Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0478

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill ta’ l-Ewropa

/* KUMM/2007/0478 finali - CNS 2007/0173 */

52007PC0478

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill ta’ l-Ewropa /* KUMM/2007/0478 finali - CNS 2007/0173 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.8.2007

KUMM(2007) 478 finali

2007/0173 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill ta’ l-Ewropa

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 (ir-Regolament)[1] li jistabbilixxi Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-Aġenzija).

Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament, l-Aġenzjia għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma’ dawk tal-Kunsill ta’ l-Ewropa sabiex tiżgura l-kumplimentarjetà u l-valur miżjud. Għal dak il-għan, l-Artikolu 9 jgħid li l-Komunità għandha tidħol fi Ftehim mal-Kunsill ta’ l-Ewropa bl-iskop li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Aġenzija (“il-Ftehim”).

Bi qbil ma’ l-Artikolu 300 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea[2]. Fl-istess jum il-Kunsill approva t-test tad-direttivi dwar in-negozjati[3] u appunta l-Grupp ta’ Ħidma ad hoc dwar id-drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza bħala Kumitat speċjali biex jassisti lill-Kummissjoni fin-negozjati.

In-negozjati bejn il-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa bdew f’Marzu 2007. Saru negozjati u konsultazzjonijiet f’April u f’Mejju 2007. Il-Grupp ta’ Ħidma ad hoc dwar id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza tal-Kunsill kien ikkonsultat fuq in-negozjati. Anke l-Parlament Ewropew kien informat, bi qbil mal-Ftehim ta’ Qafas dwar relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Il-Ftehim anness ma’ din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill jistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa. Il-Ftehim jorganizza kuntatti regolari u laqgħat bejn uffiċjali ta’ l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa. Jipprovdi skambji ta' informazzjoni rigward ir-regoli rilevanti dwar id-protezzjoni tad- data . Jipprovdi għal koordinazzjoni ta’ attivitajiet, partikolarment fir-rigward tal-preparazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali ta’ l-Aġenzija, sabiex ikun evitat xogħol doppju u biex jiggarantixxi l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi. Il-Ftehim jagħmel possibli li jkun hemm attivitajiet konġunti u komplimentari dwar suġġetti ta’ interessi komuni.

Dan il-Ftehim fih ukoll dispożizzjonijiet dwar persuna indipendenti maħtura mill-Kunsill ta’ l-Ewropa biex isservi fuq il-Bordijiet Eżekuttivi u ta’ Amministrazzjoni ta’ l-Aġenzija, flimkien ma’ sostitut. Il-Ftehim jiddefinixxi r-rwol ta’ dik il-persuna fuq il-Bord Eżekuttiv.

Il-Ftehim jagħti forma aktar b’saħħitha lill-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa. Il-konklużjoni tal-Ftehim tagħti s-saħħa lill-Aġenzija u lill-Kunsill ta’ l-Ewropa biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-dittijiet fundamentali fl-Ewropa. Għandu jkun innotat li meta l-Aġenzija tieħu sehem fl-attivitajiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, din għandha taġixxi b’indipendenza sħiħa kif provdut fir-Regolament.

L-Aġenzija hija s-suċċessur legali taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ Ewropew dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija. Il-kooperazzjoni bejn iċ-Ċentru u l-Kunsill kienet koperta mill-Ftehim ta’ l-10 ta’ Frar bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta' l-Ewropa bil-għan li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97 tat-2 ta' Ġunju 1997 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija, kooperazzjoni mill-qrib bejn iċ-Ċentru u l-Kunsill ta' l-Ewropa[4]. Il-Ftehim iħassar u jieħu post il-Ftehim imsemmi.

Il-Kunsill hu mitlub li jawtorizza lill-President tiegħu biex jaħtar lill-persuna awtorizzata biex, f’isem il-Komunità, tiffirma dan il-Ftehim sabiex turi li l-Komunità qed tintrabat bih.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li hi mehmuża.

