Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0833

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali

    /* KUMM/2007/0833 finali */

    52007DC0833

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali /* KUMM/2007/0833 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 20.12.2007

    KUMM(2007) 833 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali

    1. IL-LITTERIżMU MEDJATIKU FID-DINJA DIġITALI

    Il-litteriżmu medjatiku qed isir dejjem aktar element importanti fl-aġendi ta' politika Ewropej u nazzjonali fis-setturi tal-midja u tal-komunikazzjoni. Id-Direttiva tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi (AVMS), per eżempju, tistabbilixxi obbligu ta' rappurtar għall-Kummissjoni biex jitkejlu l-livelli tal-litteriżmu medjatiku fl-Istati Membri kollha[1].

    Għalkemm il-midja tibqa' istrument ewlieni li permezz tiegħu ċ-ċittadin Ewropew ikun jista' jifhem aħjar id-dinja u jipparteċipa fil-ħajja demokratika u kulturali, il-konsum tal-midja qed jitbiddel. Il-mobilità, il-komunikazzjoni ġġenerata mill-utent, l-Internet u d-disponibbiltà kbira ta' prodotti diġitali qed jittrasformaw b'mod radikali l-ekonomija medjatika. Bħala konsegwenza, huwa kruċjali li jinbena għarfien u fehim aħjar ta' kif taħdem il-midja fid-dinja diġitali, min huma l-atturi ġodda fl-ekonomija tal-midja u x’inhuma l-possibbiltajiet u l-isfidi ġodda li l-konsum tal-midja diġitali jista' jġib miegħu. Fil-biċċa l-kbira tikkundizzjona l-kunfidenza ta' l-utent fit-teknoloġiji diġitali u fil-midja u, għalhekk, l-adozzjoni ta' l-ICT u tal-midja, li hija prijorità għall-Kummissjoni Ewropea, kif ikkonfermata fil-qafas tal-politika dwar l-istrateġija tagħha "i2010"[2]. B'mod aktar ġenerali, huwa importanti wkoll li ċ-ċittadin jifhem aħjar id-dimensjoni ekonomika u kulturali tal-midja u li ssir diskussjoni dwar l-importanza li l-ekonomija ta' l-Ewropa jkollha midja b'saħħitha u kompetittiva fil-livell globali, li twassal il-pluraliżmu u d-diversità kulturali.

    Livell ogħla ta' litteriżmu medjatiku jista' b'mod sinifikanti jikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-għanijiet stabbilti għall-Unjoni Ewropea fl-2000 fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona . Huwa ta' importanza partikolari li tiġi stabbilita ekonomija msejsa fuq l-għarfien li tkun aktar kompetittiva u aktar inklussiva permezz ta’ kompetittività mqawwija fis-setturi ta' l-ICT u tal-midja, sabiex jitlesta l-Ispazju Waħdieni Ewropew ta’ l-Informazzjoni u jitrawmu l-inklużjoni, servizzi pubbliċi aħjar u kwalità ta' ħajja aħjar.

    Dan l-approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali jwieġeb għal sejħiet mill-Parlament Ewropew[3] u l-industriji tal-midja u ta' l-ICT. Jissupplementa l-inizjattiva ta' l-UE li għaddejja bħalissa dwar il-pluraliżmu fil-midja[4], l-immodernizzar ta' l-oqfsa regolatorji għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi u għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-inizjattivi strateġiċi dwar it-televiżjoni mobbli[5] u l-kontenut kreattiv onlajn u l-inizjattiva li ġejja dwar l-Inklużjoni-e.

    Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni żżid ġebla oħra fil-binja tal-politika awdjoviżiva Ewropea. B'mod partikolari torbot id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta' l-AVMS (il-Komunikazzjoni se tinkoraġġixxi riċerka fil-kriterji għall-evalwazzjoni tal-litteriżmu medjatiku li huwa l-ewwel pass lejn l-obbligu ta' rapport ta' l-Artikolu 26)[6] u l-programm MEDIA 2007. Dan ta' l-aħħar jenfasizza l-importanza tal-litteriżmu medjatiku u ta' l-inizjattivi ta' l-edukazzjoni dwar l-immaġini għall-aċċess għax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u biex jissaħħaħ il-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv ta' l-Ewropa. L-għan ewlieni tiegħu huwa biex jenfasizza u jippromwovi l-prassi t-tajba fil-litteriżmu medjatiku fil-livell Ewropew u jipproponi azzjonijiet. Il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-riżultati tal-Grupp ta' Esperti tal-Litteriżmu Medjatiku (stabbilit fl-2006), ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li tnediet f'Ottubru 2003 u l-esperjenza ta' l-inizjattivi tal-Kummissjoni kemm ta' qabel kif ukoll t' issa, li huma relatati mal-litteriżmu medjatiku

    Din il-Komunikazzjoni ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit Komunitarju ħlief dak previst u stabbilit fil-qafas finanzjarju 2007-2013

    2. DEFINIZZJONI EWROPEA TAL-LITTERIżMU MEDJATIKU

    Il-litteriżmu medjatiku b'mod ġenerali huwa definit bħala l-kapaċità li wieħed jaċċessja l-midja, jifhimha u jqis b’mod kritiku l-aspetti differenti tal-midja u tal-kontenuti tagħha u joħloq il-komunikazzjonijiet f'diversi kuntesti. Din id-definizzjoni ġiet ivvalidata mill-maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika u mill-membri tal-Grupp ta' Esperti tal-Litteriżmu Medjatiku[7]. Il-midja tal-massa hija l-midja li kapaċi tilħaq pubbliku wiesa’ permezz ta' mezzi differenti ta' distribuzzjoni. Il-messaġġi tal-midja huma kontenuti kreattivi u ta' informazzjoni inklużi fit-testi, il-ħsejjes u x-xbihat imwassla permezz ta' diversi forom ta' komunikazzjoni, inkluż it-televiżjoni, iċ-ċinema, il-vidjow, is-siti tal-web, il-logħob tal-kompjuter u l-komunitajiet virtwali.

    Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku għandu jkun relatat mat-tipi kollha tal-midja. Il-livelli differenti tal-litteriżmu medjatiku jinkludu:

    - li tkun intiż fil-midja eżistenti kollha, mill-gazzetti sal-komunitajiet virtwali;

    - li tuża l-midja b'mod attiv, permezz ta', fost l-oħrajn, it-televiżjoni interattiva, l-użu ta' għodod għat-tiftix fuq l-Internet jew il-parteċipazzjoni fil-komunitajiet virtwali, u l-isfruttament aħjar tal-potenzjal tal-midja għad-divertiment, l-aċċess għall-kultura, id-djalogu interkulturali, it-tagħlim u l-applikazzjonijiet ta' kuljum (per eżempju, permezz ta' libreriji, podcasts );

    - li jkollok approċċ kritiku lejn il-midja fir-rigward kemm tal-kwalità kif ukoll tal-preċiżjoni tal-kontenut (per eżempju, li tkun tista' tevalwa l-informazzjoni, tkun kapaċi titratta l-pubbliċità minn fuq midja differenti, li tuża b'mod intelliġenti l-għodod għat-tiftix);

    - li tuża l-midja b'mod kreattiv, għaliex l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji tal-midja u l-preżenza dejjem tikber ta' l-Internet bħala mezz ta' distribuzzjoni jippermettu għadd dejjem jiżdied ta' Ewropej li joħolqu u jxerrdu xbihat, informazzjoni u kontenut;

    - li tifhem l-ekonomija tal-midja u d-differenza bejn il-pluraliżmu u sjieda tal-midja;

    - li tkun taf bil-kwistjonijiet ta' drittijiet ta' l-awturi li huma essenzjali għal "kultura ta' legalità" speċjalment għall-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa fil-kapaċità doppja tagħha bħala konsumaturi u produtturi ta' kontenut.

    Din il-Komunikazzjoni m’għandhiex l-għan li tittratta dawn il-kwistjonijiet kollha, li ħafna minnhom qed jiġu ttrattati taħt inizjattivi oħrajn li għandhom għaddejjin, iżda li tikkonċentra fuq xi wħud minnhom.

