Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0644

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea

    /* KUMM/2007/0644 finali */

    52007DC0644

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea /* KUMM/2007/0644 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 23.10.2007

    KUMM(2007) 644 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-rwol tal-Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-rwol tal-Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea

    Il-Eurojust ġie mwaqqaf wara l-esperjenza pożittiva ta’ Pro-Eurojust, bid-Deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2002[1] (minn issa ’l quddiem id-Deċiżjoni), u minn dakinhar ’il quddiem wera l-effikaċità tiegħu billi ġab tisħiħ reali fl-operazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ l-infurzar tal-liġi bejn is-27 Stat Membru u rreġistra suċċessi operattivi sinifikanti.

    Fil-Programm ta’ l-Aja[2], il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti fuq l-iżvilupp tal-Eurojust. F’din il-perspettiva, speċjalisti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja pparteċipaw f’riflessjoni fi Vjenna f’Settembru 2006[3]. In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (minn issa ’l quddiem l-NĠE)[4] ikkontribwixxa wkoll għal dan il-proċess[5]. Il-Eurojust ta kontribuzzjoni għal dan il-proġett tal-futur. Fil-konklużjonijiet tiegħu adottati fit-13 ta’ Ġunju li għadda[6], il-Kunsill stieden mill-ġdid lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rwol tal-Eurojust u ta’ l-NĠE.

    1. It-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni: riżultat pożittiv iżda mħallat

    Minbarra l-progress fit-traspożizzjoni legali tad-Deċiżjoni[7], il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li r-riżultat operattiv tal-Eurojust huwa wieħed pożittiv. Fl-2006, ġew irreġistrati 771 fajl operattivi ġodda. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 31% meta mqabbel ma’ l-2005[8]. Il-kwalità u l-ħeffa tat-trattament tal-każijiet huma rikonoxxuti. Madankollu, l-iżvilupp tal-Eurojust għandu jkun akkumpanjat bi kjarifika u b’tisħiħ tas-setgħat tal-Membri Nazzjonali u b’setgħat akbar lill-Kulleġġ. Biex jintlaħaq dan il-għan, id-Deċiżjoni tista’ tiġi emendata.

    Titjib possibbli

    2. L-għoti ta’ setgħat usa’ lill-Membri Nazzjonali

    It-tisħiħ fil-kooperazzjoni huwa diffiċli minħabba l-fatt li mhemmx konsistenza fis-setgħat tal-Membri Nazzjonali. Minħabba l-importanza tal-Eurojust għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet nazzjonali li jespliċitaw is-setgħat tal-Membri Nazzjonali u tal-Kulleġġ. Jekk il-Membru Nazzjonali għandu jkollu grad ta’ awtorità fil-qafas ta’ l-infurzar tal-liġi nazzjonali u fuq il-livell Ewropew, mhuwiex biżżejjed li tittieħed deċiżjoni amministrattiva li tagħżel il-Membru Nazzjonali, li tiddeskrivi l-istatus tiegħu u li tistabbilixxi fil-qosor ir-responsabbiltajiet tiegħu.

    Fir-rigward ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, il-Membri Nazzjonali rarament ikollhom is-setgħa li jaġixxu b’awtorità. Huma biss ċerti Stati Membri li jippermettu lill-Membru Nazzjonali tagħhom jordna investigazzjoni[9]. Il-biċċa l-kbira tal-Membri Nazzjonali jistgħu jissuġġerixxu l-introduzzjoni ta’ JIT (Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni), iżda ftit fosthom jistgħu jinnegozjaw l-introduzzjoni ta’ tim bħal dan, u jerġa’ hemm inqas li jistgħu jordnawh[10]. Iktar minn nofs il-Membri Nazzjonali għad għandhom is-setgħat ġudizzjarji fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom[11]. Iżda dawn is-setgħat rarament jiġu eżerċitati[12] minħabba n-natura speċifika tal-kooperazzjoni kriminali internazzjonali u l-preżenza insuffiċjenti fuq it-territorju nazzjonali.

