Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0371

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-ħames Rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali - Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber {SEC(2008) 371 finali}

    /* KUMM/2008/0371 finali */

    52008DC0371

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-ħames Rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali - Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber {SEC(2008) 371 finali} /* KUMM/2008/0371 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 19.6.2008

    KUMM(2008) 371 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Il-ħames rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber

    {SEC(2008) 371 finali}

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    WERREJ

    1. Introduzzjoni 3

    2. Il-politika ta’ koeżjoni: fiex wasal id-dibattitu 4

    2.1. Objettivi u prijoritajiet 4

    2.2. It-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni 4

    2.3. Il-passi li jmiss 4

    3. Il-konverġenza, it-tkabbir u r-ristrutturar ta’ l-ekonomija fost ir-reġjuni ta’ l-UE 4

    3.1. Id-distribuzzjoni reġjonali tas-setturi Ewropej bi tkabbir kbir 4

    3.1.1. Reġjuni ta’ Konverġenza 4

    3.1.2. Reġjuni ta’ Tranżizzjoni 4

    3.1.3. Kompetittività reġjonali u reġjuni ta’ impjiegi 4

    3.2. Il-kontribuzzjoni ta’ setturi bi tkabbir għoli għall-konverġenza 4

    3.3. Edukazzjoni, ħiliet u ħaddiema b’għarfien 4

    3.4. Konklużjonijiet 4

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Il-ħames rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber

    INTRODUZZJONI

    F’Settembru 2007, il-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni pubblika dwar l-isfidi li se taffaċċja l-politika ta’ koeżjoni fis-snin li ġejjin biex tiġbor ideat dwar il-prijoritajiet, l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-politika.

    Il-politika ta’ koeżjoni hija ankrata fl-Artikolu 158 tat-Trattat tal-KE, li jgħid li l-Komunità għandha l-għan li tippromwovi żvilupp armonjuż u li, b’dan il-għan, għandha tiżviluppa u ssegwi l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. It-Trattat ta’ Liżbona, li fil-preżent jinsab fil-proċess ta’ ratifikazzjoni, jadatta dan it-test meta jirreferi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali .

    Il-konsultazzjoni għandha titqies fil-qafas akbar tar-reviżjoni baġitarja li għaddejja, u li din tikkontribwixxi għaliha. Din kienet komplementata minn avvenimenti importanti oħrajn bħalma hi l-laqgħa informali tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp reġjonali li saret fl-Azores fit-23-24 ta’ Novembru 2007; il-konferenza f’livell għoli organizzata mill-presidenza Slovena f’Maribor fis-7-8 ta’ April 2008; u l-opinjonijiet li l-Parlament Ewropew[1], il-Kumitat tar-Reġjuni[2], u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3] adottaw fir-Raba’ Rapport ta’ Koeżjoni.

    Pass ieħor importanti fl-2008 se tkun l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali, li l-iskop prinċipali tagħha huwa li jitnieda dibattitu pubbliku wiesa’ dwar l-implikazzjonijiet ta’ l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ koeżjoni territorjali fit-Trattat, partikolarment fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni.

    Fl-2008, il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll Komunikazzjoni dwar l-aġenda soċjali kif imġedda. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar "ir-realtà soċjali” ta’ l-Ewropa, din għandha tfassal modi li bihom l-Ewropa tista’ twieġeb għar-realtajiet soċjali Ewropej li qed jinbidlu, partikolarment kif il-politiki ta’ l-Unjoni jistgħu jiġu utilizzati sabiex jippromwovu opportunitajiet, aċċess u solidarjetà.

    L-ewwel parti ta’ dan ir-rapport tipprovdi sinteżi tal-kontribuzzjonijiet irċevuti bejn Settembru 2007 u Frar 2008. L-ewwel fażi tad-dibattitu tgħin biex jiġu identifikati kwistjonijiet għad-diskussjoni u d-direzzjoni għar-riflessjoni, li l-Kummissjoni għandha tqis bis-serjetà fil-kuntest tar-reviżjoni tal-baġit.

    It-tieni parti tar-rapport tipprovdi analiżi aktar dettaljata ta’ xejriet reġjonali kbar. It-tema ta’ dan ir-rapport dwar il-progress hija s-setturi tat-tkabbir Ewropew, li l-prestazzjoni tagħhom fir-reġjuni għandha tiddetermina, bil-kbir, il-livell ta’ żvilupp ekonomiku reġjonali fis-snin li ġejjin.

    IL-POLITIKA TA’ KOEżJONI: FIEX WASAL ID-DIBATTITU

    Il-Kummissjoni rċeviet aktar minn mitt kontribuzzjoni[4], l-aktar mill-partijiet interessati qrib il-ġestjoni tal-politika, li jirrappreżentaw aktar minn nofs l-Istati Membri (li jammontaw għal kważi 80% tal-popolazzjoni ta’ l-UE); numru kbir ta’ awtoritajiet reġjonali; maġġoranza ta’ assoċjazzjonijiet reġjonali u lokali; imsieħba ekonomiċi u soċjali; organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka; u xi ċittadini.

