Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0843

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn politika mtejba dwar l-emissjonijiet industrijali {KUMM(2007)844 finali} {SEG(2007)1679} {SEG(2007)1682}

    /* KUMM/2007/0843 finali */

    52007DC0843




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 21.12.2007

    KUMM(2007) 843 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn politika mtejba dwar l-emissjonijiet industrijali {KUMM(2007)844 finali}{SEG(2007)1679}{SEG(2007)1682}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn politika mtejba dwar l-emissjonijiet industrijali

    INTRODUZZJONI

    L-attivitajiet industrijali għandhom rwol importanti fil-benessri ekonomiku ta’ l-Ewropa, billi jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u jipprovdu impjiegi ta’ kwalità għolja. Madankollu, l-attivitajiet industrijali jħallu wkoll impatt sinifikanti fuq l-ambjent.

    L-akbar stallazzjonijiet industrijali jirrappreżentaw sehem konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet atmosferiċi niġġiesa totali ewlenin (83% tad-dijossidu tal-kubrit (SO2), 34% ta’ l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), 43% tat-trab u 55% tal-komposti organiċi volatili (VOC)). Għandhom ukoll impatti ambjentali importanti oħra, inkluż l-emissjonijiet fl-ilma u fil-ħamrija, il-ħolqien ta’ l-iskart u l-użu ta’ l-enerġija.

    L-emissjonijiet minn stallazzjonijiet industrijali kienu għalhekk suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' l-UE għal ċertu żmien. Sa mis-snin sebgħin tfasslu bosta Direttivi li fl-aħħarnett wasslu għall-adozzjoni ta' l-atti ta' leġiżlazzjoni ewlenin li ġejjin:

    - id-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis[1] (IPPC) tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin għall-permessi u l-kontroll ta' stallazzjonijiet ibbażati fuq appoċċ integrat u l-applikazzjoni ta’ l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) li huma l-aktar tekniki effikaċi biex jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien ambjentali, meta jitqiesu l-kosts u l-benefiċċji;

    - id-Direttivi msejħa settorjali jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi, inkluż valuri limitu minimi ta’ l-emissjonijiet għal ċerti attivitajiet industrijali (impjanti kbar ta’ kombustjoni, inċinerazzjoni ta’ l-iskart, attivitajiet li jużaw solventi organiċi u produzzjoni tad-dijossidu tat-titanju.

    Minkejja l-valuri limitu minimi ta’ l-emissjonijiet stipulati fid-direttivi settorjali, l-istallazzjonijiet industrijali kollha li huma suġġetti għall-atti leġiżlattivi msemmija hawn fuq, jeħtieġu jorjentaw is-sistemi ta’ permessi tagħhom lejn l-implimentazzjoni ta' l-aqwa tekniki disponibbli.

    Teknoloġiji innovattivi jistgħu jnaqqsu l-kost tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali. L-innovazzjoni tipprovdi wkoll opportunitajiet għall-industrija biex tibbenefika mis-swieq ġodda emerġenti fit-teknoloġiji ambjentali. L-Istrateġija ta’ Liżbona tidentifika żvilupp sostenibbli u ħarsien ambjentali bħala pilastru importanti tal-politika attwali u futura Ewropea, u tisħaq fuq ir-rwol tat-teknoloġiji ambjentali bħala li għandhom “ potenzjal ekonomiku, ambjentali u ta' impjiegi sinifikanti ”[2]. Il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali għandha rwol attiv fl-istimolu ta’ l-iżvilupp u l-użu ta’ dawn it-tipi ta’ teknoloġiji.

    L-IPPC u l-korp ta’ leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali għandhom ukoll rwol biex jiġu indirizzati applelli mill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u partijiet ikkonċernati oħra għal “Regolamentazzjoni Aħjar.” B’dan il-ħsieb fl-2005[3] il-Kummissjoni nediet analiżi tal-korp ta’ leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ambjentali u ta’ l-ispejjeż u titħeġġeġ l-innovazzjoni teknoloġika.

