Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0042

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Proposta għal Rapport Konġunt dwar il-protezzjoni socjali u l-inkluzjoni socjali 2008 {SEC(2008)91}

    /* KUMM/2008/0042 finali */

    52008DC0042

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Proposta għal Rapport Konġunt dwar il-protezzjoni socjali u l-inkluzjoni socjali 2008 {SEC(2008)91} /* KUMM/2008/0042 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 30.1.2008

    KUMM(2008) 42 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Proposta għal Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 {SEC(2008)91}

    IL-MESSAĠĠI EWLENIN

    - Il-politika soċjali u dik ekonomika jistgħu u għandhom jagħtu appoġġ reċiproku. F’dawn l-aħħar snin ir-riformi ta’ protezzjoni soċjali u l-politika attiva ta’ inklużjoni kkontribwixxew għal tkabbir ogħla u aktar impjiegi. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar biex ikun żgurat li l-qafas ekonomiku mtejjeb isarraf f'vantaġġi anki għal dawk li huma emarġinati fis-soċjetà. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali permezz ta’ aktar modernizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali f’qafas ta’ politika fiskali soda, li jgħaqqdu kemm l-adegwatezza soċjali kif ukoll is-sostenibbiltà ekonomika, huma għalhekk fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa. B’mod aktar ġenerali, il-politiki integrati – kif ukoll l-integrazzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi - għandhom jitkomplew filwaqt li jitqies l-objettiv li jkunu inklużi bis-sħiħ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Se jinħtieġu sforzi sostnuti matul, u lil hinn miċ-ċiklu li jmiss ta' l-istrateġija ta' Liżbona.

    - Ir-rati ta’ l-impjiegi żdiedu għall-kategoriji kollha tal-ħaddiema kbar fl-età. Il-miżuri attivi ta’ inklużjoni, ir-riformi tal-pensjonijiet kif ukoll tas-suq tax-xogħol tejbu l-inċentivi għax-xogħol iżda xorta waħda hemm aktar nies li jridu jaħdmu. Barra minn hekk, huma għandhom jibqgħu ekonomikament attivi aktar fit-tul. Flimkien ma’ l-isforzi biex titjieb il-produttività dan se jikkontribwixxi għal bażi aktar soda għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u għall-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. B’mod partikolari, ir-riformi tal-pensjonijiet jistgħu jippromwovu l-għomor attiv billi jżidu l-possibbiltà ta' impjieg, inaqqsu l-iskemi ta’ l-irtirar kmieni, iżidu l-flessibbiltà fl-irtirar u jsaħħu l-inċentivi biex wieħed idum jaħdem aktar, sakemm is-swieq tax-xogħol ikunu miftuħa għall-ħaddiema kbar fl-età.

    - Filwaqt li r-riformi tal-pensjonijiet mexjin ġmielhom, jeħtieġ li jiġu mmonitorjati b’mod regolari fir-rigward ta’ l-impatt tagħhom fuq l-adegwatezza, ir-riskju ta' faqar u s-sostenibbiltà fil-ġejjieni. Għandha titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji marbuta ma' skemi tal-pensjoni differenti, filwaqt li jkunu mħeġġa għażliet infurmati.

    Mit-78 miljun Ewropew li qed jgħixu fir-riskju ta’ faqar, 19-il miljun huma tfal. Jeħtieġ li jkunu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd, kif ukoll l-eżitu pożittiv fl-edukazzjoni għal kull tifel u tifla, biex il-faqar u l-esklużjoni ma jibqgħux jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjoni li jmiss. Hawnhekk għandhom jiġu infurzati l-politiki ta’ inklużjoni u ta’ kontra d-diskriminazzjoni, mhux l-anqas fir-rigward ta’ l-immigranti u d-dixxendenti tagħhom u ta’ minoritajiet etniċi.

    - Meta t-tfal ikunu fqar, dan hu minħabba li jgħixu f'familji qiegħda b’appoġġ insuffiċjenti għad-dħul jew minħabba li l-impjiegi tal-ġenituri tagħhom mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu jew jindirizzaw il-faqar. Għaldaqstant l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ inklużjoni bbilanċjati, komprensivi u attivi hiji element indirett iżda ewlieni fil-promozzjoni tal-benessri tat-tfal u ż-żgħażagħ. Jeħtieġ li jinħoloq bilanċ xieraq bejn l-għajnuna għall-familji u dik immirata għat-tfal bħala dritt tagħhom. Dawk bl-aħjar riżultati jimmiraw lejn l-aktar tfal żvantaġġati fl-ambitu ta’ strateġija universali usa'.

    - Il-politiki soċjali għandhom impatt kbir fuq is-saħħa u s-saħħa hija fattur determinanti importanti ta’ l-opportunitajiet fil-ħajja. Tinħtieġ azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi persistenti u importanti fir-riżultati tas-saħħa. L-interventi għandhom jadottaw strateġija fejn is-saħħa titqies fit-tfassil tal-politiki kollha; il-protezzjoni soċjali tista’ tiżgura l-aċċess ġust għall-kura tas-saħħa u l-prevenzjoni skond il-bżonn, inkluża dik li hi l-aktar diffiċli biex tintlaħaq.

