Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0558

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti - It-tagħlim dejjem żmienu

    /* KUMM/2007/0558 finali */

    52007DC0558

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti - It-tagħlim dejjem żmienu /* KUMM/2007/0558 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 27.9.2007

    KUMM(2007) 558 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti It-tagħlim dejjem żmienu

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti It-tagħlim dejjem żmienu

    1. Introduzzjoni

    Il-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvernijiet affermaw fl-1997 fil-preambolu tat-Trattat ta’ Amsterdam id-determinazzjoni tagħhom “ li jippromwovu l-iżvilupp ta ’ l-ogħla livell possibbli ta ’ għarfien għaċ-ċittadini tagħhom permezz ta ’ aċċess wiesa' għall-edukazzjoni u permezz ta' l-aġġornament kontinwu tagħha"[1].

    Fl-2000, il-Kunsill Ewropew f’Liżbona stabbilixxa l-għan strateġiku għall-Ewropa biex sa l-2010 ssir l-iktar soċjetà bbażata fuq l-għarfien fid-dinja li hija kompetittiva u dinamika. Element ewlieni ta’ l-aġenda proposta f’Liżbona kien il-promozzjoni ta’ l-impjegabilità u l-inklużjoni soċjali permezz ta’ l-investiment fl-għarfien u l-kompetenza taċ-ċittadini fl-istadji kollha ta’ ħajjithom.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2001 It-Twettiq ta ’ Żona Ewropea għal Tagħlim Tul il-Ħajja[2] għal darb’oħra saħqet dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Wieħed mill-messaġġi ewlenin kien li s-sistemi tradizzjonali għandhom jinbidlu biex isiru iktar miftuħa u flessibbli, sabiex l-istudenti adulti jkollhom toroq individwali ta ’ tagħlim, adatti għall-ħtiġijiethom u l-interessi tagħhom, u għalhekk tassew jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tul ħajjithom .

    Ir-Rapport Konġunt Interim ta’ l-2006 dwar il-progress fil-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, jenfasizza li ċ-ċittadini kollha jeħtiġilhom jakkwistaw ħiliet ġodda u jaġġornawhom tul ħajjithom u li l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawk fir-riskju ta’ l-esklużjoni soċjali jeħtieġ jingħataw attenzjoni speċjali. It-tagħlim għall-adulti (f’termini tal-kwantità u l-kwalità) huwa importanti wkoll għall-iżvilupp tal-kompetenzi ta’ persuni b’ħiliet medji u dawk tas-sengħa[3].

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2006 dwar it-Tagħlim għall-Adulti[4]: Qatt m ’ hu tard wisq biex titgħallem[5] , tenfasizza l-importanza tat-tagħlim ta’ l-adulti bħala komponent ewlieni fit-tagħlim tul il-ħajja. Għandu rwol ewlieni x’jaqdi fl-iżvilupp taċ-ċittadinanza u l-kompetenza.

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq dawk li huma żvantaġġati minħabba l-ħiliet baxxi tal-qari u l-kitba tagħhom, il-ħiliet ta’ xogħol inadegwati u/jew ħiliet inadegwati għal integrazzjoni b’suċċess fis-soċjetà. Skond l-Istat Membru, dawn jistgħu jinkludu migranti, anzjani, nisa jew persuni b’diżabilità.

    Il-Pjan jibda’ mill-premessa li l-ħtieġa għal sistema ta’ kwalità għolja u aċċessibbli għat-tagħlim ta’ l-adulti m’għadhiex punt għad-diskusjoni, meta wieħed iqis l-isfidi li l-Ewropa trid taffaċċja fis-snin li ġejjin:

    - Biex titnaqqas l-iskarsità ta’ ħaddiema minħabba bidliet demografiċi billi jiżdiedu l-livelli tal-ħiliet fil-ħaddiema b’mod ġenerali u billi jitħarrġu ħaddiema bi ftit ħiliet (80 miljun fl-2006). It-tagħlim ta’ l-adulti jista’ jikkontribwixxi rapidament u kif ukoll effettivament biex dan isir;

    - Biex tiġi indirizzata l-problema persistenti ta’ l-għadd għoli ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni[6] (kważi 7 miljuni fl-2006), billi tingħata opportunità oħra lil dawk li jilħqu l-età adulta mingħajr kwalifika;