2007/0173 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill ta’ l-Ewropa

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308, flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[5],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[6],

Billi:

1. L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali[7] jipprevedi li tkun stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa;

2. Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ewropea Ftehim dwar din il-kooperazzjoni mal-Kunsill ta’ l-Ewropa;

3. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu jkun approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill ta’ l-Ewropa qiegħed b'dan jiġi approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha d-dritt li tiffirma l-Ftehim sabiex tesprimi l-kunsens tal-Komunità li tkun b’hekk marbuta bih.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il–President

ANNESS

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa

Dwar kooprazzjoni bejn l-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentaliu l-Kunsill ta’ l-Ewropa

IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KUNSILL TA’ L-EWROPA (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”),

BILLI l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta, fil-15 ta’ Frar 2007, ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawnhekk 'il quddiem imsejħa l-'Aġenzija');

BILLI l-għan ta’ l-Aġenzija huwa li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt Komunitarju, bl-assistenza u l-għarfien espert relatat mad-drittijiet fundamentali biex tgħinhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali meta jieħdu miżuri u jfasslu strateġija ta' azzjoni fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom.

BILLI l-Aġenzija għandha tirreferi għad-drittijiet fundamentali meta tkun qed twettaq xogħolha skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 6 (2) tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ta’ l-4 ta’ Novembru 1950;

BILLI l-Kunsill ta’ l-Ewropa akkwista esperjenza estensiva u kompetenza fil-kooperazzjoni intergovernattiva u attivitajiet ta’ assistenza fil-qasam tad-drittijiet umani, u stabbilixxa wkoll diversi mekkaniżmi ta' monitoraġġ u kontroll fuq id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għandu Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kunsill ta’ l-Ewropa;

BILLI fit-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu l-Aġenzija għandha tikkonsidra fejn ikun xieraq, attivitajiet li diġà saru mill-Kunsill ta' l-Ewropa;

BILLI l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma’ dawk tal- Kunsill ta’ l-Ewropa, sabiex tevita xogħol doppju u biex tiżgura kumplimentarjetà u valur miżjud, partikolarment fir-rigward tal-programm ta’ ħidma annwali u ta’ kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili;

BILLI għandhom ikunu stabbiliti rabtiet mill-qrib bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta' l-Ewropa bi qbil ma' l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsilll (KE) nru 168/2007;

BILLI r-Rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu waqt il-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2004 qablu li l-Aġenżija għandu jkollha rwol prinċipali biex ittejjeb il-koerenza u l-konsistenza tal-Politika ta’ l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

BILLI l-linji gwida dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, adottati waqt it-Tielet Samit tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-Kapijiet ta’ l-Istat u l-Gvern (Varsavja, 16-17 ta’ Mejju 2005) jirreferu għall-Aġenzija bħala opportunità għal aktar kooperazzjoni mal-Kunsill ta’ l-Ewropa u biex tikkontribwixxi għal aktar koerenza u iżjed komplimentarità;

BILLI l-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea konkluż fit-23 ta’ Mejju 2007 fih qafas ġenerali għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tisħaq fuq ir-rwol tal-Kunsill ta’ l-Ewropa bħala standard li miegħu jitkejlu ( benchmark ) tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-Ewropa

BILLI, bi qbil mal-Memorandun ta’ Ftehim, l-Aġenzija tirrispetta l-unità, il-validità u l-effettività ta’ l-istrumenti użati mill-Kunsill ta’ l-Ewropa biex isir monitoraġġ tal-protezzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fl-Istati Membri tagħha;

BILLI l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu jaħtar persuna indipendenti biex isservi fuq il-Bord ta’ Amministrazzjoni ta’ l-Aġenzija u fuq il-Bord Eżekuttiv,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

L-Użu tat-termini

1. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

a) it-terminu “il-Kumitati intergovenattivi tal-Kunsill ta’ l-Ewropa” għandu jfisser kull kumitat jew korp imwaqqaf mill-Kumitat tal-Ministri, jew bl-awtorizzazzjoni tiegħu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 15 (a), 16 jew 17 ta’ l-Istatut tal-Kunsill ta' l-Ewropa;

b) it-terminu “il-kumitati ta’ monitoraġġ għad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa” għandu jfisser il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattament jew Kastig Inuman u Degradanti, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razzizmu u l-Intolleranza, il-Kumitat ta’ l-Esperti dwar il-Karta Ewropea għal-lingwi Reġjonali jew Minoritarji, il-Kumitat Konsultattiv tal-Qafas għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Minoritajiet Nazzjonali u kull korp ieħor indipendenti bħal dawn li l-Kunsill ta’ l-Ewropa jista’ jwaqqaf fil-futur.

