Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0666

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Inżidu r-rata tat-tkabbir tal-produttività: messaġġi ewlenin mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2007 {SEG(2007)1444}

    /* KUMM/2007/0666 finali */

    52007DC0666

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Inżidu r-rata tat-tkabbir tal-produttività: messaġġi ewlenin mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2007 {SEG(2007)1444} /* KUMM/2007/0666 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 31.10.2007

    KUMM(2007) 666 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Inżidu r-rata tat-tkabbir tal-produttività: messaġġi ewlenin mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2007 {SEG(2007)1444}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Inżidu r-rata tat-tkabbir tal-produttività: messaġġi ewlenin mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2007

    1. INTRODUZZJONI

    Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-messaġġi ewlenin mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2007[1]. L-enfasi huwa fuq il-produttività, li hija l-ixprun ewlieni tal-kompetittività u l-benessri fit-tul.

    Ir-Rapport dwar il-Kompetittività reġa’ tfassal fl-2006 biex jikkontribwixxi lejn appoġġ analitiku sod tal-pilastru mikroekonomiku ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, filwaqt li jkompli jesplora aspetti iktar speċifiċi tal-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea.

    Din is-sena, wara reviżjoni ta’ l-iżviluppi riċenti fir-rigward tat-tkabbir, il-produttività u l-impjiegi, kemm fil-livell ta' l-UE u kif ukoll fis-setturi ekonomiċi ewlenin, ir-Rapport jirrevedi r-riformi mikroekonomiċi skond l-aġenda għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi mill-perspettiva tal-potenzjal tagħhom li jżidu l-produttività u jiffoka, partikolarment, fuq il-ħiliet bħala fattur tal-kompetittività. Ir-Rapport jevalwa s-setgħat u d-dgħjufijiet relattivi ta’ l-industriji Ewropej u jikkonkludi b’viżjoni fit-tul tal-manifattura Ewropea biex ix-xejriet u l-isfidi emerġenti jitpoġġew f’perspettiva u biex jiġi vverifikat jekk il-politiki eżistenti humiex konsistenti magħhom. L-analiżi f'dan ir-rapport hija appoġġata minn disponibilità mtejba tad-data – sensiela taż-żmien itwal u l-pubblikazzjoni ta’ l-ewwel datasets EU KLEMS [2] -, li jippermettu li jinsiltu tagħlimiet ġodda.

    2. IR-RENDIMENT ġENERALI TAL-KOMPETITTIVITÀ:

    Titjib mifrux ta' l-ekonomija Ewropea

    Is-saħħa ta’ l-irkupru ekonomiku fl-Ewropa hija ikbar milli kien mistenni s-sena l-oħra: il-Prodott Gross Domestiku (PGD) reali ta’ l-UE kiber bi 3.0 % fl-2006 – l-ikbar rata ta’ tkabbir mis-sena 2000. Dan it-titjib kien appoġġat minn aċċellerazzjoni kemm tal-produttività u kif ukoll ta’ l-impjiegi. Iż-żieda ikbar fil-produttività hija msejsa fuq tkabbir iktar b’saħħtu fil-produttività tal-fatturi totali (FTP – total factor productivity ) (ara l-kaxxa).

    Dan it-titjib huwa mifrux sewwa; kważi l-Istati Membri l-ġodda kollha u l-Istati Membri bi PGD per capita u livelli ta’ produttività li huma relattivament baxxi qegħdin ilaħħqu f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u żieda fil-produttività. It-titjib jidher fis-setturi differenti ta’ l-ekonomija. Partikolarment, ir-rwol tas-setturi tas-servizzi fit-tkabbir tal-PGD ta’ l-UE huwa sostanzjali, meta wieħed iqis ukoll il-piż kbir tagħhom fl-ekonomija totali. Is-setturi tal-manifattura kollha, bl-eċċezzjoni tat-tabakk, kibru b'rata sostanzjalment iktar mgħaġġla fl-2006 milli fil-ħames snin ta' qabel, u b'hekk kienu kontribut għat-tkabbir ġenerali ta’ l-UE.

    Id-distakk fil-produttività bejn l-UE u l-Istati Uniti beda jonqos...

    Id- data dwar l-iżviluppi fl-ekonomija Ewropea meta mqabbel ma’ l-Istati Uniti, li tittieħed bħala punt ta’ riferiment għar-rendiment tal-produttività tal-fruntiera, tikkonferma li d-distakk fil-produttività tal-ħaddiema fil-konfront ta’ l-Istati Uniti fl-2006 naqas, wara li kien kiber kontinwament matul l-aħħar għaxar snin. Dan huwa fatt sinifikanti, anki għaliex data aktar riċenti, disponibbli biss għall-manifattura[3], tikkonferma li dan l-iżvilupp issokta fl-ewwel nofs ta’ l-2007.

    Fl-evalwazzjoni ta’ dan l-iżvilupp inkoraġġanti, wieħed ma għandux jinsa, madankollu, li l-livelli ta’ produttività tal-ħaddiema fl-Istati Uniti baqgħu madwar 39 % ogħla minn dawk fl-UE meta espressi bħala PGD għal kull persuna impjegata u 26 % (2005) ogħla f’termini tal-PGD għal kull siegħa maħduma. L-analiżi wriet li dan huwa primarjament ħtija ta’ differenzi fil-produttività totali tal-fatturi (ara l-kaxxa), u t-tieninett, tal-kwalità tal-kapital uman[4]. Barra minn hekk, sehem kbir ta’ dan l-iżvilupp jidher li huwa riżultat ta’ fatturi ċikliċi, inkluż tnaqqis fir-rata tat-tkabbir tal-produttività ta’ l-Istati Uniti fl-2006.

