EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0793

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li nħoloq mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li stabbilixxa assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta' Israel, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali

/* KUMM/2007/0793 finali */

52007PC0793

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li nħoloq mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li stabbilixxa assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta' Israel, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali /* KUMM/2007/0793 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.12.2007

KUMM(2007) 793 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li nħoloq mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li stabbilixxa assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta' Israel, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha L-Artikolu 65 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra[1], jistipula li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu b'deċiżjoni jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa sabiex jimplimenta l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 64 ta' dan il-Ftehim. |

120 | Il-kuntest ġenerali Fil-livell Komunitarju, is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri huma kkoordinati mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71[2] u r-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu (KEE) Nru 574/72[3]. L-Artikolu 64 tal-Ftehim ma’ Iżrael fih dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri u ta’ Iżrael. Hija meħtieġa Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ. Għadd ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni oħrajn ma’ pajjiżi terzi fihom dispożizzjonijiet simili għall-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ proposti li jinkludu proposti simili fir-rigward tal-Ftehimiet mal-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Deċiżjoni tal-Kunsill hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità f’dan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003[4] jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Dan ir-Regolament diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni meħtieġa minn ħaddiema Iżraeljani f’bosta Stati Membri fir-rigward tad-drittijiet għal ċerti benefiċċji, kif stipulat fl-Artikolu 64 (1), l-ewwel inċiż, tal-Ftehim ma’ Iżrael. Madankollu, minħabba li r-Regolament (KE) Nru 859/2003 huwa msejjes fuq it-Titolu IV tat-Trattat, id-Danimarka mhix marbuta bi jew soġġetta għal dan ir-Regolament, f’konformità ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Dan japplika biss għar-Renju Unit u l-Irlanda, minħabba li, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iż-żewġ Stati Membri ħabbru li xtaqu jipparteċipaw fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 859/2003. |

141 | Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħrajn ta' l-Unjoni Fl-2004 l-UE nediet il-Politika Ewropea tal-Viċinat, li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ sittax-il pajjiż li għandhom il-fruntiera ma’ l-Unjoni, inkluż l-Iżrael, bil-għan li jiġu evitati linji ta’ diviżjoni ġodda fl-Ewropa, u sabiex ikunu promossi l-paċi, l-istabbilità u l-prosperità. Fil-kuntest ta’ din il-politika, fil-11 ta’ April 2005, l-Unjoni Ewropea u Iżrael adottaw Pjan ta’ Azzjoni permezz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jistipula għanijiet li dwarhom kien hemm qbil reċiproku għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika tul perjodu ta’ tliet snin. L-għan 2.3.3 ta’ dan il-Pjan ta' Azzjoni jisħaq li l-partijiet se jistinkaw sabiex jieħdu deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 65 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Din il-proposta se għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Iżrael kif ukoll għall-kisba ta' l-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. |

KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSAT U L-ISTIMA TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

211 | Metodi ta’ konsultazzjoni, oqsma prinċipali mmirati u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu Il-fatturi ewlenin ta’ din il-proposta ġew diskussi mad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri fil-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għal Ħaddiema Migranti, korp stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71. Id-delegazzjonijiet kellhom ukoll l-opportunità li jibagħtu kummenti dwar dan is-suġġett. |

212 | Taqsira tat-tweġibiet u kif ġew meqjusa Bosta mill-kummenti ta’ l-Istati Membri kienu ta’ natural ġenerali ħafna. Uħud minnhom, bħal dawk li jirreferu għall-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet fuq kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi, ġew meqjusa f’din il-proposta. Kwistjonijiet oħrajn, b'mod partikolari dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ta' multi amministrattivi, ma ġewx meqjusa xierqa għall-inklużjoni f'din il-proposta minħabba li jaqgħu barra l-ambitu ta' l-Artikolu 64 tal-Ftehim ma' Iżrael. |

Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

229 | Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert. |

230 | Stima ta’ l-impatt L-Artikolu 64 tal-Ftehim ma’ Iżrael fih dispożizzjonijiet dwar koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi ta' sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri u ta’ Iżrael. Għadd ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni oħrajn ma' pajjiżi terzi fihom dispożizzjonijiet simili dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. Kollha kemm huma jeħtieġu Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rilevanti biex dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali huwa li ħaddiem mill-pajjiż assoċjat ikkonċernat jista' jirċievi ċerti benefiċċji ta’ sigurtà soċjali pprovduti taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat(i) Membru/i li kien jew huwa soġġett għalih/hom. Dan japplika wkoll, fuq bażi ta’ reċiproċità, għal ċittadin ta’ l-UE li jaħdem fil-pajjiż assoċjat. Minħabba li d-dispożizzjonijiet kollha fil-proposti inklużi fil-pakkett ta’ proposti attwali fir-rigward ta’ sitt pajjiżi assoċjati (il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kroazja u Iżrael) huma kważi identiċi, dan se jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri. Jista’ jkun hemm xi implikazzjonijiet finanzjarji għall-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali nazzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn il-proposti, minħabba li dawn iridu jipprovdu, pereżempju, il-benefiċċji kif deskritt fl-Artikolu 64 tal-Ftehim ma’ Iżrael. Madankollu, dan l-Artikolu jikkonċerna biss persuni li qed jikkontribwixxu jew kienu jikkontribwixxu għas-sistema ta' sigurtà soċjali nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Fi kwalunkwe każ, jista’ jkun diffiċli li f’dan l-istadju jiġi mkejjel l-impatt preċiż ta’ dawn il-proposti fuq is-sistemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

305 | Taqsira ta’ l-azzjoni proposta Din il-proposta tikkonsisti f’Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ma’ Iżrael u, fl-Anness, Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta' l-Artikolu 65 tal-Ftehim ma' Iżrael għal Deċiżjoni tali, sabiex jiġu implimentati l-prinċipji ta' sigurtà soċjali ta’ l-Artikolu 64. Għalhekk id-Deċiżjoni fiha dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' dawk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 64 tal-Ftehim ma' Iżrael li għad mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 859/2003. Dan jikkonċerna b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-Danimarka dwar l-aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni li jiksbu ħaddiema Iżraeljani f’bosta Stati Membri, l-esportazzjoni ta’ ċerti benefiċċji għal Iżrael kif ukoll l-għoti ta' benefiċċji għall-familja lil ħaddiema Iżraeljani għall-membri tal-familja tagħhom li qegħdin fl-istess Stat Membru tal-ħaddiem ikkonċernat b'mod legali. B’żieda ma’ dan, id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar l-esportazzjoni ta’ benefiċċji u l-għoti ta’ benefiċċji għall-familja japplikaw ukoll, fuq bażi ta’ reċiproċità, għal ħaddiema ta' l-UE impjegati b'mod legali f'Iżrael u għall-membri tal-familja tagħhom li qegħdin f'Iżrael b'mod legali. |

310 | Bażi ġuridika L-Artikolu 310 tat-Trattat flimkien ma' l-Artikolu 300 (2), l-ewwel sottoparagrafu, l-aħħar sentenza, u t-tieni sottoparagrafu tiegħu. |

329 | Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

331 | L-Istati Membri għad għandhom il-kompetenza esklussiva fid-determinazzjoni, l-organizzazzjoni u l-iffinanzjar tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali tagħhom. Il-proposta tiffaċilita biss il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri u ta’ Iżrael, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, il-proposta ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ sigurtà soċjali bilaterali milħuqa bejn l-Istati Membri u Iżrael fejn dan ta' l-aħħar jipprevedi trattament aktar favorevoli għall-persuni kkonċernati. |

332 | Il-proposta tnaqqas il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali, minħabba li hija parti minn pakkett ta' proposti simili li jiżgura applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta' sigurtà soċjali li jinsabu fi Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma’ pajjiżi terzi. |

Għażla ta’ strumenti |

341 | Strumenti proposti: Deċiżjoni tal-Kunsill (li fl-Anness fiha Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni). |

