Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0522

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Temporanju KE - Montenegro dwar ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta' Referenza u l-Istruttura tas-sottokumitati tal-KE-Montenegro

    /* KUMM/2007/0522 finali */

    52007PC0522

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Temporanju KE - Montenegro dwar ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta' Referenza u l-Istruttura tas-sottokumitati tal-KE-Montenegro /* KUMM/2007/0522 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 13.9.2007

    KUMM(2007) 522 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar Pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Temporanju KE - Montenegro dwar ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta' Referenza u l-Istruttura tas-sottokumitati tal-KE-Montenegro

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Huwa ppjanat li l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, jiġi ffirmat fil-Lussemburgu fil-15 ta' Ottubru 2007. Ser jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri ta' ratifika rispettivi tagħhom ikunu tlestew.

    Il-Ftehim Temporanju (FT) bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Montenegro, li ser jiġi ffirmat fl-istess data sabiex jippermetti l-applikazzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u ta' dawk relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), ser jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri ta' ratifika rispettivi tagħhom ikunu tlestew.

    L-Artikolu 43 tal-FT jistabbilixxi Kumitat Temporanju li ser jissorvelja l-implimentazzjoni ta' l-istess Ftehim. Dan il-Kumitat għandu jadotta – kif speċifikat mill-Artikolu 44 tal-FT – ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Sabiex il-Kumitat jiffunzjona sewwa, ikun tajjeb li dawn ir-regoli ta' proċedura jiġu adottati matul l-ewwel laqgħa.

    Ir-regoli ta' proċedura proposti jippreċiżaw id-dmirijiet tal-Kumitat Temporanju u l-prattiċi li jeħtieġ li jsegwi, skond il-FT, u għandhom, b'mod partikolari, jieħdu f'kunsiderazzjoni li taħt il-Ftehim il-Kumitat ingħata setgħat li jagħmel deċiżjonijiet. Ir-regoli ta' proċedura joħolqu wkoll sottokumitati speċifiċi, kif dispost mill-Artikolu 46 tal-FT. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tissimplifika l-istruttura ta' sottokumitati billi n-numru ta' sottokumitati jiġi limitat għal ħamsa, li għandhom ikopru l-oqsma differenti kif indikati fl-Anness għal dan il-Memorandum ta' Spjegazzjoni. L-oqsma tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li mhumiex inklużi fil-FT ser ikomplu jiġu diskussi fil-qafas tad-Djalogu Permanenti Msaħħaħ[1] sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fil-Kumitat Temporanju fir-rigward ta' l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura fil-Kumitat Temporanju għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Għaldaqstant qed jiġi propost li l-Kunsill japprova l-proposta mehmuża.

    ANNESS GħALL-MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    KE – IR-REPUBBLIKA TAL-MONTENEGRO FTEHIM TEMPORANJU DWAR IL-KUMMERċ U KWISTJONIJIET RELATATI MAL-KUMMERċ STRUTTURA TAS-SOTTOKUMITATI |

    Ismijiet tas-Sottokumitati | Oqsma | Referenzi FT (FSA) |

    Kummerċ, Industrija, Dwana, Tassazzjoni u Kooperazzjoni ma' pajjiżi kandidati oħrajn | Il-Moviment Liberu tal-Merkanzija | Art. 3 (Art. 18) |

    Prodotti Industrijali | Art. 4-8 (Art. 19-23) |

    Kwistjonijiet kummerċjali | Art. 19-33 (Art. 34-48) |

    Tassazzjoni | Art. 22-23 (Artikolu 37-38) |

    Regoli ta' l-Oriġini | Art. 29 (Art. 44), Protokoll 3 |

    Assistenza amministrattiva fi kwistjonijiet doganali | Art. 42 (Art. 99), Protokoll 6 |

    Kooperazzjoni ma' pajjiżi kandidati oħra | Art. 53 (Art.17) |

    Agrikoltura u Sajd | Prodotti Agrikoli lato sensu | Art. 9, 11(1),12(1), 16, 17 u 20 (Art. 24, 26(1), 27(1), 31, 32 u 35) |

