Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1219(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 308, 19.12.2007, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 308/18


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    (2007/C 308/08)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “PRESUNTO DE SANTANA SERRA” jew “PALETA DE SANTANA DA SERRA”

    Nru tal-KE: PT/PGI/005/0439/24.11.2004

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Gabinete de Planeamento e Políticas

    Indirizz:

    Rua Padre António Vieira, n.o 1, 8o

    P-1099-073 Lisboa

    Tel.:

    (351) 213 81 93 00

    Faks:

    (351) 213 87 66 35

    Posta elettronika:

    gppaa@gppaa.min-agricultura.pt

    2.   Grupp:

    Isem:

    ACPA — Associação de Criadores de Porco Alentejano

    Indirizz:

    Rua Armação de Pêra, n.o 7

    P-7670-259 Ourique

    Tel.:

    (351) 286 51 80 30

    Faks:

    (351) 286 51 80 37

    Posta elettronika:

    acpaourique@mail.telepac.pt

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.2: Prodotti magħmulin mil-laħam (imsaħħnin, immelħin, affumikati, eċċ.)

    4.   Speċifikazzjoni:

    (sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006):

    4.1.   Isem: “Presunto de Santana da Serra” jew “Paleta de Santana da Serra”

    4.2.   Deskrizzjoni: Presuntos u paletas miksubin, rispettivament, mill-koxox u mill-ispallejn ta' qżieqeż (għajr tar-refgħa) tar-razza Alentejo, imniżżlin fir-reġistru tal-bhejjem Portugiż taħt is-Sezzjoni tar-Razza Alentejo, imrobbija b'mod speċifiku u maqtulin meta jkollhom età bejn 12 u 24 xahar. Il-proċessi ta' timliħ, ta' tnixxif (wara t-timliħ), maturazzjoni, preżervazzjoni, qtugħ u ppakkjar huma rregolati b'regoli definiti tajjeb.

    Il-presuntos jkunu magħmulin mill-koxox ta' wara maqsuma mas-sinfiżi iskjopubika, filwaqt li l-paletas jkunu magħmulin mill-koxox ta' quddiem. Il-presunto u l-paleta huma ddefiniti skond l-anatomija u l-muskoli, għax il-muskolatura tkun imdawra bix-xaħam.Forma u dehra ta' barra: il-presunto jkun maqtugħ f'għamla tonda, u l-paleta fi kwalunkwe forma minn ovali sa tonda. Fit-tnejn li huma, il-ġilda ta' barra u s-sieq ma jitneħħewx. Piż: 'il fuq minn 5 kg fil-każ tal-presunto; 'il fuq minn 3,5 kg fil-każ tal-paleta. Meta jinqata', il-laħam ikollu dehra ħamra skura, żejtnija u tleqq, għandha mill-irħam u jkun imtarraż b'xaħam intramuskolari. Il-konsistenza hija ratba u ftit li xejn fibruża.. Ix-xaħam huwa żejtni, fluwidu, ileqq, abjad lewn il-perla, u jkollu togħma tajba. It-togħma hija ftit mielħa u ma taħraqx ħafna, intensa, pjaċevoli u tibqa' fil-ħalq, b'aroma “montanheira” tajba (jiġifieri li tfakkar fl-imsaġar tal-ballut). Minħabba l-oriġini tagħhom fl-għoljiet (“montanha”), il-Presuntos u l-Paletas de Santana da Serra għandhom konsistenza u togħma aktar rustiċi u mmarkati mill-varjetajiet korrispondenti aktar torja tax-xagħriet ta' l-Alentejo.