    It-talbiet għal informazzjoni għall-kooperazzjoni ġudizzjarja ppreżentati mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri jintalbu biex jappoġġjaw investigazzjonijiet u proċeduri ġudizzjarji li jkunu għaddejjin fil-pajjiż tagħhom. Il-Eurojust m’għandux biżżejjed attivitajiet ta’ informazzjoni proattiva. L-aċċess għall-informazzjoni huwa fundamentali. L-installazzjoni tal-proġetti E-POC I u II iffinanzjati fil-qafas tal-programm AGIS ippermettew l-installazzjoni ta’ netwerk protett ta' komunikazzjoni interna. Il-proġett E-POC III, li għaddej mill-fażi sperimentali[13], ser jippermetti skambji protetti ta’ infromazzjoni. L-aċċess għall-informazzjoni fis-SIS II ser jagħmilha eħfef għall-Membri Nazzjonali biex iwettqu l-missjoni tagħhom. Kull Stat Membru għandu jiżviluppa strumenti legali biex il-Membri Nazzjonali jkollhom aċċess għad-dokumenti nazzjonali ta’ persuni f’kustodja, għall-kondotti kriminali nazzjonali u għar-reġistri tad-DNA[14].

    L-Artikoli 9(4) u 13 tad-Deċiżjoni Eurojust kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Terroriżmu[15] jirrikjedu li l-Istati Membri jgħaddu l-informazzjoni lill-Membri Nazzjonali appena ssir magħrufa. Mhux l-Istati Membri kollha jikkonformaw ma’ dan l-obbligu. Reċentement, il-Kunsill[16] inkuraġġixxa lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali biex jitrażmettu l-informazzjonijiet lill-Eurojust fil-każijiet kumplessi u serji iktar malajr[17]. Ċerti Stati Membri imponew obbligu li r-rappreżentazzjoni nazzjonali tagħhom tkun informata dwar il-kwistjonijiet transnazzjonali kollha, u b’hekk ir-rappreżentant ikun jista’ jieħu l-inizjattiva u jqabbel il-faljs permezz tad- database Eurojust. Din il-prattika jistħoqqilha tkun inkuraġġita b’emenda tad-Deċiżjoni.

    Proposti

    It-tul tal-mandat tal-Membri Nazzjonali jvarja minn sena għal tul indeterminat. Il-biċċa l-kbira huma maħtura b’mandat ta’ tliet snin, li jiġġedded darba[18]. Biex l-organizzazzjoni jkollha ċerta stabbiltà, il-Membri Nazzjonali għandhom jiġu maħtura għal terminu armonizzat ta’ mill-inqas tliet snin. Il-possibbiltà ta’ revoka għandha titwarrab. L-Artikolu 9(1) għandu jiġi emendat f’dan is-sens.

    Huwa daqstant ieħor importanti li l-Membru Nazzjonali jkun assenjat b’mod permanenti lill-Eurojust u jkollu mill-inqas deputat wieħed (jew aktar) li jista’ jieħu postu biex tiġi żgurata permanenza u parteċipazzjoni sħiħa fil-ħidma tal-Kulleġġ. It-tisħiħ ta’ l-uffiċċji nazzjonali huwa kruċjali minħabba li l-kapaċità operattiva tal-Eurojust tiddependi fuqhom. L-Artikolu 2(2) għandu jiġi ppreċiżat f’dan is-sens. Barra dan, il-Kummissjoni tinkuraġġixxi lill-Eurojust u lill-Istati Membri biex jużaw is-servizzi ta’ l-esperti nazzjonali. L-Artikolu 30(2) diġà jipprevedi dan.

    Id-definizzjoni ta’ bażi komuni ta' setgħat minimi tidher neċessarja. Ir-rwol tal-Membri Nazzjonali ma jieħux il-post tas-servizzi ministerjali jew ġurisdizzjonali nazzjonali li jiġġestixxu ta’ kuljum it-talbiet ta’ għajnuna reċiproka kriminali internazzjonali. Il-Membri Nazzjonali għandhom il-vokazzjoni li jieħdu azzjoni fuq il-livell operattiv, ġuridiku u tekniku billi jużaw l-esperjenza prattika tagħhom biex itejbu l-effettività ta’ l-għajnuna reċiproka u ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-prattika tagħhom f’din id-direzzjoni.

