EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0448

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapporti mill-Istati Membri dwar tipi ta' mġiba li kisru serjament ir-regoli dwar il-Politika Komuni tas-Sajd fl-2005

/* KUMM/2007/0448 finali */

52007DC0448

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapporti mill-Istati Membri dwar tipi ta' mġiba li kisru serjament ir-regoli dwar il-Politika Komuni tas-Sajd fl-2005 /* KUMM/2007/0448 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.7.2007

KUMM(2007) 448 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapporti mill-Istati Membri dwar tipi ta' mġiba li kisru serjament ir-regoli dwar il-Politika Komuni tas-Sajd fl-2005

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapporti mill-Istati Membri dwar tipi ta' mġiba li kisru serjament ir-regoli dwar il-Politika Komuni tas-Sajd fl-2005

1. DAħLA

Bil-għan li jiżdied il-livell ta' transparenza fir-rigward ta' kif l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-infurzar tar-regoli Komunitarji, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1447/1999 introduċa[1] l-obbligu li l-Istati Membrri jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena dwar kemm instabu każijiet ta' ksur "serju" u dwar is-sanzjonijiet li ġew imposti. Għal dan il-għan, ir-Regolament imsemmi stabilixxa lista ta' 19-il tip ta' ksur tar-Regoli Komunitarji li tqiesu li huma partikolarment serji. L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li jittieħdu l-miżuri xierqa kontra l-persuni naturali jew ġuridiċi li jiksru r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[2].It-tipi ta' mġiba elenkati huma marbuta ma' l-aktar obbligi importanti imposti mir-regoli Komunitarji dwar il-konservazzjoni ta' l-istokkijiet, il-monitoraġġ u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd.

Il-proċedura għar-rappurtar ta' informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni hija stipulata fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1740/1999[3]. Id-Data trażmessa b'mezzi elettroniċi għandha tippermetti paragun bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigward l-effettività ta' l-infurzar tagħhom tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Lil hinn mill-għan li tiżdied it-trasparenza, l-għan aħħari tal-leġiżlatur huwa li tinkiseb progressivament arena ġusta fost is-sajjieda li, ladarba jserrħu rashom li r-regoli huma applikati bl-istess mod madwar il-Komunità Ewropea, ikollhom kunfidenza akbar fl-awtoritajiet ta' kontroll u jirrispettaw ir-regoli Komunitarji dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd.

Din il-Komunikazzjoni tirreferi għall-każijiet ta' mġiba li jiksru serjament ir-regoli tal-PKS u li għalihom infetaħ fajl mill-awtoritajiet nazzjonali fl-2005. Din hija s-sitt Komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoi ppreżentat l-aktar data rilevnati għas-sena 2000 fil-Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta' Novembru 2001[4], għall-2001 fil-Komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Diċembru 2002[5], għall-2002 fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' Diċembru 2003[6], għall-2003 fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Mejju 2005[7] u għall-2004 fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-14 ta' Lulju 2006[8].

2. RAPPORTI MILL-ISTATI MEMBRI GħALL-2005

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1740/1999 jistipula r-regoli dettaljati għat-trażmissjoni tad-data li tirrigwarda tipi ta' mġiba li kisru serjament ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Id-data għandha tintbagħat b'mezzi elettroniċi. Abbażi ta' din id-data, is-servizzi tal-Kummissjoni jipproduċu tabelli annessi mal-Komunikazzjoni. Dawn it-tabelli huma maħsuba biex jenfasizzaw l-aktar fatturi interessanti li jirriżultaw mir-rapporti ta' l-Istati Membri.

Huwa importanti li nenfasizzaw li d-data murija hija dik li jipprovdu l-Istati Membri. L-Istati Membri ngħataw il-possibbiltà li jivverifikaw dawn iċ-ċifri qabel ma l-Komunikazzjoni tiġi ffinalizzata mill-Kummissjoni.

