EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC1013

Abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

/* SEK/2007/1013 finali - CNS 2007/0151 */

Please be aware that this draft act does not constitute the final position of the institution.

52007SC1013

Abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej /* SEK/2007/1013 finali - CNS 2007/0151 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.7.2007

SEG(2007) 1013 finali

2007/0151 (CNS)

Abbozz ta'

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE, Euratom)

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

2007/0151 (CNS)

Abbozz ta'

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE, Euratom)

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunisdrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 185(1) tiegħu[1],

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kunsill[3],

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri[4],

Billi:

(1) Wara l-emenda tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (minin hawn ’il quddiem: “ir-Regolament Finanzjarju ġenerali”) permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, jinħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5] jiġi adattat sabiex ikun konformi mar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

(2) Emendi oħra saru neċessarji fid-dawl ta' l-esperjenza akkwistata mill-entitajiet Komunitarji eżistenti.

(3) Għandu jiġi ċċarat li l-ġestjoni finanzjarja soda titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti. Il-karatteristiċi u l-għanijiet ewlenin tas-sistemi tal-kontroll intern għandhom jiġu definiti.

(4) Sabiex tkun żgurata t-trasparenza fl-użu tal-fondi li jiġu mill-baġit tagħhom, ikun xieraq li jiġi stipulat obbligu ġenerali li l-entitajiet Komunitarji jrendu disponibbli informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi.

(5) Ħareġ fid-deher li l-lista ta’ dħul assenjat ma kinitx kompluta u għandha tkun kompletata skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(6) Il-pubblikazzjoni tal-baġit ta' l-entitajiet Komunitarji għandha tiġi ssimplifikata filwaqt li jiġu ppreżervati l-prerogattivi ta' l-awtorità tal-baġit u tal-Qorti ta' l-Awdituri.

(7) Il-proċedura rigward trasferimenti li għandhom ikunu adottati mid-diretturi ta’ aġenziji Komunitarji ġiet applikata b’mod inkonsistenti u għaldaqstant għandha tiġi ċċarata.

(8) L-effetti ta’ xogħol part-time fuq il-pjan ta’ stabbiliment għandhom ikunu speċifikati biex ikun iffaċilitat l-użu tiegħu, speċjalment f’entitajiet Komunitarji żgħar.

(9) Ikun xieraq li jiġu stipulati dettalji dwar sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi sabiex ikunu koperti l-persuni kollha involuti fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti u l-għoti ta’ kuntratti.

(10) Fir-rigward ta’ obbligi ta’ verifika ex ante , it-trattament ta’ operazzjonijiet individwali simili relatati ma' ċerti partiti ta' nfiq ta’ rutina għandu jkun issimplifikat.

(11) Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ l-uffiċjali li jawtorizzaw għandha tkun espressament limitata għal każijiet ta’ negliġenza kbira.

(12) L-entitajiet Komunitarji għandhom ikunu jistgħu jużaw sistema ta' debitu dirett, li f'ċerti każijiet tista' tiffaċilita t-tranżazzjonijiet.

(13) Għandha ssir referenza espressa għall-indipendenza funzjonali ta’ l-uffiċjal tal-kontabilità fit-twettiq ta’ dmirijietu, għaliex id-direttur ta' l-entità Komunitarja, bħala uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni, huwa s-superjur ġerarkiku ta’ l-uffiċjal tal-kontabilità.

(14) Ir-responsabbiltà ta' l-uffiċjali tal-kontijiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni finanzjarja fornuta lilhom mill-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni għandha tiġi ċċarata. Għal dan il-għan, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jingħata s-setgħa biex jivverifika l-informazzjoni li tasallu mingħand l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b’delega u jagħmel ir-riżervi tiegħu jekk dan ikun meħtieġ.

(15) Huwa neċessarju li jiġi definit sett ta’ regoli rigward id-drittijiet u t-tariffi sabiex jintlaħqu l-ħtiġiet ta’ ċerti entitajiet Komunitarji ffinanzjati minn dħul bħal dan.

(16) Il-Panel dwar l-Irregolaritajiet Finanzjarji tal-Kummissjoni għandu jsir awtomatikament kompetenti fir-rigward ta' l-entitajiet Komunitarji sakemm dawn ta' l-aħħar ma jiddeċidux li jwaqqfu panel jew li jieħdu sehem f'panel konġunt stabbilit minn diversi entitajiet Komunitarji.