    - Qed jiżdiedu l-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul. L-Istati Membri huma impenjati li jżidu l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Jeħtieġ li jinħoloq bilanċ ġust bejn ir-responsabbiltajiet pubbliċi u privati u l-kura formali u informali. Il-kura pprovduta f’ambjent residenzjali jew komunitarju hija preferuta minn kura istituzzjonali iżda għal ħafna Stati Membri l-għoti ta' servizzi ta' kwalità bħal dawn għadu sfida. L-istess jista' jingħad għat-titjib tal-koordinazzjoni ta' kura u għall-iżgurar ta’ appoġġ għal min jagħti l-kura b’mod informali.

    - L-ewwel ċiklu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (OMC) armonizzat wera li l-objettivi soċjali komuni miftehma fl-2006 għenu lill-Istati Membri fit-tfassil tal-politiki tagħhom. L-għanijiet fit-tul għadhom validi sa issa u l-implimentazzjoni kontinwa tagħhom hija kruċjali għas-suċċess ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona.

    - L-enfasi fuq temi ewlenin fl-2007 kienet innovazzjoni fl-OMC. Din żiedet l-għarfien, ippromwoviet it-tagħlim reċiproku u ħeġġet sorveljanza aħjar u rrappurtar aktar iffokat. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jimplimentaw metodi ta’ ħidma rfinati biex jinfurzaw l-Istrateġiji Ewropej u nazzjonali fid-dawl taċ-ċiklu ta’ l-OMC 2008-2011 u lil hinn minnu.

    1. INTRODUZZJONI

    Wara r-riformi taħt l-istrateġija ta’ Liżbona, it-tkabbir qabad ritmu tajjeb u qed jinħolqu l-impjiegi filwaqt li l-qgħad qiegħed jonqos madwar l-Ewropa kollha. Qed jidhru l-effetti pożittivi fuq il-koeżjoni soċjali, per eżempju fit-tnaqqis ta' qgħad fit-tul. Id-differenzi bejn is-sessi, għalkemm qegħdin jonqsu, ġeneralment għadhom konsiderevoli. Ir-rata ta’ l-impjiegi għal ħaddiema kbar fl-età issa hija kważi 44 % fl-UE (34.8 % għan-nisa, 52.6 % għall-irġiel); Disa’ pajjiżi laħqu l-mira għall-2010 ta’ 50 %. Ir-riformi ta’ protezzjoni soċjali u l-politiki ta’ inklużjoni soċjali bdew jagħtu l-frott. huma jippromwovu direttament il-koeżjoni soċjali iżda jappoġġaw ukoll it-tkabbir billi jsaħħu l-provvista tax-xogħol u jagħmlu l-pożizzjonijiet fiskali aktar sostenibbli. L-iffinanzjar tal-protezzjoni soċjali huwa suġġett għat-twessigħ tal-bażi ta’ finanzjament mit-tassazzjoni tax-xogħol għal tipi oħra ta’ taxxi. Il-perfezzjonament tal-kwalità tan-nefqa soċjali huwa neċessarju biex jinżammu livelli adegwati ta’ protezzjoni soċjali u finanzi pubbliċi sodi.

    Iżda t-tkabbir b'saħħtu u l-ħolqien tax-xogħol ma jtejbux awtomatikament il-qagħda ta’ dawk l-aktar emarġinati fis-soċjetajiet tagħna. L-aħjar opportunità biex tevità l-esklużjoni hija li jkollok impjieg, iżda dan mhuwiex dejjem garanzija. Xi 8 % taċ-ċittadini ta’ l-UE jgħixu fir-riskju ta’ faqar minkejja li għandhom impjieg. Anki fis-swieq tax-xogħol l-għadd ta' familji qiegħda jistgħu ma jiġux affettwati u xi wħud isibu ruħhom staġnati f'ċiklu ta' paga baxxa/bla paga. Jekk wieħed jagħti ħarsa ġenerali lejn il-popolazzjoni, xi 16 % taċ-ċittadini ta’ l-UE, jiġifieri madwar 80 miljun ruħ, jinsabu f’riskju ta’ faqar relatat mad-dħul, u n-nisa x’aktarx huma l-aktar esposti. F’ħafna mill-Istati Membri t-tfal u ż-żgħażagħ huma fost il-gruppi vulnerabbli li qed iħabbtu wiċċhom ma’ riskju saħansitra ogħla.

