EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0067

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur ta' l-Aġenzija FRONTEX {SEG(2008) 148} {SEG(2008) 149} {SEG(2008) 150}

/* KUMM/2008/0067 finali */

52008DC0067




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.2.2008

KUMM(2008) 67 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur ta' l-Aġenzija FRONTEX

{SEG(2008) 148}{SEG(2008) 149}{SEG(2008) 150}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur ta' l-Aġenzija FRONTEX

I. AħLA

1. L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (FRONTEX) ġiet stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament tal-FRONTEX"), adottat fis-26 ta' Ottubru 2004. L-Aġenzija saret operattiva f'Ottubru ta' l-2005.

2. L-għan tal-FRONTEX huwa li ttejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea billi tiffaċilita u żżid l-effikaċja ta' l-applikazzjoni tal-miżuri preżenti u futuri tal-Komunità dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, i.e. il-fruntieri ta' l-art u tal-baħar ta' l-Istati Membri u l-ajruporti u l-portijiet tagħhom, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità dwar il-qsim tal-fruntieri esterni.

3. Fil-Programm ta' l-Aja ta' l-2004 il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex sa l-aħħar ta' l-2007 tissottometti evalwazzjoni politika ta' l-Aġenzija FRONTEX. L-evalwazzjoni għandha tinkludi reviżjoni tax-xogħol ta' l-Aġenzija u valutazzjoni dwar jekk l-Aġenzija għandhiex ikollha x'taqsam ma' aspettti oħra ta' l-immaniġġjar tal-fruntieri, li jinkludu kooperazzjoni aħjar mas-servizzi tad-dwana u awtoritajiet kompetenti oħra dwar materji ta' sigurtà fejn jidħlu prodotti. Skond il-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Pjan ta' l-Aja[2] l-evalwazzjoni għandha tkopri wkoll il-ħidma ta' l-iskwadri ta' esperti nazzjonali u l-vijabilità tas-sistema Ewropea ta' gwardjani tal-fruntieri. Dan il-komunikat huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għal din it-talba.

4. Hija tivvaluta r-riżultati s'issa, filwaqt li tqis il-perjodu qasir li matulu l-Aġenzija ilha taħdem, b'relazzjoni ma kull waħda mill-ħidmiet ewlenin tal-FRONTEX i.e. Artikolu 2 (1) (a-g) tar-Regolament tal-FRONTEX[3]. Se tagħmel rakkomandazzjonijiet għal miżuri li jistgħu jittieħdu fuq medda qasira ta' żmien, fi ħdan il-limiti tal-mandat li għandha bħalissa, u jagħti idea tal-viżjoni fit-tul għall-iżvilupp ġejjieni tal-FRONTEX.

Statistika dettaljata dwar l-attivitajiet tal-FRONTEX 2006-2007 hi ppreżentata f'Anness separat, li jinkludi informazzjoni fuq l-għanijiet u r-riżultati ta' kull operazzjoni u dettalji addizzjonali fuq ir-riżultati ta' l-attivitajiet differenti ta' l-Aġenzija. Ma’ dan il-Komunikat hemm mehmuż ukoll studju ta' l-impatt.

5. Fl-2008 il-Bord tat-Tmexxija tal-FRONTEX se jikkumissjona evalwazzjoni esterna indipendenti skond ma jistipula l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-FRONTEX. Din l-evalwazzjoni regolatorja, teknika u indipendenti se teżamina kemm l-Aġenzija taqdi l-missjoni tagħha b'mod effettiv, tivvaluta l-impatt tagħha u l-prattiċi tax-xogħol, u tqis l-opinjonijiet tal-partijiet interessati fil-livell Ewropew u nazzjonali.

II. EVALWAZZJONI - KISBIET 2005-2007

A. Koordinazzjoni ta' kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni ta’ fruntieri esterni

Operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota

6. L-Aġenzija ħadmet fuq operazzjonijiet konġunti fuq kull tip ta' fruntiera fl-2006 u l-2007 rispettivament b'5 u 4 operazzjoniet fuq il-fruntieri tal-baħar, 2 u 10 operazzjonijiet fuq il-fruntieri ta' l-art u 2 u 5 operazzjonijiet fuq il-fruntieri ta' l-ajru, u 3 u 2 operazzjonijiet addizzjonali fl-2006 u l-2007 rispettivament li koprew fruntieri ta' diversi tipi. Total ta' għaxar proġetti pilota (2006-2007) ġew implimentati biex jikkumplimentaw l-operazzjonijiet konġunti.

