EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0251

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Politika ta' Integrazzjoni u d-Djalogu Interkulturali

ĠU C 76, 31.3.2009, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/1


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Politika ta' Integrazzjoni u d-Djalogu Interkulturali

(2009/C 76/01)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li d-djalogu interkulturali huwa strument ewlieni fil-promozzjoni tal-għarfien tad-diversità kulturali, it-tisħiħ u l-għaqda tal-popli f'Ewropa li hija multilingwi u multikulturali;

huwa konvint li d-djalogu bejn reliġjonijiet differenti u fehmiet minn madwar id-dinja huwa wieħed mill-għodod prinċipali fi djalogu interkulturali sostenibbli;

għalhekk jappella lill-Parlament Ewropew biex jippromovi Karta Ewropea għad-Djalogu Interkulturali u jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jorganizzaw Pjattaforma Ewropea għad-Djalogu Interkulturali permanenti, li tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-ħsieb li d-djalogu sistematiku jiżviluppa mill-bliet u r-reġjuni tagħna;

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi importanti għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali;

iħoss li l-awtoritajiet lokali għandhom jistabbilixxu djalogu miftuħ mal-gruppi individwali jew mas-sezzjonijiet tas-soċjetà, u mbagħad jippromovu u jappoġġjaw il-komunikazzjoni bejn dawn il-gruppi, jorganizzaw laqgħat u jedukaw lin-nies permezz tat-taħdidiet, il-festivitajiet, il-wirjiet u forom oħra ta' attivitajiet;

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'ħafna mill-Istati Membri huma responsabbli mil-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta' integrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha u għalhekk għandhom rwol prinċipali fl-integrazzjoni tal-immigranti;

jemmen li d-djalogu interkulturali huwa kundizzjoni għall-integrazzjoni b'suċċess. Peress li huma l-aktar li jinsabu qrib in-nies, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kapaċi jistimolaw ir-rikonoxximent reċiproku u parteċipazzjoni aktar attiva fid-djalogu interkulturali

Rapporteur

:

Milan BELICA (SK/PPE), President tar-Reġjun awtonomu ta' Nitra

Dokument ta' referenza

Talba għall-Konsultazzjoni mill-Presidenza Franċiża dwar “Il-Politika ta' Integrazzjoni u d-Djalogu Interkulturali: Ir-Rwol tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali”.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-prinċipju tad-djalogu multikulturali

1.

jemmen li l-prinċipju bażiku wara l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea huwa r-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni tagħha. F'dan ir-rigward, id-djalogu interkulturali huwa strument ewlieni fil-promozzjoni tal-għarfien tad-diversità kulturali, it-tisħiħ u l-għaqda tal-popli f'Ewropa li hija multilingwi u multikulturali;

2.

jisħaq li l-kunċett tad-djalogu interkulturali marbut mal-koeżjoni soċjali u territorjali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tal-valuri bażiċi tal-ħajja privata, soċjali u ċivika, bħalma huma s-solidarjetà, ir-responsabbiltà, it-tolleranza, ir-rispett, il-valuri tradizzjonali, il-kisba tal-progress soċjali u l-komprensjoni għad-diversità soċjali u kulturali. Jista' wkoll irawwem il-kapaċità li individwi u gruppi b'kuntesti kulturali differenti jikkomunikaw flimkien u jgħixu flimkien f'solidarjetà;

3.

jenfasizza li l-aċċess ugwali għall-kultura u l-libertà tal-espressjoni kulturali huma elementi essenzjali tal-bażi tal-valuri Ewropea u tal-prekundizzjonijiet meħtieġa għad-djalogu interkulturali u l-integrazzjoni;

4.

jenfasizza li biex id-djalogu interkulturali jiġi promoss b'mod effettiv, hemm bżonn tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali u lokali li tinkludi dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-isport u l-kultura kif ukoll strutturi li jirrappreżentaw lill-immigranti u imsieħba oħra rilevanti fil-livell lokali.L-assoċjazzjonijiet reliġjużi u sekulari huma msieħba importanti wkoll f'dan id-djalogu billi jikkontribwixxu lejn il-ħolqien tas-sens tal-bżonn li jkun hemm komprensjoni u tolleranza reċiproka, sakemm huma jikkomunikaw din il-ħtieġa;

5.