    - Biex titnaqqas il-problema persistenti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-gruppi marġinalizzati. It-tagħlim ta’ l-adulti jista’ jtejjeb il-ħiliet tal-persuni kif ukoll jgħinhom jilħqu ċittadinanza attiva u awtonomija personali;

    - Biex tiżdied l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol. It-tagħlim lill-adulti joffri korsijiet speċjalizzati, inkluż it-tagħlim tal-lingwi, biex jgħinu f’dan il-proċess ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fit-tagħlim lill-adulti fil-pajjiż ospitanti jista’ jgħin lill-migranti jkollhom validazzjoni u rikonoxximent għall-kwalifiki li jġibu magħhom;

    - Biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja u partikolarment biex jiġi indirizzat il-fatt li l-parteċipazzjoni tonqos wara l-età ta’ 34. Fi żmien meta l-età medja tax-xogħol qed tiżdied madwar l-Ewropa, jeħtieġ ikun hemm żieda parallela fit-tagħlim lill-adulti minn ħaddiema kbar fl-età.

    Il-ħtieġa għal żieda fl-investiment fit-tagħlim lill-adulti hija msaħħa mill-aħħar riżultati għall-indikatur ta’ riferenza li juri li l-parteċipazzjoni ta’ l-adulti (etajiet bejn il-25 u l-64) fit-tagħlim tul il-ħajja ma għadhiex tiżdied u, fl-2006, saħansitra naqset ftit għal 9.6%[7].

    Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jsaħħaħ is-settur tat-tagħlim lill-adulti biex ikun jista’ juża l-kapaċità sħiħa tiegħu. Dan huwa settur kumpless b’varjetà wiesgħa ta’ provvedituri, li jolqot ħafna tipi ta’ gruppi fil-mira. In-natura multi-settorjali tat-tagħlim tul il-ħajja huwa rikonoxxut.

    L-għan ġenerali tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa li jiġu implimentati ħames messaġġi ewlenin stabbiliti fil-Komunikazzjoni Qatt m’hu tard wisq biex titgħallem: it-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-parteċipazzjoni iż-żieda fil-kwalità u l-effiċjenza tas-settur; it-tħaffif tal-proċess ta’ validazzjoni u rikonoxximent; il-garanzija ta’ biżżejjed investiment; u l-monitoraġġ tas-settur. |

    1.1. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni

    Din il-Komunikazzjoni hija r-riżultat ta’ firxa wiesgħa ta’ konsultazzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni ta’ l-2006. Matul l-ewwel nofs ta’ l-2007, il-Komunikazzjoni kkonsultat l-Istati Membri f’erba’ laqgħat reġjonali (fil-Finlandja, il-Ġermanja, is-Slovenja u l-Portugall) tar-rappreżentanti tal-ministeri għall-edukazzjoni u l-impjiegi, l-imsieħba soċjali u l-NGOs għat-tagħlim lill-adulti.

    Bħala parti minn kull laqgħa reġjonali u fuq il-bażi tal-messaġġi ewlenin tal-Komunikazzjoni ta’ l-2006, il-pajjiż ospitanti ppreżenta eżempji ta’ prassi tajba lill-parteċipanti li juru:

    - ir-riżultati ta’ approċċ integati mill-partijiet interessati;

    - kif ħaddiema bi ftit ħiliet jistgħu jiksbu ħiliet bażiċi;

    - kif il-politiki u l-azzjonijiet għaż-żieda tal-parteċipazzjoni fit-tagħlim ta’ l-adulti qed jiġu żviluppati;

    - il-mod kif l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ rikonoxximent u validazzjoni ta’ riżultati mhux formali tat-tagħlim qed tiġi stipulata.

    Dan il-qsim ta’ prassi tajba li sar f’dawn il-laqgħat jista’ jitqies bħala l-ewwel riżultat pożittiv tal-proċess.

    Il-Kummissjoni tuża wkoll b’mod informali lill-Istati Membri biex tieħu rispons addizzjonali dwar il-Pjan ta’ Azzjoni minn dawk li jfasslu l-politika, l-imsieħba soċjali, u l-NGOs fit-tagħlim formali u mhux formali lill-adulti[8].

    Il-Kummissjoni kienet appoġġata wkoll fit-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni minn grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u entitajiet internazzjonali bħall-UNESCO.