    Abbażi ta’ analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni attwali u l-eżitu tal-proċess analitiku, il-Kummissjoni qed tipproponi razzjonalizzazzjoni u titjib tal-politika tagħha dwar l-emissjonijiet industrijali. Għall-impjanti kbar ta’ kombustjoni biss il-proposta għandha twassal għal benefiċċji netti ambjentali u tas-saħħa ta’ l-anqas ta’ 7 sa 28 EUR biljun fis-sena inkluż it-tnaqqis ta’ mwiet prematuri / snin ta’ ħajjiet mitlufa bi 13,000 u 125,000 rispettivament. Benefiċċji sinifikanti għas-saħħa u l-ambjent jinkisbu wkoll f'setturi oħra. Barraminhekk, b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, il-proposta twassal għal tnaqqis net fil-piż amministrattiv bejn 105 u 225 EUR miljuni fis-sena.

    Din il-Komunikazzjoni tinkludi wkoll ir-riżultati ta’ l-analiżi mħejjija skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva IPPC[4] (inkluż analiżi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-IPPC stabbilit fl-2005, kif ippreżentat fl-Anness 1) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ l-iskart[5] (ara l-Anness 2).

    IS-SITWAZZJONI ATTWALI

    Id-Direttiva IPPC ħtieġet implimentazzjoni sħiħa sat-30 ta’ Ottubru 2007. Madwar 52,000 stallazzjoni madwar l-Istati Membri kollha jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva, u sa nofs l-2006 madwar 50 fil-mija ta’ dawn l-istallazzjonijiet ingħataw permess skond id-Direttiva IPPC. Filwaqt li sar aktar progress, fl-istess ħin sar evidenti li l-isforzi li saru ma kienux bizzejjed għall-Istati Membri kollha biex jikkonformaw ma’ l-iskadenza tad-Direttiva.

    Barraminhekk, il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tal-kwalità tal-permessi maħruġa u tas-sistemi tal-ħruġ tal-permessi, tal-konformità u ta’ l-infurzar adottati mill-Istati Membri. Abbażi ta’ proċess ta’ sentejn ta’ ġbir tad-dejta permezz ta’ programm estensiv ta’ għaxar studji u konsultazzjoni kontinwa mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-prinċipji ewlenin tad-Direttiva IPPC attwali, partikolarment l-approċ integrat ibbażat fuq ‘L-Aqwa Tekniki Disponibbli,’ jibqgħu bażi soda għall-iżvilupp futur tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-emissjonijiet industrijali.

    Madankollu, hemm diversi nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali li jxekklu l-isfruttar sħiħ ta’ l-aqwa tekniki disponibbli maħsub oriġinalment bid-Direttiva, li jagħmlu l-infurzar fil-livell Komunitarju diffiċli ħafna u li ma jwasslux għall-prevenzjoni jew tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa.

    F’dan il-kuntest, ħames oqsma ewlenin ta' tħassib ġew identifikati:

    - implimentazzjoni insuffiċjenti tal-BAT. L-analiżi wriet partikolarment li mingħajr aktar tnaqqis fl-emissjonijiet minn stallazzjonijiet IPPC, l-effetti pożittivi fuq is-saħħa u l-ambjent li għandhom jinkisbu mill-miri stipulati fl-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja mhux se jimmaterjalizzaw. Barraminhekk, qed tiġi nnutata distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE minħabba differenzi kbar fl-istandards ambjentali;

    - limitazzjonijiet fir-rigward tal-konformità, infurzar u titjib ambjentali jxekklu l-protezzjoni ambjentali;

    - piżijiet ammistrattivi mhux meħtieġa kawża tal-kumplessità u l-inkonsistenza ta’ partijiet tal-qafas ġuridiku attwali;

    - ambitu defiċenti u dispożizzjonijiet mhux ċari fid-Direttiva IPPC attwali li jistgħu jxekklu l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Istrateġiji Tematiċi tal-Kummissjoni;

    - limiti fuq l-użu ta’ strumenti aktar flessibbli, bħal sistemi ta’ skambju ta' l-emissjonijiet NOx u SO2;

    Dawn il-problemi ġew diskussi u vvalutati fid-dettall fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ l-impatt mill-Kummissjoni fl-analiżi ta’ l-IPPC.