    Ir-Rapport Konġunt ta’ l-2007 eżamina l-ewwel sett ta’ rapporti strateġiċi nazzjonali li jindirizzaw b’mod integrat il-politiki li jittrattaw l-inklużjoni soċjali, il-pensjonijiet u s-saħħa u l-kura fit-tul[1]. Ir-rapporti juru kif il-konsiderazzjoni komuni ta’ l-objettivi kollha u approċċ aktar strateġiku u ffokat itejbu l-effettività tal-politika u l-kwalità tan-nefqa pubblika. L-2007 kienet sena mingħajr rappurtar nazzjonali u dan ippermetta li jkun hemm konċentrazzjoni fuq temi speċifiċi b'enfasi fuq id-dimensjoni fit-tul ta' l-istrateġija Ewropea. It-taqsima 2 tiġbor fil-qosor il-lezzjonijiet miksuba dwar it-temi magħżula filwaqt li t-taqsima 3 tħares lejn it-triq 'il quddiem. L-2007 fissret ukoll il-bidu ta’ perjodu ġdid ta’ l-ipprogrammar għall-Fondi Strutturali (FS). Bosta Stati Membri għamlu sforzi sinifikanti biex jużaw l-FS biex jimmiraw mhux biss għall-prijoritajiet ta’ “Tkabbir u Impjiegi” iżda wkoll għal objettivi soċjali komuni. Għall-baġit tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) għall-2007-2013, se jintefqu kważi € 10 biljun direttament fuq il-prijorità ta’ l-inklużjoni soċjali, jiġifieri 12.4 % tat-total. Minbarra din l-allokazzjoni diretta, attivitajiet oħra ta’ l-ESF se jappoġġaw l-inklużjoni ta’ persuni żvantaġġati. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, (ERDF) se jagħmel ukoll investiment sinifikanti, madwar € 17-il biljun, fl-infrastruttura soċjali (l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kura tat-tfal, l-akkomodazzjoni soċjali). L-Istati Membri qed jirrikorru għall-FS biex jikkomplimentaw b’mod effettiv il-fondi u l-attivitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

    Stima aktar dettaljata fuq firxa ta’ temi u analiżi komprensiva ta’ l-użu tal-FS għall-objettivi soċjali komuni[2] jingħataw fid-Dokument ta' Appoġġ.

    2. INTERAZZJONI REċIPROKA BEJN IL-METODU MIFTUħ TA’ KOORDINAZZJONI U L-ISTRATEġIJA TA’ LIżBONA GħAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 enfasizza li l-objettivi soċjali komuni ta’ l-UE għandhom ikunu riflessi aħjar fl-aġenda ta’ Liżbona. Il-Kunsill Informali tenna l-ħtieġa li jitjiebu l-integrazzjoni u l-viżibilità tal-prijoritajiet soċjali fi ħdan il-qafas usa’ tar-riforma ta’ l-istrateġija Ewropea. Il-ministri enfasizzaw li waħda mill-iktar għodod importanti għall-progress ta’ l-UE fi kwistjonijiet ta’ l-impjiegi u dawk soċjali hija l-koordinazzjoni tal-politiki, li hija fundamentali kemm biex titjieb il-kwalità tal-politiki kif ukoll biex jinkisbu għanijiet komuni. Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) wieġeb billi obbliga grupp ta’ ħidma biex jidentifika eżempji ta’ interazzjoni reċiproka pożittiva bejn l-objettivi soċjali komuni u dawk ta’ tkabbir ekonomiku akbar u aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

    Ir-rapport tal-grupp ta’ ħidma enfasizza kif il-politiki ekonomiċi, ta’ l-impjiegi u soċjali huma marbuta mill-qrib u jagħtu appoġġ reċiproku. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-politiki ta’ inklużjoni soċjali li huma mfassla sew huma fatturi produttivi li jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-kisbiet ekonomiċi ta’ kull Stat Membru. Ir-riformi kurrenti tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa għandhom impatt pożittiv kemm fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi kif ukoll fuq l-imġieba fis-suq tax-xogħol. Azzjoni ta’ suċċess fil-kura tas-saħħa ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-produttività. Il-politiki attivi u komprensivi ta’ inklużjoni għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol isaħħu l-kapital uman u l-provvista tax-xogħol filwaqt li jsaħħu wkoll il-koeżjoni tas-soċjetà. Iż-żieda fil-benessri tat-tfal u ż-żgħażagħ tgħin lill-ġenerazzjonijiet futuri jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom u b’hekk jgħinhom jikkontribwixxu aktar għas-soċjetà u għall-ekonomija.

