This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0468
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Towards joint programming in research : working together to tackle common challenges more effectively {SEC(2008) 2281} {SEC(2008) 2282}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: nahdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv {SEC(2008) 2281} {SEC(2008) 2282}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: nahdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv {SEC(2008) 2281} {SEC(2008) 2282}
/* KUMM/2008/0468 finali */
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: nahdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv {SEC(2008) 2281} {SEC(2008) 2282} /* KUMM/2008/0468 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 15.7.2008 KUMM(2008)468 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LEJN PROGRAMMAZZJONI KONĠUNTA TAR-RIĊERKA: Naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv {SEC(2008) 2281} {SEC(2008) 2282} (PREżENTATA MILL-KUMMISSJONI) KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LEJN PROGRAMMAZZJONI KONĠUNTA TAR-RIĊERKA: Naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv Introduzzjoni | L-investiment li jsir fir-riċerku llum isarraf f’ġejjieni aħjar, kemm għalina u kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Biex l-Ewropa tikseb il-viżjoni li stqarret, mhux biss jeħtiġilha tinvesti aktar fir-riċerka, iżda jeħtieġ ukoll li tinvesti b’mod aktar effikaċi: żvilupp bilanċjat u sostenibbli, li jżewweġ it-tkabbir ekonomiku u l-kompetizzjoni ma’ livelli għolja ta’ kwalità ta’ l-għajxien u ta’ l-ambjent li ngħixu fih, u l-iżgurar ta’ UE effettiva għall-benefiċċju taċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha. L-Istrateġija ta’ Liżbona tagħraf dan kollu billi tistabbilixxi bħala l-aktar għan urġenti t-tranżizzjoni lejn soċjetà bbażata fuq l-għarfien – bix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qalba tagħha – u billi tappella għal aktar investiment aħjar fir-riċerka. Jekk trid tirnexxi, l-Ewropa jeħtiġilha ġġedded l-isforzi tagħha. Aktar minn hekk, jeħtieġ li tkun ippreparata li taħseb b’mod kuraġġuż u innovattiv dwar kif torganizza r-riċerka. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi approċċ ambizzjuż ġdid favur użu aħjar tal-fondi pubbliċi ta’ l-Ewropa għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D), li huma limitati, permezz ta' titjib tal-kooperazzjoni. L-inizjattiva l-ġdida li tipproponi – jiġifieri Programmazzjoni Konġunta – timmarka bidla fil-kooperazzjoni Ewropea favur ir-riċerka. Il-programmazzjoni konġunta toffri proċess volontarju għal sħubija b’ħeġġa ġdida bejn l-Istati Membri bbażata fuq prinċipji ċari u governanza trasparenti ta’ livell għoli. Permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost dawk responsabbli mill-iżvilupp u l-ġestjoni ta' programmi ta' riċerka, għandha l-għan li żżid l-effiċjenza tal-finanzjament nazzjonali tar-riċerka pubblika f'oqsma strateġiċi. Il-programmazzjoni konġunta għandha l-għan li tolqot, l-ewwel u qabel kollox, il-programmi ta' riċerka pubblika, li jfisser il-kooperazzjoni bejn oqsma pubbliċi differenti. Għalhekk, fin-natura tagħha din hija distinta mill-kooperazzjoni bejn il-qasam pubbliku u dak privat li hija inkorporata f'inizjattivi bħall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti[1]. Madankollu, l-industrija – u partijiet interessati oħrajn – għandu jkollhom rwol fil-proċess konsultattiv u fl-implimentazzjoni ta’ Inizjattivi ta’ Programazzjoni Konġunta speċifiċi. Dawn huma wkoll benefiċjarji importanti ta’ Programmazzjoni Konġunta. Il-Programmazzjoni Konġunta għandha l-potenzjali li ssir mekkaniżmu li ta’ l-anqas tkun importanti daqs il-Programmi Qafas fix-xena tar-riċerka Ewropea, li fil-fatt tibdel il-mod li bih l-Ewropej iħarsu lejn ir-riċerka . Permezz tal-proposta għal dan l-approċċ ġdid, din il-Komunikazzjoni hija tweġiba espliċita għas-sejħiet imtennija għal aktar Programmazzjoni Konġunta aħjar li f'dawn l-aħħar snin ħarġu mill-Kunsill Ewropew, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew[2]. Twieġeb