Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0301

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013

    /* KUMM/2008/0301 finali */

    52008DC0301

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 /* KUMM/2008/0301 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 14.5.2008

    KUMM(2008) 301 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013

    INTRODUZZJONI

    Il-ġenerazzjoni ġdida ta' programmi Ewropej ta' politika ta' koeżjoni settorjali u reġjonali għall-perjodu 2007-2013 jirrikjedu appoġġ Komunitarju għal investimenti ġodda ta' xi EUR 347 biljun, u jikkostitwixxu t-tieni l-akbar partita fil-baġit Komunitarju. Dawn ir-riżorsi jirriflettu d-determinazzjoni kontinwa ta' l-UE biex tnaqqas id-differenzi fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-individiwi għal dak li għandu x'jaqsam mal-livell ta' għajxien u l-livelli ta' opportunità, u li jħeġġu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f'kuntest ta' globalizzazzjoni ta' l-ekonomija. Ir-riżorsi huma ffokati fuq l-Istati Membri u r-reġjuni li jaqgħu taħt l-għan tal-Konverġenza[1] (li jkopri 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni, b'81.5 % tar-riżorsi ta' l-investiment disponibbli[2]) u, ferm aktar milli fl-imgħoddi, fuq il-fatturi ta' kompetittività b'konformità ma' l-akbar prijorità ta' l-Unjoni, l-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-politika ta' koeżjoni tikkostitwixxi l-akbar sors ta' appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għall-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi, u permezz tas-sehem ta' parteċipanti reġjonali u lokali tiggarantixxi adeżjoni totali għal din l-istrateġija.

    Il-proċess ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tmexxa minn approġġ strateġiku li ggarantixxa li l-istrateġiji nazzjonali u l-programmi ta' ħidma ffokaw fuq il-prijoritajiet maġġuri ta' l-UE, filwaqt li kkunsidraw il-kuntesti nazzjonali u reġjonali. Wara dan id-djalogu intensiv ta' aktar minn sena u nofs, is-27 Oqfsa Nazzjonali Strateġiċi ta' Referenza (NSRF) kollha issa qegħdin fis-seħħ, flimkien ma' 429 ta' l-455 programmi ta' ħidma mistennija.

    Il-valur miżjud tal-proċess ta' negozjati jmur lil hinn mir-riżorsi finanzjarji. Id-diskussjonijiet ma' l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-imsieħba u l-parteċipanti lokali wrew li l-politika ħadmet ta' katalist għal bidla. Hi pprovdiet pjattaforma għat-tfassil ta' strateġiji reġjonali jew settorjali effettivi biex itejbu t-tkabbir, joħolqu aktar impjiegi aħjar u jtejbu l-mekkaniżmi ta' kalkolu u għoti ta' l-għajnuna finanzjarja li b'hekk tgħin għall-kibsa ta' impatt fit-tul u użu aktar effettiv tal-fondi pubbliċi. Bħala riżultat tal-proċess ta' negozjati, il-kwalità tal-programmi tjiebet b'mod sostanzjali, u l-kontenut tagħhom sar aktar konformi mal-prijoritajiet Komunitarji maġġuri.

    Din il-Komunikazzjoni tipprovdi taqsira ta' dawn il-kisbiet[3].

    IL-POLITIKA TA' KOEżJONI SE TINDIRIZZA L-PROBLEMI TAL-LUM U L-ISFIDI TAL-ġEJJIENI.

    Id-differenzi reġjonali jissoktaw jkunu ta' sfida fil-kuntest ta' Unjoni Ewropea mkabbra u iżjed kompetizzjoni fuq livell globali. Għalhekk, huwa essenzjali li l-politika ta' koeżjoni tappoġġja lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-inqas żviluppati biex ilaħħqu u jnaqqsu d-differenzi reġjonali. L-Istati Membri għamlu sforzi biex jidentifikaw il-bżonnijiet territorjali u jfasslu strateġiji biex inaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni u fir-reġjuni.

    Sabiex issegwi l-għanijiet tat-Trattat u tal-politika, il-ġenerazzjoni ġdida ta' programmi ta' koeżjoni għall-2007-2013 jagħmlu kontribut sinifikanti biex iwettqu l-għanijiet ta' l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi. B'hekk, dawn huma f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet ekonomiċi u politiki ewlenin ta' l-UE, jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli billi jsaħħu t-tkabbir, il-kompetittività, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali u billi jħarsu u jtejbu l-kwalità ta' l-ambjent[4].

    Fl-istess ħin, permezz ta' approċċ tal-politika integrat, il-politika ta' koeżjoni tagħti daqqa t'id lill-individwi, lill-kumpaniji, lill-ibliet, lir-reġjuni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-pajjiżi kandidati biex jegħlbu l-isfidi globali li qatt ma seħħew jew li qatt ma kienu daqshekk kbar fl-imgħoddi billi tipprovdilhom ġejjieni aħjar u aktar sigur. Il-Kummissjoni identifikat għadd minn dawn l-isfidi fir-Raba' rapport tagħha dwar il-koeżjoni[5] u f'Komunikazzjoni riċenti għar-reviżjoni tal-baġit ta' l-2008/2009[6]. It-taqsimiet ta' hawn taħt jenfasizzaw kif il-programmi diġà jindirizzaw dawn l-isfidi.