    Id- data fil-livell tas-setturi toffri konklużjonijiet addizzjonali dwar il-paragun ta' l-iżviluppi fil-produttività bejn l-UE u l-Istati Uniti. Per eżempju, hija tikkonferma li r-rata inqas tat-tkabbir fil-produttività tal-ħaddiema fl-ekonomija ta’ l-UE fl-aħħar għaxar snin hija primarjament ir-riżultat tar-rendiment aggregat iktar batut tas-setturi individwali ta’ l-UE u mhux minħabba l-kompożizzjoni settorjali ta’ l-ekonomija (it-taħlita ta’ l-industriji), li, tabilħaqq, hija daqsxejn favorevoli għall-UE. Partikolarment, id-differenzjal fit-tkabbir bejn l-UE u l-Istati Uniti jirrifletti rendiment batut fis-settur tas-servizzi fl-UE, partikolarment fis-servizzi tal-bejgħ, id-distribuzzjoni, u s-setturi finanzjarju u tan-negozju.

    Kaxxa: Ir-rwol tal-Produttività Totali tal-Fatturi Il-produttività totali tal-fatturi hija l-għajn ewlenija tad-distakk fil-produttività bejn l-UE u l-Istati Uniti. Hija parti mit-tkabbir fil-produttività ġġenerat minn fatturi intanġibbli bħall-progress tekniku jew l-innovazzjoni organizzazzjonali minflok l-użu ikbar ta' inputs, bħall-kapital. Għalhekk, il-produttività totali tal-fatturi hija l-aktar kejl komprensiv ta’ l-effiċjenza ta’ ekonomija. Fil-livell tas-setturi, analiżi tar-relazzjonijiet strutturali fost l-indikaturi differenti tar-rendiment tissuġġerixxi li t-tkabbir fil-produttività totali tal-fatturi huwa l-ixprun ewlieni tar-rendiment settorjali, sew jekk espress f’termini ta’ tkabbir tal-valur miżjud, u sew jekk f'termini ta’ produttività, kummerċ internazzjonali, investiment dirett barrani jew tkabbir fl-impjiegi. Fost il-politiki l-iktar rilevanti għat-tkabbir fil-produttività totali tal-fatturi huma dawk maħsuba biex ikattru l-progress teknoloġiku, l-innovazzjoni u ż-żieda ta’ l-investiment fl-R&D, l-użu ta’ l-ICT, il-kompetizzjoni u r-riformi fis-suq tal-prodotti. Dawn il-politiki jinsabu fil-qalba tal-pilastru mikroekonomiku ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, u dan jagħti x’jifhem li l-proċess ta’ riforma li għaddej jista’ jikkontribwixxi ħafna biex iżid il-produttività totali tal-fatturi u t-tkabbir ekonomiku. |

    ...b'xi indikazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu fatturi oħra minbarra ċ-ċiklu favorevoli

    Filwaqt li r-raġunijiet għat-twessigħ tad-distakk fil-produttività bejn l-UE u l-Istati Uniti matul l-aħħar għaxar snin kienu strutturali, għadu kmieni wisq biex jingħad jekk it-tnaqqis riċenti fid-distakk huwiex ir-riżultat ta' żviluppi purament ċikliċi jew l-ewwel manifestazzjoni ta’ xejra ġdida.

    L-analiżi mis-servizzi tal-Kummissjoni[5] tindika li, filwaqt li l-irkupru kien essenzjalment ċikliku, huwa possibbli li hemm ukoll komponent strutturali marbut ma' riformi strutturali li l-Istati Membri ta' l-UE wettqu fl-imgħoddi, speċjalment fis-suq tax-xogħol. Titjib settorjali tal-produttività, bħal f’industriji netwerk, u ż-żieda fil-livelli ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol ukoll jappoġġaw din il-fehma. Dan it-titjib strutturali fil-produttività jista’ jiġi mistenni li jkun viżibbli fil-ġejjieni hekk kif l-effetti tar-riformi riċenti – partikolarment dawk iġġenerati mill-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona – jibdew jinħassu iktar.

    3. IL-MUTURI TAL-KOMPETITTIVITÀ

    Il-produttività u l-pilastru mikroekonomiku ta’ l-aġenda ta’ Liżbona

    Iż-żieda tal-potenzjal fit-tul tat-tkabbir ekonomiku billi jiżdied it-tkabbir tal-produttività hija waħda mill-għanijiet fundamentali ta' l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona u rispons importanti għall-isfidi tal-globalizzazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-pass mgħaġġel tal-progress teknoloġiku u tal-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-bdil fil-klima. Il-pilastru politiku mikroekonomiku ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona jkopri ħafna mill-oqsma politiċi li huma l-aktar rilevanti għat-titjib tal-produttività, bħal:

    - Żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tista’ żżid it-tkabbir tal-produttività, speċjalment jekk l-elementi tat-trijanglu ta’ l-għarfien, l-R&D, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni u t-taħriġ, ikunu integrati sewwa, inkluż f’dak li għandu x’jaqsma mal-provvista ta’ staff xjentifiku.