    Jistgħu jiġu kkunsidrati dawn l-iżviluppi:

    Flimkien ma’ l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, il-Membru Nazzjonali jista’:

    - f’każ ta’ bżonn jew urġenza, jirċievi, jitrażmetti u jara li jitwettqu kif xieraq it-talbiet li jiġu mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali.

    Dawn l-inkarigi huma previsti fl-Artikolu 6a) v) u 6 g). “Is-sorveljanza ta’ l-eżekuzzjoni tat-talbiet” biss għandha tiġi miżjuda.

    - f’każ ta’ diffikultajiet ta’ eżekuzjoni, jitlob lill-awtorità ġudizzjarja kkonċernata, permezz tal-Membru Nazzjonali xieraq, biex isiru iktar miżuri ta’ eżekuzzjoni, u jissuġġerixxi investigazzjonijiet jew riċerki kumplimentari.

    Ikun xieraq li jitwessa’ l-ambitu ta’ l-Artikolu 6(a)(i) li diġà jippermetti lill-Membru Nazzjonali jitlob lill-awtoritajiet proprji tiegħu biex jibdew investigazzjoni.

    - jissuġġerixxi miżuri ta’ investigazzjoni partikolari rigward fatti preċiżi lill-prosekutur jew lill-imħallef.

    Huwa mixtieq li din il-possibbiltà tkun prevista fl-Artikolu 6.

    - ikun infurmat qabel ma tittieħed id-deċiżjoni għall-istabbiliment ta’ JIT.

    L-istabbiliment ta’ JIT huwa previst bl-Artikolu 6(a)(iv). Jekk ikun infurmat qabel l-istabbiliment ta’ JIT, il-Eurojust ikun jista’ jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom rwol fil-JIT li jistgħu jkunu ta' interess, u b’hekk jiġu evitati l-problemi li jistgħu jqumu aktar tard.

    - ikun infurmat, safejn ikun neċessarju, f’każ li jkunu involuti żewġ Stati Membri oħra, bl-implimentazzjoni ta' forniment sorveljat, b’infiltrazzjoni jew b’investigazzjoni infiltrata ( undercover ) u jkun responsabbli li jissorvelahom u li jikkontrollahom.

    - jibbenefika minn informazzjoni awtomatika, prekoċi, kompleta u kontinwa dwar il-kwistjonijiet kriminali kollha li jinvolvu tliet Stati Membri jew aktar, kif ukoll żewġ Stati Membri jew aktar fejn l-infrazzjonijiet ikunu partikolarment serji (terroriżmu u traffikar tal-bnedmin) safejn ikun neċessarju għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-Eurojust.

    Din it-talba ġiet ifformulata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-2000.

    - jitrażmetti din l-informazzjoni lill-Membru Nazzjonali ta' Stat Membru li ma jkunx ġie informat iżda li jkun involut de facto .

    Dan l-inkarigu huwa kopert mill-Artikolu 13(2) li għandu jiġi emendat b’tali mod li jinkludi lill-Istat mhux informat iżda involut de facto .

    - jirċievi mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali s-sentenzi kollha dwar il-każijiet transnazzjonali tal-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin kif ukoll il-fajls tat-terroriżmu safejn dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ l-inkarigi tal-Eurojust.

    Dan il-forniment ta’ informazzjoni diġà jidħol fil-qafas ta’ l-Artikolu 6(a)(v) li jinħtieġ li jiġi kkjarifikat.

    Għall-inkarigi kollha, it-talbiet ta’ informazzjoni ppreżentati mill-Membri Nazzjonali m’għandhomx jibqgħu bla risposta. Il-fatt li investigazzjoni tkun kunfidenzjali ma jiġġustifikax ir-rifjut li tintbagħat informazzjoni lill-Membru Nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat. Il-livell tal-protezzjoni tad- data personali previst bid-Deċiżjoni fl-Artikoli 14 sa 24 tagħha jagħtu livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.

