EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0722

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - It-tħejjija għall-"Kontroll tas-Saħħa" tar-riforma tal-PAK

/* KUMM/2007/0722 finali */

52007DC0722




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.11.2007

KUMM(2007) 722 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tħejjija għall-"Kontroll tas-Saħħa" tar-riforma tal-PAK

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tħejjija għall-"Kontroll tas-Saħħa" tar-riforma tal-PAK

1. Il-politika agrikola komuni illum

1.1. Politika riformata mill-qiegħ u li taħdem aħjar

Matul l-aħħar ħmistax-il sena, il-politika agrikola komuni (PAK) inbidlet b'mod radikali b'reazzjoni għall-pressjonijiet mis-soċjetà Ewropea u l-ekonomija tagħha li qed tevolvi. Ir-riformi ta' l-2003/2004 bdew fażi ġdida f'dan il-proċess, bl-introduzzjoni ta' pagamenti diretti diżakkoppjati permezz ta' l-Iskema ta' Ħlas Uniku (SPS) fil-biċċa l-kbira tas-setturi ta' l-ewwel pilastru tal-PAK u t-tisħiħ tal-politika dwar l-Iżvilupp Rurali (ŻR) bħala t-tieni pilastru tagħha. Dan il-proċess kompla bir-riformi fiz-zokkor (2006) u l-frott u l-ħaxix (2007), u qed ikompli bil-proposti legali reċenti għal riforma fis-settur ta' l-inbid.

Appoġġ għall-produtturi issa huwa fil-biċċa l-kbira diżakkoppjat mid-deċiżjonijiet tal-produzzjoni, u b'hekk il-bdiewa fl-UE jitħallew jagħmlu l-għażliet tagħhom bħala rispons għas-sinjali tas-suq, jiddependu fuq il-potenzjal tal-farm u fuq il-preferenzi tagħhom meta jadattaw għat-tibdil fl-ambjent ekonomiku tagħhom, u jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tas-settur agrikolu.

Għalhekk, ir-riforma tal-PAK tat dak li kien mistenni b'bidla minn appoġġ għall-prodott, li ħafna jqisuh bħala l-oriġini tal-problemi tal-passat bil-produzzjoni żejda . Il-prezzijiet ta' appoġġ ta' l-UE, imnaqqsa kullimkien, issa jinsabu qrib dawk fis-swieq dinjija. Il-kompetittività ta' l-agrikoltura ta' l-UE qed tiżdied f'setturi importanti, minkejja t-tnaqqis tas-sehem ta' l-UE fil-biċċa l-kbira tas-swieq tal-prodotti, u l-UE hija diġà l-akbar esportatur agrikolu ta' prodotti prinċipalment b'valur għoli. Hija wkoll l-akbar importatur agrikolu fid-dinja, u tibqa' l-akbar suq għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Barra minn hekk, il-PAK tikkontribwixxi dejjem iżjed biex tilqa’ għar-riskji tat-taħsir ambjentali u biex tagħti ħafna mill-ġid pubbliku li jistennew is-soċjetajiet tagħna. Appoġġ għall-produtturi issa huwa dipendenti fuq iż-żamma ta' l-istandards rigward l-ambjent, is-sikurezza u l-kwalità ta' l-ikel u l-benessri ta' l-annimali.

Finalment, il-politika msaħħa dwar l-iżvilupp rurali tappoġġa l-protezzjoni ta' l-ambjent u l-pajsaġġi rurali u toħloq tkabbir, impiegi u innovazzjoni fiż-żoni rurali. Minkejja li għadd dejjem akbar ta' żoni rurali ta' l-UE se jkunu influwenzati minn fatturi mhux agrikoli, iż-żoni remoti, spopolati jew dawk dipendenti ħafna fuq il-biedja se jiffaċċaw sfidi partikolari rigward is-sostenibbiltà ekonomika u soċjali. Għalhekk, ir-rwol tas-settur agroalimentari, li għadu jirrappreżenta aktar minn 4 % tal-PGD totali u 8 % ta' l-impjieg totali, jibqa' importanti ħafna f'bosta żoni rurali.

1.2. Aktar titjib li għandu jiġi indirizzat fil-"Kontroll tas-Saħħa"

L-iżviluppi ta' hawn fuq jindikaw li llum il-PAK għandha differenzi fondamentali minn dik ta' qabel, minkejja d-diverġenza, li ħafna drabi hija paradossali, bejn ir-riżultati tal-proċess tar-riforma tagħha u ċerti perċezzjonijiet dwarha (il-biċċa l-kbira minnhom rilevanti għal-perjodu qabel ir-riforma tagħha). Iżda biex il-PAK tibqa' politika tal-preżent u tal-futur, għandha tkun tista' tevalwa l-istrumenti tagħha, biex teżamina jekk jaħdmux kif suppost, biex tidentifika kwalunkwe tibdil meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-oġġettivi ddikjarati tagħha, u biex tkun tista' tadatta għal sfidi ġodda.