(17) Il-kundizzjonijiet ta' l-użu, mill-entitajiet Komunitarji, tas-servizzi u l-uffiċċji tal-Kummissjoni, l-uffiċċji interistituzzjonali Ewropej u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet ta' l-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni[6] għall-entitajiet ta' l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem: iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni) u proċeduri ta’ akkwist pubbliku konġunti ma' l-Istati Membri ospitanti sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet Komunitarji u ma’ l-Istati Membri ospitanti.

(18) Huwa neċessarju li tiġi stabbilita proċedura speċifika għall-għażla ta’ esperti, simili għal dik stipulata fir-Regolament Finanzjarju ġenerali.

(19) Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 3 hu sostitwit b'dan li ġej:

‘ Artikolu 3

It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-baġit ta' entità tal-Komunità (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-baġit") għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta' l-unità u l-preċiżjoni tal-baġit, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja soda, li jirrikjedu kontroll intern effettiv u effiċjenti kif jingħad f'dan ir-Regolament.’

2. Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

‘1. Il-baġit għandu ikun fih approprjazzjonijiet mhux differenzjati u, fejn ġustifikat mill-ħtiġiet operazzjonali, approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn ta’ l-aħħar għandhom jikkonsistu f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

3. L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

4. Fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem ‘il-paragrafi 2 sa 8’ huma sostitwiti bil-kliem ‘il-paragrafi 2 sa 7’;

5. Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘3. L-approprjazzjonijiet għall-impenji u l-approprjazzjonijiet mhux differenzjati li jkunu għadhom mhux kommessi f’għeluq is-sena finanzjarja jistgħu jiiġu trasferiti fir-rigward ta’ l-ammonti li jikkorrispondu ma' l-approprjazzjonijiet għall-impenji li għalihom il-biċċa l-kbira ta' l-istadji preparatorji tal-proċedura biex dawn jiġu kommessi, li għandha tkun definita fir-regoli li jimplimentaw ir-regolament finanzjarju ta' kull entità tal-Komunità, jkunu tlestew sal-31 ta' Diċembru; dawn l-ammonti jistgħu mbagħad jiġu kommessi sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.’

6. Fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza hi sostitwita b’dan li ġej:'L-approprjazzjonijiet għall-ħlas jistgħu jiġu trasferiti fir-rigward ta’ l-ammonti meħtieġa biex jagħmlu tajjeb għal impenji eżistenti jew impenji marbuta ma’ l-approprjazzjonijiet għall-impenji li jkunu ġew trasferiti, meta l-approprjazzjonijiet imsemmija għal-linji rilevanti fil-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara ma jkunux ikopru l-ħtiġiet.’

7. L-Artikolu 13 hu sostitwit b'dan li ġej:

‘ Artikolu 13

1. Mill-15 ta' Novembru ta' kull sena, l-ispejjeż amministrattivi ta' rutina jistgħu jkunu kommessi bil-quddiem kontra l-approprjazzjonijiet previsti għas-sena finanzjarja ta' wara. Madankollu, tali impenji ma jistgħux jaqbżu l-kwart ta’ l-approprjazzjonijiet deċiżi mill-bord ta’ tmexxija fuq il-linja tal-baġit li tikkorrispondi magħhom għas-sena finanzjarja kurrenti. Dawn ma jistgħux japplikaw għal infiq ġdid ta' tip li jkun għadu mhux approvat fil-prinċipju fl-aħħar baġit debitament adottat.

2. Infiq li jrid jitħallas bil-quddiem, per eżempju kera, jista' jagħti lok biex pagamenti mill-1 ta' Diċembru ’l quddiem jiddaħħlu ma’ l-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja ta' wara. F’dan il-każ, il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ma japplikax.”;

8. Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

‘4. Il-fondi Komunitarji li jitħallsu lill-entità tal-Komunità għandhom jikkostitwixxu għall-baġit tagħha sussidju ta’ bilanċ, li jgħodd bħala finanzjament minn qabel fis-sens ta' l-Artikolu 81(1)(b)(i) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

5. Fit-talbiet tagħha għall-ħlas, l-entità tal-Komunità għandha tissottometti tbassir dettaljat u aġġornat dwar il-ħtiġiet reali tagħha f'kontanti matul is-sena kollha.’;

9. L-Artikolu 19 hu sostitwit b'li ġej:

‘ Artikolu 19

1. L-elementi ta' dħul li ġejjin għandhom jintużaw biex jiġu ffinanzjati oġġetti speċifiċi ta' nfiq:

(a) dħul allokat għal skop speċifiku, bħal dħul minn fondazzjonijiet, sussidji, rigali u legati;

