Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0635

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku

    /* KUMM/2007/0635 finali */

    52007DC0635

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku /* KUMM/2007/0635 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 23.10.2007

    KUMM(2007) 635 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku

    1. INTRODUZZJONI

    1.1. L-għanijiet tan-Negozjati

    L-objettivi tal-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (FPE) huma li jiġu stabbiliti arranġamenti kummerċjali ġodda kompatibbli mad-WTO qabel ma jiskadu l-arranġamenti kummerċjali attwali fil-31 ta' Diċembru 2007 u li jagħtu appoġġ lill-integrazzjoni reġjonali ta' l-AKP u jħeġġu l-integrazzjoni gradwali u bla tfixkil ta' l-istati ta' l-AKP fl-ekonomija dinjija, b'mod partikolari billi jkun hemm għajnuna fil-ħolqien ta' swieq reġjonali akbar ta' l-AKP, biex b'hekk isir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar.

    Dan jidher fid-direttivi ta' negozjar adottati mill-Kunsill hu u jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati, li jipprevedu negozjar ta' FPE mill-Kummissjoni mar reġjuni ta' l-AKP. Dawn l-FPE se jkun fihom dispożizzjonijiet f'oqsma marbuta mal-kummerċ, regoli marbuta mal-kummerċ u kummerċ fis-servizzi u jinkludu rabtiet xierqa mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

    Il-Kummissjoni temmen li ftehimiet sħaħ bħal dawn huma essenzjali biex jintlaħaq l-objettiv finali ta' kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali AKP-UE li, kif jingħad fl-Artikolu 34(2) tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa li l-Istati AKP jkollhom rwol sħiħ fil-kummerċ internazzjonali. L-objettiv primarju tal-Kummissjoni huwa, għalhekk, li tikseb FPE reġjonali sħaħ qabel l-iskadenza stabbilita mill-għeluq ta' l-arranġamenti kummerċjali attwali. Dan jista' jinkiseb f'xi reġjuni. Għar-reġjuni l-oħra, din il-Komunikazzjoni tfassal l-approċċ li jiżgura l-progress lejn FPE reġjonali sħaħ ma jintilifx filwaqt li tiġi evitata, sa fejn jista' jkun, kull interuzzjoni fir-reġim kummerċjali ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi ta' l-AKP.

    1.2. Skadenza għan- Negozjati

    L-Artikolu 37(1) tal-Ftehim ta' Cotonou jistipula li arranġamenti kummerċjali AKP-UE ġodda stabbiliti fl-FPE għandhom jidħlu fis-seħħ sa l-1 ta' Jannar 2008. Wara din id-data kemm il-preferenzi kummerċjali stabbiliti fl-Anness V tal-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll ir-rinunzja ta' dritt mogħtija fl-2001 mid-WTO[1] mhux se jibqgħu iktar fis-seħħ. Din l-iskadenza ta' l-arranġamenti attwali ta' aċċess għas-suq għalhekk timponi skadenza stretta sa l-aħħar ta' l-2007 biex jiġi negozjat l-aspett ta' l-aċċess għas-suq tal-prodotti ta' l-FPE.

    2. IL-KISBA TA' FTEHIMIET SħAħ TA' PARTENARJAT EKONOMIKU

    2.1. Il-kisba ta' Kontenut Sħiħ ta' FPE.

    Fil-Kunsill Konġunt tal-Ministri ta' l-AKP-UE ta' Mejju ta' l-2007, ir-reġjuni kollha ta' l-AKP u l-UE stqarru mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu FPE sħaħ (kif iddefiniti fit-Taqsima 1.1) sa l-iskadenza ta' tmiem l-2007. F'xi reġjuni dan jista' jinkiseb. F'oħrjan se jkun meħtieġ aktar żmien biex jintlaħaq ftehim dwar FPE sħaħ. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tfittex li tilħaq ftehimiet li jinkludu arranġamenti ta' aċċess għas-suq tal-prodotti li jkunu kompatibbli mad-WTO bħala pass importanti lejn FPE. Kull ftehim bħal dan jeħtieġ li jintlaħaq fil-ħin biex jiġu stabbiliti arranġamenti kummerċjali ġodda u li jinkludu l-aspetti l-oħra kollha ta' l-FPEs fejn in-negozjati diġà huma konklużi. In-negozjati mbagħad se jissoktaw dwar kull aspett li jkun għadu miftuħ li huwa meħtieġ biex jiġu konklużi b'mod sħiħ l-FPEs.

    Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-ħtieġa li jkun hemm arranġament ta' aċċess għas-suq għall-prodotti li jkun kompatibbli mad-WTO fi ftehim internazzjonali sabiex jiġi stabbilit reġim kummerċjali ġdid mill-1 ta' Jannar 2008. Il-kwistjonijiet u l-kondizzjonijet li jaffettwaw ir-reġim ta' aċċess għas-suq għall-prodotti li l-Kummissjoni qed tipproponi li l-Komunità toffri lill-AKP fl-2008 huma stipulati fit-Taqsima 3.

    Kull ftehim se jkun pass 'il quddiem lejn FPE reġjonali sħiħ u mhux it-tmiem tan-negozjati. Dawn l-arranġamenti għandu jkun fihom klawsoli ta' verifika u impenji ta' rbit biex jissoktaw in-negozjati fl-oqsma li għad fadal. Dan iwitti t-triq għall-konklużjoni tan-negozjati dwar l-FPE's reġjonali sħaħ.

    2.2. Il-kisba ta' Kopertura Reġjonali sħiħa ta' FPE

    Il-grad ta' integrazzjoni reġjonali jvarja fi ħdan is-sitt reġjuni ta' l-AKP. F'xi reġjuni, il-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali stabbiliti jiffurmaw sotto-reġjuni speċifiċi bl-livelli ogħla ta' integrazzjoni u ambizzjoni ekonomika mill-ġirien tar-reġjun tagħhom. L-interessi kummerċjali u ta' negozju fi ħdan ir-reġjuni jvarjaw ukoll bejn il-pajjiżi l-Anqas Żviluppati u pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw jew jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' Stati partikolari.

    Il-Kummissjoni tagħraf din id-diversità, u li xi pajjiżi jistgħu ma jiħdux sehem fi Ftehim reġjonali mill-bidu. Fejn grupp ta' pajjiżi fi ħdan reġjun jixtieq jimxi 'l quddiem bin-negozjati, il-Kummissjoni se tkun lesta li tilħaq ftehimiet mas-sottoreġjuni, inklużi ftehimiet dwar l-aċċess għas-suq bħala pass 'il quddiem lejn FPEs sħaħ. Biex jinżamm il-momentum tal-pjanijiet attwali ta' integrazzjoni reġjonali, kull ftehim ta' dan it-tip se jkun pass 'il quddiem lejn FPE sħiħ miftuħ għall-pajjiżi kollha ikkonċernati tar-reġjun.

    3. AċċESS GħAS-SUQ

    3.1. Ċertezza Legali

    L-objettiv tan-negozjati ta' aċċess għas-suq huwa li jiġi żgurat li l-prodotti li joriġinaw mill-AKP jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb u legalment sikur għas-swieq ta' l-UE fl-1 ta' Jannar 2008. L-uniku mod biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal kull arranġament ta' aċċess ta' prodotti għas-suq bejn il-Komunità u reġjun ta' FPE huwa li jkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO li jkopru ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles[2]. Il-Kummissjoni tinnota li dan jeħtieġ ftehim li jwassal għall-formazzjoni ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles[3].

    3.2. Offerta ta' Aċċess għas-Suq għall-Prodotti

    Il-Komunità għamlet offerta ta' aċċess għas-suq għall-prodotti fil-kuntest tan-negozjati ta' l-FPE ta' aċċess ħieles mid-dazju u ħieles mill-kwota (b'perjodi ta' tranżizzjoni għaz-zokkor u r-ross). Din l-offerta ġiet milqugħa tajjeb mill-Kunsill[4] u hija maħsuba biex tapplika għal prodotti li joriġinaw f'dawk il-pajjiżi li jikkonkludu negozjati dwar ftehim internazzjonali mal-Komunità li jinkludi arranġamenti ġodda kompatibbli mar-regoli tad-WTO kif deskritt fit-Taqsima 3.1. Barra minn hekk, se tippermetti asimetrija bejn l-impenji ta' aċċess għas-suq ta' l-AKP u l-UE u ħin xieraq ta' tranżizzjoni għal-liberalizzazzjoni ta' l-AKP.

