EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC0725

Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi, skond l-Artikolu 104(8), li l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qed tirriżulta inadegwata

/* SEK/2007/0725 finali */

52007SC0725

Rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi, skond l-Artikolu 104(8), li l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qed tirriżulta inadegwata /* SEK/2007/0725 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.5.2007

SEG(2007) 725 finali

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi, skond l-Artikolu 104(8), li l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qed tirriżulta inadegwata

(preżentata mill-Kummissjoni)

1. L-ISFOND

Abbażi tat-tbassir ekonomiku tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2004[1], li għall-2003 żvelaw defiċit ta’ 12.9% tal-PGD (5.9% tal-PGD li jeskludi operazzjoni kbira ta’ darba relatata ma’ garanziji li għalihom huwa responsabbli l-istat)[2], il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura tad-defiċit eċċessiv għar-Repubblika Ċeka b’rapport skond l-Artikolu 104(3)[3]. F’Mejju 2004, ir-Repubblika Ċeka ssottomettiet l-ewwel programm ta’ konverġenza tagħha, li jkopri l-perjodu 2004-2007, u, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta opinjoni dwaru fil-5 ta’ Lulju 2004[4]. Fl-istess waqt, il-Kunsill iddeċieda, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni f’konformità ma’ l-Artikolu 104(6), li r-Repubblika Ċeka kellha defiċit eċċessiv[5] u b’konsegwenza ta’ dan, skond l-Artikolu 104(7), ħareġ rakkomandazzjoni għall-awtoritajiet Ċeki għall-korrezzjoni ta’ dan, kif ukoll fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni[6]. F’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kunsill irrakkomanda lill-awtoritajiet Ċeki sabiex “ iġibu fi tmiemha s-sitwazzjoni preżenti tad-defiċit eċċessiv mill-aktar fis possibli ” u “ jieħdu azzjoni f’qafas ta’ tul ta’ żmien medju sabiex jilħqu l-għan tagħhom li jniżżlu d-defiċit taħt it-3% tal-PGD sa l-2008 b’mod kredibbli u sostenibbli, skond ir-rotta għat-tnaqqis tad-defiċit kif imniżżel fl-Opinjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 dwar il-programm ta’ konverġenza mressaq f’Mejju 2004 ” bil-miri annwali intermedji li ġejjin: 5.3% tal-PGD fl-2004, 4.7% tal-PGD fl-2005, 3.8% tal-PGD fl-2006 u 3.3% tal-PGD fl-2007.

L-awtoritajiet Ċeki kienu rakkomandati wkoll sabiex “ jimplimentaw rigorożament il-miżuri maħsuba fil-programm ta’ konverġenza ta’ Mejju 2004, b’mod partikolari tnaqqis fil-kont tal-pagi tal-gvern ċentrali u tnaqqis fl-infiq tal-ministeri individwali ”. Barra minn hekk, huma ġew mistiedna sabiex “ jallokaw dħul ogħla milli kien maħsub għat-tnaqqis tad-defiċit; jintroduċu miri fiskali bbażati fuq limiti tan-nefqa f’medda ta’ żmien medju u jfasslu regoli effettivi sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ dejn li dejjem jiżdied ta’ reġjuni u muniċipalitajiet; jagħtu bidu għar-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa sabiex titjieb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi; jimminimizzaw l-impatt baġitarju negattiv ta’ l-operat tal-Aġenzija tal-Konsolidazzjoni Ċeka. ”

Il-Kunsill stabbilixxa wkoll l-iskadenza tal-5 ta’ Novembru 2004 biex tittieħed azzjoni effettiva rigward il-miżuri maħsuba li jilħqu l-mira tad-defiċit 2005. Wara l-iskadenza tad-data ta’ l-għeluq, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, li r-Repubblika Ċeka kienet ħadet azzjoni effettiva rigward il-miżuri maħsuba li jilħqu l-mira tad-defiċit 2005 u b’hekk ma kienx hemm ħtieġa ta’ aktar passi skond il-PDE[7]. Fil-laqgħa tiegħu fit-18 ta’ Jannar 2005, il-Kunsill qabel ma’ din il-valutazzjoni.

