-konsumatur huwa msiefer inaqqsu l-livell ta' kompetizzjoni mistennija.

Il-kwistjoni tal-iċċarġjar għal kull unità (l-iċċarġjar għal kull minuta), kif deskritta hawn fuq, uriet li l-operaturi approfittaw ruħhom mill-interpretazzjoni libera fl-abbozz tar-Regolament sabiex iżidu d-dħul tagħhom għad-detriment ta’ operaturi oħra (f'livell bl-ingrossa) u tal-konsumaturi. Għalhekk huwa meħtieġ sett ta’ regoli komuni dwar kontijiet tal-Eurotariffa kkalkulati skont l-iċċarġjar għal kull unità biex ikompli jissaħħaħ is-suq uniku u jkun ipprovdut livell komuni ta' ħarsien għall-konsumaturi.

Il-proposta

1. Estensjoni tar-regolament dwar is-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tat-telefonati tal-vuċi sal-2013

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li testendi r-Regolament bi tliet snin oħra mill-2010 sal-2013 sabiex tiżgura li l-konsumaturi ma jiġux iċċarġjati prezzijiet eċċessivi filwaqt li tipprovdi ħin biżżejjed biex tiżviluppa l-kompetizzjoni. Il-livelli massimi tal-Eurotariffa kemm għat-telefonati li jsiru jew li jkunu riċevuti se jkomplu jonqsu kull sena b'mod lineari tul il-perjodu estiż tal-validità tar-Regolament[10].

Sabiex tippromwovi aktar kompetizzjoni, il-Kummissjoni riedet li żżid il-marġni fil-livell tal-imnut billi tnaqqas ir-rati bl-ingrossa b'ħafna aktar. Dan għandu jżid l-ambitu tal-operaturi li jikkompetu fir-rigward tal-prezz fil-livell tal-imnut, b’hekk jiżdiedu l-probabbiltajiet li jinħoloq suq xieraq kompetittiv.

Sabiex jittrattaw il-kwistjoni tal-iċċarġjar għal kull unità, se jkun hemm il-ħtieġa li l-operaturi jiċċarġjaw lill-klijenti tagħhom fil-livell tal-imnut abbażi ta' kull sekonda suġġett biss għall-possibbiltà li japplikaw rata għall-ewwel 30 sekonda għat-telefonati li jsiru. L-ebda rata ċċarġjata ma hija ġġustifikata għall-ewwel parti tat-telefonati riċevuti. L-istess, l-operaturi bejniethom għandhom jiċċarġjaw wieħed lill-ieħor għal kull sekonda ta’ proviżjoni bl-ingrossa ta’ telefonati tar-roaming irregolati.

SMS

Minkejja l-pressjonijiet politiċi, il-prezzijiet tas-servizzi tal-SMS tar-roaming urew ftit ċaqliq fis-snin li għaddew. Il-prezz medju ta' SMS meta wieħed ikun imsiefer fl-UE naqas biss marġinalment minn 29 ċenteżmu fit-tielet kwart tas-sena 2007 għal 28.5 ċenteżmu fl-ewwel kwart tas-sena 2008. Barra minn hekk, jidher li l-prospettiva li l-prezzijiet jonqsu b’mod sinifikanti fil-ġejjieni abbażi ta' azzjoni industrijali biss hija żgħira, meta jitqiesu r-reazzjonijiet mill-operaturi għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-Kummissjoni, fir-reviżjoni tagħha, ikkonkludiet li l-livelli tar-rati bl-ingrossa u bl-imnut mhumiex iġġustifikati mill-ispejjeż bażiċi u, bħal fil-każ tas-servizzi tar-roaming tal-vuċi, jidher li mhemmx biżżejjed pressjoni kompetittiva fuq l-operaturi biex inaqqsu l-prezzijiet.

Il-proposta

2. Estensjoni sabiex jiġu inklużi r-regolazzjoni dwar ir-roaming tal-SMS fuq livelli bl-ingrossa jew bl-imnut sal-2013 u trasparenza mtejba

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li testendi l-ambitu tar-Regolament billi tipproponi prezz massimu kemm fuq il-livell bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut għar-roaming tal-SMS[11].