    Prodotti Agrikoli stricto sensu | Art. 11(2)(3) u 12(2) (Art. 26(2)(3) u 27(2) |

    Prodotti tas-Sajd | Art. 14 u 15 (Art. 29 u 30) |

    Prodotti Agrikoli Pproċessati | Art. 10 (Art. 25), Protokoll 1 |

    Inbid u Xarbiet Alkoħoliċi | Art. 13 (Art. 28), Protokoll 2 |

    Protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikolu u tas-sajd u affarijiet ta' l-ikel minbarra inbid u xarbiet alkoħoliċi | Art. 18 (Art. 33) |

    Suq Intern u Kompetizzjoni | Kwistjonijiet oħra relatati mat-Titolu III tal-FT | Art. 36 u 37 (Art. 69 u 71) |

    Kompetizzjoni | Art. 38 u 39 (Art. 73 u 74) |

    Għajnuna mill-Istat lill-Industrija ta' l-Azzar | Art. 38(8) (Art. 73(8), Protokoll 5 |

    Proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali | Art.40 (Art. 75) |

    Akkwist Pubbliku | Art. 41 (Art. 76) |

    Kwistjonijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u l-Istatistika | Movimenti tal-Kapital u Pagamenti | Art. 35, 38 (7)(b) (Art. 62, 73(7)(b)), |

    Trasport | Traffiku fi Transitu | Art. 34 (61.1) Protokoll 4, Art: 3(a) u (b) 11(2), (3) u (5) 19(1) u (2) 21(1) u (2)(d) |

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar Pożizzjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Temporanju KE - Montenegro dwar ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta' Referenza u l-Istruttura tas-sottokumitati tal-KE-Montenegro

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Il-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra[2] (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Temporanju"), li ġie ffirmata fi ............., daħal fis-seħħ fi ........................ .

    (2) L-Artikolu 43 tal-Ftehim Temporanju jipprovdi li l-Kumitat Temporanju mwaqqaf mill-Ftehim għandu jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istess Ftehim.

    (3) It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 44 tal-Ftehim Temporanju jiddisponi li l-Kumitat Temporanju għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

    (4) L-Artikolu 46 tal-Ftehim Temporanju jiddisponi li l-Kumitat Temporanju jista' jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitati.

    (5) In-nomina, il-kompożizzjoni, it-termini ta' referenza u l-istruttura tas-sottokumitati għandhom ikunu stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Temporanju.

    (6) Il-Komunità għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fil-Kumitat Temporanju fir-rigward ta' l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura.

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Komunità fi ħdan il-Kumitat Temporanju imsemmi fl-Artikolu 43 tal-Ftehim Temporanju fuq il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Temporanju anness ma' din id-Deċiżjoni.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    DEĊIŻJONI Nru 1/200.. tal-Kumitat Temporanju KE – Montenegro

    ta’ ...

    dwar ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu li jinkludu t-Termini ta' Referenza u l-Istruttura tas-sottokumitati tal-KE-Montenegro

    IL-KUMITAT TEMPORANJU KE - MONTENEGRO

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Temporanju"), li ġie ffirmat fi ................., u, b'mod partikolari, l-Artikoli 44 tiegħu,

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1 Il-Presidenza

    Il-Kumitat Temporanju għandu jiġi ppresjedut, fuq bażi li talterna għal perjodi ta' 12-il xahar, minn rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej f'isem il-Komunità Ewropea, minn hawn 'il quddiem il-"Komunità", u rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika tal-Montenegro. Madankollu, l-ewwel perjodu għandu jibda fid-data ta' l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Temporanju u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru ta' l-istess sena.

    Artikolu 2 Laqgħat

    Il-Kumitat Temporanju għandu jiltaqa' regolarment darba fis-sena fi Brussell jew f'Podgorica kif miftiehem miż-żewġ Partijiet. Jistgħu jissejħu laqgħat speċjali tal-Kumitat Temporanju bi ftehim reċiproku fuq it-talba waħda mill-Partijiet.

    Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-President.

    Sakemm ma jinftiehemx mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Temporanju m'għandhomx ikunu pubbliċi.