    - L-investiment fl-ICT jagħti redditu għoli f’termini ta’ benefiċċji fi produttività meta jkun akkumpanjat minn bidliet organizzattivi xierqa u investimenti fil-ħiliet.

    - Iktar kompetizzjoni fi swieq miftuħa b'qafas regolatorju adegwat normalment ikollha effetti pożittivi fuq il-produttività u l-impjiegi billi ttejjeb l-effiċjenza allokattiva (statika), l-effiċjenza tal-produttività (organizzazzjoni tax-xogħol), u l-effiċjenza dinamika (prodotti u proċessi innovattivi). Madankollu, l-effett tal-kompetizzjoni fuq l-innovazzjoni huwa iktar ambigwu, billi tiddependi fuq l-istrutturi tas-suq u fuq id-distanza tal-parteċipanti tas-suq mill-fruntiera teknoloġika. Il-kompetizzjoni hija ta’ importanza partikolari għall-pajjiżi u l-industriji qrib il-fruntiera teknoloġika biex iżommu l-vantaġġ tagħhom.

    - L-istimolu ta’ l-intraprenditorija bil-faċilitazzjoni tal-bidu u t-tkabbir tal-kumpaniji kif ukoll it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-SMEs biex jużaw il-potenzjal tas-Suq Waħdieni jippermettu li ideat ġodda jinbidlu fi prodotti u servizzi b’valur miżjud u li dawn jitqiegħdu fi swieq internazzonali, b’effetti pożittiv importanti fuq il-produttività.

    - Żidiet sinifikanti ta’ output u konsum jistgħu jinkisbu wkoll bit-tnaqqis ta’ spejjeż regolatorji mhux meħtieġa bħal piżijiet amministrattivi kbar wisq, u b’hekk jiġu rilaxxati iktar riżorsi għal użi iktar produttivi. Il-benefiċċji jinħassu partikolarment mill-SMEs fejn dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw proporzjon ogħla mill-ispejjeż totali tagħhom.

    - It-tnaqqis ta’ l-ostakli fiskali korporattivi u spejjeż relatati ta’ konformità u l-faċilitazzjoni tar-ristrutturar ta’ kumpaniji grupp jiffavorixxu t-tħaddim tas-Suq Waħdieni. L-adozzjoni ta’ Bażi Fiskali Korporattiva Konsolidata Komuni wkoll ikollha impatt pożittiv fuq il-PGD ta’ l-UE.

    Ir-rekwiżiti aċċellerati ta’ adattament jirrikjedu mekkaniżmi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bejn impjiegi differenti. Iktar ġenerali, il-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE f’dan il-kuntest għandha rwol importanti, billi tikkontribwixxi għal tħaddim aħjar tas-suq intern u tappoġġa titjib tal-produttività u l-kompetittività fil-pajjiżi u r-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura jew li huma affettwati minn ristrutturar industrijali.

    Evalwazzjoni ta’ riformi riċenti mill-Istati Membri fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi kif ukoll fir-rigward ta’ regolazzjoni aħjar u l-politika dwar l-SMEs wriet li, b’mod ġenerali, sar progress notevoli fir-riformi f’dawn l-oqsma, għalkemm għad hemm xi jsir. Dan il-progress għadu mhux rifless kompletament fid- data li tkejjel ir-rendiment ekonomiku.

    Il-koordinazzjoni hija importanti

    Il-governanza ta’ politiki ta’ riforma nazzjonali fl-UE hija element importanti mill-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Impjiegi. Hemm bosta raġunijiet għalfejn il-koordinazzjoni tar-riformi ekonomiċi ta’ l-Istati Membri tista’ twassal għal benefiċċji addizzjonali. Filwaqt li l-pajjiżi jistgħu jitgħallmu minn xulxin, l-isforzi konġunti u l-koordinazzjoni jistgħu jistimolaw il-mixja lejn ir-riforma u jegħlbu r-reżistenza nazzjonali kontra r-riformi. Iktar importanti minn hekk, l-implimentazzjoni kkoordinata tista’ toħloq benefiċċji li jkunu nieqsa, jekk ir-riformi jiġu implimentati unilateralment.

    L-analiżi empirika ta’ effetti internazzjonali mir-riformi nazzjonali ppreżentata fir-Rapport tikkonferma li l-azzjoni kkoordinata tipproduċi, f’ħafna każijiet, benefiċċji li huma sostanzjalment superjuri minn dawk li jirriżultaw minn azzjoni unilaterali. Per eżempju, madwar nofs iż-żieda potenzjali ta’ PGD ġġenerata mill-ksib ta’ l-Istati Membri tal-miri ta’ intensità ta’ R&D jirriżultaw minn trasferimenti ta’ l-għarfien minn pajjiż għall-ieħor.

    Il-komplementarjetajiet bejn il-politiki jagħtu wkoll benefiċċji addizzjonali. Per eżempju, żidiet fil-ħiliet u fl-R&D jgħollu s-salarji reali, li min-naħa tagħhom għandhom iżidu r-rati tal-parteċipazzjoni. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, permezz ta’ mark-ups iktar baxxi, għandu sinerġiji kbar mal-mira ta’ l-impjiegi billi jgħin inaqqas il-qgħad ta’ l-ekwilibriju.

