Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1122(01)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 279, 22.11.2007, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 279/7


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    (2007/C 279/06)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “ACCIUGHE SOTTO SALE DEL MAR LIGURE”

    Nru tal-KE: IT/PGI/005/0358/10.08.2004

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Ministero Politiche agricole, alimentari e forestali

    Indirizz:

    Via XX Settembre, 20

    I-00187 Roma

    Tel.:

    (39) 06 46 65 60 78

    Faks:

    (39) 06 42 01 31 26

    Posta elettronika:

    qpa3@politicheagricole.gov.it

    2.   Grupp:

    Isem:

    Cooperativa Pescatori Camogli

    Indirizz:

    Via della Repubblica, 140

    I-16032 Camogli (GE)

    Tel.:

    (39) 0185 77 26 00

    Faks:

    (39) 011 972 42 25

    Posta elettronika:

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.7: Ħut, molluski, krostaċji friski u prodotti magħmulin minnhom

    4.   Speċifikazzjoni:

    (sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1   Isem: “Acciughe sotto sale del Mar Ligure”

    4.2   Deskrizzjoni: L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Acciughe sotto sale del Mar Ligure”, hija riżervata għall-prodott miksub mis-sajd, mill-ipproċessar u mill-konservazzjoni fil-melħ ta' l-inċova.

    L-inċova, li tirreferi esklussivament għall-ħut ta' l-ispeċi Engraulis encrasicolus L, hija ħuta migratorja li tgħix fi gruppi li jinsabu, mir-Rebbiegħa sal-Ħarifa, fil-viċinanzi tal-kosta tal-Ligurja u fix-Xitwa joqogħdu f'fond ta' bejn 100 u 150 metru.

    Il-prodott definit bħala maturat, jiġifieri lest biex jiġi kkummerċjalizzat, għandu jkollu dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

    Qisien: it-tul tal-ġisem ikun bejn minimu ta' 12 u massimu ta' 20 ċentimetru.

    Dehra esterna: l-inċova għandha tkun sħiħa; il-ġilda, fina ħafna, għandha tibqa' parzjalment viżibbli.

    Konsistenza: il-qatgħat (filets) għandhom ikunu rotob u aderenti mal-xewka tal-ħuta.

    Kulur: differenti skond il-porzjon tal-ġisem, ivarja minn roża għal kannella skur.

    Togħma: niexfa, tajba ħafna. Il-laħam huwa tari u ftit li xejn żejtni fil-palat.

    4.3   Żona ġeografika: Iż-żona tas-sajd, ipproċessar u ppakkjar ta' l-IĠP “Acciughe sotto sale del Mar Ligure” tinkludi l-ilmijiet ta' quddiem il-kosta tal-Ligurja u t-territorju tal-Komuni tar-Reġjun tal-Ligurja, li jinsabu quddiem medda ta' art għolja ħafna Tirrena delimitata mil-linja diviżorja ta' l-ilmijiet.

    Partikolarment, iż-żona tas-sajd indikata tinsab f'dik quddiem il-kosta tal-Ligurja, f'distanza mill-kosta skond il-fond tas-sajd (batimetrija minn 50 sa 300 metru) b'distanza massima mill-kosta ta' 20 km u t-teknika ta' sajd użata tradizzjonalment hija dik tal-lampara bi xbiek li jduru mal-ħut.

    Il-ħtieġa li ż-żona tas-sajd tiġi delimitata tirriżulta min-neċessità li l-“Acciughe sotto sale del Mar Ligure” jiġu pproċessati fit-12-il siegħa wara li jinqabdu.

    4.4   Prova ta' l-oriġini: Kull fażi tal-proċess produttiv għandha tkun immonitorjata billi jiġu ddokumentati għal kull waħda mill-fażijiet, il-prodotti li jidħlu u dawk li joħorġu.

    B'dan il-mod, u permezz ta' tniżżil f'listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta' spezzjoni, tas-sajjieda, tal-proċessaturi u tal-pakkettaturi kif ukoll permezz tan-notifika immedjata lill-organu ta' spezzjoni tal-kwantitajiet mistada u tal-kwantitajiet ippakkjati, tiġi garantita t-traċċabilità tal-prodott.

    B'mod partikolari, l-organu ta' spezzjoni għandu jwettaq verifiki biex jiżgura li s-sajd isir fil-baħar li jinsab quddiem il-kosta tal-Ligurja.

    L-operaturi kollha, persuni kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll min-naħa ta' l-organu ta' spezzjoni.

