Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0435

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni {SEG(2008) 2207} {SEG(2008) 2208} {SEG(2008) 2209}

/* KUMM/2008/0435 finali */

52008DC0435




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.7.2008

KUMM(2008) 435 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għat-twettiq ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni {SEG(2008) 2207}{SEG(2008) 2208}{SEG(2008) 2209}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għat-twettiq ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni

1. Daħla: Lejn trasport sostenibbli

L-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni hija parti minn pakkett ta’ inizjattivi maħsuba biex jagħmlu t-trasport aktar sostenibbli. Illum il-ġurnata, huwa ta’ l-akbar importanza li s-settur tat-trasport jikkontribwixxi għall-prijoritajiet prinċipali tal-Kummissjoni, jiġifieri l-iżvilupp sostenibbli u ż-żamma tal-kompetittività fl-Ewropa.

Fl-2006, il-leġiżlatur talab lill-Kummissjoni biex tfassal "mudell universali, trasparenti u li jiftiehem" għall-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni.

" Mhux iktar tard mill-10 ta' Ġunju 2008 il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-għażliet kollha, inklużi spejjeż marbuta ma' l-ambjent, mal-ħsejjes,[storbju] mal-konġestjoni u mas-saħħa, għandha tippreżenta mudell applikabbli b'mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni ta' l-ispejjeż esterni kollha sabiex iservi bħala l-bażi għall-kalkolu fil-ġejjieni tal-ħlasijiet għall-infrastruttura. Dan il-mudell għandu jkun akkumpanjat minn analiżi ta' l-impatt ta' l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni għall-modi kollha ta' trasport u minn strateġija għal implimentazzjoni fi stadji tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport.

Ir-rapport u l-mudell għandhom ikunu akkumpanjati, fejn ikun xieraq, minn proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal reviżjoni ulterjuri ta' din id-Direttiva. " (id-Direttiva 2006/38/KE).

Dan it-tip ta’ proġett mhuwiex ġdid. Il-Kummissjoni Ewropea ilha għadd ta’ snin tisħaq fuq il-ħtieġa għal sistema ta ’ tariffikazzjoni li tkun aktar effiċjenti u li tirrifletti b'mod aktar preċiż l-ispejjeż reali tat-trasport [1]. It-trasport jikkaġuna ħsarat li jġibu magħhom spejjeż għas-soċjetà kif ukoll għall-ekonomija. L-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni għandha l-għan li tagħti s-sinjal tal-prezz it-tajjeb, sabiex l-utenti jġarrbu l-ispejjeż li joħolqu, u b'hekk ikunu xprunati biex jadattaw l-aġir tagħhom bil-għan li dawk l-ispejjeż jitnaqqsu.

L-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni. Skond ir-riżultati tal-valutazzjoni ta' l-impatt[2], jekk ma jsir xejn fis-snin li ġejjin, l-ispejjeż ambjentali (it-tniġġis ta' l-arja, emissjonijiet tas-CO2) għandhom mnejn jaslu sa EUR 210 biljun sa 2020. Barra minn hekk, iċ-ċittadini u l-impriżi tagħna aktarx ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-konġestjoni f'aktar minn kwart tan-netwerk Ewropew tat-toroq.