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li l-konsumaturi għandhom ikunu mgħarrfa awtomatikament permezz ta' servizz b'messaġġ, kull darba li jidħlu fi Stat Membru differenti minn tagħhom, bl-informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet li japplikaw biex wieħed jibgħat messaġġ SMS fil-pajjiż li jkun qiegħed iżur.

Servizzi tar-roaming tad-dejta

Il-prezzijiet għas-servizzi tar-roaming tad-dejta kienu diġà għoljin meta l-Kummissjoni pproponiet ir-Regolament fl-2006. Madankollu, is-sitwazzjoni saret iktar ċara fl-aħħar sena bil-wasla tal-aċċess għall-internet b'veloċità għolja jew tal-broadband mobbli partikolarment għal dawk li jużaw il-laptop. Din wasslet għall-problema tax-xokkijiet mill-kontijiet lil dawk li jużaw dan is-servizz li huma mdorrijin b'tariffi b'rata fissa f'pajjiżhom imma li jistgħu jkunu ċċarġjati abbażi ta' kull MB meta jkunu msefrin. Tħassib dwar il-livell għoli tar-rati għal dawn is-servizzi jindika li hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni b’mod partikolari biex ittejjeb u tevita x-xokkijiet mill-kontijiet, fl-interess mhux biss tal-konsumaturi imma wkoll tal-operaturi tal-mowbajl.

Barra minn hekk, il-persistenza ta’ rati li huma b’mod partikolari ogħla mir-rati bl-ingrossa għal dawn is-servizzi min-netwerks mhux mixtieqa qed tikkawża diffikultajiet fit-tmexxija tat-traffiku li tħalli lill-operaturi mingħajr inċentiv biex iraħħsu l-prezzijiet bl-ingrossa b’mod unilaterali minħabba li t-traffiku jkun riċevut irrispettivament mill-prezz iċċarġjat. Din trażżan il-kapaċità tal-operaturi f'pajjiż milli jbassru l-ispejjeż bl-ingrossa u jipprovdu pakketti ta' prezzijiet trasparenti u kompetittivi lill-klijenti tagħhom. Għandu għalhekk jiġi stabbilit limitu ta' prezz bl-ingrossa ta' salvagwardja li jraħħas prezzijiet bl-ingrossa esaġerati imma li jżommhom għolja biżżejjed biex ma tinqeridx il-kompetizzjoni jew ikun evitat l-iżvilupp tagħha.

Il-proposta

3. Iż-żieda fit-trasparenza u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu bħala salvagwardja għar-rati bl-ingrossa sal-2013 kontra x-xokkijiet mill-kontijiet għas-servizzi tar-roaming tad-dejta

Il-Kummisjoni qiegħda tipproponi miżuri biex tiżgura li l-klijenti tar-roaming huma infurmati kif xieraq dwar it-tariffi li japplikaw għas-servizzi tar-roaming permezz ta’ messaġġ awtomatiku.

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010 , l-operaturi għandhom jipprovdu wkoll lill-klijenti tagħhom faċilità li tiffissa l-limitu finanzjarju minn qabel għar-roaming tad-dejta.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadottaw arranġamenti trasparenti tal-prezzijiet bl-assikurazzjoni li jistgħu jantiċipaw b’aktar ċertezza l-ispejjeż tagħhom bl-ingrossa, għandu jiġi ffissat limitu tal-prezz bl-ingrossa bħala salvagwardja għas-servizzi tar-roaming tad-dejta f'livell li ma jaqbiżx l-EUR 1 għal kull MB bħala medja bejn żewġ operaturi.

4. KONKLUżJONI

Minkejja r-riżultati miksuba permezz tar-Regolament, id-dinamika tas-suq tar-roaming ma nbidlitx biżżejjed minn mindu daħal ir-Regolament li jgħin lill-Kummissjoni tirrakkomanda li r-Regolament jista' jiskadi fl-2010.

