Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1031(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 258, 31.10.2007, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 258/12


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    (2007/C 258/08)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “ARROZ CAROLINO DAS LEZÍRIAS RIBATEJANAS”

    Nru tal-KE: PT/PGI/005/0552/07.08.2006

    ( X ) IĠP ( ) DPO

    1.   Isem

    “Arroz Carolino das Lezírias Ribatejanas”

    2.   L-Istat Membru jew il-Pajjiż Terz

    Il-Portugall

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem mogħti fil-punt (1)

    Kariosside bla karfa, tal-varjetà Aríete (it-tieni ġenerazzjoni) tas-sottospeċi Japonica tal-pjanta Oryza sativa L., imnixxfa, imqaxxra, imbajda u illustrata kif xieraq.

    Karatteristiċi fiżiċi [valuri medji (± 0.3)]

    Umdità (%)

    13

    Tul (mm)

    6,4

    Wisa' (mm)

    2,5

    Proporzjon tul/wisa'

    2,5

    Kontenut totali ta' rmied (%)

    0,45

    Lewn tal-karfa

    Ismar jagħti fl-isfar

    Lewn wara t-tibjid

    Għandu mill-ħġieġ

    Karatteristiċi kimiċi [valuri medji (± 5 %)]

    Xaħam (%)

    0,9 — 1,3

    Proteina (%)

    5,2 — 6,8

    Karboidrati (%)

    77,1 — 82,3

    Enerġija (Kcal/100g)

    346,5 — 350,1

    Aroma u togħma — Meta jittiekel in bianco (sempliċement mgħolli fl-ilma), ikollu riħa ta' ross li għadu kemm ġie maħżun, b'palat bellusi, tari u b'konsistenza ta' sponża. Meta jitħallat ma' ingredjenti oħra, ikollu ħjiel tal-kondimenti li jkunu żdiedu miegħu, u konsistenza kremuża u tarja li tibqa' tintiegħem fil-ħalq.

    Dehra — trażluċida, għandha mill-ħġieġ.

    Karatteristiċi ta' tisjir (valuri medji)

    Ħin ta' tisjir

    9-10,5 min.

    Assorbiment ta' ilma

    219 –235 %

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    L-uniku ross eliġibbli huwa dak tal-varjetà msemmija hawn fuq miż-żona ġeografika definita, għax huwa f'dawn il-kundizzjonijiet biss li r-ross ikollu proporzjon baxx ħafna ta' amylose/amylopectin (33,5 %/66,5 %); dan jippermetti lir-ross jassorbi proporzjon għoli ta' l-ilma ta' tisjir kif ukoll jiddakkar mit-togħmiet, minbarra li għandu rendiment industrijali minimu ta' 70 %. Dan huwa possibbli biss fil-kundizzjonijiet ġeomorfoloġiċi tal-Lezírias Ribatejanas (it-tip ta' ħamrija, il-kwalità ta' l-ilma tas-saqi, l-għadd ta' sigħat ta' xemx, varjazzjoni żgħira fit-temperaturi, eċċ.).

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

    Iċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni għandu jsir fiż-żona ġeografika definita, inkluż il-ksib taż-żrieragħ tat-tieni ġenerazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-addattament sħiħ għall-kundizzjonijiet ġeomorfoloġiċi speċifiċi taż-żona. Ovvjament, minħabba dawn il-kundizzjonijiet ta' tkabbir, iċ-ċiklu bijoloġiku kollu sal-mument tal-ħsad isir fl-istess post, jiġifieri fejn ir-ross ikun inżera' oriġinalment. Il-ħsad isegwi regoli speċjali li jkopru d-dati, l-istadju fenoloġiku u l-umdità taż-żrieragħ, kif ukoll il-makkinarju li jintuża għall-ħsad, it-trasport, il-ħżin, it-tnixxif, it-tneħħija tal-karfa, it-tibjid u l-illustrar, bil-għan illi jiġu ggarantiti l-iġjene u s-sikurezza tal-prodott, jiġi evitat it-tniġġis bijoloġiku, kimiku jew mikrobijoloġiku fl-uċuħ maħsuda jew fit-tagħmir, u jiġi eskluż ir-ross ta' oriġini oħra. B'hekk tiġi żgurata wkoll it-traċċabbiltà sħiħa tar-ross Carolino għar-reġjun ta' l-oriġini, kif ukoll, f'bosta każijiet, għall-bidwi stess.