2. IR-RAKKOMANDAZZJONI GħAL DEċIżJONI TAL-KUNSILL DWAR IN-NUQQAS TA’ AZZJONI ADEGWATA SKOND L-ARTIKOLU 104(8)

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(7) kienet tispeċifika li d-defiċit kellu jitniżżel taħt it-3% tal-PGD sa l-2008 iżda ma kienetx tinkludi mira kwantifikata għall-2008. Dan għaliex il-programm ta’ konverġenza ta’ Mejju 2004, li l-Kunsill għamel referenza għalih fir-rakkomandazzjoni tiegħu, kien ikopri l-perjodu sa l-2007. L-aġġornament ta’ Novembru 2005 tal-programm ta’ konverġenza, li estenda l-perjodu tal-programm sa l-2008, fassal mira tad-defiċit għall-2008 ta’ 2.7% tal-PGD. Fl-opinjoni tiegħu dwar dan il-programm, il-Kunsill innota li l-programm segwa r-rotta ta’ aġġustament tad-defiċit imfassal fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(7)[8]. Huwa stieden lir-Repubblika Ċeka sabiex “issaħħaħ, fil-kuntest tal-possibbiltà ta’ riżultat baġitarju aħjar fl-2005 kif ukoll riżultat u prospetti qawwija ta’ tkabbir, l-isforz fl-aġġustament baġitarju strutturali, meta jitqies il-marġini dejjaq taħt il-valur ta’ referenza mmirat għall-2008 (li hija d-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv) u sabiex titħaffef il-kisba ta’ l-MTO; (ii) ittejjeb il-kwalità ta’ l-ippjanar baġitarju, b’mod partikolari billi jiġu analizzati l-kawżi ta’ trasferimenti ’l quddiem sinifikanti tan-nefqa u tisħiħ tal-limiti tan-nefqa fuq tul ta’ żmien medju; (iii) ittejjeb is-sostenibbiltà fuq medda twila taż-żmien tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari billi tħaffef ir-riforma tal-pensjonijiet u tibda r-riforma tas-sistema tal-kura tas-saħħa.”

Fil-15 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika Ċeka ssottomettiet l-aktar aġġornament reċenti tal-programm ta’ konverġenza, għall-perjodu 2006-2009. Is-sottomissjoni ta’ l-aġġornament kien tard meta mqabbel ma’ l-iskadenza ta’ l-1 ta’ Diċembru minħabba s-sitwazzjoni politika tar-Repubblika Ċeka meta l-gvern kien ikkonfermat mill-parlament biss fid-19 ta’ Jannar 2007 wara l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Ġunju 2006. L-aġġornament ta’ Marzu 2007 tal-programm ta’ konverġenza kien fih dawn il-projezzjonijiet annwali tad-defiċit li ġejjin: 4.0% tal-PGD għall-2007, 3.5% tal-PGD għall-2008 u 3.2% tal-PGD għall-2009. Il-miri għad-defiċit għall-2007-2008 kienu l-istess bħal dawk li kien hemm fil-baġit għall-2007, li kien approvat mill-parlament fit-13 ta’ Diċembru 2006. Il-programm kien jinkludi wkoll “dikjarazzjoni tal-gvern il-ġdid” addizzjonali li timmira li tnaqqas id-defiċit ġenerali għal 3.2% tal-PGD fl-2008 u 2.8% tal-PGD fl-2009 abbażi ta' firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ politika li għad iridu jiġu finalizzati u approvati.

It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2007, li jipproġetta li d-defiċit se jilħaq 3.9% tal-PGD fl-2007 u, abbażi ta’ ebda tibdil fil-politika, 3.6% tal-PGD fl-2008, jikkonferma li, skond il-politiki kurrenti, il-miri maħsuba fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) għall-2007 (3.3% tal-PGD) u għall-2008 (taħt it-3% tal-PGD) m’humiex se jintlaħqu. F’termini strutturali (jiġifieri f’termini aġġustati għaċ-ċiklu bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji), id-defiċit għandu jitwessa’ b’1¼ punti perċentwali tal-PGD fl-2007, wara deterjorazzjonijiet kemm fl-2005 kif ukoll fl-2006.