Inevitabbilment, aktar passi għandhom isegwu. Huwa normali li kwalunkwe politika stabbilita b'mod fiss f'ambjent li qed jinbidel malajr ma tibqax tgħodd. Il-PAK uriet li l-agrikoltura ta' l-UE tista' tieħu tali passi b'suċċess u tinbidel, iżda jeħtieġ li tħalli l-bdiewa jaġġustaw fil-kuntest ta' pjan tal-politika prevedibbli.

Ir-Riforma ta' l-2003 kien l-ewwel pass biex tadatta l-PAK għas-seklu 21. Kunsens dwar l-elementi kollha tar-Riforma ta' l-2003 ma setgħax jinkiseb f'daqqa. Tabilħaqq, huwa għalhekk li għadd ta' klawżoli ta' reviżjoni kienu diġà previsti fil-ftehim finali, kif kien il-każ f'riformi wara l-2003.

Dawn il-klawżoli ta' reviżjoni, mingħajr ma jimplikaw riforma fondamentali tal-politiki eżistenti, jagħtu l-possibbiltà għal aktar modifiki konformi mas-suq u żviluppi oħra. Is-suġġetti trattati nġabru fi grupp taħt it-terminu "Kontroll tas-Saħħa" (KS) fil-kommunikazzjoni preżenti. L-għan huwa li jiġu indirizzati tliet kwistjonijiet ewlenin:

- kif tista' l-Iskema ta' Ħlas Uniku tkun iktar effettiva, effiċjenti u sempliċi?

- kif jistgħu l-istrumenti ta' appoġġ tas-suq, li oriġinalment inħolqu għal Komunità ta' sitt Stati Membri, jibqgħu rilevanti f'dinja iktar globalizzata u UE ta' sebgħa u għoxrin Stat?

- kif jistgħu jingħelbu sfidi ġodda, li jvarjaw mit-tibdil fil-klima sa tkabbir fil-ġestjoni tal-bijofjuwils u ta' l-ilma u dawk li diġà jeżistu, bħall-bijodiversità, permezz ta' l-aġġustar għar-riskji u l-opportunitajiet l-ġodda?

2. Analiżi ta' l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' l-Iskema ta' Ħlas Uniku

2.1. Is-simplifikazzjoni ta' l-Iskema ta' Ħlas Uniku

Filwaqt li l-Istati Membri (SM) il-ġodda jistgħu jagħmlu użu mill-Iskema simplifikata ta' Ħlas għal Żona Waħda (SAPS) sat-tmiem ta' l-2010 (sat-tmiem ta' l-2011 għall-Bulgarija u r-Rumanija), l-SM ta' l-UE-15 kellhom jimplimentaw l-SPS sa' l-2007.

Jistgħu japplikaw il-mudell storiku ta' l-SPS (drittijiet ta' ħlas ibbażati fuq ammonti individwi ta' referenza), jew il-mudell reġjonali (drittijiet ibbażati fuq ammonti reġjonali ta' referenza) jew approċċ ibbażat fuq it-tnejn li huma.

L-SM kellhom il-possibbiltà li jżommu ċertu għajnuna diretta speċifika relatata mal-produzzjoni (appoġġ parzjalment akkoppjat) fejn din kienet ikkunsidrata meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-livell minimu ta' l-attività produttiva u biex jinħolqu benefiċċji ambjentali. Setgħu wkoll iżommu sa 10 % tal-limiti nazzjonali għall-appoġġ ta' l-attivitajiet agrikoli li huma importanti għall-ambjent jew għat-titjib tal-kwalità u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli (Artikolu 69 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003).

Sew l-approċċi storiċi ta' diżakkoppjar kif ukoll dawk reġjonali jissodisfaw l-għan li l-bdiewa jingħataw l-għażla ta' x'jipproduċu, minflok li tali għażla tkun iggwidata permezz ta' appoġġ għall-prodott. Madankollu, il-livell individwali ta' l-appoġġ fiż-żewġ approċċi, minkejja li bi gradi differenti, huwa bħalissa bbażat fuq livelli tal-produzzjoni fl-imgħoddi u maż-żmien se jkun iktar diffiċli biex jiġu ġġustifikati differenzi f'dan l-appoġġ, speċjalment fil-mudell storiku. Għalhekk, jidher xieraq li l-SM jitħallew jaġġustaw il-mudell li jagħżlu għal rata iktar uniformi matul il-perjodu mill-2009 sa l-2013. Fuq dan l-isfond għandu jiġi kkunsidrat jekk l-Istati Membri li qegħdin japplikaw is-SAPS għandhom jitħallew ikomplu hekk sa l-2013.

Barra minn hekk, minħabba li f'dan il-waqt iktar setturi daħlu l-SPS u ġiet iggwadanjata iktar esperjenza bl-operazzjoni tas-sistema, ċerti deċiżjonijiet u regoli ta' implimentazzjoni jidhru wisq riġidi u kumplessi.

Il-KS hija l-opportunità t-tajba biex tipproponi bidliet li, mingħajr ma jbiddlu l-istruttura fondamentali tas-sistema, jaġġustaw u jissimplifikaw l-implimentazzjoni tagħha.