    Barra minn hekk, f’terminu aktar twil il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltajiet ta’ bażi ġuridika ġdida li ssaħħaħ b’mod konsiderevoli s-setgħat tal-Membri Nazzjonali, u partikolarment il-possibbiltajiet ta’ rwol akbar għall-Membri Nazzjonali f’dan li ġej:

    - il-bidu ta’ każijiet kriminali, partikolarment dawk dwar l-infrazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni;

    - l-implimentazzjoni u l-parteċipazzjoni f’tim koġunt ta’ investigazzjoni;

    - it-teħid ta’ miżuri speċifiċi ta’ investigazzjoni.

    - Is-setgħat tal-Kulleġġ

    Il-Kulleġġ għandu l-istess setgħat bħal dawk tal-Membri Nazzjonali u għandu wkoll inkarigi speċifiċi.

    Ir-reġistrazzjoni ta’ każijiet ġodda fis-sistema tal- Case Management [19], fuq talba ta’ l-Istati Membri, hija pass importanti fil-ġbir u t-trażmissjoni ta' l-informazzjoni. Bid-deċiżjoni li jaċċetta każ, il-Kulleġġ jiddikjara l-politika kriminali tiegħu u direzzjoni li biħsiebu jieħu.

    Bħall-Membru Nazzjonali, il-Kulleġġ huwa kompetenti biex jiddeċiedi dwar il-kunflitti tal-ġurisdizzjonijiet (Artikolu (a)(ii)) u dwar il-mandati ta’ arrest konkorrenti[20]. Jekk huwa minnu li xi deċiżjonijiet meħuda s’issa ġew aċċettati kollha, id-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ ma jorbtux legalment lill-Istati Membri.

    Ir-raġuni għalxiex l-Artikolu 7 ftit li xejn intuża tista’ tiġi spjegata minħabba li l-Istati Membri kkunsidraw li riferiment għall-Kulleġġ ma kienx neċessarju, jew minħabba li l-Istati Membri rnexxielhom jirriżolvu d-differenzi eventwali tagħhom mingħajr ma kellhom bżonn jirrikorru għall-opinjoni tal-Kulleġġ. Ħafna drabi l-Istati Membri ma jkunux konxji mid-dimensjoni reali tal-każ, minħabba li l-informazzjoni ma tkunx inġabret fuq il-livell Ewropew, minkejja li r-reġistrazzjoni ta’ l-informazzjoni fid- database tal-Eurojust issa hija possibbli u inkuraġġita.

    Ir-rwol tal-Kulleġġ fl-istabbiliment tal-JIT huwa limitat minħabba li l-Istati Membri rarament jinvolvu lill-Eurojust fl-istabbiliment u s-sorveljanza ta’ tali timijiet. S’issa, minn 18-il JIT konklużi,[21] il-Eurojust kien involut biss fi 3 fajls.

    L-involviment dgħajjef tal-Kulleġġ fil-każijiet operattivi huwa spjegat mill-fatt li l-Kulleġġ ma jibdiex huwa stess tali każijiet u jiġu riferuti lill-Kulleġġ biss f’każ ta’ kunflitti bejn l-Istati Membri fuq l-approċċ li għandu jittieħed. Madankollu jekk il-Eurojust ikollu informazzjoni aktar wiesgħa, il-Kulleġġ ikun jista’ jieħu f’idejh dawn il-missjonijiet, kif inhu pprovdut bid-Deċiżjoni, u dan mhux biss f’każ ta’ talbiet imsemmija fl-Artikolu 7 iżda wkoll fil-każijiet l-oħra kollha ta’ rikors quddiem il-Kulleġġ.

    Proposti

    Il-Kulleġġ għandu jibbenefika wkoll minn setgħat usa’. Il-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet kriminali primarjament għandu jieħu ħsiebhom il-Membru Nazzjonali, iżda l-Kulleġġ jista’ jsir kanal għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn l-Istati Membri. Il-Kulleġġ għandu jkun jista’ jsaħħaħ ir-rwol tiegħu ta’ medjatur biex jipprevjeni u jgħin fir-riżolviment tal-kunflitti bejn l-Istati Membri.