huwa konvint li d-djalogu bejn reliġjonijiet differenti u fehmiet minn madwar id-dinja huwa wieħed mill-għodod prinċipali fi djalogu interkulturali sostenibbli. L-organizzazzjonijiet ta' twemmin differenti ħafna drabi huma atturi fundamentali fis-soċjetà tagħna u fil-livell lokali u reġjonali, l-awtoritajiet pubbliċi u reliġjużi jinsabu f'pożizzjoni li flimkien jiżviluppaw metodi ta' ħidma għall-promozzjoni tal-komprensjoni reċiproka u b'hekk isaħħu d-djalogu interkulturali. L-appoġġ ta' dawn il-metodi u l-attivitajiet żviluppati mil-livell lokali u reġjonali wkoll jista' jwassal biex jitrawwem il-prinċipju tal-komprensjoni reċiproka;

6.

għalhekk jappella lill-Parlament Ewropew biex jippromovi Karta Ewropea għad-Djalogu Interkulturali u jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jorganizzaw Pjattaforma Ewropea għad-Djalogu Interkulturali permanenti, li tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-ħsieb li d-djalogu sistematiku jiżviluppa mill-bliet u r-reġjuni tagħna.

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fid-djalogu interkulturali

7.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi importanti għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. Huma għandhom responsabbiltà prinċipali fil-formazzjoni u s-sostenn tal-varjetà rikka tal-kulturi tagħna. Għandhom rwol ewlieni fit-tixrid u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki u l-iskambju tal-esperjenzi fid-djalogu interkulturali b'mod partikolari permezz tal-koordinazzjoni li jagħmlu tan-netwerks b'dimensjonijiet varji lokali u reġjonali li fihom jipparteċipaw is-suġġetti kollha rilevanti.

8.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex iqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni kumplessa attwali u l-koeżistenza tal-identitajiet kulturali u s-sistemi ta' twemmin differenti. Għaldaqstant huwa importanti għalihom li jifhmu ġenwinament il-gruppi individwali, l-attivitajiet tagħhom u l-influwenza tagħhom fis-soċjetà. Għalhekk hemm bżonn li, għad-djalogu multikulturali, tiġi identifikata firxa wiesgħa kemm jista' jkun ta' partijiet interessati li jiġu inklużi fi strutturi għal skambju dirett u intensiv mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rispettivi tagħhom;

9.

josserva li ħafna inizjattivi interkulturali huma mmexxija fil-livell lokali u/jew reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba li huma qrib iċ-ċittadini, għandhom pożizzjoni strateġikament tajba biex jirrispondu — flimkien mas-suġġetti lokali l-oħra — għall-ħtiġijiet u t-talbiet speċifiċi tal-gruppi kulturali differenti fit-territorji tagħhom u b'mod effettiv biex jippromovu djalogu interkulturali akbar;

10.

iħoss li l-awtoritajiet lokali għandhom jistabbilixxu djalogu miftuħ mal-gruppi individwali jew mas-sezzjonijiet tas-soċjetà, u mbagħad jippromovu u jappoġġjaw il-komunikazzjoni bejn dawn il-gruppi, jorganizzaw laqgħat u jedukaw lin-nies permezz tat-taħdidiet, il-festivitajiet, il-wirjiet u forom oħra ta' attivitajiet. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jibdew djalogu miftuħ fejn ikollhom rwol imparzjali u jirrispettaw il-libertà u d-drittijiet tal-individwi u tal-gruppi; wara huma jaġixxu bħala intermedjarji u possibbilment joffru “servizzi ta' konsultazzjoni” (informazzjoni, proġetti).

11.

jemmen li l-immigranti għandu jkollhom l-opportunità jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali, reġjonali u tal-Parlament Ewropew;

12.

għalhekk jinkoraġġixxi l-awtoritajiet rilevanti u l-gruppi politiċi biex jippromovu l-parteċipazzjoni tagħhom u jgħinu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

Id-djalogu interkulturali bħala kondizzjoni ewlenija għall-politika tal-integrazzjoni

13.

jemmen li d-djalogu interkulturali huwa kundizzjoni għall-integrazzjoni b'suċċess. Peress li huma l-aktar li jinsabu qrib in-nies, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kapaċi jistimolaw ir-rikonoxximent reċiproku u parteċipazzjoni aktar attiva fid-djalogu interkulturali;

14.

jirrakkomanda li fil-qafas tal-kompetenzi tagħha, l-Unjoni Ewropea tiżgura oqfsa u prekondizzjonijiet ċari għall-integrazzjoni b'suċċess, iżda jagħraf ukoll li l-politika tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni huma kompetenza nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà jrid jiġi rispettat;

15.