7. Is-sehem mill-Istati Membri fl-operazzjonijiet konġunti jista' jvarja mill-mobilizzazzjoni ta' espert wieħed sa mobilizzazzjoni ta' tagħmir bħall-bċejjeċ tal-baħar u ajruplani. Bħala medja, 7 Stati Membri ħadu sehem fl-operazzjonijiet fuq il-fruntieri tal-baħar, 9 fuq il-fruntieri ta' l-art, u 11 fuq il-fruntieri ta' l-ajru (2006-2007 f'salt). Għal dawk l-operazzjonijiet fuq il-fruntieri tal-baħar li involvew rondi marittimi (7), minn 1 sa 4 ħadu sehem permezz ta' tagħmir fil-forma ta' ajruplani, bċejjeċ tal-baħar jew ħelikopters f'kull waħda minn dawk l-operazzjonijiet, esklużi l-kontribuzzjonijiet ta' l-Istat ospitu, li kellu bejn 0 u 2 bċejjeċ tal-baħar f'kull operazzjoni.

8. Minħabba l-ħtieġa tal-mobilizzazzjoni ta' tagħmir għall-operazzjonijiet fil-fruntieri tal-baħar l-ispejjeż involuti huma sostanzjalment akbar - bħala medja 2,7 miljun euro – minn dawk tal-fruntieri ta' l-art u l-ajru rispettivament: 83 000 u 194 000 euro.

9. Ir-riżultati ta' l-operazzjonijiet konġunti ma jistgħux jiġu mqassra biss f'termini kwantifikabbli. Hemm benefiċċji oħra bħall-iskambju ta' l-aħjar prattiċi u informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istimolu ta' kooperazzjoni ta' kuljum bejn l-awtortiajiet tal-gwardjani tal-fruntieri nazzjonali. Madankollu r-riżultati kwantifikabbli sa issa għandhom għax jitqiesu bħala impressjonanti: aktar minn 53 000 persuna, għall-2006 u l-2007 f'daqqa, inqabdu jew twaqqfu fil-fruntiera matul dawn l-operazzjonijiet. Aktar minn 2 900 dokument ta' l-ivvjaġġar foloz jew iffalsifikati inqabdu u ġew arrestati 58 persuna li kienu qed jiffaċilitaw l-immigrazzjoni llegali.

Inizjattivi oħra relatati

10. Wara talba mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru ta' l-2006, beda in-Netwerk Ewropew tar-Rondi (EPN) f'Mejju ta' l-2007. Il-FRONTEX u l-Istati Membri kkonċernati (il-Portugal, Spanja, Franza, l-Italja, l-Islovenja, Malta, il-Greċja u Ċipru) qed jaħdmu fuq bażi reġjonali permezz ta' kooperazzjoni bilaterali bejn stati ġirien. Ir-rondi ġew limitati għal żoni qrib il-kosti ta' l-Istati Membri involuti.

11. Wara t-talba tal-Kunsill f'Ottubru ta' l-2006 l-Aġenzija waqqfet Rekord Ċentrali ta' Tagħmir Tekniku Disponibbli (CRATE), bħal ma kien previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FRONTEX, għall-kontroll u l-issorveljar tal-fruntieri. Id- database CRATE fil-mument jinkludi aktar minn 100 biċċa tal-baħar, madwar 20 ajruplan u 25 ħelikopter u bosta mijiet ta' apparati tal-kontroll tal-fruntieri bħal units ta' radar mobbli, karozzi, kameras termali u indikaturi mobbli. Filwaqt li primarjament il-CRATE hi maħsuba biex tintuża fuq bażi bilaterali bejn l-Istati Membri, hija tipprovdi nventarju ta' tagħmir li jista' jintuża wkoll f'operazzjonijiet konġunti. Sa issa sar biss użu limitat ta' tagħmir għall-għan ta' l-aħħar (okkażjoni waħda fejn intuża tagħmir ta' l-iċċekkjar tal-fruntiera u oħra li fiha ntuża ajruplan).

12. Il-FRONTEX iffaċċjat aspettattivi għolja mill-istituzzjonijiet ta' l-UE, l-Istati Membri u l-pubbliku in ġenerali biex tmexxi 'l quddiem il-koordinament operazzjonali u biex tikkumbatti l–immigrazzjoni internazzjonali matul il-fruntieri marittimi tan-naħa t'isfel. Kif intwera mir-riżultati miksuba s'issa, mill-operazzjonijiet kollha li saru mill-FRONTEX, huma dawn l-operazzjonijiet li l-aktar li jqumu flus u li fihom jintużaw riżorsi. Is-sehem ta' l-Istati Membri madankollu jibqa' limitat f'operazzjonijiet li jinvolvu rondi marittimi meta mqabbel ma' tipi oħra ta' operazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet

13. F'dan l-isfond u minn meta l-awtorità baġetarja żiedet il-baġit tal-FRONTEX b'mod sinjifikanti għall-2008 (bħalissa jammonta għal 70 miljun euro), il-Kummissjoni tqis il-fatturi li ġejjin bħala essenzjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżviluppi fuq medda qasira tal-koordinazzjoni operazzjonali.