    2.1. Sforzi biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal

    B’19 %, ir-riskju ta’ faqar fost it-tfal fl-UE huwa ogħla minn dak tal-popolazzjoni ġenerali. Ir-rata tqarreb it-30 % fil-pajjiżi milquta l-agħar. Madwar 10 % tat-tfal kollha jgħixu f’familji fejn ħadd ma jaħdem u 60 % ta’ dawn jinsabu f’riskju ta’ faqar. Minkejja l-progress ġenerali fis-suq tax-xogħol, din iċ-ċifra baqgħet l-istess sa mill-2000. Meta ż-żewġ ġenituri jkunu jaħdmu, 7 % biss tat-tfal ikunu f’riskju ta’ faqar, iżda r-rata tilħaq il-25 % meta jaħdem ġenitur wieħed biss. Fatturi oħra, flimkien ma’ intensità baxxa ta’ xogħol, jinkludu l-għixien ma’ ġenitur wieħed biss jew f’familja kbira. Bħala medja t-trasferimenti soċjali jnaqqsu r-riskju ta’ faqar fost it-tfal b’44 %. Il-faqar fost it-tfal jirriżulta minn interazzjoni kumplessa bejn dawn il-fatturi. Hemm tendenza li l-aħjar riżultati jinkisbu minn pajjiżi li jindirizzaw il-kwistjoni minn kull lat u li joħolqu bilanċ xieraq bejn il-konċentrazzjoni fuq il-familja u dik fuq it-tifel jew tifla bħala dritt tiegħu jew tagħha. Dan jinvolvi l-għaqda ta' strateġiji biex jiżdiedu l-aċċess u l-ġibda tal-ġenituri għal impjiegi b’servizzi ta’ sostenn u b’appoġġ għad-dħul li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju li jinħolqu effetti ta’ nasba. Is-suċċess jirrikjedi li dawn il-miżuri jifformaw taħlita ta’ politika bbilanċjata tajjeb – li tiffoka fuq intervent bikri, mgħammar bir-riżorsi xierqa u msejjes fuq objettivi u miri ċari.

    Jekk it-tfal ikunu foqra, dan ġeneralment hu minħabba li jgħixu f’familji foqra. It-titjib tal-qagħda materjali tat-tfal jinvolvi ż-żieda tad-dħul tal-familja permezz ta’ appoġġ dirett – jew finanzjarju jew f’forma ta’ għoti ta’ servizzi soċjali bażiċi – kif ukoll permezz ta’ miżuri biex ikun iffaċilitat l-aċċess taż-żewġ ġenituri għas-suq tax-xogħol. Ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja jista’ jkollha sehem ewlieni, per eżempju permezz tat-tisħiħ tal-kwalità u l-kwantità ta’ l-għoti ta’ kura tat-tfal. Madankollu, kull azzjoni biex tissaħħaħ ir-rabta tal-ġenituri mas-suq tax-xogħol trid tkun akkumpanjata b’miżuri biex ikun żgurat li dawk li ma għandhomx kapaċità jew opportunità li jaħdmu jirċievu biżżejjed appoġġ biex huma u l-familji tagħhom ikun jistgħu jgħixu b'dinjità. L-inċidenza ta’ tfal li jgħixu fir-riskju ta’ faqar anki meta l-ġenituri jkunu jaħdmu tenfasizza l-ħtieġa għal impjiegi ta’ kwalità aħjar, ambjent li jħeġġeġ iż-żamma ta’ l-impjiegi u opportunitajiet għal progress fil-karriera. F’dan il-kuntest, huwa inkoraġġanti li tara l-enfasi qawwija li qed tingħata lill-Inklużjoni Attiva fil-proposti ta’ l-Istati Membri għall-użu ta’ l-ESF biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-parteċipazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni żvantaġġati.

    L-Istati Membri bl-aħjar riżultati jiżguraw taħlita xierqa ta’ benefiċċji universali u dawk immirati. Il-miżuri universali joħolqu ambjent ġeneralment favorevoli għall-familji, ma jwasslux għal effetti ta’ nasba u ma jġorrux stigma. Madankollu, il-benefiċċji mmirati, imfasslin b’mod li ma jiskoraġġixxux ix-xogħol, jinħtieġu wkoll biex jintlaħqu dawk li huma l-aktar fil-bżonn. L-edukazzjoni jista’ jkollha rwol vitali biex jiġi kkumpensat l-iżvantaġġ soċjo-ekonomiku u biex twitti t-triq b'mod effettiv għall-iżvilupp tat-tfal b'suċċess. L-Istati Membri jirrikonoxxu l-bżonn li jkunu żgurati opportunitajiet ugwali għat-tfal kollha fir-rigward tal-kura tat-tfal u taż-żmien ta' qabel l-iskola, filwaqt li qed jiġu adottati dejjem aktar miżuri preventivi biex tingħeleb il-problema tat-tluq mill-iskola ta’ età bikrija.

    Madankollu, jinħtieġu aktar miżuri biex ikun indirizzat ir-riskju ta’ esklużjoni soċjali li qed iħabbtu wiċċhom miegħu t-tfal u ż-żgħażagħ li jbatu minn żvantaġġi multipli, bħat-tfal Roma, li ħafna drabi huma partikolarment emarġinati. Programmi ta’ edukazzjoni mmirati li jiffokaw fuq gruppi żvantaġġati bħal dawn u li jwasslu għal kooperazzjoni attiva tal-ġenituri għandhom jiġu appoġġati aktar.

    L-esklużjoni soċjali mifruxa ta’ żgħażagħ li jqattgħu t-tfulija tagħhom taħt kura istituzzjonali tibqa’ problema serja. F’ħafna Stati Membri, qed tidher tendenza li t-tfal jitrabbew f’familji adottivi, bl-għan li jkun ipprovdut ambjent ta' familja, minflok taħt kura istituzzjonali. Dan huwa biss wieħed minn ħafna oqsma bl-iskop ta’ żvilupp ta’ politika u tagħlim reċiproku (l-evalwazzjoni u t-taħriġ tal-familji adottivi, ir-reklutaġġ biex jilqa’ għaż-żieda prevista ta’ postijiet, eċċ.).