    F’termini aktar fit-tul, fil-kuntest ta’ bażi ġuridika ġdida, il-Kummissjoni ser tikkunsidra kondizzjonijiet u modalitajiet li permezz tagħhom il-Kulleġġ ikun jista’:

    - jirriżolvi l-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-kunflitti fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku;

    - jagħti bidu għal investigazzjonijiet fi Stat Membru u jipproponi proċeduri fuq it-territorju tiegħu, kif ukoll ikun involut f’miżuri ta’ investigazzjoni speċifiċi;

    - jagħti bidu għal investigazzjoni kriminali fuq il-livell Ewropew partikolarment rigward infrazzjonijiet kontra l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni.

    - Modifiki fl-istruttura tal-Eurojust

    L-Artikolu 29(1) għandu jiġi emendat b’tali mod li l-ħatra tad-Direttur Amministrattiv ma tkunx tinħtieġ iktar l-unanimità tal-Kulleġġ iżda biss maġġoranza ta’ żewġ terzi. L-Artikolu 29(1) għandu jipprevedi wkoll li l-kumitat ta’ l-għażla jinkludi membru tal-Kummissjoni. .

    3. Eurojust u l-atturi l-oħra tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

    Ir-relazzjonijiet tal-Eurojust ma’ l-imsieħba tiegħu għandhom jiġu kkjarifikati u ssimplifikati.

    4. Ir-relazzjonijiet ma’ l-NĠE u l-maġistrati ta’ kooperazzjoni

    5. L-NĠE

    L-NĠE iffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri permezz ta’ l-istruttura orizzontali u flessibbli tiegħu. Huwa strument prezzjuż partikolarment bl-istabbiliment ta’ sit ta’ l-internet dwar is-sistemi ġudizzjarji Ewropej.

    Id-differenza fl-organizzazzjoni tan-netwerk fi Stati Membri differenti, id-diffikultajiet lingwistiċi, id-diffikultajiet legali fil-kooperazzjoni internazzjonali u l-interferenzi frekwenti mal-kompetenzi tal-Eurojust ilkoll jiġġustifikaw organizzazzjoni mill-ġdid ta’ l-NĠE.

    Sabiex tissaħħaħ u titjieb il-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-NĠE, il-Kummissjoni tikkunsidra l-istruttura li ġejja.

    Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali previst bl-Azzjoni Konġunta ser ikun ukoll il-korrispondent nazzjonali tal-Membru Nazzjonali tal-Eurojust fil-pajjiż tiegħu, hekk kif inhu msemmi fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni. Dan il-korrispondent nazzjonali, ibbażat fuq it-territorju nazzjonali, ikun membru tat-tim ta’ l-Membru Nazzjonali tal-Eurojust. Flimkien ma’ l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandu jiġġestixxi l-punti ta’ kuntatt differenti mqassma fuq it-territorju nazzjonali u għandu jkun l-intermedjarju tal-politika tal-komunikazzjoni tal-Eurojust fuq dak it-territorju nazzjonali. Dan għandu jkun ukoll ir-rappreżentant nazzjonali tal-punti ta’ kuntatt għal kull skambju mas-Segretarjat ta’ l-NĠE. Dawn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom ikunu kompetenti biex jgħinu lill-punti ta’ kuntatt l-oħra fl-Istat Membru tagħhom f’każ ta’ diffikultà. Dan il-punt ta’ kuntatt nazzjonali għandu jkun il-kuntatt privileġġjat tal-Membru Nazzjonali tal-Eurojust fuq it-territorju tiegħu, mingħajr ma titqiegħed fid-dubju r-regola tal-komunikazzjoni diretta tal-Membru Nazzjonali ma’ l-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu responsabbli mill-proċeduri li huwa fattur fundamentali ta’ effikaċità. Din l-istruttura diġà teżisti f’ċerti pajjiżi u ppruvat l-effikaċità tagħha, u għalhekk il-Kummissjoni tixtieq li din tiġi ġġeneralizzata.

