Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0456

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent tal-Baħar (id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima)

    /* KUMM/2007/0456 finali - COD 2005/0211 */

    52007PC0456

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent tal-Baħar (id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) /* KUMM/2007/0456 finali - COD 2005/0211 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 24.7.2007

    KUMM(2007) 456 finali

    2005/0211 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

    il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent tal-Baħar (id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima)

    2005/0211 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

    il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent tal-Baħar (id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. L-ISFOND

    Data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2005)505 finali – 2005/0211/COD): | 24.10.2005 |

    Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 20.04.2006 |

    Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: | 26.04.2006 |

    Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 14.11.2006 |

    Data ta' l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni: | 23.07.2007 |

    2. L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

    L-ambjent ta' l-ibħra Ewropej qed jiffaċċa theddidiet serji li kulma jmur qegħdin jiżdiedu. Il-bijodiversità ta' l-ibħra Ewropej qiegħda tonqos, u għadha qed tinbidel. Ħabitats fl-ibħra qed jiġu meqruda, imgħarqa u mħarbta. Diffikultajiet oħra jinkludu x-xkiel istituzzjonali għat-tisħiħ tal-ħarsien ta' l-ambjent ta' l-ibħra Ewropej, kif ukoll nuqqasijiet sinifikanti ta' għarfien u informazzjoni.

    It-tħassir kurrenti fil-qagħda ta' l-ambjent ta' l-ibħra u l-erożjoni relatata tal-kapital ekoloġiku tiegħu jipperikola l-ġenerazzjoni tal-prosperità u ta' l-impjiegi dderivata mill-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa. Jekk dan ma jiġix affrontat, se jnawwar il-kapaċità tas-settur marittimu ta' l-UE li jagħti kontribut siewi lill-Aġenda ta' Liżbona.

    Għaldaqstant, l-għan tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima proposta huwa li treġġa' lura s-saħħa ekoloġika ta' l-oċeani u l-ibħra Ewropej billi tilħaq u żżomm il-"Qagħda Ambjentali Tajba" tagħhom sa l-2021. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet u problemi diversi ta' l-ambjent ta' l-ibħra fl-UE, il-proposta tistabbilixxi Reġjuni Marittimi Ewropej imsejsa fuq kriterji ġeografiċi u ambjentali.

    L-ebda miżura speċifika ta' ġestjoni mhi se tiġi stipulata fuq il-livell ta' l-UE. Id-Direttiva ser tipprovdi qafas integrat ta' politika li jqis il-pressjonijiet u l-impatti kollha, u li jistabbilixxi miżuri ċari u operattivi li jippermettu l-ħarsien ta' l-ambjent ta' l-ibħra b'mod aktar effiċjenti. Id-Direttiva jkollha tiġi applikata u implimentata fuq il-livell tar-Reġjuni Marittimi.

    Fl-ewwel fażi, l-Istrateġiji se jkunu msejsa fuq evalwazzjonijiet tal-qagħda ta' l-ambjent, bil-għan li jitfasslu politiki infurmati tajjeb bl-appoġġ ta' l-aktar għarfien xjentifiku avvanzat li hemm disponibbli. Fit-tieni fażi, kull Stat Membru, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' Stati Membri oħra u mal-pajjiżi terzi kkonċernati li jinsabu fir-Reġjun Marittimu li jkun, se jiżviluppa u jimplementa Strateġiji Marittimi għall-ilmijiet ta' l-ibħra tiegħu, bil-għan li dawn jilħqu "Qagħda Ambjentali Tajba". Fl-izvilupp ta' l-Istrateġiji Marittimi, l-Istati Membri se jiġu mħeġġa biex jaħdmu fil-qafas ta' konvenzjonijiet reġjunali eżistenti dwar il-baħar – l-OSPAR għall-Atlantiku tal-Grigal, il-HELCOM għall-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-Baħar Mediterran, u l-Konvenzjoni ta' Bukarest għall-Baħar l-Iswed.

    Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima hija inkluża fis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali, adottat fl-2002. Id-Direttiva għandha titqies ukoll fil-kuntest usa' ta' l-iżvilupp ta' Politika Marittima ġdida ta' l-UE mħabbra fil- Green Paper bit-titlu Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra adottata mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2006[1]. Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima proposta se tikkostitwixxi l-pilastru ambjentali tal-Politika Marittima futura ta' l-UE.