- Il-potenzjal tal-CRATE, u l-impenji ta' l-Istati Membri, jridu jiġu sfruttati bis-sħiħ biex tiġi żgurata d-disponibilità tat-tagħmir meħtieġ għall-operazzjonijiet fil-fruntieri tal-baħar. Il-FRONTEX hija mistiedna li tirrapporta regolarment lill-Istituzzjonijiet Ewropej fuq l-użu attwali li sar mit-tagħmir (għal operazzjonijiet ikkoordinati mill-FRONTEX kif ukoll b'mod bilaterali bejn l-Istati Membri) u kemm dan l-użu kien adegwat skond il-ħtiġijiet kif ukoll biex tinforma dwar mekkaniżmu li jiżgura d-disponibilità tat-tagħmir offrut mill-Istati Membri. FRONTEX tista' wkoll iżżid il-potenzjal tal-CRATE bl-akkwist u l-kiri tat-tagħmir tagħha stess.

- Ir-Regolament tal-FRONTEX jipprovdi għal possibilità li jiġu stabbiliti friegħi speċjalizzati ta' l-Aġenzija fl-Istati Membri, li permezz tagħhom l-Aġenzija tista' taħdem f'dak li għandu x'jaqsam ma' organizzazzjoni prattika ta' operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota. Minħabba dawk l-iżviluppi fl-operazzjonijiet permanenti u l-evoluzzjoni tal-ħidmiet ta' l-Aġenzija b'mod ġenerali, issa għandu jiġi kkunsidrat bis-serjetà t-twaqqif ta' dawn il-friegħi fir-reġjuni x-xierqa u/jew fir-rigward tat-tipi ta' kontroll tal-fruntieri, bil-prijorità tingħata lill-fergħa tal-fruntieri marittimi tan-naħa t'isfel.

- Il-FRONTEX għandha tanalizza kif l-operazzjonijiet konġunti jistgħu jingħaqdu man-Netwerk Ewropew tar-Rondi, peress li ż-żewġ miżuri huma ta' natura strutturali u jridu jiġu evitati dawk l-oqsma fejn jirfsu fuq xulxin.

- Il-Kummissjoni se tirrevedi, bħala konsegwenza taż-żieda sostanzjali għall-2008, l-ipprogrammar multi-annwali tal-baġit tal-FRONTEX għall-perjodu li fadal mill-qafas finazjarju preżenti u tissottometti proposti xierqa lill-awtorità baġetarja.

B. Assistenza lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-gwardjani nazzjonali tal-fruntieri, inkluż it-twaqqif ta’ standards ta’ taħriġ komuni;

14. L-attivitajiet tal-FRONTEX fit-taħriġ ikomplu ma' dawk taċ-Ċentru Ad-Hoc preċedenti għat-Taħriġ tal-Gwardjani tal-Fruntiera, li l-attivitajiet kollha tiegħu ittieħdu mill-FRONTEX fl-2005. Ġew organizzati total ta' 97 attività ta' taħriġ, laqgħat u gruppi ta' xogħol li jinkludu taħriġ ta' gwardjani tal-fruntieri u "taħriġ lil dawk li jħarrġu" bis-sehem ta' 1 341 parteċipant. Bħalissa qed jiġi rivedut il-kurrikulu ċentrali komuni, li huwa mmirat biex jillivella t-taħriġ tal-gwardjani tal-fruntieri madwar l-Ewropa kollha. Filwaqt li l-impatt ta' l-attivitajiet tat-taħriġ jista' jiġi vvalutat biss fuq medda twila ta' żmien, huwa ċar li l-approċċ li ntgħażel bl-aġenzija FRONTEX taġixxi bħala koordinatriċi operazzjonali tat-taħriġ ibbażat fuq sħubija ma' akkademji nazzjonali, kellu suċċess u allura jixraq li jiġi estiż.

Rakkomandazzjonijiet

15. Il-kompetenzi tal-gwardjani tal-fruntieri li japplikaw l- acquis ta' Schengen b'mod korrett u konsistenti, b'mod partikolari il-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen, għandhom jibqgħu jiffurmaw l-għan ewlieni ta' l-attivtiajiet ta' taħriġ tal-FRONTEX. Madankollu, l-esperjenzi miksuba mill-operazzjojijiet konġunti juru li l-gwardjani tal-fruntieri huma ta' spiss ikkonfrontati b'sitwazzjonijiet li jinvolvu persuni li jfittxu ħarsien internazzjonali f'sitwazzjonijiet ta' kriżi fuq il-baħar (ara sezzjoni II.A). Il-Kummissjoni tqis li għandhom jiġu organizzati mill-FRONTEX korsijiet speċjalizzati tat-taħriġ, inkluż l-iskambju tal-persunal, dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regoli internazzjonali dwar il-kenn politiku, il-liġi tal-baħar u d-drittijiet fundamentali, sabiex tikkontribwixxi għar-rispett sħiħ ta' dawn in-normi u għall-approċċ konsistenti lejn sitwazzjonijiet li jinvolvu koordinazzjoni ta' tfittxijiet u salvataġġ.