2. X'għandna nistennew mill-internalizzazzjoni: prezzijiet aktar intelliġenti

2.1. Kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż iġġenerati mit-trasport

L-utenti tat-trasport iħallsu għall-ispejjeż marbutin direttament ma' l-użu tal-mezz ta’ trasport tagħhom (fjuwil, assigurazzjoni, eċċ.). Dawn l-ispejjeż jitqiesu bħala privati , fis-sens illi jitħallsu direttament mill-utent. Madankollu, l-utenti tat-trasport jikkaġunaw ukoll ħsarat li jġibu magħhom spejjeż għas-soċjetà, spejjeż li l-utenti nfushom ma jġarrbux direttament (spejjeż esterni ). Dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu telf ta' ħin għas-sewwieqa l-oħra minħabba l-konġestjoni tat-traffiku, problemi tas-saħħa marbutin ma' l-istorbju u mat-tniġġis ta’ l-arja, u aktar fit-tul, l-effetti ta’ l-emissjoni ta’ gassijiet serra fit-tibdil fil-klima. Dawn l-ispejjeż huma reali, anki jekk mhux dejjem ikollhom valur espliċitu fis-suq: l-infiq għall-pulizijia u għat-tmexxija ta' l-infrastrutturi, l-ispejjeż ta' l-isptar u l-infiq għas-saħħa pubblika, it-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja. Dawn l-ispejjeż ġeneralment jiġġarrbu mill-kollettività taċ-ċittadini. Is-somma ta’ l-ispejjeż privati u dawk esterni tirrappreżenta l-ispiża soċjali tat-trasport. Prezz imsejjes fuq l-ispejjeż soċjali kollha kkaġunati mill-utent tat-trasport ikun l-unika soluzzjoni biex iwassal is-sinjal tal-prezz it-tajjeb u biex jitqiesu bis-sħiħ is-servizzi użati u l-konsum ta’ riżorsi skarsi.

Madankollu, biex dan is-sinjal tal-prezz ikun effikaċi, l-utent għandu jkun sensittiv għall-prezz. Xi minn daqqiet, din is-sitwazzjoni ma tkunx possibbli għal raġunijiet partikulari: in-nuqqas ta’ alternattivi kredibbli, il-qagħda ta’ kompetittività insuffiċjenti f'ċertu modi tat-trasport, inċentivi dgħajfa wisq għall-innovazzjoni u l-qlib għal vetturi li jniġġsu anqas, eċċ. Għaldaqstant, l-internalizzazzjoni nnifisha hija pass li jeħtiġilna nieħdu, iżda għandha tkun akkumpanjata minn miżuri oħra biex id-domanda ssir aktar flessibbli, jiġifieri, aktar sensittiva għall-varjazzjoni tal-prezzijiet, bil-għan li l-offerta ta’ ċerti servizzi u l-aċċellerazzjoni ta’ l-innovazzjoni teknoloġika jsiru aktar attraenti. L-għan tat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż esterni jitlob strateġija li għandha timplika ħafna elementi minbarra l-internalizzazzjoni: l-iżvilupp u l-provvista ta’ infrastrutturi, it-tħeġġiġ ta’ l-innovazzjoni teknoloġika, il-politika tal-kompetittività, ir-regolamentazzjoni u l-istabbiliment ta’ standards.

2.2. Strument ekonomiku xieraq għal kull tip ta’ spiża esterna

Fil-prattika, l-istrumenti ekonomiċi ewlenin għall-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni huma t-tassazzjoni, in-nolijiet jew it-tariffi għall-użu, u f'ċerti ċirkustanzi[3], l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Dawn l-istrumenti ekonomiċi diġà jintużaw sa gradi diversi skond il-mod tat-trasport u l-ispejjeż involuti. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt[4] dwar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tirrevedi l-qagħda attwali f'dak li jirrigwarda n-nolijiet, it-taxxi u l-kwoti ta’ emissjonijiet għal kull mezz tat-trasport.

Kull tip ta’ spiża esterna għandu karatteristiċi speċifiċi li jitolbu l-użu ta’ strumenti ekonomiċi xierqa. Ċerti spejjeż esterni huma marbutin ma' l-użu ta’ l-infrastruttura, u jvarjaw skond iż-żmien u l-post. Dan hu l-każ tal-konġestjoni tat-traffiku, tat-tniġġis ta’ l-arja, ta’ l-istorbji u ta’ l-aċċidenti, li lkoll għandhom dimensjoni lokali qawwija u jvarjaw skond il-perjodu, il-post u t-tip ta’ netwerk. L-applikazzjoni ta’ tariffi differenzjati hi l-aqwa mod kif jitqiesu dawn il-varjazzjonijiet. Fil-fatt, għaliex utent għandu jħallas l-istess prezz, irrispettivament jekk jivvjaġġjax fis-sigħat ta’ l-eqqel traffiku jew fil-ħinijiet irrakkomandati, jew jekk jużawx rotot ta’ ħafna konġestjoni jew triq alternattiva? Biex tagħqad, vettura li tniġġes anqas tħallas l-istess prezz bħal vettura li tniġġes aktar u tagħmel aktar storbju.