    Il-parti kbira tat-tweġibiet, u partikolarment dawk tal-gvernijiet nazzjonali, ma jirrappreżentawx pożizzjonijiet finali. Dan hu normali meta wieħed iqis l-istadju bikri tad-dibattitu u d-diskussjoni usa’ dwar ir-reviżjoni tal-baġit ta’ l-UE.

    Il-konsultazzjoni pubblika tikkonferma li l-interess fil-politika ta’ koeżjoni għadu qawwi. Tabilħaqq, l-ewwel konklużjoni ġenerali li wieħed jista’ jasal għaliha mid-diskussjoni hija r-rikonoxximent min-naħa tal-partijiet interessati tar-rwol importanti li għandha l-politika ta’ koeżjoni fil-kostruzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u s-sostenn għall-kontinwazzjoni ta’ dik il-politika. Kull tentattiv biex il-politika tiġi rinazzjonalizzata huwa rrifjutat kważi unanimament.

    Bosta kontribuzzjonijiet jikkonfermaw li l-politika ta’ koeżjoni tidderiġi u tkattar it-tkabbir madwar l-Ewropa; tippromwovi l-investimenti li, li kieku, ma kinux isiru; hija ta’ sostenn għall-kompetittività fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli; issaħħaħ il-progress u s-solidarjetà soċjali; ittejjeb il-kapital fiżiku, soċjali u uman bħala stimolu għat-tkabbir, il-potenzjal għall-innovazzjoni, il-kapaċità amministrattiva, u l-modernizzazzjoni ta’ l-amministrazzjoni; tinkoraġġixxi ġestjoni strateġika u finanzjarja multiannwali; tippromwovi trasferimenti ta’ għarfien u esperjenza u ta’ l-aqwa prattiki bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri; u tkattar kultura ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet jagħtu importanza lill-kultura ta’ sħubija li l-politika tippromwovi. Bi qbil mar-riżultati ta’ stħarriġ riċenti ta’ l-Ewrobarometru[5], il-konsultazzjoni tikkonferma r-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fiż-żieda tal-viżibbiltà ta’ l-UE għaċ-ċittadini Ewropej.

    Objettivi u prijoritajiet

    Il-kontribuzzjonijiet kollha jaqblu li l-objettiv prinċipali tal-politika ta’ koeżjoni huwa t-tnaqqis ta’ diskrepanzi ekonomiċi u soċjali bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni Ewropej. Ir-reġjuni li jaqgħu lura, għaldaqstant, għandhom jibqgħu ċ-ċentru tal-politika. Madankollu, parti kbira tal-kontribuzzjonijiet – flimkien mal-Parlament Ewropew – jargumentaw li, meta wieħed iqis li l-politika ta’ koeżjoni mhix mekkaniżmu sempliċi ta’ solidarjetà, iżda timmira wkoll li tkattar il-potenzjal ta’ l-iżvilupp endoġenu tar-reġjuni Ewropej, il-politika għandha tkopri t-territorju sħiħ ta’ l-UE.

    Il-parti l-kbira tal-partijiet interessati jirrikonoxxu l-kooperazzjoni territorjali bħala parti essenzjali mill-politika ta’ koeżjoni u japprezzaw li issa hi objettiv b’mod sħiħ. Huma jenfasizzw li l-kooperazzjoni territorjali hija waħda mill-aħjar eżempji tal-valur miżjud ta’ din il-politika u, għal din ir-raġuni, għandha tissaħħaħ.

    Ir-Raba’ rapport ta’ koeżjoni identifika serje ta’ sfidi li r-reġjuni u l-Istati Membri qegħdin u se jkunu qegħdin jaffaċċjaw dejjem iżjed: il-globalizzazzjoni, it-tibdil fid-demografija u t-tensjonijiet soċjali, it-tibdil fil-klima, u ż-żieda fil-prezzijiet ta' l-enerġija. Filwaqt li teżisti l-ammissjoni ġenerali li l-politika ta’ koeżjoni għandha tindirizza wkoll dawn l-isfidi, il-parti l-kbira tal-kontribuzzjonijiet jinnutaw li l-politika ta’ koeżjoni ma tistax tkun l-uniku strument, u lanqas dak prinċipali. Xi wħud jikkunsidraw li dawn l-isfidi diġà qed jiġu indirizzati permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Aġendi ta’ Liżbona u ta’ Gothenburg. Oħrajn ifakkru li l-mod kif wieħed jaffaċċja dawn l-isfidi m’għandux joskura l-objettivi prinċipali tal-politika ta’ koeżjoni kif imnaqqxa fit-Trattat.

    Xi kontribuzzjonijiet iħeġġu lill-Kummissjoni biex tikkomplementa l-PGD għal kull persuna fil-PPS ma’ miżuri oħrajn ta’ benessri u livelli ta’ għajxien.