jenfasizza l-ħtieġa għall-ħolqien u l-appoġġ ta' strutturi ġestjonali (one stop shops) għal kwistjonijiet prattiċi ffaċċjati mill-immigranti (b'mod parallel għall-problemi burokratiċi tas-soltu) li jkunu kapaċi joffru tagħrif utli, speċjalment lil dawk l-individwi li għadhom jaslu;

16.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'ħafna mill-Istati Membri huma responsabbli mil-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta' integrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha u għalhekk għandhom rwol prinċipali fl-integrazzjoni tal-immigranti. Waqt it-tfassil ta' oqfsa komuni Ewropej, iridu jitqiesu d-differenzi fis-sistemi nazzjonali kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika ta' kull Stat Membru, it-tradizzjonijiet attwali u l-partikolaritajiet storiċi u kulturali tiegħu, b'konformità mal-Punt 14. Dan ifisser ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom japplikaw mudell integrazzjonista skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom;

17.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' spiss jipparteċipaw fid-determinazzjoni tal-effikaċja u l-effiċjenza ta' numru ta' aspetti tal-politika ta' integrazzjoni bil-mod li bih jissodisfaw r-responsabbiltajiet tagħhom f'dawn l-oqsma;

18.

jappella biex jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-miżuri ta' integrazzjoni fil-livell lokali u reġjonali, filwaqt li jiġu mistħarġa l-programmi attwali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jirċievu għajnuna fit-tmexxija tal-proċess ta' integrazzjoni — b'informazzjoni u fondi kif ukoll l-iżvilupp tal-aħjar prattiki. Għalhekk qed issir r-rakkomandazzjoni li jiddaħħlu l-linji ta' azzjoni u l-miżuri biex ikun possibbli li jiġu ffinanzjati l-proġetti u l-miżuri għall-integrazzjoni tal-immigranti fil-livell lokali u reġjonali.

19.

jinnota l-iskala kbira ta' immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. F'dan il-każ il-kooperazzjoni u d-djalogu għandhom jiżdiedu fl-isfera kulturali ħalli jiġi żgurat li d-differenzi kulturali ma joħolqux diżgwid iżda minflok isiru għodda ta' żvilupp, strument li jsaħħaħ it-tolleranza u jgħaqqad il-popolazzjonijiet f'Ewropa li hija multikulturali, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku u s-solidarjetà;

20.

jappella biex l-isforzi jiġu intensifikati ħalli tiġi żviluppata Politika Komuni Ewropea li tiġġestixxi l-immigrazzjoni irregolari. Ħafna mill-aspetti legali tal-immigrazzjoni irregolari jmorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Awtoritajiet Lokali iżda l-konsegwenzi soċjali ta' dan il-fenomenu jinħassu l-ewwel u qabel kollox fil-livell lokali u reġjonali. Għandhom jinsabu possibbiltajiet u jsiru sforzi biex jiġu kkonsultati r-reġjuni meta jiġu żviluppati politiki komuni dwar il-kwistjonij u jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi tal-migrazzjoni irregolari fil-kuntest tad-djalogu interkulturali;

21.

jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol speċjali fir-rigward tal-politika tal-migrazzjoni, peress li ħafna mis-servizzi li huma importanti għal integrazzjoni b'suċċess bħalma huma d-djar, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-programmi ta' tagħlim għall-ħiliet u l-lingwi, eċċ. huma pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u għalhekk huma wkoll l-ewwel li jintlaqtu mill-problemi f'dawn l-oqsma;

22.

jindika li l-proċess ta' integrazzjoni xi drabi jinfirex tul diversi ġenerazzjonijiet — b'mod partikolari fil-livell lokali — u għalhekk iqis li huwa importanti ħafna li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu għal integrazzjoni effettiva f'termini strutturali, soċjali, ekonomiċi u kulturali filwaqt li jgħinu jassiguraw li l-ġodda ma jsibux diskriminazzjoni iżda jkollhom drittijiet u aċċess għar-riżorsi, l-impjieg u s-servizzi biex ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod sħiħ fis-soċjetà Ewropea peress li din hija prekundizzjoni assoluta. L-aċċess għas-suq tax-xogħol li għandu jiġi regolat mill-Istati Membri, normali huwa kruċjali;

23.

jirrakkomanda li tiġi studjata l-possibilità li f'kull Stat Membru, tinħoloq sistema ta' netwerks tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex iżżid il-kooperazzjoni ħalli l-flussi migratorji jiġu trattati b'mod effettiv u l-immigranti jiġu integrati b'mod infurmat, permezz ta' proġetti lokali promossi minn dawn l-awtoritajiet;