    2. SETTUR EFFIċJENTI TAT-TAGħLIM TA’ L-ADULTI JIFFORMA L-BAżI GħALL-PJAN TA’ AZZJONI

    Il-kontribut tas-settur tat-tagħlim ta’ l-adulti għall-ksib ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona u għat-tagħlim tul il-ħajja u li jħaddan l-aspetti kollha tal-ħajja għandu jitjieb bil-ħolqien ta’ sistemi iktar effiċjenti, li fihom ikunu involuti l-partijiet interessati rilevanti kollha. Ir-riżultati li għandhom jinkisbu minn dan il-Pjan ta’ Azzjoni jiddependu wkoll mill-effiċjenza ta’ dawk is-sistemi.

    Huwa magħruf li kull Stat Membru jibda minn livell differenti ta’ żvilupp f’termini ta’ parteċipazzjoni, kwalità, finanzjament u l-iżvilupp tas-settur. Hemm ħafna eżempji ta’ inizjattivi tajba li ġew żviluppati mill-Istati Membri bl-appoġġ ta’ l-UE li jistgħu jiġu segwiti minn oħrajn[9].

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-evidenza minn studji u riċerka f’dan il-qasam juru li settur qawwi u effiċjenti tat-tagħlim ta’ l-adulti fih ġabra ta’ elementi ewlenin li huma interkonnessi ħafna. Dawn l-elementi huma:

    - il- politiki adottati biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-ekonomija;

    - l-istrutturi għall- governanza inkluż il-kwalità, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tas-sistema tat-tagħlim lill-adulti;

    - is-sistemi ta' twassil inkluż l-attivitajiet ta' tagħlim, l-appoġġ għat-tagħlim u r-rikonoxximent ta' riżultati tat-tagħlim li jindirizzaw il-motivazzjoni u l-ħtiġijiet tat-tagħlim ta’ studenti adulti fil-kuntest tal-ħtiġijiet u d-domandi tas-soċjetà u l-ekonomija.

    Sħubija fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali hija meħtieġa biex tittejjeb l-effiċjenza tas-settur tat-tagħlim lill-adulti, biex jitwessa’ u jiġi ffaċilitat l-aċċess u biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament xieraq[10].

    2.1. Politika

    Il-konsultazzjoni reġgħet saħqet dwar il-ħtieġa fundamentali biex l -awtoritajiet pubbliċi, flimkien ma ’ partijiet interessati oħra jintervjenu biex jiggarantixxu opportunitajiet ta’ tagħlim biex jippermettu lil dawk fir-riskju biex jakkwistaw kompetenzi ewlenin[11]. Dan l-intervent huwa meħtieġ biex ikun żgurat li l-adulti li telqu mill-iskola mingħajr kwalifiki formali xierqa u li jixtiequ jerġgħu jibdew jew ikomplu l-edukazzjoni bażika tagħhom fi kwalunkwe perjodu f'ħajjithom, jiġu megħjuna b'mezzi adegwati u innovattivi ta’ tagħlim u b’opportunitajiet għall-akkwist tal-kompetenzi permezz ta’ offerti ta’ taħriġ ibbażati fuq ix-xogħol. Il-ħtieġa għal dan l-intervent huwa dejjem ikbar fil-kuntest tal-pass mgħaġġel tal-bidla fil-post tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa biex wieħed jikseb suċċess hemmhekk.

    Il-partijiet interessati sabu li, meta mqabbel ma’ oqsma oħra tat-tagħlim, il-kontribut u l-benefiċji tas-settur tat-tagħlim lill-adulti mhumiex riċerkati, diskussi jew ippubblikati tajjeb. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ l-opportunitajiet tat-tagħlim lill-adulti mhux qed ilaħħaq mal-ħtiġijiet ta’ l-individwi u s-soċjetà.

    Biex tiżdied il-parteċipazzjoni u jitħeġġeġ l-investiment, huwa kruċjali li l-kwalità, ir-relevanza, l-effiċjenza[12] u l-effettività tat-tagħlim lill-adulti jkunu viżibbli sewwa.

    Il-gvernijiet u l-partijiet interessati l-oħra għandhom jaġixxu, fl-isferi rispettivi tagħhom, biex jiffaċilitaw l-aċċess, jipprovdu gwida u evalwazzjonijiet, u biex iħaffu l-validazzjoni u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim miksuba f’tagħlim mhux formali u formali.