    Fejn jidħol il-kontenut tal-politika ta’ koeżjoni, jidher li f’dan l-istadju qed jintlaħaq konsensus dwar it-temi transversali li ġejjin:

    - Il-kompetittività hija fil-qalba tal-politika ta’ koeżjoni. It-talba sabiex jiġi “allokat” sehem sinifikanti tar-riżorsi finanzjarji għal investimenti prinċipali marbuta ma' l-Aġenda għat-tkabbir u l-impjiegi, kif imġedda, hija sostnuta biċ-ċar. B’mod partikolari, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-titjib tal-ħiliet biex jippromwovu l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, l-iżvilupp ta’ kapital uman permezz ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-adattabbiltà, is-sostenn lill-attivitajiet ta’ negozju (speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju), it-tisħiħ tal-kapaċità u l-iżvilupp istituzzjonali ta’ kultura ta’ intraprendenza, huma kkunsidrati bħala oqsma prinċipali fejn għandu jiġi kkonċentrat l-investiment.

    - Il-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol huma wkoll fil-qalba ta’ l-azzjonijiet proposti biex jagħtu spinta lill-impjiegi, isaħħu l-koeżjoni soċjali u jnaqqsu r-riskju ta’ faqar. Numru sinifikanti ta’ parteċipanti jikkunsidraw li l-politika ta’ koeżjoni għandha tagħti kontribut lid-dimensjoni soċjali ta’ l-Ewropa billi ssaħħaħ il-prospetti ta’ l-impjiegi tal-gruppi l-aktar vulnerabbli bħalma huma ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà, l-immigranti u l-minoritajiet.L-imsieħba soċjali u ekonomċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenfassizaw ir-rwol importanti ta’ l-ekonomija soċjali fil-produzzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità, it-tkattir ta' l-innovazzjoni, il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp taż-żoni rurali, u l-provvediment ta’ numru ta’ servizzi ta’ interess ġenerali. Jenfasizzaw ukoll il-kontribuzzjoni tal-bini tal-kapaċità għall-infurzar ta’ prinċipji ta’ ġestjoni u sħubija tajba. Fl-aħħar nett, xi ilħna li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili jargumentaw li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkun ta’ sostenn għal gruppi li għandhom diffikultajiet speċjali biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.

    - It-tielet tema transversali hija l-iżvilupp sostenibbli: Bosta kontribuzzjonijiet jikkunsidraw li l-politika ta’ koeżjoni għandha ssaħħaħ l-orjentazzjoni tagħha lejn it-twassil ta’ l-objettiv ta' l-Aġenda ta' Gothenburg. B’mod partikulari, il-politika tkun tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra permezz tal-politiki ta’ trażżin immirati għat-titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija u fil-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli.

    Barra mit-temi t'hawn fuq, irċevew attenzjoni konsiderevoli wkoll numru ta' kwistjonijiet oħra.

    L-inklużjoni tal-koeżjoni territorjali fit-Trattat ta’ Liżbona hija ġeneralment milqugħa tajjeb. Madankollu, xi kontribuzzjonijiet iħeġġu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa definizzjoni ta’ koeżjoni territorjali u indikaturi biex dan il-kunċett jinftiehem aħjar. Fl-istess ħin, bosta gvernijiet nazzjonali jikkunsidraw li l-koeżjoni soċjali diġà ġiet integrata fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni, u li d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u territorjali tal-koeżjoni ma jistgħux ikunu separati.

    Il-koeżjoni territorjali tidher, l-aktar minn atturi reġjonali u lokali, bħala opportunità biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali u atturi oħra fl-implimentazzjoni tal-politika. Bosta kontribuzzjonijiet jenfasizzaw ir-rwol ta’ żoni urbani u l-interdipendenza tagħhom ma’ żoni rurali bħala dimensjonijiet importanti tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Il-bliet huma spiss identifikati bħala postijiet ikkaratterizzati minn esklużjoni soċjali, faqar u żvilupp żbilanċjat sinifikanti. Il-mekkaniżmi eżistenti favur xi żoni speċifiċi bħalma huma r-reġjuni l-aktar imbiegħda jew l-inħawi tat-Tramuntana li għandhom popolazzjoni sparsa ma jqanqlu l-ebda dubju.

    Bosta huma kunfidenti wkoll li l-kunċett ta’ koeżjoni territorjali se jgħin biex tiġi integrata aħjar dimensjoni territorjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki settorjali Ewropej.

    Jidher li qed jintlaħaq konsensus favur aktar flessibbiltà fir-rigward ta’ kooperazzjoni territorjali sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jikkooperaw ma’ reġjuni oħra apparti minn reġjuni ġirien jew reġjuni li jinsabu fl-istess żona ġeografika. Il-kooperazzjoni ma’ reġjuni u pajjiżi li huma ġirien ta’ l-UE hija meqjusa essenzjali wkoll.

    It-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni

    Ir-riforma tal-politika ta’ koeżjoni lejn approċċ aktar strateġiku hija sostnuta mill-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet.

    Ħafna jsemmu li l-implimentazzjoni tal-programm għadha kif bdiet u li valutazzjoni komprensiva ma tistax issir qabel ma jsiru disponibbli r-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet.