(b) kontribuzzjonijiet lill-attivitajiet ta' l-entità tal-Komunità minn Stati Membri, pajjiżi mhux membri jew entitajiet mixxelanji, sakemm dan hu previst fil-ftehim milħuq bejn l-entità tal-Komunità u l-istati Membri, pajjiżi mhux membri jew entitajiet imdaħħlin;

(c) dħul minn partijiet terzi fir-rigward ta’ prodotti, servizzi jew xogħol fornuti fuq talba tagħhom stess, għajr il-miżati l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 5(a);

(d) dħul mill-forniment ta’ prodotti, servizzi u xogħlijiet għall-istituzzjonijiet Komunitarji jew entitajiet oħrajn tal-Komunità;

(e) dħul li ġej mill-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa bi żball;

(f) dħul mill-bejgħ ta’ vetturi, tagħmir, installazzjonijiet, materjali u apparat xjentifiku u tekniku li jkunu qegħdin jinbidlu jew jiġu skreppjati meta l-valur tal-ktieb ikun kompletament deprezzat;

(g) pagamenti rċevuti minn assigurazzjoni;

(h) dħul minn ħlasijiet konnessi ma' kirjiet;

(i) dħul mill-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet u films, inklużi dawk fuq mezzi elettroniċi.

1a. L-att bażiku applikabbli jista’ jassenja wkoll id-dħul li għalih jipprevedi partiti speċifiċi ta’ nfiq.

2. L-elementi kollha ta' dħul fis-sens tal-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 għandhom ikopru l-infiq dirett jew indirett li jsir mill-attività jew għan ikkonċernati.

3. Il-baġit għandu jkun f’linji sabiex jakkomoda l-kategorji ta' dħul assenjat imsemmijin fil-paragrafi 1 u 1a, u fejn possibbli jindika l-ammont.’;

10. L-Artikolu 23 hu sostitwit b'dan li ġej:

‘ Artikolu 23

1. Id-Direttur jista’ jwettaq trasferimenti minn kapitolu għal ieħor u minn artikolu għal ieħor mingħajr limitu, u minn titolu għal ieħor sa massimu ta’ 10 % ta’ l-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja murija fil-linja li minnha jsir it-trasferiment.

2. Lilhinn mil-limitu msemmi fl-ewwel paragrafu, id-Direttur jista’ jipproponi trasferimenti ta’ approprazzjonijiet minn titolu għal ieħor lill-bord ta’ tmexxija. Il-bord ta' tmexxija għandu jkollu tliet ġimgħat biex jopponi dawn it-trasferimenti; wara dan il-limitu ta' żmien, it-trasferimenti għandhom jitqiesu adottati. F’każijiet ta’ urġenza, id-Direttur jista’ jqassar dan il-perjodu ta’ żmien għal mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol.

3. Proposti għal trasferimenti u trasferimenti mwettqa taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu akkompanjati bid-dokumenti ta' sostenn xierqa u dettaljati li juru l-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet u estimi tar-rekwiżiti sat-tmiem tas-sena finanzjarja, kemm għall-intestaturi li jridu jkunu kkreditati u kemm għal dawk li jridu jsiru l-approprjazzjonijiet minnhom.

4. Id-Direttur għandu/ha j/tinforma lill-bord ta' tmexxija bit-trasferimenti mwettqa malajr kemm jista' jkun.

11. Jiddaħħal l-Artikolu 25a li ġej:

‘ Artikolu 25a

1. Il-baġit għandu jiġi implimentat skond kontroll intern effettiv u effiċjenti.

2. Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit, il-kontroll intern huwa definit bħala proċess applikabbli fil-livelli kollha tat-tmexxija u mfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli tal-ksib ta’ l-għanijiet li ġejjin:

(a) effettività, effiċjenza u ekonomija fl-operazzjonijiet;

(b) rappurtar affidabbli;

(c) ħarsien ta’ l-assi u l-informazzjoni;

(d) prevenzjoni u identifikazzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet;

(e) kontroll adegwat tar-riskji li jirrigwardaw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, meta jitqies il-karattru multi-annwali tal-programmi u n-natura tal-ħlasijiet ikkonċernati.’;

12. L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

13. Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2. Għandha tiġi ppubblikata taqsira tal-baġit u tal-baġits ta' emenda, kif adottati finalment, fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tagħhom.’

