EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0716
Report from the Commission Based on Article 12 of the Council Framework Decision of 22 December 2003 on combating the sexual exploitation of children and child pornography
Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal
Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal
/* KUMM/2007/0716 finali */
Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal /* KUMM/2007/0716 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.11.2007 KUMM(2007) 716 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal WERREJ 1. DAĦLA 3 1.1. Kuntest 3 2. METODU U KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI 3 2.1. Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) skond l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea 3 2.2. Kriterji ta' evalwazzjoni 3 3. EVALWAZZJONI 4 4. KONKLUŻJONIJIET 8 1. DAĦLA 1.1. Kuntest Skond l-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (minn hawn 'il quddiem "id-Deċiżjoni kwadru"), il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport bil-miktub dwar il-miżuri li l-Istati Membri jkunu ħadu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni kwadru. [1] Il-paragrafu (1) ta' dak l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni kwadru sa l-20 ta' Jannar 2006. Skond il-paragrafu (2), sa l-istess jum, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom minn din id-Deċiżjoni kwadru. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u ta' rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, sa l-20 ta' Jannar 2008, jkun evalwa safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni kwadru. Għalhekk il-valur ta' dan ir-rapport jiddependi, fil-biċċa l-kbira tiegħu, fuq l-informazzjoni li l-Kummissjoni tirċievi mingħand l-Istati Membri. Sa Jannar 2006, żewġ Stati Membri biss (il-Belġju u l-Awstrija) kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni kwadru. Il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni relevanti permezz ta' ittra mibgħuta fit-8 ta' Ġunju 2006. Sa l-aħħar ta' April 2007, il-Kummissjoni ma kienet irċeviet l-ebda kontribut minn tliet Stati Membri, jiġifieri, il-Greċja, il-Portugall u Malta. 2. METODU U KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI 2.1. Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) skond l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea Din id-Deċiżjoni ta' qafas (Deċiżjoni kwadru) hija bbażata fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(e) u l-Artikolu 34(2)(b). Bħala strument legali, id-Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) jistgħu l-aħjar jiġu pparagunati ma' Direttiva[2] Iż-żewġ strumenti jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi għall-implimentazzjoni. Madankollu, id-Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru) m'għandhomx effett dirett u l-Kummissjoni ma tistax tieħu azzjoni legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex tenforza t-traspożizzjoni ta' Deċiżjoni ta' qafas. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi fuq kwalunkwe kontroversja bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni (inkluża t-traspożizzjoni) tad-Deċiżjoni ta' qafas (Deċiżjoni kwadru). Ir-rikors possibbli għal dan id-dritt jirrikjedi bażi fattwali solida, liema bażi tista' tiġi stabbilita mir-Rapport tal-Kummissjoni. 2.2. Kriterji ta' evalwazzjoni Sabiex tevalwa b'mod oġġettiv jekk id-Deċiżjoni ta' qafas (Deċiżjoni kwadru) ġietx totalment implimentata minn Stat Membru, ġew żviluppati xi kriterji ġenerali rigward id-Direttivi li għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għad-Deċiżjonijiet ta' qafas (Deċiżjonijiet kwadru). 