    Madankollu, maġġoranza sinifikanti ta’ partijiet interessati titlob li l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli istituzzjonali differenti tkun aktar ċara (il-Kummissjoni, l-Istat Membru, ir-reġjuni, u atturi oħra). Bosta partijiet interessati, partikolarment fil-livell reġjonali u dak lokali, japprezzaw aktar deċentralizzazzjoni ta’ responsabbiltajiet. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza tat-twassil fil-livell lokali, speċjalment għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) . Stqarrijiet oħra ġew mill-imsieħba ekonomiċi u soċjali u mis-soċjetà ċivili. Dawn il-partijiet interessati jinsistu wkoll fuq definizzjoni aktar inklussiva tal-prinċipju ta’ sħubija.

    Is-simplifikazzjoni hija talba oħra li toħroġ mill-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet. Bosta kontribuzzjonijiet esprimew tħassib dwar il-prinċipju ta' "programm wieħed-fond wieħed" li għadu kif ġie introdott, li jista' ma jiffaċilitax l-implimentazzjoni tal-politika.

    Hemm bosta ilmenti fuq il-burokrazija u r-rekwiżiti ta’ verifika marbuta ma’ l-implimentazzjoni tal-politika. Dawn huma meqjusa bħala li jaqtgħu qalb bosta benefiċjarji potenzjali u li jxekklu l-implimentazzjoni fil-livell lokali ta’ proġetti importanti. Il-Kummissjoni hi mħeġġa biex tissimplifika l-proċeduri eżistenti talanqas għall-programmi żgħar.

    Kwistjoni oħra importanti li ta’ spiss issemmiet tikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-EFŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni. Xi kontribuzzjonijiet jitolbu għall-integrazzjoni tagħhom f’Fond wieħed għall-fini ta’ żvilupp strateġiku aktar koerenti.

    L-opinjonijiet jidhru li huma maqsuma fejn tidħol l-opportunità biex wieħed juża l-politika ta’ koeżjoni bħala strument biex ikun hemm reazzjoni immedjata għal xokkijiet assimetriċi jew kriżijiet importanti mqanqla mill-proċessi ta’ ristrutturazzjoni: filwaqt li xi wħud isostnu flessibbiltà akbar, oħrajn jinnutaw li l-politika ta’ koeżjoni hija qabelxejn politika strutturali kkaratterizzata minn ippjanar strateġiku b’perspettiva għal żmien medju u twil.

    Għadd ta’ kontribuzzjonijiet jinsistu għal aktar esplorazzjoni ta’ l-użu ta’ mezzi ta’ finanzjament apparti mill-għotjiet ( grants ) bħalma huma s-self mill-bank, mikro-krediti, strumenti għall-kapital ta’ riskju jew strumenti għal sħubija pubblika-privata.

    Kwistjoni ta’ l-aħħar, importanti, imqajma mill-konsultazzjoni tikkonċerna l-koordinazzjoni bejn il-politika ta’ koeżjoni, politiki Komunitarji oħra, u politiki nazzjonali. Bosta kontribuzzjonijiet huma tal-fehma li l-politiki settorjali tal-Komunità imisshom iqisu aħjar l-aspetti reġjonali. Barra minn hekk, bosta partijiet interessati jqisuha importanti li jiġu żviluppati approċċi koerenti u integrati, partikolarment bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-iżvilupp rurali.

    Il-koordinazzjoni ma’ politiki nazzjonali hija kkunsidrata kritika wkoll. Xi partijiet interessati, ngħidu aħna, huma tal-fehma li l-prinċipju ta’ l-addizjonalità għandu jissaħħaħ. Barra minn hekk, xi msieħba ekonomiċi u soċjali jemmnu li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkun misjuqa mil-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi u mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

    Il-passi li jmiss

    Id-dibattitu dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni għadu kif beda u se jkompli fis-snin li ġejjin. Fost il-ħafna avvenimenti importanti li se jikkaratterizzaw dan id-dibattitu, ta’ min isemmi l-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar ir-reviżjoni tal-baġit, il-konsultazzjoni pubblika dwar il- Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali li l-Kummissjoni se tniedi fil-Ħarifa 2008, u l-avvenimenti ministerjali u ta' livell għoli li se jkunu organizzati taħt il-Presidenzi differenti.

    Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress ta’ din ir-riflessjoni fis-Sitt rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-Rebbiegħa 2009.

    Aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport tagħha fuq ir-reviżjoni tal-baġit 2008/2009 fejn tistabbilixxi l-viżjoni globali tagħha għall-istruttura u d-direzzjoni tal-prijoritajiet futuri għall-infiq ta’ l-UE.

    IL-KONVERġENZA, IT-TKABBIR U R-RISTRUTTURAR TA’ L-EKONOMIJA FOST IR-REġJUNI TA’ L-UE

    Il-konverġenza fost ir-reġjuni Ewropej baqgħet b’saħħitha f'dawn l-aħħar snin, b'mod li wasslet għal tnaqqis konsiderevoli fid-diskrepanzi ta' PGD għal kull persuna, fl-impjiegi u speċjalment fir-rati tal-qgħad. Din it-xejra hija misjuqa sew minn titjib fir-reġjuni li huma l-anqas sinjuri (Ara l-Figura 1).