    Il-miri kwantitattivi nazzjonali flimkien ma’ l-impenn politiku qawwi jistgħu jkattru l-progress fl-implimentazzjoni. Is-sorveljanza xierqa hija kruċjali, u qed jiġu stabbiliti mekkaniżmi għal dan il-għan, meta ma jkunux diġà implimentati. Iżda huwa essenzjali li wieħed jagħraf li l-qagħda ta' l-aktar tfal vulnerabbli, eż. it-tfal fl-istituzzjonijiet jew fit-triq, ma tistax tiġi sorveljata bl-użu ta’ għodda ta’ stħarriġ standard, iżda teħtieġ strumenti ta’ sorveljanza speċifiċi. L-SPC approva sett propost ta’ rakkomandazzjonijiet għal analiżi u sorveljanza mtejba fuq il-bażi tal-ħidma mħejjija mit-taskforce ta' l-ISG dwar il-faqar fost it-tfal u l-benessri tat-tfal.

    Fl-aħħarnett, hemm sinerġiji mhux sfruttati bejn l-istrateġiji kontra l-faqar, il-politiki dwar id-drittijiet tat-tfal u l-isforzi biex tingħeleb id-diskriminazzjoni. Huwa rikonoxxut li l-faqar fost it-tfal irid jitqies f’termini wiesa’, lil hinn mill-faqar finanzjarju, billi jitqiesu eż. il-privazzjoni materjali, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni soċjali u l-espożizzjoni għar-riskji, inklużi r-riskji relatati ma’ l-imġieba.

    2.2. Il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal

    Ir-riformi strutturali estensivi fis-suq tax-xogħol u fil-pensjonijiet saru f'bosta pajjiżi matul l-aħħar għaxar snin u għadhom għaddejjin f'xi uħud mill-Istati Membri. Huma jibnu fuq l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja billi jsaħħu r-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni u l-benefiċċji, kif ukoll fuq strateġiji ta' għomor attiv billi jnaqqsu l-aċċess għal skemi ta' l-irtirar kmieni, isaħħu l-inċentivi biex titwal il-ħajja tax-xogħol u jtejbu l-possibbiltà ta' impjieg għall-ħaddiema kbar fl-età. Dawn jeħtieġ li jkunu kkumplimentati b’miżuri ta' flessigurtà matul iċ-ċiklu tal-ħajja biex jitjiebu kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità ta’ l-impjiegi b’mod partikolari għal dawk b’karrieri anqas stabbli, b’paga baxxa u b’diffikultajiet biex jiksbu pensjoni adegwata. Dawk li qed jieħdu benefiċċji ta' rtirar kmieni ħafna drabi jirrappreżentaw madwar 20 % tal-popolazzjoni ta' bejn il-55 u l-64 sena. It-tnaqqis ta’ din l-adozzjoni jista’ jikkontribwixxi b’mod qawwi biex titwal il-ħajja tax-xogħol.

    It-titjib riċenti fir-rati ta’ l-impjieg ta’ dawk bejn il-55 u l-64 sena jibbenefikaw minnu l-kategoriji kollha ta’ ħaddiema, inklużi dawk b'ħiliet baxxi. Ir-riformi li għaddejjin ta’ skemi ta’ rtirar kmieni għandhom jiffokaw ukoll fuq dan il-grupp.

    Bosta Stati Membri jinsabu involuti fir-riformi biex titnaqqas l-adozzjoni ta’ benefiċċji ta’ rtirar kmieni, filwaqt li jiffokaw fuq il-ħolqien tal-qgħad u l-benefiċċji ta’ rtirar kmieni u l-aċċess għal pensjonijiet ta’ diżabilità u rijabilitazzjoni. Xi wħud qegħdin ukoll jirrevedu t-tassazzjoni u t-tfassil tal-pensjonijiet privati.

    L-għanijiet ewlenin f’dawn ir-riformi huma li jirrestrinġu l-kundizzjonijiet ta' eliġibilità filwaqt li joħolqu qafas adegwat għas-sehem kontinwu tal-ħaddiema kbar fl-età fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jippermettu eċċezzjonijiet fil-każ ta’ xogħlijiet partikolarment eżiġenti jew ta’ sogru; li jżidu l-inċentivi biex titwal il-ħajja tax-xogħol għall-impjegati u biex min iħaddem jimpjega jew iżomm ħaddiema kbar fl-età; U biex jissaħħu l-opportunitajiet tax-xogħol għal dawk b’diżabilità jew bi kwalifiki baxxi billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jivvalidaw it-tagħlim mhux formali u jipprovdu opportunitajiet għall-aġġornament tal-ħiliet, inklużi ħiliet fl-ICT, taħriġ mill-ġdid u tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li jirrikorru spiss għall-fondi ta' l-ESF.