24.

jagħmel referenza għas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali fl-2008, li permezz tal-promozzjoni tal-fehim bejn kulturi differenti qed tipprovdi xprun ewlieni għall-integrazzjoni tan-nies bi sfond ta' migrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk “Jum Ewropew għall-Integrazzjoni u t-Tolleranza Interkulturali” jistax jagħmel lin-nies aktar konxji, u jenfasizza r-rikkezza li tista' toħroġ mid-diversità kulturali;

Appoġġ għall-politiki tad-djar bħala parti mill proċess ta' integrazzjoni

25.

jirrakkomanda l-ħolqien ta' kondizzjonijiet għall-integrazzjoni tal-familji immigranti mal-familji u l-komunità lokali permezz ta' programmi integrati stabbiliti bil-parteċipazzjoni attiva tal-immigranti, bil-għan li jittejjeb l-ambjent mibni u l-ippjanar urban, jiġu pprovduti s-servizzi, titjieb il-kwalità tal-ambjent u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali. Jindika l-bżonn li jsir aktar studju li jiġbor fih l-esperjenzi tal-Istati Membri kollha tul dawn l-aħħar snin, f'dak li għandu x'jaqsam mal-provvista tad-djar għall-immigranti b'enfasi speċjali fuq l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta' programmi għat-titjib taż-żoni residenzjali b'popolazzjoni kbira ta' migranti;

26.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jużaw l-opportunitajiet ta' fondi tal-UE li jeżistu biex jgħinu l-migranti, dawk li qed ifittxu ażil, u r-refuġjati ħalli jsibu xogħol u jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali, tas-saħħa, u tad-djar. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiżguraw il-kwalità u l-kwantità tas-servizzi pubbliċi kif ukoll tal-edukazzjoni u l-programmi tat-tagħlim u l-kwalità tal-ħajja tal-bliet billi jipprovdu ppjanar urban effiċjenti u politika tad-djar biex jevitaw d-degradazzjoni taż-żoni urbani u jiġu stabbiliti programmi ta' reġenerazzjoni għal żoni urbani fi stat ta' abbandun;

Il-Kwalifiki u l-impjiegi b'rabta mal-integrazzjoni

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fin-nuqqas ta' proġetti ta' akkoljenza u integrazzjoni u ta' impjieg stabbli, l-immigranti jistgħu jispiċċaw il-vittmi ta' sfruttament u tal-kriminalità, jew saħansitra jkunu involuti huma stess — jew għax ikunu jridu jew għax ikunu mġiegħla — f'atti kriminali, u b'hekk tinħoloq kawża potenzjali ta' problemi għas-sigurtà u l-koeżjoni soċjali;

28.

jissuġġerixxi li l-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kollha jridu jisfurzaw biex itejbu l-aċċess tal-immigranti għax-xogħol b'konformità mal-kompetenzi nazzjonali f'dan il-qasam, u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol. Iridu jinfurmawhom bl-opportunitajiet u jinkuraġġuhom biex jippreparaw għal impjieg permezz ta' programmi ta' taħriġ kontinwi u, jekk ikun hemm bżonn, speċifiċi;

Il-multilingwiżmu u t-tagħlim ta' lingwi barranin bħala mezz li jippromovi d-djalogu interkulturali

29.

jemmen li l-iżvilupp ta' dan is-sens ta' appartenenza jibda fl-iskejjel u li l-programmi ta' akkoljenza u integrazzjoni jistgħu jkunu żviluppati b'mod integrat fis-sistemi preskolastiċi, skolastiċi, u universitarji kollha tal-Istati Membri;

30.

iħoss li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġbdu l-attenzjoni lejn ir-rwol u l-importanza tal-edukazzjoni bħala mezz importanti tat-trawwim ta' kuxjenza dwar id-diversità;

31.

jappella li tingħata aktar attenzjoni għall-potenzjal kulturali, lingwistiku u intellettwali tal-immigranti li huwa ta' importanza kbira għall-Unjoni Ewropea f'dinja globalizzata;

32.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat it-tagħlim li jiffoka fuq il-komprensjoni reċiproka. Biex dan jintlaħaq, il-kurrikulu tal-iskola għandu jiġi adattat biex jirrifletti l-ambjent multikulturali tal-UE u l-attività prinċipali tal-appoġġ attiv tad-djalogu multikulturali;