1. Il-forma u l-metodi ta' implimentazzjoni tar-riżultat li għandu jinkiseb għandhom jintgħażlu b'tali mod li jiżgura li d-Direttiva tiffunzjona effettivament fid-dawl ta' l-għanijiet tagħha[3]; 2. Kull Stat Membru huwa obbligat jimplimenta d-Direttiva b'tali mod li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kjarezza u ċ-ċertezza legali u b'hekk li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva f'dispożizzjonijiet nazzjonali vinkolanti[4]; 3. It-traspożizzjoni m'għandhiex neċessarjament teħtieġ li l-adozzjoni legali ssir fl-istess kliem preċiżi użati f'Direttiva. Għalhekk, per eżempju, jistgħu jkunu biżżejjed miżuri nazzjonali xierqa u li jkunu diġà jeżistu sakemm l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva sseħħ b'mod li jkun ċar u preċiż biżżejjed[5]; 4. Id-Direttivi għandhom jiġu implimentati fit-terminu preskritt fihom[6]. Dan ir-rapport – fejn hu possibbli – huwa bbażat fuq il-kriterji deskritti hawn fuq fil-qosor. 3. EVALWAZZJONI L-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Din id-Deċiżjoni kwadru għandha l-għan li tikkomplementa l-istrumenti eżistenti li l-Kunsill diġà adotta fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal[7]. Id-Deċiżjoni kwadru tapprossimizza l-liġijiet ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal. Għalhekk, id-Deċiżjoni kwadru tintroduċi qafas komuni ta' dispożizzjonijiet fil-livell Ewropew sabiex tindirizza l-kriminalizzazzjoni, il-pieni u sanzjonijiet oħra, iċ-ċirkostanzi aggravanti, il-ġurisdizzjoni, il-prosekuzzjoni kif ukoll il-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi. Is-sistemi legali ta' l-Istati Membri jisgħu jkunu differenti ħafna u, f'ħafna każijiet, il-kunċetti u l-espressjonijiet legali mhux dejjem jisgħu jkunu pparagunati faċilment ma' xulxin. Minkejja li l-evalwazzjoni tista' u ser tirreferi għal kull Artikolu tad-Deċiżjoni kwadru, dawn mhumiex ser neċessarjament jiġu ttrattati kull wieħed waħdu. L-implimentazzjoni parzjali jew in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' Artikolu jew ta' parti minn Artikolu se tirrifletti wkoll id-dispożizzjonijiet relatati, li, jekk jitqiesu independentement, jistgħu jidhru li jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni kwadru. L-evalwazzjoni ser tqis, safejn hu xieraq, l-isfond kriminali ġenerali ta' l-Istati Membri. L-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni tvarja ħafna, b'mod partikolari mil-lat tal-kompletezza tagħha. Mhux l-Istati Membri kollha bagħtu lill-Kummissjoni t-testi rilevanti tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħhom. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-Greċja, minn Malta u mill-Portugall. Il-Ġibiltà ma ttrasponietx il-miżuri li jinsabu fid-Deċiżjoni kwadru iżda tinsab fil-proċess li tintroduċi l-leġiżlazzjoni li tippermettilha tagħmel dan. Artikolu 1: Definizzjoni L-Artikolu 1(a) fih id-definizzjonijiet u t-tifsiriet ta' bosta termini li jinsabu fid-Deċiżjoni kwadru. Id-definizzjoni ta' "minuri", li tfisser kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena, hija punt importanti ħafna. L-età ta' 18-il sena tikkonforma wkoll mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Deċiżjoni kwadru huwa li jqarreb il-livell tal-ħarsien tat-tfal mill-isfruttament sesswali u mill-pornografija tat-tfal fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri. Suġġett ieħor huwa l-età ta' kunsens sesswali (kunsens għas-sess) li tvarja fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri mill-età ta' 13-il sena fi Spanja għal 17-il sena fl-Irlanda (l-Awstrija 14, il-Belġju 16, Ir-Repubblika Ċeka 15, id-Danimarka 15, l-Estonja 14, il-Finlandja 16, Franza 15, il-Ġermanja 16, l-Ungerija 14, l-Irlanda 17, l-Italja 14, il-Latvja 16, il-Litwanja 14, il-Lussemburgu 16, l-Olanda 16, il-Polonja 15, is-Slovakkja 15, is-Slovenja 15, Spanja 13, l-Iżvezja 15, ir-Renju Unit 16). L-età ta' kunsens għas-sess huwa rilevanti għall-obbligu li l-pornografija tat-tfal issir reat kriminali, liema obbligu huwa definit fl-Artikolu 1(b). It-turija ta' tfal involuti f'imġiba sesswalment espliċita normalment mhijiex permessa fil-każ ta' tfal taħt it-18-il sena. Madankollu, l-Artikolu 3 jippermetti biss l-esklużjoni mir-responsabbiltà kriminali għall-pornografija tat-tfal li tinvolvi tfal li laħqu l-età ta' kunsens għas-sess f'xi każi speċifiċi biss. Għaldaqstant id-Deċiżjoni kwadru tiżgura l-ħarsien ta' protezzjoni qawwija għal kull tifel taħt l-età ta' 18-il sena mill-isfruttament fil-pornografija tat-tfal u tippermetti biss eċċezzjonijiet