Min-naħa l-oħra, it-tibdil fil-klima ma għandux din id-dimensjoni lokali. L-emissjonijiet tas-CO2, u b'mod aktar ġenerali l-gassijiet b'effett tas-serra, ma jiddependux mill-ħinijiet jew mill-post, iżda huma marbutin mal-konsum tal-fjuwil. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' tariffi differenzjati mhijiex neċessarja, iżda jkun jixraq aktar li jintuża strument marbut direttament ma' dan il-konsum, bħat-tassazzjoni fuq il-fjuwil jew sistema għall-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet tas-CO2.

2.3. It-tkomplija tal-funzjonament tajjeb tas-suq

Is-salvagwardja tas-suq intern huwa prinċipju fondamentali ta’ l-Unjoni. F'dan is-sens, jeħtieġ li tiġi evitata tariffikazzjoni żejda li x'aktarx tasal biex ixxekkel iċ-ċirkolazzjoni ħielsa, jew li minħabba l-effett fuq it-traffiku ta’ tranżitu tkun ta’ ħsara għal reġjuni oħra. Minħabba f'hekk, il-prinċipji ta' internalizzazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq. Fl-istess waqt, in-natura lokali ta’ ċerti spejjeż esterni għandha tiġi rikonoxxuta, u huwa importanti li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-istrateġija Komunitarja u l-istrateġiji lokali.

L-istabbiliment ta’ prinċipji komuni għall-Istati Membri għandu jipprevjeni kull diskriminazzjoni u jiggarantixxi t-trasparenza tas-suq. Il-proposta ta’ metodoloġija komuni tippermetti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn it-tariffi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-ispejjeż esterni reali. Fl-aħħarnett, l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ għandha tiżgura li l-proċess ikun ċar u effikaċi għall-partijiet kollha kkonċernati.

3. Prinċipji ġenerali ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni: it-tariffikazzjoni għall-ispiża soċjali marġinali

L-għoti ta’ sinjal tajjeb lill-utenti tat-trasport għandu jissarraf fi prezzijiet li ma jwasslux għall-esplotazzjoni żejda tar-riżorsi, u li ma jippreġudikaw la s-settur tat-trasport u lanqas l-ekonomija. Fil-lingwaġġ ta’ l-ekonomija, il-bilanċ jinkiseb permezz tat-" tariffikazzjoni għall-ispiża soċjali marġinali " , li qiegħda tiġi proposta bħala l-prinċipju ġenerali għall-internalizzazzjoni .

Skond dan l-approċċ, il-prezzijiet tat-trasport għandhom ikunu ekwivalenti għall-ispiża supplimentari li jikkaġuna utent addizzjonali ta’ l-infrastruttura fil-medda l-qasira. Fit-teorija, din l-ispiża supplimentari għandha tinkludi l-ispiża ta’ l-utent kif ukoll l-ispejjeż esterni. It-tariffikazzjoni għall-ispiża soċjali marġinali b'hekk twassal għal użu effikaċi ta’ l-infrastruttura eżistenti. Barra minn hekk, billi l-utent iħallas għall-ispiża supplimentari li joħloq għas-soċjetà, tali tariffikazzjoni tikkontribwixxi għall-ekwità fost dawk li jużaw it-trasport u dawk li ma jużawhx, u tistabbilixxi rabta diretta bejn l-użu ta’ riżorsi komuni u l-ħlas skond il-prinċipji ta’ "min iniġġes iħallas" u ta’ "min juża jħallas". Tali approċċ ikun possibbli biss jekk min iniġġes ma jirċevix kumpens li jxejjen l-effetti possibbli ta’ l-internalizzazzjoni.

Madankollu, l-ispejjeż marġinali jvarjaw skond il-ħinijiet u l-post, u fil-prattika huwa diffiċli li dawn l-ispejjeż marġinali jiġu vvalutati. Għaldaqstant, ċertu livell ta’ simplifikazzjoni jsir inevitabbli. B'mod ġenerali, l-ispejjeż marġinali jistgħu jikkorrispondu għal medja ta’ spejjeż varjabbli.