ukoll għat-talbiet tal-partijiet interessati għal approċċ volontarju minn isfel għal fuq flimkien ma’ gwida fil-livell Ewropew u t-tiċħid tagħhom ta’ metodu “universali”. F’dan l-isfond, il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-Plan)[3] jipprovdi esperjenza pilota fl-indirizzar ta' sfida soċjali Ewropea maġġuri lkoll flimkien. Bħala pilastru fundamentali tal-politiki Ewropej dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima, l-SET-Plan għandu l-għan li jgħaġġel l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju permezz ta’ sensiela koerenti ta' azzjonijiet, inkluża l-Programmazzjoni Konġunta. Din il-Komunikazzjoni hija waħda mill-ħames inizjattivi ta' politika ppjanati mill-Kummissjoni fl-2008 biex isegwu l-Green Paper dwar "Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda"[4]. Hija torbot b’mod partikolari mad-dimensjoni “L-Ottimizzazzjoni tal-Programmi u l-Prijoritajiet ta’ Riċerka” u hija pass ulterjuri fil-ħolqien tal-‘ħames libertà’ billi jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles ta’ l-għarfien. 1. IL-ħTIEġA TA’ APPROċċ ġDID GħALL-KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI FIL-QASAM TAR-RIċERKA Ir-rwol tax-xjenza u t-teknoloġija fl-indirizzar ta’ l-akbar sfidi soċjali fl-Ewropa għandu jiġi rikonoxxut[5] Il-mod kif l-Ewropa se twieġeb għal għadd ta’ sfidi soċjali kbar se jsawwar il-futur tagħha fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Dawn l-isfidi jinkludu ż-żamma tal-prosperità ta’ l-Ewropa fi żmien ta’ aktar kompetizzjoni globali; li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tagħha li qed tikber fl-età u l-isfidi ta’ l-immigrazzjoni; u t-tħeġġiġ ta’ l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, l-iżgurar tal-forniment ta’ l-enerġija, il-preservazzjoni tas-saħħa umana u ambjentali, l-iżgurar ta’ kwalità u d-disponibbiltà ta’ l-ikel kif ukoll is-salvagwardja tas-sigurtà taċ-ċittadini. Fl-istess ħin, l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej li s-soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi jinstabu permezz tax-xjenza u t-teknoloġija qegħdin dejjem jikbru. L-imsieħba mhux Ewropej tagħna – kemm dawk tradizzjonali (l-Istati Uniti u l-Ġappun) u dawk emerġenti (iċ-Ċina, l-Indja, eċċ) - ħaduh il-messaġġ. Huma qegħdin iniedu programmi ta’ riċerka mmirati fuq skala kbira u jikkollaboraw ma’ xulxin. Jeħtieġ li l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jiżviluppaw tweġiba aktar b’saħħitha u aktar koordinata u koerenti għal dawn l-isfidi, fejn xieraq permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali. F'paragun ma' l-imsieħba ewlenin tagħha, l-Ewropa mhix qed tinvesti biżżejjed fir-riċerka, u f’dawn l-aħħar għaxar snin in-nefqa fl-R&D - kemm mis-settur pubbliku kuf ukoll minn dak privat – staġnat b’mod ġenerali. Jekk mhix se jkollha l-ħila żżid in-nefqa tagħha fi ftit żmien u b’mod sostanzjali, l-Ewropa se jkollha tfittex modi ġodda u aktar innovattivi kif tuża r-riżorsi skarsi ta' l-R&D b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Biex iżżid ir-riżultati u l-benefiċċji għas-soċjetà minn fondi pubbliċi ta' l-R&D. l-Ewropa għandha wkoll issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tittrasforma r-riżultati tar-riċerka f'benefiċċji għas-soċjetà u benefiċċji ekonomiċi, prinċipalment permezz tal-kapaċità innovattiva ta' l-industrija Ewropea kif ukoll permezz tat-trawwim ta' domanda għall-innovazzjonijiet li jirriżultaw[6]. Il-benefiċċji mitlufa minħabba riċerka maqsuma f’kategoriji distinti F’dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri u l-Komunità ħadu bosta inizjattivi biex jagħtu spinta lill-impatt u l-effiċjenza tar-riċerka pubblika. Madankollu, waħda mill-aktar każi ovvji ta’ riżultati anqas tajbin għall-R&D għadha ma ġietx indirizzata b’mod suffiċjenti: jiġifieri n-nuqqas ta’ kollaborazzjoni u koordinazzjoni bejn programmi ta' l-R&D pubbliċi nazzjonali. Il-partijiet interessati ilhom li ndunaw li din hija dgħjufija tas-sistema ta’ l-R&D ta’ l-UE. Madankollu, minkejja sforzi li saru fl-aħħar snin biex tingħeleb il-problema, ix-xena tar-Riċerka Ewropea