limitati bejn l-età ta' kunsens għas-sess u l-età ta' 18-il sena. Fil-prattika, il-livell tal-protezzjoni tvarja f'kull Stat Membru skond l-età differenti ta' kunsens għas-sess. Madankollu, l-armonizzazzjoni ta' l-età ta' kunsens għas-sess, li hija konnessa ma' kwistjonijiet oħra għall-età taż-żwieġ, għadha ma ġietx identifikata bħala għan għalissa. L-Artikolu 1(b) jiddefinixxi l-pornografija tat-tfal bħala materjal pornografiku li viżwalment ipinġi jew jirrappreżenta minuri reali involut f'imġiba sesswali espliċita jew persuna li għandha l-apparenza ta' minuri jew xbihat realistiċi ta' minuri li ma jeżistix. Il-kliem tpinġija viżwali għandhom jitqiesu li jinkludu filmati u videotapes li ma ġewx żviluppati u data maħżuna f'disk tal-kompjuter jew b'mezzi elettroniċi li tista' tiġi kkonvertita fi xbieha viżwali. Bosta Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni konsistenti mad-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal fl-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni kwadru. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja m'għandhomx definizzjoni dettaljata tal-pornografija tat-tfal. Rigward il-paragrafu (c) (definizzjoni ta' sistema tal-kompjuter), ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja u l-Polonja ma bagħtux id-dokumentazzjoni rilevanti biex l-implimentazzjoni tagħhom tkun tista' tiġi evalwata b'mod xieraq. Il-punt (d) jiddefinixxi "persuna legali". Id-definizzjoni ta' persuna legali ttieħdet mit-tieni Protokoll dwar l-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 2: Reati dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal Meta adotta d-Deċiżjoni kwadru, il-Kunsill kien konxju mill-ħtieġa li reati kriminali serji, bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, jiġu ttrattati permezz ta' metodu komprensiv li d-dritt kriminali sostantiv, inklużi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, jifformaw parti integrali flimkien ma' l-aktar kooperazzjoni ġudizzjarja wiesgħa possibbli. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni sensiela wiesgħa ta' miżuri legali applikabbli għal min jikkommetti r-reat. Il-Litwanja, l-Italja, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Irlanda huma konformi mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni kwadru. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Ungerija, il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Latvja u s-Slovakkja tkopri l-punti kollha elenkati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kwadru iżda jkunu utli aktar dettalji. Kif intqal qabel, il-Kummissjoni taħdem prinċipalment permezz ta' dokumenti tradotti u għalhekk jista' jkun hemm xi miżinterpretazzjoni. Barra minn dan, is-sistemi legali ta' l-Istati Membri jistgħu jkunu differenti ħafna. Għal din ir-raġuni, il-kunċetti legali ma jistgħux dejjem jiġu pparagunati. Madankollu, analiżi ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali turi li d-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri fil-biċċa l-kbira tagħhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni kwadru rigward l-obbligu li l-isfurzar jew ir-reklutaġġ ta' tfal fil-prostituzzjoni jew f'parteċipazzjoni f'rappreżentazzjonijiet pornografiċi, jew il-parteċipazzjoni ta' attivitajiet sesswali ma' tfal meta titħallas remunerazzjoni, jew l-użu ta' sfurzar jew abbuż ta' pożizzjoni rikonoxxuta ta' awtorità jew influwenza fuq tfal isiru reati kriminali. Artikolu 3: Reati li jikkoncernaw il-pornografija tat-tfal Dan l-Artikolu jipprovdi għall-approssimazzjoni ta' reati relatati mal-pornografija tat-tfal, li jinkludu l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, id-disseminazzjoni jew it-trażmissjoni, il-kisba jew il-pussess, il-forniment jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pornografija tat-tfal L-Artikolu 3(2) jipprovdi għal eċċezzjonijiet limitati għall-obbligu li tali mġiba ssir reat kriminali fil-każ li l-persuna, li jkollha l-apparenza ta' tifel/tifla, ikollha fil-fatt 18-il sena, meta l-pornografija tat-tfal tkun tinvolvi xbihat realistiċi ta' tfal li ma jeżistux u meta