    3. INIZJATTIVI S'ISSA

    Grupp ta' Esperti fil-Litteriżmu Medjatiku ġie stabbilit fl-2006 bil-għan li janalizza u jiddefinixxi l-għanijiet u x-xejriet tal-litteriżmu medjatiku, li jiġu enfasizzati u promossi prassi tajba fil-livell Ewropew u li jitressqu azzjonijiet f'dan il-qasam. L-analiżi u l-valutazzjoni ta' l-attività ta' qabel tal-Kummissjoni Ewropea (per eżempju, proġetti tal-litteriżmu medjatiku ffinanzjati bil-programm ta' Tagħlim-e) ġew ukoll diskussi u studjati. Il-grupp kien magħmul minn għadd ta' esperti tal-litteriżmu medjatiku Ewropew. Huwa kompost minn taħlita ta' kompetenzi u sfondi, inkluż l-akkademiċi u l-professjonisti tal-midja. Iltaqa' tliet darbiet fl-2006 u darbtejn fl-2007.

    Minbarra dan, il-Kummissjoni niedet konsultazzjoni pubblika [8]fl-aħħar kwart tas-sena 2006. It-tweġiba għall-konsultazzjoni kienet sodisfaċenti kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll f'termini tal- kwalità u l-varjetà ta' dawk li wieġbu. Dawk li wieġbu kienu jinkludu l-organizzazzjonijiet tal-midja u ta' l-industrija, istituzzjonijiet edukattivi formali u mhux formali, il-fornituri u l-produtturi tal-kontenut, ir-regolaturi u l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi. Mill-analiżi tat-tweġibiet, irriżulta li l-analiżi, l-enfasi u t-tixrid ta' prassi tajba lokali u nazzjonali f'dan il-qasam madwar l-Unjoni Ewropea kollha hija s-soluzzjoni t-tajba biex jitħaffef il-progress tal-litteriżmu medjatiku. Irriżulta wkoll li kriterji jew standards għall-valutazzjoni tal-litteriżmu medjatiku m'humiex suffiċjenti u li l-prassi t-tajba mhix disponibbli għall-aspetti kollha tal-litteriżmu medjatiku. Skond dan, il-Kummissjoni tara ħtieġa urġenti għal riċerka aktar fit-tul u fuq firxa usa' dwar l-iżvilupp kemm tal-kriterji ġodda għall-valutazzjoni kif ukoll tal-prassi t-tajba.

    F'Mejju 2006 ġie kkummissjonat studju dwar "Xejriet u metodi kurrenti għal-litteriżmu medjatiku fl-Ewropa". Jagħti stampa tal-prassi kurrenti għall-implimentazzjoni tal-litteriżmu medjatiku fl-Ewropa, jikkonferma x-xejriet li kienu ħarġu fil-konsultazzjoni pubblika u jirrakkomanda xi miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-livell Komunitarju biex jgħinu fit-trawwim u ż-żieda tal-livell tal-litteriżmu medjatiku. Fl-aħħarnett, jiddeskrivi fil-qosor l-impatt ekonomiku u soċjali possibbli fil-każ ta' intervent ta' l-UE f'dan il-qasam. Ir-rapport finali ta' l-istudju huwa disponibbli fuq is-sit tal-web tal-Kummissjoni Ewropea[9].

    Id-Deċiżjoni tal-programm MEDIA 2007 [10] tenfasizza l-importanza ta' inizjattivi tal-litteriżmu medjatiku u ta' l-edukazzjoni permezz tal-films, b'mod partikolari dawk organizzati permezz ta' festivals għal udjenzi żgħażagħ f'kooperazzjoni ma' l-iskejjel. Sejħa għal proposti, b'kriterju ta' għażla relatati ma' l-edukazzjoni permezz tal-films, tnediet fil-bidu ta' l-2007 u ntgħażlu għadd ta' proġetti[11].