342 | Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba r-raġunijiet li ġejjin. Ma hemm l-ebda għażla alternattiva għall-azzjoni proposta. L-Artikolu 65 tal-Ftehim jitlob Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettiv. L-Artikolu 300 (2) tat-Trattat jipprevedi Deċiżjoni tal-Kunsill għall-għan tat-teħid tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem il-Komunità f’korp stabbilit minn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fejn dan il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effett legali. |

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

409 | Il-proposta m’għandiex implikazzjonijiet għall-baġit Komunitarju. |

TAGħRIF ADDIZZJONALI |

510 | Simplifikazzjoni |

511 | Il-proposta tipprevedi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għal awtoritajiet pubbliċi (UE jew nazzjonali), u s-simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi għal partijiet privati. |

513 | Id-dispożizzjonijiet fil-proposta li għandhom x'jaqsmu mal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali għal ċittadini Iżraeljani huma kważi identiċi għal dawn għal ċittadini tal-pajjiżi assoċjati oħrajn. Dan se jwassal għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u anqas piżijiet amministrattivi għall-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali nazzjonali. |

514 | Il-persuni li jaqgħu taħt il-proposta mhumiex ikkonfrontati b’dispożizzjonijiet nazzjonali differenti fir-rigward tal-prinċipji ta’ sigurtà soċjali ta’ l-Artikolu 64 tal-Ftehim ma’ Iżrael, u għalhekk jistgħu minflok jiddependu fuq dispożizzjonijiet uniformi fil-Komunità. |

570 | Spjegazzjoni fid-dettall tal-proposta A. Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ma' Iżrael fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali. Artikolu 1 Dan l-Artikolu jiċċara r-relazzjoni legali bejn din id-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-Deċiżjoni annessa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. B. Deċiżjoni annessa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ma' Iżrael. Parti I: Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1 Dan l-Artikolu jfisser, għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u għall-għan tal-leġiżlazzjoni ta’ Iżrael, it-termini “Ftehim”, “Regolament”, “Regolament ta’ implimentazzjoni”, “Stat Membru”, “ħaddiem”, “membru tal-familja”, “leġiżlazzjoni”, “benefiċċji”, u “benefiċċji għall-familja", u jirreferi għar-Regolament u r-Regolament ta' implimentazzjoni għat-termini l-oħra użati fid-Deċiżjoni annessa. Artikolu 2 F’konformità mal-kitba ta' l-Artikolu 64 tal-Ftehim ma' Iżrael, dan l-Artikolu jfisser il-persuni koperti mid-Deċiżjoni annessa. Parti II Relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Iżrael Din il-Parti tad-Deċiżjoni annessa tkopri l-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 64 (1), it-tieni u t-tielet inċiż, tal-Ftehim ma’ Iżrael kif ukoll il-klawżola ta’ reċiproċità fir-rigward ta' ċittadini ta' l-UE u l-membri tal-familja tagħhom, kif previst fl-aħħar paragrafu ta' dan l-Artikolu. Artikolu 3 Dan l-Artikolu jelenka l-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 64 (1), it-tieni u t-tielet inċiż, tal-Ftehim ma’ Iżrael li għalihom tapplika l-Parti II tad-Deċiżjoni annessa. Artikolu 4 Dan l-Artikolu fih il-prinċipju ta’ l-esportazzjoni ta’ benefiċċji ta’ flus kif previsti bl-Artikolu 64 (1), it-tieni inċiż, tal-Ftehim ma’ Iżrael u jagħmilha ċara li dan il-prinċipju huwa limitat għall-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 1 (h) tad-Deċiżjoni annessa li telenka l-benefiċċji msemmija f’dan l-inċiż. Artikolu 5 Dan l-Artikolu jispeċifika liema persuni koperti minn din il-proposta huma intitolati għal benefiċċji għall-familja f'isem l-istat kompetenti. F’dan l-Artikolu joħroġ biċ-ċar li, f’konformità ma’ l-Artikolu 64 tal-Ftehim ma’ Iżrael, ma hemm l-ebda drittijiet għal benefiċċji għall-familja għal membri tal-familja ta' ħaddiema Iżraeljani, jekk dawn il-membri tal-familja joqgħodu barra mit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea. Parti III L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' sigurtà soċjali fir-rigward tad-Danimarka. Artikolu 6 Ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni meħtieġa minn ħaddiem Iżraeljan fil-Komunità fir-rigward tad-drittijiet għal ċerti benefiċċji, kif stipulat fl-Artikolu 64 (1), l-ewwel inċiż, tal-Ftehim ma’ Iżrael. Minkejja dan, minħabba li dan ir-Regolament huwa msejjes fuq it-Titolu IV tat-Trattat, skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhux marbut bih jew soġġett għalih. Dan l-Artikolu għalhekk jiċċara li d-Danimarka għandha tuża d-dispożizzjonijiet rilevanti għar-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u Nru 574/72 sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ hawn fuq. Parti IV Dispożizzjonijiet mixxellanji Artikolu 7 Dan l-Artikolu fih dispożizzjonijiet ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom, min-naħa, u Iżrael u l-istituzzjonijiet tiegħu, min-naħa l-oħra, kif ukoll bejn il-benefiċjarji u l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għal dawk ta’ l-Artikolu 84 (1), (2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u l-Artikolu 76 (3), (4), l-ewwel u t-tielet sottoparagrafi, u (5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Artikolu 8 Dan l-Artikolu jistipula l-proċeduri għal kontrolli amministrattivi u l-eżamijiet mediċi simili għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 51 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72. B’żieda ma’ dan, jipprevedi għall-possibbiltà ta’ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni oħrajn f’dan il-qasam. Artikolu 9 Dan l-Artikolu jirreferi għall-Anness II tad-Deċiżjoni annessa li huwa simili għall-Anness VI tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u l-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u li huwa meħtieġ sabiex jiġu stipulati d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Iżraeljana fir-rigward tad-Deċiżjoni annessa. Artikolu 10 Kif previst fl-Artikolu 64 tal-Ftehim ma’ Iżrael, dan l-Artikolu jispeċifika li d-dispożizzjonijiet ta' Ftehimiet bilaterali li jipprevedu għal trattament aktar favorevoli jibqgħu fis-seħħ. Artikolu 11 Dan l-Artikolu jipprevedi għall-possibbiltà li jiġu konklużi Ftehimiet amministrattivi supplimentari. Artikolu 12 Id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti f'dan l-Artikolu jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta' l-Artikolu 94 (1), (3), (4), (6) u (7) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 kif ukoll għall-Artikolu simili 87 (1), (3), (4), (6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Artikolu 13 Dan l-Artikolu jiċċara l-istat legali ta’ l-Annessi tad-Deċiżjoni annessa u l-proċedura għall-emenda tagħhom. Artikolu 14 Dan l-Artikolu fih proċedura sabiex ikun żgurat li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni annessa. Artikolu 15 Dan l-Artikolu jiċċara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni annessa. |