C. Twettiq ta' analiżi tar-riskju

16. Il-FRONTEX ippreżentat it-tieni valutazzjoni annwali tar-riskju fi Frar ta' l-2007. Sa tmiem l-2007 ġew ippreżentati total ta' 11-il valutazzjoni preċiża, u 9 oħra qed isir xogħol fuqhom u se jitlestew kmieni fl-2008. Il-FRONTEX kienet qed tikkontribwixxi għar-Rapport ta' Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Organizzata (OCTA) u ppreżentat, flimkien ma' l-Europol, rapport dwar ir-rotot li għandhom riskju għoli fir-rigward ta' l-immigrazzjoni fil-Punent tal-Balkani. Lil hinn minn dawn il-valutazzjonijiet, li i.a. jappoġġjaw lill-Istati Membri biex jirreaġixxu għal xi theddid u biex jiffukaw ir-riżorsi fuq sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntiera, l-analiżi tar-riskju għandha rwol ċentrali fil-biċċa l-kbira ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija, li jinkludu l-ippjanar ta' operazzjonijiet konġunti individwali u attivitajiet ta' taħriġ. Aktar minn hekk, ir-rwol li ġie allokat lill-FRONTEX taħt il-Fond għall-Fruntieri Ewropej huwa kruċjali għall-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji lill-Istati Membri.

17. Fl-2007 il-FRONTEX kienet f'kuntatt ma' l-ICONet, għall-iskop ta' skambju ta' informazzjoni ma' l-Istati Membri rigward l-analiżi tar-riskju, it-tħejjija ta' operazzjonijiet konġunti u ritorn. L-ICONet twaqqaf b'Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE[4] u beda jaħdem fl-2006. Huwa netwerk sikur ibbażat fuq l-internet u jintuża għal skambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tal-ġestjoni tal-migrazzjoni dwar l-immigrazzjoni llegali, id-dħul illegali u l-immigrazzjoni u r-ritorn ta' residenti illegali.

18. Il-FRONTEX tieħu sehem fil-laqgħat tas-CIREFI, iċ-Ċentru għall-Informazzjoni, id-Diskussjoni u l-Iskambju dwar il-Qsim tal-Fruntieri u l-Immigrazzjoni li jiltaqa' regolarment fil-Kunsill. Is-CIREFI jassisti lill-Istati Membri fl-iskambju ta' informazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, fil-prevenzjoni ta' l-immigrazzjoni illegali u r-residenza kontra l-liġi, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, it-titjib fil-mod kif wieħed jinduna b'dokumenti ta' l-ivjaġġar foloz jew iffalsifikati u fuq modi kif jitjiebu l-prattiċi tar-ritorn. Hemm sinerġiji ċari u ekonomiji ta' skala bejn l-attivitajiet koperti mis-CIREFI, l-ICONet u l-attivitajiet li tagħmel l-Aġenzija, fir-rigward tal-ġbir, analiżi u disseminazzjoni ta' l-informazzjoni relatata ma' l-immigrazzjoni illegali.

Rakkomandazzjonijiet

- Għandha tingħata prijorità lill-analiżi tar-riskju konġunta mal-Europol, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi rilevanti (ibbażati fuq l-arranġamenti ta' xogħol rispettivi), inkluża l-analiżi konġunta tar-riskju frekwenti ġeografika u/jew ibbażata fuq temi, ma' msieħba relevanti.

- Il-FRONTEX għandha tiġi fdata bi il-ġestjoni ta' l-ICONet, jew bil-pjattaforma preżenti jew b'oħra bħas-Sistema ta' l-Informazzjoni tal-Frontex; din għandha tgħin ukoll biex jiġi assigurat użu aħjar tan-netwerk ta' l-uffiċjali tal-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, li wkoll huwa f'kuntatt ma' l-ICONet; u tieħu ħsieb l-attivitajiet tas-CIREFI.