    4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-materja prima (jiġifieri fejn il-bhejjem jitwieldu, jitrabbew, jissemmnu u jinqatlu, fejn jinqasmu l-karkassi u fejn jinkisbu l-koxox u s-saqajn) hija ddefinita b'mod naturali, permezz tal-“montado”, il-preżenza ta' azjendi agrikoli kapaċi jwettqu t-tip ta' trobbija montanheira u r-regoli li jirregolaw il-qatla, il-qsim u l-ksib ta' koxox u spallejn tal-qżieqeż Alentejo. Iż-żona tinkludi l-muniċipalitajiet u l-parroċċi li ġejjin: Abrantes, Alandroal, Alcácer do Sal (għajr il-parroċċa ta' Santa Maria do Castelo), Alcoutim, Aljezur (parroċċi ta' Odeceixe, Bordeira, Rogil u Aljezur), Aljustrel, Almodôvar, Alter do Chão, Alvito, Arraiolos, Arronches, Avis, Barrancos, Beja, Borba, Campo Maior, Castelo Branco, Castelo de Vide, Castro Marim (parroċċi ta' Odeleite u Azinhal), Castro Verde, Chamusca, Coruche, Crato, Cuba, Elvas (għajr il-parroċċa ta' Caia e S. Pedro), Estremoz, Évora, Ferreira do Alentejo, Fronteira, Gavião, Grândola (għajr il-parroċċa ta' Melides), Idanha-a-Nova, Lagos (parroċċa ta' Bensafrim), Loulé (parroċċi ta' Ameixial, Salir, Alte, Benafim u Querença), Marvão, Mértola, Monchique (parroċċi ta' Monchique, Marmelete u Alferce), Monforte, Montemor-o-Novo, Mora, Moura, Mourão, Nisa, Odemira (għajr il-parroċċi ta' Vila Nova de Mil Fontes u S. Teotónio), Ourique, Penamacor, Ponte de Sôr, Portalegre, Portel, Redondo, Reguengos de Monsaraz, Sabugal, Santiago do Cacém (għajr il-parroċċa ta' Santo André), Sardoal, São Brás de Alportel, Serpa, Sines, Silves (parroċċi ta' S. Marcos, S. Bartolomeu de Messines u Silves), Sousel, Tavira, (parroċċa ta' Cachopo), Vendas Novas, Viana do Alentejo, Vidigueira, Vila Velha de Ródão u Vila Viçosa.

    Iż-żona ġeografika fejn isir l-ipproċessar (il-produzzjoni, il-qtugħ, il-qtugħ f'fetet u l-ippakkjar) hija definita b'mod naturali, limitata għall-parroċċi ta' Santana da Serra, Garvão, Ourique, Panóias, Santa Luzia u Conceição, fil-muniċipalità ta' Ourique. Il-kundizzjonijiet mikroklimatiċi speċifiċi ta' din iż-żona ta' għoljiet huma totalment differenti minn dawk tax-xagħra ta' l-Alentejo, li minnha l-għoljiet jispontaw għall-għarrieda. Id-differenzi fl-altitudni, it-temperatura u l-irtuba f'dawn il-parroċċi jitolbu metodu differenti ta' produzzjoni, partikolarment fejn jidħlu l-qtugħ u t-tul taż-żmien tat-timliħ, tal-maturazzjoni u tal-preżervazzjoni. Il-prodotti juru differenzi wkoll fil-karatteristiċi organolettiċi tagħhom: il-qatgħa tal-laħam tkun aktar tonda, aktar skura mal-qtugħ, b'konsistenza inqas ratba u mmerrqa, b'togħma inqas delikata u inqas pikkanti, u b'aroma inqas sottili u delikata.

    4.4.   Prova ta' l-oriġini: Il-qżieqeż tar-razza Alentejo għandhom jitwieldu u jitrabbew f'azjendi rreġistrati soġġetti għall-kontroll. Malli jitwieldu, il-bhejjem jinkitbu fir-reġistru korrispondenti. Il-qatla, il-qsim, l-ipproċessar, il-qtugħ u l-ippakkjar jistgħu jsiru biss f'istallazzjonijiet li jkunu approvati għal dan il-għan mill-organu ta' spezzjoni, li jinsabu fiż-żona ġeografika msemmija u li jkunu soġġetti għall-kontroll. L-awtorizzazzjoni hija soġġetta għal verifika minn qabel tal-kundizzjonijiet li fihom isiru l-produzzjoni u l-ipproċessar, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-oriġini tal-materja prima użata u kif din tiġi pproċessata, maqsuma, maqtugħa f'fetet u ppakkjata, kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodott aħħari. Jeżistu regoli u speċifikazzjonijiet ta' kontroll li japplikaw għall-katina kollha tal-produzzjoni u għal kull min huwa involut.

    Permezz ta' sistema komprensiva ta' traċċabbiltà implimentata mill-produtturi nfushom, il-katina kollha tal-produzzjoni tista' tiġi mmonitorjata, mill-materja prima sal-prodott aħħari (“mill-montado sal-mejda”). Barra minn hekk, abbażi tan-numru fuq il-marka taċ-ċertifikazzjoni mal-prieżet sħaħ jew mal-pakketti ta' laħam maqtugħ f'fetet, din is-sistema tippermetti li jiġi identifikat in-numru tat-tikketta tal-widnejn tal-bhejjem.