    Il-politika ta' koeżjoni fil-qalba tal-proċess ta' Liżbona

    Il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-politika ta' koeżjoni għall-2007-2013 hu kruċjali għall-aġenda ta' Liżbona bħala riżultat ta' għadd ta' riformi ewlenin introdotti għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid. Riżultat ewlieni tan-negozjati hu ż-żieda sostanzjali, meta mqabbla ma' l-imgħoddi, fl-investimenti li jappoġġjaw l-aġenda għat-tkabbir u l-impjiegi, speċjalment fl-oqsma ta' l-innovazzjoni, ir-riċerka, is-snajja u l-kapital uman. Fir-reġjuni l-inqas żviluppati fl-UE-27, taħt l- Għan ta' Konverġenza, 65 % tal-fondi huma mmirati għall-infiq marbut ma' Liżbona , filwaqt li r-reġjuni l-aktar żviluppati, taħt l- Għan ta' Kompetittività Reġjonali u Impjieg, biħsiebhom jinvestu 82 % tal-fondi fi prijoritajiet marbuta ma' Liżbona . B'mod aktar speċifiku, fir-reġjuni ta' Konverġenza tal-15-il Stat Membru ta' l-UE, 74 % ta' l-investimenti, u fir-reġjuni ta' Kompetittività Reġjonali u Impjieg, 83 % ġew allokati għall-infiq marbut ma' Liżbona. Madankollu, dawn iċ-ċifri jvarjaw fost l-Istati Membri u r-reġjuni. Fuq nett, ir-reġjuni ta' Konverġenza fil-Portugall u Spanja jimmiraw fuq medja 80 % ta' l-allokazzjoni totali tagħhom, filwaqt li r-reġjuni Kompetittivi fl-Awstrija jiddedikaw 92 % u d-Danimarka u l-Iżvezja 91 % tat-total tal-prijoritajiet ta' Liżbona.

    Ir-riżultati għat-12-il Stat Membru ta' l-UE juru l-integrazzjoni tal-prijoritajiet ta' Liżbona fid-dokumenti ta' programmazzjoni tagħhom minkejja d-domanda għar-riżorsi minn bosta setturi ta' l-ekonomija u ebda obbligu legali biex jidentifikaw l-infiq[7]. L-allokazzjoni marbuta ma' Liżbona f'dawn il-pajjiżi hi, fil-medja, 59 % (per eżempju l-Polonja 64 %, is-Slovakkja 59 %, ir-Rumanija 52 %).

    L-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi hi sinifikanti wkoll fil-programmi taħt l-Għan għall- Kooperazzjoni Territorjali Ewropea . Daqs nofs ir-riżorsi taħt dan l-Għan se jintużaw għal azzjonijiet immirati lejn Liżbona, b'enfażi speċifika fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (27 % tal-baġit totali allokat għal din il-prijorità).

    Rispons għall-globalizzazzjoni u l-bidla strutturali

    Globalizzazzjoni akbar u kompetizzjoni ħarxa fis-suq tad-dinja jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-Istati Membri, reġjuni u bliet, iżda fl-istess ħin jeħtieġu aġġustament għall-bidliet strutturali u tmexxija tal-konsegwenzi soċjali tagħhom kif ukoll tħaddim aħjar tas-suq intern.

    Il-garanzija ta' l- aċċessibbiltà għall-qalba tas-suq Ewropew u t-tfaffif ta' l-aċċess għas-swieq ġodda hu prerekwiżit għat-tħeġġiġ ta' l-investiment privat, titjib tas-suq waħdieni u t-trawwim ta' l-iżvilupp ekonomiku. Ir-reġjuni ta' Konverġenza, u speċjalment dawk fil-UE-12, għandhom defiċit serju fl-infrastruttura tat-trasport, u b'hekk investiment qawwi fit-trasport jibqa' prijorità maġġuri f'termini ta' bżonnijiet ta' riżorsi (total ta' EUR 82 biljun, jew 24 % tal-fondi totali). B'kunsiderazzjoni għall-punt ta' bidu tagħhom, l-utilità marġinali ta' tali investimenti hi għolja u ż-żieda mistennija fil-produttività totali tal-fatturi mdaqqsa. L-investiment f'trasport sostenibbli, bħat-trasport pubbliku urban, il-linji tal-ferroviji (fil-Polonja, it-tul tan-netwerk tal-linji ta' ferroviji modernizzat hu mistenni jittripla minn 538 km għal 1 786 km) sistemi ta' trasporti b'ħafna modi u intelliġenti, jammonta għal madwar EUR 35 biljun[8], żieda ta' 71 % mill-perjodu 2000-2006. L-allokazzjonijiet għat-trasport għall-investiment fil-prijoritajiet TEN-T jammontaw għal daqs EUR 38 biljun, EUR 13 biljun aktar minn 2000-2006 (Ir-Rumanija tippjana li tuża 72 % ta' l-allokazzjoni għat-trasport għal proġetti TEN-T). Barra minn hekk, l-investiment fir-rabtiet tat-trasport akkumpanjat minn intervenzjonijiet bejn is-setturi oħrajn għandu effetti ta' koeżjoni fuq ir-reġjuni kollha, iżda hu partikolarment importanti għaż-żoni b'nuqqasijiet speċjali, bħal żoni bi ftit nies u l-aktar reġjuni mbiegħda.

    L-appoġġ tar-reġjuni Ewropej biex jieħdu vantaġġ minn dinja li qiegħda tinbidel jeħtieġ investiment f'kompetittività mtejba permezz ta' għarfien li qiegħed jiżviluppa, l-innovazzjoni u l-irfid tal-programm xjentifiku u teknoloġiku Ewropew biex jibni fuq il-vantaġġ komparattiv tiegħu. Permezz ta' l-investiment fil-kapital uman u fiżiku, il-politika ta' koeżjoni tgħin tagħti spinta lix-xogħol Ewropew u l-produttività totali tal-fatturi li hu riżultat mixtieq għaż-żamma tal-vantaġġ ta' l-Ewropa fuq il-kompetituri tagħha.

    Fatt li jqawwi l-qalb hu li l-Istati Membri taw prijorità lill-investimenti fl- R&D u l-innovazzjoni , billi stabbilixxu miri ambizzjużi li jippermettulhom li joqorbu l-Għan ta' Liżbona 2010 ta' 3 % investiment tal-PĠD fis-settur. Il-politika ta' koeżjoni se tikkontribwixxi għall-R&D u l-innovazzjoni b'il fuq minn 86 EUR biljun, jew 25 % tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni. Il-każ ta' Spanja jispikka: għalkemm l-appoġġ finanzjarju għal dan il-pajjiż naqas b'madwar 42 % meta mqabbel mal-perjodu 2000-2006, huwa stabbilit li l-infiq ta' l-R&D se jiżdied aktar mid-dopju f'termini assoluti għal madwar EUR 8 biljun jew 23 % tal-pakkett finanzjarju totali. F'ċerti pajjiżi ta' l-UE-15, is-sehem tar-riżorsi totali ta' koeżjoni allokati għall-R&D u l-innovazzjoni huwa tassew għoli (70 % fid-Danimarka u xi 50 % fil-Finlandja u l-Awstrija). Fl-Istati Membri ta' l-UE-12, madwar 20 % tal-baġit ta' koeżjoni totali tagħhom hu allokat għall-R&D u l-innovazzjoni. Dawn ir-riżultati kollha jirriflettu l-isforzi magħmula tul in-negozjati biex jiġu prijoritizzati l-R&D u l-innovazzjoni billi jibnu fuq il-ħiliet u l-potenzjal tar-riċerka eżistenti (is-Slovakkja), it-tiftix ta' opportunitajiet ġodda (ir-Renju Unit), l-appoġġ għar-riċerkaturi u l-istudji postuniversitarji fix-xjenza (is-Slovenja, il-Latvja, l-Estonja, l-Ungerija) u b'mod aktar ġenerali, il-promozzjoni tat-teknoloġija u t-trasferiment ta' l-għarfien, raggruppamenti ta’ l-innovazzjoni u sħubiji ta' riċerka-żvilupp-impriżi.