3. TAGħRIF SUPPLEMENTARI PPROVDUT MILL-ISTATI MEMBRI

Peress li l-interpretazzjoni tat-tagħrif miġbur mhijiex faċli, ġaladarba tikkonsisti esklussivament mill-settijiet ta' ċifri, u xi data sa ċertu punt tista' tqarraq b'dak li jkun, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri sabiex iressqu informazzjoni supplimentari li qisuha utli biex jiċċaraw l-analiżi taċ-ċifri.Tagħrif supplimentari ġie pprovdut minn ċerti Stati Membri L-elementi ewlenin jistgħu jingħataw fil-qosor b'dan il-mod:

- Il-proċedimenti (amministrattiva jew kriminali) għas-sanzjonament ta' ksur tar-regoli tal-PKS ġeneralment itulu. Fil-medja, iż-żmien meħtieġ sat-tmiem tal-proċediment kollu jidher li jkun bejn 8 u 12-il xahar. Il-proċedimenti kriminali ġeneralment l-aktar li jtulu (huma biss proċedimenti kriminali li jiġu applikati fil-Belġju, l-Irlanda, l-Olanda u l-Finlandja);

- Ftit kienet l-informazzjoni li nġabret dwar l-ispeċijiet li l-aktar huma kkonċernati bi ksur serju: ġeneralment l-ispeċijiet li għalihom hemm fis-seħħ pjanijiet ta' rkupru jew miżuri nazzjonali restrittivi, dawk b'valur kummerċjali għoli (i.e. merluzz, aringi, pixxisanpietru, barbun imperjali, spnott, arzell...) u f'dawk l-oqsma li fihom ikunu seħħew każijiet ta' ksur gravi;

- Jidher li l-maġġoranza tal-każijiet ta' ksur jiġu identifikati minn Stati Membri fi ħdan iż-ŻEE tagħhom – ħaġa evidenti – iżda għalissa mhuwiex possibbli li l-Kummissjoni tispeċifika ż-żoni ta' l-ICES li fihom jkun seħħ il-ksur peress li l-maġġoranza tar-rapporti nazzjonali ma jipprovdux dettalji bħal dawn.

Bil-għan li jitwessa' l-ambitu tal-Komunikazzjoni, għall-ewwel darba din il-Komunikazzjoni tinkludi referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-aqwa prassi. Fost l-istrumenti ġuridiċi l-ġodda dwar l-infurzar fil-qasam tas-sajd li ġew adotatti dan l-aħħar, ta' min wieħed isemmi:

- Fl-4 ta' April 2006, l-Irlanda daħħlet fis-seħħ is-"Sea Fisheries and Maritime Jurisdiction Act 2006", sabiex taġġorna r-regolament nazzjonali Irlandiżi għall-kontroll tas-sajd fil-baħar u biex tiggarantixxi l-konformità ma' l-obbligi ta' kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd. Dan l-Att żied il-penalitajiet għar-reati marbuta mas-sajd;

- Franza esprimiet l-intenzjoni tagħha li temenda ma ddumx ir-reġim ta' kontroll applikabbli għall-PKS biex is-sanzjonijiet isiru aktar effettivi. Għadd ta' miżuri amministrattivi sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tas-sanzjonijiet diġà ġew adottati fl-2005;

- Ir-Renju Unit ħareġ miżuri addizzjonali ta' kontroll f'Settembru 2005, billi introduċa skema ġdida għar-reġistrazzjoni ta' l-ewwel xerrejja tal-ħut. L-Aġenzja Skoċċiża għall-Protezzjoni tal-Ħut (SFPA) laħqet ftehim mas-Servizz ta' Prosekuzzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Kuruna, skond liema l-każijiet jistgħu jitressqu quddiem il-Procurator Fiscal, li jista' jimponi penali fiscali; dawn il-każijiet mhumiex ippreżentati quddiem qorti u jiġu ttrattati fi proċedura amministrattiva;

- fl-2005, Spanja adottat att amministrattiv li jistabbilixxi kriterji dettaljati għall-applikazzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi f'każijiet ta' ksur fis-settur tas-sajd;

- il-Portugall adotta linji ta' gwida sabiex itejjeb l-ispezzjonijiet u l-azzjonijiet ta' segwitu għall-każijiet ta' ksur;

- l-Iżvezja ħabbret l-introduzzjoni ta' emenda għas-sistema ta' sanzjonijiet li lill-amministrazzjoni tippermettilha tiffissa s-sanzjonijiet amministrattivi (konfiski, irtirar ta' awtorizzazzjonijiet ) ladarba l-Qorti tkun iddikjarati li l-akkużat ikun ħati ta' ksur serju tar-regoli tas-sajd.