    Il-ftuħ fil-kummerċ u l-produttività imorru flimkien

    Iż-żieda fil-ftuħ tal-kummerċ (volumi ta’ kummerċ imqabbla mal-PGD) u l-stokks ta’ l-Investiment Dirett Barrani (FDI) turi l-aċċellerazzjoni tal-globalizzazzjoni. Filwaqt li ġeneralment l-ishma tas-suq globali tqassmu favur l-ekonomiji emerġenti, l-UE27 kellha relattivament suċċess fiż-żamma tal-pożizzjoni tagħha. Bejn l-1996 u l-2005, is-sehem ta’ l-UE-27 mill-esportazzjonijiet Dinjin totali naqas minn 23.3 għal 22.0 %, is-sehem ta’ l-Istati Uniti naqas minn 19.1 għal 15.2 % u tal-Ġappun minn 13.7 għal 10.5 %[6]. [7]

    Ir-rendiment tal-kummerċ ta’ l-UE fis-servizzi kien inkoraġġanti: l-UE15[8] iktar milli rduppjat it-tkabbir fl-esportazzjoni fis-servizzi bejn l-1996 u l-2005, filwaqt li l-importazzjonijiet kibru b’rata inqas. B’riżultat ta’ dan, f’perjodu ta’ disa’ snin, l-UE-15 kważi kkwadrupplat il-bilanċ tal-kummer fis-servizzi tagħha. Fl-istess perjodu, il-bilanċ tal-kummerċ fis-servizzi ta’ l-Istati Uniti naqas b’26 % għal 50 bn € (il-bilanċ ta’ l-UE-25 fl-2005 kien ta’ 56.9 bn €). Min-naħa l-oħra, il-Ġappun irrapporta defiċit fil-kummerċ tas-servizzi ta’ 30 bn € fl-2003.

    Ħafna drabi, il-globalizzazzjoni tiġi assoċjata mat-telf fl-impjiegi fis-setturi żvantaġġati. L-ispejjeż soċjali u l-ansjetà li jirriżultaw huma reali u jeħtieġu rispons politiku xieraq. Madankollu, dawn ma għandhomx iwasslu biex ma jingħatax kas ta’ l-effetti pożittivi qawwija li l-ftuħ u l-integrazzjoni fis-swieq dinjin ikollhom fuq ir-rendiment ekonomiku ta’ pajjiż. Ir-Rapport juri li hemm relazzjoni pożittiva bejn il-produttività aggregata u l-globalizzazzjoni, billi juża l-ftuħ kummerċ, u jiġbor fil-qosor is-sejbiet empiriċi dwar ir-relazzjoni bejn il-produttività u l-globalizzazzjoni.

    Ir-rabtiet kawżali mhumiex dejjem ċari. Kompetizzjoni fl-importazzjoni iktar intensa tistimola l-produttività li twassal għal iktar kompetittività u iktar esportazzjonijiet. Dan, min-naħa tiegħu, iwassal għal iktar benefiċċji ta’ effiċjenza. Il-ħidma empirika ppreżentata fir-Rapport tenfasizza s-saħħa tar-relazzjoni. Din turi s-setgħa tal-mekkaniżmi involuti: speċjalizzazzjoni, effetti ta’ skala, eliminazzjoni ta’ kumpaniji inqas effiċjenti u kapaċità ikbar għall-assorbiment ta’ avvanzi teknoloġiċi u ideat ġodda żviluppati fil-bqija tad-dinja. Flimkien, dawn il-fatturi jissuġġerixxu li l-ftuħ għall-kummerċ jista’ jkollu rwol importanti fiż-żieda tat-tkabbir tal-produttività. Per eżempju, l-analiżi empirika tindika li, bħala medja, żieda ta’ 1 % fil-ftuħ ta’ l-ekonomija, kif imkejla mill-proporzjon ta’ l-importazzjonijiet mal-valur miżjud, tirriżulta f’żieda ta’ 0.6 % fil-produttività tax-xogħol fis-sena ta’ wara. Dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li kemm żieda fil-kummerċ intern ta’ l-UE b’riżultat tat-titjib tas-Suq Waħdieni u politiki esterni ambizzjużi – bħall-konklużjoni ta’ l-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha, il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles, l-istabbiliment ta’ bilanċ ġdid tar-relazzjoni kummerċjali maċ-Ċina, it-tneħħija ta’ l-ostakli għall-esportazzjonijiet ta’ l-UE u strateġija mġedda għall-aċċess għas-suq – għandhom il-potenzjal li jtejbu b'mod sinifikattiv it-tkabbir tal-produttività fl-UE. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-benefiċċji sħaħ tal-ftuħ jistgħu jirriżultaw biss għal ekonomiji li jistgħu jittrasferixxu faċilment il-fatturi tal-produzzjoni bejn il-kumpaniji kif ukoll minn industriji li qed ibattu lejn dawk li qed jikbru. Dawn huma prerekwiżiti kruċjali għat-tmexxija ta’ l-aġġustament diffiċli li se jkun meħtieġ f’setturi u reġjuni speċifiċi li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-aċċettabilità tal-globalizzazzjoni mill-pubbliku. Barra minn hekk, sabiex jittieħdu l-vantaġġi tal-ftuħ, hija kruċjali l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq livell internazzjonali.