    L-isforzi taħt il-programmi huma marbuta mill-qrib ma' l-aġenda ta' l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati ekonomiji tas-servizz imsejsa fuq l-għarfien billi jinvestu fuq tagħlim u taħriġ tat-teknoloġija tat-tagħrif u l-komunikazzjoni (ICT), servizzi onlajn għan-negozji u ċ-ċittadini u infrastruttura broadband sostenibbli. L-aċċess għall-internet broadband u l-użu strateġiku ta' l-ICT ġie rrikonoxxut minn bosta bħala importanti għall-iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir u bħala istigaturi għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Ir-reġjuni li jisfruttaw b'mod effiċjenti l-ICT huma mgħammra aħjar biex jaqilbu t-tendenzi fit-tnaqqis tal-popolazzjoni u fit-tneħħija minn posthom ta' l-attivitajiet ekonomiċi, iżda wkoll biex iżidu l-inklużjoni u l-opportunitajiet ta' l-individwi. L-investiment tal-politika ta' koeżjoni globali fis-servizzi u fis-servizzi ta' l-ICT u l-infrastruttura huma mistennija li jżidu aktar mid-doppju meta mqabbla mal-perjodu ta' programmazzjoni ta' qabel, u li jilħaq EUR 15.3 biljun mal-Polonja, l-Italja, il-Greċja, is-Slovakkja u Spanja li kollha jwiegħdu l-akbar baġits ('il fuq minn EUR biljun).

    Il-konverżjoni ta' l-investiment fl-innovazzjoni, fl-għarfien u fit-teknoloġija f'impjiegi ġodda teħtieġ sforzi għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp tan-negozju fl-oqsma bħall- intraprendenza u s-servizzi ta' appoġġ tan-negozju li jgħinu l-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs, biex iżidu l-kompetittività tagħhom u joqorbu lejn is-swieq internazzjonali. L-appoġġ f'dawn l-oqsma jgħodd għal madwar EUR 27 biljun (8 % tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni). Per eżempju, il-Finlandja se ssostni l-bidu tan-negozji b'EUR 343 miljun, filwaqt li l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni fil-Polonja huma stabbiliti biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis ippjanat ta' l-għadd ta' ġranet meħtieġa biex jiġi stabbilit negozju minn 60 għal 7. EUR 2.8 biljun se jgħinu lill-individwi biex jibdew negozji ġodda u jaħdmu għal rashom, speċjalment għal dawk bi bżonnijiet partikolari. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbra ta' l-Istati Membri indikaw impenn biex iżidu l-impatt tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni billi jimplimentaw l-inizjattiva JEREMIE[9].

    L-isfida taż-żieda tal-kompetizzjoni globali teħtieġ lill-individwi u n-negozji li jaġġustaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. L-għoti ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja u l-investiment b'mod aktar u aktar effettiv fil-kapital uman hu kruċjali għas-suċċess ta' l-Ewropea f'dinja globalizzata[10]. Taħt il-programmi l-ġodda, xi EUR 14-il biljun ġew allokati biex jgħinu jsaħħu l- ħila tal-kumpaniji u l-ħaddiema biex jantiċipaw u jindirizzaw il-bidla. Minn dan l-ammont, madwar EUR 9.4 biljun ġie allokat biex jgħin lill-kumpaniji jdaħħlu politiki ta' l-iżvilupp tal-bniedem effettivi u b'hekk għal aktar investiment fl-assi ewlenija tagħhom: nieshom. Dan l-approċċ se jissejjes, pereżempju, fuq il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet differenti u raggrupamenti (pereżempju d-Danimarka), l-involviment ta' l-imsieħba soċjali (pereżempju l-Olanda) flimkien mal-motivazzjoni ta' l-individwi biex jinvestu sabiex itejbu ħilithom tul ħajjithom. EUR 2.5 biljun ġew allokati biex jgħinu lill-kumpaniji u lis-setturi li jħabbtu wiċċhom mal-globalizzazzjoni u l-istrutturar mill-ġdid, biex jaġġustaw, ma' proporzjonalment l-aktar sforzi sinifikanti fl-Iżvezja, il-Finlandja, is-Slovakkja, l-Irlanda u l-Polonja.

    L-investimenti fl-infrastruttura ta' ekonomija tas-servizz imsejsa fuq l-għarfien, l-R&D jew l-ICT jeħtieġu potenzjal uman ta' ħila kbira u kwalifikat. Fehma ta' l-importanza tal- kapital uman wasslet għall-allokazzjoni ta' kważi EUR 26 biljun biex jiżdiedu l-kwalità u d-disponibbiltà ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ[11], b'iffokar fuq is-sistemi ta' tagħlim komprensiv tul il-ħajja, il-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola (il-Portugall, il-Greċja, l-Italja) u l-garanzija ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd. Il-biċċa l-kbira ta' din is-somma (76 %) hi allokata għar-reġjuni ta' Konverġenza fejn ir-riforma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ hi identifikata bħala sfida imperattiva għal aktar żvilupp. Dan l-investiment hu importanti sabiex jgħin lin-nies jiċċaqilqu mingħajr problemi minn impjieg għal ieħor, u għaldaqstant kruċjali għat-tisħiħ tal-"flessigurtà" tas-swieq tax-xogħol kif ukoll biex jintlaħqu t-tiri ta' Liżbona dwar il-kisba edukattiva. Barra minn hekk, l-investiment fil-ħiliet tan-nies hu kruċjali għat-tħeġġiġ tal-produttività u għaldaqstant biex jgħin lill-Ewrpea tibqa' kompetittiva.