33.

ipoġġi enfasi sinifikanti fuq it-tagħlim tal-lingwi barranin u l-iżvilupp tal-multilingwiżmu mill-età ta' qabel l-iskola. Jenfasizza l-importanza li n-nies ikunu jafu tajjeb il-lingwa tal-pajjiż li jkun qed jospitahom u ż-żona fejn ikunu qed jgħixu; għalhekk jissuġġerixxi li jiġu żviluppati miżuri xierqa ta' appoġġ u opportunitajiet ta' tagħlim kemm fl-iskola kif ukoll, għal migranti ta' faxxi ta' età differenti, barra mill-ambjent tal-iskola;

34.

jaqbel ukoll dwar il-ħtieġa li jiġi mħeġġeġ id-djalogu bejn il-komunitajiet u l-għaqdiet reliġjużi u entitajiet kulturali oħra. In-nies fl-UE għandhom bżonn ta' konoxxenza aħjar u komprensjoni akbar kemm tal-pajjiżi tal-UE kif ukoll dawk li mhumiex, li tinkludi l-istorja u l-kultura tagħhom. L-immigranti, kif ukoll in-nies tal-lokalità għandhom jirċievu edukazzjoni pożittiva dwar l-Ewropa: l-iskoperta ta' valuri komuni u ta' storja komuni, ta' skambji bejn il-kulturi kif ukoll drittijiet u dmirijiet soċjali u politiċi simili;

35.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jieħdu impenn li jrawmu kuxjenza interkulturali fost il-persunal tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u fornituri oħra tas-servizz pubbliku u jippromovu rappreżentazzjoni ġusta tal-persunal bi sfond ta' minoranza migratorja jewetnika f'dawn l-istituzzjonijiet;

36.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom rwol fl-iżvilupp ta' ambjent għall-istudenti barranin, li jippermettilhom li jibnu kuntatti mal-belt fejn ikunu qed jistudjaw, hu kemm hu qasir il-perijodu ikkonċernat.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-mezzi tax-xandir

37.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwettqu kampanji ta' informazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bil-kollaborazzjoni mill-qrib tal-mezzi tax-xandir lokali, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li għandhom interessi kulturali, b'mod partikolari li jkunu jilħqu lill-gruppi “żvantaġġjati” u għalhekk jiżguraw li l-opportunitajiet li jeżistu jiġu gawduti kemm jista' jkun;

38.

iqis li s-sehem tal-mezzi tax-xandir lokali huwa importanti biex jinforma, b'mod oġġettiv kemm jista' jkun, dwar is-sitwazzjoni u r-realtà tas-soċjetajiet multikulturali Ewropej u għalhekk minn naħa tissaħħaħ l-adattabilità tal-popolazzjoni tal-pajjiż li jkun qed jospita (tqajjim ta' kuxjenza u konoxxenza interkulturali, aċċettazzjoni tal-migranti) u min-naħa l-oħra jħajru lill-migranti biex jintegraw, u biex jirrispettaw il-kulturi, it-tradizzjonijiet, id-drawwiet u l-lingwi tal-pajjiż li jkun qed jospitahom u tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea;

39.

jissuġġerixxi li l-partijiet interessati lokali u reġjonali jiġu mmirati permezz ta' avvenimenti deċentralizzati u mħeġġa li dawn l-avvenimenti jixxandru b'mod xieraq fil-mezzi tax-xandir reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jenfasizzaw is-sehem ċar tal-mezzi tax-xandir fl-appoġġ għall-ugwaljanza u l-komprensjoni reċiproka biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jappoġġjaw id-djalogu kulturali.

40.

jinnota l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-ħolqien ta' spazji ġodda (ambjenti diġitali differenti, kafejiet speċjali, attivitajiet fil-ġonna pubbliċi jew fil-pjazez) tad-djalogu interkulturali, korsijiet ta' naturalizzazzjoni, skemi tal-impjieg, korsijiet dwar l-opportunitajiet indaqs u skemi kontra d-diskriminazzjoni, eċċ, kif ukoll li jkun żgurat l-iskambju sistematiku u l-monitoraġġ fil-livell lokali tal-esperjenzi, l-approċċi l-ġodda, is-suċċessi u l-fallimenti.

II.   APPENDIĊI

Ad 6.

Il-programm Bliet Interkulturali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea hija netwerk ta' bliet Ewropej għad-djalogu interkulturali. L-iskop tan-netwerk huwa l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki fost il-membri dwar kwistjonijiet marbuta mal-impjiegi, il-lingwa, l-edukazzjoni, il-kultura, il-mezzi tax-xandir eċċ.