    3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

    3.1 Kummenti ġenerali

    Il-Kummissjoni aċċettat totalment, parzjalment jew fil-prinċipju 52 mis- 87 emenda vvutati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. 37 minn dawn it- 52 emenda huma inkorporati fil-Pożizzjoni Komuni.

    Il-Kummissjoni aċċettat emendi li ġabu magħhom ir-rikonoxximent ta' l-importanza ta' l-istrateġija msejsa fuq l-ekosistemi għat-tmexxija ta' l-ambjent ta' l-ibħra Ewropej; tal-kooperazzjoni konġunta bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għall-iżvilupp u t-twettiq ta' strateġiji marittimi fuq livell reġjunali; u tal-ħtieġa għal aktar integrazzjoni ambjentali. Il-Kummissjoni aċċettat ukoll emendi li ġabu magħhom kjarifiki fit-test, partikularment fir-rigward tad-definizzjonijiet; tar-rabtiet ma' Direttivi rilevanti (per eżempju d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Ħabitats); tal-firxa ġeografika (it-twessigħ ta' l-ambitu tad-Direttiva biex jinkludi l-Baħar l-Iswed); tar-referenzi għal ftehimiet internazzjonali rilevanti; u ta' l-inklużjoni ta' ċerti deskritturi tal-"Qagħda Ambjentali Tajba".

    Il-Kummissjoni ma laqgħetx emendi biex jinġieb 'il quddiem il-kalendarju għall-implimentazzjoni, għax dan ma jkunx realistiku. Il-Kummissjoni rrifjutat ukoll emendi maħsubin biex idaħħlu l-allokazzjoni obbligatorja ta' żoni protetti tal-baħar fid-Direttiva. Dawn iż-żoni għandhom jitqiesu bħala mezz biex tintlaħaq il-"Qagħda Ambjentali Tajba" pjuttost milli bħala għan fihom innifishom, u għaldaqstant għandhom ikunu fakoltattivi. Dwar il-kwistjoni importanti ta' l-introduzzjoni ta' deskritturi tal-"Qagħda Ambjentali Tajba", il-Kummisssjoni tista' taċċetta wħud mis-suġġerimenti tal-Parlament, iżda għandha preferenza ċara għal deskritturi li jiffokaw fuq aspetti ta' kwalità ambjentali aktar milli fuq pressjonijiet speċifiċi. Strateġija msejsa biss fuq il-pressjonijiet kieku żgur twassal għal nuqqas ta' attenzjoni għal theddid u riskji potenzjali, u ma tippermettix lill-UE titbiegħed minn strateġija frammentarja għat-tmexxija ta' l-ambjent ta' l-ibħra. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ma laqgħtex l-emendi li jsejħu għal appoġġ finanzjarju ad hoc għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima proposta, jew għall-għoti ta' status speċjali lil ċerti reġjuni.

    3.2 Kummenti ddettaljati

    3.2.1 Emendi Parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati fl-intier tagħhom jew parzjalment fil-Pożizzjoni Komuni

    L-emendi li ġejjin iddaħħlu adegwatament fil-Pożizzjoni Komuni: numri 1, 3, 6, 7, 8, 12, 15, 16, 18, 22, 23 (premessi), 25 , 26 , 27 , 28, 29, 31, 33, 36, 37, 39, 41 , 42 , 43, 47 , 48 , 49 , 50 , 51 , 53 , 56 , 60 , 63 , 70 , 75, 77 u 84 (artikoli).

    L-Emenda 1 dwar it-twessigħ tal-firxa ġeografika tad-Direttiva biex tinkludi partikolarment il-Baħar l-Iswed ġiet aċċettat mill-Kunsill, għajr ir-referenza għall-Oċean Artiku. L-Emenda 3 , li tissottolinja d-domanda li ssir fuq l-oċeani u l-ibħra, l-Emenda 6 , li tisħaq fuq l-importanza ta' l-ekosistemi, u l-Emenda 7 , li tirreferi għal miri bijoloġiċi u ambjentali, ġew aċċettati parzjalment.

    L-Emenda 8 iddaħħlet parzjalment. Ir-referenza għall-integrazzjoni nkitbet mill-ġdid, b'mod li issa hija totalment aċċettabbli għall-Kummissjoni.

    L-Emenda 12 dwar l-importanza tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ġiet aċċettata fil-biċċa l-kbira tagħha (e.g. 11a ġdida), għajr l-idea li jiġu stabbiliti partenarjati.