    3.3. Implimentazzjoni ta' l-Offerta ta' Aċċess għas-Suq ta' l-FPE

    Il-Kummissjoni se tipproponi Regolament ibbażat fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat tal-KE li jistabbilixxi reġim ta' aċċess għas-suq għall-prodotti mill-1 ta' Jannar 2008 applikabbli għal lista ta' reġjuni u pajjiżi li kkonkludew negozjati għal ftehim kif deskritt fit-Taqsima 3.2[5]. Sabiex tinforma lill-Awtoritajiet tad-Dwana u l-operaturi ekonomiċi ta' l-UE meta jkun il-waqt u, jekk ikun meħtieġ, tippermetti lill-Kummissjoni tadotta xi regolamenti ta' implimentazzjoni għall-arranġamenti tranżizzjonali għaz-zokkor u r-ross, il-Kummissjoni beħsiebha tissottometti proposta għal Regolament kemm jista' jkun malajr.

    Il-Kummissjoni se tissottometti t-testi sħaħ tal-Ftehimiet kollha lill-Kunsill kemm jista' jkun malajr għal Deċiżjoni li tawtorizza firma u applikazzjoni proviżorja.

    Il-Kummissjoni se tinkludi miżuri fir-Regolament propost biex tabroga jew temenda kif meħtieġ mill-1 ta' Jannar 2008 kull dispożizzjoni regolatorja li jibqa' li jew tirreferi jew tipprovdi għat-treġija u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kummerċjali fl-Anness V tal-Ftehim ta' Cotonou.

    Il-Kummissjoni se tinkludi miżuri fir-Regolament propost biex jista' jitreġġa' lura b'mod temporanju l-aċċess għas-suq għal ċerti prodotti f'każijiet ta' frodi jew nuqqas ta' konformità mar-Regoli ta' Oriġini.

    3.4. Aċċess għas-Suq skond is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi

    Xi pajjiżi ta' l-AKP jistgħu ma jkunux f'qagħda li jikkonkludu negozjati għal ftehim fil-ħin meħtieġ biex jiddaħħlu fil-lista ta' pajjiżi li għalihom japplika r-reġim il-ġdid ta' aċċess għas-suq tal-prodotti stabbilit bir-Regolament deskritt fit-Taqsima 3.3. F'każijiet bħal dawn il-Komunità m'għandha l-ebda għażla ħlief li tapplika r-reġim kummerċjali tal-prodotti stabbilit fir-Regolament tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP). Dan se jkun ukoll il-każ meta xi pajjiżi jagħżlu li ma jiffirmawx dan il-ftehim jew FPE sħiħ.

    Dan ma jeħtieġx xi deċiżjoni speċifika mill-Komunità peress li l-pajjiżi kollha ta' l-AKP għadhom jibbenefikaw minn aċċess għas-suq skond l-SGP wara li jiskadu l-preferenzi ta' Cotonou. Għaliha waħedha hemm l-Afrika t'Isfel li għadha tgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni ta' Kummerċ u Żvilupp (FKKŻ) fin-nuqqas ta' reġim kummerċjali ġdid.

    L-aċċess għas-suq ta' l-UE għall-ifqar pajjiżi ta' l-AKP huwa mħares peress li, skond ir-Regolament SĠP, it-42 Pajjiż l-Anqas Żviluppat ta' l-AKP[6] (PAŻs) jistgħu jkomplu jgawdu minn aċċess ħieles minn dażju u kwota għas-swieq ta' l-UE permezz ta' l-arranġament "Kollox barra Armi". Is-36 pajjiż mhux-PAŻ li jibqa' jingħatalhom l-arranġament ta' aċċess għas-suq SĠP standard jekk ma jaslux sa ftehim.