4. KAżIJIET TA' KSUR SERJU MQABBLA MA' L-GħADD TA' BASTIMENTI TAS-SAJD F'KULL STAT MEMBRU

It-tabella li ġejja tindika l-għadd ta' bastimenti elenkati fir-Reġistru ta' Bastimenti tas-Sajd għal kull Stat Membru fil-31 ta' Diċembru 2005, flimkien ma' l-għadd totali ta' każijiet ta' ksur serju misjuba u rrappurtati mill-Istati Membri (esklussivament) għal bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Ma jkunx eżatt li nisiltu konklużjonijiet sodi sempliċement billi nqabblu l-Istati Membri abbażi ta' dawn iċ-ċifri, peress li l-każijiet ta' ksur mhux dejjem huma marbuta ma' l-azzjonijiet tas-sajjieda iżda wkoll dawk ta' operaturi ekonomiċi oħra. Madankollu, għall-maġġoranza ta' l-Istati Membri, jidher li l-għadd ta' każijiet ta' ksur li nstabu, meta mqabbla mad-daqs tal-flotta tagħhom, jenfasizza n-nuqqasijiet kbar fl-attivitajiet ta' kontroll jew saħansitra nuqqas totali ta' kontroll f'ċerti Stati Membri.

Stat Membru | L-għadd ta' bastimenti | Każijiet ta' ksur serju |

Il-Belġju | 121 | 22 |

Id-Danimarka | 3269 | 361 |

Il-Ġermanja | 2121 | 96 |

Il-Greċja | 18279 | 377 |

L-Estonja | 1045 | 19 |

Spanja | 13684 | 2949 |

Franza | 7859 | 864 |

L-Irlanda | 1415 | 109 |

L-Italja | 14426 | 3280 |

Ċipru | 886 | 9 |

Il-Latvja | 928 | 132 |

Il-Litwanja | 271 | 3 |

Malta | 1420 | 3 |

L-Olanda | 828 | 117 |

Il-Polonja | 974 | 105 |

Il-Portugall | 9186 | 761 |

Is-Slovenja | 173 | 13 |

Il-Finlandja | 3267 | 25 |

L-Iżvezja | 1639 | 53 |

United Kingdom | 6766 | 234 |

5. IR-RAPPORTI MRESSQA MILL-ISTATI MEMBRI

L-għadd totali ta' każijiet irrappurtati mill-Istati Membri huwa ta' 10 443, imqassam fuq il-lista kollha ta' ksur inklużi fl-elenku tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/1999. In-numru huwa 8.11% ogħla milli fl-2004: ix-xejra lejn żieda fl-għadd ta' każijiet ta' ksur misjuba b'hekk hija kkonfermata, minkejja li wieħed għandu jqis ukoll it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. Preċiżament, l-Istati Membri sabu 783 infrazzjoni aktar milli fl-2004, iżda l-flotta żdiedet b'5 697 unità mill-Adeżjoni ta' l-2004. Bil-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta' paragun, għandna nqisu li l-għadd ta' każijiet ta' ksur serju li nstabu fis-snin preċedenti kien ta' 7 298 fl-2000, 8 139 fl-2001, 6 756 fl-2002, 9 502 fl-2003 u 9 660 fl-2004.Għandna wkoll inqisu li xi wħud mill-Istati Membri fl-2005 rrappurtaw żidiet jew tnaqqisiet sinifikanti, li ma jistgħux jiġu spjegati, meta mqabbla ma' l-għadd ta' każijiet misjuba fl-2004. Dan jista' jkun parzalment minħabba l-fatt li, kif diġà enfasizzat fil-Komunikazzjonijiet preċedenti, l-għadd ta' każijiet ta' ksur irreġistrati jistgħu jinkludu (jew le) każijiet ta' ksur ta' regoli li ma jkunux dawk tal-PKS u/jew ikunu marbuta ma' attivitajiet li jseħħu f'ilmijiet interni inkella waqt sajd rikreattiv, skond il-linji ta' gwida nazzjonali.