    TITJIB TAL-LEġIżLAZZJONI DWAR IT-TNIġġIS INDUSTRIJALI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAGħHA

    B’reazzjoni għall-ostakli eżistenti u spjegati hawn fuq, u abbażi ta' valutazzjoni metikoluża ta' l-impatt, il-Kummissjoni qed tressaq pakkett ta' miżuri maħsuba biex jindirizzaw oqsma problematiċi speċifiċi, li, tul iż-żmien, se jwasslu għal titjib tas-sitwazzjoni.

    Żewġ inizjattivi ewlenin inħasbu f’dan il-kuntest:

    - reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-emissjonijiet industrijali permezz ta' simplifikazzjoni, kjarifika u tisħiħ;

    - rinfurzar tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni.

    Barra dawn iż-żewġ inizjattivi, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq regoli possibbli ta’ l-UE għal skema ta' skambju ta' l-emissjonijiet ta' l-NOx u SO2.

    Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali

    Il-valutazzjoni ta’ l-impatt li saret bħala parti minn din l-inizjattiva wriet li l-problemi identifikati ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr xi tibdil fil-leġiżlazzjoni. Uħud mill-emendi ewlenin għal-leġiżlazzjoni huma li ġejjin:

    1. riformulazzjoni ta’ atti eżistenti ta' leġiżlazzjoni (jgħoddu sebgħa[6]) f’Direttiva waħdanija dwar l-emissjonijiet industrijali. Din se ttejjeb iċ-ċarezza u l-koerenza kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi, għandha l-potenzjal li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa permezz ħruġ konġunt ta’ permessi u rekwiżiti razzjonalizzati ta’ rappurtar, u se twassal ukoll għal ksib ta’ xi benefiċċji ambjentali;

    2. titjib u kjarifika tal-kunċett tal-BAT biex tinħoloq applikazzjoni aktar koerenti tad-Direttiva IPPC attwali u billi teħtieġ li deċiżjonijiet li jistabbilixxu kundissjonijiet tal-permessi barra l-BAT ikunu ġġustifikati u ddokumentati. Barraminhekk, il-valuri limitu minimu ta’ l-emissjonijiet b’ċerti setturi (pereżempju, impjanti kbar ta' kombustjoni) saru aktar stretti biex jiżguraw il-progress meħtieġ għal ksib tal-miri ta' l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta' l-Arja;

    3. dħul ta’ dispożizzjonijiet minimi fir-rigward ta’ spezzjonijiet, reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-permess u rappurtar dwar il-konformità. Qed jiġu kkunsidrati wkoll inċentivi għall-ekoinnovazzjoni u appoġġ għall-ħolqien tas-swieq mexxejja;

    4. twessigħ ta' l-ambitu tad-Direttiva IPPC biex jiġu koperti ċerti attivitajiet (pereżempju impjanti ta’ kombustjoni bejn l-20 u l-50 MW) u kjarifika ta’ l-ambitu għal ċerti setturi (pereżempju, it-trattament ta' l-iskart) biex titjieb il-konsistenza u l-koerenza tal-prassi attwali tal-ħruġ tal-permessi;

    5. fejn il-Kummissjoni jkollha tieħu miżuri biex temenda elementi mhux essenzjali tad-Direttiva riformulata, il-Kummissjoni se tkun mgħejjuna minn Kumitat tal-Komitoloġija u se tiżgura l-involviment wiesa’ tal-partijiet ikkonċernati.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni 2008-2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali

    Minħabba li l-leġiżlazzjoni riveduta mhux se tidħol fis-seħħ għal għadd ta’ snin, il-Kummissjoni se teħtieġ li tiżgura li l-Istati Membri japplikaw il-leġiżlazzjoni attwali kemm jista’ jkun bis-sħiħ. Għalhekk se ssaħħaħ il-monitoraġġ u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ tagħha billi tirrevedi u tiffoka mill-ġdid il-Pjan ta' Azzjoni IPPC attwali dwar l-Implimentazzjoni (ara l-valutazzjoni tal-progress fl-Anness 1) għal perjodu ta’ żmien 2008-2010 kif stipulat hawn taħt.