    Il-programm SAFER INTERNET PLUS (2004-2008) għandu l-għan li jagħti s-setgħa lill-ġenituri, l-għalliema u t-tfal permezz ta' għodod għas-sikurezza fuq l-Internet. Ikopri wkoll midja oħrajn, bħal vidjows. Fil-kuntest ta' dan il-programm, f'Mejju 2007 sar studju kwantitattiv[12], ibbażat fuq stħarriġ minn Eurobarometer u mmirat lejn it-titjib fl-għarfien dwar l-użu ta' l-Internet u tal-mowbajl mit-tfal, l-imġiba tagħhom onlajn u l-perċezzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mar-riskju u mas-sikurezza.

    Il- qafas legali ta' l-UE relatat mal-kontenut jitratta wkoll il-litteriżmu medjatiku. Per eżempju, fl-20 ta' Diċembru 2006 ġiet adottata Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità umana [13] u d-dritt għal risposta fir-rigward tal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta' l-informazzjoni. Tenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' programmi ta' litteriżmu medjatiku mill-Istati Membri u tirrakkomanda sensiela ta' azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni f'dak il-qasam. Eżempji ta' azzjonijiet bħal dawn huma: l-inkoraġġiment lill-industrija tas-servizzi tal-midja awdjoviżivi u onlajn biex tiġi evitata u miġġielda kull diskriminazzjoni skond is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, mingħajr il-ksur tal-libertà ta' l-espressoni jew ta' l-istampa; it-tfassil ta’ kodiċijiet ta' mġiba f'kooperazzjoni ma' professjonisti u awtoritajiet regolatorji fil-livelli nazzjonali u Komunitarji; il-promozzjoni ta' miżuri biex tiġi miġġielda kull attività illegali fuq l-Internet li tagħmel ħsara lil minuri. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri kollha, minbarra wieħed, u l-Komunità Ewropea ffirmaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. L-Artikolu 21 jiddeskrivi l-obbligi biex il-midja tal-massa, inkluż il-fornituri ta' l-informazzjoni permezz ta' l-internet, tiġi inkoraġġita tagħmel is-servizzi tagħha aċċessibbli għal persuni b'diżabilità.

    F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà primarja li jinkludu l-litteriżmu fil-kurrikuli ta' l-iskola fil-livelli kollha. Ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali huwa importanti ħafna wkoll, għaliex huma eqreb għaċ-ċittadin u jappoġġaw inizjattivi fis-settur ta' l-edukazzjoni mhux formali. It-test tad- Direttiva AVMS approvat dan l-aħħar fih premessa li tirreferi għal litteriżmu medjatiku[14], u l-Artikolu 26 tiegħu jistabbilixxi obbligu ta' rappurtar għall-Kummissjoni biex jitkejlu l-livelli tal-litteriżmu medjatiku fl-Istati Membri kollha.

    F'Mejju 2007, il-litteriżmu medjatiku kien is-suġġett ta' sessjoni waqt seminar f'Leipzig matul il-Presidenza Ġermaniza, "Aktar fiduċja fil-kontenut". F'Ġunju 2007, waqt konferenza dwar il-litteriżmu medjatiku organizzata mill-UNESCO, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali ġiet enfasizzata kemm mill-UNESCO, mill-Kunsill ta' l-Ewropa u mill-Kummissjoni.

    4. IL-LITTERIżMU MEDJATIKU FID-DINJA DIġITALI – PRASSI TAJBA

    Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq tliet oqsma: komunikazzjoni kummerċjali, xogħlijiet awdjoviżivi u onlajn.