    Il-Kummissjoni tagħraf li xi pajjiżi ta' l-AKP jistgħu jagħżlu li jfittxu l-aċċess għas-suq taħt l-SĠP bħala alternattiva għall-FPE. Madankollu, il-Kummissjoni hija konvinta mill-benefiċċji importanti ta' żvilupp ta' FPE reġjonali u li ebda pajjiż ta' l-AKP m'għandu jitlef l-opportunità li jkollu aċċess għal FPE reġjonali fil-futur. Is-sitwazzjoni li fiha pajjiż jew reġjun AKP biss igawdi mill-SĠP se titqies mill-Kummissjoni bħala xi ħaġa temporanja. L-FPEs għandhom jibqgħu miftuħin għal kull pajjiż AKP f'dak ir-reġjun li għal bidu jagħżel li ma jibqgħax parti mill-ftehim rilevanti.

    Fil-mument li pajjiż jew reġjun AKP jikkonkludi negozjati mal-Komunità dwar jew FPE sħiħ jew arranġament li jissodisfa l-kondizzjonijiet deskritti fit-Taqsima 3.2, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill li dan jiżdied mal-lista ta' pajjiżi li jibbenefikaw minn reġim ta' aċċess għas-suq għall-prodotti stabbilit mir-Regolament deskritt fit-Taqsima 3.3.

    3.5. Regoli ta' Oriġini

    Il-Kummissjoni tqis ir-Regoli ta' Oriġini ġodda ta' l-FPE bħala parti sħiħa mill-arranġamenti ta' aċċess għas-suq għall-prodotti ta' l-FPE. Il-Kummissjoni tfakkar fl-offerta biex ir-regoli ta' oriġini attwali tal-ftehim ta' Cotonou fi ħdan FPE jkunu inqas stretti u aktar issimplifikati[7]. Il-Kummissjoni miexja lejn li għandhom japplikaw Regoli ta' Oriġini ġodda ta' l-FPE għall-kummerċ kopert mir-Regolament ta' aċċess għas-suq għall-prodotti ta' l-FPE. Il-Kummissjoni tagħraf li r-Regoli ta' Oriġini ta' l-FPE li qed jiġu negozjati ma' kull reġjun ta' l-FPE se jkun fihom xi elementi speċifiċi għar-reġjun iżda se jkunu l-aktar ibbażati fuq regoli komuni u se jkunu identiċi għall-biċċa l-kbira tal-prodotti sabiex jista' jkun hemm kummerċ bejn ir-reġjuni differenti ta' l-AKP. Il-Kummissjoni tfakkar li, fuq il-bażi ta' klawsola ta' reviżjoni li trid tingħadd mal-ftehimiet, ir-Regoli ta' Oriġini l-ġodda ta' l-FPE għandhom jiġu riveduti fi ħdan perjodu tranżizzjonali stabbilit, bil-ħsieb li l-kunċetti u l-metodi użati bl-għan li tiġi ddeterminata l-oriġini jiġu aktar issemplifikati fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' żvilupp tar-reġjuni ta' l-FPE.

    Ir-Regoli ta' Oriġini ġodda ta' l-FPE jibdew japplikaw malli jiġi ffirmat il-ftehim li fih ikunu jinsabu fuq il-bażi ta' deċiżjoni miksuba mill-Kunsill li tawtorizza firma u applikazzjoni temporanja. Madankollu dan x'aktarx li ma jseħħx sa wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament FPE propost dwar l-aċċess għas-suq għall-prodotti. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li f'każijiet bħal dawn is-sustanza tar-Regoli ta' Oriġini tal-Ftehim ta' Cotonou b'ċertu titjib unilaterali fir-regoli speċifiċi li jkopru s-sajd, it-tessuti u jista' jkun il-biedja għandhom sadanittant japplikaw[8]. Hekk kif dan it-titjib jiġi parti mir-Regoli ta' Oriġini ġodda ta' l-FPE, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jserħu moħħom dwar trattament konsistenti f'dawn iż-żoni.