    2.2. Governanza

    Il-kontributuri għall-konsultazzjoni kienu ċari li l-governanza tajba minn provvedituri tat-tagħlim lill-adulti tikkontribwixxi lejn l-għoti ta’ tagħlim effettiv lill-adulti. Min-naħa tagħha, din tirriżulta f’riżultati tat-tagħlim ta’ kwalità għall-istudenti adulti u redditu tajjeb fuq l-investiment għall-partijiet interessati.

    Il-governanza tajba fil-provvedituri tat-tagħlim lill-adulti hija kkaratterizzata minn:

    - konċentrazzjoni fuq l-istudent adult;

    - approċċ innovattiv għat-tagħlim;

    - analiżi effettiva tal-ħtiġijiet;

    - sistemi ta’ amministrazzjoni effiċjenti u allokazzjoni xierqa tar-riżorsi;

    - staff professjonali;

    - mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-provvedituri;

    - sistemi b’saħħithom ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni bbażati fuq l-evidenza, fi ħdan oqsfa nazzjonali;

    - relazzjonijiet eqreb ma’ oqsma u entitajiet edukattivi oħra bħall-organizzazzjoni ta’ studenti adulti, ta’ assoċjazzjonijiet settorjali u istituti speċjalizzati. Billi dawk li jħaddmu huma provvedituri ta’ parti kbira mit-taħriġ lill-adulti permezz ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u jipprovdu ambjent ta’ appoġġ, l-involviment ta’ min iħaddem fl-ippjanar lokali u reġjonali huwa kruċjali.

    Hemm ħtieġa għal approċċ ippjanat u sistematiku fil-livelli kollha u fl-elementi kollha tat-tagħlim, formali u mhux formali[13], biex titjieb ir-responsabbiltà u t-trasparenza u biex tingħata garanzija xierqa li l-għoti ta’ tagħlim lill-adulti jissodisfa r-rekwiżiti tal-partijiet interessati kollha, speċjalment ta’ l-istudenti adulti.

    2.3. Twassil

    Il-konsultazzjoni wriet li sfida ewlenija għat-tagħlim lill-adulti hija li jitwassal servizz li jissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-istudent adult u fl-istess ħin jipprovdi risponsi ta' kwalità għolja lill-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà u jistimula iktar domanda. Barra minn hekk, firxa wiesgħa ta’ miżuri interkonnessi hija meħtieġa biex jingħelbu l-ostakoli multi-dimensjonali għall-parteċipazzjoni. Dawn jinkludu:

    - it-tressiq ta’ informazzjoni u gwida ta’ kwalità għolja eqreb lejn l-istudent. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ servizzi bbażati fil-komunità u l-postijiet tax-xogħol. Hemm konsensus qawwi li dan għandu jingħata mingħajr ħlas lill-gruppi fil-mira f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni;

    - it-tressiq tat-tagħlim eqreb lejn l-istudenti adulti fil-komunitajiet u l-postijiet tax-xogħol taħghom. Dan jista' jinkiseb permezz ta’ ċentri lokali tat-tagħlim, NGOs, tagħlim fuq ix-xogħol, tagħlim bl-internet. Għandhom jiġu offruti opportunitajiet ta’ tagħlim differenzjati li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-individwu;

    - aċċess flessibbli għall-evalwazzjoni, il-validazzjoni u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim, li jwasslu għal ċertifikazzjoni u kwalifika; dan għandu jiġi appoġġat permezz ta’ gwida;

    - aċċess usa’ għall-edukazzjoni ogħla[14], sabiex tiġi ffaċilitata kwalifika “ta’ livell wieħed ogħla”; l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi finanzjarji mmexxija mid-domanda (bħal kontijiet ta’ tagħlim individwali, miżuri tat-taxxa u self jew ipprovduti pubblikament jew permezz ta’ mekkaniżmu pubbliku ta’ garanzija) biex jiġu indirizzati l-impedimenti finanzjarji u jiġi mmotivat it-tagħlim buq bażi full-time jew part-time;

    - l-individwi jitħeġġu jinvestu fit-tagħlim tagħhom stess, kemm għal raġunijiet ta' sodisfazzjon personali kif ukoll għall-prospetti tagħhom ta' impjieg. F’dan ir-rigward, it-tagħlim lill-adulti huwa mekkaniżmu b'saħħtu għat-tagħlim tal-lingwi, f'konformità ma' l-istrateġija tal-Kummissjoni kif stipulata fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Promozzjoni tat-Tagħlim tal-Lingwi u d-Diversità Lingwistika[15]. Il-gwida għandha rwol kruċjali fl-għajnuna lill-adulti biex jieħdu vantaġġ mill-possibilitajiet offruti mill-kumpaniji, is-servizzi soċjalil u istituzzjonijiet oħra.