    F’xi Stati Membri, madankollu, qed tiżdied l-adozzjoni ta’ benefiċċji ta’ rtitrar kmieni. Aktar riformi sistematiċi huma għalhekk meħtieġa biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-perjodu bejn it-tmiem ta’ l-aħħar impjieg u l-adozzjoni ta’ pensjoni statutorja. Ħafna mill-miżuri jinfurzaw it-tnaqqis mistenni fl-għoti ta’ pensjoni pubblika fil-ġejjieni f’età partikolari, u b’hekk iżidu t-tħassib rigward l-adegwatezza fil-ġejjieni. Ir-rispons xieraq huwa li jiżgura li aktar nies jaħdmu u li jaħdmu aktar fit-tul, u dan jeħtieġ sforzi attivi biex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema kbar fl-età fis-suq tax-xogħol. Dan jenfasizza wkoll l-importanza ta’ l-għoti ta’ pensjoni privata komplementari.

    2.3. L-iżgurar ta’ l-għoti ta’ pensjoni ffinanzjata b’mod privat

    L-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjata b’mod privat huma ta’ importanza li dejjem qiegħda tikber. Dan ġeneralment ifisser bidla fil-qsim tar-riskji bejn il-benefiċjarji, il-gvernijiet, l-impriżi li jisponsorjaw u l-fondi tal-pensjonijiet, li trid tiġi evalwata sewwa u tkun akkumpanjata b’regolament xieraq.

    L-impatt sħiħ fuq l-adegwatezza tal-pensjonijiet fil-ġejjieni mhuwiex faċli biex jiġi vvalutat u jiddependi fuq id-daqs tal-kontribuzzjonijiet indirizzati għal skemi ffinanzjati u fuq il-kopertura attwali tagħhom. Filwaqt li l-impjiegi aktar kompleti u produttivi jżidu l-kopertura tal-ħaddiema li jkollhom inqas aċċess għal pensjonijiet privati, jidher li jinħtieġu miżuri ta’ politika speċifiċi biex tiżdied il-kopertura li bħalissa hi ta’ 50-60 % bħala medja u biex ikun żgurat li l-popolazzjoni kollha fix-xogħol takkumula biżżejjed drittijiet ta’ pensjoni privata – l-objettiv stabbilit minn ħafna Stati Membri. Il-benefiċċji tal-pensjonijiet fil-ġejjieni se jiddependu wkoll fuq id-dħul reali fuq il-kapital akkumulat kif ukoll l-ispejjeż u l-ħlasijiet imposti – li jistgħu jaffettwaw aktar minn qabel il-pensjonijiet aktar baxxi.

    F’dawk l-Istati Membri li jintroduċu dipendenza akbar fuq l-għoti ta’ pensjonijiet privati l-mekkaniżmi għat-tranżizzjoni għadhom qegħdin jevolvu. Barra minn hekk, elementi bħall-età meta jkun obbligatorju li wieħed jissieħeb fl-iskemi ffinanzjati statutorji, it-trattament ta’ perjodi mhux kontributorji, ir-regoli ta’ indiċjar, it-tfassil ta’ garanziji u l-etajiet ta’ rtirar jista' jkollhom impatt qawwi fuq il-benefiċċji tal-pensjonijiet fil-ġejjieni.

    Iżda jeħtieġ li l-iskemi ffinanzjati wkoll jadattaw ruħhom għaż-żieda fl-aspettattiva ta’ ħajja. Minħabba dipendenza akbar fuq il-pensjonijiet iffinanzjati, jeħtieġ li r-rwol tal-gvern jiġi definit b’mod ċar. Dan jinvolvi d-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ ħlas, sorveljanza xierqa, tagħrif pubbliku u litteriżmu finanzjarju.

    2.4. It-tnaqqis ta’ inugwaljanzi fir-riżultati fil-qasam tas-saħħa

    Minkejja t-titjib ġenerali fil-qasam tas-saħħa għad hemm differenzi sostanzjali fir-riżultati fil-qasam tas-saħħa mhux biss fost l-Istati Membri iżda wkoll f’kull pajjiż bejn sezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni skond l-istatus soċjo-ekonomiku, il-post tar-residenza u l-grupp etniku, u s-sess. Bħala medja, il-persuni b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni, ġid jew status professjonali jgħixu anqas u jbatu mill-mard aktar spiss minn gruppi tagħna u dawn id-differenzi mhumiex qed jonqsu. L-inugwaljanza fid-dħul, il-faqar, il-qgħad, it-tensjoni, il-kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol u l-akkomodazzjoni huma fatturi determinanti importanti ta’ l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, bħalma huma l-imġieba individwali, u r-rieda u l-kapaċità li wieħed jerfa’ l-ispejjeż.