għadha maqsuma f’kategoriji distinti. Illum, 85% ta’ l-R&D pubbliku huwa pprogrammat, iffinanzjat, segwit u evalwat fil-livell nazzjonali, bi ftit wisq kollaborazzjoni kew koordinazzjoni bejn pajjiżi differenti. Anqas minn 6 fil-mija ta’ l-investiment totali fl-R&D u biss 15 fil-mija ta' l-R&D ċivili ffinanzjat minn fondi pubbliċi (li 10 fil-mija minnu jiġi minn organizzazzjonijiet u skemi intergovernattivi, u 5 fil-mija mill-Programm Qafas) huwa ffinanzjat f’manjiera ta' kollaborazzjoni transkonfinali. Il-kwistjoni mhix li l-programmazzjoni kollha tar-riċerka għandha titkompla f’manjiera kollaborattiva u li l-programmazzjoni purament nazzjonali għandha titwaqqaf. Il-programmazzjoni nazzjonali għandha postha fix-xena tar-riċerka Ewropea, speċjalment fejn tindirizza il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali, u fejn il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew ma toħloq l-ebda żvantaġġ ta’ skala u ambitu sinifikanti. Min-naħa l-oħra l-kwistjoni hi li, f’oqsma ta’ importanza strateġika għall-Ewropa kollha jew għall-parti kbira minnha, il-frammentazzjoni tal-programmazzjoni tar-riċerka pubblika twassal għal riżultati anqas tajbin u lill-Ewropa qed tiswilha ħafna, barra milli ma tħallihiex tilħaq l-għanijiet soċjali tagħha: - Il-programmi nazzjonali ta’ riċerka jistgħu inutilment jidduplikaw lil xulxin minn perspettiva pan-Ewropea u jonqoshom l-ambitu u l-firxa meħtieġa tal-programmi. - L-għadd kbir ta’ proċeduri nazzjonali jikkomplika l-programmi transkonfinail u jiskoraġġixxi atturi ta’ riċerka b’orjentazzjoni internazzjonali milli jkollhom aċċess għal fondi għal riċerka minn pajjiżi differenti. - In-nuqqas ta’ kollaborazzjoni transkonfinali fuq programmi jagħmilha diffiċli li l-isfidi komuni jiġu indirizzati b'mod konġunt, jikkomplika ir-raggruppament ta’ riżorsi u għarfien mifruxa madwar l-Ewropa, ifixkel il-mobbiltà u t-taħriġ tar-riċerkaturi minn bejn fruntiera u oħra, u jmewwet ir-ritmu tad-disseminazzjoni internazzjonali tar-riżultati tar-riċerka. - B’mod kruċjali, ifixkel it-tfassil ta’ aġendi strateġiċi għal riċerka pan-Ewropea kif ukoll il-koordinazzjoni orizzontali tal-politika. Kaxxa 1: Riċerka pubblika mferrxa fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. L-oqsma ta’ l-S&T huma totalment differenti f’termini, pereżempju, ta’ l-ammont ta’ R&D investit, il-livell ta’ koordinazzjoni eżistenti/il-frammentazzjoni u l-prestazzjoni – u m’hemm l-ebda relazzjoni lineari sempliċi bejn dawn il-fatturi. Il-grafika ta’ hawn taħt turi d-daqs tal-fondi pubbliċi, valutazzjoni tal-limitu ta’ koordinazzjoni/frammentazzjoni fil-livell Ewropew, u d-daqs relattiv ta’ fondi pubbliċi Ewropej f’paragun ma’ l-Istati Uniti fir-rigward ta’ xi oqsma ta’ l-S&T. Il-grafika m'hix eżawrijenti, iżda sservi biex turi li kull qasam ta’ l-S&T huwa uniku u jeħtieġ approċċ partikolari għalih għall-Programmazzjoni Konġunta, li l-iżvilupp tiegħu għandu jkun ibbażat fuq l-evidenza u msejjes fl-analiżi strateġika ta’ informazzjoni dettaljata dwar oqsma rispettivi ta’ l-S&T. Dan se jitlob l-involviment sħiħ ta’ l-Istati Membri. [pic] L-assi x: Dan jagħti stima tal-livell ta’ koordinazzjoni fost il-programmi ta’ riċerka u tal-fondi u l-frammentazzjoni istituzzjonali ta’ l-Istati Membri (MS), abbażi ta' valutazzjonijiet kwalitattivi minn pubblikazzjonijiet xjentifiċi, rapporti strateġiċi, eċċ; L-assi y: Dan jippreżenta l-proporzjon logarittimu ta’ l-investiment pubbliku fl-R&D f;-Ewropa )MS+Kummissjoni Ewropea (KE)) imqabbla ma’ l-Istati Uniti, Id-daqs ta’ l-isferi: Dan huwa direttament proporzjonali għall-ammont ta’ fondi pubbliċi Ewropej (MS+KE), ibbażat fuq New Kronos (eż. GBAORD) u dejta mill-gvern ta’ l-Istati Uniti kif ukoll pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Idealment, xi oqsma ta’ riċerka kellhom jinqasmu ulterjorment. L-isfera tal-bijoteknoloġija, pereżempju, kellha tinqasam bejn is-saħħa, l-industrija u l-ambjent u l-pjanti, annimali u ikel. Dan mhux dejjem kien possibbli minħabba nuqqas ta’ dejta kumparattiva. | Għaliex huwa meħtieġ approċċ ġdid Biex timxi ’l quddiem, l-Ewropea teħtieġ tibni fuq