F'ċerti każijiet, l-approċċ skond l-ispiża marġinali jista' jkollu ċerti limiti. Mhux bilfors jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ l-infrastruttura fil-każ li l-ispejjeż fissi jkunu għolja jew is-setturi kkonċernati jkollhom densità skarsa ta’ traffiku. Fejn ikun meħtieġ, jistgħu jiġu implimentati approċċi kumplimentari biex jiżguraw il-finanzjament ta’ l-infrastruttura skond il-prinċipju ta’ "min juża jħallas", kif ukoll l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni skond il-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas". Dan jista' jikkontribwixxi wkoll biex jiggarantixxi l-ekwità fost l-utenti tat-trasport u fis-soċjetà kollha kemm hi. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda ċerti spejjeż bħall-istorbju, l-istima ta' l-ispejjeż marġinali titlob metodi kumplessi ħafna, u approċċ prammatiku msejjes fuq l-ispiża medja jaf ikun aktar vijabbli (ara l-Anness Tekniku[5]).

L-Anness Tekniku jipproponi qafas komuni għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż esterni tal-konġestjoni, it-tniġġis ta’ l-arja, l-istorbju u t-tibdil fil-klima billi jiġu stabbiliti prinċipji komuni u metodoloġija komuni. F'dan id-dokument ma jiġux trattati espliċitament l-aċċidenti (ara l-Grafika 2 ta’ l-Anness Tekniku). L-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni ta’ l-aċċidenti jkollha ssir permezz ta’ mekkaniżmi li jkunu kapaċi jqisu d-diversi tipi ta’ mġiba riskjuża (is-sewqan b'veloċità qawwija jew taħt l-effett ta’ l-alkoħol) u jagħtu inċentivi biex tali mġiba tinbidel. Il-primjums ta’ l-assigurazzjoni, pereżempju permezz tas-sistema ta’ punti jew bonus/malus, diġà jwieġbu għal din il-ħtieġa billi jqisu l-profil ta’ riskju tas-sewwieq, iżda l-primjums huma bbażati fuq l-ispejjeż tal-ħsarat, u dan ġeneralment ma jkoprix l-ispejjeż kollha involuti. Minkejja li l-konsultazzjoni kixfet appoġġ għall-idea li l-ispejjeż jingħaddu għall-primjums ta’ l-assigurazzjoni, tali miżura jkollha tqis id-differenzi bejn l-Istati Membri, u tkun teħtieġ eżami aktar fil-fond, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-sussidjarjetà. F'dan l-istadju, il-proċess għadu mhuwiex avvanzat biżżejjed biex tiġi proposta inizjattiva fil-livell Ewropew.

4. Strateġija għall-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni fil-modi kollha tat-trasport

Anki jekk nistgħu nistabbilixxu prinċipju ġenerali għall-internalizzazzjoni (tariffikazzjoni għall-ispiża soċjali marġinali) u metodoloġija għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż esterni, huwa diffiċli li nimmaġinaw mekkaniżmu universali ta' internalizzazzjoni fil-mezzi kollha tat-trasport, billi dawn huwa kkaratterizzati minn teknoloġiji differenti, numri differenti ta’ partijiet interessati, oqfsa regolamentarji u leġiżlattivi fis-seħħ, eċċ. Għandu jiġu applikat l-istess prinċipju bi strumenti differenzjati.

L-Ewropa mhix qiegħda tibda mill-bidu. L-Unjoni diġà ħadet miżuri li jippermettu l-internalizzazzjoni u li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ħsarat. L-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni ta' l-enerġija fl-2003 kienet pass importanti, u r-reviżjoni tagħha li mistennija għall-2008 ser tfittex li tqis aħjar l-emissjonijiet tas-CO2. Il-proposta reċenti li sa l-2011 tiġi inkluża l-avjazzjoni fis-sistema ta’ skambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet tirrappreżenta pass ieħor kruċjali fil-kontribut tat-trasport għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni ta’ l-impatt, l-istrateġija globali tkun tista' tiġi adattata skond il-karatteristiċi ta' kull mod tat-trasport, u b'hekk tkun tista' tieħu passi oħra 'l quddiem.