L-elementi ewlenin tat-tabelli annessi jistgħu jingħataw fil-qosor b'dan il-mod:

74% tal-każijiet ta' ksur instabu minn Spanja, l-Italja u l-Portugall. Dawn il-pajjiżi huma wkoll fost dawk bl-akbar għadd ta' bastimenti. Is-sajd mhux awtorizzat jirrigwarda 23% tal-każijiet, filwaqt li l-ħżin, l-ipproċessar, it-tqegħid fis-suq u trasport ta’ prodotti tas-sajd li ma jissodisfawx l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-seħħ jirrigwardaw 17%, jew it-tieni l-akbar kategorija. Fit-tielet post huwa s-sajd mingħajr liċenzja (15%). Dawn il-perċentwali huma simili għal dawk ta' l-2004 u fil-fatt il-maġġoranza tal-każijiet ta' ksur li nstabu mill-2000 jirrigwardaw dawn it-tliet tipi ta' mġiba, filwaqt li ftit ferm każijiet (inqas minn 10%) jirrigwardaw tipi oħra ta' każijiet ta' ksur serju għar-regoli tal-PKS. L-għadd ta' każijiet ta' tbagħbis tas-Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) kważi rdoppja fl-2005 meta mqabbel mas-snin preċedenti. Madankollu, jidher li għadu baxx meta jitqiesu l-osservazzjonijiet li għamlu l-ispetturi tal-Kummissjoni.

Fl-2005, 8 665 proċediment intemmu b'sanzjoni. Għad hemm differenzi kbar u inspjegabbli f'dak li jirrigwarda l-istess tip ta' infrazzjoni madwar l-UE u l-multa medja imposta madwar l-UE fil-proċedimenti li ntemmu b'penali fl-2005 tammonta għal EUR 1 548: din iċ-ċifra hija inqas minn nofs il-multa medja imposta fl-2003 (EUR 4 664) u inqas mill-multa medja imposta fl-2004 (EUR 2 272). Kien hemm ukoll tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' liċenzji rtirati, u dan jidher ukoll fit-tabelli mehmuża (335 biss, meta mqabbla ma' l-1 226 fl-2004). Kienu biss id-Danimarka u l-Greċja li użaw din il-piena f'aktar minn 10% tal-każijiet ta' ksur sanzjonati. Spanja u Franza rrappurtaw 1 u 8 każijiet ta' rtirar rispettivament.

Fl-aħħarnett, niġbdu l-attenzjoni għall-konsiderazzjoni li l-ammont imħallas mill-industrija tas-sajd bħala konsegwenza tal-penalitajiet finanzjarji imposti fl-2005 (EUR 10.8 miljun) jibqa' pjuttost insinifikanti peress li jirrappreżenta biss 0.17% tal-valur tal-qabdiet li nħattu l-art fl-2004.

6. RIMARKI ġENERALI DWAR IR-RAPPORTI MILL-ISTATI MEMBRI

Wara li enfasizzat għal darb'oħra kemm huwa diffiċli li wieħed jinterpreta l-ġabra ta' ċifri li jidhru fit-tabelli, mingħajr il-kummenti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sitwazzjoni mhux veru tjiebet meta mqabbla ma' dik tas-sena l-oħra.Huwa partikolarment inkwetanti li l-livell inadegwat ta' sanzjonijiet imposti fil-maġġoranza tal-każijiet misjuba kif ukoll il-probabbiltà baxxa li wieħed jinqabad u jiġi segwit mill-awtoritajiet ta' kontroll jista' jikkonvinċi lis-sajjied li l-benefiċċji ekonomiċi li jista' jieħu billi jikser ir-regoli jagħmlu tajjeb għar-riskju li jieħu. Livell inkongruwenti ta' penalitajiet lill-industrija tas-sajd jippermettulha tqis l-ispejjeż imposti għal inifrazzjonijiet tar-regoli tal-PKS sempliċement bħala spiża operattiva ordinarja ta' l-impriża, u dan ixejjen kwalunkwe inċentiv reali għall-ksib tal-konformità.

Il-Kummissjoni għal darb'oħra tappella lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu sistema ta' sanzjonijiet li jkollha effett deterrenti u sabiex jemendaw il-leġiżlazzjonijiet tagħhom, kif jixraq, biex is-sanzjonijiet ikollhom effett dissważiv. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li, b'regola ġenerali, hija u tikkalkola l-penali, l-awtorità għandha tqis il-valur tal-qabdiet abbord. Barra minn hekk, minkejja li l-Istati Membri huma ħielsa biex jadottaw il-proċeduri li jidhrilhom huma l-aktar xieraq, il-Kummissjoni tixtieq ittenni l-fehma tagħha li sanzjoni amministrattiva bħas-sospensjoni tad-dritt għas-sajd jew tad-dritt għat-twettiq ta' attivitajiet professjonali hija għodda effettiva ferm biex tittejjeb il-konformità mar-regoli tal-PKS, għaliex din tista' tiġi applikata malajr u għandha effett immedjat. Il-Kummissjoni nnutat li xi Stati Membri introduċew din il-miżura li qabel ma kinitx teżisti fis-sistema legali tagħhom. Hija ħasra li l-maġġoranza ta' l-Istati Membri għad ma bdewx jużaw din l-għodda, għallinqas meta l-infrazzjoni tant tkun serja li l-ftuħ ta' proċedimenti kriminali jkun ġustifikat.