    Din il-proposta tirrikjedi l-emenda ta’ l-Artikolu 26(2) kif ukoll ta’ l-Artikolu 12. Ir-rwol ta’ koordinatur nazzjonali ta’ dan it-tip ser ikun li jittrażmetti sistematikament lill-Membru Nazzjonali tal-Eurojust il-każijiet multilaterali li jista’ jkun jaf dwarhom, il-każijiet bilaterali kumplessi li ma setgħux jiġu riżolti b’mod korrett u mill-ewwel mill-punti ta’ kuntatt. Bħala membru tat-tim tal-Membri Nazzjonali, għandu jittrażmetti l-każijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-Eurojust mill-iktar malajr possibbli lill-Membru Nazzjonali.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Eurojust għandu jkollu l-vokazzjoni li jakkomoda mhux biss is-segretarjat ta’ l-NĠE, iżda wkoll is-segretarjati tan-netwerks operattivi fl-isfera ta’ l-infurzar tal-liġi bħal ngħidu aħna n-netwerk tal-punti ta’ kuntatt għat-terroriżmu, in-netwerk CARIN u n-netwerk għall-ġenoċidju[22].

    6. Il-maġistrati ta’ kooperazzjoni

    Il-ħatra tal-maġistrati ta’ kooperazzjoni mill-Istati Membri biex titjieb il-kooperazzjoni bilaterali tvarja skond l-Istati. Dan l-istrument ta’ kooperazzjoni rikonoxxut minn azzjoni konġunta fl-1996[23] huwa utilizzat b’mod differenti mill-Istati Membri[24]. Din il-prattika, li madankollu għadha f’minoranza[25], għandha rwol utli fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Fil-futur, il-Eurojust ser ikun jista’ jagħżel hu stess il-maġistrati ta’ kooperazzjoni f’pajjiżi terzi biex tkun faċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi li fihom ikunu maħtura. Dawn il-maġistrati ser ikollhom funzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-maġistrati ta’ koordinazzjoni Norveġiżi u ta’ l-Istati Uniti fil-Eurojust.

    7. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Europol

    Mill-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni[26], il-Eurojust tejjeb b’mod kostanti r-rabtiet tiegħu mal-Europol. Għandha tiġi enfasizzata l-kwalità tal-ħidma li twettqet minn dawn l-imsieħba fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ esperti fi kwistjonijiet ta’ JIT[27]. Fis-7 ta’ Ġunju ġie ffirmat Memorandum ta’ Spjegazzjoni (MtS) li stabbilixxa netwerk ta’ komunikazzjoni protett. Dan ser jippermetti li jiżdiedu l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Eurojust u l-Europol.

    Id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll tas-27 ta’ Novembru 2003 li jemenda l-Konvenzjoni Europol[28] fit-18 ta’ April 2007 għandu jippermetti aċċess faċilitat għad-dokumenti ta’ analiżi tal-Europol (AWFs) u parteċipazzjoni ikbar f’dawn l-analiżi.

    Il-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-uffiċċji differenti ta’ kooperazzjoni nazzjonali fil-Europol għandha mhix ugwali. Ir-rabtiet jeħtieġ li jissaħħu sistematikament u l-iskambji ta’ l-informazzjoni ma’ dawn l-uffiċċji għandhom jitjiebu.

    Dan l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Europol ma jinħtieġx l-emenda ta’ l-Artikolu 26 safejn ir-regoli tal-protezzjoni tad- data jippermettu lill-Eurojust li jiskambja l-informazzjoni b’mod suffiċjenti.

    8. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni (OLAF)

    Il-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-OLAF[29] ġiet ikkonkretizzata wara l-iffirmar[30] ta’ MtS li għandu jiġi emendat bl-adozzjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni. L-oqsma ta’ kompetenza tal-Eurojust u ta’ l-OLAF huma kumplimentari[31]. Sabiex jiġu valorizzati l-benefiċċji potenzjali kollha tal-kooperazzjoni bejn l-OLAF, bħala aġenzija li tinvestiga l-frodi Komunitarju, u l-Eurojust, bħala aġenzija ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, hemm bżonn ta’ skambju ta’ informazzjoni, sew operattiv u sew strateġiku. Ukoll, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa neċessarju li fid-Deċiżjoni jkunu previsti dispożizzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni fi stadju biżżejjed prekoċi. Regoli kumpatibbli dwar il-protezzjoni tad- data għandhom ikollhom rwol fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib.