    L-Emenda 15 dwar l-effiċjenza f'termini ta' nfiq u bżonnijiet ta' riċerka u monitoraġġ ġiet inkorporata.

    L-Emenda 16 , li żżid referenza għal funzjonijiet ekoloġiċi, ġiet integrata fil-biċċa l-kbira tagħha.

    L-Emenda 18 dwar l-importanza tar-riċerka marittima fis-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka ġiet aċċetata fil-biċċa l-kbira tagħha.

    L-Emenda 22 , li tissottolinja l-ħtieġa li l-Politika Komuni tas-Sajd tqis din id-Direttiva, ġiet aċċetata.

    L-Emenda 23 , li ddaħħal referenzi għall-istrateġija msejsa fuq l-ekosistemi, kif ukoll għall-istrateġija ta' prekawzjoni, ġiet inkorporata fil-premessi (5), (7) u (40).

    L-Emenda 25 , li ddaħħal referenzi utli għall-kwalità ta' l-ilmijiet fi Stati applikanti u assoċjati, hija koperta indirettament fl-Artikolu 6, li jindirizza l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

    L-Emenda 84 , li ddaħħal referenza għal Żoni Protetti tal-Baħar fi premessa ġdida, ġiet inkluża fl-intier tagħha.

    L-Emenda 26 , dwar l-obbligi, l-impenji u l-inizjattivi eżistenti fuq il-livell internazzjonali, iddaħħlet parzjalment fid-definizzjoni ta' 'ilmijiet ta' l-ibħra' (Artikolu 3) fil-Pożizzjoni Komuni, permezz tar-referenza għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar.

    L-Emenda 27 iddaħħlet fid-definizzjonijiet ta' l-Artikolu 3. Bħalma ssir fl-emenda tal-Parlament Ewropew, id-definizzjonijiet ikopru 'Ilmijiet ta' l-Ibħra', 'Qagħda Ambjentali', 'Qagħda Ambjentali Tajba', u 'Tniġġis'. Madankollu, id-definizzjonijiet xi kultant juru differenzi fis-sustanza. B'mod partikolari, id-definizzjoni ta' 'Ilmijiet ta' l-Ibħra' mdaħħla fil-Pożizzjoni Komuni hija limitata għall-ilmijiet li jinsabu lil hinn mil-linja ta' bażi li minnha jitkejjel il-wisa' ta' l-ilmijiet territorjali, iżda l-ilmijiet li jinsabu lil hinn mil-linja ta' bażi li għalihom tapplika d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma jibqgħu koperti biss fir-rigward ta' l-elementi relatati mal-ħarsien ta' l-ambjent ta' l-ibħra li ma jagħmlux parti mill-ambitu ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni fl-Emenda 27 tinkludi ilmijiet tal-frugħ, u b'hekk tikkoinċidi aktar ma' l-ilmijiet koperti mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-'Qagħda Ambjentali Tajba' mogħtija fil-Pożizzjoni Komuni hija inqas iddettaljata minn dik ta' l-Emenda 27 . Fl-aħħarnett, l-Emenda 27 tinkludi definizzjoni ta' 'Żoni Protetti tal-Baħar' li ma ġietx introdotta fil-Pożizzjoni Komuni; u bil-maqlub, il-Pożizzjoni Komuni ddaħħal definizzjonijiet li ma jidhrux fl-Emenda 27 ('Mira Ambjentali', 'Żona Speċifika', 'Kooperazzjoni Reġjunali' u 'Kooperazzjoni Reġjunali għall-Baħar').

    L-Emenda 28 ġiet aċċettata permezz taż-żieda tal-Baħar l-Iswed fil-lista tar-Reġjuni Marittimi (l-Artikolu 4) .

    L-Emenda 29 , li ddaħħal referenza għall-ħtieġa ta' aktar koerenza ma' ftehimiet internazzjonali rilevanti, ġiet introdotta indirettament u parzjalment fil-Pożizzjoni Komuni (jiġifieri, ir-referenza għall-koerenza mal-Konvenzjoni ta' l-UN dwar il-Liġi tal-Baħar fl-Artikolu 3).