4.1. Il-possibbiltà ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni fit-trasport tal-merkanzija bit-triq

It-trasport tal-merkanzija bit-triq jirrappreżenta tliet kwarti mill-ġarr tal-merkanzija, u l-possibbiltà li l-ispejjeż esterni jiġu internalizzati tista' tikkontribwixxi għal tnaqqis ta' l-ispejjeż ambjentali b'madwar biljun ewro mqabbel max-xenajru "li ma jsir xejn". Barra minn hekk, inqas konġestjoni tfisser inqas ħin maqbud fit-traffiku, u jista' jikkontribwixxi għat-titjib tal-ktajjen tal-valur miżjud. B'dan il-mod, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni fit-trasport tal-merkanzija bit-triq.

4.1.1. Tariffikazzjoni 'ħadra' u intelliġenti: ir-reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE (Ġunju 2008)

Id-Direttiva ta’ l-1999 dwar it-tariffikazzjoni tal-vetturi tal-ġarr il-kbar [vetturi ta’ merkanzija tqila] tipprojbixxi l-inkorporazzjoni ta’ element ta’ spejjeż esterni fil-kalkolu tan-nolijiet. Din id-Direttiva ġiet emendata fl-2006 biex tadatta t-tariffi skond il-karatteristiċi ambjentali tal-vetturi. Madankollu, bl-eċċezzjoni taż-żoni tal-muntanji u biss taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dħul min-nolijiet ma jistax jisboq l-ispejjeż ta' l-infrastrutturi, inkluż fir-reġjuni bl-aktar tniġġis jew konġestjoni.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt eżaminat id-diversi modi ta’ kif jistgħu jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni. Ir-riżultati juru safejn it-tariffikazzjoni tat-tniġġis ta’ l-arja, ta’ l-istorbju u tal-konġestjoni jikkontribwixxu biex inaqqsu l-ispejjeż esterni mingħajr ma jkollhom impatt negattiv sproporzjonat fuq l-ekonomija. Il-ħin li jintrebaħ permezz tat-tnaqqis fil-konġestjoni jikkontribwixxu sew għall-effiċjenza ekonomika kif ukoll għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li d-Direttiva 1999/62/KE tiġi emendata sabiex tippermetti t-tariffikazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni. Din ir-reviżjoni għandha tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin: (1) il-kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż esterni tat-tniġġis ta' l-arja, ta' l-istorbju u tal-konġestjoni; (2) l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni Komunitarja permezz ta’ metodu komuni u valuri massimi għall-kalkolu tat-tariffi; u (3) l-allokazzjoni tad-dħul lis-settur tat-trasport. Dan l-approċċ huwa mirfud mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, in-nolijiet għandhom jiġu adattati skond il-vetturi, it-tip tat-triq u l-perjodu, u għandhom jinġabru permezz ta' pedaġġi elettroniċi li jevitaw il-konġestjoni mal-kabini tal-pedaġġ.

4.1.2. Niffaċilitaw l-internalizzazzjoni permezz tat-teknoloġija (il-ħarifa ta’ l-2008)

Il-pjan ta’ azzjoni għal sistema ta’ trasport intelliġenti, li se jiġi propost fil-ħarifa ta' l-2008, se jimmira li jsaħħaħ l-użu tal-mezzi teknoloġiċi. Il-Kummissjoni ser tadotta d-deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-interoperabbiltà tal-pedaġġi elettroniċi, kif inhu pprovdut fid-Direttiva 2004/52/KE. Dawn id-deċiżjonijiet se jiżguraw l-interoperabbiltà totali ta’ dawn is-sistemi fit-tliet snin ta' wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet rigward id-definizzjoni tas-servizz Ewropew tal-pedaġġ elettroniku.

4.2. It-tħeġġiġ ta' użu aktar sostenibbli tal-karozza (il-ħarifa ta’ l-2008)

Il-karrozzi privati ma għandhomx jibqgħu esklużi minn din l-inizjattiva. Ikun siewi li l-prinċipji tat-tarifikazzjoni hawnhekk proposti jitwessgħu wkoll għall-karrozzi privati. Għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħżlu jekk japplikawhomx jew le.