    4.1. Il-litteriżmu medjatiku għall-komunikazzjoni kummerċjali

    Ir-reklamar huwa parti mill-ħajja ta' kuljum u element importanti fil-bini ta' ekonomija tas-suq. Huwa importanti li jitrawwem l-għarfien fost l-udjenzi kollha dwar ir-rwol tal-komunikazzjoni kummerċjali fil-katina tal-valur ta' l-industrija awdjoviżiva. Dan jgħodd notevolment fir-rigward tat-televiżjoni free-to-air għax ir-reklamar u forom oħra ta' komunikazzjoni kummerċjali, bħal sponsorjar, telebejgħ jew wiri apposta ta' prodotti, jagħmilha faċli biex ix-xandara jkunu jistgħu jiksbu kontenut mill-aħjar. Huwa importanti wkoll li tiġi evitata stampa negattiva fil-midja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien u persuni b'diżabbiltà. F'dan il-qasam, il-litteriżmu medjatiku għall- komunikazzjoni kummerċjali għandu talanqas tliet aspetti:

    - jipprovdi lill-udjenzi żgħażagħ l-għodod li jgħinuhom jiżviluppaw approċċ kritiku lejn il-komunikazzjoni kummerċjali, u jagħmilha faċli għalihom biex jagħmlu għażliet infurmati[15];

    - jiżdiedu l-konoxxenza u l-għarfien fost il-partijiet interessati kollha dwar miżuri u mekkaniżmi awto- u koregolatorji u dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' kodiċijiet ta' mġiba[16].;

    - jinkoraġġixxi finanzjament pubbliku u privat f'dan il-qasam flimkien ma' trasparenza adegwata[17].

    Minħabba l-obbligu ta' rappurtar fid-Direttiva AVMS, il-Kummissjoni tara ħtieġa kbira għall-iżvilupp u l-iskambju ta' prassi tajba dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali (e.ż. permezz ta' kontribut għall-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' mġiba) bil-għan li jiġu proposti bħala alternattiva għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq ċerti prassi.

    4.2. Il-litteriżmu medjatiku għal xogħlijiet awdjoviżivi

    Teknoloġiji diġitali u l-penetrazzjoni bil- broadband jiffaċilitaw bil-kbir l-aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi, joħolqu mezzi ta' distribuzzjoni ġodda bħal video-on-demand u t-televiżjoni mobbli. Dan min-naħa l-oħra joħloq swieq ġodda għall-kontenut tal-katalgu/tal-wirt. Minbarra dan, it-teknoloġiji diġitali jbaxxu l-ostaklu għad-dħul għall-ħolqien u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi u jgħinu biex joħolqu suq awdjoviżiv mingħajr fruntieri. F'dan il-kuntest il-litteriżmu medjatiku jfisser:

    - l-għoti, notevolment għal udjenzi żgħażagħ Ewropej, ta’ konoxxenza u għarfien aħjar dwar il-wirt ċinematografiku tagħna u jżid l-interess f'dawn il-films u fil-films Ewropej reċenti[18];

    - il-promozzjoni ta' l-akkwist ta' ħiliet fil-produzzjoni u l- kreattività medjatiċi[19];

    - l-għarfien ta' l-importanza tad-drittijiet ta' l-awtur, mill-perspettiva sew tal-konsumaturi u sew ta' dawk li joħolqu l-kontenut[20].

    4.3. Il-litteriżmu medjatiku għall-onlajn

    Fis-soċjetà ta' l-informazzjoni li titbiddel b'mod rapidu, jenħtieġu ħiliet tal-litteriżmu medjatiku għall-għarfien u l-inklużjoni relatati ma' l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, ekonomiċi u kulturali. L-Internet ibiddel b'mod profond il-konsum tal-midja, għaliex huwa mezz addizzjonali għall-aċċess tal-midja tradizzjonali (IPTV jew Internet Radio per eżempju) u t-testi, ix-xbihat, u l-ħsejjes mid-dinja kollha b'mod interattiv. Dan joffri opportunitajiet kbar, per eżempju, fir-rigward tal-libreriji diġitali[21] tal-multimidja iżda wkoll sfidi kbar f'termini ta' litteriżmu medjatiku. Il-litteriżmu medjatiku għall-onlajn ifisser:

    - li l-utenti jingħataw l-għodod li jagħtuhom is-setgħa jevalwaw b'mod kritiku l-kontenut onlajn;

    - li l-ħiliet tal-kreattività u l-produzzjoni diġitali jiġu estiżi biex jitrawwem għarfien ta' kwistijonijiet marbutin mad-drittijiet ta' l-awtur[22];