    4. AġENDA TA' ŻVILUPP TAD-DOHA

    Ħafna stati ta' l-AKP huma mħassba li l-progress li sar fl-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (DDA) jista' jwassal għal tgħawwir ta' preferenza u ħtiġijiet ta' addatament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Kummissjoni temmen li l-ftehim dwar arranġament ta' aċċess għas-suq kompatibbli mad-WTO f'FPE sħiħ kif deskritt fit-Taqsima 1.2 mhux talli jgħin biex jiġi indirizzat dan it-tħassib iżda r-rispett sħiħ tar-regoli tad-WTO juri appoġġ għas-sistema ta' kummerċ multilaterali u jiffaċilita s-sehem sħiħ ta' l-AKP fid-WTO. L-influwenza tan-negozjati ta' l-FPE fuq il-proċess ta' negozjar tad-DDA tissaħħaħ dejjem aktar fid-dawl ta' l-objettiv li jiġi ffinalizzat ftehim dwar il-modalitajiet fid-DDA qabel l-aħħar tas-sena.

    5. KOOPERAZZJONI FL-IżVILUPP

    L-FPEs huma strumenti ewlenin fil-politika ta' l-iżvilupp u l-kummerċ ta' l-UE li jagħmlu użu mill-kummerċ biex jgħinu lill-pajjiżi u r-reġjuni ta' l-AKP jibnu ekonomiji aktar b'saħħithom li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar. Il-Kummissjoni, kif ukoll l-Istati Membri ta' l-UE, daħlu għall-impenn li jgħinu l-AKP bil-ħolqien ta' swieq reġjonali u li jappoġġjaw il-miżuri marbuta ma' l-aġġustamenti li dawn jinvolvu. Il-Kummissjoni tibqa' marbuta li tgħin l-imsieħba tagħna biex iħejju riformi strutturali u strateġiji ta' kummerċ ġodda, tadatta għat-tibdil li dawn iġibu magħhom u ttejjeb l-integrazzjoni reġjonali biex ma titlifx l-opportunitajiet kummerċjali ġodda li jiġu mill-FPEs. Il-Kummissjoni hija għalhekk determinata li tiżgura interazzjoni mill-aqwa bejn l-FPEs u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

    L-ewwel nett intlaħaq ftehim mar-reġjuni kollha li għandhom jiġu inklużi fil-FPEs dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-iżvilupp. Dan jibqa' l-objettiv, sabiex tiġi stabbilita rabta xierqa mar-regoli u proċeduri ta' Cotonou, u jiġu identifikati b'mod aktar preċiż l-oqsma potenzjali ta' kooperazzjoni.

    It-tieni, l-ipprogrammar ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEI) joffri opportunità unika biex jiġu sinkronizzati deċiżjonijiet ta' politika kummerċjali meħuda fl-FPEs u l-ipprogrammar ta' riżorsi ta' l-FEI. Il-Kummissjoni hija sodisfatta li għadd sostanzjali ta' dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi se jinkludu għajnuna marbuta mal-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u ta' l-infrastruttura marbuta ma' l-FPEs bħala oqsma ta' kooperazzjoni. Hija ddeterminata li issa twassal fi tmiem il-programmi indikattivi reġjonali u tikkonferma l-objettiv tagħha li l-fondi disponibbli jiġu mmirati l-ewwel u l-aktar għall-għajnuna ta' ħtiġijiet marbuta ma' l-FPE. F'dan ir-rigward, se tingħata prijorità għall-finalizzazzjoni ta' l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-programmi ta' akkumpanjament, bl-użu tar-riżultat tax-xogħol tal-Forzi ta' Ħidma Reġjonali ta' Tħejjija sa fejn huwa l-aktar possibbli. Ta' tifsira partikolari se jkun it-twaqqif, fejn l-AKP ikunu ddeċidew hekk, ta' mekkaniżmi finanzjarji propjetà tar-reġjuni li fihom jikkontribwixxu l-fondi tal-Komunità - kif ukoll l-Istati Membri u donaturi oħra - bil-ħsieb li jkun hemm aktar sens ta' propjetà, effikaċja u koordinazzjoni.