2.2. Id-determinazzjoni ta' l-ambitu tal-kondizzjonalità

Is-sistema tal-kondizzjonalità, li tnaqqas il-ħlasijiet lill-bdiewa li ma jirrispettawx l-istandards ta' l-UE assoċjati ma' l-attività agrikola, hija u se tibqa' element essenzjali fil-PAK. Iżda l-esperjenza wriet ħtieġa ċara għas-simplifikazzjoni.

Dan il-proċess diġà beda abbażi ta' konklużjonijiet tal-Kunsill li reċentament appoġġaw ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Marzu 2007 dwar il-kondizzjonalità. Proposti bl-għan li jtejbu l-aspetti tal-kontroll u tas-sanzjonijiet ta' l-iskema diġà jinsabu fil-proċedura leġiżlattiva rispettiva u huwa previst li jidħlu fis-seħħ fl-2008/2009. Barra minn hekk, ix-xogħol li qed isir bħalissa dwar iktar elementi għas-simplifikazzjoni ta' l-iskema tal-kondizzjonalità se jservi ta' kontribut għall-KS.

Madankollu ir-rapport tal-Kummissjoni ma indirizzax b'mod dirett l-ambitu tal-kondizzjonalità. Sabiex tibqa' strument xieraq, il-kondizzjonalità għandha tirrifletti l-bżonnijiet tas-soċjetà u tilħaq bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kwalunkwe ħtieġa. Huwa l-iffukar xieraq fuq ir-Rekwiżiti ta' Ġestjoni Statutorji (SMR) u l-Kondizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin (GAEC) li jżid il-kontribut għall–kondizzjonalità bħala mekkaniżmu effettiv għall-promozzjoni ta' l-agrikoltura sostenibbli.

Skond il-mandat tal-Kunsill u fil-qies tal-ħtieġa tas-simplifikazzjoni, il-KS se jindirizza l-ambitu tal-kondizzjonalità fl-oqsma li ġejjin:

- jiddetermina l-SMR bill jeskludi dispożizzjonijiet li mhumiex direttament rilevanti għall-għanijiet stipulati tal-kondizzjonalità;

- jeżamina, u fejn xieraq jemenda, il-lista attwali ta' l-SMR u tal-GAEC sabiex itejjeb l-ilħiq tal-miri tal-kondizzjonalità.

2.3. Appoġġ parzjalment akkoppjat

Il-firxa tar-riformi reċenti jirriżulta f'inqas rilevanza ta' l-appoġġ parzjalment akkoppjat min-naħa tal-produtturi, minħabba li iktar setturi huma integrati fl-SPS. Diżakkoppjar sħiħ iħalli l-produtturi talanqas fl-istess sitwazzjoni finanzjarja ta' qabel, u probabbilment aħjar minn hekk bħala riżultat tal-flessibbiltà tal-produzzjoni, u jelimina l-ispejjeż tal-kumplessità u dawk amministrattivi tat-tmexxija ta' żewġ sistemi f'daqqa. Dan hu ċar fis-settur ta' l-uċuh tar-raba'.

Madankollu, appoġġ parzjalment akkoppjat jista' jżomm ċerta rilevanza, għall-inqas għalissa, f'ċerti reġjuni fejn il-livell ta' produzzjoni globali huwa żgħir, iżda għandu importanza ekonomika u ambjentali (bħal baqar li jreddgħu f'reġjuni li jipproduċu ħafna laħam taċ-ċanga).

Jekk, safejn u sa meta għandu jitkompla l-appoġġ parzjalment akkoppjat għandu jkun ittrattat f'kuntest reġjonali biss. Il-Kummissjoni tipproponi analiżi każ b'każ biex tidentifika r-riskji potenzjali ta' bidla għal diżakkoppjar sħiħ u l-alternattivi possibbli.

2.4. Limiti għoljin u baxxi fil-livelli ta' appoġġ

Il-kwistjoni tat-tqassim ta' appoġġ mhijiex waħda ġdida għall-PAK, iżda ġiet enfasizzata reċentement mill-inizjattiva għat-trasparenza għall-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji tal-fondi ta' l-UE. L-introduzzjoni ta' l-SPS iċċarat it-tqassim tal-ħlasijiet iktar minn qabel, u għalhekk tqajmu talbiet ġodda għal-limitazzjonijiet fil-livell ta' appoġġ li jirċievu l-għadd żgħir ta' operaturi agrikoli kbar. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' l-SPS għamlitha ċara li fost l-għadd kbir ta' bdiewa li jirċievu ammonti żgħar ta' ħlas, ħafna drabi inqas mill-ispejjeż amministrattivi għall-ġestjoni tagħhom, jeżistu benefiċjarji li mhumiex bdiewa ġenwini.