    L-Emenda 31 ġiet inkluża fil-Pożizzjoni Komuni jekk bi "strateġiji marittimi koordinati skond ir-reġjun" jinftiehem sensiela ta' strateġiji nazzjonali u mhux strateġija marittima reġjunali waħdanija. Mingħajr dubju, l-enfażi aktar qawwija fuq il-kooperazzjoni reġjunali fil-Pożizzjoni Komuni (Artikolu 6) għandha tikkontribwixxi għat-tfassil ta' strateġiji kkoordinati sewwa fil-livell reġjunali kif ukoll subreġjunali. L-Emendi 33 , 37 u 47 , li jissuġġerixxu wkoll it-tfassil ta' strateġiji marittimi reġjunali, ġew inklużi wkoll (Artikolu 6) bil-kundizzjoni li, mill-ġdid, bi "strateġiji marittimi reġjunali" jinftiehem sensiela ta' strateġiji nazzjonali li ma jimplikawx responsabbiltà kollettiva.

    L-Emenda 36 ġiet introdotta (Artikolu 5(3)) safejn tirrikonoxxi mekkaniżmu ta' implimentazzjoni mħaffa. Ir-referenza għall-appoġġ mill-UE ġiet aċċettata parzjalment –b'mod li huwa aċċettabbli għall-Kummissjoni– fl-Artikolu 5, permezz tar-referenza għal stedina għal azzjoni ta' appoġġ mill-Kummissjoni.

    L-Emenda 39 dwar iż-Żoni Protetti tal-Baħar iddaħħlet fl-Artikolu 13.4 fil-Pożizzjoni Komuni, għajr l-obbligu, imressaq mill-Parlament, li dawn iż-żoni jiġu stabbiliti, obbligu li l-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta.

    L-Emenda 41 dwar il-kooperazzjoni reġjunali hija koperta fl-Artikolu 6 tal-Pożizzjoni Komuni. L-istess jgħodd għall-Emendi 42 u 43 , għajr ir-referenza għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom joperaw f'reġjuni marittimi ta' l-UE.

    L-Emenda 48 tissuġġerixxi li tiddaħħal referenza għall-funzjonijiet ta' l-ekosistema fl-Artikolu 8. Dan diġà ġie kopert mill-Pożizzjoni Komuni, għalkemm ir-referenza tidher f'Artikolu ieħor (Artikolu 3(4), definizzjoni ta' 'Qagħda Ambjentali').

    L-Emenda 49 , li tirrigwarda prinċipalment il-ħtieġa li jitqiesu l-evalwazzjonijiet rilevanti eżistenti meta ssir l-evalwazzjoni inizjali pprovduta fl-Artikolu 8, ġiet introdotta fil-Pożizzjoni Komuni permezz ta' l-inklużjoni ta' referenza għal "evalwazzjonijiet rilevanti oħrajn, bħal dawk li jsiru b'mod konġunt fil-kuntest tal-Konvenzjonijiet Reġjunali dwar il-Baħar" fl-Artikolu 8(2).

    L-Emenda 51 , li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-koordinazzjoni u l-konsistenza ta' l-evalwazzjonijiet, ġiet introdotta indirettament fiż-żieda msemmija aktar 'il fuq ma' l-Artikolu 8.2. Barra minn hekk, ir-referenzi fil-Pożizzjoni Komuni għall-kooperazzjoni reġjunali huma miktubin b'termini aktar b'saħħithom.

    L-Emenda 53 ġiet aċċettata parzjalment fil-Pożizzjoni Komuni. Filwaqt li ma ġewx inklużi l-bidliet fl-għażla tal-kliem imressqa mill-Parlament, iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li jeħtieġ li tiddaħħal referenza għal Anness ġdid (Anness I) dwar deskritturi kwalitattivi ġeneriċi. Ta' min wieħed jinnota, madankollu, li hemm diverġenzi kbar bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rigward il-kontenut ta' dawn l-Annessi.

    L-Emenda 56 , li tirrigwarda prinċipalment l-inklużjoni ta' referenzi għad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (79/409/KE u 92/43/KE) fl-Artikolu 11 (Programmi ta' Monitoraġġ) hija koperta parzjalment billi l-Pożizzjoni Komuni ddaħħal referenzi għaż-żewġ Direttivi fl-Artikolu 13 (Programmi ta' Miżuri). Ir-referenza addizzjonali għall-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sikurezza (GMES) fl-Emenda 56 ma ġietx aċċettata. Filwaqt li r-referenzi għal Direttivi speċifiċi dwar l-ilma (91/271/KEE, 2006/7/KE) li saru fl-Emendi 50 u 63 ma ġewx aċċettati formalment, il-Pożizzjoni Komuni tinkludi referenzi għal 'evalwazzjonijiet rilevanti oħra' fl-Artikolu 8(2), kif ukoll għal 'miżuri rilevanti meħtieġa skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja' fl-Artikolu 13.2, u għaldaqstant, dawn ir-referenzi huma koperti b'mod impliċitu.