D. Is-segwitu ta' l-iżvilupp ta’ riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza tal- fruntieri esterni

19. Il-FRONTEX sa issa implimentat 6 proġetti u 7 workshop/seminars fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. It-teknoloġiji l-ġodda għandhom rwol vitali għall-proposti magħmula fiż-żewġ Komunikazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni b'mod parallel ma' dan ir-rapport, fuq sistema ta' dħul-ħruġ u miżuri biex il-kontrolli tal-fruntieri jiġu awtomatizzati u dwar Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri. Għal ta' l-ewwel il-proġett BIOPASS implimentat mill-FRONTEX fuq l-użu tal-bijometrika fl-ajruporti u l-iskemi nazzjonali ta' l-ivjaġġar reġistrati ipprovda sehem importanti, u għal ta' l-aħħar il-FRONTEX se jkollha rwol importanti li tmexxi 'l quddiem l-istudji rilevanti li se jagħtu forma lill-azzjonijiet preċiżi li se jittieħdu.

20. L-Aġenzija se jkollha wkoll sehem attiv fix-xogħol ta' Forum ġdid Ewropew dwar ir-Riċerka dwar is-Sigurtà u l-Innovazzjoni, li taħtu twaqqaf grupp ta' xogħol ġdid dwar is-sigurtà fil-fruntieri.

Rakkomandazzjonijiet

21. Prijorità ewlenija għall-ġejjieni għandha tkun l-iżgurar li l-interessi speċifiċi ta' l-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri ikunu riflessi kif jixraq fl-attivitajiet tar-riċerka. Il-FRONTEX għandha rwol uniku li tiżgura li l-ħtiġijiet prattiċi ta' l-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardjani tal-fruntieri jistgħu isawru l-individwar tal-prijoritajiet tar-riċerka futura, kif ukoll biex dawk l-awtoritajiet jinżammu infurmati bl-aħħar żviluppi permezz ta' l-organizzazzjoni ta' gruppi tax-xogħol. Dan ir-rwol għandu jiġi estiż għall-iżvilupp ta' proġetti prattiċi li jimmiraw lejn l-eżaminar operattiv ta' teknoloġiji ġodda fil-ħajja reali, għall-evalwazzjoni tal-fattibilità u l-impatt tagħhom fuq proċeduri kurrenti u biex jinżamm kuntatt ma' l-istituti Ewropej ta' l-istandardizzazzjoni.

E. Assistenza lill-Istati Membri f’ċirkostanzi li jeħtieġu aktar għajnuna teknika u operazzjonali fi fruntieri esterni, u l-immbolizzar ta' Skwadri ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri (RABIT).

22. Ir-Regolament ta' l-RABIT, li daħal fis-seħħ fl-20 ta' Awwissu 2007, bidel b'mod sostanzjali d-dispożizzjonijiet tar-Regolament fundatur tal-FRONTEX rigward l-appoġġ lill-Istati Membri f'ċirkostanzi li jitolbu żieda fl-għajnuna teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni. Hu jipprovdi "kapiċità ta' intervent rapidu" biex jissaħħu r-riżorsi umani ta' dak l-Istat Membru li jkun fil-bżonn.

23. Ix-xogħlijiet preparatorji għall-implimentazzjoni tar-Regolament tlestew mill-FRONTEX ftit wara li r-Regolament ġie adottat. Il-" pool ta' l-RABIT" hu magħmul minn 500-600 gwardjan tal-fruntieri. Sar eżerċizzju matul il-Ħarifa ta' l-2007. Sa issa l-ebda Stat Membru m'għamel talba għall-mobilizzazzjoni ta' l-iskwadra ta' l-RABIT.

Rakkomandazzjonijiet

24. Il-mobilizzazzjoni ta' l-iskwadra ta' l-RABIT tista' tkun ikkombinata ma' għajnuna teknika skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-FRONTEX. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li din id-dispożizzjoni ssir aktar operazzjonali billi l-FRONTEX takkwista t-tagħmir tagħha għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri, biex jiġi użat mill-iskwadri ta' l-RABIT, sabiex tiġi żgurata d-disponibilità tat-tagħmir f'qasir żmien. Alternattivament, it-tagħmir imniżżel fil-lista tal-CRATE jista' jintuża wkoll għal dan il-għan, imma jkun hemm bżonn li r-regoli jiġu riveduti biex tigi żgurata d-disponibilità veloċi u inkondizzjonata tat-tagħmir għall-iskwadri ta' l-RABIT.

F. Tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri permezz ta’ l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta' ritorn

25. L-Aġenzija pprovdiet assistenza għall-organizzazzjoni ta' disa' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn. Tressqu 'l quddiem 6 proġetti oħra li jikkonċernaw kwistjonijiet bħall-aħjar prattiki għall-akkwist tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar u sabiex jiġu identifikati regolarment il-ħtiġijiet komuni għall-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn.