    L-aġġornament tal-ħiliet bħala fattur tal-kompetittivit à

    Il-ħiliet jikkontribwixxu direttament għall-kompetittività internazzjonali u l-produttività billi ħaddiema b’livell aħjar ta’ l-edukazzjoni jżidu l-effiċjenza tax-xogħol u jżidu l-kapaċità assorbittiva tal-kumpaniji biex jintegraw iktar faċilment it-teknoloġiji u l-ideat ġodda. Per eżempju, ir-riċerka empirika tindika li żieda ta’ sena fit-tul medju ta’ l-edukazzjoni skolastika tista’ żżid il-produttività b’8 % sa 10 % fit-tul[9]. L-aġġornament tal-ħiliet qed isir fis-setturi ekonomiċi kollha, anki f'dawk b'ħiliet baxxi. L-analiżijiet empiriċi juru li s-setturi li jimpjegaw sehem ikbar ta’ ħaddiema b'ħiliet medji jew avvanzati juru tkabbir ogħla tal-produttività, filwaqt li sehem għoli ta’ ħaddiema b'ħiliet baxxi f'settur jeżerċita influwenza negattiva fuq it-tkabbir tal-produttività. Barra minn hekk, il-ħiliet huma importanti għall-veloċità tal-konverġenza lejn il-fruntiera tat-teknoloġija. Kif jista’ jkun mistenni, il-konverġenza hija iktar rapida f’industriji intensivi f’ħiliet avvanzati. Fl-aħħarnett, sehem ogħla ta' ħaddiema b'ħiliet avvanzati u medji jistimola t-tkabbir ta' l-esportazzjonijiet.

    Fil-livell ta' l-industriji individwali, l-analiżi turi li l-proċess ta' aġġornament tal-ħiliet fl-industriji jikkontribwixxi iktar għad-domanda dejjem ikbar ta’ ħaddiema b’ħiliet avvanzati milli ċ-ċaqliq ta' impjiegi bejn is-setturi jew l-industriji. Madankollu, hemm ukoll ċaqliq ġenerali ta’ l-impjiegi minn industriji intensivi f’ħiliet baxxi lejn industriji intensivi f’ħiliet medji u avvanzati, u dan iċ-ċaqliq qed iseħħ fil-gruppi kollha ta' pajjiżi ta' l-UE.

    F’dan l-isfond, id-distakki bejn il-ħiliet jistgħu jitqiesu l-ewwelnett bħala problema ta’ aġġustament, li tirriżulta wara żieda fid-domanda għal (jew tnaqqis fil-provvista ta’) ċerta ħila partikolari. F’sitwazzjoni bħal din, ir-rwol tal-gvern jista’ jkun li jiffaċilita l-proċess tat-tranżizzjoni filwaqt li jidher li hemm ambitu limitat għal politiki qawwija li jkunu speċifiċi għas-settur. It-tieninett, fejn id-distakki fil-ħiliet ikunu riżultat ta' l-imgħoddi, il-politiki għandhom jiffukaw fuq miżuri li jgħinu lill-ekonomija tikseb taħlita aħjar ta’ ħiliet. Iżda l-indirizzar ta’ dan id-distakk fil-ħiliet mhuwiex biss kompitu tal-gvern. Ħafna iktar intrapriżi Ewropej se jkollhom jindirizzaw id-distakk fil-ħiliet fl-istrateġiji korporattivi tagħhom.

    L-isforzi fl-istrateġija tat-tkabbir u l-impjiegi biex ikattru l-akkumulazzjoni tal-kapital uman, per eżempju permezz ta’ tnaqqis fil-għadd ta’ individwi li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u l-inkoraġġiment ta’ involviment akkademiku fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija, għandhom jappoġġaw iż-żieda fid-domanda għal ħiliet marbuta mal-bidla fit-teknoloġija bbażata fuq il-ħiliet. Ir-rati ogħla ta’ l-impjiegi, notevolment tan-nisa, jgħinu wkoll biex inaqqsu d-distakk fil-ħiliet. Filwaqt li l-politiki ta’ l-edukazzjoni għadhom primarjament kompetenza nazzjonali, l-edukazzjoni tar-riċerkaturi ewlenin fl-UE se tibbenefika minn inizjattivi mifruxa ma’ l-UE bħall-iżvilupp ta’ l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u mobilità ikbar tar-riċerkaturi.

    4. IL-KOMPETITTIVITÀ TA' L-INDUSTRIJA EWROPEA

    Il-qagħda attwali

    Kollox ma’ kollox, ir-rendiment kompetittiv ta’ l-industriji Ewropej, fejn l-SMEs għandhom rwol konsiderevoli, huwa qawwi. Madankollu, dan jgħatti rendiment varjabbli ħafna fil-livell ta’ l-industriji individwali, kemm bejn il-pajjiżi u kif ukoll bejn is-setturi. Għall-perjodu mill-1995, l-UE turi rendiment baxx f’termini tat-tkabbir tal-valur miżjud, il-ħaddiema, u l-produttività totali tal-fatturi, filwaqt li tidher sejra tajjeb f’termini ta’ rendiment kummerċjali. L-investimenti diretti barranin qed jespandu rapidament f’kull direzzjoni, u l-investiment dirett barrani ‘l barra qed jikber b’rata iktar qawwija.