14. Il-paragrafi 3 u 4 li ġejjin huma miżjuda:

‘3. Il-baġit u l-baġits ta' emenda, kif adottati finalment, għandhom jiġu trażmessi għall-informazzjoni lill-awtorità tal-baġit, lill-Qorti ta' l-Awdituri u lill-Kummissjoni, u għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit ta' l-internet ta' l-entità Komunitarja kkonċernata fi żmien xahrejn mill-adozzjoni tagħhom.

4. L-entità tal-Komunità għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni, b'mod xieraq, tagħrif dwar il-benefiċjarji ta' fondi li jirriżultaw mill-baġit tagħha. Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli filwaqt li jkunu debitament osservati r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà, partikolarment il-ħarsien tad- data personali kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*) ĠU L 8, 12.1.2001, p.1.’;

15. L-Artikolu 31(2)(c) qiegħed jitħassar.

16. L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

17. Fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kliem ‘A1, A2 u A3’ huma sostitwiti bil-kliem ‘AD 16, AD 15, AD 14 u AD 13’;

18. Fil-paragrafu 2, tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

‘Fejn membru ta’ l-istaff jitlob l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tal-perjodu mogħti, l-entità tal-Komunità għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tirrispetta l-limitu msemmi fil-paragrafu 1(b) malajr kemm jista’ jkun.’;

19. Fl-Artikolu 35, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

‘1. L-atturi finanzjarji kollha fit-tifsira tal-Kapitolu 2 ta' dan it-Titolu u kwalunkwe persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni, il-ġestjoni, il-verifika jew il-kontroll tal-baġit għandhom ikunu pprojbiti milli jieħdu kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni tal-baġit li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt ma' dawk ta' l-entità tal-Komunità. F'każ bħal dan, il-persuna kkonċernata għandha tastjeni milli tieħu tali miżuri u tirreferi l-każ lill-awtorità kompetenti.

2. Ikun hemm kunflitt ta' interessi jekk l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta' persuna msemmija fil-paragrafu 1 tkun kompromessa minħabba raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, interess ekonomiku jew kull interess ieħor maqsum bħal tal-benefiċjarju.

20. Fl-Artikolu 38(6), tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘Fejn hu possibbli, id- data personali fid-dokumenti ta’ prova għandha titħassar meta dik id- data ma tkunx neċessarja għar-rilaxx tal-baġit jew għal skopijiet ta’ kontroll u verifika. F'kull każ, rigward iż-żamma ta' traffic data , għandu japplika l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (KE) 45/2001.’;

21. Fl-Artikolu 39(3), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

‘Għall-fini tal-verifika ex ante , l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jqis serje ta’ tranżazzjonijiet individwali simili li jirrigwardaw infiq ta’ rutina fuq salarji, pensjonijiet, ħlas lura ta’ spejjeż ta’ missjonijiet u spejjeż mediċi bħala operazzjoni waħda.

Fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli, skond il-valutazzjoni tiegħu tar-riskju, għandu jwettaq verifika ex post xierqa skond il-paragrafu 4.’;

22. Fl-Artikolu 40, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

‘1. L-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni għandu jirrapporta lill-bord ta’ tmexxija dwar il-qadi ta’ dmirijietu fil-forma ta’ rapport ta’ attività annwali, flimkien ma’ l-informazzjoni finanzjarja u dik dwar il-ġestjoni li tikkonferma li l-informazzjoni fir-rapport tirrappreżenta veduta reali u ġusta għajr fejn ikun speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva relatata ma' oqsma ta' dħul u nfiq definiti.

Ir-rapport ta’ attività annwali għandu jindika r-riżultati ta' l-operazzjonijiet tiegħu b'riferenza għall-għanijiet stabbiliti, ir-riskji marbuta ma' dawn l-operazzjonijiet, l-użu li sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta' kontoll intern. L-awditur intern skond it-tifsira ta' l-Artikolu 71 għandu jqis ir-rapport ta' ħidma annwali u kwalunkwe informazzjoni oħra identifikata.’;

23. L-Artikolu 43 hu sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 43

1. Il-bord ta’ tmexxija għandu jaħtar uffiċjal tal-kontijiet, kopert bir-Regolamenti tal-Persunal, li fil-qadi ta’ dmirijietu l-funzjoni tiegħu għandha tkun waħda indipendenti. Fi ħdan l-entità Komunitarja huwa għandu jkun responsabbli minn:

(a) l-implimentazzjoni xierqa ta' pagamenti, ġbir ta' dħul u rkupru ta' ammonti stabbiliti bħala riċevibbli;

(b) il-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet skond it-Titolu VII;

(c) iż-żamma tal-kontijiet skond it-Titolu VII;

(d) l-implimentazzjoni, skond it-Titolu VII, tar-regoli u l-metodi ta’ kontabilità u tal-karta tal-kontijiet skond id-dispożizzjonijiet adottati mill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni;

(e) id-deċiżjoni li jiġu stabbiliti s-sistemi tal-kontabilità u l-validazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, sistemi ta' validazzjoni stabbiliti mill-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni maħsuba biex ifornu jew jiġġustifikaw l-informazzjoni dwar il-kontijiet;

(f) il-ġestjoni tat-teżor.

2. L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jikseb it-tagħrif kollu meħtieġ biex jipproduċi kontijiet li jagħtu stampa veru ta' l-assi ta' l-entità tal-Komunità u ta' l-implimentazzjoni tal-baġit, mingħand l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni, li min-naħa tiegħu għandu jiggarantixxi li dan it-tagħrif huwa affidabbli.

2a. Qabel l-adozzjoni tal-kontijiet mid-Direttur, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jiffirmahom u b'dan jiċċertifika li għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-entità Komunitarja.

Għal dan l-għan, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jkun sodisfatt li l-kontijiet tħejjew skond ir-regoli, il-metodi u s-sistemi ta' kontabilità stabbiliti u li d-dħul u l-infiq kollu jkun iddaħħal fil-kontijiet.

L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni għandu jgħaddi l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal tal-kontijiet ikollu bżonn biex ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu.

L-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni għandu jibqa' għal kollox responsabbli għall-użu xieraq tal-fondi li jkun jamministra u kif ukoll għal-legalità u r-regolarità ta' l-infiq taħt il-kontroll tiegħu.

2b. L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jingħata s-setgħa li jivverifika l-informazzjoni li jirċievi kif ukoll li jagħmel kull verifika oħra li jħoss li tkun meħtieġa biex ikun jista’ jiffirma l-kontijiet.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jagħmel ir-riżervi tiegħu, jekk ikun hemm bżonn, filwaqt li jfisser preċiżament in-natura u l-iskop ta’ dawn ir-riżervi.

2c. L-uffiċjal tal-kontijiet ta’ l-entità Komunitarja għandu japprova l-kontijiet annwali u jibgħathom lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni.

3. Bla ħsara għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 44, l-uffiċjal tal-kontijiet biss għandu l-poter tal-ġestjoni ta’ flus kontanti u l-ekwivalenti tagħhom. Hu għandu jkun responsabbli għaż-żamma fiż-żgur tagħhom.

4. Fit-twettiq ta’ dmirijietu, l-uffiċjal tal-kontijiet jista' jiddelega ċerti kompiti lil persunal ta' taħtu, bla ħsara għar-Regolamenti tal-Persunal, fejn dan ikun indispensabbli għall-qadi ta' dmirijietu.

5. L-istrument tad-delega għandu jippreskrivi l-kompiti fdati lill-persuni ddelegati u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

24. Fl-Artikolu 44, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘Ħlasijiet minn kontijiet ta’ flus akkont ( imprest ) jistgħu jsiru permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu bil-bank, inkluża s-sistema ta’ debitu dirett imsemmija fl-Artikolu 66 (1a), ċekk jew mezz ieħor ta’ ħlas, skond l-istruzzjonijiet stipulati mill-uffiċjal tal-kontijiet.’

25. Fit-Titolu IV, Kapitolu 3, it-titolu tas-Sezzjoni 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Sezzjoni 2Regoli applikabbli għall-uffiċjali ta’ l-awtorizzazzjoni u għall-uffiċjali ta’ l-awtorizzazzjoni b’delega jew subdelega

26. L-ARTIKOLU 47 HU SOSTITWIT B'DAN LI ġEJ:

‘Artikolu 47

1. L-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni għandu jkun soġġett għall-ħlas ta' kumpens kif stipulat fir-Regolamenti tal-Persunal.