26. It-tisħiħ tar-rwol tal-FRONTEX fl-appoġġ tagħha ta' l-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn kien is-suġġett ta' diskussjoni fil-fond matul il-presidenza Ġermaniża, li wasslet sabiex il-Kunsill jadotta sett ta' konklużjonijiet f'Ġunju ta' l-2007. Il-konklużjonijiet inkludew sejħa lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-FRONTEX meta jippjanaw u jorganizzaw titjiriet konġunti ta' ritorn u biex jidentifikaw il-ħtiġijiet għar-ritorni konġunti. Din hija biċċa xogħol ewlenija għall-FRONTEX, imma r-riżultati sa issa juru li l-frekwenza u l-intensità ta' dan l-appoġġ qed jaqgħu lura meta mqabbla mal-progress li sar fir-rigward tal-koordinazzjoni operazzjonali.

Rakkomandazzjonijiet

27. Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2007, li jipprovdu sett eżawrjenti ta' prijoritajiet għal perjodu qasir jew medju. Ir-rakkomandazzjoni mressqa f'dan ir-rapport (ara sezzjoni II.C) għall-FRONTEX biex tiġġestixxi l-ICONet se tikkontribwixxi biex itejjeb il-kapaċità tal-FRONTEX anke għal dan il-għan. Aktar minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata r-reviżjoni tal-firxa ta' Artikolu 7 tar-Regolament tal-FRONTEX dwar il-CRATE, li bħalissa hija limitata għat-tagħmir għall-kontroll u s-sorveljar tal-funtieri imma li tista' tiġi estiża biex tkopri wkoll it-tagħmir, inkluż it-tagħmir mikri mill-FRONTEX, għall-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn, bħall-ajruplani.

III. VIżJONI FIT-TUL

28. Il-FRONTEX se tkun ċentrali għall-iżvilupp fit-tul ta' l-istrateġija integrata ta' l-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri. Ir-rwol tagħha għandu jkun imwessa' kemm hemm bżonn bi tweġiba għal ħtiġijiet konkreti, ibbażati fuq approċċ pass pass u b'tisħiħ gradwali tal-kapaċità amministrattiva tagħha, u b'evalwazzjoni kontinwa dwar kif twettaq il-ħidmiet tagħha. Viżjoni fit-tul għall-FRONTEX għandha tikkunsidra kif l-aġenziija tista' tipprovdi valur miżjud lill-mudell tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri b'mod sħiħ kif ukoll għall-kompetenzi individwali tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri f'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u tal-miżuri fil-fruntieri. Aktar minn hekk, fil-kuntest tal-Politika Marittima integrata ta' l-UE, il-FRONTEX hi mistennija li tikkontribwixxi b'mod sostanzjali biex ikun hemm aktar kooperazzjoni transkonfinali u trans-settorjali effiċjenti bejn l-awtoritajiet u l-Aġenziji ta' l-UE involuti fl-attivitajiet lil hinn mix-xatt.

29. Dwar dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri b'mod ġenerali, il-potenzjal tal-FRONTEX għandu jkun sfruttat għall-benefiċċju tal-qafas kollu ta' Schengen. Filwaqt li l-firxa tal-kwistjonijiet koperta bil-mekkaniżmu ta' l-evalwazzjonijiet ta' Schengen tmur lil hinn mill-mandant tal-FRONTEX – tkopri wkoll il-viżi, il-kooperazzjoni tal-Pulizija u l-protezzjoni tad- data – huwa ċar li l-FRONTEX tista' tipprovdi valur miżjud għal dawn l-evalwazzjonijiet permezz ta' l-istatus indipendenti tagħha. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta, kif mitluba mill-programm ta' l-Aja, fit-tieni nofs ta' l-2008 għal mekkaniżmu kumplimentari għall-evalwazzjoni ta' l-istati eżistenti ta' Schengen, li se tinkludi proposti konkreti fir-rigward tar-rwol possibbli tal-FRONTEX.

A. Miżuri dwar kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

30. Fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, il-FRONTEX għandha tiżgura koerenza bejn l-attivitajiet tagħha u l-qafas ġenerali tal-politika dwar ir-relazzjonijiet esterni. Dan il-mandat tal-FRONTEX dwar dak li għandu x'jaqsam ma' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi huwa limitat fis-sens li l-proġetti immirati, per eżempju, lejn assistenza teknika ma jistghux isiru mill-FRONTEX f'pajjiżi terzi. Għandha tiġi kkunsidrata l-idea li l-FRONTEX ikollha l-possibilità li twettaq proġetti pilota għall-benefiċċju ta' pajjiżi terzi. Tali proġetti għandhom isaħħu b'mod sinjifikanti l-impatt tal-kooperazzjoni imnedija taħt l-arranġament tax-xogħol, fejn dawn ta' l-aħħar jistgħu jintużaw biex jidentifikaw ħtiġijiet konkreti għall-bini tal-kapaċità fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri f'pajjiżi terzi speċifiċi u tkun kumplimentari għall-assistenza iffinanzjata permezz tal-programmi tal-Komunità. Fi stadju ulterjuri u fl-isfond tat-Trattat ta' Liżbona, tista' tinbeda riflessjoni dwar xi rwol għandu jkollha l-Aġenzija rigward il-parteċipazzjoni fil-missjonijiet Ewropej tal-kontroll tal-fruntieri li jsiru f'pajjiżi terzi.