is-suċċessi tagħha fir-riċerka pubblika transkonfinali, iżda għandha wkoll tagħraf u tindirizza l-limiti ta' l-approċċi eżistenti. Fost l-akbar suċċessi xjentifiċi ta' l-Ewropa involvew ir-raggruppament ta' fondi pubbliċi ta' l-R&D bejn fruntiera u oħra. F’dawn l-aħħar 50 sena faqqsu diversi organizzazzjonijiet ta’ riċerka intergovernattivi, bħall-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (CERN), il-Laboratorju Ewropew dwar il-Bijoloġija Molekolari (EMBL) u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Fis-snin sebgħin u tmenin, tnedew skemi intergovernattivi bħal COST u EUREKA, u nbeda l-Programm Qafas għar-Riċerka. Il-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri tkattru. U mill-2005, il-Komunità nediet għadd ta’ strumenti promettenti ġodda ta’ koordinazzjoni u kollaborazzjoni bħall-iskema ERA-NET u l-inizjattivi ta’ l-Artikolu 169[7]. Madankollu, l-impatt ta’ dawn l-inizjattivi Komunitarji jista’ jinħass aktar li kieku jkun hemm aktar enfasi strateġika ġenerali, aktar impenn politiku ta' livell għoli min-naħa ta' l-Istati Membri, aktar trasparenza fis-sistemi nazzjonali ta’ riċerka, u anqas riġidità fir-rigward ta’ l-istrumenti. Iż-żieda ta’ dawn l-inizjattivi, u tad-daqs globali ta’ l-FP7, ftit tagħmel sens jekk ma jiġix indirizzat in-nuqqas ta' programmazzjoni strateġika bejn l-Istati Membri. Il-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-iskemi ta’ riċerka intergovernattivi ftit li xejn iħallu impatt. Filwaqt li l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni bexxaq il-bieb għal skambju ta’ ideat li ħalla xi riżultati, ma wassalx għal inizjattivi konkreti ta’ koordinazzjoni ta’ politiki nazzjonali tar-riċerka bejn l-Istati Membri jew għal aġenda komuni li tistabbilixxi oqsma ta’ importanza strateġika. Madankollu, jistgħu jittieħdu tagħlimiet minn inizjattivi Komunitarji reċenti biex jistimolaw il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni ta' programmi, u dawn jistgħu jipprovdu sies vitali li jwassal għal progress fil-qasam tal-Programmazzjoni Konġunta. Issa hawn l-opportunità li ssir qabża 'l quddiem fil-kooperazzjoni pan-Ewropea b'rabta mar-riċerka li tista' tkun importanti daqs il-ħolqien tal-Programmi Qafas. Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni biħsiebha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ soluzzjoni billi tniedi proċess strateġiku u strutturat. Kaxxa 2: Programmazzjoni Konġunta li tindirizza soċjetà li qed tavvanza fl-età L-inċidenza dejjem tikber tal-mard ta’ l-Alzheimer u forom oħra ta' dimenzja x’aktarx hija waħda minn fost l-aktar sinjali li jqanqlu tħassib tas-soċjetà tagħna li qed tixjieħ. Il-marda ta’ l-Alzheimer hija marda deġenerattiva li bil-mod u b’mod progressiv teqred iċ-ċelloli tal-moħħ u taffettwa l-memorja, il-ħsieb, il-ġudizzju u l-personalità. Fuq medda twila ta’ żmien, ħafna drabi din twassal għal aktar problemi bħal konfużjoni mentali, problemi fil-lingwa mitkellma, tibdil għal għarrieda fil-burdata u diżorjentazzjoni fiż-żmien u l-ispazju. Madwar persuna waħda minn 20 ta' aktar minn 65 sena tbati mid-dimenzja. L-għadd ta’ persuni bid-dimenzja fl-Ewropa – bejn 50 u 70 fil-mija ta’ dawk li jbatu mill-mard ta’ l-Alzheimer – huwa ta’ madwar 5.5 miljuni, għadd li għal dawk li qabżu s-60 mistenni jiżdied għal 10.7 miljuni sa l-2040. Fl-UE l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa marbuta mad-dimenzja diġà jaqbżu t-80 biljun Euro. Sa issa, ma jeżisti l-ebda trattament preventiv jew li jfejjaq il-marda ta’ l-Alzheimer. Madankollu s-sostenn pubbliku Ewropew allokat favur ir-riċerka dwar l-Alzheimer huwa verament żgħir meta mqabbel ma' dak ta’ l-Istati Uniti. Barra minn hekk, fl-Ewropa ma teżisti l-ebda spinta istituzzjonali maġġuri favur ir-riċerka dwar l-Alzheimer. Ir-riżorsi jinqasmu bejn ħafna aġenziji diversi ta’ finanzjament mifruxa fis-27 Stat Membru ta' l-UE. Dan joħloq ir-riskju ta’ duplikazzjoni inutli ta’ fondi ta’ riċerka fil-livell ta' l-UE. Problema komuni bħal din titlob sforz Ewropew komuni għall-iżvilupp ta’ soluzzjoni komuni. Fl-Istati Uniti, l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa u l-Istitut Nazzjonali dwar ix-Xjuħija huma katalisti istituzzjonali qawwija ta’ riċerka dwar il-marda ta’ l-Alzheimer. X'se tagħmel l-Ewropa biex tindirizza din l-isfida soċjali hekk kbira? | 2. PROGRAMMAZZJONI KONġUNTA – NAħDMU FLIMKIEN BIEX NINDIRIZZAW L-ISFIDI KOMUNI B’MOD AKTAR EFFETTIV Programmazzjoni Konġunta: Il-kunċett Il-programmazzjoni konġunta tinvolvi Stati Membri li jimpenjaw ruħhom b’mod volontarju u fuq bażi ta’ ġeeometrija varjabbli fid-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ aġendi strateġiċi komuni dwar ir-riċerka msejsa fuq viżjoni komuni dwar kif jindirizzaw l-isfidi soċjali maġġuri. Din tista’ tinvolvi kollaborazzjoni strateġika bejn programmi nazzjonali eżistenti jew ippjanar konġunt u l-ħolqien ta' pjanijiet interament ġodda. Fiż-żewġ każijiet, tinvolvi l-ġbir ta’ riżorsi, l-għażla u l-iżvilupp ta’ l-aktar strument(i) xieraq/xierqa, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ kollettiv u l-analiżi tal-progress. L-għan tagħha huwa li żżid u ttejjeb il-kollaborazzjoni, il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni transkonfinali tal-programmi ta’ riċerka ffinanzjati minn fondi pubbliċi ta’ l-Istati Membri f’għadd limitat ta’ oqsma strateġiċi, u għalhekk biex tgħin lill-Ewropa żżid l-effiċjenza tal-fondi tar-riċerka pubblika biex b'hekk jindirizzaw aħjar l-isfidi soċjali. Programmazzjoni Konġunta: Objettiv ambizzjuż ta’ strutturar - Il-programmazzjoni konġunta tirrigwarda l-bidla ta’ l-istruttura tax-xena tar-riċerka Ewropea. Dan huwa proċess komprensiv u strateġiku fuq medda twila ta' żmien, bil-għan li jsaħħaħ il-kapaċità li jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali li s-soluzzjoni tagħhom tiddependi b’mod kruċjali fuq ir-riċerka. Il-programmazzjoni konġunta tikkonċerna d-definizzjoni ta’ viżjonijiet komuni u aġendi strateġiċi dwar ir-riċerka, l-implimentazzjoni tagħhom bl-aktar mod xieraq, u l-ksib ta' impatt soċjali tanġibbli. Hija tistabbilixxi miri u riżultati ċari u realistiċi bil-għan li jinkisbu innovazzjonijiet f’kull qasam li tiġi applikata. - Il-Programmazzjoni Konġunta mhix biss xi eżerċizzju ta’ tqassim, fejn il-programmi nazzjonali ta’ riċerka eżistenti li jindirizzaw l-istess materja sempliċement jinġabru taħt titolu komuni, jew koordinati u allinjati b’mod wiesa’. Lanqas m’hi dwar il-kisba ta’ diviżjoni riġida tal-ħidma bejn il-pajjiżi fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ riċerka f’qasam partikolari jew dwar it-trasferiment tal-baġits nazzjonali għar-riċerka lejn Brussell. Il-Programmazzjoni Konġunta tikkonċerna l-kisba ta’ effetti ta’ strutturar sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt tal-fondi għar-riċerka pubblika. - Madankollu, il-partijiet interessati għandhom ikunu konxji dwar dan il-kunċett x’jinvolvi. Fl-aktar verżjoni ambizzjuża tagħha, il-Programmazzjoni Konġunta titlob li l-Istati Membri jkunu lesti li jimxu fid-direzzjoni tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' aġendi komuni ta' riċerka b’attivitajiet multiannwali u li jkunu ddeċidew flimkien (ppjanar, tnedija, evalwazzjoni) u mekkaniżmi ta' finanzjament. ...b’approċċ prammatiku u flessibbli - Il-Programmazzjoni Konġunta titlob li l-Istati Membri jiżviluppaw attitudni ġdida. Aktar minn hekk, din tappella għal impenji u azzjonijiet konkreti mill-Istati Membri u kunsiderazzjoni u organizzazzjoni mill-ġdid dwar kif il-programmi nazzjonali ta’ riċerka huma definiti u implimentati billi dawn jiġu ffokati fuq għanijiet komuni. - Din hija r-raġuni għaliex il-Programmazzjoni Konġunta għandha tkun proċess volontarju bbażat fuq il-prinċipju tal-ġeometrija varjabbli u l-aċċess miftuħ. M’hemm l-ebda ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkunu involuti f’Inizjattiva speċifika, iżda l-imsieħba għandhom ikunu kapaċi li bejniethom jipprovdu l-massa kritika meħtieġa ta’ riżorsi. - Dan huwa wkoll għaliex huwa tant importanti li l-Programmazzjoni Konġunta tuża approċċ realistiku u flessibbli u proċess gradwali (ara l-kapitolu 3) sabiex tilħaq l-aħjar effett ta' strutturar u ta’ impatt soċjali. - Il-programmazzjoni konġunta ma