B’hekk, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni essenzjalment jikkonferma l-projezzjonijiet tal-programm ta’ konverġenza, li huma inkonsistenti ma’ korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-iskadenza ta’ l-2008. Fir-rakkomandazzjoni tagħha għal opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament, adottat illum, il-Kummissjoni tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha tal-programm kif ġej : “minkejja l-prospetti ta’ tkabbir aħjar, u defiċit aktar baxx milli mistenni, fl-2006, il-programm jipposponi l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-2010, meta mqabbel ma’ l-iskadenza ta’ l-2008 stipulata fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Lulju 2004 skond l-Artikolu 104(7). Minħabba t-tkabbir sostnut, il-posponiment, li jirrifletti d-defiċit ogħla primarjament minħabba ż-żidiet ippjanati fin-nefqa soċjali fl-2007, jirriżulta wkoll f'qagħda fiskali espansiva pro-ċiklika.”

Fil-fatt, ir-riżultat ta’ nefqa akbar fil-baġit ta’ l-2007 kien li nqabeż il-qafas tan-nefqa fuq terminu medju li kien ġie stabbilit preċedentement. Id-defiċit ogħla ta' l-2007 jaħbat kontra t-tbassir ta’ tkabbir wisq aktar qawwi milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u huwa prinċipalment kawża taż-żidiet fl-infiq soċjali deċiż mill-parlament preċedenti u kkonfermat minn dakġdid fil-baġit adottat.. L-impatt ta’ din in-nefqa addizzjonali huwa stmat li huwa ’l fuq minn 1% tal-PGD fl-2007. Għandu jkun innutat ukoll li d-defiċit ogħla ta' l-2007 huwa proġettat li jseħħ fl-isfond tad-defiċits wisq aktar baxxi fis-snin preċedenti milli mistenni fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7): ir-riżultati tad-defiċit fl-2004-2006 kienu fil-medja aktar minn punt wieħed perċentwali tal-PGD aħjar milli previst fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill (għall-2004: riżultat tad-defiċit ta’ 2.9% tal-PGD kontra l-mira tal-Kunsill ta’ 5.3%; għall-2005: 3.6% tal-PGD meta mqabbel ma’ 4.7%; u għall-2006: 2.9% tal-PGD meta mqabbel ma’ 3.8% għall-2006). Dan kien kawżat primarjament minn tkabbir aħjar minn dak mistenni aktar milli minn tnaqqis li jdum fin-nefqa.

B’kollox, ibbażat fuq il-baġit għall-2007 u l-aħħar aġġornament tal-programm ta’ konverġenza, ir-Repubblika Ċeka tippjana li taqbeż il-mira għall-2007 (3.3% tal-PGD) stipulata mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skond l-Artikolu 104(7) u il-mira għall-2008 (2.7% tal-PGD) stipulata fil-programm ta' konverġenza ta' Novembru 2005 li kien approvat mill-Kunsill fl-24 ta' Jannar 2006. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2007 jipproġetta wkoll riżultati li jeċċedu l-miri approvati, għas-sentejn li huma. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet Ċeki hija inadegwata sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-iskadenza ta’ l-2008 kif mitlub mill-Kunsill. Minn meta kienet adottata r-rakkomandazzjoni ma seħħ l-ebda avveniment ekonomiku negattiv li ma kienx mistenni b’konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern kif imfisser fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 . Għall-kuntrarju, żviluppi fl-ekonomija rilevanti għall-finanzi pubbliċi kienu ħafna aktar favorevoli milli mistenni.