    Azzjoni 1. Żgurar tat-traspożizzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali

    Il-leġiżlazzjoni li tikkontrolla l-emissjonijiet industrijali nħolqot biex tħares u ttejjeb l-ambjent Ewropew u tħares is-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej. Is-suċċess tal-leġiżlazzjoni jiddependi qabel kollox fuq it-traspożizzjoni effettiva mill-Istati Membri fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom. Bosta Stati Membri ma ttrasponewx bis-sħiħ id-Direttiva IPPC u leġiżlazzjoni relatata dwar l-emissjonijiet industrijali sa l-iskadenzi meħtieġa. Għalhekk il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji, inkluż permezz ta’ proċeduri ta’ ksur, biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni.

    Azzjoni 2. Appoġġ lill-Istati Membri fit-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa

    Il-Kummissjoni tagħraf li piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u sproporzjonati jistgħu jħallu impatt ekonomiku reali, kif ukoll ikunu irritazzjoni u distrazzjoni għan-negozju, u hija impenjata li tnaqqas il-piż amministrattiv fil-livell ta’ l-UE tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-emissjonijiet industrijali. Barraminhekk, hemm opportunitajiet sinifikanti biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fil-livell ta’ l-Istati Membri apparti dawk miksuba fil-livell ta’ l-UE.

    Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet il-Kummissjoni se torganizza skambju ta’ informazzjoni ma’ l-Istati Membri dwar l-istabbilment ta’ Programmi ta’ Azzjoni speċifiċi dwar it-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fil-livell ta’ Stat Membru fir-rigward tal-ħruġ tal-permessi għal stallazzjonijiet IPPC u l-kontroll tagħhom.

    Dawn il-Programmi ta’ Azzjoni speċifiċi se jissejsu fuq l-eżerċizzjoni tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż amministrattivi attwali li qed isir mill-Kummissjoni bil-kollaborazzjoni ta’ l-Istati Membri bħala parti mill-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea[7].

    Azzjoni 3. Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom

    Il-Kummissjoni tagħraf li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali teħtieġ skambju effikaċi ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti kif ukoll biex jitħeġġu l-aqwa prattiki.

    Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti madwar l-UE. Dan se jinkludi aspetti ta’ skambju mtejjeb ta’ l-informazzjoni, l-iżvilupp ta’ gwida, żjarat fl-awtoritajiet u taħriġ. Dan l-appoġġ se jkompli matul l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni riveduta.

    Azzjoni 4. Monitoraġġ imtejjeb u kontrolli ta’ konformità ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali

    L-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali teħtieġ li jkun hemm sistema soda ta’ monitoraġġ u kontrolli tal-konformità biex jiġi żgurat li l-industrija tikkonforma mar-rekwiżiti ambjentali, kif ukoll tiżgura lill-pubbliku li saħħithom u l-ambjent qed jingħataw il-ħarsien meħtieġ.

    Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-għadd ta’ permessi IPPC maħruġa u aġġornati u, fejn meħtieġ, tinvestiga s-sistema ta' monitoraġġ u spezzjoni fl-istallazzjonijiet IPPC. Tali investigazzjonijiet se jkopru stallazzjonijiet industrijali u setturi speċifiċi, l-użu ta’ regoli ġenerali li jorbtu, u l-analiżi ta’ l-ilmenti.

    Azzjoni 5. Titjib fil-ġbir tad-dejta għall-analiżi tal-BREFs u l-ħolqien ta’ ħoloq aktar f’saħħithom mal-Programm Kwadru tar-Riċerka

    Il-kundizzjonijiet tal-permess, inkluż il-valuri limitu ta’ l-emissjonijiet (ELVs), użati fil-permessi IPPC għandhom jissejsu fuq il- BAT kif iddefinit fid-Direttiva IPPC. Biex tgħin l-awtoritajiet tal-liċenzji u l-kumpaniji biex jiddeterminaw il-BAT, il-Kummissjoni torganizza skambju ta’ informazzjoni bejn l-esperti mill-Istati Membri, l-industrija u l-għaqdiet ambjentali fl-UE. Dan iwassal għall-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tad- Dokumenti Referenza BAT (BREFs) tal-Kummissjoni.