    Artikolu 3 Delegazzjonijiet

    Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat bil-kompożizzjoni ppjanata tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

    Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) jista' jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Temporanju, bħala osservatur, meta jkun hemm kwistjonijiet li jikkonċernaw il-BEI fuq l-aġenda.

    Il-Kumitat Temporanju jista' jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

    L-Istati Membri tal-Komunità għandhom ikunu infurmati dwar il-laqgħat tal-Kumitat Temporanju.

    Artikolu 4 Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Montenegro għandhom jaqdu flimkien il-funzjoni ta' Segretarji tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 5 Korrispondenza

    Kull korrispondenza lill- u mill-President tal-Kumitat Temporanju għandha tintbagħat liż-żewġ Segretarji. Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn dan ikun xieraq, lir-rappreżentanti rispettivi tagħhom fil-Kumitat Temporanju.

    Artikolu 6 L-aġenda tal-laqgħat

    1. Il-President u s-Segretarji għandhom ifasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa mhux aktar tard minn ħmistax-il jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

    L-aġenda proviżjora għandha tinkludi l-punti li dwarhom tkun saret talba għal inklużjoni, liema talba għandha tkun ġiet riċevuta mis-Segretarji mhux aktar tard minn 21 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa, għandhom biss jitniżżlu punti fl-aġenda provviżorja jekk id-dokumentazzjoni rilevanti tintbagħat lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li tintbagħat l-aġenda proviżorja.

    L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat Temporanju fil-bidu ta' kull laqgħa. Jistgħu jkunu inklużi punti oħra fl-aġenda apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jekk iż-żewġ partijiet hekk jaqblu.

    2. Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar it-termini stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

    Artikolu 7 Minuti

    Għandu jitfassal abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa tal-Kumitat Temporanju mill-Parti li tospita l-laqgħa. Għandhom jindikaw id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-konklużjonijiet adottati. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi sottomess lill-Kumitat Temporanju għall-approvazzjoni fi żmien xahrejn mil-laqgħa. Meta jkunu approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji u kopja awtentika ta' l-oriġinal għandha tiġi ffajljata minn kull Parti. Kopja tal-minuti għandha tintbagħat lil kull waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8 Id-Deliberazzjonijiet

    Il-Kumitat Temporanju għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

    Waqt il-perjodu bejn is-sessjonijiet, il-Kumitat Temporanju jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonjiet permezz ta' proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu.

    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Temporanju skond l-Artikolu 45 tal-Ftehim Temporanju għandhom jiġu msemmija rispettivament "Deċiżjoni" u "Rakkomandazzjoni" u segwiti minn numru tas-serje, sad-data ta' l-adozzjoni tagħhom u minn deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Temporanju għandhom ikunu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji.

    Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat Temporanju għandhom ikunu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta' kwalunkwe att ieħor adottat mill-Kumitat Temporanju.

    Artikolu 9 Il-Lingwi

    Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat Temporanju għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet.

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat Temporanju għandu jibbaża d-deliberazzjonjiet tiegħu fuq dokumentazzjoni ppreparata f'dawn il-lingwi.

    Artikolu 10 L-Ispejjeż

    Il-Komunità u r-Repubblika tal-Montenegro għandhom it-tnejn iħallsu l-ispejjeż li jinkorru minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Temporanju u sottokumitati, kemm rigward l-infiq relatat mal-persunal, l-ivjaġġar u l-għixien ta' kuljum u l-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.

    L-infiq relatat ma' l-interpretazzjoni, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni ta' dokumenti fil-laqgħat kif ukoll kull nefqa oħra relatata ma' l-organizzazzjoni tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

    Artikolu 11 Is-Sottokumitati

    It-Termini ta' Referenza u l-Istruttura tas-Sottokumitati mwaqqfa biex jgħinu lill-Kumitat Temporanju jwettaq id-dmirijiet tiegħu jinsabu fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Is-sottokumitati għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet. Għandhom ikunu ppresjeduti alternattivament miż-żewġ Partijiet, skond l-Artikolu 1.

    Is-sottokumitati għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Temporanju u għandhom jagħmlulu rapport wara kull laqgħa tagħhom. M'għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Temporanju.