    L-evalwazzjoni tas-setgħat u dgħufijiet skond is-settur, is-setturi tal-minjieri u, fost l-industriji tal-manifattura, il-produzzjoni tal-ġilda u ż-żraben, il-ħwejjeġ, it-tessuti, il-fjuwil nukleari, u t-tabakk, huma dawk li jippreżentaw tnaqqis mhux biss fl-impjiegi iżda wkoll fil-valur miżjud. Min-naħa l-oħra, apparti mit-trasport fuq l-ilma, l-industriji kollha bl-ogħla rati ta’ tkabbir tal-valur miżjud fl-Unjoni Ewropea – it-tagħmir tal-komunikazzjoni, il-makkinarju ta’ l-uffiċċju u l-kompjuters, kif ukoll it-telekomunikazzjonijiet u s-servizzi relatati mal-kompjuters - huma marbuta mat-teknoloġiji l-ġodda ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

    Meta mqabbel ma' l-Istati Uniti, l-ikbar distakk fir-rendiment settorjali jista' jinsab fil-manifattura tal-makkinarju ta' l-uffiċċju u l-kompjuters, il-kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa, it-trasport bl-ajru u s-servizzi finanzjarji. L-aħħar tliet setturi tas-servizzi kollha jidhru li huma daqsxejn sensittivi għall-ekonomiji ta’ l-iskala u aktarx jibbenefikaw mis-swieq integrati ikbar fl-Istati Uniti. Bil-maqlub, l-UE turi żoni ta' tkabbir ikbar f'żoni magħżula ta' manifattura b'teknoloġija avvanzata, partikolarment il-farmaċewtiċi u l-industriji netwerk.

    Kontenut ogħla ta’ servizzi fil-manifattura Ewropea

    Il-perspettiva t-twila[10] tindika li l-Ewropa, filwaqt li għadha fost l-iktar reġjuni sinjuri fuq bażi ta' PGD per capita , se tiġi megħluba minn xi wħud mill-ekonomiji emerġenti f'termini tad-daqs ġenerali ta' l-ekonomija. Dan minħabba kemm fatturi demografiċi kif ukoll it-tkabbir relattivament kbir fil-produttività hekk kif l-ekonomiji emerġenti jlaħħqu. Sa l-2050, l-Asja aktarx tkun saret l-aktar suq importanti u ċentru tat-tkabbir

    L-analiżi turi li fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, il-manifattura aktarx li se tkompli jkollha rwol ewlieni fl-ekonomija ta’ l-UE, u tikkontribwixxi direttament għat-tkabbir tal-benessri u l-produttività u tiġġenera domanda kbira għar-riċerka u servizzi b’ħiliet avvanzati li tespandi għall-bqija ta’ l-ekonomija[11]. Fl-istess ħin, huwa mistenni li l-manifattura, iddefinita f’sens dejjaq, se timpjega direttament inqas nies milli llum u se tirrappreżenta parti relattivament iżgħar ta’ l-ekonomija sħiħa.

    Ix-xejriet ta’ l-impjiegi u d-daqs relattiv ma għandhomx jitħalltu ma’ l-istaġnar jew it-tnaqqis. Sa ċertu punt, dawn jirriflettu l-effett tad-differenzi fit-tkabbir tal-produttività. Barra minn hekk, dawn ix-xejriet għandhom natura statistika, jiġifieri l-frammentazzjoni tal-katina tal-valur tirriżulta f’attivitajiet li qabel kienu kklassifikati bħala manifattura, jiċċaqilqu għas-settur tas-servizzi. L-industrija tal-manifattura bis-setturi tas-servizzi relatati se tibqa’ pilastru ewlieni ta’ l-ekonomija ta’ l-UE fis-Seklu 21, mhux biss minħabba li jibqa’ jkollha piż ekonomiku iżda wkoll minħabba li hi parti integrali tas-sistema innovattiva ta’ ekonomija moderna.

    L-analiżi tissuġġerixxi li l-kumpaniji li l-aktar ikollhom suċċess se jaġixxu bħala mexxejja ta’ netwerks globali ta’ valur, u jipprovdu ppjanar, marketing u servizzi ta’ R&D u jintegraw komponenti minn għejun barranin. Għalhekk, il-kontentut tas-servizzi tal-manifattura u wkoll tal-pakkett sħiħ mibjugħ mal-prodott finali aktarx li jiżdied iktar. Dan joħloq opportunitajiet ġodda ta’ dħul finanzjarju u relazzjonijiet siewja, twal u dewwiema mal-klijenti; madankollu, jiżdied ukoll il-potenzjal għall-outsourcing. Għalhekk, il-klassifikazzjonijiet ta’ statistika ta' attivitajiet fil-manifattura u s-servizzi, rispettivament, se jsiru dejjem inqas rilevanti u se jsiru meħtieġa tipi ġodda ta' analiżi ta' l-iżviluppi tal-kumpaniji u s-suq.

    Mhuwiex ċar sa liema punt it-teknoloġiji emerġenti (mikrosistemi elettromekkaniċi, materjali avvanzati, bijo u nanoteknoloġiji) se jirrealizzaw il-potenzjal perċepit tagħhom, għalkemm għandu jiġi sottolinjat li l-potenzjal tagħhom huwa sinifikanti ħafna u jkun kontribut ewlieni kbir għat-tkabbir tal-produttività u l-innovazzjoni fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Madankollu, aktarx li l-għarfien dwar il-ġestjoni se jsir dejjem iktar importanti u l-mudelli tan-negozji li se jkollhom suċċess fil-ġejjieni se jkunu dawk li jaħdmu aħjar f’dan ir-rigward. Il-kapital intellettwali u l-affarijiet intanġibbli se jsiru dejjem iktar importanti. Dan probabbli se jwassal għal approċċi organizzazzjonali dejjem iktar kumplessi, bi grad għoli ta’ kollaborazzjoni u netwerking ma’ fornituri, klijenti, kompetituri u użu ikbar ta’ għejun esterni ta’ għarfien, bħal istituzzjonijiet tar-riċerka u universitajiet.