E-11229 |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li nħoloq mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li stabbilixxa assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta' Israel, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 310, flimkien ma’ l-Artikolu 300 (2), l-ewwel sottoparagrafu, l-aħħar sentenza, u t-tieni sottoparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[5],

Billi:

2. L-Artikolu 65 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta’ Israel, min-naħa l-oħra, jistipula li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu b'deċiżjoni jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa sabiex jimplimenta l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 64,

3. L-għan 2.3.3, l-ewwel inċiż, tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Iżrael adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-11 ta' April 2005 isejjaħ għall-adozzjoni mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ta’ deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 65 tal-Ftehim imsemmi.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li nħoloq mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li stabbilixxa assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta' Israel, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandha tissejjes fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni annessa f'din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

ASSOĊJAZZJONI BEJN

L-UNJONI EWROPEA

U L-ISTAT TA’ IŻRAEL

- Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni -

DEĊIŻJONI Nru .../…. TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI

maħluqa mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra,

ta’ ...

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

Billi

4. L-Artikolu 64 tal-Ftehim imsemmi jipprevedi għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ Iżrael u l-Istati Membri u jistipula l-prinċipji għal koordinazzjoni tali.

5. L-Artikolu 65 tal-Ftehim imsemmi jipprevedi wkoll li Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha timplimenta d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 64.