Sabiex ittejjeb it-tħaddim bla xkiel tas-suq uniku, hu propost li r-Regolament jiġi estiż sabiex jinkludi s-servizzi tar-roaming tal-SMS u tad-dejta. Il-prezzijiet tas-servizzi tal-SMS tar-roaming ftit urew ċaqliq fl-aħħar snin u il-prospettiva li l-prezzijiet jorħsu b’mod sinifikanti fil-ġejjieni abbażi tal-azzjoni industrijali biss hija żgħira. It-tħassib dwar il-livell tal-prezzijiet għar-roaming tad-dejta jindika li l-azzjoni hija meħtieġa b’mod partikolari biex ittejjeb it-trasparenza u telimina x-xokkijiet mill-kontijiet.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi regolazzjoni għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut għar-roaming tal-vuċi u tal-SMS. Il-proposta timmira li żżid il-probabbiltajiet li finalment jinħoloq suq kompetittiv billi jiżdiedu l-marġni massimi bejn it-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut. Qiegħda tipproponi wkoll li tħares iktar lill-konsumaturi li qegħdin jiġu ċċarġjati iktar minħabba l-iċċarġjar għal kull minuta. Madankollu, qiegħda tipproponi approċċ diffferent għas-servizzi tar-roaming tad-dejta minħabba n-natura speċifika tal-problemi li qegħdin jiġu ffaċċjati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li x-xokkijiet mill-kontijiet mhumiex aċċettabbli u hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti kemm biex ittejjeb it-trasparenza u kemm biex tevita prezzijiet bl-ingrossa għolja immens li jwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni.

Swieq tar-roaming jippreżentaw karatteristiċi uniċi li jiġġustifikaw miżuri eċċezzjonali. Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħha, dan l-intervent għandu għalhekk ikun limitat fiż-żmien biex jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2013. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżvilupp tar-roaming fis-suq intra-Komunitarju u tipproponi li jitressaq rapport ta' reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2011.

Hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel l-aħjar li tista’ biex tgħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim dwar l-elementi li ssemmew hawn fuq fl-iqsar żmien possibbli sabiex tiżgura li l-utenti Ewropej tas-servizzi tal-komunikazzjoni bil-mowbajl jkunu jistgħu jgawdu minn dawn il-proposti sas-Sajf tal-2009. Dan huwa importanti sabiex jintlaħaq dak li hu mistenni miċ-ċittadini tal-UE u jkun żgurat li l-Ewropa twassal ir-riżultati liċ-ċittadini tagħha.

[1] ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32.

[2] L-Artikolu 11 tar-Regolament:

[3] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-roaming fuq netwerks mobbli pubbliċi fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi - COM(2006) 382, 12.7.2006.

[4] Din il-figura ħarġet minn eżerċizzju ta’ ġbir ta’ dejta dettaljat li sar mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea. Id-dejta nġabret mis-27 NRA fuq bażi ta’ operatur individwali li mbagħad tgħaqqdet permezz ta’ metodu minn isfel għal fuq.

[5] http://www.erg.eu.int/documents/docs/index_en.htm.

[6] http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/docs/study_data_roaming.pdf

[7] Websajt: http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/regulation/consult08/contributions/index_en.htm

[8] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

[9] COM(2008) 153, 19.3.2008.

[10] Ir-rata bl-ingrossa biex wieħed jagħmel telefonata se tonqos minn 26 ċenteżmu kif stabbilit għall-1 ta' Lulju 2010 għal 23 ċenteżmu, 20 ċenteżmu u 17-il ċenteżmu rispettivament. Il-prezz massimu għall-Eurotariffa biex wieħed jagħmel telefonata se jonqos minn 43 ċenteżmu għal 40 ċenteżmu, 37 ċenteżmu u 34 ċenteżmu rispettivament filwaqt li l-prezz ta’ meta wieħed jirċievi telefonata se jonqos minn 19-il ċenteżmu għal 16-il ċenteżmu, 13-il ċenteżmu u 10 ċenteżmi rispettivament.

[11] Ir-rata bl-ingrossa li għandha tapplika għar-roaming bl-SMS mill-1 ta’ Lulju 2009 m’għandhiex taqbeż il-medja ta’ 4 ċenteżmi kull messaġġ bejn kwalunkwe żewġ operaturi li tirrifletti l-ispejjeż bl-ingrossa li saru tassew. Minn dakinhar stess, ir-rata bl-imnut għar-roaming ta' SMS ma għandux jaqbeż il-11 -il ċenteżmu, b'hekk tiżgura dħul xieraq lill-opreaturi kif ukoll ħarsien tal-konsumatur.

Fuq