    Dawn l-iżviluppi se jpoġġu enfasi ikbar fuq il-pussess tal-ħiliet. Partikolarment, il-ħiliet ‘rotob’ bħall-ħidma f’tim, it-tagħlim, il-qsim u l-komunikazzjoni, il-forniment ta' servizz u mhux biss prodott u l-ħila li wieħed jaħseb f'mod interdixxiplinari se jsiru kruċjali, speċjalment għall-SMEs li jridu jipparteċipaw f'netwerks globali. Dawn il-ħiliet se jsiru neċessarji anki għal swieq lokali.

    L-ispeċjalizzazzjoni dinamika, jiġifieri meta saħħiet kompetittivi mhux biss jippersistu iżda jiġu msaħħa, tissuġġerixxi li l-Ewropa se żżomm pożizzjonijiet qawwija f’ħafna setturi li jużaw teknoloġija medja u għolja (kimiċi, inkluż il-farmaċewtiċi, inġinerija mekkanika, karozzi, spazju, elettronika integrata.) Dan se jeħtieġ sforzi qawwija fl-R&D biex kontinwament tiġi mwessgħa l-fruntiera teknoloġika f’dawn l-industriji biex jinżamm il-vantaġġ kompetittiv. Prodotti ta’ kwalità għolja f’setturi tradizzjonali jistgħu jkunu wkoll importanti, fejn l-innovazzjoni teknoloġika flimkien mad-disinn u l-marketing ikollhom rwol importanti.

    Se jiddependi ħafna fuq il-ħila tal-kumpaniji Ewropej li jikkapitalizzaw fuq l-opportunitajiet li joffru l-isfidi globali, bħat-tixjiħ u l-bdil fil-klima. Billi l-Ewropa se jeħtiġilha tindirizza dawn l-isfidi minn kmieni, hemm opportunità reali biex jiġu stabbiliti pożizzjonijiet ewlenin fis-suq għal prodotti bħal dawk marbuta mal-kura tas-saħħa, il-konvenjenza, id-divertiment u l-ħin liberu u t-teknoloġiji ambjentali.

    Il-qafas politiku orizzontali huwa importanti għall-manifattura

    Billi jittieħed approċċ iktar kwantitattiv u bbażat fuq mudell, huwa possibbli li jiġi evalwat l-impatt tal-politiki li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas ġenerali għall-kompetittività u l-importanza relattiva tagħhom f’perspettiva daqshekk twila. Ir-riżultati ta’ approċċ bħal dan jiddependu ħafna fuq l-ispeċifikazzjonijiet u l-assunzjonijiet tal-mudell; madankollu, jagħtu indikazzjonijiet utli dwar id-direzzjoni u d-daqs tar-riżultati ġġenerati mill-bdil fil-politika. Id-determinant ewlieni tat-tkabbir u l-produttività fit-tul huwa l-grad ta’ ftuħ ta’ l-UE u l-ekonomija dinjija. Madankollu, riformi politiċi oħra jista’ jkollhom effetti importanti.

    Il-politiċi meqjusa huma l-aġġornament tal-ħiliet, regolamentazzjoni aħjar u piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji, l-R&D u l-innovazzjoni, Suq Waħdieni iktar kompetittiv u l-politiki ambjentali, fl-għamla ta’ effiċjenza mtejba ta’ l-enerġija. L-impatt individwali tagħhom fuq il-PGD sa l-2025 huwa fil-firxa ta’ 0.5-0.6 % (ħiliet[12]) sa 3.0-3.5 % (R&D), u l-politiki strutturali l-oħra jinsabu f’punt bejniethom. L-impatt kumulattiv jammonta għal madwar 8 % sa 9 %.

    Fost il-politiki meqjusa, il-politiki ta’ l-R&D u l-innovazzjoni u t-tisħiħ tas-suq intern għandhom l-iktar impatt qawwi u pożittiv fuq il-manifattura. It-titjib tal-qafas politiku orizzontali se jgħin biex tonqos ir-rata ta' tnaqqis fid-daqs relattiv tal-manifattura fl-Ewropa. Ir-riżultati bbażati fuq il-mudell jikkonfermaw li b’ambjent estern favorevoli, xi setturi tal-manifattura bħall-kimiċi, il-lastku u l-plastik, makkinarju u tagħmir kombinat għandhom iżommu l-ishma preżenti tagħhom fl-ekonomija ta’ l-UE. F’termini tas-sehem ta’ l-UE fil-produzzjoni dinjija, fin-nuqqas tat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas, ma hemmx settur fejn l-UE żżomm l-importanza relattiva tagħha sal-2025. Fil-preżenza tal-politiki msemmija hawn fuq, is-setturi bħat-tagħmir tat-trasport, l-injam u manifattura oħra, it-trasportaturi ta’ l-enerġija, is-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp, il-kimiċi, il-lastku u l-plastik, is-servizzi tat-trasport u servizzi tan-negozju oħra jżommu jew kważi jżommu s-sehem tagħhom fil-produzzjoni globali. Din l-analiżi tikkonferma li r-riformi ekonomiċi huma partikolarment importanti għal setturi esposti għall-kummerċ, bħall-manifattura.