    Bidla demokratika u swieq tax-xogħol, soċjetajiet u ekonomiji aktar inklussivi

    Quddiem it-tnaqqis demografiku, iż-żieda fis-sehem tal-ħaddiema u t-titjib tal-ħiliet huma vitali għas-sostenn ta' l-għana, il-produttività, il-kompetittività u soċjetà ta' koeżjoni. Sabiex tintlaħaq il-mira ta' Liżbona ta' rata ta' impjieg ta' 70 % , il-programm il-ġdid jalloka xi EUR 19 biljun biex jgħin fit-tneħħija tal-barrieri għall-impjieg, b'mod partikolari għan-nisa, għaż-żgħażagħ, u għal ħaddiema akbar fl-età u mingħajr ħafna snajja. Ammonti sinfikanti huma allokati taħt iż-żewġ Għanijiet, iżda hu fir-reġjuni tal-Kompetittività fejn l-akbar proporzjon tal-baġit hu mwarrab (medja ta' 30.4 % għall-ESF). Per eżempju, l-Iżvezja allokat 67 % tal-baġit ta' l-ESF biex iżżid l-provvista ta' xogħol. B'hekk, anke fis-swieq tax-xogħol b'rati ta' impjieg relattivament għoljin, il-politika ta' koeżjoni tista' tipprovdi għajnuna ta' valur għal miżuri mfasslin individwalment indirizzati għal gruppi li jirrappreżentaw riżorsi ta' provvista ta' xogħol li għad ma sarx użu minnhom .

    Il-firxa l-wiesgħa ta' benefiċjarji koperti minn tali azzjonijiet turi kif il-programmi jaddattaw għall-bżonnijiet ta' l-Istati Membri u reġjuni individwali u jikkomplimentaw il-politiki nazzjonali. Meta mqabbel mal-perjodu ta' programmar 2000-2006, l-appoġġ għall- migranti hu aktar prominenti. L-Istati Membri ta' l-UE 15 kollha, u għadd sinifikanti ta' l-UE-12 jippjanaw intervenzjonijiet diretti għall-migranti għal valur totali ta' EUR 1.2 biljun, flimkien ma' aktar intervenzjonijiet sistematiċi, per eżempju, fil-qasam tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (per eżemju l-Belġju). Il-programmi ta' koeżjoni jikkontribwixxu wkoll billi jħaffu l-inklużjoni soċjali ta' dawk li għadhom kemm waslu fis-soċjetajiet il-ġodda tagħhom (pereżempju fi Spanja, l-integrazzjoni tal-migranti f'komunitajiet rurali, max-xatt u urbani, l-iżvilupp ta' ċentri ta' tagħrif għall-ħaddiema migranti staġjonali, eċċ).

    Anke fejn ir-rendiment ekonomiku hu qawwi, xi gruppi u komunitajiet xorta jħossu l- faqar u l-esklużjoni soċjali . Din l-isfida hi partikolarment relevanti f'bost agglomerazzjonijiet urbani f'bost Stati Membri. Xi EUR 10 biljun ġew allokati biex jgħinu dawk l-aktar 'il bogħod mill-impjieg biex imorru lura għas-suq tax-xogħol permezz ta' appoġġ progressiv, flimkien ma' sforzi biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Allokazzjonijiet partikolarment għoljin f'dan il-qasam huma previsti fil-programmi tal-Kompetittività (18.2 % meta mqabbel ma' 10.8 % għall-programmi ta' Konverġenza). Fl-aħħar, il-politika ta' koeżjoni tipprovdi appoġġ miftiehem għall-minoritajiet etniċi, inklużi r-Roma, l-akbar minorità fl-UE. F'bosta mill-pajjiżi kkonċernati, il-kwistjonijiet tar-Roma se jiġu indirizzati permezz ta' proġetti integrati.

    Tweġiba għall-isfida ta' l-iżvilupp sostenibbli, il-bidla fil-klima u l-enerġija

    Żvilupp sostenibbli, kif ukoll il-bżonn biex jitnaqqas l-impatt tal-bidla fil-klima, sar ċentrali għall-aġenda tal-politika Ewropea[12]. Kwalità aħjar ta' l- ambjent hi prijorità komuni fl-Istati Membri kollha, b'allokazzjoni ta' madwar terz tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni kollu (EUR 105 biljun). F'bosta Stati Membri ta' l-UE-12, il-politika tiffinanza investiment bażiku kbir biex ittejjeb l-infrastruttura ambjentali u biex tgħin lill-pajjiżi jikkonformaw mal-liġi ta' l-UE f'dan il-qasam, flimkien ma' l-azzjonijiet fit-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tat-tmexxija ambjentali. Per eżempju, ir-Romania ddeċidiet li tidderieġi 80 % tar-riżorsi ta' koeżjoni allokati għall-ambjent biex tikseb l- acquis ambjentali. Il-Latvja tippjana li żżid minn 9 % sa 62 % il-perċentwali taċ-ċittadini li jibbenefikaw minn servizzi tat-tmexxija tad-dranaġġ.