    Il-ħatra tal-punti ta’ kuntatt u l-istabbiliment ta’ laqgħat regolari għall-iskambju ta' l-informazzjoni u t-taħriġ għandhom jitkomplew.

    9. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ Frontex

    Il-protezzjoni tal-fruntieri esterni ta’ l-UE, kemm ta' l-art u tal-baħar, hija kwistjoni li tqum mhux biss b’konnessjoni ma’ l-immigrazzjoni illegali, iżda wkoll mal-kriminalità organizzata bħat-traffikar tad-drogi jew it-traffikar tal-bnedmin.

    Fin-nuqqas ta’ ostakoli ġuridiċi, l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn Frontex u l-Eurojust għandu jiġi inkuraġġit.

    10. Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

    Il-Eurojust żviluppa kuntatti mal-pajjiżi terzi biex tkun iffaċilitata u intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

    Abbażi ta’ l-Artikolu 27, il-Eurojust iffirma ftehimiet ta’ kooperazzjoni[32] li jippermettu skambju ta’ informazzjoni u ta’ data personali f’każijiet operattivi u parteċipazzjoni fil-laqgħat ta’ koordinazzjoni. Dawn il-ftehimiet ġew ikkonkretizzati billi ntbagħtu uffiċjali ta’ kooperazzjoni min-Norveġja u mill-Istati Uniti fil-Eurojust. In-negozjati tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn huma għaddejjin[33]. Meta ma jkunx possibbli li jiġu negozjati ftehimiet ta’ kooperazzjoni, il-Eurojust jara li jiżviluppa netwerk ta’ punti ta’ kuntatt, partikolarment fil-Mediterran[34] u man-netwerk IBER-RED.

    Konklużjoni

    L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, bl-emenda tad-Deċiżjoni, ser tippermetti lill-Eurojust biex jiżviluppa l-potenzjal ta’ kooperazzjoni tiegħu u biex ikun asserit iktar bħala attur essenzjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Ewropa.

    Il-Eurojust għandu jsir struttura iktar b’saħħitha, rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha li għandhom jikkonsolidaw is-setgħat tal-membri nazzjonali tagħhom u tal-Kulleġġ permezz tat-traspożizzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni u bit-tisħiħ tas-setgħat li huma mogħtija lilhom. Huwa b’dan il-mod li tista’ timxi l-quddiem il-ġlieda kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri u l-ħolqien ta’ żona reali ta’ ġustizzja, libertà u sigurtà fl-Ewropa.

    Traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Eurojust u l-istatut tal-Membru Nazzjonali |

    | BE |BG |CZ |DK |DE |EE |IE |EL |ES |FR |IT |CY |LV |LT |LU |HU |MT |NL |AT |PL |PT |RO |SI |SK |FI |SE |UK | | Infurzar tal-liġi, setgħat operattivi fil-pajjiż nazzjonali tiegħu |le |iva |iva |le |le |iva |iva |le |le |le |le |iva |iva |iva |le |le |iva |le |le |iva |le |iva |iva |iva |iva |iva |iva | |Talba għall-għajnuna reċiproka |le |iva |le |le |le |le |le |le |le |le |le |le |le |iva |le |le |iva |le |le |le |iva |le |le |iva |iva |iva |iva | |Ordni ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni |le |iva |le |le |le |le |le |le |le |le |le |le |le |iva |le |le |iva |le |le |le |iva |le |iva |iva |iva |iva |le | |Konklużjoni ta’ JIT |le |le |iva |le |iva |le |le |le |le |le |le |le |le |le |le |le |iva |le |le |le |le |le |le |le |le |iva |le | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | | |

    [1] Id-Deċiżjoni tas-6.3.2002, ĠU L 63/1.