Tabella 1: Il-projezzjonijiet tad-defiċit u t-tbassir tat-tkabbir

Projezzjonijiet annwali tad-defiċit (% tal-PGD) | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni rebbiegħa 2007 | 2,9 | 3.6 | 2.9 | 3.9 | 3.6 | - |

Il-Programm ta’ Konverġenza Marzu 2007 | - | 3.6 | 3.5 | 4.0 | 3.5 | 3.2 |

Il-Programm ta’ Konverġenza Marzu 2007 (miri alternattivi tad-defiċit fid-dikjarazzjoni mill-gvern il-ġdid) | - | 3.6 | 3.5 | 4.0 | 3.2 | 2.8 |

Il-Programm ta’ Konverġenza Novembru 2005 | 3.0 | 3.6 | 3.5 | 3.3 | 2.7 | - |

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Lulju 2004 | 5.3 | 4.7 | 3.8 | 3.3 | < 3 | - |

It-tbassir tat-tkabbir tal-PGD (% y-o-y) | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni rebbiegħa 2007 | 4.2 | 6.1 | 6.1 | 4.9 | 4.9 | - |

Il-Programm ta’ Konverġenza Marzu 2007 | - | 6.0 | 6.0 | 4.9 | 4.8 | 4.8 |

Il-Programm ta’ Konverġenza Novembru 2005 | 4.4 | 4.8 | 4.4 | 4.2 | 4.3 | - |

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Lulju 2004 | 2.8 | 3.1 | 3.3 | 3.5 | - | - |

Tabella 2: It-tqabbil tal-projezzjonijiet ewlenin makro-ekonomiċi u baġitarji

2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Il-PGD reali (tibdil %) | CP Marzu 2007 | 6.1 | 6.0 | 4.9 | 4.8 | 4.8 |

COM Mejju 2007 | 6.1 | 6.1 | 4.9 | 4.9 | n.a. |

CP Novembru 2005 | 4.8 | 4.4 | 4.2 | 4.3 | n.a. |

L-inflazzjoni ta' l-HICP (%) | CP Marzu 2007 | 1.6 | 2.4 | 2.6 | 2.5 | 2.5 |

COM Mejju 2007 | 1.6 | 2.1 | 2.4 | 2.9 | n.a. |

CP Novembru 2005 | 1.5 | 2.2 | 2.0 | 2.1 | n.a. |

Id-differenza fir-riżultat (% tal-PGD potenzjali) | CP Marzu 20071 | -0.7 | 0.9 | 1.1 | 1.0 | 1.0 |

COM Mejju 20073 | -1.1 | 0.4 | 0.5 | 0.5 | n.a. |

CP Novembru 20051 | -0.8 | -0.1 | 0.3 | 0.8 | n.a. |

Il-bilanċ ġenerali tal-gvern (% tal-PGD) | CP Marzu 20076 | -3.6 | -3.5 | -4.0 | -3.5 | -3.2 |

COM Mejju 2007 | -3.5 | -2.9 | -3.9 | -3.6 | n.a. |

CP Novembru 2005 | -4.8 | -3.8 | -3.3 | -2.7 | n.a. |

Il-bilanċ primarju (% tal-PGD) | CP Marzu 2007 | -2.5 | -2.4 | -2.6 | -2.0 | -1.6 |

COM Mejju 2007 | -2.4 | -1.8 | -2.8 | -2.6 | n.a. |

CP Novembru 2005 | -4.1 | -3.0 | -2.4 | -1.7 | n.a. |

Il-bilanċ aġġustat ċiklikament (% tal-PGD) | CP Marzu 20071 | -3.4 | -3.9 | -4.4 | -3.9 | -3.5 |

COM Mejju 2007 | -3.1 | -3.1 | -4.1 | -3.8 | n.a. |

CP Novembru 20051 | -4.5 | -3.8 | -3.4 | -3.0 | n.a. |

Il-bilanċ strutturali2 (% tal-PGD) | CP Marzu 2007 | -3.4 | -3.9 | -4.4 | -3.9 | -3.5 |

COM Mejju 20074 | -2.0 | -2.8 | -4.1 | -3.8 | n.a. |

CP Novembru 20055 | -3.4 | -3.8 | -3.4 | -3.0 | n.a. |

Id-dejn gross tal-gvern (% tal-PGD) | CP Marzu 2007 | 30.4 | 30.6 | 30.5 | 31.3 | 32.2 |