6. L-għan 2.3.3, l-ewwel inċiż, tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Iżrael adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-11 ta' April 2005 isejjaħ għall-adozzjoni mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ta’ deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 65 tal-Ftehim imsemmi.

7. Bl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, d-dritt tal-ħaddiema Iżraeljani għal benefiċċji għall-familja huwa soġġett għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom joqgħodu legalment mal-ħaddiem ikkonċernat fl-Istat Membru fejn il-ħaddiem huwa impjegat. Id-Deċiżjoni ma tagħti l-ebda dritt għal benefiċċji għall-familja fir-rigward ta' membri tal-familja tagħha li joqgħodu fi stat ieħor, pereżempju f’Iżrael.

8. Attwalment, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq it-Titolu IV tat-Trattat. F’konformità ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għalih. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tad-Danimarka dwar dawk il-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 64 tal-Ftehim imsemmi, li huma diġà koperti minn dan ir-Regolament.

9. Jista’ jkun meħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkorrispondu għall-karratteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Iżraeljana, sabiex tkun faċilitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni.

10. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn Ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u Iżrael li huma ta’ vantaġġ f’termini ta’ sigurtà soċjali.

11. Sabiex ikun żgurat it-tħaddim bla xkiel tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri u Iżrael, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u Iżrael kif ukoll bejn il-persuni kkonċernati u l-istituzzjoni ta' l-istat kompetenti.

12. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jiġu adottati sabiex iħarsu l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni u sabiex ikun żgurat li ma jitilfux drittijiet b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tagħha,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Tifsiriet

1. Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a) “Ftehim” tfisser il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Istat ta’ Iżrael, fuq in-naħa l-oħra;

(b) “Regolament” tfisser ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità kif huma applikati fl-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej;

(c) “Regolament ta’ implimentazzjoni” tfisser ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jistipula l-proċedura għar-Regolament ta’ implimentazzjoni (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità;

(d) "Stat Membru" tfisser Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej;

(e) “ħaddiem” tfisser,

(i) għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, persuna impjegata fit-tifsira ta' l-Artikolu 1 (a) tar-Regolament;

(ii) għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Iżrael, persuna impjegata fit-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

(f) “membru tal-familja” tfisser,

(i) għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, membru tal-familja fit-tifsira ta' l-Artikolu 1 (f) tar-Regolament;

(ii) għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Iżrael, membru tal-familja fit-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

(g) “leġiżlazzjoni” tfisser,

(i) fir-rigward ta’ l-Istati Membri, leġiżlazzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 (j) tar-Regolament;

(ii) fir-rigward ta’ Iżrael, il-leġiżlazzjoni rilevanti li tapplika f’Iżrael li għandha x’taqsam ma’ l-oqsma ta’ sigurtà soċjali dwar pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti, benefiċċji fir-rigward ta’ inċidenti fuq ix-xogħol u mard professjonali, jew fir-rigward ta’ l-invalidità, u benefiċċji għall-familja;

(h) “benefiċċji” tfisser,

(i) fir-rigward ta’ l-Istati Membri:

- pensjonijiet tax-xjuħija u tas-superstiti,

- benefiċċji fir-rigward ta’ inċidenti fuq ix-xogħol u mard professjonali, jew

- benefiċċji għall-invalidità,

fit-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali ta’ flus mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness IIa tar-Regolament;

(ii) fir-rigward ta’ Iżrael, il-benefiċċji korrispondenti pprovduti taħt il-leġiżlazzjoni Iżraeljana, bl-eċċezzjoni ta' benefiċċji speċjali ta' flus mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni;

(i) “benefiċċji għall-familja” tfisser,

(i) fir-rigward ta’ l-Istati Membri, benefiċċji għall-familja fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 (u) (i) tar-Regolament;

(ii) fir-rigward ta' Iżrael, benefiċċji għall-familja fit-tifsira ta' dik il-leġiżlazzjoni.