    Għall-fini ta’ l-analiżi li ġejja, ir-reġjuni ġew imqassma fi tliet kategoriji: Ir-reġjuni ta’ Konverġenza, Tranżizzjoni[6], u Kompetittività u Impjiegi Reġjonali (KIR), u kull wieħed minnhom għandu profil soċjo-ekonomiku.

    Ir-reġjuni ta’ Konverġenza għad għandhom PGD baxx għal kull persuna, b’rata ta’ 58% tal-medja ta’ l-UE, filwaqt li r-reġjuni ta’ Tranżizzjoni qed jersqu qrib il-medja ta’ l-UE. Bejn is-sena 2000 u l-2005, iż-żewġ gruppi ta’ reġjuni naqqsu d-diskrepanza mal-medja ta’ l-UE b’madwar 5 punti perċentwali (ara t-Tabella 1 u l-fiche fuq il-PGD).

    Ir-rati ta’ l-impjiegi huma baxxi, ta’ 58%, fir-reġjuni ta’ Konverġenza, meta mqabbla ma’ dik ta’ 68% fir-reġjuni ta’ KIR. Mis-sena 2000, ir-reġjuni ta’ Konverġenza ma kienx irnexxilhom inaqqsu din id-diskrepanza. Ir-reġjuni ta’ Tranżizzjoni, madankollu, irnexxilhom inaqqsu d-diskrepanza u issa għandhom rata ta’ impjiegi ta’ 63%, iżda xorta għadhom sewwa taħt ir-reġjuni ta’ KIR (ara t-Tabella 1). Ir-rati tal-qgħad għadhom erba’ punti perċentwali ogħla fir-reġjuni ta’ Konverġenza milli fir-reġjuni ta’ KIR, iżda din id-diskrepanza kienet kważi darbtejn akbar fis-sena 2000.

    Id-distribuzzjoni reġjonali tas-setturi Ewropej bi tkabbir kbir

    Din it-taqsima tiddiskuti l-istruttura settorjali ta’ ekonomiji reġjonali filwaqt li tiffoka fuq is-setturi ta’ tkabbir ta’ l-UE (ara l-anness). Fil-livell reġjonali, ġew analizzati tliet setturi ta’ tkabbir: (1) Is-servizzi finanzjarji u ta’ negozju, (2) Il-kummerċ, it-trasport u l-komunikazzjoni, u (3) Il-kostruzzjoni. Is-settur tat-tkabbir, il-manifattura b’livell għoli jew medju ta’ teknoloġija, huwa parti mis-settur ta’ l-industrija u, għaldaqstant, ma jistax jiġi identifikat fil-livell reġjonali kif ġieb u laħaq.

    It-tliet tipi ta’ reġjuni huma differenti f’termini ta’ struttura ekonomika, xejriet ta’ tkabbir u produttività. Ngħidu aħna, il-produttività fir-reġjuni ta’ Konverġenza hija n-nofs ta' dik fir-reġjuni ta’ KIR, jew anqas (ara t-Tabella 3), u filwaqt li l-għadd ta' impjiegi naqas sew fir-reġjuni ta' Konverġenza, dan kiber fiż-żewġ tipi l-oħra ta’ reġjuni.

    Reġjuni ta’ Konverġenza

    It-tliet setturi ta’ tkabbir huma inqas importanti fir-reġjuni ta’ Konverġenza, fejn jammontaw biss għal 40% ta’ l-impjiegi meta mqabbla ma’ 50% f’reġjuni oħra. Il-proporzjon ta’ Servizzi finanzjarji u ta’ negozju huwa baxx wisq. It-tkabbir tal-VMG u speċjalment ta’ l-impjiegi f’dan is-settur, madankollu, huwa ħafna ogħla minn f’setturi oħrajn. Il-Kummerċ, it-trasport u l-komunikazzjoni wkoll esperjenza żieda qawwija kemm fl-impjiegi kif ukoll fil-VMG, filwaqt li r-rati ta’ tkabbir fil- Kostruzzjoni huma simili għall-medji ta’ l-UE.

    L- Industrija hija aktar importanti fir-reġjuni ta’ Konverġenza milli fl-oħrajn u rreġistrat l-ogħla rata fit-tkabbir tal-VMG. L-impjiegi fl-industrija naqsu, imma inqas milli fir-reġjuni l-oħra. Madankollu, il-produttività industrijali għadha terz ta’ dik fir-reġjuni ta’ KIR. L-impjiegi fil-manifattura b’livell għoli jew medju ta’ teknoloġija, madankollu, kibru b’1% bejn is-sena 2000 u l-2005.

    L- Agrikoltura tibqa’ settur importanti fir-reġjuni ta’ Konverġenza, u tammonta għal aktar minn 15% ta’ l-impjiegi, ħames darbiet aktar il-proporzjon tar-reġjuni ta’ KIR. Dan jiġri fil-kuntest ta’ impjiegi li qed jonqsu f’dan is-settur fl-istess waqt li qed tiżdied il-produttività[7]. Dan ifisser li minkejja ż-żidiet b’saħħithom fl-impjiegi fis-setturi ta’ tkabbir, l-għadd totali ta' impjiegi naqas fir-reġjuni ta' Konverġenza.