Fil-kuntest tal-KS ikun xieraq li wieħed jesplora l-possibbiltà li tiġi introdotta ċerta forma ta' limitazzjoni fil-ħlasijiet, sew fil-livell għoli kif ukoll dak baxx:

- Għal-livell ogħla ta' ħlasijiet il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk għandha tinstab soluzzjoni, din tkun f'mudell fejn il-livell ta' appoġġ jitnaqqas gradwalment hekk kif jiżdiedu l-ħlasijiet globali lill-bidwi individwali, filwaqt li jinżamm ċertu appoġġ anke f'livelli għoljin ta' ħlasijiet globali[1]. Il-limitazzjonijiet jieħdu kont tal-ħtieġa għall-iżgurar li s-sostenibbiltà ekonomika ta' operaturi agrikoli tkun rispettata u biex jiġi evitat li t-tali miżuri jkunu jistgħu jaħarbuhom billi l-farms jinqasmu;

- għall-ammonti żgħar ta' ħlasijiet, livell minimu ta' ħlasijiet annwali jistgħu jkunu introdotti u/jew ir-rekwiżit minimu għaż-żona tista' tkun stabbilita f'livell ogħla b'tali mod li ma jiġux affettwati l-bdiewa ġenwini..

Għalhekk it-tfaddil li jsir għandu jibqa' f'dak l-SM u jista' jintuża għal sfidi ġodda, notevolment fil-qafas ta' verżjoni riveduta ta' l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

3. L-użu ta' opportunitajiet ġodda u t-titjib ta' l-orjentazzjoni tas-suq

3.1. Ir-rwol ta' interventi fis-suq u kontrolli ta' provvisti

Fil-passat, il-ħtieġa għal riforma tal-mekkaniżmi ta' intervent fl-UE kienet marbuta ma' l-iżviluppi fis-swieq dinjija, u kwalunkwe stokk futur kellu joħroġ, għall-inqas parzjalment, permezz ta' esportazzjoni. Ir-realtà tal-globalizzazzjoni u ta' UE b'27 SM teħtieġ riflessjoni dwar il-futur ta' l-istrumenti li baqgħu mill-"PAK il-qadima" (eż. kwoti, intervent pubbliku, appoġġ għall-prezz u rifużjonijiet), partikolarment minħabba l-perspettiva preżenti fiż-żmien mezzan tas-swieq, li hija favorevoli b'mod partikulari fiċ-ċereali u l-prodotti tal-ħalib.

Għalhekk, titqajjem il-kwistjoni ta' kif tista' tinħoloq sistema ġusta għall-intervent – waħda li taħdem bħala xibka ta' sikurezza, u li tista' tintuża mingħajr dipendenza fuq bejgħ sussidjat (kemm esternament kif ukoll internament). Minħabba li l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq agrikoli tibqa' waħda mill-objettivi tal-PAK, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni teżamina jekk l-istrumenti ta' ġestjoni eżistenti għall-provvista humiex ta' użu validu issa, jew jekk inaqqsux l-abbiltà ta' l-agrikoltura ta' l-UE biex tirrispondi għas-sinjali tas-suq.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li twettaq monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni preżenti tas-suq u li tanalizza jekk din hijex riflessjoni ta' rispons għal żmien qasir għall-ħsad batut ta' l-2006/2007 jew jekk tindikax xejriet ta' tul ta' żmien itwal li jistgħu jagħmlu pressjoni fuq is-swieq agrikoli u s-sitwazzjoni tal-provvista. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni se tikkonkludi jekk huwiex xieraq li tipproponi miżuri ġodda.

3.2. Intervent għaċ-ċereali

Skond il-mandat tad-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill, qed isir eżami sħiħ tas-sistema ta' l-intervent għaċ-ċereali, b'kont meħud tas-swieq dejjem jikbru tal-bijofjuwils u l-impatt potenzjali miż-żieda fid-domanda għaċ-ċereali.

Id-deċiżjoni ta' l-2007 biex jitnaqqas l-intervent għall-qamħirrum kienet neċessarja minħabba li l-intervent intuża kontra l-għan ewlieni tiegħu li hu dak tax-xibka ta' sikurezza. Dan jista' jwassal għal telf relattiv tal-kompetittività tax-xgħir u possibbilment qamħ artab, u jista' joħloq ir-riskju ta' żieda fl-istokkijiet pubbliċi għal dawn iċ-ċereali.

Għalhekk, l-estensjoni tal-mudell tar-riforma ta' intervent għall-qamħirrum għall-qamħ ieħor għall-għalf tidher li hija l-aqwa soluzzjoni fil-kuntest attwali. Dan iħalli l-Kummissjoni taġixxi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, iżda jippermetti wkoll lill-bdiewa li jirċievu s-sinjali ta' produzzjoni tagħhom mill-prezzijiet tas-swieq. Iż-żamma ta' l-intervent għall-ċereali wieħed (qamħ tal-ħobż) tista' tipprovdi appoġġ ta' xibka ta' sikurezza, filwaqt li tippermetti li ċ-ċereali l-oħra jsibu l-livell tal-prezz naturali tagħhom.

3.3. Twarrib: jitneħħa l-immaniġġjar tal-provvista, jissaħħu l-benefiċċji ambjentali

It-Twarrib kien introdott biex inaqqas il-produzzjoni taċ-ċereali fl-UE fi żmien ta' stokkijiet għoljin, u biex iħalli ċ-ċereali ta' l-UE jaġġustaw għall-kondizzjonijiet tas-suq dinji. Ir-rwol sar inqas rilevanti minħabba l-iżviluppi tas-suq u l-introduzzjoni ta' l-SPS.