    It-tielet, l-UE fis-sħiħ tagħha hija marbuta li żżid u tara li tkun aktar effettiva l-Għajnuna tagħha għall-Kummerċ. L-istrateġija ta' l-UE adottata dan l-aħħar ta' Għajnuna għall-Kummerċ hija pass importanti fit-tfassil ta' objettivi u prinċipji biex isseħħ l-Għajnuna ta' l-UE għall-Kummerċ, u tagħti attenzjoni speċifika lill-AKP. Hija notevolment tfittex li żżid l-appoġġ għall-aġenda usa' ta' Għajnuna għall-Kummerċ b'mod li huwa proporzjonali għaż-żidiet ġenerali fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp. Il-Kummissjoni se tissokta fil-ħidma intensiva tagħha ma' l-Istati Membri biex tiżgura li medda ta' 50% taż-żieda ta' għajnuna ta' l-UE marbuta mal-kummerċ tiġi allokata lill-pajjiżi ta' l-AKP meta tintlaħaq il-mira ta' € 2 biljuni fis-sena (€ 1 biljun mill-Komunità, € 1 mill-Istati Membri) sa l-2010. Ta' tħassib partikolari se jkun li kull reġjun ta' l-AKP jirċievi sehem xieraq u ġust ibbażat fuq il-ħtiġijiet ipprijoritizzati mir-reġjun ta' dan l-ammont ġenerali.

    L-FPEs sħaħ jippermettu li l-fondi ta' l-FEŻ jiġu diretti lejn il-medda ta' ħtiġijiet ta' aġġustament li jiġu minn impenji magħmula mill-pajjiżi ta' l-AKP u jgħinu jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-fondi addizzjonali mill-Istati Membri. Għal dawk ir-reġjuni li jilħqu ftehimiet ta' aċċess għas-suq kompatibbli mad-WTO bħala pass lejn FPEs sħaħ, il-Kummissjoni tagħraf li l-fondi ta' żvilupp se jkunu meħtieġa wkoll f'dan l-istadju biex jgħinu r-reġjuni ta' l-AKP jagħmlu aġġustamenti marbuta mal-liberalizzazzjoni li ħadu bħala impenn. Dan jista' jinkludi miżuri bħall-aġġornament tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u ta' l-ambjent kummerċjali u li jagħtu sehemhom li jassorbu l-impatt fiskali nett li jiġi mil-liberalizzazzjoni tariffarja f'komplementarjetà sħiħa ma' riformi fiskali. Il-Kummissjoni għalhekk temmen li tista' tiġi żgurata l-għajnuna għall-iżvilupp, kemm permezz ta' l-istrumenti ta' Cotonou kif ukoll mill-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

    [1] Din ir-rinunzja tippermetti deroga mill-Klawsola ta' l-Aktar Nazzjon Ffavorit (ANF) tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ (General Agreement on Tariffs and Trade / GATT).

    [2] L-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ

    [3] Għall-finijiet ta' l-Artikolu XXIV tal-GATTdan huwa ddefinit bħala ftehim interim li "għandu jinkludi pjan u skeda għall-iffurmar ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles". Żona ta' Kummerċ Ħieles huwa mifmum li teżisti meta d-dazji u regolamenti oħra restrittivi ta' kummerċ jiġu eliminati fuq sostanzjalment il-kummerċ kollu bejn il-partijiet.

    [4] Il-15 ta' Mejju 2007 Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-FPE, referenza tal-Kunsill 9560/07

    [5] Bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' l-offerta ta' aċċess għas-suq ta' l-FPA u l-UE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill li żżid l-Afrika t'Isfel fin-negozjati ta' l-FPA, ir-Regolament se jipprovdi b'mod xieraq għal reġim differenzjat ta' kummerċ ta' prodotti għall-Afrika t'Isfel.

    [6] Cape Verde huwa inkluż f'din iċ-ċifra iżda huwa ppjanat li jitlef l-istat tiegħu ta' Pajjiż l-Inqas Żviluppat.

    [7] L-offerta tinkludi Regoli ta' Oriġini anqas stretti bi programm preċiż għall-prodotti tal-biedja, u regoli anqas stretti ta' importanza għat-tessuti u s-sajd. Din l-offerta ntlaqgħet tajjeb mir-reġjuni ta' l-AKP. In-negozjati dwar ir-regoli ta' oriġini għadhom għaddejin.

    [8] Għalih waħdu huwa l-każ ta' l-Afrika t'Isfel, fejn il-Protokoll FKKŻ jibqa' japplika sakemm jintlaħaq ftehim dwar Protokoll reġjonali ta' Regoli ta' Oriġini rilevanti għall-FPE.

    Top