    L-Emenda 60 hija koperta indirettament, għalkemm b'mod parzjali. Fil-fatt, referenza għall-istrateġija msejsa fuq l-ekosistemi tidher fil-Pożizzjoni Komuni (Artikolu 1). Referenza għall-prinċipju ta' prekawzjoni tidher fil-premessi. L-azzjoni ta' prevenzjoni, il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas', u l-impatti transkonfinali ma ġewx inklużi b'mod espliċitu.

    L-Emenda 70 , li tirrekjedi li l-Kummissjoni tfassal rapport erba' snin wara l-implimentazzjoni dwar il-kunflitti potenzjali, ġiet aċċettata parzjalment u indirettament fil-Pożizzjoni Komuni (Artikolu 20), li tinkludi taħt il-punt (g) 'sommarju tal-kontribut mogħti minn politiki oħra rilevanti tal-KE lejn il-ksib ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva'.

    L-Emendi 75 u 77 , li jġibu t-test konformi mad-Deċiżjoni 2006/512/KE dwar il-Komitoloġija, ġew aċċettati (Artikoli 22 u 23).

    3.2.2 Emendi Parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni iżda mhux fil-Pożizzjoni Komuni

    Fil- premessi , l-Emenda 2 , li tindika l-fatt li l-UE hija peniżola, ma ġietx aċċetata. L-Emenda 9 dwar il-kooperazzjoni reġjunali ma ntlaqgħetx.

    L-Emenda 46 , li tikkwalifika l-awtoritajiet kompetenti bħala "nazzjonali", ma ġietx inkluża.

    L-Emendi 52 u 58 dwar l-aċċess għad-dejta u regoli dwar id-disponibbiltà ma ġewx aċċettati fil-Pożizzjoni Komuni, għad illi l-Artikolu 8(2) jirreferi għal evalwazzjonijiet oħrajn rilevanti li jsiru fil-kuntest ta' konvenzjonijiet reġjunali dwar il-baħar. Madankollu, ir-referenza għall-obbligu li l-evalwazzjonijiet u l-programmi ta' monitoraġġ jiġu trażmessi għall-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent ma ġietx aċċettata. Fl-aħħar nett, ir-riżerva tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' referenza għad-Direttiva INSPIRE fl-emendi tal-Parlament ġiet indirizzata fl-Artikolu 19(3) tal-Pożizzjoni Komuni.

    L-Emenda 55 ma nltaqgħetx. La r-referenza għall-ħtieġa li jitqiesu aspetti ta' importanza transkonfinali meta jiġu stabbiliti l-għanijiet ambjentali, li kienet aċċettabbli għall-Kummissjoni, u lanqas il-bqija ta' l-emenda rigward l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni, li l-Kummissjoni ma kinitx tappoġġja, ma ġew inklużi.

    L-Emenda 57 , li tirrigwarda l-introduzzjoni ta' rekwiżit għall-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jiżguraw li l-metodi ta' monitoraġġ huma koerenti, ma ġietx aċċettata fil-Pożizzjoni Komuni.

    L-Emenda 66 essenzjalment ma ġietx aċċettata, għalkemm iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li jbiddlu isem l-Artikolu 14 għal 'Eċċezzjonijiet'. Il-Pożizzjoni Komuni ma tinkludix referenza għat-tibdil fil-klima, li l-Kummissjoni tista' tappoġġja. Barra minn hekk, ma ġewx aċċettati l-aspetti ta' l-emendi Parlamentari li ma kinux aċċettabbli għall-Kummissjoni minħabba l-fokus ġeografiku tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta' obbligu, imressqa mill-Parlament, li l-Kummissjoni tirrispondi lill-Istati Membri meta s-setgħat għall-adozzjoni ta' miżuri huma f'idejn il-Komunità, ġiet aċċettata fil-biċċa l-kbira tagħha fil-Pożizzjoni Komuni, għalkemm f'Artikolu differenti (Artikolu 15).