Is-sitwazzjoni prevedibbli tad-domanda u l-provvista taċ-ċereali, inkluża d-domanda marbuta ma' l-ilħiq ta' l-għan tal-bijofjuwils stabbilit mill-UE, tappoġġa l-mobilizzazzjoni ta' l-art li mhux qed tintuża għall-produzzjoni bħalissa permezz ta' skema ta' twarrib.

Madankollu, it-tneħħija permanenti tat-twarrib teħtieġ passi għaż-żamma ta' benefiċċji ambjentali miżjuda ma' dawk ta' l-iskema attwali. Possibbiltà waħda tkun li jinbidel f'miżuri taż-ŻR fuq livell lokali, b'kont meħud li l-kondizzjonijiet agroambjentali huma eteroġeni fl-ispazju.

Għaż-żamma u t-titjib tat-tali benefiċċji, l-għan ikun li jissaħħaħ l-appoġġ għaż-ŻR għall-forom differenti ta' ġestjoni ta' l-art, ta' l-ilma u ta' l-ekosistemi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħat-twarrib permezz ta' ġestjoni ambjentali, il-protezzjoni tax-xtut, l-afforestazzjoni u miżuri marbuta ma' l-adattament għalt-tibdil fil-klima u politika dwar l-enerġija rinovabbli bħal kurituri tal-bijodiversità.

3.4. It-tħejjija ta' l-għeluq tal-kwota tal-prodotti tal-ħalib "mingħajr skossi gravi"

Qabel it-tmiem ta' l-2007, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport li se jkopri l-iżviluppi tas-swieq tal-prodotti tal-ħalib b'mod dettaljat, iżda konklużjoni ġenerali waħda diġà hija ċara mill-iżviluppi tas-suq mill-2003. Ir-raġunijiet għall-introduzzjoni tal-kwoti ta' prodotti tal-ħalib ta' l-UE ma għadhomx validi.

Minflok li nlaħħqu ma' provvista dejjem tikber b'domanda li qed tistaġna għall-prodotti fi kwantitajiet kbar, issa qegħdin niffaċċaw domanda dejjem tikber għal prodotti ta' valur għoli (speċjalment għall-ġobon u l-prodotti friski tal-ħalib) internament u esternament, prezzijiet għoljin u tnaqqis sussegwenti fir-rwol ta' l-intervent bħala għajnuna għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat.

F'din is-sitwazzjoni il-mistoqsija hija jekk u/jew liema miżuri għandhom jittieħdu biex tkun żgurata tranżizzjoni iktar lixxa għall-politika dwar il-prodotti tal-ħalib li hija iktar iffukata fuq is-suq, qabel tispiċċa s-sistema tal-kwota fuq il-ħalib fil-31 ta' Marzu 2015.

Il-Fażi ta' tneħħija gradwali

F'termini tas-suq, id-deċiżjoni ta' l-2003 biex ma jiżdidux il-kwoti illimitat il-kapaċità tas-settur biex ikun iktar orjentat lejn is-swieq u jżid il-kompetittività tiegħu. F'dak li għandu x'jaqsam mal-politiki, l-iskema tal-kwoti wessgħet l-ispazju bejn is-settur tal-ħalib u setturi agrikoli riformati oħra.

Jekk ma jsir xejn sa' l-għeluq ta' l-iskema tal-kwoti fl-2014/15 valuri għoljin tal-kwoti se jżommu dawk il-bdiewa li huma aktar effiċjenti milli japprofittaw mill-opportunitajiet ġodda filwaqt li dawk li huma l-inqas effiċjenti f'żoni żvantaġġati, speċjalment fil-muntanji, ikollhom jiffaċċaw diffikultajiet kbar minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-prezz wara l-għeluq f'daqqa tal-kwoti.

Dan jirriżulta fil-konklużjoni li żieda gradwali tal-kwoti hija l-aħjar ħaġa għat-tħejjija biex is-settur jinżel "mingħajr sabta gravi" sa meta jgħalqu l-kwoti. Il-livell xieraq taż-żieda fil-kwota se jkun propost abbażi ta' analiżi li qed issir, li għandha l-għan li tidentifika kemm l-impatt ta' l-għeluq tal-kwota għal kull SM u reġjun u l-miżuri neċessarji li jakkompanjawh (bħal bidliet fl-intervent jew s-super imposta) li jillixxa t-trip kemm jista' jkun.

Miżuri għar-reġjuni tal-muntanji

F'termini ġenerali, huwa mistenni li l-fażi ta' tneħħija gradwali tal-kwoti tal-ħalib ser tespandi l-produzzjoni, tnaqqas il-prezzijiet u żżid il-kompetittività tas-settur. Fl-istess ħin, ċerti reġjuni, speċjalment iżda mhux esklussivament ir-reġjuni tal-muntanji, huma mistennijin jiffaċċaw diffikultajiet fiż-żamma ta' livell minimu tal-produzzjoni.