2. Termini oħrajn użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira assenjata lilhom fir-Regolament u r-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 2

Persuni koperti

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika:

(a) għal ħaddiema li huma ċittadini ta’ Iżrael u li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju ta' Stat Membru u li huma jew kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed, jew aktar, u s-superstiti tagħhom,

(b) għall-membri tal-familja ta' ħaddiema msemmija fil-paragrafu (a) dan sakemm dawn joqgħodu legalment mal-ħaddiem ikkonċernat fl-Istat Membru fejn huwa impjegat il-ħaddiem,

(c) għal ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma jew kienu impjegati legalment fit-territorju ta' Iżrael u li huma jew kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Iżrael, u s-superstiti tagħhom, u

(d) għall-membri tal-familja ta' ħaddiema msemmija fil-paragrafu (c) dan sakemm dawn joqgħodu legalment mal-ħaddiem ikkonċernat f'Iżrael.

PARTI II

RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U IŻRAEL

Artikolu 3

Kwistjonijiet koperti

Il-Parti II ta' din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha ta’ l-Istati Membri u ta’ Iżrael fir-rigward tal-fergħat li ġejjin ta’ sigurtà soċjali:

13. benefiċċji tax-xjuħija;

14. benefiċċji għas-superstiti;

15. benefiċċji fir-rigward ta' inċidenti fuq ix-xogħol u mard professjonali;

16. benefiċċji għall-invalidità;

17. benefiċċji għall-familja.

Artikolu 4

Eżoneru mill-Klawzoli ta’ Residenza

Benefiċċji fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 (h) m'għandhomx ikunu soġġetti għal kwalunkwe tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċċjarju huwa residenti,

(i) għall-għan ta’ benefiċċju taħt il-leġiżlazzjoni Iżraeljana, fit-territorji ta’ Stat Membru, jew

(ii) għall-għan ta’ benefiċċju taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorji ta’ Iżrael.

Artikolu 5

Benefiċċji għall-Familja

1. Ħaddiema kif imsemmija fl-Artikolu 2 (a) għandhom, taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti, jirċievu l-benefiċċji għall-familja għall-membri tal-familja tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 2 (b) l-istess bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

2. Ħaddiema kif imsemmija fl-Artikolu 2 (c) għandhom, taħt il-leġiżlazzjoni ta' Iżrael, jirċievu l-benefiċċji għall-familja għall-membri tal-familja tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 2 (d) l-istess bħaċ-ċittadini Iżraeljani.

PARTI III

L-APPLIKAZZJONI TAD-DISPOżIZZJONIJIET TA' SIGURTÀ SOċJALI FIR-RIGWARD TAD-DANIMARKA.

Artikolu 6

Dispożizzjoni ġenerali

Għall-għan ta’ l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 64 (1), l-ewwel inċiż, tal-Ftehim, id-Danimarka għandha tapplika, sal-limitu meħtieġ, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament u r-Regolament ta' implimentazzjoni għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2 (a).

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 7

Kooperazzjoni

1. L-Istati Membri u Iżrael għandhom jikkomunikaw lil xulxin it-tagħrif kollu dwar:

(a) miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14;

(b) tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2. Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u ta’ Iżrael għandhom joffru l-għajnuna tagħhom lil xulxin u jaġixxu daqs li kieku qed jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawn l-awtoritajiet u istituzzjonijiet għandha tkun bla ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u ta’ Iżrael jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jitħallsu lura.

3. L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u ta’ Iżrael jistgħu, għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma' xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

4. L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ tagħrif u kooperazzjoni reċiproċi sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

5. Il-persuni kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet ta' l-Istat Membru kompetenti jew ta' Iżrael, fejn dan ta’ l-aħħar ikun l-istat kompetenti, jew ta' l-Istat Membru ta' residenza jew ta' Iżrael, fejn dan ta' l-aħħar ikun l-istat ta' residenza, kemm jista’ jkun malajr dwar kwalunkwe bidla fil-qagħda personali jew tal-familja tagħhom li taffettwa d-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji taħt din id-Deċiżjoni.