    Iż-żona ġeografika li fiha jsiru l-ipproċessar u l-ippakkjar hi dik tal-produzzjoni, kif inhu ġġustifikat bir-raġunijiet imsemmija aktar 'il fuq, kif ukoll bil-fatt li b'hekk jinżamm fil-minimu ż-żmien meħtieġ biex ir-ross jinġarr saż-żoni ta' tnixxif, u tinżamm il-kwalità.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar il-qtugħ, l-għerik, l-ippakkjar, eċċ.

    Għall-istess raġunijiet (sikurezza u iġjene, l-evitar ta' tniġġis, l-esklużjoni ta' ross minn sorsi oħra, iż-żamma tal-kwalità u tat-traċċabbiltà, li jippermettu wkoll il-monitoraġġ tal-katina kollha tal-produzzjoni), l-ippakkjar għandu jsir fir-reġjun ta' l-oriġini, bl-użu ta' materjali approvati speċifikament għal dan il-għan.

    3.7.   Regoli speċifiċi li jirrigwardaw l-ittikkettar

    Ir-referenzi li ġejjin huma obbligatorji: Arroz Carolino das Lezírias Ribatejanas — Indicação Geográfica Protegida; Marka ta' identifikazzjoni; Il-logo Komunitarju ta' l-IĠP; Il-logo ta' l-Arroz Carolino das Lezírias Ribatejanas.

    Image

    It-tikketta għandha turi l-isem u l-indirizz tal-produttur (persuna jew kumpanija), inkluż meta entitajiet oħrajn huma involuti fil-kummerċjalizzazzjoni. Soġġett għall-approvazzjoni tal-grupp, ma' l-isem Arroz Carolino das Lezírias Ribatejanas jistgħu jiżdiedu kliem jew indikazzjonijiet oħrajn (il-marki kummerċjali tad-distributuri jew ta' oħrajn).

    4.   Definizzjoni Konċiża taż-żona ġeografika

    Il-freguesias (parroċċi) ta' Azambuja, Alcoentre, Aveiras de Baixo, Aveiras de Cima, Macussa, Manique do Intendente, Vale do Paraíso, Vila Nova da Rainha u Vila Nova de São Pedro, fil-concelho (muniċipalità) ta' Azambuja; Barrosa, Benavente, Samora Correia u Santo Estevão, fil-concelho ta' Benavente; Foros de Salvaterra, Glória do Ribatejo, Granho, Marinhais, Muge u Salvaterra de Magos, fil-concelho ta' Salvaterra de Magos; Alhandra, Alverca do Ribatejo, Cachoeiras, Castanheira do Ribatejo, Calhandriz, Forte da Casa, Póvoa de Santa Iria, São João dos Montes, Sobralinho, Vialonga, u Vila Franca de Xira, fil-concelho ta' Vila Franca de Xira; Azervadinha, Coruche, Couço, Erra, Foros da Branca, Lamarosa, São Torcato u Santana do Mato, fil-concelho ta' Coruche.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika definita għandha karatteristiċi speċifiċi li jirrigwardaw partikolarment il-ħamrija (pedoġenesi ddifferenzjata), il-kwalità ta' l-ilma, l-għadd ta' sigħat ta' xemx u varjazzjoni żgħira fit-temperaturi, bħala konsegwenza tal-pożizzjoni tagħha fuq l-estwarju tax-xmara Tagus. Din iż-żona hija prattikament ċatta (bwar max-xmara u pjanuri), b'altitudni pjuttost baxxa (inqas minn 100 m). Il-ħamrija kollha hija tat-tip alluvjali u kolluvjali, samra u ta' kompożizzjoni taflija jew taflija bil-lôm, maħluqa minn depożiti għammiela miġjuba mill-għargħar u l-marei, li maż-żmien iffurmaw sediment fuq saffi ramlijin. Dawn il-kundizzjonijiet, flimkien ma' livell ta' pH bejn 5,5 u 6,5, iżda li jista' jvarja bejn 4,5 u 8,7, u l-kwalità mielħa ta' l-ilmijiet minħabba li r-reġjun huwa soġġett għall-influwenza tal-marei, jagħmluha impossibbli li jitkabbru fiż-żona wċuħ oħra minbarra r-ross. It-tkabbir tar-ross fiż-żoni msemmija hawn fuq huwa sostenibbli għax jippermetti li tinżamm l-ekosistema, il-fawna u l-flora marbutin miegħu. Barra minn hekk, jiġu evitati problemi agrikoli bħat-tmelliħ tal-ħamrija. Ma' dan għandu jiżdied il-fatt li, permezz ta' aktar minn żewġ sekli ta' tkabbir tar-ross, ġie żviluppat għarfien rikk u speċifiku ħafna fir-reġjun.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    L-“Arroz Carolino das Lezírias Ribatejanas” għandu proporzjon baxx ta' amylose/amylopectin, kapaċità għolja biex jassorbi l-ilma u l-molekuli aromatiċi tal-kondimenti, u rendiment industrijali għoli ħafna.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP).

    Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima tipiċi ta' dan ir-reġjun ta' l-estwarju tat-Tagus (klima moderata u sħuna tat-tip Mediterran, bi sjuf nixfin, li fihom l-aktar xahar niexef ikollu inqas minn terz tax-xita li tagħmel fl-inqas xahar niexef, u bis-sħana mtaffija mill-influwenza ta' l-Oċean Atlantiku; kwantità annwali ta' xita ta' inqas minn 30 mm; bejn 2 800 u 2 900 siegħa xemx; radjazzjoni tax-xemx ta' bejn 145 u 150 Kcal/ċm2; preċipitazzjoni totali ta' madwar 714,8 mm; u mhux aktar minn 12-il ġurnata ta' ġlata biss) ma jiffavorixxux l-infestazzjoni tal-fungi, u b'konsegwenza ta' dan, ir-ross ikun aktar iebes, jitfarrak inqas, u jkollu piż speċifiku ogħla minn dak li jiġi prodott f'reġjuni oħrajn. B'hekk, ir-ross igawdi minn reputazzjoni tajba ħafna u jiġi apprezzat aktar minn dak li jitkabbar f'postijiet oħrajn. Id-deidratazzjoni naturali li ssir fl-aħħar fażijiet tal-maturazzjoni, li fil-Lezírias Ribatejanas tikkoinċidi ma' temperaturi għoljin u umdità relattivament baxxa f'Settembru u fl-ewwel ġimagħtejn ta' Ottubru, tippermetti li r-ross jinħasad b'mod uniformi u jinxef b'mod naturali fl-għelieqi (bil-maqlub għal dak li jiġri f'żoni oħra ta' produzzjoni), u b'hekk il-prodott ta' dan ir-reġjun ikun aktar stabbli u uniformi. L-Arroz Carolino das Lezírias Ribatejanas għandu dehra unika, trażluċida u li għandha mill-ħġieġ. Il-kundizzjonijiet naturali deskritti aktar 'il fuq jagħtuh palat bellusi u tari meta jittiekel sempliċement bħala ross mgħolli fl-ilma. Barra minn hekk, karatteristika partikolari ta' dan ir-ross hija l-proporzjon baxx ħafna ta' amylose/amylopectin (33,5 %/66,5 %), li jippermetti li jassorbi aħjar l-ilma li fih jiġi misjur kif ukoll jiddakkar mill-ingredjenti li jiżdiedu miegħu fil-preparazzjoni ta' platti gastronomiċi, filwaqt li jagħtih ukoll konsistenza kremuża u tarja u li tibqa' tintiegħem fil-ħalq.

    Referenza għall-pubblikazzjoni ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    www.idrha.min-agricultura.pt


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top