    4.5   Metodu ta' produzzjoni:

    Metodi ta' qbid: L-“Acciughe sotto sale del Mar Ligure” għandhom jinqabdu bil-metodu tradizzjonali “della lampara” (tal-lampara) skond kif hemm stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja fis-seħħ. Il-perjodu tas-sajd huwa bejn l-1 ta' April u l-15 ta' Ottubru, meta l-inċova tkun laħqet il-maturità sesswali u t-tul tal-ġisem ikun bejn minimu ta' 12 u massimu ta' 20 ċentimetru. Kull kilo prodott għandu jkun magħmul minn bejn 35 u 50 inċova.

    Metodi ta' pproċessar: Wara li tinqabad, l-inċova għandha titqiegħed fil-kaxex ta' l-injam tradizzjonali, li jkunu jesgħu madwar 10 kg prodott. L-inċova għandha tintbagħat għall-ipproċessar fit-12-il siegħa wara li tinqabad.

    Fażi preliminarja ta' timliħ, għal perjodu mhux itwal minn 24 siegħa, hija permessa bil-għan li l-laħam ikun jista' jitħalla joqtor sew mid-demm żejjed. L-inċova għandha titnaddaf bl-idejn u jitneħħielha r-ras. L-inċovi mnaddfa mbagħad jitqiegħdu f'forma ta' mrewħa fi btieti ta' l-injam tas-siġra tal-qastan jew f'imħafi (pots) tat-terrakotta u tibqa' hemm għall-perjodu neċessarju kollu tal-maturazzjoni. Għandu jinfirex saff melħ tal-baħar alimentari komuni ta' daqs medju fuq kull saff inċova; fuq l-aħħar saff għandu jitqiegħed disk apposta magħmul minn materjal għall-użu alimentari li jkollu ħxuna xierqa u li jitqiegħed taħt pressjoni kostanti ta' madwar 0,04 kg/ċm2 għal tul il-perjodu ta' maturazzjoni kollu. Piżijiet metalliċi mhumiex permessi.

    Metodi ta' konservazzjoni: Il-konservazzjoni għandha ssir fi stabbilimenti fejn it-temperatura tista' tinżamm kostanti għall-perjodu sħiħ ta' 40/60 jum. Wara l-ewwel 4/5 ijiem ta' maturazzjoni, il-likwidu miksub għandu jiġi sostitwit bis-salmura. Għall-maturazzjoni tal-prodott, huwa permess l-użu ta' salmuri ta' konċentrazzjoni medja (18-25 %) jew qawwija (25-33 %). Ladarba l-maturazzjoni tintlaħaq, l-inċova mmellħa għandha tiġi trasferita mill-btieti għal kontenituri ċilinidriċi apposta tal-ħġieġ imsejħa “arbanelle”.

    Il-kontenituri għandhom ikunu kbar biżżejjed biex jippermettu ppakkjar xieraq mingħajr ma ssir ħsara lill-prodott. Ippakkjar ta' qisien differenti huwa possibbli imma l-piż nett kumplessiv ta' l-inċova mmellħa fl-arbanelle ċilindriċi tal-ħġieġ trasparenti għandu jkun bejn 200 u 3 000 gr.

    L-inċova għandha titqiegħed f'saffi konsekuttivi li bejniethom għandu jinfirex saff irqiq ta' melħ tal-baħar komuni ta' daqs medju.

    Bil-għan li tiġi evitata l-ossidazzjoni tal-prodott, l-aħħar saff inċova għandhu jinkesa kompletament bis-salmura preparata apposta għall-ippakkjar tal-prodott.

    Fl-arbanelle, fuq l-aħħar saff inċova għandu jitqiegħed disk żgħir tal-lavanja, tal-ħġieġ jew tal-plastik għall-użu alimentari bil-għan li jippressa l-inċovi. Il-pakkett għandu jiġi ssiġillat biex il-likwidu ma joħroġx u biex tiġi evitata l-kontaminazzjoniji esterna.

    Kull min hu bi ħsiebu jipproduċi l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Acciughe sotto sale del Mar Ligure” għandu jżomm rigorożament ma' dak li hemm imniżżel fl-ispeċifikazzjoni ddepożitata ma' l-UE.

    4.6   Rabta: L-element fundamentali li fuqu tissejjes it-talba għar-rikonoxximent ta' l-IĠP “Acciughe sotto salle del Mar Ligure” huwa r-reputazzjoni tad-denominazzjoni.