    Filwaqt li s-sistemi tal-kura tas-saħħa kkontribwew għal titjib sinifikanti fil-qasam tas-saħħa madwar l-UE kollha, l-aċċess għall-kura tas-saħħa għadu mhux uniformi fost il-gruppi soċjali. Sfida ewlenija hija li kulħadd ikollu aċċess għal kura ta' kwalità għolja li tirrifletti l-progress teknoloġiku riċenti filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà. Għaldaqstant, l-Istati Membri qed jimplimentaw politiki biex inaqqsu dawn l-inugwaljanzi, eż. billi: jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju permezz tal-promozzjoni tas-saħħa; inaqqsu l-prevalenza u l-inċidenza ta’ ċertu mard; u jiżguraw attivitajiet ta’ prevenzjoni aktar effettivi f’ambjenti varji (id-dar, l-iskola, ix-xogħol). Huma importanti wkoll il-passi li qed jittieħdu biex tiżdied il-kopertura tal-popolazzjoni, jiġu indirizzati l-ostakli finanzjarji għall-kura, ikunu enfasizzati l-attivitajiet ta’ promozzjoni u prevenzjoni fuq il-kura kurattiva, u jiġu indirizzati l-ostakli kulturali għall-użu tas-servizzi. Il-FS se jintużaw biex jappoġġaw ir-riforma u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet f’reġjuni ta’ Konverġenza, biex jitjieb l-aċċess u jiġu żviluppati r-riżorsi umani.

    Madankollu, tinħtieġ kombinazzjoni ta’ politiki ġenerali u dawk imfassla għal gruppi soċjo-ekonomiċi aktar baxxi. Kważi l-Istati Membri kollha implimentaw drittijiet universali jew kważi universali fil-qasam tal-kura u adattaw is-servizzi biex jilħqu lil dawk li jsibu diffikultà biex ikollhom aċċess għal servizzi konvenzjonali minħabba diżabilità fiżika jew mentali jew minħabba differenzi lingwistiċi jew kulturali. Ftit minnhom bdew jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa b’mod sistematiku u komprensiv billi jnaqqsu d-differenzi soċjali, jipprevjenu d-differenzi suċċessivi fis-saħħa, jew jindirizzaw il-problemi ta’ saħħa li jirriżultaw. Dan ikun jiżgura fil-prattika l-aċċess ugwali għal bżonnijiet ugwali. Fl-aħħarnett, il-politiki 'l barra mis-settur tas-saħħa huma wkoll ċentrali biex titjieb is-saħħa tal-popolazzjoni u biex jitnaqqsu d-differenzi eżistenti fl-għoti tal-kura tas-saħħa.

    2.5. Il-kura fit-tul

    Hemm tendenza li x-xjuħija demografika u l-bidla soċjo-ekonomika jitqiesu bħala l-fatturi ewlenin li jwasslu għad-domanda aktar għolja fil-ġejjieni għal servizzi ta’ kura fit-tul. Iż-żidiet fid-domanda jiġu kkawżati prinċipalment miż-żidiet fl-aspettattiva ta’ ħajja u mill-inċidenza ta’ invalidità u dipendenza. L-Istati Membri għarfu l-ħtieġa li jħarsu lejn il-kura fit-tul bħala riskju soċjali ġdid li għandu jkun kopert mill-protezzjoni soċjali u qed jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw aċċess kważi universali. Filwaqt li xi differenzi fl-għoti ta’ assistenza huma inevitabbli, il-kapaċità ta’ l-individwi li jħallsu jew is-sehem tas-sorsi privati ta’ l-iffinanzjar ma għandhomx ixekklu l-aċċessibilità għal servizzi ta’ kwalità għolja. Minkejja l-ħtieġa rikonoxxuta, il-provvista attwali ma ssarrafx neċessarjament f’qafas komprensiv u universali għall-għoti ta’ kura fit-tul. L-Istati Memri qed jistinkaw biex jiżguraw taħlita sostenibbli bejn is-sorsi pubbliċi u privati tal-finanzi. Il-miżuri jinkludu bidliet fil-mekkaniżmi ta’ l-iffinanzjar, iżda f’ħafna pajjiżi l-iffinanzjar stabbli ta’ kura fit-tul għad irid jinkiseb.

    Ir-rapporti nazzjonali juru li l-għoti ta’ assistenza mfassla għall-persuna dipendenti f’ambjent residenzjali jew komunitarju hija l-alternattiva preferuta għal kura istituzzjonali. L-appoġġ għal min jagħti l-kura b’mod informali u l-isfruttament ta’ teknoloġija ġdida jistgħu jgħinu lin-nies biex jibqgħu kemm jista' jkun jgħixu fi djarhom stess. Il-FS se jintużaw biex jippromwovu t-tneħħija ta’ l-istituzzjonalizzazzjoni u jinfurzaw mill-ġdid is-servizzi bbażati fuq il-komunità. Il-koordinazzjoni msaħħa bejn il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali titqies bħala kruċjali biex tkompli tingħata l-kura b’mod adegwat, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ kwalità u użu effiċjenti ta’ riżorsi fl-għoti ta’ servizzi ta’ kura fit-tul f’ambjent istituzzjonali jew komunitarju. Biex jiżguraw livell għoli ta’ kwalità, il-miżuri jinkludu standards uniformi u mekkaniżmi ta’ akkreditament ta’ kwalità flimkien ma’ metodi ta’ evalwazzjoni infurzati b'mod legali.