    Ir-reviżjoni tal-BREFs se tkompli, abbażi tal-programm ta’ ħidma miftiehem u bil-kooperazzjoni sħiħa tal-partijiet ikkonċernati. Il-linji gwida stabbiliti dwar il-ġbir imtejjeb tad-dejta għall-proċess BREF se jkunu implimentati wkoll. Barraminhekk, biex tiġi pprovduta informazzjoni isħeħ dwar tekniki emerġenti u appoġġ għalihom, il-Kummissjoni se tiżgura ħoloq eqreb bejn il-proċess ta' elaborazzjoni tal-BREF, il-Programm Kwadru Ewropew dwar ir-Riċerka u l-Programm ta' Kompetitività u Innovazzjoni.

    Monitoraġġ u reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni

    Rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni se jiġu ppublikati fuq l-internet u diskussi mal-partijiet ikkonċernati. Aktar analiżi tal-Pjan ta' Azzjoni hija maħsuba lejn tmiem l-2010.

    L-iżvilupp ta’ regoli ta’ l-UE għal skema ta’ skambju ta’ l-emissjonijiet NO x u SO 2

    Il-Kummissjoni se tkompli tesplora l-użu ta’ strumenti kompatibbli ma’ l-IPPC u bbażati fuq is-suq bħal skema ta’ skambju ta' l-emissjonijiet għal NOx/SO2, bil-ħsieb ta’ żvilupp potenzjali ta’ strument ġuridiku li jistabbilixxi regoli madwar l-UE dwar din il-kwistjoni. Dan se jinkludi analiżi sħiħa ta’ l-alternattivi, inkluż l-ambitu u l-allokazzjoni ta’ l-ammonti, u se jindaga dwar l-impatti diretti u indiretti għas-setturi ekonomiċi kif ukoll iħares lejn l-esperjenza ta’ l-iskambju ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

    IMPATTI MISTENNIJA

    Il-valutazzjoni ta’ l-impatt imwettqa tul il-proċess tar-reviżjoni tad-Direttiva IPPC u l-leġiżlazzjoni relatat ivvalutat l-impatti tal-pakkett tal-miżuri proposti.

    Il-valutazzjoni wriet li l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa marbuta mal-miżuri proposti huma konsiderevoli. Adozzjoni ogħla tal-BAT, pereżempju, għandha rwol konsiderevoli biex tikkontribwixxi fit-tnaqqis tad-diskrepanza (bi 30 sa 70%) bejn il-linja bażi 2020[8] għal SO2 u NOx u l-miri stipulati fl-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja li jwassal għal benefiċċji ambjentali ta’ 7 sa 28 EUR biljun fis-sena għas-settur tal-impjanti kbar ta’ kombustjoni biss. Il-benefiċċji tal-proposta jegħlbu qatigħ l-impatti ekonomiċi (b’fattur bejn 3 u 14). Barraminhekk, hemm mistennija ta’ impatti pożittivi, imma huma anqas kwantifikabbli, fir-rigward ta' l-Istrateġiji Tematiċi l-oħra, bħal dawk fuq il-ħamrija, l-ilma u l-iskart.

    Il-proposti li saru se jagħtu kontribut sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Barraminhekk, ir-riformulazzjoni ta’ atti leġiżlattivi differenti f'Direttiva waħdanija qed turi li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi netti bejn 105 u 255 EUR miljuni fis-sena.

