Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC0928(03)

    Impożizzjoni ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku fir-rigward ta' servizzi bl-ajru interni u skedati fl-Italja (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU C 228, 28.9.2007, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.9.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 228/13


    Impożizzjoni ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku fir-rigward ta' servizzi bl-ajru interni u skedati fl-Italja

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/C 228/04)

    Skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992, dwar l-aċċess ta' kumpaniji ta' l-ajru Komunitarji (1) għar-rotot interkomunitarji, il-Gvern Taljan, b'konformità mad-Deċiżjonijiet li ttieħdu waqt il-konferenza tas-servizzi li saret fir-Reġjun ta' Pjemonte, iddeċieda li jimponi l-obbligu ta' servizz pubbliku fir-rigward ta' servizzi bl-ajru skedati fuq din ir-rotta:

    1.   Ir-rotta kkonċernata

    Cuneo Levaldigi — Ruma Fiumicino u viċiversa

    1.1.

    Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 1993, dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti tal-Komunità (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 793/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreservaw ċerti slots għall-operazzjoni ta' servizzi skond il-proċeduri speċifikati f'dan id-dokument.

    1.2.

    Bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-impożizzjoni ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku, l-ENAC (Ente Nazionale dell'Aviazione Civile) għandha tivverifika li l-kumpaniji ta' l-ajru kkonċernati jkollhom vetturi bl-istruttura xierqa u jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għall-aċċess għas-servizz.

    2.   Dettalji ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku

    2.1.   Frekwenzi minimi:

    a.

    Bejn Cuneo Levaldigi u Ruma Fiumicino u viċiversa

    Għar-rotta msemmija hawn fuq, il-frekwenza minima hija kif ġej:

    Mill-inqas, titjira fiż-żewġ direzzjonijiet kuljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa għas-sena kollha, permezz ta' ajruplan li jkollu kapaċità minima ta' 44 post.

    Mill-inqas, titjira f'waħda mid-direzzjonijiet li titlaq kull nhar ta' Sibt filgħodu u titjira oħra li tirritorna l-Ħadd filgħaxija, għas-sena kollha, permezz ta' ajruplan li jkollu kapaċità minima ta' 44 post.

    Il-kapaċità ta' kull ajruplan għandha tiġi offruta għall-bejgħ skond it-termini ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku.

    2.2.   Skedi tal-ħinijiet:

    Għar-rotta Cuneo Levaldigi — Ruma Fiumicino, mit-Tnejn sas-Sibt, il-ħinijiet għandhom jinkludu mill-inqas titjira waħda li titlaq bejn 06.45 u 07.45.

    Għar-rotta Ruma Fiumicino — Cuneo Levaldigi, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, il-ħinijiet għandhom jinkludu mill-inqas titjira waħda li titlaq bejn 19.00 u 20.30.

    Għar-rotta Ruma Fiumicino — Cuneo Levaldigi, nhar ta' Ħadd, il-ħinijiet għandhom jinkludu mill-inqas titjira waħda li titlaq bejn 19.00 u 20.30.

    2.3.   L-ajruplani li jintużaw u l-kapaċità tagħhom:

    Is-servizz Cuneo Levaldigi — Ruma Fiumicino u viċiversa għandu jkun operat permezz ta' ajruplani b'magna pressurised twin-turbo jew twin-jet u li jkollhom kapaċità minima ta' 44 post.

    Jekk fis-suq ikun hemm talba akbar, il-kapaċità għandha tiżdied bl-introduzzjoni ta' titjiriet supplimentari, liema titjiriet ma għandhomx iwasslu għal kumpensazzjonijiet addizzjonali jew għal tariffi differenti minn dawk previsti fil-punt 2.4 hawn taħt.

    Il-kumpanija li taċċetta l-obbligu ta' servizz pubbliku għandha, suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' sikurezza li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta' tlugħ fuq l-ajruplan, tagħmel kull sforz possibbli biex, fuq l-ajruplani li jintużaw, tiffaċilita t-trasport ta' passiġġieri diżabilitati u b'mobbiltà ridotta.

    2.4.   Tariffi:

    a)

    l-ogħla tariffi li jistgħu jiġu applikati għal kull rotta huma dawn:

    Cuneo Levaldigi — Ruma Fiumicino 90,00 EUR

    Ruma Fiumicino — Cuneo Levaldigi 90,00 EUR

    It-tariffi indikati ma jinkludux VAT u ma jinkludux it-taxxi u ħlasijiet oħra ta' l-ajruport; ma jista' jintalab ebda tip ta' ħlas addizzjonali.

    Mill-inqas, għandu jkun previst metodu wieħed ta' tqassim u bejgħ ta' biljetti li jkun bla ħlas u ma jżidx ma' l-ispejjeż tal-passiġġieri.