7. KAżIJIET TA' KSUR MISJUBA FIL-QAFAS TA' L-ORGANIZZAZZJONIJIET REġJONALI TAS-SAJD (RFMOS)

Diversi RFMOs stabilixxew skemi ta' kontroll, jew dalwaqt jadottawhom, li jipprevedu r-reġistrar tal-każijiet ta' ksur. Pereżempju, skemi bħal dawn jeżistu fi ħdan l-Organizzazzjoni tas-Sajd fil-Majjistral ta' l-Atlantiku (NAFO), l-Organizzazzjoni tas-Sajd fil-Grigal ta' l-Atlantiku (NEAFC), u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin ta' l-Antartiku (CCAMLR).

L-RFMOs stabilixxew il-listi tagħhom ta' każijiet ta' ksur tar-regoli adottati għal għanijiet ta' konservazzjoni li għandhom jitqiesu bħala "serji". Dawn il-każijiet ta' ksur mhumiex irrappurtati bħala tali fil-kuntest ta' din il-Komunikazzjoni, iżda l-Kummissjoni tassumi li il-każijiet ta' ksur tar-regoli tal-PKS minn bastimenti li joperaw fil-qafas ta' l-RFMOs imsemmija hawn fuq huma mniżżla fost il-każijiet innotifikati lill-Kummissjoni għall-iskopijiet ta' din il-Komunikazzjoni.

Ta' min niftakru li l-Komunità Ewropea tressaq rapport annwali lill-Organizzazzjonijiet imsemmija dwar il-każijiet ta' ksur misjuba u notifikati lis-servizzi tal-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll. Madankollu mhux possibbli li wieħed iqabbel id- data trażmessa lill-RFMOs u dik murija fl-annessi għal din il-Komunikazzjoni, peress li t-tipi ta' każijiet ta' ksur mhumiex identiċi.

Fil-kuntest ta' l-RFMOs, jidher li nstabet 11-il infrazzjoni allegata, fir-rigward ta' bastimenti Komunitarji fiż-żona tan-NEAFC fl-2005. L-ebda infrazzjoni minn bastimenti Komunitarji ma nstabet fiż-żona CCAMLR. Fir-rigward tan-NAFO, 10 każijiet ta' dak li deher li kien ksur minn bastimenti Komunitarji ġew notifikati minn partijiet kontraenti oħra. Din iċ-ċifra għad trid tiġi vvalidata min-NAFO.

Għal finijiet ta' trasparenza, il-Kummissjoni kieku tixtieq li tqabbel l-għadd ta' każijiet ta' ksur serju minn bastimenti Komunitarji u misjuba fiż-żoni ta' kompetenza ta' l-RFMOs ma' l-għadd ta' każijiet ta' ksur serju minn Partijiet Kontraenti oħra fl-istess żoni. Kwalunkwe progress f'dan il-qasam, madankollu, se jkun soġġett għal tibdil fil-politika ta' l-RFMOs responsabbli għall-pubblikazzjoni ta' l-istatistika dwar każijiet ta' ksur serju misjuba fiż-żoni ta' kompetenza tagħhom.

8. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

Il-Kummissjoni għada tqis din il-Komunikazzjoni bħala għodda potenzjalment utli biex tqabbel ir-rendiment ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-PKS. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri jaqblu mal-Kummissjoni.Il-valur tal-pubblikazzjoni annwali tal-Komunikazzjoni dwar "każijiet ta' ksur serju" se jiġi vvalutat fil-kuntest tal-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti madwar l-Istati Membri, kif kien ġie enfasizzat matul id-deċiżjonijiet dwar ir-riforma tal-PKS fl-2002. Ħafna huma tal-fehma li hija ta' importanza kbira li tinkiseb trasparenza sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet li japplikaw l-Istati Membri għal każijiet ta' ksur tar-regoli tal-PKS sabiex jittejjeb l-infurzar. Madankollu, l-esperjenza li nkisbet permezz tal-Komunikazzjonijiet dwar "każijiet ta' ksur serju", bejn is-sena 2000 sa l-2005, uriet biċ-ċar li dan mhux se jkun possibbli mingħajr emendi kbar fit-testi ġuridiċi tal-Komunità u tal-proċeduri nazzjonali.