Il-pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà urbana li ser jiġu propost fil-ħarifa ta’ l-2008 ser jeżamina wkoll kif tista' tittejjeb il-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej fl-ibliet, filwaqt li tikkunsidra l-valur miżjud ta' azzjoni Komunitarja. Dan il-pjan ta’ azzjoni jitnissel minn dibattitu li tnieda bil- Green Paper dwar it-trasport urban[6]. Il-qsim ta’ l-esperjenzi varji tat-tariffikazzjoni implimentata fl-ibliet Ewropej, kif ukoll il-ħolqien ta’ pjattaforma għad-diskussjoni, jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu identifikati l-aqwa prassi fil-qasam tat-tariffikazzjoni. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ kriterji armonizzati fil-qasam tar-restrizzjonijiet għat-traffiku urban, kif ukoll it-tħeġġiġ ta’ l-interoperabbiltà tat-teknoloġiji, jistgħu jikkontribwixxu biex jarmonizzaw it-twettiq ta’ politika ta’ internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni fiż-żoni urbani Ewropej.

Fl-aħħarnett[7], il-proposta dwar it-taxxi relatati mal-karrozzi tal-passiġġieri bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Kunsill. Din il-proposta timmira r-ristrutturazzjoni tat-taxxi eżistenti sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tas-CO2. Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi tliet miżuri ewlenin: it-tneħħija tat-taxxa tar-reġistrazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rimborż tat-taxxa tar-reġistrazzjoni, u r-ristrutturazzjoni tal-bażi tat-taxxa tar-reġistrazzjoni u tat-taxxa annwali għall-użu tat-toroq bil-għan li tintrabat totalment jew parzjalment ma' l-emissjonijiet tas-CO2.

4.3. Lejn l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni fil-modi l-oħra tat-trasport

L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tieħu passi 'l quddiem f'dan il-qasam. Il-modi l-oħra tat-trasport għandhom ukoll rwol x'jiżvolġu fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Kull mod tat-trasport jaffronta l-isfida partikulari tiegħu: l-istorbju fit-trasport ferrovjarju, it-tniġġis ta’ l-arja u t-tibdil fil-klima fit-trasport bil-baħar, u l-istorbju, it-tniġġis ta’ l-ajra u t-tibdil fil-klima fit-trasport bl-ajru. L-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tista' wkoll tuża l-aktar strumenti xierqa biex tħeġġeġ lill-utenti jadottaw aġir aktar sostenibbli.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt qieset ukoll id-diversi għażliet ta’ kif jistgħu jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni fil-mezzi l-oħra tat-trasport. L-għażliet ta’ politika għarblu l-internalizzazzjoni kemm ta’ l-ispejjeż ambjentali (it-tniġġis ta’ l-arja u l-istorbju) kif ukoll dawk marbutin mat-tibdil fil-klima. Tali strateġija jkollha impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-ħsarat.

4.3.1. It-trasport ferrovjarju (2008)

Id-Direttiva 2001/14/KE tippermetti l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni. Madankollu, anki jekk l-internalizzazzjoni timplika żieda fid-dħul ta' min imexxi l-infrastruttura, id-Direttiva tippermetti din iż-żieda biss jekk isseħħ żieda ekwivalenti fil-modi l-oħra tat-trasport kompetituri. B'hekk, ir-reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE se tagħti l-possibbiltà li jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni fit-trasport bit-triq, li huwa kompetitur tat-trasport ferrovjarju.

L-istorbju jibqa' sfida kbira ħafna għat-trasport ferrovjarju. Il-Kummissjoni se tippubblika, fl-istess ħin ma' din il-Komunikazzjoni, Komunikazzjoni oħra dwar il-miżuri ta’ tħeġġiġ biex jitnaqqas l-istorbju, u x'aktarx tipproponi miżuri leġiżlattivi f'dan il-qasam sa tmiem 2008, fl-okkażjoni tar-riformulazzjoni ta’ l-ewwel pakkett ferrovjarju.