6. In-nuqqas ta’ rispett għall-obbligu ta’ tagħrif imsemmi fil-paragrafu 5 jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonali f’konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal qagħdiet simili taħt il-liġi domestika u m’għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli ż-żejjed fil-prattika għal dawk li japplikaw li jeżerċitaw d-drittijiet konferiti lilhom minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Kontrolli Amministrattivi u Eżamijiet Mediċi

1. Meta persuna koperta minn din id-Deċiżjoni u li qed tirċievi l-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 1 (h) qeda fi jew qed toqgħod

(i) għall-għan ta’ benefiċċju taħt il-leġiżlazzjoni Iżraeljana, fit-territorji ta’ Stat Membru, jew

(ii) għall-għan ta’ benefiċċju taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorji ta’ Iżrael,

il-kontrolli amministrattivi u l-eżamijiet mediċi għandhom jitwettqu, fuq talba ta’ l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas, mill-istituzzjoni tal-post fejn jinsab jew qed joqgħod dak li qed jirċievi f’konformità mal-proċeduri stipulati mil-leġiżlazzjoni amministrata mill-istituzzjoni ta' l-aħħar. L-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas għandha iżda tirriserva d-dritt li jkollha lil dak li qed jirċievi eżaminat minn tabib ta' l-għażla tagħha.

2. Stat Membru wieħed, jew aktar, u Iżrael jistgħu, wara li jgħarrfu lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jaqblu dwar dispożizzjonijiet amministrattivi oħrajn.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Iżrael

Id-dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Iżrael jistgħu, jekk meħtieġ, jiġu stipulati fl-Anness II.

Artikolu 10

Ftehimiet bilaterali aktar favorevoli

Din id-Deċiżjoni m’għandiex taffettwa drittijiet jew obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn Ftehimiet bilaterali fejn dawn ta’ l-aħħar jipprovdu trattament aktar favorevoli (għall-persuni ikkonċernati).

Artikolu 11

Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

Żewġ Stati Membri, jew aktar, jew Iżrael u Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu, fejn meħtieġ, jikkonkludu Ftehimiet imfassla sabiex jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimetazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

PARTI V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1. L-ebda dritt m’għandu jinkiseb skond din id-Deċiżjoni għall-perjodu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2. Soġġett għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb taħt din id-Deċiżjoni anke jekk għandu x’jaqsam ma' kontinġenza li tirriżulta qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3. Kwalunkwe benefiċċju, inklużi l-benefiċċji għall-familja, li ma ngħatax jew li ġie sospiż minħabba ċ-ċittadinanza jew minħabba l-post ta' residenza tal-persuna konċernata għandu, fuq talba ta' dik il-persuna, jingħata jew jitkompla b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, dan sakemm id-drittijiet li għalihom kienu ngħataw il-benefiċċji qabel ma rriżultawx fi ħlas ta’ somma f’daqqa.

4. Jekk talba msemmija fil-paragrafu 3 tintbagħat fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni għandhom jidħlu fis-seħħ f'din id-data, u l-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew ta' Iżrael dwar il-konfiska jew il-limitu ta' drittijiet ma tistax tiġi invokata kontra l-persuni kkonċernati.

5. Jekk talba msemmija fil-paragrafu 3 tintbagħat wara li jispiċċa l-perjodu ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-drittijiet li ma jkunux ġew konfiskati jew limitati għal żmien għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha tkun intbagħtet it-talba, soġġetti għal kwalunkwe dispożizzjonijiet aktar favorevoli taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew ta’ Iżrael.

Artikolu 13

Annessi ta’ din id-Deċiżjoni

1. L-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu parti integrali minnha.

2. Fuq talba ta’ Iżrael, l-Annessi msemmija jistgħu jiġu emendati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 14

Miżuri ta’ Implimentazzjoni

1. Il-Komunità u Iżrael għandhom it-tnejn jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jikkomunikawhom lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

2. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjoni li tikkonferma li ttieħdu l-miżuri kollha msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 (2).

ANNESS I

Lista’ ta' benefiċċji speċjali ta’ flus mhux kontributorji Iżraeljani

ANNESS II

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Iżrael

[1] ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.

[2] ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 392, 30.12.2006, p. 1).

[3] ĠU L 74, 27.3.1972, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 311/2007 (ĠU L 82, 23.3.2007, p. 6).

[4] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

[5] ĠU C […], […], p. […].

Top