Xi wħud minn dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati mill-miżuri ta' ŻR li għandhom l-għan li jiżviluppaw valur miżjud għall-prodotti tal-ħalib. Madankollu, minħabba li l-politiki dwar iż-ŻR mhux iddisinjati biex jikkontrollow il-produzzjoni, tinħtieġ soluzzjoni oħra għaż-żoni tal-muntanji biex l-għeluq tal-kwota tkun "mingħajr skossi gravi". Possibbiltà waħda tkun li jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ speċifiċi skond verżjoni riveduta ta' l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Dan jeħtieġ laxka tar-regola preżenti b'mod li tali miżuri jistgħu japplikaw biss fuq livell settorjali.

Bħala sommarju, l-orjentazzjoni tal-KS għall-għeluq tal-kwoti tal-prodotti tal-ħalib għandha tkun li:

- tipproponi iż-żieda neċessarja tal-kwota għat-tħejjija ta' l-għeluq tal-kwoti "mingħajr sabta gravi" sa l-2014/15;

- tidentifika kwalunkwe bidliet meħtieġa fl-istrumenti l-oħra tal-politika tal-prodotti tal-ħalib li jiffaċilitaw din it-tranżizzjoni;

- tipproponi miżuri li jtaffu l-impatt negattiv mistenni f'reġjuni speċifiċi.

3.5. Miżuri oħra ta' kontroll tal-provvista

F'sensiela ta' setturi oħra, ġeneralment żgħar (l-għalf niexef, il-lamtu, il-kittien u l-qanneb) hemm preżenti miżuri ta' pagamenti ta' kontroll ta' provvisti u dawk marbuta mal-produzzjoni. Il-KS se jinkludi evalwazzjoni dettaljata tar-rendiment tat-tali miżuri, u ta' l-utilità tagħhom f'tul ta' żmien twil.

Din se tidentifika l-lista ta' miżuri u meta jkun xieraq għat-trasferiment tal-pagamenti marbuta mal-produzzjoni li jkun jibqa' għall-SPS. Se teżamina wkoll jekk jista' jkun hemm każijiet fejn it-tkomplija ta' xi appoġġ tkun neċessarja għaż-żamma ta' benefiċċji mill-produzzjoni għall-ekonomija reġjonali li ma jistgħux jinkisbu b'mod ieħor.

4. Nilqgħu l-isfidi l-ġodda

4.1. Il-ġestjoni tar-riskji

L-appoġġ diżakkoppjat għall-produttur, permezz tas-separazzjoni tal-livell ta' pagamenti għall-farms u l-kwantità tal-produzzjoni, jippermetti lill-bdiewa biex jaġġustaw aħjar għar-riskji mistennija , per eżempju permezz ta' l-indirizzar mill-ġdid tal-produzzjoni tagħhom minn swieq bi prezzijiet baxxi għal dawk bi dħul akbar. Id-diżakkoppjar jippermetti wkoll lill-produtturi biex inaqqsu r-riskji mhux mistennija .

Madankollu, bidliet fl-istrumenti tradizzjonali tas-suq u l-bidla għall-appoġġ dirett għall-produttur ħolqu taħdita dwar modi differenti ta' ġestjoni tar-riskji, fejn ir-riskji tal-prezz u tal-produzzjoni (eż. marbuta mat-temp jew dawk sanitarji) kienu identifikati bħala ż-żewġ sorsi ewlenin tal-varjazzjoni li taffettwa d-dħul.

Wara d-dibattitu tal-Kunsill ta' l-2005, il-Kummissjoni kompliet ir-riflessjonijiet tagħha dwar il-ġestjoni tar-riskji abbażi ta' analiżi interni u esterni, filwaqt li l-appoġġ Komunitarju għall-ġestjoni tar-riskji kien introdott fir-riforma tal-frott u l-ħaxix billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kienu awtorizzati biex jiddeċiedu jinkludu tali miżuri fil-programmi tagħhom. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma ta' l-inbid tipprevedi miżuri għall-ġestjoni tar-riskji permezz ta' l-allokazzjonijiet nazzjonali.

Iżda l-analiżi tal-Kummissjoni u l-opinjoni esperta jindikaw li l-lista ta' riskji u l-estenti tagħhom ivarjaw, u jinkludu tant inċertezzi li f'dan l-istadju, għall-inqas sa fejn ikompli l-intervent bħala xibka ta' sigurtà, soluzzjoni għall-UE kollha (ibbażata fuq approċċ li jgħodd għal kulħadd) ma tkunx xierqa.

Barra minn hekk, l-SM għandhom ikunu inkoraġġjati biex jużaw strumenti taż-ŻR minħabba li huwa t-tieni pilastru li huwa l-iktar xieraq biex jipprovdi soluzzjonijiet immirati. Mhux l-SM u s-setturi kollha, u b'iktar importanza mhux ir-reġjuni u setturi kollha anke fl-istess SM, jiffaċċaw l-istess riskji tas-suq jew tat-temp. Ikun iktar jaqbel li l-SM, ir-reġjuni, jew gruppi ta' produtturi, jitħallew, permezz ta' miżuri tat-tieni pilastru, jevalwaw aħjar ir-riskji tagħhom u s-soluzzjoni preferibbli għalihom.

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-KS ikun xieraq li:

- jiġi estiż l-użu ta' parti tat-tfaddil ta' modulazzjoni biex ikun hemm miżuri ta' ġestjoni tar-riskji fil-qafas tal-politika dwar iż-ŻR, sakemm jissodisfaw il-kriterji tal-"kaxxa l-ħadra".