1a. L-obbligu li jitħallas kumpens japplika b’mod partikolari jekk:

(a) l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni, jew b’mod intenzjonat jew minħabba traskuraġni serja min-naħa tiegħu, jiddetermina li għandhom jiġu rkuprati drittijiet jew joħroġ ordnijiet ta' rkupru, jikkommetti spiża jew jiffirma ordni ta' ħlas mingħajr ma jkun konformi ma' dan ir-Regolament u r-regoli ta’ l-implimentazzjoni tiegħu;

(b) l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni, jew b’mod intenzjonat jew minħabba traskuraġni serja min-naħa tiegħu, jonqos milli jħejji dokument li jistabbilixxi ammont riċevibbli, jonqos milli joħroġ ordni ta’ rkupru jew jittardja l-ħruġ ta’ tali ordni jew ta’ ordni għal ħlas, u b’hekk jesponi lill-entità Komunitarja għal azzjoni ċivili minn partijiet terzi.

2. Uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni b’delega jew subdelega li jqis li deċiżjoni li taqa' taħt ir-responsabbilta tiegħu hi irregolari jew tmur kontra l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda, għandu jgħarraf bil-miktub lill-awtorità li tkun iddelegatu. Jekk l-awtorità li tiddelega tagħti struzzjoni motivata bil-miktub lill-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni b’delega jew b’subdelega biex jimplimenta d-deċiżjoni kkonċernata, dan għandu jimplimentaha mingħajr ma jkun jista’ jinżamm responsabbli.

3. Fil-każ ta' delega, l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni għandu jibqa' responsabbli mill-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi interni ta’ ġestjoni u kontroll stabbiliti u għall-għażla ta’ l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni b'delega.

4. Il-panel speċjalizzat dwar l-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 66(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, għandu jeżerċita l-istess setgħat fir-rigward ta’ l-entità Komunitarja li jeżerċita fir-rigward ta' dipartimenti tal-Kummissjoni, sakemm il-bord ta' tmexxija ma jiddeċidix li jwaqqaf panel funzjonalment indipendenti, jew li jipparteċipa f'panel konġunt imwaqqaf minn diversi entitajiet Komunitarji.

Fuq il-bażi tal-fehma ta' dan il-panel, id-Direttur għandu jiddeċiedi jekk jibdiex il-proċeduri dixxiplinari jew proċeduri biex jitħallas kumpens. Jekk il-panel isib problemi sistemiċi, dan għandu jibgħat rapport bir-rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni u lill-awditur intern tal-Kummissjoni. Jekk il-fehma timplika lid-Direttur, il-panel għandu jibgħatha lill-bord ta' tmexxija u lill-awditur intern tal-Kummissjoni.

5. Kull membru tal-persunal jista' jintalab jagħmel tajjeb għad-dannu, kollu jew parti minnu, li tkun sofriet l-entità tal-Komunità minħabba mġiba serjament ħażina min-naħa tiegħu waqt il-qadi ta' dmirijietu jew f'konnessjoni mal-qadi ta' dmirijietu.

L-awtorità li taħtar għandha tieħu deċiżjoni motivata wara li tlesti l-formalitajiet preskritti mir-Regolamenti tal-Persunal rigward kwistjonijiet dixxiplinari’;

27. Fl-Artikolu 55(3), l-ewwel sub-paragrafu hu sostitwit b’dan li ġej:

‘3. Fejn l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli jkun qed jippjana li jirrinunzja jew li jirrinunzja parzjalment għall-irkupru ta' ammont riċevibbli stabbilit, huwa għandu jiżgura li r-rinunzja tkun skond ir-regoli u tkun tikkonforma mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzonalità.

28. Fl-Artikolu 58, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘(a) id-debitur jimpenja ruħu li jħallas interessi bir-rata speċifikata fl-Artikolu 86 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għall-perjodu addizzjonali kollu permess, li għandu jibda mid-data stipulata fin-nota ta’ debitu’;

29. Jiddaħħlu l-Artikoli 58a u 58b li ġejjin:

‘ Artikolu 58a

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jżomm lista ta' l-ammonti dovuti li għandhom jiġu rkuprati, li fiha l-intitolamenti tal-Komunità jkunu miġbura skond id-data tal-ħruġ ta’ l-ordni ta’ rkupru. Il-lista għandha tiżdied mar-rapport ta’ l-entità Komunitarja dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja.

L-entità Komunitarja għandha tistabbilixxi lista ta' l-intitolamenti ta' l-entità li tindika l-ismijiet tad-debituri u l-ammont tad-debitu, fejn id-debitur ikun ġie ordnat iħallas b'deċiżjoni tal-Qorti li jkollha s-saħħa ta' res judicata u fejn l-ebda ħlas, jew l-ebda ħlas sinifikanti, ma jkun sar fi żmien sena minn meta tkun ingħatat tali deċiżjoni. Il-lista għandha tiġi ppubblikata, filwaqt li tittieħed f'kunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni relevanti dwar il-ħarsien tad- data .