    Ma ġew identifikati ebda impatti sinifikanti fuq il-kompetittività, impatti soċjali detrimentali jew effetti negattivi fuq it-tkabbir ekonomiku fit-tul b’riżultat ta’ adozzjoni ogħla tal-BAT jew ta' titjib ieħor issuġġerit. Għal kuntlarju l-analiżi turi li applikazzjoni aktar unita tal-BAT tgħin biex jinħoloq kuntest ekwu u titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-UE fis-setturi industrijali koperti bid-Direttiva IPPC. Il-proposti se jgħinu wkoll biex jiġi promoss l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi.

    KONKLUżJONI

    Il-pakkett ta’ azzjonijiet ta’ politika spjegati hawn fuq u l-proposta mehmuża tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida u koerenti dwar l-Emissjonijiet Industrijali se ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni billi jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien ambjentali, jintaqqas il-piż amministrattiv u jiġu minimizzati d-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni fl-UE, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-industrija Ewropea.

    Anness 1: Valutazzjoni tal-progress (sa tmiem l-2007) fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni IPPC 2005 tal-Kummissjoni

    Deskrizzjoni ta' l-Azzjonijiet | Valutazzjoni tal-progress |

    Azzjoni 1: Żgurar tat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva IPPC | Id-Direttiva IPPC trasposta korrettament fi 12 mill-Istati Membri UE15. Kontrolli ta’ konformità mwettqa għall-UE10 u għandhom jinfetħu każijiet ta’ ksur possibli. |

    Azzjoni 2. Monitoraġġ imtejjeb tal-progress li sar lejn l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva IPPC sat-30 ta’ Ottubru 2007 | Monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni ta' għadd ta' permessi maħruġa jew aġġornati. |

    Azzjoni 3. Kontrolli ta’ konformità | Valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ permess u ta’ l-operat ta’ ċerti stallazzjonijiet speċifiċi u regoli ġenerali li jorbtu. Nuqqasijiet fl-implimentazzjoni identifikati u meqjusa fil-kuntest tal-proċess tar-reviżjoni IPPC. Barraminhekk, bosta nfetħu każijiet ta’ ksur għal applikazzjoni skorretta. |

    Azzjoni 4. Finalizzazzjoni ta’ l-ewwel sensiella tal-BREFs u l-bidu tar-reviżjoni tagħhom | Finalizzazzjoni ta’ l-ewwel sensiella ta’ 31 BREF fi tmiem l-2006; bidu tar-reviżjoni ta’ 7 BREFs; programm ta’ ħidma stabbilit għar-reviżjoni tal-bqija tal-BREFs. |

    Azzjoni 5. Ħtieġa tal-kjarifika ta’ kwistjonijiet ta’ ċertezza legali u analiżi teknika tad-Direttiva | Pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dokument gwida dettaljat li jiċċara aspetti tad-Direttiva IPPC abbażi ta’ skambju estensiv ta’ ideat fost l-Istati Membri; gwida dwar il-limitazzjonijiet legali u tekniċi dwar il-kapaċità se jibqgħu validu taħt id-Direttiva riveduta; bosta studji mwettqa biex tissupplixxi bl-informazzjoni r-reviżjoni tad-Direttiva. |

    Azzjoni 6. Valutazzjoni tal-modi ta’ razzjonalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżiztenti dwar l-emissjonijiet industrijali fil-kuntest ta’ Regolamentazzjoni Aħjar | Imwettqa bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni ta' l-IPPC. |

    Azzjoni 7. Valutazzjoni ta’ l-użu strumenti possibli u inċnetivi oħra b'approċċ tas-suq | Imwettqa bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni ta' l-IPPC. |

    Anness 2: Rapport fil-qosor dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ l-iskart.

    Sfond

    Id-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ l-iskart (WID) ġiet adottata fl-4 ta’ Diċembru 2000. It-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha ssir sat-28 ta’ Diċembru 2002. Minn dakinhar impjanti ġodda ta’ l-inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni kellhom japplikaw biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. L-iskadenza biex l-impjanti eżistenti jsiru konformi kienet it-28 ta’ Diċembru 2005.