    Ir-reputazzjoni li jgawdu minnha l-“Acciughe sotto sale del Mar Ligure” anke lil hinn mis-suq nazzjonali hija fatt magħruf u ppruvat biżżejjed.

    Storja

    Fil-Ligurja, sa mis-seklu 16, is-sajd għall-inċova u l-kummerċ tagħha, kemm bħala prodott frisk kif ukoll bħala prodott ikkonservat fil-melħ, kienu rregolati fl-istatuti varji ta' l-ibliet marittimi prinċipali tal-kosta tar-reġjun.

    Fil-fatt, ir-rabta ma' l-inċova, u l-attivitajiet ekonomiċi relatati, kien ta' importanza hekk kbira li kellhom jiġu kkodifikati normi li jirregolaw it-teknika tas-sajd, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni.

    Dak iż-żmien, ir-Repubblika ta' Ġenova kienet kapaċi tikkontrolla l-provvista tal-ħut, il-prezzijiet u l-kummerċjalizzazjoni u r-regoli li s-sajjieda kellhom josservaw.

    Il-bejgħ tal-ħut kien suġġett għal taxxa, il-“gabella piscium”. Is-sajjieda kellhom josservaw liġijiet stretti biex jeżerċitaw il-professjoni u kellhom jinkitbu fl-assoċjazzjoni professjonali u josservaw in-normi li din kienet timponi. Dan kien jgħodd ukoll għall-bejjiegħa tal-ħut li kienu rreġistrati ma' l-assoċjazzjoni tal-“Chiapparoli”, minħabba li kienu jbigħu l-prodott tagħhom f'post partikolari tal-belt ta' Ġenova msejjaħ “chiappa”.

    It-timliħ u l-bejgħ ta' l-inċova fil-melħ kienu jirrappreżentaw, għal bosta familji, attività tassew artiġjanali, paragunabbli ma' dik tal-produtturi ta' l-inbid f'dak li huma l-kura u l-attenzjoni meħtieġa għall-kontroll tas-salmura.

    It-timliħ kien isir minn Mejju sa l-ewwel jiem ta' Awissu u l-aħjar inċovi kienu dawk ta' Ġunju u Lulju. Għat-timliħ u l-bejgħ ta' l-inċova, dak li jkun kellu jikseb liċenzja ta' eżerċizzju speċifika. Il-konsum tal-ħut frisk kien limitat għaż-żoni ta' mal-kosta, iżda l-Ligurja kienet tagħmel kummerċ kbir u li jirrendi mill-prodott ikkonservat.

    Partikolarment, tul il-mogħdijiet tal-muntanji tar-riviera di ponente, ma kontx tiltaqa' biss ma' konvojs li jġorru l-melħ, iżda anke ma' l-“acciugai”: hekk kienu jissejħu l-kummerċjati tal-ħut ikkonservat.

    Kienet (u għadha) magħrufa l-kwalità tradizzjonali ta' l-inċova fil-melħ tal-Baħar tal-Ligurja mir-reġjuni limitrofi u l-aktar tal-Pjemonte, fejn l-inċova fil-melħ tal-Baħar tal-Ligurja saru l-ingredjent ewlieni ta' wieħed mill-aktar ikel reġjonali magħruf: il-bagna cauda.

    Reputazzjoni

    Din ir-reputazzjoni tgħin lill-konsumatur biex jagħraf minnufih in-natura unika u awtentika tal-prodott ikkonċernat u hija marbuta mill-qrib mat-tradizzjoni u mal-kultura komuni ta' l-arti tas-sengħa tal-konservazzjoni tal-Ligurja.

    Fil-Ligurja, il-konservazzjoni ta' l-inċova fil-melħ għandha importanza ekonomika notevoli, minħabba l-apprezzament għoli tal-konsumaturi, li jwassal għal prezzijiet tal-bejgħ ogħla minn dak ta' prodotti analogi li ġejjin minn postijiet oħra.

    Barra minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ta' natura ekonomika, għandha titqiegħed enfasi fuq il-fatt li fid-djar tas-sajjieda u tal-persuni li jgħixu fiċ-ċentri urbani minuri baqgħu ħajjin id-drawwiet tal-preparazzjoni ta' l-inċova fil-melħ, li jużaw tekniki antiki li għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra.

    Għalhekk, din hija attività li għandha għeruq sodi fil-kultura ta' l-abitanti tax-xatt tal-Ligurja, iżda hija daqstant ieħor preżenti fil-memorji tal-ħafna turisti internazzjonali li jżuru l-lokalitajiet ta' mal-baħar fil-Ligurja.