Artikolu 58b

L-intitolamenti ta' l-entità Komunitarja fir-rigward ta' partijiet terzi u l-intitolamenti ta' partijiet terzi fir-rigward ta' l-entità Komunitarja għandhom ikunu suġġetti għal terminu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.’;

30. L-Artikolu 59 hu sostitwit b'dan li ġej:

‘Artikolu 59

Fejn l-entità Komunitarja tiġbor drittijiet u spejjeż imsemmija fl-Artikolu 5(a), għandu japplika s-segwenti:

a) Fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja għandha ssir stima ġenerali proviżorja ta’ tali drittijiet u spejjeż.

b) Fejn id-drittijiet u l-ispejjeż huma ddeterminati kompletament permezz ta' leġiżlazzjoni jew deċiżjonijiet tal-bord ta' tmexxija, l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni jista' jastjeni milli joħriġ ordnijiet ta' rkupru u, wara li jkun stabbilixxa l-ammont riċevibbli, iħejji direttament noti ta’ debitu. F’dan il-każ, għandhom jiġu rreġistrati d-dettalji kollha ta' l-intitolament ta' l-entità Komunitarja.

ċ) Fejn l-entità Komunitarja tuża sistema ta’ fatturar separata, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jdaħħal is-somma akkumulata ta’ drittijiet u spejjeż riċevuti fil-kontijiet regolarment, u ta’ l-anqas kull xahar.

d) Bħala regola ġenerali, l-entità tal-Komunità għandha tipprovdi servizzi permezz tal-kompiti fdati lilha biss wara li jkun sar il-ħlas tad-dritt jew spiża korrispondenti kollu. Jekk, b'eċċezzjoni, ikun ingħata servizz mingħajr ma jkun sar il-ħlas minn qabel tad-dritt jew spiża, għandhom japplikaw is-Sezzjonijiet 3, 4 u 5 ta' dan il-Kapitolu.’;

31. L-Artikolu 62 hu sostitwit b'dan li ġej:

‘Artikolu 62

1. Għal kull miżura li tista’ tirriżulta f'nefqa li trid titħallas mil-baġit, l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jdaħħal impenn fil-baġit qabel ma jidħol f'obbligu legali ma' partijiet terzi.

2. L-impenji globali tal-baġit għandhom ikopru n-nefqa totali ta’ l-impenji legali individwali korrispondenti konklużi sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N+1.

Impenji legali individwali rigward impenji baġitarji individwali jew proviżorji għandhom ikunu konklużi sal-31 ta' Diċembru tas-sena N.

Fi tmiem il-perjodi msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu, il-bilanċ mhux użat ta' dawn l-impenji baġitarji għandhom ikunu dekomessi mill-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni responsabbli.

3. L-impenji legali meħuda għal azzjonijiet li jdumu aktar minn sena finanzjarja waħda u l-impenji baġitarji korrispondenti, ħlief fil-każ ta’ nfiq fuq il-persunal, għandu jkollhom data finali għall-implimentazzjoni li tkun stabbilita skond il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

Kull parti minn dawn l-impenji li ma tkunx twettqet sa sitt xhur wara dik id-data finali għandha tkun dekomessa skond l-Artikolu 11.

L-ammont ta’ impenn baġitarju li jikkorrispondi għal impenn legali li għalih ma jkun sar l-ebda ħlas fis-sens ta’ l-Artikolu 67 f’perjodu ta’ tliet snin wara li jiġi ffirmat l-impenn legali għandu jkun dekomess.’;

32. Fl-Artikolu 66, jidħol il-paragrafu 1a li ġej:

‘1a. Meta jsiru ħlasijiet perjodiċi għal servizzi mogħtija, inklużi servizzi ta’ kiri, jew oġġetti kkonsenjati, u soġġett għall-analiżi tiegħu tar-riskju, l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni jista' jordna l-applikazzjoni ta' sistema ta' debitu dirett.’;

33. Fl-Artiklu 72(1), il-punt (b) hu sostitwit b’dan li ġej:

‘(b) jivvaluta l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi interni ta’ kontroll u verifika applikabbli għal kull operazzjoni ta’ implimentazzjoni baġitarja.’;

34. L-Artikolu 74 hu sostitwit b'dan li ġej:

‘ Artikolu 74

1. Fir-rigward ta’ l-akkwisti pubbliċi, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju ġenerali u tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

2. L-entità Komunitarja tista’ titlob li tkun assoċjata, bħala awtorità kontraenti, fl-għoti ta’ kuntratti tal-Kummissjoni jew kuntratti interistituzzjonali u fl-għoti ta’ kuntratti ta’ entitajiet Komunitarji oħrajn.