COM Mejju 2007 | 30.4 | 30.4 | 30.6 | 30.9 | n.a. |

CP Novembru 2005 | 37.4 | 37.1 | 37.9 | 37.8 | n.a. |

Noti: |

1Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni abbażi ta' l-informazzjoni fil-programm |

2Il-bilanċ aġġustat ċiklikament (bħal fil-fillieri preċedenti) lijeskludi miżuri ta' darba jew oħrajn temporanji.. |

3Abbażi ta' l-istima dwar it-tkabbir potenzali ta' 4.2%, 4.6%, 4.8% u 4.9% rispettivament fil-perjodu 2005-2008. |

4 Miżuri ta' darba u oħrajn temporanji meħuda mit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2007 |

(1.1% tal-PGD fl-2005 u 0.2% tal-PGD fl-2006 – it-tnejn jgħollu d-defiċit) |

5 Miżuri ta' darba u oħrajn temporanji meħuda mill-programm CP 2005 |

(1.1% tal-PGD fl-2005 – jgħolli d-defiċit) |

6Miri alternattivi ta' defiċit abbażi ta' miżuri tal-Gvern ġdid Ċek li għadhom |

ma ġewx approvati: 3.2% tal-PGD fl-2008, 2.8% tal-PGD fl-2009 |

Sors: |

Programm ta' konverġenza (CP);it-tbassir ekonomiku tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2007(COM); Kalkolu tas-servizzi tal-Kummissjoni |

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi, skond l-Artikolu 104(8), li l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qed tirriżulta inadegwata

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

1. Skond l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessiv tal-gvern.

2. Il-Patt ta’l-Istabbiltà u tat-Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà fil-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien ta’ l-impjiegi. Il-Patt ta’l-Istabbiltà u tat-Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 r dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv (PDE)[9] li kienet adottata sabiex tgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-gvern ċentrali.

3. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/185/KE[10] tal-5 ta’ Lulju 2004, kien deċiż, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka.

4. Fil-5 ta’ Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, bażat fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet Ċeki bil-ħsieb li jwaqqfu d-defiċit eċċessiv kemm jista’ jkun malajr billi jieħdu azzjoni f’qafas ta’ terminu medju sabiex jilħqu l-għan tagħhom li d-defiċit jinġieb taħt 3% tal-PGD sa l-2008 b’mod kredibbli u sostenibbli skond ir-rotta għat-tnaqqis tad-defiċit kif speċifikat fil-programm ta’ konverġenza sottomess mill-awtoritajiet f’Mejju 2004 u approvat fl-Opinjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004[11], b’dawn il-miri intermedji annwali li ġejjin: 5.3% tal-PGD fl-2004, 4.7% tal-PGD fl-2005, 3.8% tal-PGD fl-2006, 3.3% tal-PGD fl-2007. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tal-5 ta’ Novembru 2004 sabiex tittieħed azzjoni effettiva "rigward il-miżuri maħsuba sabiex jilħqu l-mira tad-defiċit 2005". Ir-Repubblika Ċeka qablet li tagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika.

5. Wara li għalaq iż-żmien ta’ l-iskadenza tal-5 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004 [12], li ma kienx hemm ħtieġa ta’ aktar passi għar-Repubblika Ċeka skond il-proċedura tad-defiċit eċċessiv peress li l-gvern Ċek kien ħa azzjoni effettiva rigward il-miżuri previsti biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit għall-2005. L-aġġornament tal-programm ta’ konverġenza ta’ Novembru 2005 kien jindika defiċit ta’ 2.7% tal-PGD għall-2008 li kien approvat mill-Kunsill fl-24 ta’ Jannar 2006.

6. Il-valutazzjoni ta’ l-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-2008 b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) twassal għal dawn il-konklużjonijiet:

7. fil-15 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika Ċeka ssottomettiet l-aktar aġġornament riċenti tal-programm ta’ konverġenza, li jkopri l-perjodu sa l-2009. Il-programm kien jinkludi dawn il-projezzjonijiet annwali tad-defiċit li ġejjin: 4.0% tal-PGD għall-2007, 3.5% tal-PGD għall-2008 u 3.2% tal-PGD għall-2009. Il-programm kien jinkludi wkoll “dikjarazzjoni tal-gvern il-ġdid” addizzjonali li timmira li tnaqqas id-defiċit ġenerali għal 3.2% tal-PGD fl-2008 u 2.8% tal-PGD fl-2009 ibbażati fuq firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ politika li għadhom mhux magħrufa.

8. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2007, li jipproġetta li d-defiċit se jilħaq 3.9% tal-PGD u 3.6% tal-PGD fl-2007 u fl-2008 rispettivament fuq il-bażi ta’ ebda tibdil fil-politika, jikkonferma li, skond il-politiki kurrenti, il-miri mfassla fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) għall-2007 (3.3% tal-PGD) u għall-2008 (taħt it-3% tal-PGD) m’humiex se jintlaħqu. F’termini strutturali (jiġifieri f’termini aġġustati għaċ-ċiklu bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji), id-defiċit għandu jitwessa’ b’1¼ punti perċentwali tal-PGD fl-2007, wara deterjorazzjonijiet kemm fl-2005 kif ukoll fl-2006.

9. Id-defiċit ogħla ta' l-2007 jaħbat kontra t-tkabbir wisq aktar b'saħħtu milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u huwa prinċipalment kawża taż-żidiet fl-infiq soċjali deċiżi qabel l-elezzjonijiet parlamentari ta’ l-2006. Id-defiċit ogħla ta' l-2007 huwa proġettat li jseħħ fl-isfond tad-defiċits wisq aktar baxxi fis-snin preċedenti milli mistenni fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan kien ikkawżat prinċipalment minn tkabbir aħjar minn dak mistenni aktar milli tnaqqis li jdum fin-nefqa.

10. Dan iwassal għall-konklużjoni li, filwaqt li r-Repubblika Ċeka s’issa qabżet il-miri baġitarji għall-2004-2006 tar-rotta ta’ konsolidazzjoni kif ippjanat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004, id-defiċit għall-2007 se jkun ’il fuq sew mill-mira ppjanata mill-Kunsill u d-defiċit ta’ l-2008 skond il-politiki kurrenti, se jeċċedi b’mod ċar il-livell ta’ 3% tal-PGD. Il-miri baġitarji ta’ l-awtoritajiet Ċeki m’humiex skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa l-iskadenza ta’ l-2008. Minn meta kienet adottata r-rakkomandazzjoni ma seħħ l-ebda avveniment ekonomiku negattiv li ma kienx mistenni b’konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern kif imfisser fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Għall-kuntrarju, żviluppi fl-ekonomija rilevanti għall-finanzi pubbliċi kienu ħafna aktar favorevoli milli mistenni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 skond l-Artikolu 104(7) tat-trattat tirriżulta inadegwata biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sad-data ta’ skadenza ffissata mir-Rakkomandazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Il-previżjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2004 ikkunsidraw d- data rrappurtata mir-Repubblika Ċeka f’Marzu 2004.

[2] Sadanittant, iċ-ċifra tad-defiċit għall-2003 ġiet riveduta, skond il-proċeduri tas-soltu. Bħalissa hija ta’ 6.6% tal-PGD.

[3] SEG(2004) 575.

[4] ĠU C 320, 24.12.2004, p. 1.

[5] ĠU L 62, 9.3.2005, p. 20.

[6] Ara http://register.consilium.eu.int/pdf/en/04/st11/st11215.en04.pdf.

[7] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill: L-azzjoni meħuda minn Ċipru, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-proċedura tad-defiċit eċċessiv, ,SEG(2004) 1630, 22.12.2004.

[8] ĠU C 55, 7.3.2006, p. 5.

[9] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

[10] ĠU L 62, 9.3.2005, p. 20.

[11] ĠU C 320, 24.12.2004, p. 1.

[12] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill: L-azzjoni meħuda mir-Repubblika Ċeka, Ċipru, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skond il-proċedura tad-defiċit eċċessiv, SEG(2004) 1630, 22.12.2004.

Top