    - li jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jgawdi mill-benefiċċji tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, inklużi nies li huma żvantaġġjati minħabba riżorsi limitati jew minħabba edukazzjoni, età, sess, etniċità, il-persuni b'diżabilità (Aċċessibbiltà-e) kif ukoll dawk li jgħixu f'żoni anqas vantaġġati (dawn kollha huma inklużi fl-Inklużjoni-e)[23];

    - iż-żieda fl-għarfien dwar kif jaħdmu l-magni għat-tiftix (il-prijoritizzazzjoni ta' risposti eċċ.) u tagħlim dwar kif għandhom jintużaw aħjar il-magni għat-tiftix[24].

    5. KONKLUżJONIJIET

    Il-Kummissjoni ser tissokta bil-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-iskambju ta' prassi tajba dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali permezz ta' programmi u inizjattivi eżistenti. Se tinkoraġġixxi wkoll ir-riċerka fil-kriterji għall-evalwazzjoni tal-litteriżmu medjatiku. Biex jinkiseb dan, fl-2008 se jitnieda studju speċifiku bil-għan ta' l-investigazzjoni ta' kriterji biex jiġu vvalutati l-livelli tal-litteriżmu medjatiku. Dan l-istudju se jdakkar ir-rapport previst fid-Direttiva AVMS, li l-Kummissjoni ser tressaq fuq il-mejda talanqas erba' snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva.

    Għar-raġunijiet imsemmija, il-Kummissjoni titlob lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex jappoġġaw l-għanijiet u l-prijoritajiet stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni u biex fl-2008 jiġu organizzati l-avvenimenti mmirati għall-iskambju ta' prassi tajba tal-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali, inkluż dwar l-ekonomija tas-settur tal-midja fl-Ewropa. Rigward il-pożizzjoni espressa mill-istituzzjonijiet l-oħra u għar-reazzjonijiet tal-partijiet interessati għall-Komunikazzjoni preżenti, il-Kummissjoni se tenfasizza aktar din il-prassi tajba, billi jekk ikun meħtieġ tadotta Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, meta wieħed iqis li l-2008 se tkun is-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali, il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinkorporaw kwistjoni ta' djalogu interkulturali fl-attivitajiet tagħhom tal-litteriżmu medjatiku.

    Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex:

    - jinkoraġġixxu l-awtoritajiet li għandhom ir-responsabbiltà tar-regolazzjoni awdjoviżiva u elettronika biex jinvolvu ruħhom aktar u biex jikkooperaw flimkien għat-titjib fid-diversi livelli tal-litteriżmu medjatiku kif definit hawn;

    - jippromwovu riċerka sistematika fi u osservazzjoni regolari ta' kif ukoll rapportar dwar l-aspetti u d-dimensjonijiet differenti tal-litteriżmu medjatiku;

    - jiżviluppaw u jimplimentaw kodiċijiet ta' mġiba u, fejn xieraq, oqfsa koregolatorji flimkien mal-partijiet interessati kollha fil-livell nazzjonali, u jippromwovu inizjattivi awto-regolatorji.

    [1] L-Artikolu 26: Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta "rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposti oħra sabiex taddattaha għall-iżviluppi fil-qasam tas-servizzi awdjoviżivi, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, il-kompetittività tas-settur u l-livelli tal-litteriżmu medjatiku fl-Istati Membri kollha.

    [2] Ara: http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm

    [3] Per eżempju, f'riżoluzzjoni tas-6 ta' Settembru 2005, dwar "Id-Direttiva (89/552/KEE dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni "biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi dwar il-litteriżmu medjatiku għall-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva u konxja fl-Ewropa". F'rapport tat-22 ta' Novembru 2006 (A6-0399/2006) dwar l-istess suġġett, il-litteriżmu medjatiku huwa msejjaħ ħila fundamentali. Fis-27 ta' April 2006 l-Parlament Ewropew adotta, riżoluzzjoni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali (2005/2212(INI)). Fil-livell ta' l-Unjoni, "jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi komunikazzjoni dwar il-litteriżmu diġitali". Fil-mistoqsijiet li saru lis-Sinjura Reding waqt is-seduti tal-Parlament Ewropew fl-2004, diversi mit-temi f'din il-Komunikazzjoni diġà kienu preżenti, bħall-inklużjoni u l-aċċessibilità. Bħala tweġiba għal mistoqsija dwar is-sikurezza tat-tfal fl-Internet, is-Sinjura Reding qalet ukoll li "il-litteriżmu medjatiku jew programmi ta' edukazzjoni fil-midja" huma mod kif il-minuri jingħataw is-setgħa u jtejbu l-għarfien tagħhom.

