Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0007

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, biex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

    /* KUMM/2007/0007 finali - CNS 2007/0004 */

    52007PC0007

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, biex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea /* KUMM/2007/0007 finali - CNS 2007/0004 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 16.1.2007

    KUMM(2007) 7 finali

    2007/0004 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

    dwar il-konklużjoni tal-Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, biex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni (FPK) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, huwa ftehim "imħallat", li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, jiġifieri qabel it-tkabbir ta' l-Unjoni bl-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija . Għaldaqstant jinħtieġ li jitħejja Protokoll għall-FPK li jippermetti l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda fil-Ftehim, skond l-Artikolu 6(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni anness mat-Trattat ta' Adeżjoni tal-25 ta' April 2005.

    Fit-23 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f'isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, ma' l-Ukraina, bil-għan li jiġi konkluż Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni.

    Sussegwentement, in-negozjati ma' l-Ukraina tlestew. It-test tal-Protokoll innegozjat jinsab hawn mehmuż.

    Il-proposti mehmuża huma għal (1) Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll u (2) Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll.

    Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill għandu:

    - jieħu deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

    - jikkonkludi l-Protokoll f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll mill-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

    2007/0004 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

    dwar il-konklużjoni tal-Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, biex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 44(2), l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 47(2), u l-Artikoli 55, 57(2), 71, 80(2), 93, 94, 133 u 181a, flimkien mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,[2]

    Wara li kkunsidraw l-approvazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

    Billi:

    1. Il-Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, ġie ffirmat f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri fi [ GĦANDHA TIŻDIED ID-DATA ] skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru…..

    2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Protokoll ġie applikat fuq bażi temporanja sa mid-data ta' l-adeżjoni.

    3. Il-Protokoll għandu jiġi konkluż,

    IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll mal-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, qiegħed b'dan jiġi approvat f'isem il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri.

    It-test tal-Protokoll jinsab anness ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill, f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu […] tal-Protokoll. Il-President tal-Kummissjoni għandu fl-istess waqt jagħti din in-notifika f'isem il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

    Magħmula fi Brussell,

    Għall-Kummissjoni Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS

    PROTOKOLL MAL-FTEHIM TA' PARTENARJAT U KOOPERAZZJONI (FPK) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fil-FPK

    IR-RENJU TAL-BELĠJU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ L-ESTONJA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA' SPANJA,

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA TALJANA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    IR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

    IR-RENJU TA' L-OLANDA,

    IR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

    IR-RUMANIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

    IR-RENJU TA' L-IŻVEZJA,

    IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa 'l-Istati Membri' irrappreżentati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, u

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TA' L-ENERĠIJA ATOMIKA,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa 'il-Komunitajiet', irrappreżentati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea,

    minn naħa waħda, u

    L-Ukraina

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn 'il quddiem imsejħa l-'Partijiet' għall-għanijiet ta' dan il-Protokoll,

    WARA LI KKUNSIDRAW id-dispożizzjonijiet tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiza, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea), u bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea, li ġie ffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' April 2005 u li ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW is-sitwazzjoni l-ġdida fir-relazzjonijiet bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea maħluqa bl-adeżjoni fl-UE ta' żewġ Stati Membri, li tiftaħ opportunitajiet ġodda u li ġġib magħha sfidi għall-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea,

    FILWAQT LI JQISU x-xewqa tal-Partijiet li jiżguraw il-ksib u t-twettiq ta' l-għanijiet u l-prinċipji tal-FPK,

    FTEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom ikunu Partijiet fil-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni li jistabbilixxi partenarjat bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fl-14 ta' Ġunju 1994 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Ftehim'), u għandhom jadottaw u josservaw, bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra tal-Komunità, it-testi tal-Ftehim, kif ukoll tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti, id-Dikjarazzjonijiet u l-Iskambji ta' Ittri mehmuża ma' l-Att Finali ffirmat fl-istess data u l-Protokoll mal-Ftehim ta' l-10 ta' April 1997, li daħal fis-seħħ fit-12 ta' Ottubru 2000, u l-Protokoll mal-Ftehim tad-29 ta' April 2004 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2006.

    Artikolu 2

    Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim.

    Artikolu 3

    1. Dan il-Protokoll għandu jkun approvat mill-Komunitajiet, mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea f' isem l-Istati Membri, u mill-Ukraina skond il-proċeduri tagħhom stess.

    2. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri korrispondenti msemmija fil-paragrafu preċedenti. L-istrumenti ta’ approvazzjoni ser jiġu ddepożitati fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    1. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum bħat-Trattat ta’ Adeżjoni, bil-kundizzjoni li l-istrumenti kollha ta’ approvazzjoni ta’ dan il-Protokoll ikunu ġew iddepożitati qabel dik id-data.

    2. Meta mhux l-istrumenti kollha ta’ approvazzjoni ta’ dan il-Protokoll jkunu ġew depożitati qabel dik id-data, dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data tad-depożitu ta' l-aħħar strument ta' approvazzjoni.

    3. Jekk sa l-1 ta' Jannar 2007 ma jkunux ġew iddepożitati l-istrumenti kollha ta' approvazzjoni ta' dan il-Protokoll, dan għandu japplika b'mod temporanju b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

    Artikolu 5

    1. It-testi tal-Ftehim, ta' l-Att Finali u tad-dokumenti kollha annessi miegħu, u l-Protokolli mal-Ftehimiet ta' l-10 ta' April 1997 u tad-29 ta' April 2004 huma mfassla bil-lingwa Bulgara u bil-lingwa Rumena.

    2. Dawn jinsabu annessi ma' dan il-Protokoll u huma awtentiċi daqs it-testi fil-lingwi l-oħra li fihom huma mfassla l-Ftehim, l-Att Finali u d-dokumenti annessi miegħu, u l-Protokolli mal-Ftehimiet ta' l-10 ta' April 1997 u tad-29 ta' April 2004.

    Artikolu 6

    Dan il-Protokoll huwa abbozzat f'żewġ kopji fil-lingwi Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Ukraina, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

    Magħmul fi.... fi .... tas-sena 2006.

    GĦALL-ISTATI MEMBRI

    GĦALL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    GĦALL-UKRAINA

    [1] Ir-referenza tal-ĠU għadha trid tiżdied.

    [2] Ir-referenza tal-ĠU għadha trid tiżdied.

    Top