    3. Pjan ta' Azzjoni

    Sabiex jiġu implimentati l-messaġġi ewlenin tal-Komunikazzjoni ta’ l-2006 u fuq il-bażi tal-fehmiet miġbura matul il-konsultazzjoni riċenti, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw fi Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-settur li jikkonsisti f'azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

    - analizza l-effetti tar-riformi fis-setturi kollha ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri fuq it-tagħlim lill-adulti.

    - tejjeb il-kwalità tal-provvista fis-settur tat-tagħlim ta’ l-adulti

    - żid il-possibilitajiet għall-adulti li jimxu pass “wieħed 'il quddiem” u li jiksbu għallinqas kwalifika waħda f'livell ogħla

    - ħaffef il-proċess ta’ l-evalwazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi soċjali u li dawn jiġu vvalidati u rikonoxxuti f’termini tar-riżulati tat-tagħlim;

    - tejjeb il-monitoraġġ fis-settur tat-tagħlim ta’ l-adulti.

    L-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu appoġġati permezz ta' l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja.

    3.1. Analizza l-effetti tar-riformi fis-setturi kollha ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri fuq it-tagħlim lill-adulti.

    Is-settur tat-tagħlim lill-adulti jaffettwa s-setturi l-oħra kollha ta’ l-edukazzjoni. Għalhekk, huwa importanti li jiġu analizzati l-effetti ta’ żviluppi f’oqsma edukattivi oħra, kemm formali kif ukoll mhux formali, u l-interazzjoni tagħhom ma' l-iżviluppi fit-tagħlim lill-adulti. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri qed jiżviluppaw Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki marbut mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. Id-diskussjoni dwar it-trasferiment tal-krediti diġà nbdiet. Dawn l-iżviluppi huma ffukati fuq kif jiġi ffaċilitat l-aċċess, il-progress u t-trasferiment u għalhekk huma potenzjalment importanti għall-ftuħ tas-sistema tal-kwalifiki għall-adulti. L-assikurazzjoni tal-kwalità tifforma parti importanti mir-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-iżviluppi fis-settur tat-tagħlim lill-adulti għandu jiġi integrat fil-proċess li għaddej bħalissa ta’ modernizzazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. F’xi Stati Membri it-tagħlim lill-adulti huwa inkluż fir-riformi; iżda f’oħrajn mhuwiex.

    2008 | Se tiġi kkummissjonata analiżi ta’ l-implikazzjonijiet tar-riformi nazzjonali għas-settur tat-tagħlim lill-adulti, fuq il-bażi ta’ mekkaniżmi nazzjonali eżistenti ta' rappurtar. Din l-analiżi se tkun tinkludi analiżi ta’ l-ispejjeż u l-benefiċji ta’ dawn ir-riformi biex tevalwa tassew il-prassi tajba. Jekk ikun meħtieġ, jitnieda studju komplementarju. |

    2009 | Ir-riżultati ta’ l-analiżi jiġu rrappurtati u dawn ikunu juru x-xejriet, il-kisbiet u n-nuqqasijiet fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. Dan jagħti kontribut lill-iżvilupp tal-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja u inizjattivi rilevanti oħra ta’ l-UE. |

    2010 | Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress; u kull sentejn mill-2010 ’il quddiem. |

    3.2. It-titjib tal-kwalità tal-provvista fis-settur tat-tagħlim ta’ l-adulti

    Il-kwalità tal-provvista tiġi affettwata mill-politika, ir-riżorsi, l-akkomodazzjoni u bosta fatturi oħra, iżda l-fattur ewlieni huwa l-kwalità ta' l-istaff involut fil-provvista. S’issa f’ħafna Stati Membri ngħatat ftit attenzjoni lit-taħriġ (tal-bidu u dak matul il-karriera), l-istatus u l-ħlas ta' staff li jgħallmu lill-adulti L-istaff li jgħallmu lill-adulti f’dan il-kuntest mhuwiex limitat għall-għalliema u min iħarreġ iżda jinkludi wkoll il-maniġment, l-istaff ta’ gwida, il-mentors u l-amministrazzjoni. Dawn għandhom ikunu kapaċi jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-gruppi speċifiċi. Il-kwalità ta’ l-istaff hija kruċjali fil-motivazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ l-istudenti adulti.