    Fi tmiem il-proċess tal-produzzjoni, jistgħu juru l-marka taċ-ċertifikazzjoni, il-logo u l-isem Presunto de Santana da Serra — IGP jew Paleta de Santana da Serra — IGP biss dawk il-prodotti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet kollha u li jkunu għaddew mill-kontrolli xierqa ddokumentati, inklużi testijiet tal-laboratorju u s-sottomissjoni għal bord ta' dewwieqa.

    4.5.   Metodu ta' produzzjoni: Il-qżieqeż tar-razza Alentejo jitrabbew f'kundizzjonijiet estensivi u semi-estensivi, l-aktar fil-beraħ f'żoni li jkollhom talanqas 40 ilċi (Quercus ilex) jew balluta ibrida ta' Spanja (Quercus hispanica) f'kull ettaru u densità massima ta' qażquż wieħed f'kull ettaru ta' montado. Il-bhejjem jitrabbew l-aktar b'mod estensiv, u jingħalfu bi fdal u prodotti sekondarji taċ-ċereali, ħaxix, legumi (eż. piżelli u ġulbien), u saħansitra mammiferi żgħar u għasafar, bajd, rettili, molluski, dud, eċċ., kif inhu tipiku ta' l-annimali omnivori. Il-bhejjem jista' jingħatalhom għalf supplimentari li ġej minn barra mir-reġjun (sa 30 % tad-dieta tagħhom) biss meta jkun hemm nuqqas ta' alimentazzjoni fl-għelieqi. Il-bhejjem għandhom jgħaddu dejjem minn fażi ta' tismin, li fiha jqattgħu bejn 60 u 90 jum taħt sistema montanhiera (jiġifieri li jingħalfu b'ġandar u prodotti oħrajn tal-montado) u għandhom jismnu b'talanqas 3 arrobas (45 kg) b'dan il-mod. Il-qżieqeż jinqatlu f'età ta' bejn 12 u 24 xahar, u l-piż minimu ta' kull karkassa huwa 90 kg. Il-koxox u l-ispallejn jiġu mmarkati individwalment permezz ta' tikketta nnumerata. Il-koxox u l-ispallejn għandu jkollhom piż minimu ta' 7,5 kg u 5 kg rispettivament, u s-sieq għandha tibqa' mwaħħla. Skond il-piż tal-koxox u ta' l-ispallejn, ix-xaħam ta' taħt il-ġilda jista' jintraqam. L-ipproċessar tal-koxox u tas-saqajn, ibbażat fuq metodi lokali awtentiċi u kostanti li jitnisslu mill-għarfien u l-esperjenza tal-popolazzjoni tar-reġjun kif ukoll mill-ambjent ta' l-għoljiet, jinkludi dawn il-fażijiet li ġejjin: il-qtugħ, it-timliħ, it-ħasil u t-tlaħliħ, it-tnixxif (wara t-timliħ), il-maturazzjoni u l-preżervazzjoni. Huwa matul dan il-proċess li l-presuntos u l-paletas jiksbu bil-ftit il-ftit id-dehra, il-lewn, l-aroma u l-konsistenza li jagħmluhom uniċi u speċjali.