Ad 23

Fl-Istati Membri fejn dawn in-netwerks ta' servizzi ġew stabbiliti, bil-ħidma tal-kummissjonijiet lokali, tnaqqas iż-żmien ta' verifika tat-talbiet tal-ażil u tjiebu l-kondizzjonijiet ta' għajxien ta' dawk li talbu l-ażil. Dan għen l-integrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali ta' akkoljenza u wassal għal vantaġġi kbar fis-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja.

Arco Latino jissuġġerixxi l-promozzjoni ta' netwerks u assoċċjazzjonijiet fil-livell Ewropew biex jimplimentaw l-ispirtu ta' kooperazzjoni interreġjonali kif ukoll jikkoordinaw miżuri li jittieħdu bejn Stati Membri li għandhom l-istess sfidi ta' immigrazzjoni. Huwa biss permezz ta' din it-tip ta' koordinazzjoni li tista' tikber l-azzjoni koordinata ta' żvilupp flimkien mal-pajjiżi ta' oriġini.

Ad 28

REVES qed tinvolvi lill-immigranti fix-xogħol tagħha; u r-riżultati ta' din il-kooperazzjoni huma pożittivi ħafna. Membri tan-Netwerk Ewropew tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għall-Ekonomija Soċjali (REVES) qed iwettqu numru ta' inizjattivi ta' djalogu interkulturali u ta' integrazzjoni parteċipatorja. Ċittadini minn pajjiżi terzi jew persuni oħra bi sfond ta' migrazzjoni jipparteċipaw parzjalment mhux biss fl-implimentazzjoni, iżda wkoll fl-ippjanar ta' dawn l-inizjattivi (li għadhom għaddejjin). Qed isiru esperimenti fuq oqsma ġodda ta' parteċipazzjoni u djalogu interkulturali. Fosthom hemm: a) kafé bħala post fejn jiltaqgħu migranti ta' età avvanzata, b) attivitajiet ta' djalogu interkulturali madwar il-ġnien pubbliku, li jinkludu attivitajiet ma' gruppi differenti ta' nies ta' età żgħira li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom fil-ġnien, c) ħidma fuq il-kapaċità u l-ħila tal-migranti (tibni fuq il-proġett “Extracompetenze”, d) l-organizzazzjoni ta' attivitajiet fl-iskejjel li jlaqqgħu flimkien il-ġenituri minn nazzjonalitajiet differenti jew e) iwaqqfu intrapriżi soċjali u ekonomiċi (pereżempju kooperattivi) mill-migranti u n-nies tal-lokalità.

Ad 30

Il-proġett “Dvojičky” (Tewmin) mwaqqaf mir-radju Regina, fejn il-ġurnalisti tiegħu ifittxu li jidentifikaw paralleli u jqabblu figuri u tradizzjonijiet storiċi Slovakki ma' dawk ta' Stati Membri oħra tal-UE.

Ad 32

Tradizzjonijiet kulturali Pan-Ewropej bħalma huma “Il-ġurnata tal-Ġirien” u “Il-Ġurnata Ewropea tal-Mużika” bil-mod il-mod qed jistabbilixxu ruħhom fl-Islovakkja.

L-inizjattiva mnedija mid-DĠ DEV tal-Kummissjoni Ewropea u ż-żjara ta' uffiċjali mill-UE bħala ambaxxaturi lill-iskejjel f'Jum Schuman fid-9 ta' Mejju.

Ad 33

Fiż-żgħażagħ u fit-tfal, il-motivazzjoni li jitgħallmu lingwi ġodda trid titkebbes minn età żgħira. It-tagħlim tal-lingwi jrid jibda minn kmieni kemm jista' jkun għaliex ikun aktar faċli għalihom li jitgħallmu lingwa malajr u sew; Il-progress fit-tagħlim tal-lingwi fl-iskola primarja u sekondarja għandu jiġi żviluppat. Il-proċess tal-edukazzjoni jrid jipprovdi opportunitajiet akbar biex it-tfal jitkellmu lingwa barranija fil-primarja u jitgħallmu it-tielet lingwa fis-sekondarja. Il-faċilitajiet universitarji għandhom jespandu billi jwessgħu l-firxa tal-Programmi Tul il-Ħajja bil għan li jippromovu l-mobbiltà tal-istudenti u l-ħaddiema.

Brussell, il-26 ta’ Novembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top