    2008 | Ir-riżultati ta’ l-istudju Adult learning professions in Europe se jiġi ppubblikat. Dan se jidentifika prassi tajba li teżisti diġà fl-Istati Membri u se jsawwar rakkomandazzjonijiet. Il-prassi tajba identifikata se titqassam permezz tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 u l-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (pereżempju b'attivitajiet ta’ tagħlim minn dawk ta’ mpar xulxin u osservazzjoni f’sitwazzjoni ta’ xogħol) |

    2009 | L-iżvilupp ta’ standards għal professjonisti fit-tagħlim lill-adulti, inkluż servizzi ta' gwida, abbażi ta’ prassi tajba eżistenti. |

    2010 | Iktar riċerka fuq l-iżvilupp ta’ standards tal-kwalità għall-provvedituri u l-akkreditazzjoni tal-provvedituri. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ tas-settur. |

    3.3. Żieda fil-possibilitajiet għall-adulti li jimxu pass 'il quddiem u li jiksbu għallinqas kwalifika waħda f'livell ogħla

    Il-projezzjonijiet demografiċi għall-Ewropa jissuġġerixxu li l-investiment fil-kapital uman u soċjali tal-gruppi fil-mira identifikati huwa essenzjali, meta wieħed iqis it-tnaqqis fil-ħaddiema u n-nuqqasijiet li jirriżultaw fis-suq tax-xogħol. L-informazzjoni u l-gwida għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jilħqu u jimmotivaw dawn il-gruppi. Ir-rwol tal-midja u l-kapaċità tagħha li jindirizzaw gruppi li normalment diffiċli biex jintlaħqu għandhom jitqiesu. L-istess bħalma għandu jitqies leħen l-istudenti adulti nfushom. Madankollu, mhuwiex biżżejjed li sempliċement nattiraw lin-nies fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-opportunità għalihom li jagħmlu progress u li jgħollu l-livelli tal-kwalifiki tagħhom għandha tkun reali u għandha tippermettilhom jintegraw aħjar fl-isferi kollha tal-ħajja.

    L-Istati Membri għandhom jesploraw il-possibilità li jistabbilixxu miri nazzjonali li jżidu l-livell tal-ħiliet tal-popolazzjoni fil-mira.

    2008 | Produzzjoni ta’ inventarju ta’ prassi tajba u proġetti biex jilħqu l-gruppi fil-mira identifikati, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu progress u jkollhom suċċess, b'attenzjoni lill-identifikazzjoni ta’ fatturi ewlenin għall-integrazzjoni mill-ġdid ta’ nies fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u t-taħriġ u fis-soċjetà (xogħol volontarju). Se jitqiesu r-riżultati tal-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, speċjalment dawk minn Grundtvig. |

    2009 | Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-inventarju tar-riċerka (2008), sejħa għall-proposti għal proġetti pilota għall-ilħiq ta’ gruppi fil-mira u għal iktar esplorazzjoni se titnieda fi ħdan il-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja biex jinkiseb l-għan ta’ kwalifika waħda ta’ livell ogħla. |

    2010 | It-tnedija tal-proġetti u l-monitoraġġ tar-riżultati se jsiru fl-istess żmien. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar il-progress fiż-żieda tal-livelli ta’ ħiliet tal-gruppi fil-miri fir-Rapport Konġunt dwar il-Progress fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ. |

    3.4. It-tħaffif tal-proċess ta’ l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent ta’ tagħlim formali u mhux formali għall-gruppi żvantaġġati

    Ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali jifforma l-bażi ta’ l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja. Ħafna Stati Membri għandhom qafas legali u ħafna minnhom bdew programmi pilota.

    L-evalwazzjoni u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kompetenzi soċjali, irrispettivament minn fejn u kif inkisbu, huma partikolarment importanti għal dawk li ma għandhomx kwalifiki bażiċi, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Dawn ikollhom ħiliet li ma jidhrux. Huwa importanti għall-partijiet interessati kollha (min iħaddem, il-gvernijiet, l-individwi, eċċ.) li dan isir, għaliex hemm evidenza li r-rikonoxximent ta’ ħiliet akkwistati mhux formalment u informalment jista’ jwassal għal iffrankar importanti ta’ ħin u flus. Għalhekk, huwa importanti li l-gvernijiet nazzjonali jadottaw approċċ pożittiv għar-rikonoxximent ta’ tagħlim mhux formali u informali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-kompetenzi ta’ migranti, mingħajr preġudizzju għal-liġi ta' l-UE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali[16].