tkun prodotta u posseduta għall-użu privat. F'dawn il-każijiet ir-raġuni għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali hija li ma kienx hemm tfal involuti fil-produzzjoni tal-materjali pornografiċi. Eżenzjoni oħra, li ssemmiet aktar 'il fuq, tirrigwarda l-każijiet ta' produzzjoni u pussess ta' xbihat ta' tfal li jkunu laħqu l-età ta' kunsens għas-sess meta x-xbihat pornografiċi jkunu prodotti jew posseduti bil-kunsens tal-minuri u jkunu biss għall-użu privat. Madankollu, f'dan il-każ il-kunsens m'għandux jitqies validu, jekk, per eżempju, età, maturità, pożizzjoni, status, esperjenza jew id-dipendenza tal-vittma kienet abbużata biex jinkiseb il-kunsens. Din id-dispożizzjoni timplika restrizzjoni ta' l-iskop tal-kriminalizzazzjoni tal-pornografija tat-tfal bejn l-età ta' kunsens għas-sess u l-età ta' 18-il sena, meta l-minuri jkun ta kunsens ġenwin għall-produzzjoni u l-użu privat tal-materjal pornografiku. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li tosserva r-rekwiżit minimu tal-kriminalizzazzjoni tal-pornografija tat-tfal, kien hemm nuqqas ġenerali ta' informazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 3(2). Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni kompluta mill-Ungerija, mill-Litwanja, mill-Italja, mid-Danimarka, mill-Ġermanja u minn Ċipru biss. Għaldaqstant mhuwiex possibbli li l-livell veru ta' protezzjoni tat-tfal li huma ta' età ogħla mill-età ta' kunsens għas-sess, li hija kwistjoni sensittiva b'mod partikolari f'pajjiżi fejn l-età ta' kunsens għas-sess hija anqas minn 16-il sena, jiġi evalwat. Artikolu 4: Tixwix, għajnuna, influwenza u attentat Fl-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri għamlu referenza għar-regoli ġenerali dwar il-kompliċità u t-tentattivi ta' reat fis-sistema kriminali tagħhom. Ir-regoli ġenerali jkunu wkoll applikabbli għar-reati fuq minorenni, jiġifieri għall-isfruttament sesswali u r-reati konnessi mal-pornografija tat-tfal. Artikolu 5: Pieni u ċirkostanzi aggravanti Dan l-Artikolu huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni kwadru. Il-paragrafu wieħed ġeneralment jimplika li r-reati li jinsabu fl-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni kwadru għandhom, fil-każijiet kollha, jkollhom piena massima ta' priġunerija ta' mill-inqas bejn sena u tliet snin. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm armonizzazzjoni minima fil-konfront tal-pieni applikabbli għal dawk li jikkommettu r-reati. L-Istati Membri kollha jidhru li jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Deċizjoni kwadru. Id-dokumentazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni minn Spanja, is-Slovenja, l-Estonja u l-Lussemburgu ma ppermettietx lill-Kummissjoni tistabbilixxi stampa ċara dwar is-sistema legali li timplimenta r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni kwadru. Artikoli 6 u 7: Responsabbiltà u sanzjonijiet fuq persuni legali Id-Deċiżjoni kwadru tintroduċi l-kunċett tar-responsabbiltà ta' persuni legali flimkien ma' dik tal-persuni fiżiċi. Il-persuni legali ser jinżammu responsabbli għal reati kommessi għall-benefiċċju tagħhom minn kull persuna li taġixxi individwalment jew bħala parti mill-korp tal-persuna legali, jew, per eżempju, minn persuna li jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni. Mhuwiex meħtieġ li r-responsabbiltà tal-persuni legali tkun esklussivament kriminali. Il-pieni kontra l-persuni legali għandhom ikunu " effettivi, proporzjonati u dissważivi ". F'kull każ, għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fuq sistemi nazzjonali li tingħata lill-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni tal-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri tipprovdi għall-possibbiltà ta' pieni kontra l-persuni legali, minn ta' l-anqas permezz ta' miżuri amministrattivi. L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni kwadru jipprovdi li l-obbligu minimu, għal dak li jirrigwarda l-pieni ta' persuni legali, huwa l-impożizzjoni ta' multa kriminali jew mhux kriminali. Għal dak li jirrigwarda l-miżuri amministrattivi jew kriminali, l-Artikoli 