    Il-politika ta' koeżjoni se tikkontribwixxi b'EUR 48 biljun (14 % tal-baġit totali) għal azzjonijiet f'bosta oqsma biex tindirizza l-isfidi imponuti mill- bidla fil-klima , kif ukoll il-miżuri ta' tnaqqis u addattament. Dawn l-isforzi se jinkisbu permezz ta' l-appoġġ ta' miżuri ta' investiment diretti, inkluż il-promozzjoni ta' l- effiċjenza enerġetika u l-enerġiji li jiġġeddu (EUR 9 biljun mqassma indaqs bejn iż-żewġ kategoriji) u miżuri indiretti, li jinkludu proġetti ta' trasport urban sostenibbli (EUR 6.2 biljun). Se ssir enfasi akbar fuq l-infrastruttura ta' l-enerġija (EUR 1.8 biljun) u fuq it-titjib tat-tmexxija tar-riżorsi ta' l-enerġija, iċ-ċaqliq lejn il-politika ta' l-enerġija ta' l-UE effiċjenti u integrata u r-rabta bejn in-netwerks ta' l-enerġija, inkluż it-TEN-E. Prijorità ċara għal ta' l-aħħar tingħata fil-Polonja, ir-Rumanija u l-Greċja. Is-sehem ta' l-Italja tar-riżorsi dedikati għall-effiċjenza ta' l-enerġija u l-enerġija li tiġġedded se tkun akbar minn erba' darbiet ta' dik għall-perjodu preċedenti. Il-Lussemburgu qiegħda timmira għal tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 b'10 % permezz ta' l-investiment tal-politika ta' koeżjoni tagħha, filwaqt li s-Slovakkja għandha l-għan li tnaqqas l-intensità tal-produzzjoni ta' l-enerġija b'aktar minn 20 %. Bosta programmi jinkludu d-dispożizzjoni għall-iżvilupp ta' sistemi ta' valutazzjoni tal-karbonju speċifiċi biex jissorveljaw l-effetti b'rigward għall-miri ta' l-emissjonijiet tas-CO2 ta' Kyoto (per eżempju l-Italja, Franza, ir-Repubblika Ċeka, Malta, l-Ingilterra u Wales). Il-politika ta' koeżjoni tista' għalhekk tagħmel kontribut sostanzjali biex tissodisfa l-miri ambizzjużi biex jitnaqqas il-konsum ta' l-enerġija u l-emissjonijiet tal-gass ta' l-effett ta' serra b'20 % u biex jiżdied is-sehem tal-fatturi li jiġġeddu fit-taħlita ta' l-enerġija għal 20 % sa l-2020[13].

    IL-POLITIKA TA' KOEżJONI SSAħħAħ IL-GOVERNANZA TAJBA, IS-SENTIMENT TA' SħUBIJA U L-ħILIET ISTITUZZJONALI

    It-tisħiħ tal-governanza f'bosta livelli u s-sħubija

    Il-politika l-ġdida affettwat b'mod konsiderevoli fuq it-tfassil tal-politika nazzjonali billi ssaħħaħ iżjed is-sistema tal-governanza fuq bosta livelli. Id-djalogu li seħħ tul it-tħejjija tal-programm ippermetta għal firxa usa tal-parteċipanti interessanti biex jieħdu sehem fil-proċess tat-tfassil ta' l-istrateġiji għall-iżvilupp reġjonali u settorjali effettivi, li ġie appoġġjat ukoll mir-riforma tal-politika ta' l-għajnuna statali li toffri possibbiltajiet supplimentari għal direzzjoni aħjar tal-fondi nazzjonali u Komunitarji[14]. Permezz ta' dan l-approċċ aktar strateġiku, il-politika testendi l-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' Liżbona u l-politiki relatati għal-livell reġjonali u lokali, filwaqt li tiżgura li azzjonijiet huma addattati għaċ-ċirkostanzi fuq il-post u li hemm impenn ġenwin għar-riformi.

    L-aħjar eżempji tal-valur miżjud tal-governanza fuq bosta livelli huma tlett settijiet ta' strumenti li wasslu għall-iffissar ta' l-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi fil-politika ta' koeżjoni l-ġdida. L-ewwel, fuq livell Komunitarju, il-Linji ta' gwida Strateġiċi Komunitarji ta' Ottubru 2006[15] waqqfu prijoritajiet wesgħin għall-perjodu ta' programmar il-ġdid. It-tieninett, in-negozjati ta' l-NSRF imħejjija mill-Istati Membri wasslu għall-integrazzjoni eqreb tagħhom ma' l-istrateġija ta' Liżbona ewlenija, u b'mod partikolari mal-Programmi ta' Riformi Nazzjonali. Il-livell ippjanat ta' l-infiq relatat ma' Liżbona ġie ddefinit u mkejjel - "immarkat" fl-NSRFs kollha. Fl-aħħar, in-negozjati dwar il-programmi ta' ħidma kollha għamluha possibbli li jiġu tradotti l-istrateġiji nazzjonali għal kuntest reġjonali u lokali speċifiku.

    Bħala riżultat, is-sentiment ta' sħubija ta' l-aġenda ta' Liżbona kiber iżjed biex ikopri l-livell reġjonali u lokali u firxa usa ta' partijiet interessati, u b'hekk indirizza dgħjufija ewlenija ta' l-ewwel ċiklu tal-politika ta' Liżbona 2000-2005[16]. Pereżempju, fi Franza, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-esperti internazzjonali ħadmu flimkien fuq l-iżvilupp ta' l-istrateġiji ta' l-innovazzjoni reġjonali. Fil-Ġermanja, bosta mill-intervenzjonijiet l-ġodda relatati ma' l-impjieg ġew programmati fuq livell reġjonali. Dan is-sentiment akbar ta' sħubija ġie akkumpanjat minn iffokar akbar ta' l-azzjonijiet relatati ta' Liżbona fuq il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja.

    Il-prinċipju tas-sħubija hu fondamentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni. Diġà fil-fażi tan-negozjati, il-Kummissjoni tat attenzjoni speċjali għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, bir-riżultat li tipi differenti ta' sħab (inklużi l-NGOs, l-universitajiet jew l-aġenziji ta' żvilupp reġjonali kif ukoll l-imsieħba soċjali) kienu involuti. It-tmexxija deċentralizzata tal-Fondi tippermetti għal involviment akbar tal-partijiet interessati fil-fażi ta' implimentazzjoni (kif ippjanat, pereżempju, fi Spanja, l-Irlanda, l-Iżvezja). B'dan il-mod, il-prinċipju ta' sħubija jimmobilizza l-għarfien lokali u jgħin lill-istrateġiji tat-tkabbir billi jimmira lir-riżorsi lokali b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Jippromwovi wkoll il-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, sikwit formalizzati permezz ta' sħubiji pubbliċi-privati, u b'hekk joħloq effett ta' lieva u jsaħħaħ l-impatt ta' l-investiment.