    Skond it-termini ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill qabel tmiem is-sena 2008. L-ewwel rappurtar mill-Istati Membri meħtieġa mid-Direttiva jrid isir sa l-2009 u se jkopri l-perjodu 2006-2008. Sa meta jmiss dan ir-rappurtar, saret il-ġbir tad-dejta u l-informazzjoni[9] b'rabta mar-reviżjoni tad-Direttiva IPPC u leġiżlazzjoni relatata ma’ l-emissjonijiet industrijali sabiex tiġi żgurata sinerġija mill-qirb bejn dawn l-inizjattivi. Dan l-Anness jiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin sabiex jissodisfa r-rekwiżit ta’ rappurtar mill-Kummissjoni.

    Fl-eżerċizzju tal-ġbir tad-dejta dwar l-inċineraturi apposta ta’ l-iskart u fran tas-siment u ġir li jikkoinċineraw l-iskart, inġabret dejta mill-għaqdiet industrijali rispettivi. Informazzjoni dwar tipi oħra ta’ impjanti ta’ koinċinerazzjoni nġabret mill-Istati Membri.

    Għadd ta’ impjanti u permessi

    Instab li hemm madwar 1,400 impjant jinċineraw jew jikkoinċineraw l-iskart fl-UE. Anqas minn nofs dawn l-impjanti (39%) huma inċineraturi dedikati ta’ l-iskart. Il-koinċinerazzjoni sseħħ f'għadd ta’ setturi, l-aktar importanti huma fis-settur ta’ l-enerġija (15%) u s-settur tas-siment (10%). L-ammont ta’ skart li jmur għal/lejn setturi oħra huwa relattivament żgħir. Il-maġġoranza kbira (96%) ta’ l-impjanti huma impjanti “eżistenti”[10].

    Madwar 20% ta' l-istallazzjonijiet għad m’għandhom il-permessi meħtieġa sat-28 ta’ Diċembru 2005. Madankollu, billi dan jikkonċerna l-aktar Stat Membru wieħed, mhux qed jitqies bħala problema marbuta mad-Direttiva nnifisha. Il-konformità kumplessiva f’termini ta’ permessi maħruġa tista’ għalhekk titqies tajba, u l-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri Kollha jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit.

    Aktar minn 90% ta’ l-istallazzjonijiet koperti bid-WID jaqgħhu ukoll fl-ambitu tad-Direttiva IPPC. Tliet Stati Membri biss kienu qed jirrappurtaw li jużaw strateġija konġunta ta’ ħruġ ta’ permessi għall-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi.

    Konformità mar-rekwiżiti ambjentali

    Il-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ambjentali sabet li, ġeneralment, l-impjanti ta' l-inċenerazzjoni jilħqu l-valuri limitu ta' l-emissjonijiet fl-arja kif stipulati fid-WID. F’madwar 50% ta’ l-Istati Membri jew il-permess jkun fihom valuri limitu eħrex minn dawk meħtieġa fid-WID, pereżempju għall-emissjoni ta’ trab, CO, HCl, HF, NOx, SO2 u Hg fl-arja, jew jinkludu rekwiżiti addizzjonali, pereżempju dwar l-effiċjenza enerġetika, tnaqqis ta’ l-istorbju u prevenzjoni ta’ l-aċċidenti. Għadd żgħir biss ta’ permess inħarġu li jinkludu valuri limitu ta’ l-emissjonijiet għall-parametri għajr dawk l-obbligatorji, pereżempju, għal PAH, PCB jew żingu.

    Il-possibbiltà ta' eżenzjonijiet minn ċerti rekwiżiti ġiet applikata f'bosta każijiet. Ingħataw madwar 1,000 eżenzjoni mill-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet fl-arja. Min-naħa l-oħra, monitoraġġ aktar estensiv li kien meħtieġ mid-WID qed jiġi jsir f’xi Stati Membri.