31. Il-FRONTEX ikkonkludiet arranġamenti ta' xogħol immirati biex jistabbilixxu kooperazzjoni fil-livell tekniku ma' l-awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri fir-Russja, l-Ukrajna u l-Iżvizzera. In-negozjati mal-Kroazja qegħdin fi stadju avvanzat. Ingħataw mandati mill-Bord tat-Tmexxija biex jiġu nnegozjati aktar arranġamenti ma' l-FYROM, it-Turkija, l-Eġittu, il-Libja, il-Marokk, il-Mawritanja, is-Senegal, Kap Verde, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja. L-Aġenzija tipprevedi li titlob mandati għal perjodu qasir/medju għall-istati l-oħra tal-Punent tal-Balkani, il-pajjiżi tal-Punent ta' l-Afrika, l-Istati Uniti u l-Kanada. Fuq medda ta' żmien qasira, għandu jingħata prijorità t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-FRONTEX u pajjiżi li ġew offruti l-prospettiva ta' sħubija fl-UE, kif ukoll dawk il-pajjiżi terzi li kienu ġew identifikati bħala żoni problematiċi permezz ta' l-operazzjonijiet konġunti u mill-analiżi tar-riskju li sar mill-FRONTEX. Il-bini fuq il-proġett tat-TACIS joffri l-possibilità li jiġi esplorat l-iżvilupp tal- kooperazzjoni bejn il-FRONTEX u l-Belarus.

B. Miżuri fil-fruntieri

Integrazzjoni orizzontali

32. Il-Kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet rilevanti tad-dwana u awtoritajiet oħrajn tal-kontroll tal-fruntieri ta' l-Istati Membri huwa element essenzjali tal-mudell tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, fejn il-persuni u l-oġġetti huma kkontrollati bl-użu ta' metodi tax-xogħol simili u atteġjamenti simili lejn il-ġestjoni tar-riskji. Għandha ssir aktar analiżi tal-kontenut tal-kunċett ta' tieqa unika, fejn l-attivitajiet ta' l-awtoritajiet tal-fruntieri u d-dwana se jkunu integrati bis-sħiħ, filwaqt li jittieħed kont ta' l-evalwazzjoni kontinwa tal-futur tad-dwana.

33. Il-Kummissjoni se tniedi studju sabiex tidentifika l-aħjar prattiċi fl-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Sabiex tippromwovi koperazzjoni mill-qrib, il-proġetti pilota fil-livell Ewropew jistgħu jesploraw aktar il-valur miżjud ta' koordinazzjoni aktar fil-fond ta' l-attivitajiet bejn dawn l-awtoritajiet. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-FRONTEX, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jwettqu operazzjonijiet konġunti immexxija mill-FRONTEX u l-Kummissjoni b'koordinazzjoni mal-proġetti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana, i.e. l-implimentazzjoni ta' żewġ proġetti paralleli dwar il-kontroll tal-persuni u l-kontroll ta' l-oġġetti rispettivament u fl-istess ħin fil-punti tal-qsim tal-fruntieri.

Is-sorveljanza tal-fruntieri - EUROSUR

34. B'mod parallel ma' dan ir-rapport kurrenti ta' evalwazzjoni il-Kummissjoni tippreżenta Komunikazzjoni fejn tfassal mappa għall-iżvilupp u t-twaqqif ta' Sistema Ewropea tas-Sorveljar tal-Fruntieri. Ir-rwol tal-FRONTEX huwa kruċjali għat-tħejjija b'suċċess ta' tali sistema, li tinkludi l-ħolqien ta' netwerk li jintegra s-sistema kollha ta' sorveljanza marittima, kif issemma diġà fis-sezzjoni ddedikata lir-riċerka u l-iżvilupp ta' dan ir-rapport.

35. F'termini iżjed operazzjonali il-FRONTEX tista' tassumi r-rwol ta' "fulkru" ta' sistema mtejba ta' skambju immedjat ta' informazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri. Aktar minn hekk, meta l-FRONTEX tingħata aċċess għall-informazzjoni ta' sorveljanza b'mod aktar sistematiku u strutturat dan jsta' jservi bħala l-bażi għall-iżvilupp ta' 'sistema ta' informazzjoni mmexxija mill- intelligence tal-FRONTEX' immirata lejn il-fruntieri esterni ta' l-UE.