    [2] 3.3.2005, ĠU C 53/1.

    [3] Dokument 14123/06 tad-19.10.2006, Eurojust 48, DISTRIBUZZJONI LIMITATA.

    [4] Azzjoni Konġunta tad-29.06.1998, ĠU L 191/4 tas-7.7.1998.

    [5] Dokument ta’ Viżjoni tad-19.09.2006, dokument 6053/07 NĠE 6.

    [6] Konklużjonijiet tal-Kunsill, dokument 9920/07 COPEN 73.

    [7] Ara t-tabella fl-anness

    [8] Rapporti annwali Eurojust 2004, 2005 u 2006.

    [9] BG, LT, MT, PT, SI, SK, FI, SE

    [10] CZ, DE, MT, SE.

    [11] BG, CZ, EE, IE, CY, LV, LT, MT, PL, RO, SI, SK, FI, SE, UK (għal dan ta’ l-aħħar, unikament f’każ ta’ urġenza marbuta ma’ l-inkapaċità ta’ l-awtorità kompetenti).

    [12] Informazzjoni miġbura mill-Eurojust fl-1 ta’ Ġunju 2007.

    [13] Bejn IT, FR, PL, RO u SI.

    [14] Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 1999 dwar l-iskambju tar-riżultati ta’ analiżi tad-DNA, ĠU C 193/2 ta’ l-24.06.1997.

    [15] Deċiżjoni 2000/671/JAI tal-Kunsill ta’ l-20.09.2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni għall-infrazzjonijiet marbuta mat-terroriżmu, ĠU L 253/22 tad-29.9.2005.

    [16] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħames rapport annwali ta’ attività tal-Eurojust.

    [17] Punt 4 tal-Konklużjonijiet.

    [18] BG, CZ, DE, IE, EL, ES, FR, LT, HU, PT, RO.

    [19] Fl-2004, il-Eurojust, fil-qafas ta’ programm AGIS (EPOC), implimenta sistema ta’ pproċessar tad- data awtomatika (CMS) li qed tkompli tiżviluppa permezz ta’ dan il-programm. Il-fażi attwali tipprevedi soluzzjonijiet tekniċi għall-istabbiliment ta’ konnessjonijiet protetti ma’ l-Istati Membri.

    [20] Artikolu 16(2) tad-Deċiżjoni qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, ĠU L 190, 18.7.2002.

    [21] Ċifri fil-15 ta’ Mejju 2007. Timijiet konklużi bejn ES, FR, BE, NL, UK, DE, SK.

    [22] Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13.6.2002, ĠU L 167 tas-26.6.2002

    [23] Azzjoni konġunta (96/277/JHA) tat-22 ta’ April 1996, ĠU L 105 tas-27.4.1996

    [24] Pereżempju, Franza għandha 11-il maġistrat ta’ kooperazzjoni filwaqt li ċerti Stati Membri m’għandhomx.

    [25] DE, EE, ES, FR, IT, NL, FI, UK.

    [26] Id-9 ta' Ġunju 2004.

    [27] Rapport Annwali Eurojust 2006, p. 17.

    [28] Att tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003, ĠU C2/1 tas-6.1.2004.

    [29] Maħluq bid-Deċiżjoni 1999/352/CE, CECA, Euratom tal-COM tat-28.04.1999, ĠU L 136 tal-31.5.1999, p.20.

    [30] Iffirmar fl-14.4.2003, mhux ippubblikat.

    [31] Għanijiet u inkarigi ta’ l-OLAF definiti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999, ĠU L 136 tal-31.5.1999, p.1 u r-Regolament tal-Kunsill (EURATOM) Nru 1074/1999, ĠU L 136 tal-31.5.1999, p. 8.

    [32] NO, IS, u US fil-15 ta’ Ġunju 2007.

    [33] L-Iżvizzera, il-Kroazja u l-Ukrajina fil-15 ta’ Ġunju 2007.

    [34] DZ, MA, TN, JO, EG.

    Top