4.3.2. It-trasport bl-ajru (tmiem 2008)

It-trasport bl-ajru diġà beda jikkontribwixxi għal dan il-programm. Billi l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru qed jiżdiedu b'mod partikularment veloċi, il-Kummissjoni pproponiet li, mill-20 ta’ Diċembru 2006 'l quddiem, jiġu integrati l-emissjonijiet tas-CO2 ikkaġunati mill-avjazzjoni fis-sistema Ewropea għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet (ETS). F'dan il-qafas, mill-2011 jew l-2012, il-kumpaniji ta’ l-ajru se jkollhom jroddu lura kwoti biex ikopru l-emissjonijiet skond il-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas". Din il-proposta ta’ Direttiva tkopri t-titjiriet intra-Komunitarji, iżda wkoll it-titjiriet kollha li jaslu jew li jitilqu minn ajruport li jinsab fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta ta’ Direttiva tiffissa limitu ta’ emissjonijiet li jikkorrispondi għal 100 % tal-perjodu ta’ referenza 2004-2006.

Konxja li l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima jmur lil hinn mill-emissjonijiet tas-CO2, il-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li tittratta l-emissjonijiet ta' gassijiet oħra b'effett tas-serra, b'mod partikulari l-ossidu tan-nitroġenu (NOx). Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tħejji proposta oħra bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-NOx. Din il-proposta mistennija titressaq sa tmiem 2008.

Fl-aħħarnett, fl-24 ta’ Jannar il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar it-tariffi fuq l-ajruporti. Il-proposta ntlaqgħet tajjeb mill-Parlament u mill-Kunsill. Sensiela ta’ emendi jipproponu li tiġi inkluża t-tariffikazzjoni differenzjata skond il-ħsarat ambjentali.

4.3.3. It-trasport bil-baħar (2009)

Fit-trasport bil-baħar, l-emissjonijiet tas-CO2 żdiedu f'dawn l-aħħar snin minħabba t-tkabbir tiegħu. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 pproponew li jittieħdu miżuri rigward l-emissjonijiet ikkaġunati mill-attivitajiet tat-trasport bil-baħar internazzjonali. Il-Kummissjoni tixtieq tinkludi lis-settur marittimu fil-ftehim ta’ wara l-2012 dwar il-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, u tixtieq ukoll li l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) timplimenta miżuri fl-2009 biex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Jekk ma jsirx progress suffiċjenti min-naħa ta’ l-IMO, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri fil-livell Ewropew; waħda mill-għażliet possibbli hi li s-settur marittimu jiġi inkluż fis-sistema Ewropea għall-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet.

4.3.4. Mogħdijiet interni fuq l-ilma

Il-Komunikazzjoni rigward il-programm Naiades immirat l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni f'kull mod tat-trasport sa l-2013. Il-Komunikazzjoni tfakkar li tali approċċ jista' jagħti spinta tajba lin-navigazzjoni interna, u jista' jippermetti l-finanzjament ta' proġetti ta’ żvilupp ta’ infrastrutturi f'dan il-qasam. Ir-riżultati tal-valutazzjoni ta’ l-impatt juru li l-mogħdijiet interni fuq l-ilma se jgawdu minn din l-istrateġija, u jistgħu jgawdu wkoll minn politika intermodali reali, skond l-effiċjenza enerġetika tagħhom f'termini ta’ tunnellati għal kull kilometru.

4.4. L-użu tad-dħul mill-internalizzazzjoni biex it-trasport isir aktar sostenibbli

L-użu tad-dħul mill-internalizzazzjoni għandu jqis, minn perspettiva Komunitarja, il-vantaġġi ta’ l-attivitajiet li jitnisslu mit-traffiku internazzjonali. F'ħafna każijiet, id-dħul mill-internalizzazzjoni jiġi minn dan it-traffiku. It-trasport bit-triq internazzjonali jirrappreżenta kważi kwart tat-trasport bit-triq fl-Ewropa. F'seba' Stati Membri, jirrappreżenta saħansitra aktar min-nofs (sa 74 % bil-Belġju, 76 % fil-Lussemburgu, 85 % fl-Estonja). Jekk id-dħul ma jiġix assenjat lit-trasport, l-Istati Membri x'aktarx jużaw id-dħul mill-internalizzazzjoni għall-interessi proprji tagħhom mingħajr ma jikkunsidraw il-vantaġġi ta’ mobbiltà sostenibbli fil-livell Komunitarju.