ċ) it-terminu “Aġenzija” għandu jinkludi l-korpi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom.

II. Qafas ta’ kooperazzjoni ġenerali

2. Dan il-Ftehim jistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa sabiex jiġi evitat xogħol doppju u biex jiżgura kumplimentarjetà u valur miżjud.

3. Kuntatti regolari bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom ikunu stabbiliti fil-livell xieraq. Id-Direttur ta’ l-Aġenzija u s-Segreterjat tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jaħtru persuna ta’ kuntatt kull wieħed biex speċifikament tieħu ħsieb materji relatati mal-kooperazzjoni ta' bejniethom.

4. Bħala regola ġenerali, ir-rappreżentanti tas-Segretarjat tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jiġu mistiedna mill-Bord Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija biex jattendu bħala osservaturi għal-laqgħat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni. Dan ma għandux ikun estiż għal materji fuq l-aġenda li għalihom, minħabbba n-natura interna tagħhom, il-preżenza f'dawn il-laqgħat ma tkunx ġustifikata. Dawn ir-rappreżentanti jistgħu ikunu mistiedna għal laqgħat oħra organizzati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni ta’ l-Aġenzija

5. Ir-Rappreżentanti ta’ l-Aġenzija għandhom ikunu mistiedna biex jattendu bħala osservaturi f’laqgħat ta’ dawk il-kumitati intergovernattivi tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li fihom tkun uriet interess l-Aġenzija Meta jkunu mistiedna mill-kumitat relevanti, ir-rappreżentanti ta’ l-Aġenzija jistgħu jattendu bħala osservaturi għal laqgħat jew skambji ta' ideat organizzati mill-kumitati ta’ monitoraġġ dwar id-dritttijiet tal-bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa jew kumitati mwaqqfa taħt ftehimiet parzjali. Ir-rappreżentanti ta’ l-Aġenzija jistgħu jiġu wkoll mistiedna biex jieħdu sehem fi skambji ta’ ideat organizzati mill-Kumitat tal-ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa.

6. Il-kooperazzjoni għandha tkopri wkoll il-firxa sħiħa ta’ l-attivitajiet kemm preżenti u kemm futuri ta’ l-Aġenzija,

III. Skambju ta' informazzjoni u data

7. Bla ħsara għar-regoli u l-protezzjoni tad- data li huma fis-seħħ għall-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa rispettivament, l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni u d- data miġbura waqt l-attivitajiet tagħhom, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni online . Informazzjoni u data mgħoddija lil xulxin tista’ tintuża mill-Aġenzija u mill-Kunsill ta’ l-Ewropa fil-kors ta' l-attivitajiet rispettivi tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex estiżi għal data u attivitajiet kunfidenzjali.

8. L-Aġenzija għandha tikkonsidra sew is-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-oqsma ta’ attività ta’ l-Aġenzija u meta jkun relevanti, tikkonsidra s-sejbiet, ir-rapporti u l-attivitajiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll dawk tal-Kummissarju tal-Kunsill ta' l-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem.

9. Kull meta l-Aġenzija tuża l-informazzjoni meħuda mis-sorsi tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, hi għandha tindika l-oriġini u referenza għalih. Il-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu jipproċedi bl-istess mod meta juża' l-informazzjoni meħuda mis-sorsi ta’ l-Aġenzija.

10. L-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jassiguraw, permezz tan-netwerks tagħhom, l-iktar disseminazzjoni wiesgħa possibbli tar-riżultati ta' l-attivitajiet rispettivi tagħhom fuq bażi reċiproka.

11. L-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jiżguraw skambji regolari ta' informazzjoni dwar attivitajiet proposti, mibdija jew kompluti.

IV. Metodi ta’ kooperazzjoni

12. Għandhom jinżammu konsultazzjonijiet regolari bejn l-Aġenzija u s-Segretarjat tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, bil-għan li jkunu kkoordinati l-attivitajiet ta' l-Aġenzija, partikolarment billi ssir riċerka u stħarriġ xjentifiku kif ukoll billi jitfasslu konklużjonijiet, opinjonijiet u rapporti, ma’ dawk tal-Kunsill ta’ l-Ewropa sabiex tkun żgurata l-komplimentarjetà u l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli.

13. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jikkonċernaw l-aktar:

- il-preparazzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma ta’ l-Aġenzija;

- il-preparazzjoni tar-rapport annwali ta’ l-Aġenzija dwar kwistjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma ta’ attività ta’ l-Aġenzija.

- kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili,b’assoċjazzjoni partikolari mal-Kunsill ta' l-Ewropa mat-twaqqif u l-funzjoni tal-Pjattaforma għad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Aġenzija.

14. Abbażi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, wieħed jista' jaqbel li l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jagħmlu attivitajiet konġunti u/jew kumplimentari dwar suġġetti ta’ interess komuni, bħalma huma l-organizzazzjoni ta’ konferenzi jew workshops , il-ġbir u l-analiżi tad- data , jew it-twaqqif ta’ sorsi ta’ informazzjoni jew prodotti.

15. Il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kunsill ta’ l-Ewropa tista' tisseddaq aktar permezz ta' għotjiet mogħtija mill-Aġenzija jew mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Għandu jkun applikat il-Ftehim ta’ l-2004 dwar l-Amministrazzjoni ta’ Qafas bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-klawsola fuq spezzjonijiet finanzjarji għal operazzjonijiet amministrati mill-Kunsill ta’ l-Ewropa u ffinanzjati kompletement jew b’mod konġunt mill-Komunità Ewropea

16. Skambji temporanji ta’ l-istaff bejn l-Aġenzija u l-kunsill ta’ l-Ewropa jistgħu jsiru bi ftehim bejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u d-Direttur ta’ l-Aġenzija sakemm jippermettu r-regolamenti relevanti għall-istaff

V.Ħatra mill-Kunsill ta’ l-Ewropa ta’ persuna indipendenti biex isservi fuq il-Bordijiet ta’ Amministrazzjoni u Eżekuttivi ta’ l-Aġenzija

17. Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu jaħtar persuna indipendenti biex isservi fuq bordijiet Eżekuttivi u ta’ Amministrazzjoni ta’ l-Aġenzija, flimkien ma’ sostitut. Il-persuni maħtura mill-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu jkollhom l-esperjenza meħtieġa fl-amministrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku jew privat u tagħrif fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

18. Il-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu jinnotifika lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni Ewropea bil-ħatriet li jsiru.

19. Il-persuna maħtura mill-Kunsill ta’ l-Ewropa fuq il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandha tiġi mistiedna biex tipparteċipa fl-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv. L-opinjonijiet tiegħu jew tagħha għandhom ikunu kkunsidrati sew, speċjalment biex tkun żgurata l-komplimentarjetà u l-valur miżjud bejn l-attivitajiet ta' l-Aġenzija u dawk tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Hu jew hi għandu jkollu/ha d-dritt li j/tivvota fil-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-preparazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Amministrazzjoni li dwarhom hu jew hi j/tista' jivvota skond l-Artikolu 12 § 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007.

VI. Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

20. F’dan il-ftehim xejn ma jista’ jkun interpretat li jżomm lill-Partijiet milli jwettqu l-attivitajiet rispettivi tagħhom.

21. Dan il-Ftehim iħassar u jieħu post il-Ftehim ta’ l-10 ta’ Frar 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Kunsill ta' l-Ewropa bil-għan li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 7 (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97 tat-2 ta' Ġunju 1997 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija, kooperazzjoni mill-qrib bejn iċ-Ċentru u l-Kunsill ta' l-Ewropa.

22. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ ma’ l-iffirmar tiegħu mir-rappreżentanti awtorizzati mill-Partijiet.

23. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat b'kunsens reċiproku bejn il-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013 bil-ħsieb li jekk ikun meħtieġ dan jiġi revedut.

[1] ĠU L 53, 22.2.2007, p.1.

[2] Dokument tal-Kunsill 6199/07 JAI 70 CATS 13 COHOM 16 COEST 40 FIN 49.

[3] Dokument tal-Kunsill 6199/07 JAI 66 CATS 11 COHOM 14 COEST 37 FIN 46.(RESTREINT UE).

[4] Konkluża b’Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/132/KE tat-21.12.1998 (ĠU 44, 18.2.1998, p. 44).

[5] ĠU C […], […], p. […].

[6] ĠU C […], […], p. […].

[7] ĠU L 53, 22.2.2007, p. 53.

Top