    Il-bini ta' ħiliet istituzzjonali

    Il-politiki pubbliċi effettivi jeħtieġu amministrazzjoni kompetenti u effiċjenti. It-tisħiħ tal-ħila istituzzjonali u amministrattiva hi għalhekk ewlenija għall-promozzjoni ta' l-aġġustamenti strutturali, it-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku. Il-politika ta' koeżjoni tista' tinfluwenza b'mod pożittiv il-bini ta' politiki pubbliċi effetitiv f'modi differenti.

    L-ewwelnett, il-prijorità tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida fuq il-"Ħila Istituzzjonali" se tgħin issaħħaħ il-ħiliet ta' l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi fuq il-livelli kollha f'dawn ir-reġjuni ta' Konverġenza u l-pajjiżi ta' Koeżjoni li għadhom ibagħtu minn dgħjufija istituzzjonali wiesgħa, minkejja passi impressjonanti magħmula f'dawn l-aħħar snin. L-intervenzjonijiet, sikwit sostanzjali, huma ppjanati fl-Istati Membri kollha ta' l-UE-12 kif ukoll fir-reġjuni ta' Konverġenza tal-Greċja, ir-Renju Unit (Wales), l-Italja u Franza, b'baġit totali ta' aktar minn EUR 2 biljuni. Dawn l-azzjonijiet isostnu r-riformi ta' Liżbona f'oqsma bħat-tfassil aħjar tar-regolamenti, il-ħolqien eħfef tan-negozji, it-tmexxija tal-politiki pubbliċi u t-titjib tas-servizzi pprovduti liċ-ċittadini u lin-negozji, kif ukoll it-tisħiħ tal-ġudikatura (pereżempju l-Bulgarija, is-Slovenja, il-Polonja). Il-politika ta' koeżjoni se ssostni dawn il-miżuri permezz ta' investimenti fil-miżuri ta' sostenn tal-gvern elettroniku ta' aktar minn EUR 1 biljun.

    It-tieninett, bħala riżultat, dawn l-azzjonijiet se jikkontribwixxu wkoll għal tmexxija aktar effettiva tal-Fondi u politiki pubbliċi oħrajn. F'bosta Stati Membri, hemm xhieda li l-approċċ tal-politika ta' koeżjoni għall-ippjannar tal-politika pubblika msejsa fuq programmar strateġiku fuq bosta snin ġie adottat fil-politiki nazzjonali. Fi Franza, il-‘ Contrats de Plan Etat-Régions’ adottaw l-istess perjodu u strumenti tal-politika simili. L-Italja, il-"patti territorjali" promossi mill-Kummissjoni ġew ġeneralizzati għall-oqsma kollha bħala għodda ta' politika għal inizjattivi msejsa fuq il-qasam. Fil-Ġermanja, kien hemm addattament progressiv tal-‘ Gemeinschaftsaufgabe ’ għall-approċċ tal-Fondi Strutturali. F'pajjiżi oħrajn, il-politiki reġjonali domestiċi adottaw approċċ b'bosta setturi, pereżempju fil-Finlandja u fl-Iżvezja ('Ftehimiet ta' Tkabbir Reġjonali') u l-Ingilterra ('Strateġiji Ekonomiċi Reġjonali').

    Barra min hekk, l-Istati Membri kollha ta' l-UE-12 se jużaw il-faċilità ta' l-assistenza teknika JASPERS[17], li se tgħin tiżviluppa l-kapaċitjiaet għat-tħejjija ta' proġetti ta' kwalità tajba, b'mod partikolari proġetti kbar, u b'hekk ittejjeb it-tmexxija tal-politika ta' koeżjoni.

    L-iżvilupp effettiv tal-politika u l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha permezz tar-riforma jeħtieġ ukoll sostenn kbir, u l-politika ta' koeżjoni tenfasizza dan billi tiffissa l-pożizzjoni ta' l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-politika. Xi EUR 1.2 biljun ġew allokati fir-reġjuni ta' Konverġenza biex itejbu r-rwol ta' l-imsieħba soċjali bl-akbar ammont fi Spanja. . L-appoġġ tal-bini tal-kapaċità ta' l-NGOs hu ppjanat ukoll, b'kunsiderazzjoni għall-kontribut ċentrali tagħhom fl-għoti ta' servizzi f'oqsma differenti bħall-inklużjoni soċjali, is-saħħa, il-politika tal-konsumatur, eċċ. EUR 1 biljun supplimentari se jsaħħaħ l-iżvilupp tal-patti ta' l-impjieg u l-inizjattivi tan-netwerking biex jimmobilizzaw għar-riformi fl-oqsma ta' l-impjieg u l-inklużjoni soċjali.

    Il-politika ta' koeżjoni għandha rwol importanti fit-tħejjija tal-pajjiżi kandidati għas-sħubija ta' l-UE permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-metodi għall-ippjannar effettiv tal-politika u l-għoti kif ukoll permezz ta' l-investiment. It-tfassil ta' l-istrument IPA il-ġdid ta' qabel l-adeżjoni kien armonizzat mill-qrib bl-arkitettura tal-politika ta' koeżjoni, bi strateġija integrata, programmar ta' bosta snin u devoluzzjoni akbar tar-responsibbiltajiet lill-awtoritajiet nazzjonali. Deċentralizzazzjoni akbar tar-responsabbiltajiet ħalqet sentiment ta' sħubija fost il-ministeri kompetenti u saħħet l-ippjannar strateġiku ta' l-investimenti. Permezz ta' l-approċċ "tgħallem billi tagħmel", dawn il-fatturi għandhom jiżguraw li l-pajjiżi kandidati huma mħejjija aħjar għas-sħubija ta' l-UE u t-tmexxija effiċjenti fil-ġejjieni tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