    Tekniki għall-kontroll ta' l-emissjonijiet

    Id-Dokument Riferenza dwar L-Aqwa Tekniki Disponibbli (BREF) għall-inċinerazzjoni ta’ l-iskart stabbilit skond id-Direttiva IPPC ġie ppubblikat f’Awwissu 2006. Dan jiddikjara li hemm żvilupp kontinwu ta’ tekniki li jillimitaw l-ispejjeż filwaqt li xorta waħda tinżamm u tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali. Id-dokument BREF jelenka dawk meqjusa bħala l-aqwa tekniki disponibbli għall-inċinerazzjoni ta’ l-iskart, flimkien ma' għadd ta’ tekniki fir-rigward ta’ tekniki emerġenti, u li s'issa ntwerew biss fuq bażi pilota jew bi prova. Ġeneralment, il-valuri limitu ta’ l-emissjonijiet fid-WID huma relattivament qrib l-emissjonijiet li jikkorispondu għall-applikazzjoni ta’ l-aqwa tekniki disponibbli identifikati fil-BREF.

    Żviluppi ulterjuri

    Il-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-WID uriet li, filwaqt li d-Direttiva ġabet titjib sinifikati fil-kontroll ta' l-inċineraturi ta' l-iskart madwar l-UE, bosta kwistjonijiet jeħtieġu aktar azzjoni:

    - ir-rekwiżiti ta’ kejl skond id-WID intqal li xi drabi jimponu fuq l-operaturi piż mhux meħtieġ. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti biex jagħtu aktar eżenzjonijiet għal ċerti rekwiżiti ta’ kejl b’kundizzjonijiet speċifiċi ġiet ikkunsidrata fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt b’rabta mal-proċess ta' analiżi u ġiet inkluża fil-proposta għal Direttiva waħdanija ġdid;

    - il-klawżola ta’ revizjoni fid-WID speċifikament tipprovdi għal investigazzjoni tal-vijabbiltà ta’ l-ifran eżistenti tas-siment li jikkoinċineraw l-iskart biex iħarsu l-valuri limitu ta' l-emissjonijiet għal NOx fl-ifran il-ġodda tas-siment. Analiżi spejjeż-benefiċċji qed tiġi ppreżentat fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt għad-Direttiva proposta dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li abbażi tagħha qed titressaq proposta biex jiġi applikat il-valur limitu l-aktar baxx għall-ifran kollha tas-siment li jikkoinċineraw l-iskart. Il-valur limitu l-aktar baxx iwassal ukoll għal konsistenza mal-livelli BAT assoċjati ppreżentati fil-BREF għas-settur tas-siment u l-ġir u huwa propost fid-Direttiva l-ġdida.

    Fl-aħħarnett, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati saħqu fuq ċerti diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-WID li mhux bilfors ikunu jeħtieġu li tiġi emendata d-Direttiva. Minflok, dawn jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ kjarifika jew gwida fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tagħha dwar l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk se tieħu passi ulterjuri biex tiżviluppa kwalunkwe dokument gwida neċessarju bil-kollaborazzjoni ta’ l-Istati Membri.

    [1] ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26

    [2] Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona; COM(2005)330 finali

    [3] COM(2005) 540 finali

    [4] It-tieni rapporti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva IPPC ikopru l-perjodu 2003-2005. Dawn ir-rapporti kienu analizzati fil-kuntest ta’ studju estern, “Analiżi tat-tieni rapporti mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva IPPC,” LDK-ECO.

    [5] Il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva WI (inċinerazzjoni ta' l-iskart) kienet inkluża fi studju estern, "Assessment of the application and possible development of Community legislation for the control of waste incineration and co-incineration" (Ökopol, 2007).

    [6] id-Direttiva IPPC, id-Direttiva 1999/13/KE dwar l-emissjonijiet tas-solventi, id-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart, id-Direttiva 2001/80/KE dwar impjanti kbar ta' kombustjoni u d-Direttivi 78/176/KEE, 82/883/KEE u 92/112/KEE dwar l-industrija tad-dijossidu tat-titanju

    [7] COM(2007) 23

    [8] Previżjoni ta’ l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni attwali

    [9] "Assessment of the application and possible development of Community legislation for the control of waste incineration and co-incineration" (Ökopol, 2007).

    [10] Impjanti eżistenti kif definiti fid-WID huma impjanti li għalihom kien hemm permess jew permess kien intalab qabel it-28 ta’ Diċembru 2002.

    Top