- tiġi eżaminata każ b'każ il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali fil-kuntest ta' aġġustamenti tal-ġejjieni fil-mekkaniżmi tas-suq u jitwettaq, iktar tard, eżami iktar ġenerali tal-ġestjoni tar-riskji għall-perjodu wara l-2013.

4.2. It-tibdil fil-klima, il-bijoenerġija, il-ġestjoni ta' l-ilma u l-bijodiversità

Tliet sfidi kruċjali importanti għall-agrikoltura ta' l-UE huma fl-ambiti tat-tibdil fil-klima, il-bijoenerġija u l-ġestjoni ta' l-ilma. It-tibdil fil-klima huwa l-iktar sfida importanti minn dawk it-tlieta, li tinfluwenza l-iżviluppi fiż-żewġ oqsma l-oħra.

Fit-tnaqqis ta' l-effetti tat-tibdil fil-klima, l-agrikoltura ta' l-UE kkontribwixxiet iktar minn f'setturi oħra għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet ta' l-effet tas-serra. Dan huwa l-iktar riżultat tat-titjib fil-metodu tal-produzzjoni (jiġifieri użu iktar effiċjenti ta' fertilizzanti) u t-tnaqqis fin-numru ta' baqar. Iżda s-settur ta' l-agrikoltura se jintalab jikkontribwixxi iktar fil-ġejjieni bħala parti mill-istrateġija globali ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet.

Iżda l-agrikoltura ta' l-UE għandha esponiment għoli għat-tibdil fil-klima. Il-firxa wiesgħa tat-tħassib hija relatata ma' l-inċertezzi dwar ix-xejriet tax-xita, l-avvenimenti metereoloġiċi estremi, il-livelli tat-temperatura, id-disponibbiltà ta' l-ilma u kondizzjonijiet tal-ħamrija. Konsegwentement, hemm bżonn għal aġġustamenti għat-titjib tal-prattiki ta' adattament. Il-Green Paper reċenti dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima titlob li l-agrikoltura ta' l-UE tikkontribwixxi iktar għat-tnaqqis ta' l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Il-gwida ta' l-UE dwar l-enerġija li tiġġedded stabbilixxiet miri li jorbtu għas-sehem ta' bijofjuwils (10 %) u enerġiji li jiġġeddu (20 %) fil-konsum totali tal-fjuwil u l-enerġija sa l-2020. Dawn il-miri huma marbuta mill-qrib ma' l-għanijiet għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u aktarx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-agrikoltura ta' l-UE. Fl-istess ħin il-vokazzjoni ewlenija ta' l-agrikoltura Ewropea se tkompli tipproduċi l-ikel u l-għalf.

Kif diġà msemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2007 dwar in-nuqqas ta' l-ilma u n-nixfa, il-KS jipprovdi opportunità għall-analiżi ta' kif il-kwistjonijiet dwar il-ġestjoni ta' l-ilma jistgħu jkunu integrati iktar fl-istrumenti tal-PAK. Huwa essenzjali għall-agrikoltura ta' l-UE li jkollha ġestjoni ta' l-ilma sostenibbli, biex il-pressjoni fuq il-kwantità u l-kwalità ta' l-ilma għall-agrikoltura ma tiżdiedx b'mod konsiderevoli.

Barra minn hekk, it-twaqqif tat-tnaqqis fil- bijodiversità tibqa' sfida ewlenija, u t-tibdil fil-klima u d-domanda ta' l-ilma żżid ma' din l-isfida. L-Istati Membri huma impennjati fit-twaqqif tat-tnaqqis fil-bijodiversità sa' l-2010, iżda aktarx li din il-mira ma tintlaħaqx, u l-agrikoltura għandha rwol importanti fil-protezzjoni tal-bijodiversità.

Hemm firxa ta' possibiltajiet kif jistgħu jiġu trattati dawn l-isfidi fil-KS:

- inċentivi għat-tnaqqis ta' u l-adattament għat-tibdil fil-klima, għall-ġestjoni aħjar ta' l-ilma u għall-provvista ta' servizzi ambjentali fl-ambitu tal-bijoenerġija, u għall-protezzjoni tal-bijodiversità jistgħu jkunu provduti permezz tat-tisħiħ tal-miżuri eżistenti taż-ŻR;

- għanijiet għalt-tibdil fil-klima u għall-ġestjoni aħjar ta' l-ilma jistgħu jinkisbu wkoll permezz tal-kondizzjonalità, jew taħt l-SMR jew il-GAEC;

- Riċerka u innovazzjoni huma importanti ħafna biex jindirizzaw l-isfidi ambjentali u dawk tal-produttività, inklużi l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni. Barra minn hekk, l-inċentivi għall-iżvilupp ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni għandhom ikunu rinforzati fi ħdan il-miżuri taż-ŻR;

- għandu jkun eżaminat jekk l-iskema preżenti ta' appoġġ għall-prodotti tar-raba' għall-enerġija għadha effettiva fl-ispiża fid-dawl ta' inċentivi ġodda għall-produzzjoni tal-bijomassa (miri ta' enerġija obligatorji u prezzijiet għoljin).