    INKLUżJONI TAL-POLITIKI B'SUċċESS, IT-TITJIB TA' L-GħARFIEN U T-TIFRIX TAL-PRASSI T-TAJBIN

    Bit-tfassil ta' programmi ġodda, l-Istati Membri u r-reġjuni bnew fuq il-prassi li kellhom l-aktar suċċess mill-ġenerazzjonijiet preċedenti tal-politika ta' koeżjoni, inklużi l-Inizjattivi URBAN u EQUAL u l- Azzjonijiet Innovattivi . Din l-inklużjoni ġabet aktar opportunitajiet ta' azzjonijiet fuq skala akbar b'konsiderevolment aktar riżorsi. Pereżempju, il-bini tal-kooperazzjoni transnazzjonali fuq il-programm EQUAL se jiġi sostnut b'xi EUR 3 biljun, filwaqt li l-innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni soċjali, hi fattur li se tiżviluppa permezz ta' l-implimentazzjoni tal-programm. L-inklużjoni ta' l-Inizjattiva URBAN tipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urbani b'mod integrat, speċjalment f'pajjiżi li għadhom ma bbenefikawx minn din l-inizjattiva, bl-esperimentazzjoni, netwerking u proġetti piloti tagħha (pereżempju fil-Latjva, il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka, Malta, Ċipru u l-Estonja). Minħabba li din l-inizjattiva għadha ġdida, l-approċċ urban integrat u t-tmexxija ta' l-azzjonijiet urbani mill-awtoritajiet lokali se jeħtieġu aktar sorveljanza, inkluż użu akbar ta' l-inizjattiva JESSICA l-ġdida[18].

    It-tielet Għan fil-politika ta' koeżjoni l-ġdidA, il-Kooperazzjoni Territorjali, żiedet fl-importanza meta mqabbla ma' l-Inizjattiva Komunitarja INTERREG , li twassal għal aktar viżibbiltà u żieda fir-riżorsi disponibbli (minn EUR 5.8 biljun għal EUR 7.8 biljun). Il-Kummissjoni rnexxiela tikkonvinċi lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jagħmlu użu mill-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropej bħala pjattaformi għall-iżvilupp ta' ideat ġodda u pjanijiet ta' azzjoni konġunti. Kooperazzjoni transnazzjonali tista', per eżempju, tintuża flimkien ma' l-approċċi ta' l-iżvilupp strateġiċi għal żona akbar, bħar-reġjun tal-Baħar Baltiku, l-Alpi, il-Mediterran jew iż-żona tad-Danubju.

    Fl-aħħar, il-qafas il-ġdid tar- Reġjuni għal Bidla Ekonomika se jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' prassi tajbin u skambji bejn ir-reġjuni. Se jsostni netwerks ma' l-Ewropa kollha biex jitħaffef it-trasferimenti ta' l-eċċellenza lejn proġetti sostnuti mill-politika ta' koeżjoni.

    KONKLUżJONIJIET – VALUR MIżJUD TAN-NEGOZJATI

    - Il-politika ta' Koeżjoni hi politika Komunitarja ewlenija li tmexxi 'l quddiem l-aġenda tat-tkabbir u l-impjiegi mat-territorji kollha ta' l-Unjoni. Tindirizza l-isfidi soċjo-ekonomiċi kritiċi li tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa f'komplimentarità u f'sinerġija mal-politiki Komunitarji l-oħrajn u fil-kuntest ta' l-isfidi globali. Id-djalogu riċenti ma' l-Istati Membri u r-reġjuni wassal għall-adozzjoni ta' programmi orjentati strateġikament li huma stabbiliti sabiex jinvestu proporzjonijiet kbar tar-riżorsi finanzjarji tagħhom fil-ħolqien ta' kondizzjonijiet għal kompetizzjoni b'suċċess fid-dinja globali.

    - Wieħed mill-elementi ewlenin fin-negozjati kien l-iffokar fuq il-miri ta' Liżbona taż-żieda ta' l-infiq ta' l-R&D għal 3 % tal-PĠD u ż-żieda tar-rata ta' impjieg għal 70 % permezz tas-sostenn għall-investimenti fl-infrastruttura bażika, bħat-trasport, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħiliet u l-addattabbiltà tal-ħaddiema, l-intraprenditorjat, il-ħolqien ta' għarfien ġdid jew teknika. It-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u ż-żieda tas-sehem ta' l-enerġiji li jiġġeddu fit-taħlita ta' l-enerġija għal 20 % hu punt fokali importanti ieħor. Għaldaqstant, maġġoranza kbira tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni (65 % fir-reġjuni ta' Konverġenza u 82 % fil-Kompetittività Reġjonali u r-reġjuni ta' l-Impjieg) se jiġu mmirati fil-prijoritajiet marbuta ma' Liżbona.

    - Id-djalogu bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni wassal ukoll għal titjib konsiderevoli fil-kwalità tal-programmi, inkluż aktar enfażi fuq il-valutazzjoni, l-indikaturi u s-sorveljanza. Biddel ukoll id-dibattitu fost l-Istati Membri u r-reġjuni fuq id-disinn u l-iżvilupp ta' strateġiji u programmi tal-politika pubblika aktar innovattivi, inklussivi u li jħarsu 'l quddiem, inkluż użu akbar ta' strumenti ta' l-inġinerija finanzjarji innovattivi ġodda, bħal JEREMIE u JESSICA, b'mezzi xierqa għall-kuntest li jvarja fl-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, il-ftehimiet relattivament mgħaġġla ma' l-Istati Membri fuq il-programmi l-ġodda nkisbu permezz ta' l-impenn f'djalogu informali diġà fl-aħħar stadju tat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti.

    - Is-sistema tal-politika ta' koeżjoni ta' governanza fuq bosta livelli msejsa fuq id-deċentralizzazzjoni tar-responsabbiltajiet u rwol aqwa għall-parteċipanti fuq il-post kabbru wkoll is-sens ta' sħubija ta' l-aġenda ta' Liżbona, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2007[19]. Fatt importanti hu li dan l-approċċ iwassal għal aktar effiċjenza ekonomika, billi l-livelli lokali u reġjonali għandhom tendenza dejjem aktar li jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jilqgħu u jibbenefikaw mill-bidliet globali. Dan ġie rifless ukoll fil-bidla lejn approċċ aktar reġjonali għal programmar meta mqabbel mal-perjodu 2000-2006, b'mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda.

    - L-investiment allokat għall-ħila istituzzjonali għandu jirriżulta f'kwalità aħjar ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tal-politika. Dan hu partikolarment importanti fil-kuntest tat-tmexxija maqsuma ta' riżorsi tal-politika ta' koeżjoni, li jeħtieġ lill-Istati Membri li jimplimentaw il-programmi skond tmexxija finanzjarja soda u prassi ta' kontroll. Fis-sistema ta' bosta livelli tal-politika ta' koeżjoni, il-ħiliet ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali huma deċisivi f'dan ir-rigward.