    Importanti bl-istess mod hija l-kwistjoni tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura fit-tul, li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa. B’mod partikolari f’pajjiżi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqasijiet, ir-reklutaġġ, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid b’mod adegwat jibqgħu sfida, li l-ESF jista' potenzjalment jgħin biex jiġu indirizzati, bħalma tagħmel il-koordinazzjoni tal-kura formali mal-kura informali. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rikonoxximent formali ta’ dawk li jagħtu l-kura b’mod informali fi skemi ta’ sigurtà soċjali huma modi biex ikun żgurat il-livell għoli ta’ kwalità fl-għoti informali.

    3. L-IżVILUPPI FIL-ġEJJIENI TAL-METODU MIFTUħ TA' KOORDINAZZJONI

    L-enfasi fl-2007 fuq temi magħżula taw opportunità għal analiżi approfondita tal-kwistjonijiet ikkonċernati u r-reazzjonijiet tal-politika. B’mod partikolari, l-enfasi fuq il-faqar fost it-tfal żied l-għarfien komuni tal-fatturi differenti li jiddeterminaw l-inklużjoni soċjali u l-benessri tat-tfal u ż-żgħażagħ. It-tkomplija ta’ dan, u l-iżgurar ta’ l-istess progress fi snin tematiċi fil-ġejjieni, se jsaħħu l-impatt ta’ l-OMC fuq l-objettivi soċjali komuni.

    L-OMC huwa strumentali għall-promozzjoni ta’ għarfien komuni tal-prijoritajiet għall-politika soċjali. Il-qafas tiegħu għal tagħlim reċiproku u skambju ta’ esperjenza ħeġġeġ strateġiji ta’ politika aktar effiċjenti. Il-progress li sar s’issa jikkonferma l-validità ta’ l-objettivi soċjali komuni. Huma jipprovdu qafas komprensiv għal azzjoni integrata, u l-analiżi ta’ l-isfidi fit-tul turi l-urġenza biex jiżdiedu l-isforzi.

    Il-ħtieġa li jinstabu modi biex tkun żviluppata aktar il-kooperazzjoni kienet fuq quddiem ta’ l-aġenda ta' l-2007 ta' l-SPC. Ir-riflessjonijet iffokaw fuq kif għandu jiġi msaħħaħ il-potenzjal ta' tagħlim reċiproku. Intlaħaq qbil dwar għadd ta’ elementi ta’ titjib li għandhom jiġu implimentati matul iċ-ċiklu ta’ l-2008-2011.

    - Bidla għal approċċ immirat aktar lejn il-kuntest u l-proċess, filwaqt li jitqiesu wkoll il-politiki mingħajr suċċess u l-iżvilupp iterattiv ta’ politiki b’rispons għall-ostakli li jinstabu.

    - Użu aktar integrat u strateġiku ta’ l-istrumenti kollha disponibbli biex tkun appoġġata l-implimentazzjoni ta' l-OMC (partikolarment il-programm PROGRESS).

    - Inkorporazzjoni aktar sistematika tar-riżultati ewlenin fit-tfassil tal-politika, li jirriżultaw minn sorveljanza msaħħa.

    - Infurzar tal-qafas analitiku, inkluża l-istima ta’ l-impatt soċjali.

    - Aktar titjib fit-tmexxija billi jiġi żgurat l-involviment kontinwu tal-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali, tul iċ-ċiklu ta’ politika ta’ l-OMC.

    - Tisħiħ ta’ l-interazzjoni pożittiva reċiproka bejn l-OMC Soċjali u proċessi rilevanti oħra ta' l-UE taħt l-Istrateġija ta' Liżbona.

    -Titjib fit-tixrid tar-riżultati.

    Bl-inizjattiva tagħha dwar l-inklużjoni attiva[3] l-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri – u lil partijiet interessati oħra - biex iqisu proposta maħsuba li tinforza aktar il-kapaċità ta' l-OMC li jappoġġa l-isforzi ta' l-Istati Membri fit-twettiq ta' l-objettivi soċjali komuni. Għandhom jitqiesu s-sussidjarjetà u s-sitwazzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri differenti. Iżda l-għan hu li wieħed jibni fuq l-għarfien komuni ta' l-isfidi ewlenin li ġew miftehma biex tikun żviluppata, b’kunsens, gwida għall-implimentazzjoni. L-OMC isir għalhekk aktar effettiv fil-promozzjoni ta’ l-aħjar prassi u fis-sorveljanza tal-progress.

    [1] Matul l-2007 xi Stati Membri aġġornaw l-istrateġiji tagħhom: AT, FR, NL, RO, FI, SE, SI u l-UK

    [2] Xi strumenti finanzjarji oħra ta’ l-UE bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali jikkontribwixxu wkoll għall-inklużjoni soċjali.

    [3] Konsultazzjoni mnedija fis-17 ta’ Ottubru 2007 dwar “L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar ġustizzja soċjali u koeżjoni ekonomika: titmexxa ’l quddiem l-inklużjoni attiva tan-nies l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol”, COM(2007) 620.

    Top