Koordinazzjoni operazzjonali

36. Il-koordinazzjoni operazzjonali diġa uriet li hi strument essenzjali għall-UE biex tiżgura s-solidarjetà operazzjonali bejn l-Istati Membri u biex twassal ir-riżorsi lis-sezzjonijiet l-aktar fil-bżonn tal-fruntieri esterni. Bħal ma' ġie ddikjarat fil-valutazzjoni ta' l-impatt li akkumpanja l-proposta ta' l-RABIT, il-Kummissjoni fi ħsiebha tmur lura għall-kwistjoni ta' sistema Ewropea sħiħa tal-Gwardjani tal-Fruntieri meta jinġabru l-esperjenzi tal-ħidma ta' dawk l-iskwadri. Madankollu huwa ċar li jqumu żewġ mistoqsijiet anke f'dan l-istadju dwar l-organizzazzjoni tal-koordinazzjoni operazzjonali fit-tul, relatati mar-rondi tal-fruntieri.

37. L-ewwel, dwar kif is-sistema preżenti ta' l-allokazzjoni tar-riżorsi lil dawn is-sezzjonijiet tista' tiġi mtejba aktar. Il-Kummissjoni se żżomm taħt għajnejha kemm l-Istati Membri qed ipoġġu għad-dispożizzjoni tagħmir suffiċjenti u riżorsi umani, bl-użu ta' mekkaniżmi preżenti, u l-grad ta' rinforz fit-tul li jista' jipprovdi l-Fond Ewropew tal-Fruntieri lill-Istati Membri individwali bbażat fuq ir-riskji fil-fruntieri esterni.

38. It-tieni, ir-rendiment, meta mqabbel ma' l-ispejjeż, tal-mekkaniżmi preżenti jrid jiġi rivedut fit-tul fejn jiġu kkunsidrati wkoll, per eżempju, l-ispejjeż amministrattivi involuti fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-mobilizzazzjoni ta' l-assi u r-riżorsi umani fuq bażi ad hoc .

39. Esperjenzi prattiċi addizzjonali jingħaġnu ma' strateġija fit-tul li jkollha bżonn tikkunsidra kemm il-koordinazzjoni tar-riżorsi ta' l-Istati Membri għandha tiġi sostitwita bl-assenjar tal-gwardjanu u t-tagħmir tal-fruntieri fuq bażi permanenti. Mobilizzazzjoni ta' dik in-natura tista' ġġib magħha reviżjoni tal-qafas legali f'dak li għandu x'jaqsam mal-poteri eżekuttivi tal-membri ta' l-iskwadri u l-uffiċjali mistiedna ta' l-RABIT, u biex wieħed jara jekk il-FRONTEX għandhiex timpjega gwardjani tal-fruntieri hi stess u/jew jekk għandhiex takkwista u/jew tikri t-tagħmir għall-ħtiġijiet ta' l-operazzjonijiet permanenti.

IV. KONKLUżJONIJIET

40. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jagħti prijorità lil diskussjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal żmien qasir li qegħdin f'dan ir-rapport, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li mill-aktar fis tiġi massimizzata l-kontribuzzjojni tal-FRONTEX għall-ġestjoni b'mod partikolari tal-fruntieri marittimi tan-nofsinhar ta' l-Unjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rwol tal-FRONTEX fil-Eurosur għandhom ukoll jiġu trattati bi projorità bbażata fuq Komunikazzjoni separata ppreżentata mill-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta' tali sistema.

41. Fuq dik il-bażi għandha tiġi mnedija diskussjoni fil-fond fuq l-istrateġija fit-tul li trid tiġi segwita mill-Unjoni fir-rigward tar-rwol li l-FRONTEX mistennija li jkollha fl-iżvilupp tal-mudell tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż il-mekkaniżmu msaħħaħ ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, u biex tiġi żgurata ġestjoni soda tal-flussi migratorji.

42. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tippreżenta l-proposti leġiżlattivi biex temenda r-Regolament tal-FRONTEX wara li tkun qieset il-konklużjonijiet ta' dawn id-diskussjonijiet u r-riżultati ta' l-evalwazzjoni indipendenti li se ssir skond l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-FRONTEX. F'terminu għat-tul hi se tieħu kont ta' l-esperjenzi futuri miksuba b'relazzjoni mar-regoli l-ġodda dwar il-poteri eżekuttivi tal-membri ta' l-iskwadri u l-uffiċjali mistiedna ta' l-RABIT sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-qafas legali komplet għall-operazzjonijiet ikkoordinati mill-FRONTEX.

[1] ĠU L 349, 25.11.2004, p.1.

[2] ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.

[3] Kif modifikat bir-Regolament (KE) 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta' Skwadri ta' Intervent Rapidu fil-Fruntiera ("Regolament RABIT"), (ĠU L 199, 31.7.2007, p.30).

[4] ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.

Top