    Reġjuni ta’ Tranżizzjoni

    Ir-reġjuni ta’ Tranżizzjoni għandhom l-istess proporzjon ta’ impjiegi u tal-VMG fit-tliet setturi tat-tkabbir bħar-reġjuni ta' KIR, iżda l-proporzjon tagħhom ta' Servizzi finanzjarji u ta' negozju huwa ferm iżgħar. B’rati ta' tkabbir annwali ta' 4%, dan is-settur kiber b'pass aktar mgħaġġel minn kwalunkwe ieħor, iżda d-differenza tibqa' kbira.

    Iż-żewġ setturi ta’ tkabbir l-oħra, il- Kummerċ, it-trasport u l-komunikazzjoni u l -Kostruzzjoni, qabżu l-medja wkoll. Fir-reġjuni ta’ Tranżizzjoni, speċjalment il-proporzjon tas-settur tal-Kostruzzjoni, huwa ferm ogħla milli fir-reġjuni l-oħra. Sa ċertu punt, dan jista' jiġi spjegat bit-tkabbir ekonomiku b'saħħtu, dħul ogħla, u bil-ħtieġa kontinwa li jittejbu partijiet mill-infrastruttura fiżika. F’xi reġjuni, it-tkabbir tal-kostruzzjoni huwa wkoll parzjalment dovut għad-domanda għat-tieni dar u għall-akkomodazzjoni għat-turisti. In-natura ċiklika ħafna ta’ dan is-settur, madankollu, lil dawn l-ekonomiji tħallihom vulnerabbli.

    Is-sehem ta’ l- Industrija huwa inqas importanti fir-reġjuni ta’ Tranżizzjoni milli fiż-żewġ tipi l-oħra ta’ reġjuni.

    Kompetittività reġjonali u reġjuni ta’ impjiegi

    Fir-reġjuni ta’ KIR, is- Servizzi finanzjarji u ta’ negozju esperjenzaw l-akbar tkabbir fl-impjiegi u fil-VMG, u wrew żieda fl-ispeċjalizzazzjoni. Iż-żewġ setturi l-oħra ta' tkabbir għandhom proporzjon iżgħar tal-VMG u ta’ impjiegi milli fiż-żewġ reġjuni l-oħra u esperjenzaw rati ta’ tkabbir viċin il-medja ta’ l-UE.

    Il-proporzjon tal-VMG ta’ l- Industrija tar-reġjuni ta’ KIR huwa komparabbli ma’ dak tar-reġjuni ta’ Konverġenza imma l-qgħad f’dan is-settur huwa sinifikament iktar baxx fir-reġjuni ta’ KIR. Dan jirrifletti r-riżultati ta’ qabża pożittiva lejn attivitajiet b’valur miżjud ogħla f’dan is-settur. L-impjiegi f’dan is-settur u fil-manifattura b’livell għoli jew medju ta’ teknoloħija naqsu.

    In-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp bħala proporzjon tal-PGD hija kważi tliet darbiet iktar fir-reġjuni ta’ KIR milli f’ta’ Konverġenza. Madankollu, il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni qed issir globali, li jfisser li l-UE għandha tikkompeti globalment. Ir-reġjuni ta’ KIR jonfqu 2.1% tal-PGD tagħhom għar-Riċerka u l-Iżvilupp, imma l-Istati Uniti jonfqu 2.5%. Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ PGD fl-ogħla stati ta’ l-Istati Uniti, li jirrappreżentaw 10% tal-popolazzjoni, iddedikat għar-Riċerka u l-Iżvilupp, huwa 25% ogħla milli fir-reġjuni ekwivalenti ta’ l-UE.

    Il-KIR huwa l-akbar mit-tliet gruppi u bħala riżultat huwa wkoll aktar varju. L-istruttura ekonomika tvarja konsiderevolment. Uħud minnhom huma speċjalizzati fis-Servizzi finanzjarji u ta’ negozju, bħalma hu l-Lussemburgu u l-Île de France, b’mill-inqas 40% tal-VMG tagħhom f’dan is-settur. Reġjuni oħra jiddependu ħafna fuq il-Kummerċ, it-Trasport u l-Komunikazzjoni bħal, pereżempju, Tirol, Praha u l-Illes Balears, b’mill-inqas 30% tal-VMG tagħhom f’dan is-settur. Il-prestazzjoni ekonomika tvarja wkoll. Bejn is-sena 2000 u s-sena 2005, 17-il reġjun ta’ KIR esperjenza tnaqqis fl-impjiegi u 22 kellhom rata ta’ tkabbir tal-PGD taħt iż-0.5%.

    Il-kontribuzzjoni ta’ setturi bi tkabbir għoli għall-konverġenza

    L-analiżi t’hawn fuq turi li s-setturi ta’ tkabbir għamlu kontribuzzjoni importanti għall-konverġenza kemm fir-reġjuni ta’ Konverġenza u f’dak ta’ Tranżizzjoni, iżda l-mudell ivarja.