Biex it-trasport isir aktar sostenibbli, hemm ħtieġa enormi għal riċerka, innovazzjoni, investimenti f'infrastrutturi li jirrispettaw aktar l-ambjent, l-iżvilupp tat-trasport pubbliku, eċċ. Il-lista twila, u titlob sforzi kbar min-naħa ta' l-Istati Membri.. Barra minn hekk, l-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej jeħtieġ finanzjament konsiderevoli, speċjalment għal dawk il-proġetti indikati mill-Unjoni bħala prijoritarji. Id-dħul mill-internalizzazzjoni għandu jiġi assenjat lis-settur tat-trasport u għat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż esterni, dejjem abbażi ta’ studji ta' l-ispejjeż u l-vantaġġi jew studji simili, li jiggarantixxu li l-użi magħżula jkattru kemm jista' jkun il-benefiċċji netti għas-soċjetà. Il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE timmira tali strateġija.

5. Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-qafas komuni propost. It-trasport bit-triq huwa s-suġġett ta’ proposta leġiżlattiva inkluża f'dan il-pakkett.

Il-Kummissjoni ser tagħmel bilanċ ta’ dawn l-inizjattivi fl-2013, u ser tinforma dwar il-progress miksub fil-qasam ta’ l-internalizzazzjoni. Il-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni ser tiġi aġġornata b'qies għar-riċerka u x-xogħlijiet xjentifiċi fil-qasam. Jekk ikun meħtieġ, u skond il-progress miksub, jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-valutazzjoni spejjeż esterni oħra, bħalma huma l-ispejjeż marbutin man-natura u l-pajssaġġi jew l-użu ta' l-art.

[1] Il-Green Paper tal-Kummissjoni intitolat "Lejn prezzijiet ġusti u effikaċi fit-trasport" adottata fl-1995, il-White Paper tal-Kummissjoni "Ħlasijiet ġusti għall-użu ta' infrastrutturi – Metodu fi stadji għat-twaqqif ta' qafas komuni fil-qasam ta' l-iffissar ta' prezzijiet ta' infrastrutturi ta' trasport fl-UE" adottata fl-1998, u l-White Paper tal-Kummissjoni "Politika għal trasport Ewropew għall-2010: il-waqt li niddeċiedu" adottata f'Settembru 2001 [ titoli mhux uffiċjali ], saħqu fuq il-fatt li l-ispejjeż varji kkaġunati mill-użu ta’ l-infrastrutturi tat-trasport jingħaddu lill-utenti biss parzjalment, u t-tqassim ta’ dan il-piż mhuwiex ibbilanċjat. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata mill-ġdid fir-reviżjoni ta' nofs it-term ta' din l-aħħar White Paper fl-2006, meta l-Kummissjoni ntrabtet li tipproponi metodoloġija għall-istabbiliment ta' tariffi fuq l-infrastrutturi abbażi tad-Direttiva dwar il-ħlas għall-użu tat-toroq.

[2] Valutazzjoni ta’ l-impatt ta' l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni. SEC(2008) 2208.

[3] Id-Direttiva 2003/87 tistipula li l-Istati Membri għandhom jassenjaw talanqas 90 % mill-kwoti tas-CO2 b'xejn. Biex il-permessi ta’ emissjoni jiġu internalizzati, jeħtieġ li l-entitajiet ta' ħruġ ibigħuhom, pereżempju, bi prezz ekwivalenti għall-ispiża esterna. F'Jannar 2008 (COM(2008) 16), il-Kummissjoni pproponiet l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rkant li tippermetti li jiġi rifless il-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas". Is-sistema se tiġi implimentata b'mod progressiv, u huwa mistenni li talanqas żewġ terzi mill-kwantità totali tal-kwoti jkunu mqiegħda għall-irkant sa l-2013.

[4] SEC(2008) 2208.

[5] SEC(2008) 2207.

[6] Il-Green Paper “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” (Settembru 2007), disponibbli fl-indirizz http://ec.europa.eu/transport/clean/green_paper_urban_transport/index_en.htm.

[7] COM(2005) 261. Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar taxxi relatati mal-karrozzi tal-passiġġieri.

Top