    Il-kundizzjonijiet ambjentali tax-xatt tal-Baħar Tirren tal-Ligurja jippermettu temperaturi diefja, ideali biex jiggarantixxu maturazzjoni naturali tal-prodott. Il-varjazzjoni ristretta fit-temperatura tat-territorju ta' mal-kosta, ikkundizzjonata mill-azzjoni omeotermika tal-baħar, tiffavorixxi maturazzjoni mill-iprem. Fil-fatt, il-ktejjen tal-muntanji ta' l-Alpi u ta' l-Appennini li jaslu eżatt sa xatt il-baħar, jikkostitwixxu barriera effikaċi għall-irjieħ kisħin mit-Tramuntana u fl-istess ħin, iż-żona ta' max-xatt tinqata' għaliha waħedha. Mhux ta' b'xejn li, bis-saħħa ta' din il-klima, ir-riviera tal-Ligurja hija famuża mad-dinja kollha.

    4.7   Organu ta' spezzjoni:

    Isem:

    Camera di comm., industria, artigianato e agricoltura di Genova

    Indirizz:

    Via Garibaldi, 4

    I-16124 Genova

    Tel.:

    (39) 010 2704-1

    Faks:

    (39) 010 2704-300

    Posta elettronika:

    camera.genova@ge.camcom.it


    Isem:

    Camera di comm., industria, artigianato e agricoltura di Savona

    Indirizz:

    Via Quarda Superiore, 16

    I-17100 Savona

    Tel.:

    (39) 019 8314 233-218-234

    Faks:

    (39) 019 8514-58

    Posta elettronika:

    agricoltura@sv.camcom.it


    Isem:

    Camera di comm., industria, artigianato e agricoltura di Imperia

    Indirizz:

    Viale Matteotti, 48

    I-18100 Imperia

    Tel.:

    (39) 0183 79 31

    Faks:

    (39) 0183 27 50 21

    Posta elettronika:

    camera.imperia@im.camcom.it


    Isem:

    Camera di comm., industria, artigianato e agricoltura della Spezia

    Indirizz:

    Via Vittorio Veneto, 28 — P.zza Europa, 16

    I-19124 La Spezia

    Tel.:

    (39) 0187 72 81

    Faks:

    (39) 0187 77 79 08

    Posta elettronika:

    info@sp.camcom.it

    Il-kontroll tal-konformità tal-prodotti għandu jsir minn dawn il-Kmamar tal-Kummerċ imsemmija hawn fuq li għandhom jikkontrollaw il-proċess ta' produzzjoni kollu taħt il-koordinament ta' l-Unione delle Camere di Commercio Liguri, li l-indirizz tagħha jinsab hawn taħt:

    Isem:

    Unioncamere Liguri

    Indirizz:

    Via S. Lorenzo, 15

    I-16123 Genova

    Tel.:

    (39) 010 24 85 21

    Faks:

    (39) 010 24 71 522

    Posta elettronika:

    unione.ligurie@lig.camcom.it

    4.8.   Tikkettar: Il-kummerċjalizzazzjoni ta' l-inċova għandha ssir fil-kontenituri apposta tal-ħġieġ imsejħin “arbanelle” li fuqhom għandu jkun hemm tikketta bil-kliem “Acciughe sotto sale del Mar Ligure” I.G.P. “Indicazione Geografica Protetta”, f'karattri doppji meta mqabbla ma' indikazzjonijiet oħra. “Indicazione Geografica Protetta”. Fuq l-istess tikketta għandu jidher l-isem, isem l-azjenda u l-indirizz tal-produttur u dak li jkun il-pakkettatur tal-prodott, kif ukoll il-piż nett tal-prodott niexef. Il-kliem “Indicazione Geografica Protetta” jista' jiġi ripetut f'parti oħra tal-kontenitur jew tat-tikketta anki bit-taqsira “I.G.P.”. Għandha tkun indikata l-kompożizzjoni tas-salmura u ta' l-ingredjenti kollha użati, jiġifieri: inċova tal-Baħar tal-Ligurja, ilma u melħ. Barra minn hekk, għandhom jiġu indikati d-data ta' ppakkjar u d-data ta' skadenza; din ta' l-aħħar ma għandhiex taqbeż it-12-il xahar mid-data ta' ppakkjar. Fuq it-tikketti għandu jkun hemm il-logo grafiku, li juri inċovi stilizzati li l-karatteristiċi tagħhom huma deskritti fid-dettall fl-ispeċifikazzjoni.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006 p. 12.


    Top