    Il-Presuntos jew il-Paletas de Santana da Serra jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sħaħ, f'biċċiet jew f'fetet, bl-għadam jew mingħajru. Il-qsim, it-qtugħ f'fetet u t-tneħħija ta' l-għadam jistgħu jsiru biss f'istallazzjoniet li jinsabu fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni, minħabba l-għarfien speċjali marbut ma' dawn l-operazzjonijiet, u jirrigwarda partikolarment il-forma, l-aromi delikati u t-togħmiet komplessi ta' kull biċċa. Qabel ma biċċa tintgħażel għall-qtugħ, l-aħjar waqt għall-maturazzjoni jiġi ddeterminat minn speċjalisti tar-reġjun, u dewwieqa kkwalifikati u mħarrġa jwettqu analiżi organolettika bir-reqqa tal-prodott, anki biex jaraw jekk huwiex xieraq għall-qtugħ. Biex jitkattar ir-rendiment minn kull biċċa, il-qtugħ għandu jsir minn speċjalisti mħarrġa ħafna, li permezz ta' qtugħ espert jistgħu jagħmlu użu mit-tessut muskolari kollu u jipproduċu fetet irqaq ħafna li joħorġu l-potenzjal kollu organolettiku tal-prodott. Ix-xaħam ta' dawn il-biċċiet, li għandu t-togħma, l-aroma, il-lewn u l-tleqqija speċifiċi tiegħu, jitherra faċilment meta jiġi espost għall-arja jew għal temperaturi għoljin. Din is-sensiela ta' fatturi tiddetermina li l-proċess deskritt hawn fuq għandu jsir f'istallazzjonijiet li jkunu xierqa f'dak li jirrigwarda l-mikrobijoloġija, it-temperatura u l-irtuba, bil-għan li l-prodott ma jitlifx mit-togħma delikata tiegħu, kif ukoll biex il-prodott ikun jista' jiġi ppakkjat malajr u b'hekk jiġi evitat li jkun espost wisq għall-arja. Ta' min jiżdied li din il-ħidma kollha hija segwita minn testijiet organolettiċi paralleli, imwettqa minn persunal speċifikament imħarreġ, bil-għan li l-prodott ikun totalment traċċabbli, li l-prodott ma jitlifx mill-benna tiegħu (speċjalment f'termini sensorjali), li l-konsumatur ma jiġix imqarraq u jingħatalu prodott li huwa ġenwin u li jkun ġie prodott fir-reġjun ta' l-oriġini tiegħu, u li l-kontrolli jsiru matul il-katina tal-produzzjoni kollha kemm hi.

    4.6.   Rabta: Il-Presuntos u l-Paletas de Santana da Serra jiġu prodotti f'reġjun b'ħamrija fqira u bi klima li tkun sħuna u niexfa ferm fis-sajf u kiesħa u niexfa fix-xitwa. Il-flora li tiflaħ tirresisti f'dawn il-kundizzjonijiet u li minnha jista' jinkiseb rendiment ekonomiku huwa l-montado u l-veġetazzjoni marbuta miegħu. Il-ħanżir Alentejo huwa l-aktar annimal li jisfrutta dawn il-kundizzjonijiet naturali, għax jista' jitrabba fil-miftuħ u jingħalef l-aktar bil-prodotti naturali tipiċi ta' dan l-ambjent (ħaxix, ġandar, ċereali, legumi u annimali żgħar), taħt sistema speċifika magħrufa bħala “montanheira”.

    Din ix-xorta ta' trobbija u ta' għalf lil-laħam jagħtih karatteristiċi speċjali, kemm f'termini tal-muskoli kif ukoll tax-xaħam.

    Il-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari ta' Santana da Serra wasslu għall-iżvilupp ta' għarfien u esperjenza speċifiċi li, filwaqt li l-laħam jitħalla jinxef b'mod naturali, u mingħajr ma jintuża d-duħħan jew kwalunkwe aġent estern ieħor għajr il-melħ, jirriżulta f'għadd ta' differenzi, li jirrigwardaw partikolarment:

    il-livell u l-forma tal-qtugħ tal-laħam;

    it-tul tal-proċess tat-timliħ;

    it-tul tad-diversi fażijiet tekniċi ta' l-ipproċessar.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-presuntos u l-paletas ta' Santana da Serra jkunu maqtugħin f'forma aktar tonda, u meta jinqatgħu, ikunu aktar skuri, ikollhom konsistenza inqas tarja u mmerrqa, b'togħma inqas delikata u kemmxejn mielħa, u b'aroma inqas sottili u delikata mill-presuntos prodotti fiż-żoni aktar baxxi tax-xagħriet ta' l-Alentejo.

    Dawn il-prodotti jirriflettu l-kundizzjonijiet aktar ħarxa u mħarbta ta' Santana da Serra, u għaldaqstant, għandhom konsistenza u togħma aktar rustiċi u mmarkati mill-varjetajiet aktar ħelwin tax-xagħriet ta' l-Alentejo.

    Minbarra l-karatteristiċi organolettiċi msemmija, li jorbtu dawn il-prodotti mar-reġjun ta' l-oriġini, dawn il-prodotti tant huma magħrufa u mfaħħra li jidhru fl-arma ta' l-awtoritajiet muniċipali ta' Santana da Serra, kif ukoll fl-arma ta' parroċċi oħrajn fiż-żona ġeografika.