    [4] Fis-16 ta' Jannar 2007 l-Kummisjoni Ewropea niedet Approċċ għall-Pluraliżmu fi Tliet Stadji. L-ewwel pass kien jikkonsisti minn Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni, it-tieni minn studju indipendenti biex jiġu definiti u kkontrollati indikaturi konkreti u oġġettivi għall-evalwazzjoni tal-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri ta' l-UE (ir-riżultati mistennija għall-bidu ta' l-2009) li għandha tiġi segwita minn Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-indikaturi għall-pluraliżmu fil-midja fl-Istati Membri ta' l-UE, mistennija għall-2009. Ara: http://ec.europa.eu/information_society/media_taskforce/pluralism/index_en.htm

    [5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-Tisħiħ tas-Suq Intern tat-TV Ċellulari (TV Mobbli) COM/2007/0409 finali.

    [6] Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi, premessa 37: "Il-litteriżmu medjatiku" jirreferi għal ħiliet, l-għarfien u l-fehim li jippermettu l-konsumaturi jużaw il-midja effettivament u b'mod sikur. Nies li huma letterati fil-midja jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, jifhmu n-natura tal-kontenut u s-servizzi u jieħdu vantaġġ mill-firxa sħiħa ta' opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni. Se jkunu jistgħu jħarsu lilhom infushom u lill-familji tagħhom aħjar minn materjal ta' ħsara jew offensiv. B'hekk l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku fis-setturi kollha tas-soċjetà għandu jiġi promoss u l-progress tiegħu mmonitorjat mill-qrib." Ara in-nota f'qiegħ il-paġna 1.

    [7] Ara: http://ec.europa.eu/avpolicy/media_literacy/docs/report_on_ml_2007.pdf

    [8] Ara wkoll ir-"Rapport tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Litteriżmu Medjatiku: http://ec.europa.eu/avpolicy/media_literacy/docs/report_on_ml_2007.pdf

    [9] Ara: http://ec.europa.eu/avpolicy/media_literacy/index_en.htm

    [10] Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE.

    [11] Xi eżempji huma: Thessaloniki Film Festival (il-Greċja), Festival Premiers Plans (Anger, Franza), Festival Européen du Film Court de Brest (Franza), Festival Internacional de cine para jóvenes (Gijón, Spanja), International Short Film Festival (Berlin, il-Ġermanja), Crossing Europe Film Festival (Linz, l-Awstrija) u 20th European Youth Film Festival of Flanders (il-Belġju).

    [12] http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/eurobarometer/index_en.htm#overall_report

    [13] Rakkomandazzjoni Nru 2006/952/KE.

    [14] Ara n-nota tal-qiegħ 6.

    [15] Per eżempju, Mediakompassi, sit tal-litteriżmu medjatiku li ġie żviluppat mill-Kumpanija Finlandiża tax-Xandir YLE's, kellu sezzjoni li tiffoka fuq ir-reklamar għaż-żgħażagħ, għall-ġenituri u l-għalliema kollha kemm huma; L-Aġenzija Svediża tal-Konsumatur ħarġet diversi kotba u kkofinanzjat materjal edukattiv dwar ir-reklamar kummerċjali fuq it-televiżjoni.

    [16] Per eżempju, il-Consell Audiovisual de Catalunya (CAC) jippromwovi pjattaformi għal djalogu biex jiġu stabbiliti kodiċijiet ta' awto u koregolazzjoni.