tinvolvix finanzjament Komunitarju a priori. L-ewwel u qabel kollox din hija marbuta mal-fatt li l-Istati Membri jiddefinixxu strateġiji komuni u jgħaqqdu r-riżorsi nazzjonali. Fl-istess ħin, din ma teskludix il-possibbiltà ta’ fondi Komunitarji komplementari skond il-valur miżjud, id-dimensjoni Ewropea u l-impatt ta' strutturar possibbli ta' l-inizjattivi kkonċernati. Il-benefiċċji tal-Programmazzjoni Konġunta Il-Programmazzjoni Konġunta se tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri, għall-maniġers ta’ Programmi ta’ Riċerka Ewropej, għax-xjenzati u l-impriżi Ewropej: - Il-Programmazzjoni Konġunta tħaffef l-indirizzar konġunt ta’ sfidi komuni, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet komuni u l-ħolqien ta’ vuċi waħda fl-arena internazzjonali. - Tgħin biex jingħelbu l-ostakli fuq id-dħul, bħala spejjeż ta’ start-up u spejjeż operattivi għoljin f'ċerti oqsma ta' l-S&T. - Tgħin biex isir l-aħjar użu mill-programmi ta’ riċerka madwar l-Ewropa, biex telimina d-duplikazzjoni inutli ta’ programmi transkonfinali u żżid l-ambitu tal-programmi. - Tippromwovi l-eċċellenza xjentifika permezz ta’ sejħiet konġunti b’finanzjamenti komuni u evalwazzjoni bejn il-pari, li jżidu l-kompetizzjoni għall-fondi u jtejbu l-kwalità tal-proposti ta’ riċerka. - Billi tappoġġja l-kollaborazzjoni transkonfinali fuq il-proġetti, il-Programmazzjoni Konġunta tiffaċilita l- pooling ta' dejta u għarfien minn diversi pajjiżi jew madwar l-Ewropa kollha kemm hi, tippermetti d-disseminazzjoni rapida tar-riżultati tar-riċerka, tippromwovi l-mobbilità transkonfinali u t-taħriġ ta' riżorsi umani, u żżid l-impatt xjentifiċi, teknoloġiċi u innovattivi ta' kull euro investit fir-riċerka pubblika. - Tgħin biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ma’ politiki relatati oħrajn bis-saħħa ta’ aktar viżibbiltà għal programmi, tnaqqas l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-programmi, tippermetti li l-politiki jiddakkru minn pajjiż għal ieħor u ttejjeb ir-responsabbiltà u t-trasparenza ta’ programmi ta’ riċerka pubblika. Barra minn hekk, il-benefiċċji msemmija hawn fuq se jkunu ta’ siwi partikolari għal dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw f'termini ta' investiment u prestazzjoni b'rabta mar-riċerka. Bħala riżultat tal-benefiċċji importanti ta’ l-S&T li joħorġu mill-Programmazzjoni Konġunta u l-effetti ta’ strutturar sinikanti tagħha, iċ-ċittadini Ewropej se jibbenefikaw minn tkabbir ekonomiku aktar b’saħħtu, aktar kompetittività u livell ogħla ta’ impjiegi, u minn aktar soluzzjonijiet aħjar fir-rigward ta’ problemi soċjali u ambjentali. Biex dawn il-benefiċċji jiġu ċċarati aktar, qed jingħata eżempju dwar x’kapaċi tagħmel il-Programmazzjoni Konġunta fir-rigward ta’ l-isfidi marbuta mas-soċjetà li qed tavvanza fl-età (ara l-Kaxxa 2). Dan l-eżempju jservi purament ta’ spjegazzjoni u huwa wieħed ipotetiku, l-għan waħdieni tiegħu huwa li juri b'mod aktar konkret u ċar is-setgħa u l-impatt potenzjali tal-Programmazzjoni Konġunta bħala mekkaniżmu għal kollaborazzjoni transkonfinali fi programmi f’oqsma strateġiċi. Analiżi aktar dettaljata tal-potenzjal tal-Programmazzjoni Konġunta għal sfidi soċjali u oqsma teknoloġiċi oħrajn tingħata fid-dokument ta' ħidma tal-Persunal li jinsab ma' din il-Komunikazzjoni. 3. Kif il-Programmazzjoni Konġunta ssir operattiva | F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi metodoloġija prammatika kif il-Programmazzjoni Konġunta titħaddem f’għadd limitat ta’ oqsma miftiehma. Il-proċess kif jiġu identifikati dawn l-oqsma speċifiċi huwa mfisser fil-kapitolu li jmiss. Dan il-kapitolu 3 jippreżenta l-metodoloġija meħtieġa għat-tħaddim tagħha. Dan hu bbażat fuq l-esperjenza mal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, iżda adattat għal progammi ta’ riċerka pubblika. Dan jinvolvi stadji differenti, konformi maċ-ċiklu tal-proċess ta’ programmi ta’ riċerka, jiġifieri mid-definzzjoni tal-programm permezz ta’ l-implimentazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Jistgħu jiġu identifikati tliet stadji: 1. L-iżvilupp ta’ viżjoni komuni għall-qasam miftiehem: Din il-viżjoni għandha tistabbiixxi l-għan(ijiet) fuq medda twila ta' żmien, li għandhom jiġu definiti minn esperti awtoritattivi fil-qasam u approvati fil-livell politiku. Tiġi żviluppata abbażi ta’ evidenza kredibbli (li possibbilment tinkludi attivitajiet (konġunti) ta’ reviżjoni u firxa wiesgħa ta' konsultazzjonijiet (pubbliċi) mal-partijiet interessati, partikolarment mal-komunitajiet xjentifiċi u industrijali. Bl-istess mod tista’ tkun ibbażata fuq evalwazzjoni (konġunta) preliminari ta’ programmi u kapaċitajiet eżistenti. 