    Il-passiġġieri kollha li jivvjaġġaw fuq rotot suġġetti għall-obbligu ta' servizz pubbliku għandhom dritt għat-tariffi msemmija hawn fuq.

    b)

    Kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw it-tariffi massimi skond ir-rata ta' l-inflazzjoni tas-sena ta' qabel kif ikkalkulata abbażi ta' l-indiċi ġenerali ISTAT/FOI tal-prezzijiet għall-konsumatur. Dan l-aġġustament għandu jiġi notifikat lill-kumpaniji ta' l-ajru kollha li joperaw fuq ir-rotot ikkonċernati, u mgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    ċ)

    Sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-varjazzjonijiet anomali fil-prezz tal-fjuwil, kull sitt xhur, għandu jiġi kkalkulat l-alikwot (Sp) li jkun irid jiġi miżjud jew imnaqqas mit-tariffa tar-rotta:

    Formula

    Fejn:

    :

    Sp

    =

    alikwot ta' aġġustament tat-tariffi tar-rotta (aġġustat għall-eqreb unità)

    K

    =

    rata ta' kambju Euro/dollaru medja f'dak il-perjodu ta' sitt xhur

    B

    =

    il-prezz medju ta' barmil żejt (Brent Dated) f'dak il-perjodu ta' sitt xhur

    T

    =

    tariffa tar-rotta kkonċernata

    Il-Ministru tat-Trasport, bi ftehim mal-President tar-Reġjun ta' Pjemonte, kull sitt xhur ser japplika aġġustamenti fit-tariffi abbażi ta' analiżi magħmula minn kumitat tekniku konġunt; dan il-kumitat ikun magħmul minn rappreżentant nominat mill-ENAC u minn rappreżentant nominat mir-Reġjun ta' Pjemonte. F'każ ta' żieda fit-tariffi, il-kumitat tekniku konġunt iniedi proċedura għall-aġġustament hekk kif huwa jirċievi notifika min-naħa tal-kumpaniji ta' l-ajru li joperaw ir-rotot suġġetti għall-obbligu ta' servizz pubbliku; f'każ ta' tnaqqis fit-tariffi, il-proċedura tiġi mnedija awtomatikament. Matul il-proċedura ta' analiżi msemmija hawn fuq, il-kumpaniji ta' l-ajru li joperaw ir-rotot suġġetti għall-obbligu ta' servizz pubbliku għandhom jiġu kkuntattjati. L-aġġustament ta' tariffi jidħol fis-seħħ fil-perjodu ta' sitt xhur li jiġi wara l-perjodu li fih ikun ġie deċiż.

    Dan l-aġġustament għandu jiġi notifikat lill-kumpaniji ta' l-ajru kollha li joperaw fuq ir-rotot ikkonċernati, u mgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    2.5.   Kontinwità tas-servizz:

    Sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni u l-kontinwità ta' servizz tajjeb, il-kumpanija li taċċetta l-obbligu ta' servizz pubbliku għandha timpenja ruħha li:

    tiggarantixxi s-servizz għal mill-inqas 12-il xahar konsekuttiv u ma tissospendihx mingħajr avviż ta' sitt xhur jew aktar minn qabel;

    tiżgura li l-imġieba tagħha fil-konfront ta' l-utenti tkun skond il-prinċipji stipulati fil-Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri, sabiex tkun konformi mar-regolamenti nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali rilevanti;

    tipprovdi garanzija ta' eżekuzzjoni sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni u l-kontinwità ta' servizz tajjeb. Din il-garanzija għandha tammonta għal 500 000 EUR u tkun f'għamla ta' bond ta' assigurazzjoni jew ta' garanzija bankarja favur l-ENAC — Ente Nazionale dell'Aviazione Civile, li tista' tużaha sabiex tiżgura l-kontinwazzjoni ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku;

    kull sena, twettaq mill-inqas 98 % tat-titjiriet previsti, bl-għadd ta' kanċellazzjonijiet li jkunu dovuti għal nuqqasijiet tal-kumpanija ta' l-ajru, għajr għal każijiet ta' force majeure,

    tħallas, lill-Entità regolatorja, il-multa ta' 3 000 EUR għal kull titjira li tiġi kkanċellata wara li jinqabeż il-limitu ta' 2 %. L-ammonti li jinġabru b'dan il-mod għandhom jiġu allokati mill-ġdid biex jiżguraw il-kontinwità territorjali fuq ir-rotta Cuneo Levaldigi — Ruma Fiumicino u viċiversa.

    Is-sanzjonijiet previsti għal dan il-punt jistgħu jiġu miżjuda ma' dawk previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 69 tas-27 ta' Jannar 2006 li jistipula d-“Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-sanzjonijiet għall-ksur tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet”.

    Dawn l-obbligi jissostitwixxu dawk ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C 213 tal-5 ta' Settembru 2006.


    (1)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8.

    (2)  ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.

    (3)  ĠU L 138, 30.4.2004, p. 50.


    Top