3. L-entità Komunitarja tista’ tikkonkludi kuntratt, mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offferti, mal-Kummissjoni, l-uffiċċji interistituzzjonali u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-forniment ta’ prodotti, l-għoti ta’ servizzi jew l-eżekuzzjoni ta’ xogħol li jipprovdu dawn ta’ l-aħħar.

4. L-entità Komunitarja tista’ tapplika proċeduri ta’ akkwist pubbliku konġunti ma’ l-awtoritajiet kontraenti ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex tkopri ħtiġiet amministrattivi. F’dan il-każ, l-Artikolu 125c tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għandu japplika mutatis mutandis .’;

35. Jiddaħħal it-Titolu VA li ġej:

‘TITOLU VaESPERTI

Artikolu 74a

Fl-għażla ta’ esperti għandu japplika mutatis mutandis l-Artikolu 265a tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Tali esperti għandhom jitħallsu abbażi ta’ ammont fiss, għall-għajnuna li jagħtu lill-entità Komunitarja, b’mod partikolari fil-valutazzjoni ta' proposti u applikazzjonijiet għall-għotjiet jew offerti għal akkwisti pubbliċi, u għall-għoti ta’ għajnuna teknika matul il-ħidma sussegwenti u l-valutazzjoni finali tal-proġetti. L-entità Komunitarja tista’ tuża l-listi ta' esperti mħejjija mill-Kummissjoni jew minn entitajiet Komunitarji oħrajn.’;

36. Fl-Artikolu 76, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Il-kontijiet ta’ l-entità Komunitarja għandu jkollhom magħhom rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja matul is-sena, li jagħti rendikont, inter alia , tar-rata ta’ eżekuzzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta' approprjazzjonijiet fost id-diversi partiti tal-baġit.’;

37. L-Artikoli 82 u 83 huma sostitwiti b'dan li ġej:

‘ Artikolu 82

Sa mhux iktar tard mill-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara, l-uffiċjal tal-kontijiet irid jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri, flimkien mar-rapport fuq it-tmexxija tal-baġit u finanzjarja matul is-sena, msemmi fl-Artikolu 76(7) ta' dan ir-Regolament, biex l-uffiċjal tal-kontijiet ikun jista' jikkonsolida l-kontijiet kif previst fl-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 83

1. Skond l-Artikolu 129(1) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, il-Qorti ta' l-Awdituri, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju tas-sena ta’ wara, għandha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kontijiet proviżorji ta' kull entità Komunitarja.

2. Id-direttur, malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji ta' l-entità tal-Komunità, irid iħejji l-kontijiet finali ta' l-entità tal-Komunità skond l-Artikolu 43, b'responsabbilta tiegħu stess, u jibgħathom lill-bord ta’ tmexxija, li jagħti fehma fuq dawn il-kontijiet.

3. Id-Direttur għandu jibgħat il-kontijiet finali, flimkien mal-fehma tal-bord ta' tmexxija, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux iktar tard mill-1 Lulju tas-sena ta' wara.

4. Il-kontijiet finali ta' l-entità Komunitarja, ikkonsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni, għandhom ikunu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta' wara.

5. Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri risposta għall-osservazzjonijiet li tkun għamlet sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara. Fl-istess waqt, ir-risposti ta’ l-entità Komunitarja għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.’;

38. L-Artikolu 97 għandu jitħassar;

39. Fl-Artikolu 99, tiżdied is-sentenza li ġejja: ‘Id-Direttur għandu jgħaddi dawn ir-regoli lill-Kummissjoni bħala informazzjoni.’;

Artikolu 2

Hekk kif dan ir-Regolament jiħol fis-seħħ, kull entità msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandha temenda r-regolament finanzjarju tagħha mhux aktar tard minn [ sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ].

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kummissjoni

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 248, 16.9.2002, p.1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[2] ĠU L ...

[3] ĠU L ...

[4] ĠU L ….

[5] ĠU L 357, 31. 12.2002, p.72.

[6] ĠU L 314, 7.12.1994, p.1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1645/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 13).

Top