    Fir-reġjuni ta’ Konverġenza, it-tliet setturi ta’ tkabbir ikkontribwew għall-ħolqien sostanzjali ta’ impjiegi iżda mhux biżżejjed biex jegħlbu t-tnaqqis sinifikanti ta’ impjiegi fl-agrikoltura. It-tkabbir tal-VMG kien b’saħħtu wkoll fis-setturi ta’ tkabbir, speċjalment fis-Servizzi finanzjarji u ta’ negozju u fil-Kummerċ, it-trasport u l-komunikazzjoni .

    It-tkabbir tal-VMG, madankollu, kien ogħla fl-Industrija, u wassal għal proporzjon għoli u li baqa' jikber f'dan is-settur. Ikkumbinata ma’ proporzjon kbir ta’ impjiegi, din ix-xejra tista’ tippreżenta riskju, minħabba li bosta setturi industrijali kienu qegħdin jaqgħu lura fil-livell ta’ l-UE (ara figura 2). Fi ħdan l-industrija, il-proporzjon ta’ impjiegi fil-manifattura b’livell għoli u medju ta’ teknoloġija, is-settur fejn l-UE għandha l-akbar vantaġġ kompetittiv, huwa biss ta' 24% fir-reġjuni ta' Konverġenza meta mqabbel ma' dak ta' kważi 40% fil-KIR. Mis-sena 2000, ir-reġjuni ta’ Konverġenza kien irnexxilhom inaqqsu din id-diskrepanza b’punt perċentwali wieħed biss.

    Id-dejta nazzjonali turi li, fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, il-VMG qed jikber aktar malajr fis-settur tal-manifattura b’livell għoli u medju ta’ teknoloġija milli f’setturi oħra tal-manifattura. Madankollu, uħud għad għandhom proporzjon baxx ta’ VMG ta’ manifattura b’livell għoli u medju ta’ teknoloġija, partikolarment ir-Rumanija, il-Bulgarija, l-Istati Baltiċi, il-Greċja u l-Portugall. Dan, u l-produttività baxxa tagħhom fis-settur, jista’ jħallihom vulnerabbli għal kompetizzjoni globali li tiżdied.

    Ir-reġjuni ta’ Tranżizzjoni qed ilaħħqu b’pass mgħaġġel mar-reġjuni ta’ KIR, grazzi għall-prestazzjoni b’saħħitha tat-tliet setturi ta’ tkabbir u l-manifattura b’livell għoli u medju ta’ teknoloġija. Bħala riżultat, l-istruttura ekonomika tar-reġjuni ta’ Tranżizzjoni qed issir dejjem aktar bħal dik tar-reġjuni tal-KIR.

    Edukazzjoni, ħiliet u ħaddiema b’għarfien

    Il-ħiliet u l-kwalifiki huma fattur determinanti importanti ta’ dħul individwali u ta’ impjegabbiltà, u kontributuri sostanzjali għall-produttività tax-xogħol. Dawn jindikaw ukoll sa liema punt l-ekonomiji reġjonali mxew lejn użu aktar intensiv ta’ l-għarfien. Madankollu, l-UE tinvesti biss 1.2% tal-PGD fl-edukazzjoni ogħla fejn l-Istati Uniti tinvesti madwar 2.9%.

    Il-proporzjon ta’ nies b’edukazzjoni għolja bl-età ta’ bejn il-25 u l-64 huwa konsiderevolment aktar baxx fir-reġjuni ta' Konverġenza milli fir-reġjuni ta' KIR, bi 17% u 25% rispettivament. B’danakollu, il-proporzjon żdied b’mod indaqs bejn is-sena 2000 u l-2006, b’żieda kemxejn ogħla fir-reġjuni ta’ Tranżizzjoni, li issa kważi laħqu l-istess proporzjon bħal tar-reġjuni ta’ KIR.

    Il-proporzjon ta’ riżorsi umani fix-Xjenza u t-Teknoloġija ( HRST core )[8] ukoll għadu lura fir-reġjuni ta’ Konverġenza meta mqabbla ma’ reġjuni ta’ KIR, bi 12% meta mqabbla ma’ 17%. Imma, mis-sena 2000, ir-reġjuni ta’ Konverġenza rnexxilhom inaqqsu din id-diskrepanza b’punt perċentwali wieħed. L-użu tal- HRST core huwa partikolarment għoli fis-servizzi ta’ għarfien intensiv bħalma huma dak tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni, u tal-manifattura b’livell għoli u medju ta’ teknoloġija.

    Fl-2006, il-proporzjon ġenerali fir-reġjuni ta’ Konverġenza kien għadu 10 punti perċentwali aktar baxx milli fir-reġjuni ta’ KIR. It-tkabbir fil-proporzjon ta’ ħaddiema b’għarfien, madankollu, huwa għoli. Dan żdied bi 3.4 punti perċentwali bejn is-sena 2000 u l-2006 u ż-żieda kienet l-istess fir-reġjuni ta' Konverġenza u ta' KIR.

    Il-proporzjon ta’ ħaddiema b’għarfien[9] huwa partikolarment għoli f’reġjuni kapitali u f’reġjuni metropolitani kbar oħra li jilqgħu fihom kwartieri ġenerali prinċipali u servizzi speċjalizzati. Il-proporzjon ta’ ħaddiema b’għarfien għandu t-tendenza li jkun baxx fil-Portugall, Spanja, il-Greċja u l-Bulgarija, anki fir-reġjun kapitali tagħhom. Il-proporzjon żdied partikolarment f’bosta reġjunijiet fi Spanja, Franza, il-Greċja, l-Awstrija u s-Slovenja. Dan jindika li l-qabża lejn l-ekonomija ta' għarfien mhijiex kwistjoni esklussiva għar-reġjuni metropolitani kbar.