    2008 | L-identifikazzjoni ta’ prassi tajba ta’ rikonoxximent u validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali b’attenzjoni speċjali lill-kompetenzi soċjali, primarjament dawk akkwistati barra mis-sistema formali tat-tagħlim. |

    2009 | Attivitajiet ta’ tagħlim minn dawk ta’ mpar xulxin fil-livell Ewropew, skambju ta’ prassi tajba u skambju ta’ staff minn pajjiż għall-ieħor. Dan se jiġi ffinanzjat mill-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja. |

    2010 | L-ewwel rapport tar-riżultati se jiġi ppreżentat u diskuss f'seminar u r-riżultati se jiġu kkomunikati lill-partijiet interessati kollha. |

    3.5. It-titjib tal-monitoraġġ fis-settur tat-tagħlim ta’ l-adulti

    Kif intqal fil-Komunikazzjoni dwar it-tagħlim lill-adulti: Qatt m ’ hu tard wisq biex titgħallem , wieħed mid-difetti ewlenin tat-tagħlim lill-adulti huwa li ma rnexxielux juri l-benefiċċji tiegħu. Hemm ħtieġa urġenti għal lingwa komuni u fehim komuni biex negħlbu n-nuqqas ta’ ftehim u n-nuqqas ta’ data komparabbli fis-settur. Biex l-iżviluppi fis-settur ikunu jistgħu jiġu aġġornati regolarment (kull sentejn), tintħieġ ġabra minima ta’ data .

    Din l-azzjoni se jkollha relazzjoni qawwija ma’ l-iżvilupp u l-ħidma li qed isiru fuq l-indikaturi u l-punti ta’ riferiment[17] inkluż il-ħidma li saret fil-Grupp Permanenti dwar il-Punti ta’ Riferiment u l-Indikaturi.

    2008 | Fuq il-bażi ta’ studju mniedi mill-Kummissjoni, għandha tiġi maqbula proposta dwar it-terminoloġija konsistenti ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati. L-għan ta’ l-istudju huwa wkoll li jipproponi ġabra ewlenija ta’ data biex tiffaċilita l-monitoraġġ tas-settur kull sentejn. |

    2009 | Glossarju tat-terminoloġija maqbula se jiġi żviluppat u mħejji. Il-ġbir tad-data ewlenija se jibda fl-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem. |

    2010 | Ir-riżultati se jiġu ppubblikati fir-Rapport Konġunt tal-Progress fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010. |

    4. SEGWITU TAL-PJAN TA’ AZZJONI GħAT-TAGħLIM LILL-ADULTI

    Wasal iż-żmien li niggarantixxu l-post tat-tagħlim lill-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja u li niżguraw ir-rwol tiegħu fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika, sabiex ikun jista’ jagħti kontribut fl-indirizzar ta’ l-isfidi li qed taffaċċja l-Ewropa.

    Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma sa tmiem l-2007, biex jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ħalli jistabbilixxu azzjonijiet u proġetti taħt dan il-Pjan ta’ Azzjoni u jwettqu implimentazzjoni ulterjuri. Il-Kunsill u l-Parlament huma mistiedna jappoġġaw il-Pjan ta’ Azzjoni.

    Se tiġi organizzata konferenza fit-tieni nofs ta’ l-2009 biex tirrapporta fuq ir-riżultati miksuba u biex tiddiskuti t-triq ’il quddiem.

    ANNESS: PJAN STRATEĠIKU TAL-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI

    1. Erba ’ laqgħat tal-Grupp ta ’ Esperti fi Brussell , bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ EMPL, DĠ ENTR, DĠ JLS), mill-imsieħba soċjali (ETUC, EuroBusiness), minn organizzazzjonijiet internazzjonali (OECD, UNESCO), partijiet interessati u esperti li jirrappreżentaw l-‘erba’ reġjuni’, u rappreżentant ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Edukazzjoni ta’ l-Adulti.

    2. Erba ’ laqgħat trans-nazzjonali ma ’ l-Istati Membri, il-pajjiżi taż-ŻEE u t-Turkija , bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn ministeri ta’ l-edukazzjoni u l-impjiegi, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra.