    Il-Kumitat Temporanju jista' jiddeċiedi li jġib kwalunkwe sottokumitat eżistenti fit-tmiem tiegħu, jimmodifika t-Termini ta' Referenza tagħhom jew iwaqqaf sottokumitati ġodda sabiex jassistuh fil-qadi ta' dmirijietu.

    Magħmul fi

    Għall-Kumitat Temporanju

    Il-President

    ANNESS

    Termini ta' Referenza u Struttura tas-Sottokumitati tal-KE-Montenegro

    1. Għamla u Presidenza

    Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11 tar-Regoli ta' Proċedura, is-sottokumitati għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika tal-Montenegro (minn hawn 'il quddiem "il-Montenegro"). Għandhom ikunu ppresjeduti alternattivament miż-żewġ Partijiet, skond l-Artikolu 1 tar-Regoli ta' Proċedura. L-Istati Membri għandhom ikunu infurmati dwar il-laqgħat tas-sottokumitati.

    2. Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Montenegro għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-segretarji ta' kull wieħed mis-sottokumitati.

    Il-komunikazzjoni kollha li tikkonċerna s-sottokumitati tintbagħat lis-segretarji tas-sottokumitati relevanti.

    3. Laqgħat

    Is-sottokumitati għandhom jiltaqgħu regolarment darba fis-sena, u kull meta jkunu jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-qbil taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa ta' sottokumitat għandha ssir fi żmien u f’post li dwarhom ikun hemm qbil taż-żewġ partijiet.

    Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, is-sottokumitati jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba.

    4. Suġġetti

    Is-sottokumitati għandhom jiddiskutu kwistjonijiet skond l-istruttura multidixxiplinari tas-sottokumitati ta' hawn taħt. L-Implimentazzjoni ta' l-FT u tal-Partenarjat Ewropew, it-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u l-progress fir-rigward ta' l-approssimazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-legiżlazzjoni għandhom jiġu evalwati fl-oqsma relevanti kollha. Is-sottokumitati għandhom jeżaminaw kull problema li tista' tqum fis-setturi relevanti tagħhom u għandhom jissuġġerixxu l-passi possibli li għandhom jittieħdu.

    Is-sottokumitati għandhom iservu wkoll bħala fora għall-kjarifika addizzjonali ta' l- acquis communautaire u għandhom jistħarrġu l-progress tal-Montenegro sabiex dan jissodisfa r-rekwiżiti ta' l- acquis skond l-impenji li ħa fil-Ftehim Temporanju.

    5. Minuti

    Għandu jiġi mħejji abbozz tal-minuti ta' kull sottokumitat fi żmien xahrejn mil-laqgħa. Meta ż-żewġ Partijiet jagħtu l-kunsens tagħhom, għandha tintbagħat kopja tal-minuti mis-segretarji tas-sottokumitat lis-segretarji tal-Kumitat Temporanju.

    6. Pubbliċità

    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati m'għandhomx jkunu pubbliċi.

    7. Struttura tas-Sottokumitati

    1) Sottokumitat dwar il-Kummerċ, l-Industrija, id-Dwana, it-Tassazzjoni u l-Kooperazzjoni ma' pajjiżi kandidati oħra (IA, Art. 3, 4-8, 19-33, 42, 53),

    2) Sottokumitat dwar l-Agrikoltura u s-Sajd (Art. 9, 11(2)(3), 10, 13, 12(2), 14, 15, 18),

    3) Sottokumitat dwar is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni (IA, Art. 36, 37, 38 bil-Protokoll 5, 39, 40, 41),

    4) Sottokumitat dwar l-Ekonomija u l-Kwistjonijiet Finanzjarji u l-Istatistika (IA, Art. 35, 38 (7)(b)),

    5) Sottokumitat dwar it-Transport (IA Art. 34, Protokoll 4 Art. 3(a) u (b), 11(2), (3) u (5), 19(1) u (2), 21(1) u (2)(d)

    [1] Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija tas-Serbja u l-Montenegro biex jiġi nnegozjat Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea, COM(2005)476 finali.

    [2] ĠU L....., ....... 2007, p. ...

    Top