    Konklużjonijiet

    Din l-analiżi qasira wriet li s-setturi ta’ tkabbir Ewropej ikkontribwew ħafna għall-konverġenza. Madankollu, għad hemm differenzi importanti fl-istruttura ekonomika tat-tliet gruppi, u l-mudell tat-tnaqqis tad-distakk ivarja bejn ir-reġjuni ta’ Konverġenza u ta’ Tranżizzjoni. Dan għandu bosta implikazzjonijiet mill-perspettiva ta’ politika.

    L-isforzi biex jitkattru setturi Ewropej ta’ tkabbir għoli, jiġifieri dawk b’impjiegi jew tkabbir tal-VMG ’l fuq mill-medja, jidhru li huma ġustifikati. Dawn is-setturi mhux biss huma dawk li fihom l-ekonomija Ewropea għandha l-iktar perspettiva ċara tagħha ta’ tkabbir globali, imma jistgħu jkunu wkoll magni b’saħħithom għall-proċess ta’ konverġenza ta’ l-UE.

    Barra minn hekk, l-analiżi turi li r-reġjuni ta’ Konverġenza qegħdin jesperjenzaw ristrutturar ekonomiku kbir. Fis-settur tas-servizzi qed jinħoloq għadd sostanzjali ta’ impjiegi, filwaqt li l-agrikoltura qed tneħħi aktar u aktar impjiegi. It-tkabbir tal-VMG huwa għoli speċjalment fl-industrija u fis-servizzi, u t-tkabbir fil-produttività huwa tliet darbiet ogħla milli fir-reġjuni tat-KIR. Ristrutturar bħal dan jirrikjedi reazzjoni ta’ politika meqjusa.

    Ir-reġjuni ta’ Konverġenza għandhom jiffaċilitaw il-qabża ta’ l-impjiegi għas-servizzi, speċjalment għal setturi li ma jeħtiġux livelli edukattivi għolja, u jkomplu jimmodernizzaw is-settur agrikolu tagħhom. Minħabba li l-industrija hi, u se tibqa’, settur importanti fir-reġjuni ta’ Konverġenza, il-politika għandha tiffaċilita riorjentazzjoni progressiva ta’ l-industrija lejn produttività għolja u attivitajiet b’valur miżjud għoli sabiex tevita speċjalizzazzjoni f'setturi industrijali partikolarment esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u li joffru prospetti foqra ta' tkabbir.

    Ir-reġjuni ta’ Konverġenza għandhom jimmiraw ukoll biex itejbu l-livell ta’ l-edukazzjoni tal-ħaddiema, minħabba li l-qabża lejn attivitajiet b’valur miżjud ogħla se żżid id-domanda għal xogħol bħal dan. Dan se jinfluwenza wkoll il-pass li bih huma jadottaw teknoloġiji ġodda u jgħinu biex inaqqsu d-diskrepanza fil-produttività.

    Fl-aħħarnett, il-livelli għolja ta’ produttività fir-reġjuni ta’ KIR jagħtu lil dawn ir-reġjuni vantaġġ addizzjonali mhux biss fl-Ewropa imma wkoll fid-dinja. Sa ċertu punt, din il-produttività għolja hi dovuta għal investimenti b’saħħithom fir-Riċerka u l-Iżvilupp, li huma ħafna ogħla milli fir-reġjuni ta’ Konverġenza. Iżda biex iżommu l-vantaġġ globali, dawn ir-reġjuni jrid jirnexxilhom jikkompetu ma’ kompetituri dinjija oħra, li jinvestu proporzjonijiet akbar fir-Riċerka u l-Iżvilupp u fl-edukazzjoni għolja. Dan jenfasizza biċ-ċar il-benefiċċju ta’ l-orjentazzjoni ikbar tal-politika ta’ koeżjoni fil-KIR lejn aktar investimenti fl-innovazzjoni u l-kapital uman.

    [1] A6-9999/2008 [REF], adottat fil-21 ta' Frar 2008.

    [2] COTER IV-011 [REF] adottat fid-29 ta’ Novembru 2007.

    [3] ECO/209 [REF] adottat fit-13 ta’ Diċembru 2007.

    [4] Ara http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/4thcohesionforum/all_contrib_en.cfm?nmenu=6

    [5] http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_234_en.pdf

    [6] Reġjuni fil-fażi ta' introduzzjoni u tneħħija gradwali ('phasing in' u 'phasing out') ġew miġbura flimkien bħala reġjuni ta’ Tranżizzjoni minħabba li t-tnejn li huma jirċievu sostenn tranżizzjonali.

    [7] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: L-impjiegi fiż-żoni rurali, SEC(2006)1772.

    [8] Ara SEC(2008) […] għad-definizzjoni.

    [9] Idem.

    Top