    3. Ħelsinki, mit-22 sat-23 ta’ Frar 2007 Il-pajjiżi mistiedna: id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norveġja, l-Iżvezja

    4. Bonn, mit-12 sat-13 ta' Marzu 2007 Il-pajjiżi mistiedna: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, Liechtenstein, il-Lussemburgu, l-Olanda, ir-Renju Unit

    5. Ljubljana, mis-26 sat-27 ta' Marzu 2007 Il-pajjiżi mistiedna: l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja

    6. Liżbona, mit-3 sa l-4 ta' April 2007 Il-pajjiżi mistiedna: Ċipru, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, Spanja, it-Turkija

    7. Konsultazzjoni f’Livell Għoli mar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri

    8. Heidelberg, mill-1 sat-2 ta' Marzu 2007 Laqgħa ministerjali informali

    9. Ħamburg, mit-22 sat-23 ta’ Mejju 2007 Laqgħa tad-Diretturi Ġenerali għat-Taħriġ Vokazzjonali (DGVT)

    10. Brussell, mill-14 sal-15 ta' Ġunju 2007 Laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv fuq it-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT)

    11. Konsultazzjoni informali ma’ l-Istati Membri u partijiet interessati oħra

    12. Konsultazzjoni informali ma’ “ sounding boards ” nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri, il-pajjiżi taż-ŻEE u t-Turkija ġew mistiedna jorganizzaw konsultazzjoni nazzjonali ma’ partijiet interessati rilevanti fil-perjodu mis-26 ta’ April sat-22 ta’ Mejju 2007.

    13. Konsultazzjonijiet informali oħra f’avvenimenti oħra (laqgħat ta’ msieħba soċjali, konferenzi, seminars u roundtables dwar it-tagħlim lill-adulti).

    [1] It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, http://europa.eu/eur-lex/en/treaties/dat/C_2002325EN.003301.html

    [2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: It-twettiq ta' Żona Ewropea ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, http://ec.europa.eu/education/policies/lll/life/communication/com_en.pdf

    [3] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà: Iktar impjiegi aħjar permezz tal-flessigurtà u s-sigurtà, http://ec.europa.eu/employment_social/news/2007/jun/flexicurity_en.pdf

    [4] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Qatt m’hu tard wisq biex titgħallem” tiddefinixxi t-tagħlim lill-adulti bħala l-għamliet kollha ta’ tagħlim li jieħdu l-adulti wara li jkunu ħarġu mill-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali.

    [5] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Qatt m’hu tard wisq biex titgħallem, COM(2006) 614, 23.10.2006, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2006/com2006_0614en01.pdf

    [6] Sitt miljuni fl-2005: Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni “Il-progress lejn l-għanijiet ta' Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ - Rapport ibbażat fuq indikaturi u standards - Rapport 2006", SEC (2006) 639

    [7] Abbozz Rapport dwar il-Progress 2007

    [8] Fil-proċess tal-konsultazzjoni ġew inklużi s-27 Stat Membru, it-tliet pajjiżi ŻEE u t-Turkija.

    [9] ESF060603-Dokument ta' Sfond ta' l–Appoġġ tal-FSE għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

    [10] Promoting adult learning, OECD,2005,ISBN: 9264010939

    [11] Rakkomandazjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja,(2006/962/EC), ĠU L 394/10, 30.12.2006

    [12] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Effiċjenza u ugwaljanza fis-sistemi Ewropej edukattivi u tat-taħriġ", COM(2006)481finali, 8.09.2006, http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/comm481_en.pdf

    [13] Għad-definizzjonijiet ara “Memorandum dwar it-Tagħlim tul il-Ħajja” (SEC(2000) 1832, 30.10.2000) u aktar xogħol dwar il-Klassifikazzjoni ta’ l-Attivitajiet tat-Tagħlim mill-Eurostat.

    [14] Flash Eurobarometer 192: 87% tal-professjonisti fl-edukazzjoni li jaħdmu f’universitajiet fl-UE jaqblu li l-universitajiet għandhom jinfetħu għal studenti adulti.

    [15] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Nippromwovu It-Tagħlim tal-Lingwi u d-Diversità Lingwistika: Pjan ta’ Azzjoni 2004 – 2006, http://ec.europa.eu/education/doc/official/keydoc/actlang/act_lang_en.pdf

    [16] Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, ĠU L 255.

    [17] Qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment biex bihom jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ. COM (2007) 61 finali.

    Top