    5. SINTEżI

    Il-konklużjoni ewlenija ta’ dan ir-Rapport hija li għandu jiġi enfasizzat ir-rwol ċentrali li l-produttività għandha bħala għajn tat-tkabbir fil-perspettiva t-twila. Ir-rendiment diżappuntanti tal-produttività ta’ l-UE fl-imgħoddi riċenti kif ukoll l-irkupru riċenti huwa spjegat fil-biċċa l-kbira minn żviluppi fil-produttività totali tal-fatturi. Dan għandu implikazzjonijiet politiċi ċari, jiġifieri l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-politiki tat-taħriġ u l-edukazzjoni u ta’ riformi ekonomiċi li jtejbu l-ambjent ġenerali tan-negojzu u jiffaċilitaw il-bidla strutturali u l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi. L-azzjoni kkoordinata f’dawn l-oqsma tipproduċi, f’ħafna każijiet, benefiċċji aħjar mill-azzjoni unilaterali. Xprun ewlieni għal żieda fl-effiċjenza ekonomika hija l-kompetizzjoni, jew permezz tal-ftuħ tal-kummerċ, Suq Waħdieni msaħħaħ, speċjalment fis-servizzi, liberalizzazzjoni kontinwa ta' l-industriji f'netwerk jew inkella riforma fis-suq tal-prodotti.

    Il-ġejjieni donnu qed juri li l-industrija Ewropea tal-manifattura se tkompli jkollha rwol globali ewlieni f'kuntest fejn l-assi kruċjali se jkunu l-għarfien u l-ħiliet. L-implimentazzjoni tal-politiki u r-riformi msemmija hawn fuq se jkunu ċentrali għat-twettiq ta’ din il-perspettiva.

    [1] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC (2007), ir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2007.

    [2] Il-proġett ta’ riċerka tad-database EU KLEMS għal Kontijiet tat-Tkabbir u l-Produttività għandu l-għan li joħloq database dwar miżuri ta' tkabbir ekonomiku, produttività, ħolqien ta’ l-impjiegi, formazzjoni tal-kapital u bdil teknoloġiku fil-livell ta' l-industrija għall-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea mill-1970 'il quddiem.

    [3] Il-manifattura u l-ekonomija sħiħa għandhom xejriet ta’ tkabbir tal-produttività simili ħafna u sinkroniċi anki jekk ir-rati tat-tkabbir tal-produttività tal-manifattura ġeneralment huma ogħla.

    [4] Madankollu, l-UE tuża iktar kapital għal kull ħaddiem u dan inaqqas id-distakk fil-produttività tal-ħaddiema fil-konfront ta’ l-Istati Uniti.

    [5] Ara Ir-Reviżjoni Ekonomika ta’ l-UE 2007 u l-Komunikazzjoni relatata “ Moving Europe's productivity frontier ”, li ħierġa fil-futur qrib.

    [6] Ma jinkludix il-kummerċ bejn il-pajjiżi ta’ l-UE. “Dinjin” tirreferi għal aggregat ta’ pajjiżi li jirrappreżentaw 86 % ta' l-esportazzjonijiet dinjin totali (sabiex tiġi żgurata l-komparabilità ta' l-ishma maż-żmien billi l-pajjiżi tar-rapport jinżammu stabbli).

    [7] Dawn ir-riżultati, meta jitqiesu waħidhom, aktarx jiġu interpretati ħażin, jiġifieri t-telf tas-sehem mis-suq ta’ l-esportazzjoni jista’ jwassal għall-konklużjoni ta’ tnaqqis fil-kompetittività meta jista’ jagħti l-każ li hemm fatturi oħra involuti (bħal tkabbir jew konsum ikbar)

    [8] Id- data tal-kummerċ fis-servizzi ta’ l-UE-27 jew l-UE-25 mhumiex disponibbli mill-1996 'l hemm.

    [9] Canton, E. (2007), Social returns to education: Macro-evidence, De Economist (li għandu joħroġ f'Diċembru 2007)

    [10] Fuq il-bażi ta’ reviżjoni tal-letteratura ta’ studji ta’ previżjoni u tal-futuri, li s-sinsla tagħhom huma tliet proġetti mifruxa ma’ l-UE kollha dwar il-previżjoni tal-futur tal-manifattura fl-Ewropa, FutMan, ManVis u Manufuture.

    [11] Ewro wieħed ta' prodotti mmanifatturati mibjugħa jirrikjedi bejn 22 (l-Olanda) u 36 ċenteżmu (il-Ġermanja) ta’ inputs mis-servizzi tas-suq (data input-output ta’ l-2000).

    [12] Il-politika mmudellata hija l-kisba tal-miri adottati fl-2004 għall-2010 (massimu ta’ 10 % ta’ individwi li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, għallinqas 85 % ta’ individwi ta’ 22 sena b’edukazzjoni sekondarja għolja, tnaqqis ta’ 20 % ta’ żgħażagħ ta’ 15-il sena b'kapaċità baxxa ta’ qari, il-ksib ta’ għallinqas 12.5 % parteċipazzjoni fit-Tagħlim Tul il-Ħajja u 15 % żieda fil-gradwati fix-xjenzi u t-teknoloġija. L-effett ekonomiku tagħhom jiżdied gradwalment biss, hekk kif koorti suċċessivi u b’livell aħjar ta’ edukazzjoni jidħlu fil-forza tax-xogħol.

    Top