    L-Emendi 67 u 68 , dwar l-istabbiliment ta' proċessi ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati, ma ntlaqgħux.

    L-Emenda 73 , li tiċċara l-għanijiet tar-reviżjoni tad-Direttiva, ma ġietx inkluża fil-Pożizzjoni Komuni.

    L-Emendi 80 , 81 , 82 , 91 u 92 , dwar id-deskritturi tal-Qagħda Ambjentali Tajba, jikkostitwixxu lista ħafna aktar wiesgħa ta' deskritturi mil-lista ekwivalenti stabbilita fil-Pożizzjoni Komuni (21 element kontra 11). L-akbar differenza tinsab fl-inklużjoni, min-naħa tal-Parlament, ta' xi disa' deskritturi li jitolbu d-deskrizzjoni tal-qagħda ambjentali tajba f'termini ta' pressjonijiet minn attivitajiet speċifiċi tal-bniedem (bħall-industrija offshore (elementi l, n), it-trasport bil-baħar (elementi m u o), attivitajiet oħra tal-bniedem (elementi p sa t)). Il-Pożizzjoni Komuni tirrifletti, anki jekk aktar fil-qosor, għadd ta' deskritturi oħra bbażati fuq 'l-istat' jew 'l-impatt'.

    3.2.3 Emendi Parlamentari miċħuda mill-Kummissjoni iżda li huma parti mill-Pożizzjoni Komuni

    L-Emenda 38 , li tagħti status ta' pilota lill-Baħar Baltiku, ma ġietx aċċettata b'mod espliċitu, iżda l-possibbiltà li jinħatru 'proġetti piloti' bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva ġiet irrikonoxxuta fil-Pożizzjoni Komuni (Artikolu 5(3)).

    L-Emendi 62 u 64 , li jdaħħlu l-obbligu li jiġu allokati Żoni ta' Protezzjoni tal-Baħar (ŻPB), ma ġewx inklużi fil-Pożizzjoni Komuni fl-intier tagħhom. Madankollu, ġew riflessi parzjalment fiż-żieda ta' żewġ subparagrafi dwar l-inklużjoni taż-ŻPB bħala parti minn programmi ta' miżuri li għandhom jiġu żviluppati (Artikolu 13(4)). Ta' min jinnota li l-għażla tal-kliem tal-Pożizzjoni Komuni ma ddaħħalx obbligu li jiġu stabbiliti ż-ŻPB.

    3.2.4 Emendi Parlamentari miċħuda mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fil-Pożizzjoni Komuni

    Dwar il-premessi, l-Emenda 4 li titlob trattament partikolari għall-Baħar Baltiku ma ntlaqgħetx. L-Emenda 5 dwar l-għanijiet kwantitattivi u kwalitattivi ma ġietx aċċettata. L-Emenda 10 , li ssejjaħ għal koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi f'dak li jirrigwarda l-istati tal-bandiera li joperaw bastimenti tas-sajd fl-ibħra ta' l-UE, ma ġietx aċċettata. L-Emenda 11 dwar ir-razzjonalità tan-netwerk Natura 2000 ġiet miċħuda wkoll. L-Emendi 13 u 17 , li jagħtu prijorità lil ċerti oqsma f'dak li jirrigwarda r-riċerka, ma ġewx aċċettati.

    L-Emendi 14 u 88 , li jitolbu t-twaqqif ta' strutturi ad hoc fil-livell ta' l-Istati Membri biex jorganizzaw il-kooperazzjoni bejn is-setturi, ma ntlaqgħux.

    L-Emendi 19 u 74 , dwar l-appoġġ finanzjarju Komunitarju għall-implimentazzjoni, ġew miċħuda wkoll.

    L-Emendi 20 , 34 , 35 , 69 , 79 u 85 , li jantiċipaw l-iskadenzi kollha għall-implimentazzjoni, ma ġewx aċċettati.

    L-Emenda 21 , li tikkontradixxi t-Trattat f'dak li jirrigwarda t-trattament tat-tmexxija tas-sajd, ma nltaqgħetx.

    L-Emenda 30 , li żżid il-Kroazja mal-lista ta' l-Istati Membri fil-Baħar Adrijatiku (Artikolu 4), ma ntlaqgħetx. Fil-fatt, il-Kunsill għażel li titħassar totalment kull referenzi għal Stati Membri f'dak l-Artikolu.

