Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0437

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq Pożizzjoni Komunitarja dwar Deċiżjoni tal-KE - il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jemenda l-Protokoll 2 (dwar il-prodotti ta’ l-azzar) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    /* KUMM/2007/0437 finali */

    52007PC0437

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq Pożizzjoni Komunitarja dwar Deċiżjoni tal-KE - il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jemenda l-Protokoll 2 (dwar il-prodotti ta’ l-azzar) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni /* KUMM/2007/0437 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 17.10.2007

    KUMM(2007) 437 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    fuq Pożizzjoni Komunitarja dwar Deċiżjoni tal-KE - il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jemenda l-Protokoll 2 (dwar il-prodotti ta’ l-azzar) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM), min-naħa l-oħra, daħal fis-seħħ f’April 2004.

    Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 108 tal-Ftehim imsemmi jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dak il-Ftehim u jeżamina kwalunkwe kwistjoni ta' importanza kbira li tirriżulta fi ħdan il-qafas tal-Ftehim u kwalunkwe kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess reċiproku.

    Kif ipprovdut fl-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll 2 dwar il-prodotti ta’ l-azzar tal-Ftehim imsemmi, iż-żewġ naħat waqqfu sistema rapida ta' informazzjoni dwar il-kummerċ fil-prodotti ta' l-azzar, fl-għamla ta’ sistema ta' kontroll doppju, mingħajr limiti kwantitattivi, għall-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti ta’ l-azzar li joriġinaw mill-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Meta wieħed iqis il-progress li sar fir-ristrutturar ta’ l-industrija ta’ l-azzar ta’ l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jixraq li titneħħa s-sistema ta’ kontroll doppju. Kif ipprovdut fl-Artikolu 7(3) ta' l-istess Protokoll, is-sistema ta' kontroll doppju tista' titneħħa permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    L-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li tabolixxi din is-sistema ntlaħaq ftehim dwaru f’konsultazzjonijiet tekniċi u ġie kkonfermat permezz ta’ skambju ta’ ittri ma’ l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bid-data tas-27 ta' Lulju 2007 u t-23 ta’ Awissu 2007 rispettivament.

    Kif stipulat fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2004/239/KE, Euratom tat-23 ta’ Frar 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi, il-pożizzjoni tal-Komunità fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Il-Kunsill huwa għalhekk mistieden japprova l-proposta mehmuża għall-pożizzjoni tal-Komunità.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    fuq Pożizzjoni Komunitarja dwar Deċiżjoni tal-KE - il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jemenda l-Protokoll 2 (dwar il-prodotti ta’ l-azzar) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2004/239/KE, Euratom tat-23 ta' Frar 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

    Billi:

    (1) L-Artikolu 7 tal-Protokoll 2 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistabbilixxi sistema ta' kontroll doppju, mingħajr limiti kwantitattivi, għall-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    (2) L-Anness I tal-Protokoll 2 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fih il-metodoloġija ta’ din is-sistema ta’ kontroll doppju.

    (3) L-Artikolu 7(3) tal-Protokol 2 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Anness I tal-Protokoll 2 jew jabolixxi s-sistema ta’ kontroll doppju.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 108 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-Artikolu 7 tal-Protokoll 2 tal-Ftehim imsemmi u l-Anness I ta' dak il-Protokoll, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    Abbozz

    DEĊIŻJONI TAL-KE – IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TA’ L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

    li temenda l-Protokoll 2 (dwar prodotti ta’ l-azzar) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u AssoċjazzjoniKE – l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 7 tal-Protokoll 2 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistabbilixxi sistema ta' kontroll doppju, mingħajr limiti kwantitattivi, għall-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    (2) Sar progress importanti fil-programm meħtieġ ta' ristrutturar u konverżjoni għall-industrija ta' l-azzar fl-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    (3) Il-ħtieġa għal proċedura amministrattiva għall-għoti rapidu ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet fil-flussi kummerċjali sabiex tiżdied it-trasparenza u sabiex tkun evitata kull devjazzjoni tal-kummerċ ma għadhiex teżisti.

    (4) Konsegwentement, ma għadx hemm bżonn ta' sistema ta' kontroll doppju, mingħajr limiti kwantitattivi, għall-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-Protokoll 2 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    L-Artikolu 7 tal-Protokoll 2 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzzjoni bejn il-KE u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, u l-Anness I ta’ dan il-Protokoll, li jirreferi għall-Artikolu 7 msemmi qabel, għandhom jitneħħew mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-[1 ta’ Jannar 2008].

    Magħmula fi Brussell, [...]

    Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni |

    Il-President |

    [1] ĠU L 84, 20.3.2004, p. 1.

    [2] ĠU C […], […], p. […].

    Top