2. Ladarba din il-viżjoni tiġi stabbilita, għandha tiġi tradotta f’Aġenda Strateġika ta' Riċerka (SRA), li tinkludi għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u bbażati fuq perjodu ta' żmien (SMART). L-aġenda strateġika ta’ riċerka għandha twettaq il-viżjoni u torbot l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet tal-viżjoni ma’ kompetenzi eżistenti fl-Ewropa jew ma’ kompetenzi ġodda li se jiġu żviluppati. L-għarfien tajjeb tal-programmi u l-kompetenzi eżistenti madwar l-Ewropa (u lil hinn) se jkun essenzjali. 3. L-implimentazzjoni ta’ l-SRA L-awtoritajiet pubbliċi kollha li jipparteċipaw jorjentaw il-programmi u l-finanzjamenti tagħhom b'manjiera koerenti għall-implimentazzjoni ta' l-SRA. Id-diversi strumenti ta' riċerka pubblika (Programmi ta' riċerka nazzjonali u reġjonali, Organizzazzjonijiet ta' riċerka intergovernattivi u skemi ta' kollaborazzjoni, Infrastrutturi ta' riċerka, Skemi ta' mobbiltà...) għandhom jiġu esplorati u użati għall-implimentazzjoni ta' l-Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta individwali. Teżisti l-possibbiltà li l-implimentazzjoni tuża fondi u strumenti ta’ l-UE permezz ta’ Programm Qafas. Għandhom jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari tal-progress għall-konformità ma’ l-għanijiet SMART, u r-riżultati għandhom jiġu rrapurtati lil-livell politiku. Il-Programmazzjoni Konġunta tista’ ssir eħfef jekk għadd ta’ jiddaħħlu fis-seħħ għadd ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas: - Ftehim dwar għadd ta’ prinċipji u proċeduri li jinqasmu bejn atturi differenti għal evalwazzjoni bejniethom. - L-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni għal attivitajiet ta' previżjoni u għal evalwazzjoni konġunta ta' programmi nazzjonali jew reġjonali jew investimenti f'oqsma speċifiċi ta' riċerka. - Id-definizzjoni ta’ prinċipji komuni għal finanzjament transkonfinali ta’ riċerka minn awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali (“ir-regoli finanzjarji tal-logħba”). - Miżuri effettivi biex jiġi żgurat il-ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali kif ukoll għall-iffaċilitar tad-disseminazzjoni u l-aħjar użu tar-riżultati tar-riċerka. 4. Proċess għall-identifikazzjoni ta’ oqsma speċifiċi għall-Programmazzjoni Konġunta | Kif spjegat f'din il-Komunikazzjoni, il-Programmazzjoni Konġunta hija marbuta mal-fatt li l-Istati Membri jiżviluppaw viżjonijiet komuni u Aġendi Strateġiċi ta’ Riċerka, biex jindirizzaw sfidi soċjali speċifiċi. Kif intqal diġà, dan huwa proċess volontarju bbażat fuq il-prinċipju ta’ ġeometrija varjabbli u l-aċċess miftuħ. Madankollu, fil-qafas tal-Proċess usa’ ta’ Ljubljana, jagħmel sens li l-istituzzjonijiet ta’ l-UE jkollhom rwol fil-governanza tagħha, filwaqt li s-sjieda u r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri trid tiġi enfasizzata.. Il-Kummissjoni tista’ taġixxi bħala faċilitatur u se tkun lesta li toffri l-għajnuna li tintalab mill-Istati Membri involuti fl-Inizjattivi ta’ Programazzjoni Konġunta. Barra minn hekk se tgħarraf lill-Kunsill dwar l-iżviluppi li jsiru biex dan ta' l-aħħar ikun jista' jiżgura monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi. Dan se jiżgura aċċess miftuħ billi l-Istati Membri jinżammu infurmati dwar l-Inizjattivi li jkunu ppjanati jew li huma għaddejja biex dawn ikunu jistgħu jissieħbu fi kwalunkwe stadju. Għalhekk il-Kummissjoni: - Tistieden lill-Kunsill biex japprova, sa tmiem l-2008, il-kunċett u l-għanijiet tal-Programmazzjoni Konġunta. - Tistieden lill-Kunsill biex jitlob lill-Ministri jaħtru rappreżentanti ta' livell għoli li jidentifikaw u jħeġġu, sas-sajf ta' l-2009, oqsma speċifiċi għall-Programmazzjoni Konġunta, abbażi ta' kriterji ċari (ara l-kaxxa 3) u konsultazzjonijiet ma' partijiet interessati. Il-Kummissjoni tipproponi li taġixxi bħala segretarjat ta’ dan il-grupp. - Se jressaq Rakkomandazzjonijiet, li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill sa tmiem l-2009, bil-għan li jitniedu Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta fl-oqsma speċifiċi identifikati mir-rappreżentanti ta' livell għoli. Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet se jinkludu suġġerimenti aktar dettaljati fir-rigward tal-governanza u l-implimentazzjoni ta’ Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta, b’kunsiderazzjoni tar-reazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Istati Membri impenjati li jipparteċipaw fl-Inizjattivi individwali. - Se tibda kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet u awtoritajiet interessati bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet qafas tal-Programmazzjoni Konġunta. - Tistieden lill-Kunsill biex isegwi u jwettaq monitoraġġġ regolari tal-progress ta’ l-Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta, u jekk ikun meħtieġ, jikkunsidra passi ulterjuri biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Kaxxa 3: Kriterji għall-identifikazzjoni ta’ oqsma speċifiċi għal Programmazzjoni Konġunta - Il-qasam jindirizza sfida soċjo-ekonomika jew ambjentali pan-Ewropea/globali; - Ir-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi hija ċentrali biex tiġi indirizzata l-isfida; - Hemm valur miżjud ċar fil-Programmazzjoni Konġunta f’dan il-qasam, eż. hemm il-ħtieġa għal riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi ta’ skala u ambitu lil hinn mill-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri individwali; - Il-qasam huwa ffokat biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġi stabbiliti għanijiet ċari u realistiċi. Barra minn hekk, l-Inizjattiva ta' Programmazzjoni Konġunta f'qasam magħżul għandha: - Tikkontribiwixxi sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni inutli ta' riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi, u tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti u effettiv tar-riżorsi pubbliċi; - Tinvolvi l-inizjattivi pubbliċi ewlenin fil-qasam, u jkollha l-approvazzjoni u l-impenn min-naħa ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw fiha. [1] Wieħed għandu jinnota: L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti fil-qasam ta’ l-ICT (ENIAC u ARTEMIS, fl-oqsma tan-nanoelettronika u s-sistema integrata tal-kompjuter, rispettivament) jappellaw għal fondi industrijali, Komunitarji u pubbliċi nazzjonali. [2] Ara l-Valutazzjoni ta' l-Impatt anċillari ma’ din il-Komunikazzjoni. [3] COM(2007) 723 ta' l-22.11.2007 [4] Barra minn din il-Komunikazzjoni, din is-sena l-Kummissjoni adottat:- Rakkomandazzjoni “dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f'attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għall-universitajiet u għal organizzazzjonijiet oħra ta' riċerka pubblika, ", COM(2008)1329 ta’ l-10.4.2008;- Komunikazzjoni dwar 'Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi", COM(2008)317 tat-23.5.2008;- Barra minn hekk, hija qed tħejji Regolament tal-Kunsill dwar “Qafas legali Komunitarju għal Infratruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERI)” u Komunikazzjoni dwar “Qafas strateġiku Ewropew għall kooperazzjoni internazzjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija”. [5] Dan il-kunċett ikopri l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. [6] Il-ħolqien ta’ Ewropa Innovattiva, rapport ta’ grupp ippresedut minn Esko Aho lill-Kummissjoni, Jannar 2006 [7] F’dan il-kuntest, approċċ aktar stateġiku, li jmur lil hinn mill-koordinazzjoni attwali tad-diversi azzjonijiet ta’ l-ERA-NET li jkopru r-riċerka dwar l-ibħra huwa propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija ta’ Riċerka dwar l-Ibħra u l-Affarijiet Marittimi għall-Ewropa”, li se joħolqu opportunitajiet konkreti għal programmazzjoni konġunta.