6 u 7 jidhru li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ġew implimentati. Artikolu 8: Ġurisdizzjoni u Prosekuzzjoni L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni kwadru jelenka l-każi li fihom l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4. Ir-regola ewlenija hija l-prinċipju tat-territorjalità, li skondu kull Stat Membru jrid jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reati kommessi, totalment jew parzjalment, fit-territorju tiegħu. L-Artikolu 8(3) ġie sostitwit mid-Deċiżjoni fuq il-mandat ta' arrest Ewropew[8]. L-Istati Membri huma konformi mar-rekwiżit tal-priniċipju tat-territorjalità ta' l-Artikolu 8(1)(a) tad-Deċiżjoni kwadru. L-Artikolu 8(1)(b) jistabbilixxi r-regola tal-ġurisdizzjoni extra-territorjali meta min jikkommetti r-reat ikun ċittadin tal-pajjiż ikkonċernat. Din id-dispożizzjoni hija ta' importanza partikolari biex tiġi żgurata l-prosekuzzjoni effettiva ta' l-hekk imsejjaħ turiżmu għas-sess, li jseħħ meta kwalunkwe att ta' sfruttament sesswali tat-tfal jiġi kommess barra mill-pajjiż. Fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-istess livell ta' protezzjoni għat-tfal irrispettivment minn jekk humiex residenti f'pajjiż jew f'ieħor. Fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sistemi legali differenti, l-Artikolu 8(1)(b) jippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx, jew li japplikaw biss f'każi jew ċirkustanzi speċifiċi, ir-regoli ta' ġurisdizzjoni meta reat jiġi kommess barra mit-territorju tagħhom. Iżda, rigward il-ġurisdizzjoni extra-territorjali, l-Istati Membri ma offrewx biżżejjed informazzjoni biex jiġi evalwat safejn implimentaw din ir-regola. Artikolu 9: Protezzjoni ta' u assistenza lill-vittmi L-Artikolu 9 jirregola tliet kwistjonijiet differenti. L-ewwel paragrafu jipprovdi li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati koperti mid-Deċiżjoni kwadru m'għandhomx jiddependu fuq ir-rapport jew l-akkuża magħmula mill-vittma meta tkun tapplika r-regola tal-ġurisdizzjoni territorjali. Il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri ġeneralment tirrispetta dan l-obbligu. L-Artikolu 9(2) jirreferi għat-tfal vittmi ta' l-isfruttament sesswali, li huma kkunsidrati bħala vittmi partikolarment vulnerabbli għall-iskop tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali[9]. Is-sottomissjonijiet ta' l-Istati Membri lill-Kummissjoni huma fframmentati u mhx kompluti u ma jiffaċilitawx l-analiżi globali. L-Iżvezja, id-Danimarka, l-Olanda, l-Italja, il-Ġermanja, is-Slovakkja u r-Renju Unit issodisfaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Kwadru b'mod sodisfaċenti. Fl-2007, ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida f'Ċipru li tinkludi qafas komprensiv għar-rikonoxximent, ir-riferiment għal servizzi u l-protezzjoni tal-vittmi li tirrispetta kompletament ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali fir-rigward ta' tfal sfruttati sesswalment. L-Artikolu 9(3) jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu għall-protezzjoni speċifika ta' u għal għall-assistenza lill-familja tal-vittma, fid-dawl ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali. Il-Ġermanja, il-Latvja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Awstrija u l-Estonja taw lill-Kummissjoni informazzjoni li turi li huma jirrispettaw id-Deċiżjoni kwadru. L-Istati Membri l-oħra ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar dan il-punt. 4. KONKLUŻJONIJIET Mhux l-Istati Membri kollha bagħtu lill-Kummissjoni t-testi rilevanti tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħhom fil-ħin stipulat. Għaldaqstant l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet tar-Rapport jistgħu xi drabi jkunu bbażati fuq informazzjoni mhux kompluta. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill ġew sodisfatti minn kważi l-Istati Membri kollha jew b'riżultat ta' liġijiet nazzjonali li kienu diġà jeżistu, inkella permezz ta' l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni speċifika ġdida. Il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri ġeneralment tiżgura livell għoli ta' ħarsien tat-tfal mill-isfruttament sesswali u mill-abbuż u tipprovdi għal livell xieraq ta' pieni. Dwar il-pornografija tat-tfal, ir-rekwiżit dwar il-kriminalizzazzjoni tal-produzzjoni ta' materjal pornografiku li jinvolvi tfal huwa ġeneralment sodisdatt, għalkemm mhuwiex possibbli li tingħata evalwazzjoni preċiża tas-sensiela ta' eżenzjonijiet mir-responsabbiltà kriminali rigward pornografija tat-tfal li tinvolvi tfal bejn l-età ta' kunsens għas-sess u t-18-il sena. Fejn id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill ma ddaħħlitx fis-seħħ fid-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri rilevanti biex jikkoreġu din is-sitwazzjoni mill-aktar fis permezz ta' l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni implimentattiva. Minkejja dan, b'riżultat tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill, l-Istati Membri issa ġeneralment għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt kriminali li jinkriminaw l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u li jipprovdu għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kif intqal ukoll fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/629 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li ġie adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta' Mejju 2006, huwa diffiċli li tingħata evalwazzjoni eżawrjenti dwar leġiżlazzjoni li tirrigwarda vittmi partikolarment vulnerabbli, minħabba l-informazzjoni limitata rċevuta mill-Istati Membri. Metodu li jirrispondi tajjeb għall-bżonnijiet tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali, flimkien ma' livell xieraq ta' assistenza soċjali lill-vittmi matul u wara l-proċedimenti kriminali, huwa kruċjali sabiex tiġi evitata vittimazzjoni sekondarja u sabiex tiġi żgurata l-prosekuzzjoni effettiva tar-reati. Għalhekk il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jerġgħu jqisu bir-reqqa l-leġiżlazzjoni tagħhom bl-għan li jsaħħu l-protezzjoni soċjali u li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tat-tfal vittmi. Fid-dawl ta' żviluppi reċenti, b'mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni elettronika, qamu kwistjonijiet ġodda, per eżampju t-tħajjir frawdolenti tat-tfal għal għanijiet illeċiti permezz ta' l-internet ("grooming"). Fl-istess ħin, qed jiġu żviluppati metodi ġodda bl-għan li jiskopru reati bħal dawn u jidentifikaw it-tfal vittmi permezz ta' unitajiet speċjalizzati ta' l-infurzar tal-liġi. Fid-dawl tar-riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra l-bżonn li taġġorna u ssaħħaħ aktar din id-Deċiżjoni kwadru dwar l-isfruttar tat-tfal u reati relatati, b'mod partikolari reati kommessi permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika u sistemi ta' l-informatika. [1] ĠU L 13/44 – 20 ta' Jannar 2004. [2] L-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE [3] Ara l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi: kawża 48/75 Royer [Ġabra 1976, p. 497, punt 518] [4] Ara l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi: kawża C-239/85, il-Kummissjoni vs il-Belġju, Ġabra 1986, p. 3645, punt 3659 Ara wkoll il-kawża C-300/81, il-Kummissjoni vs l-Italja, Ġabra 1983, p. 449, punt 456. [5] Ara l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi, ngħidu aħna, il-kawża 29/84, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, Ġabra 1985, p. 1661, punt 1673. [6] Ara l-ġurisprudenza sostanzjali dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi, per eżempju: kawża 52/75, il-Kummissjoni vs l-Italja, Ġabra 1976, p. 277, punt 284. Ara, b'mod ġenerali, ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni li jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarji, ngħidu aħna COM(2001) 309 finali. [7] ĠU L 322, 12.12.1996, p. 7; ĠU L 342, 31.12.1996, p. 4; ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4. ĠU L 105, 27.4.1996, p. 1; ĠU L 191, 7.7.1998, p. 1; ĠU L 33, 6.2.1999, p. 1; ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1. [8] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri [9] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali; ĠU L 82, 22.3.2001