    Ir-rabta bejn il-prodott u r-reġjun tissejjes fuq il-fatturi li ġejjin:

    Rabta storika: Jeżistu dokumenti li jmorru lura għas-snin 1310-1320 u li jirrakkuntaw l-importanza li r-re Dijunisju (magħruf bħala “il-Bidwi”) kien jagħti lill-preżervazzjoni tal-montados (imsaġar tal-ballut u mergħat) ta' Ourique. Aktar tard, b'liġi ta' l-1699, ġew stipulati r-regoli għall-użu tal-montados u s-somom li kellhom jitħallsu lir-re abbażi ta' l-għadd ta' ħnieżer jirgħu fil-montados irjali. Aktar qrib l-era tagħna, fis-seklu XX, il-“guardas dos montados” kienu għadhom jgħassu l-montados irjali biex iħarsuhom mis-serq ta' ġandar. Huma ta' fejda wkoll l-istejjer irrakkuntati mix-xjuħ, li għadhom jiftakru ż-żmien meta fil-fiera ta' Garvão “in-nies aktarx kienu jixtru 100 gramma zalzett u nofs kilo xaħam. Il-presuntos kienu biss għal min kellu xi jroxx”. F'Jannar 1928, il-prezz ta' presunto lokali laħaq 16-il escudo (8 ċenteżmi ta' euro), li f'dak iż-żmien kienet somma mdaqqsa sew.

    Il-ħamrija u l-klima: Il-veġetazzjoni hija tan-nixfa, u l-pajsaġġ huwa kkaratterizzat minn mergħat (fin-naħa tat-Tramuntana tal-muniċipalità) u minn imsaġar sfieq tal-ballut u tas-sufra. Santana da Serra tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-muniċipalità, fl-għoljiet baxxi tas-Serra do Caldeirão. Il-karatteristiċi tat-terren iħarsu ż-żona ddefinita ta' l-ipproċessar mir-riħ qawwi. Mingħajr dubju, dan il-fattur jikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet ottimi għall-produzzjoni ta' presuntos, paletas, loins u prodotti oħra tal-majjal. Is-Serra ta' Caldeirão tipprovdi ż-żona bi klima speċifika. It-temperatura medja ta' l-arja hija 15-16 °C. Il-medja tat-temperaturi l-aktar baxxi hija bejn 4,6 u 14,7 °C, filwaqt li l-medja l-ogħla temperaturi hija bejn 13,8 u 32,2 °C, fix-xhur l-aktar kesħin u dawk l-aktar sħan rispettivament. Dawn il-kundizzjonijiet juru differenza kbira meta mqabblin ma' dawk tal-bqija ta' l-Alentejo.

    Rabta umana: Għadd ta' tradizzjonijiet huma marbutin mal-konsum ta' dawn il-prodotti, li qatt ma jiġu ppreżentati misjura bil-lest. Fi żminijiet oħra, il-Presunto jew il-Paleta de Santana da Serra kienu jkunu serviti biss f'festi jew bħala rigal lil mistednin importanti.

    4.7.   Organu ta' spezzjoni:

    Isem:

    Agricert — Certificação de Produtos Alimentares, Lda

    Indirizz:

    Av. de Badajoz, n.o 3

    P-7350-903 Elvas

    Tel.:

    (351) 268 62 50 26

    Faks:

    (351) 268 62 65 46

    Posta elettronika:

    agricert@agricert.pt

    Agricert ġiet rikonoxxuta bħala konformi mar-rekwiżiti ta' l-istandard 45011:2001.

    4.8.   Tikkettar: Għandhom jidhru fuq it-tikketta dawn li ġejjin: Presunto de Santana da Serra — IGP jew Paleta de Santana da Serra — IGP, flimkien mal-logo Komunitarju korrispondenti. It-tikkettar għandu jkun fih ukoll il-marka taċ-ċertifikazzjoni, isem il-prodott u l-indikazzjoni tiegħu, isem l-organu ta' spezzjoni u n-numru tas-serje (kodiċi numeriku jew alfanumeriku li jiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-prodott). Fuq il-ġilda ta' barra tal-Presunto de Santana da Serra jew tal-Paleta de Santana da Serra għandha tkun mikwija l-pittogramma li ġejja, li tirrappreżenta l-Ordni ta' Santiago, li għaliha kienu jappartjenu żmien ilu l-parroċċi li jikkostitwixxu ż-żona ġeografika ta' l-ipproċessar:


    Top