    L-Emenda 32 , għat-tisħiħ ta' l-obbligu li tinkiseb il-'Qagħda Ambjentali Tajba', ġiet miċħuda. Il-Pożizzjoni Komuni naqqset il-qawwa tat-test inizjali tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni importanti.

    L-Emenda 40 , li temenda t-titlu ta' l-Artikolu 6, ġiet miċħuda.

    L-Emenda 44 , li ddaħħal qafas regolatorju speċifiku ffokat fuq proġetti ta' infrastruttura fl-ambjent marittimu, ma ntlaqgħetx.

    L-Emenda 45 , dwar il-Politika Agrikola Komuni, ma ġietx aċċettata.

    L-Emenda 54 , li tħassar ir-referenzi kollha għall-komitoloġija għat-tkomplija ta' l-iżvilupp ta' deskritturi tal-'Qagħda Ambjentali Tajba', ma ntlaqgħetx.

    L-Emendi 59 u 61 , li jittrattaw l-adozzjoni ta' miżuri u programmi dwar it-traċċabbiltà u d-detezzjoni ta' tniġġis marittimu, ġew miċħuda.

    L-Emenda 65 , li titlob lill-Kummissjoni tipprovdi kriterji għall-governanza tajba ta' l-oċeani, ma ntlaqgħetx.

    L-Emenda 71 , li ddaħħal obbligi għall-protezzjoni ta' l-Oċean Artiku, ġiet miċħuda.

    L-Emenda 72 , li tittratta ż-Żoni ta' Protezzjoni tal-Baħar u tirrikjedi t-tfassil ta' rapporti dwar il-progress fl-istabbiliment tagħhom, ma ġietx aċċettata.

    L-Emenda 76 , li tirrikjedi, f'dak li jirrigwarda l-komitoloġija, l-applikazzjoni tal-proċedura regolatorja l-ġdida bi skrutinju għall-adozzjoni ta' standards metodoloġiċi, ġiet miċħuda.

    L-Emenda 78 , li tipproponi li jiddaħħlu obbligi għall-Istati Membri f'ilmijiet lil hinn mill-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta' l-UE, ġiet miċħuda.

    L-Emenda 90 , li kienet twassal għat-tħassir tar-radjunukleidi mil-lista tas-sustanzi li għandhom jiġu kkontrollati, ma ntlaqgħetx.

    3.2.5 Bidliet addizzjonali magħmula lill-Proposta mill-Kunsill

    Il-Pożizzjoni Komuni fiha għadd sinifikanti ta' bidliet meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. B'xorti ħażina, dawn il-bidliet inaqqsu s-saħħa tal-proposta.

    Il-bidliet l-iktar importanti jirrigwardaw:

    - L-ambizzjoni aktar dgħajfa tad-Direttiva, li titnissel mill-modifikazzjoni ta' l-Artikolu 1 : Filwaqt li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet tirrikjedi l-iżvilupp ta' Strateġiji Marittimi "ddisinjati biex jilħqu l-Qagħda Ambjentali Tajba", il-Pożizzjoni Komuni naqqset il-qawwa ta' dan l-obbligu billi tuża l-espressjoni "bil-għan li tintlaħaq il-Qagħda Ambjentali Tajba".Madankollu, fuq nota aktar pożittiva, l-Istati Membri xorta se jkollhom juru tendenza ġenerali pożittiva lejn il-Qagħda Ambjentali Tajba sa l-2021. Skond il-Pożizzjoni Komuni, l-elaborazzjoni ta' Strateġiji Marittimi sa l-2021 ma tkunx biżżejjed jekk dawn l-Istrateġiji ma jwasslux għal ħarsien aħjar ta' l-ambjent ta' l-ibħra.Barra minn hekk, l-għan aħħari tad-Direttiva jibqa' l-ksib totali tal-Qagħda Ambjentali Tajba, għax referenzi oħrajn għal dan il-kunċett fid-Direttiva ma ġewx immodifikati (eż. fl-Artikolu 13).