4.3. It-tisħiħ tat-tieni pilastru

L-isfidi l-ġodda ġejjin mill-kwistjonijiet identifikati f'din il-Komunikazzjoni jirrizultaw fil-ħtieġa għal aktar tisħiħ tat-tieni pilastru, partikolarment fid-dawl tar-restrizzjonijiet attwali li qegħdin jiffaċċaw l-SM minħabba t-tnaqqis fl-appoġġ mistenni tagħhom għaż-ŻR wara d-deċiżjoni ta' l-2005 dwar il-Perspettivi Finanzjarji. Tali rinfurzar huwa dejjem bżonjuż bħala risposta għall-ħtieġa għal iktar sforzi fl-innovazzjoni biex ikunu indirizzati dawk l-isfidi l-ġodda ta' produttività u ta' l-ambjent, inklużi l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni.

Bil-baġit tal-PAK issa stabbilit sa l-2013, it-tisħiħ tal-fondi għaż-ŻR jista' jinkiseb biss permezz ta' żieda fil-modulazzjoni obligatorja kkofinanzjata. Tali deċiżjoni, li biż-żmien taffettwa l-SM kollha, meta jilħqu l-100 % tal-livell ta' appoġġ mill-UE, għandha tirrispetta d-distribuzzjoni attwali tal-fondi tal-modulazzjoni fost l-SM u tieħu kont tar-regoli eżistenti. Biex jintlaħaq dan, jista' jkunu previsti:

- żieda ta' 2 % kull sena għas-snin tal-baġit 2010–2013 fil-modulazzjoni obligatorja eżistenti;

- analiżi ta' modi xierqa b'kunsiderazzjoni ta' l-implikazzjoni tal-modulazzjoni obligatorja fl-UE-10 meta tapplika għalihom, filwaqt li tiġi rrispettata d-distribuzzjoni attwali tal-fondi għaż-ŻR bejn l-SM.

5. Struttura Finanzjarja

Il-prinċipju finanzjarju li fuqu hija bbażata l-Komunikazzjoni huwa li l-ebda finanzjament addizzjonali mill-UE ma jkun disponibbli għall-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK fil-perjodu 2007–2013.

Fi ħdan dan il-qafas, il-limitu tan-nefqa se jonqos bi prezzijiet kostanti. Dan jimplika li d-dixxiplina finanzjarja tista' tkun applikabbli għall-bdiewa matul il-perjodu, anke jekk fi grad inqas minn dak li kien previst jekk il-prezzijiet tas-suq attwali jibqgħu fil-livell għoli tagħhom.

Kif jidher fil-grafika ta' hawn taħt, il-limitu nett għan-nefqa ta' l-ewwel pilastru qed jonqos fil-prezzijiet kostanti ta' l-2004 u fl-istess ħin l-UE-12 se jeħtieġu ammonti li jiżdiedu b'mod kostanti għall-għajnuna diretta skond t-Trattati ta' l-Adeżjoni.

[pic]

6. KONKLUŻJONIJIET

MATUL L-2007 U L-2008 IL-KUMMISSJONI SE TIżVILUPPA L-APPROċċ TAGħHA GħAR-REVIżJONI TAL-BAġIT 2008/2009 KIF STABBILIT FIL-KOMUNIKAZZJONI "NIRRIFORMAW IL-BAġIT, NIBDLU L-EWROPA". IL-KONTROLL TAS-SAħħA JIKKOSTITWIXXI AZZJONI PREPARATORJA FI ħDAN DAN IL-QAFAS, MINGħAJR PREġUDIZZJU GħAR-RIżULTAT TA' DIN IR-REVIżJONI. JIPPERFEZZJONA R-RIFORMI TA' L-2003 U JIKKONTRIBWIXXI GħAT-TAħDITA DWAR IL-PRIJORITAJIET TAL-ġEJJIENI FIL-QASAM TA' L-AGRIKOLTURA.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi f'din il-komunikazzjoni "Nippreparaw għall-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK" il-punti prinċipali għall-aġġustamenti ta' bosta elementi tal-PAK. Dawn l-aġġustamenti ma jikkostitwixxux riforma fondamentali, iżda jippreparaw l-agrikoltura ta' l-UE biex tadatta b'mod aħjar għall-ambjent li qed jinbidel dejjem rapidament. B'bażi tal-konklużjonijiet tad-djalogu pubbliku mal-partijiet interessati u l-analiżi ta' l-impatt li qed isir, il-Kummissjoni se tippreżenta il-proposti xierqa fir-rebbiegħa ta' l-2008.

Biex tippromwovi dan id-djalogu, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li torganizza żewġ seminars mal-partijiet interessati[2] li se joħolqu l-opportunità biex tagħti bidu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-komunikazzjoni.

[1] Pereżempju: ħlasijiet ta' iktar minn €100 000 mnaqqsin b'10 %, ħlasijiet ta' iktar minn €200 000 mnaqqsin b'25 %, u dawk ta' iktar minn €300 000 imnaqqsin b'45 %.

[2] Is-6 ta' Diċembru 2007 u l-11 ta' Jannar 2008.

Top