    [17] Per eżempju, Media Smart huwa programm tal-litteriżmu medjatiku mhux għall-qligħ immirat għat-tfal ta' l-isklola ta' l-età bejn 6 snin u 11-il sena, li jiffoka fuq ir-reklamar. L-inizjattiva ġiet imnedija fir-Renju Unit f'Novembru 2002 u issa qed topera fil-Belġju, il-Ġermanja, l-Olanda, ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Iżvezja. Qed tiġi żviluppata wkoll fl-Italja, fil-Portugall u fl-Ungerija. Ġie ffinanzjat min-negozju tar-reklamar fir-Renju Unit u qed jiġi appoġġjat mir-Renju Unit u mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri l-oħra.

    [18] Eżempju huwa l-Europa Cinemas, li nħoloq fl-1992 bis-saħħa tal-finanzjament mill-Programm MEDIA ta' l-Unjoni Ewropea u tas-Centre National de la Cinématographie. Europa Cinemas sar l-ewwel netwerk taċ-ċinema tat-teatru bi programmazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħha Ewropea u , torganizza, fost l-oħrajn, attivitajiet ta' promozzjoni dwar films Ewropej għal udjenzi żgħażagħ.

    [19] Eżempju huwa l- Community Media Network (Irlanda) li jippromwovi żvilupp u tisħiħ komunitarju, permezz ta' vidjow, radju, fotografija, stampa u Internet bħala għodod ta' riżorsi. www.cmn.ie. FILM-X, ukoll ta' l-Istitut Daniż tal-Films huwa studju tal-film interattiv, ibbażat fuq il-kompjuter għat-tfal u l-adoloxxenti. Jagħti lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-adoloxxenti ċ-ċans li jesperjenzaw il-produzzjoni tal-film u jgħinhom biex jitgħallmu modi differenti kif jikkomunikaw permezz tal-film. . http://www.dfi.dk/filmx

    [20] Il-BBC joffri lill-utenti firxa wiesgħa ħafna ta' opportunitajiet għal involviment interattiv, inkluż pjattaformi ta' messaġġi onlajn, fora għal kummenti, bloggs u kontributi bil-awdjo u bil-vidjo. Il-BBC dan l-aħħar ukoll lesta proġett pilota ta' Arkivju Kreattiv li ġġenera livell sinifikanti ta' involviment minn dawk li jħallsu l-liċenzja b'madwar 100,000 utent regolari. Il-proġett pilota Creative Archive għamilha faċli biex in-nies ikunu jistgħu iniżżlu, jeditjaw mill-ġdid, jużaw u jaqsmu bejniethom klipps ta' kontenut ikklerjat b'mod adegwat għall-iskopijiet kreattivi tagħhom stess mhux kummerċjali skond it-termini ta' l-Iskema tal-Liċenzja tal- Creative Archive.

    [21] L-Inizjattiva tal-Libreriji Diġitali hija proġett fil-qafas ta' l-i2010, l-istrateġija globali tal-Kummissjoni li tagħti spinta lill-ekonomija diġitali. Libreriji diġitali huma ġabriet organizzati ta' kontenut diġitali mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. It-tliet linji ta' l-inizjattiva huma l-aċċessibbiltà onlajn, id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni u l-ħżin.

    [22] Eżempju huwa http://www.internet-abc.de/kinder/ li jiffaċilita li t-tfal jiffamiljarizzaw irwieħhom ma' l-internet u mal-ħolqien u l-produzzjoni ta' kontenut onlajn.

    [23] It-tielet prijorità ta' l-i2010 hija li tiġi promossa, permezz ta' l-għodod disponibbli għall-Kummissjoni, soċjetà ta' l-Informazzjoni Ewropea li tkun inklussiva, u appoġġata minn servizzi pubbliċi effiċjenti mgħejuna b'ICT li jagħmilha faċli għall-utent.

    Ara: http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/index_en.htm u

    http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/inclusion/index_en.htm

    [24] Ara per eżempju dawn l-għodod għat-tiftix għat-tfal: http://www.blinde-kuh.de/

    Top