    - L-introduzzjoni ta' dispożizzjoni ġdida li jeżentaw lill-Istati Membri mill-obbligi li jieħdu ċerti passi ta' implimentazzjoni fejn ma hemmx riskju sinifikanti għall-ambjent ta' l-ibħra jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati : L-introduzzjoni ta' din id-dispożizzjoni hija żieda ma' salvagwardji diġà eżistenti rigward l-ispejjeż ta' implimentazzjoni fl-abbozz tal-proposta (partikolarment l-Artikolu 13(3)). Il-ħtieġa li jiġi ddemostrat in-nuqqas ta' riskji sinifikanti, jew l-inċidenza ta' spejjeż sproporzjonati, mhijiex espressa b'mod espliċitu biżżejjed fil-Pożizzjoni Komuni.

    Bidliet oħrajn importanti huma dawn li ġejjin:

    - Rabta ġeografika bejn l-Istrateġija Marittima u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma : Id-definizzjoni ta' "ilmijiet marittimi" fl-Artikolu 3 ġiet immodifikata biex tindika li l-ilmijiet marittimi se jkunu estiżi għall-ilmijiet marittimi koperti mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, għax jeżistu aspetti importanti ta' l-ekosistema ta' l-ibħra li mhumiex koperti mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma. Jeħtieġ li jitwessa' l-ambitu tad-Direttiva Marittima għall-ilmijiet marittimi koperti mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koerenti taż-żewġ Direttivi, għax l-ekosistemi marittimi ma jikkoinċidux mal-fruntieri amministrattivi artifiċjali. Kienet tkun preferibbli interazzjoni ġeografika aktar komprensiva bejn iż-żewġ Direttivi, li tkopri wkoll l-ilmijiet tax-xtut u anki l-ilmijiet tranżizzjonali (jiġifieri l-ilmijiet tal-wiċċ fil-viċin ta' bokok ta' xmajjar li huma parzjalment melħin minħabba l-prossimità tagħhom għall-ilmijiet tax-xtut).

    - Il-kontroll ta' l-implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (Artikoli 12 u 16) : Il-Pożizzjoni Komuni tnaqqas il-kontroll ta' l-implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, billi dan il-kontroll issa jibqa' limitat għal konsulenza bbażata fuq notifiki mingħand l-Istati Membri.

    - Dispożizzjoni ġdida dwar skema ta' implimentazzjoni mħaffa għal proġetti pilota (Artikolu 5(3)) : Il-Pożizzjoni Komuni ddaħħal dispożizzjoni ġdida rigward il-possibbiltà li titħaffef l-implimentazzjoni fl-hekk imsejħa 'reġjuni ta' proġetti pilota', li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri kkonċernati.

    - It-tneħħija ta' referenzi għall-Istati Membri fl-Artikolu 4 : Il-Pożizzjoni Komuni sempliċement telenka Reġjuni Marittimi u tissuġġerixxi Subreġjuni, mingħajr ma tispeċifika liema Stati Membri jagħmlu fruntiera ma' dawn ir-Reġjuni u Subreġjuni.

    4. KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni tqis li l-Pożizzjoni Komuni, adottata mill-Istati Membri kollha ħlief wieħed (l-Italja asteniet), hija pass importanti 'l quddiem lejn l-adozzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.

    B'danakollu, il-Kummissjoni tinnota li l-Pożizzjoni Komuni mhijiex ambizzjuża daqs il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-ambizzjoni ġenerali tagħha, il-karattru obbligatorju ta' l-għan tal-Qagħda Ambjentali Tajba, u l-ispejjeż ta' implimentazzjoni. Fuq dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li l-politika tajba tiddipendi minn informazzjoni ta' l-aqwa kwalità, u li l-evalwazzjonijiet u l-programmi ta' monitoraġġ attwali fil-livell ta' l-UE la huma integrati u lanqas kompluti.

    Fuq nota aktar pożittiva, il-Kummissjoni tinsab sodisfatta li l-Pożizzjoni Komuni tirrikonoxxi bis-sħiħ il-ħtieġa qawwija ta' strateġija Ewropea integrata biex inħarsu l-oċeani u l-ibħra tagħna b'mod aktar effettiv. Ir-referenzi għall-importanza tal-kooperazzjoni u l-koordinament bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji marittimi fuq livell reġjunali huma pożittivi wkoll. Fl-aħħar nett, iż-żieda ta' ċerti elementi għad-definizzjoni tal-'Qagħda Ambjentali Tajba' hija utli wkoll, għalkemm il-Kummissjoni kienet tippreferi definizzjonijiet li jiffokaw fuq elementi ta' kwalità ambjentali pjuttost milli fuq pressjonijiet speċifiċi.

    [1] COM (2006) 275 finali.

    Top