    - Rekwiżiti ta' riklamar ġodda li jitolbu lill-Istati Membri li jfasslu pjanijiet għall-komunikazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-politika ta' koeżjoni lill-pubbliku ġenerali, barra mir-rekwiżit li jippubblikaw lista tal-benefiċjarji kollha, se jwassal għal aktar trasparenza, leġittimità u viżibbiltà lill-azzjonijiet appoġġjati mill-politika ta' koeżjoni.

    - Issejsu l-fondazzjonijiet għall-użu effettiv tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni bejn l-2007 u l-2013. Twassil fil-ħin u effiċjenti se jkun essenzjali biex jiġu prodotti r-riżultati mixtieqa. B'ħarsa lejn il-ġejjieni, se jkun kruċjali għall-Istati Membri u għar-reġjuni li jwettqu l-impenji tagħhom u jassiguraw implimentazzjoni viġoruża billi jissejsu fuq is-sinerġiji bejn l-istrumenti disponibbli kollha. Dan jeħtieġ impenn kbir fuq livelli nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, se tissorvelja l-programm tul il-perjodu kollu biex tiżgura li l-programmi jibqgħu ffokati fuq investimenti li jtejbu t-tkabbir u jżidu l-impjiegi, konsistenti ma' prijoritajiet Komunitarji importanti oħrajn u adattabbli biex jegħlbu l-isfidi li l-Ewropa u r-reġjuni tagħha għandhom iħabbtu wiċċhom magħhom fit-terminu medju.

    [1] Reġjuni b'inqas minn 75 % tal-medja PGD Komunitarja mkejla fuq bażi tal-kapaċità għall-infiq.

    [2] Għal aktar dettalji ara l-Anness 1. Għal allokazzjoni finanzjarja għal kull Stat Membri jekk jogħġbok ikkonsulta: http://ec.europa.eu/regional_policy/atlas2007/fiche_index_en.htm

    [3] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li għandu jiġi ppubblikat wara din il-Komunikazzjoni se jipprovdi ħarsa ġenerali aktar dettaljata tar-riżultati għal kull Stat Membru.

    [4] L-AnnessI 2a u 2b jipprovdu ħarsa ġenerali dettaljata dwar il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-prijoritajiet Komunitarji ewlenin.

    [5] Ir-raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali - KUMM(2007) 273, 30.5.2007.

    [6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ir-riforma tal-baġit, bidla fl-Ewropa. Dokument ta' konsultazzjoni pubbliku fid-dawl tar-reviżjoni tal-baġit ta' l-2008/2009; SEG(2007) 1188, 12.9.2007.

    [7] L-Artikolu 9.3 u l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25) jeħtieġu li 60 % tal-Fondi disponibbli għall-Għan ta' Konverġenza u 75 % tal-Fondi disponibbli taħt l-Għan ta' Kompetittività Reġjonali u Impjieg fil-15-il Stat Membri ta' l-UE għandhom jiġu allokati lill-investimenti li jinsabu fil-qalba ta' l-Istrateġija ta' Liżbona. ir-riċerka, l-innovazzjoni, is-soċjetà ta' l-informazzjoni, ir-riżorsi umani u l-iżvilupp tan-negozju. Ħarsa ġenerali aktar dettaljata ta' kif l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona l-ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi hi pprovduta fil-Komunikazzjoni "L-Istati Membri u r-Reġjuni li jimplimentaw l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 2007-2013" - KUMM(2007) 798, 11.12.2007.

    [8] Dan l-ammont jiżdied b'EUR 6.5 biljun jekk l-investimenti f'portijiet, ajruporti u sistemi ta' trasport intelliġenti li bosta minnhom jagħmlu parti wkoll min-netwerk TEN-T jiġu ikkunsidrati.

    [9] JEREMIE (Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Mikro sa Medji) hu strument ta' inġinerija finanzjarju żviluppat flimkien mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) immirat biex iħaffef l-aċċess għal finanzjament ta' l-SMEs billi jipprovdu self, ishma, kapital ta' riskju u garanziji. Sadattant, għoxrin Stat Membru biħsiebhom jagħmlu użu ta' l-inizjattiva JEREMIE.

    [10] Aara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza – il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 13/14 ta' Marzu 2008.

    [11] L-iffokar kbir fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ f'bosta mill-OP's jikkorrispondi mal-prijoritajiet stipulati Programm ta' ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 (OMC).

    [12] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell minn Marzu 2007 (http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/93135.pdf)

    [13] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: 20 20 sa l-2020: L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa; KUMM(2008) 30, 23.1.2008.

    [14] Pjan ta' Azzjoni ta' l-Għajnuna Statali (7.6.2005): KUMM(2005) 1188.

    [15] http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/2007/osc/index_en.htm

    [16] Rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli ppresedut minn Wim Kok: L-indirizzar ta' l-isfida: l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi; November 2004. http://europa.eu.int/comm/lisbon_strategy/index_en.html

    [17] JASPERS (“Għajnuna Konġunta fl-Appoġġ għall-Proġetti fir-Reġjuni Ewropej”), hija faċilità ta’ għanjuna teknika biex tgħin lill-Istati Membri fit-tħejjija ta' proġetti ta' kwalità pprovduti mill-Kummissjoni flimkien ma' l-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. L-inizjattiva JASPERS, bl-uffiċċji tagħha f'Varsavja, Bukarest u Vjenna, bħalissa qiegħda tgħin f'261 proġett maġġur.

    [18] JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli f’Żoni ta’ Bliet) hija strument għall-għoti ta' self żviluppat f’kooperazzjoni ma’ l-EIB għall-finanzjament ta' proġetti għat-tiġdid ta' żoni urbani u l-iżvilupp. Aktar minn 80 programm operattiv jinkludi dispożizzjonijiet dwar azzjonijiet tat-tip JESSICA.

    [19] Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza Portugiża ta' l-14 ta' Diċembru 2007, Brussell, 16616/07, il-Konklużjoni 3.

    Top