F'dak li jirrigwarda t-testi ġuridiċi, wara l-impenn tagħha li ttejjeb il-kontenut tad-dokument, kif jissemma fil-Komunikazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kellha konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri biex tiġbor is-suġġerimenti tagħhom. Id-dibattitu enfasizza li kwistjoni fundamentali waħda tirrigwarda d-definizzjoni tat-tipi ta' mġiba li serjament tikser ir-regoli tal-PKS. Ġeneralment jinħass li t-tipi elenkati fit-testi ġuridiċi Komunitarji mhumiex speċifiċi biżżejjed, u din hija sitwazzjoni li twassal għal interpretazzjonijiet differenti fost l-Istati Membri.

Bil-għan li tindirizza dan il-punt, fil-31 ta' Mejju 2006, lill-Grupp ta' Esperti dwar il-Kontroll tas-Sajd il-Kummissjoni ppreżentatlu għall-iskrutinju suġġerimenti dwar tipoloġija ġdida ta' każijiet ta' ksur, kif ukoll dwar kif il-qafas tal-Komunikazzjoni jista' jiġi emendat.

Il-Kummissjoni b' mod partikolari pproponiet:

- li l-ambitu tal-Komunikazzjoni jiċċekken billi jiġu sorveljati biss il-każijiet ta' ksur ta' dawk ir-regoli tal-PKS li jitqiesu bħala l-aktar importanti fost dawk li huma l-aktar "serji". Każijiet ta' ksur ta' regoli nazzjonali jew li jsiru minn sajjieda mhux professjonali ma jibqgħux jiġu rreġistrati;

- deskrizzjoni aħjar ta' kull tip ta' infrazzjoni; kif ukoll

- it-twessigħ tal-kontenut tar-rapporti mill-Istati Membri li b'mod partikolari jinkludu informazzjoni dwar il-qagħda soċjoekonomika ta' min jisker il-liġi u dwar l-impatt effettiv tas-sanzjonijiet imposti.

Il-Kummissjoni se tkompli tiddiskuti l-kwistjoni ma' l-Istati Membri qabel proposta formali għar-reviżjoni tal-qafas ġuridiku, b'mod partikolari fi ħdan il-kuntest tal-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarji marbuta mal-kontroll fil-qasama tas-sajd u l-ġlieda kontra prattiki tas-sajd illegali. Sadanittant, il-Kummissjoni jkollha tinsisti li huwa neċessarju li l-Istati Membri jipprovdulha l-informazzjoni li tmur lil hinn mid- data statistika sabiex ittejjeb il-kwalità tal-Komunikazzjoni li jmiss u sabiex din issir strument aktar utli għat-trasparenza.

F'dak li jirrigwarda r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni għal darb'oħra se titlobhom iqisu kif jixraq l-obbligu li jiggarantixxu l-konformità mar-regoli tal-PKS bil-mezzi kollha possibbli. Il-Kummissjoni jkollha tgħid li l-Istati Membri ma jissodisfawx l-obbligi kollha tagħhom li jirriżultaw mir-regoli tal-PKS. Biżżejjed jingħata eżempju wieħed: l-Istati Membri bħalissa mhumiex attrezzati bil-mezzi xierqa li jippermettulhom jiġbru, jipproċessaw u jevalwaw data dwar "każijiet ta' ksur serju" tar-regoli tal-PKS, kif għandhom jagħmlu. L-Istati Membri ma stabilixxewx databases għall-introduzzjoni ta' aspetti rilevanti marbuta ma' kull każ individwali. Il-Kummissjoni tixtieq tinsisti dwar dan il-punt. Mingħajr database kompjuterizzat li jkun fih informazzjoni dwar min kiser il-liġi, il-bastiment jew l-impriża, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi, l-ispeċijiet u ż-żoni ta' sajd, il-kuntest ekonomiku, l-ispejjeż amministrattivi, is-sanzjonijiet ewlenin u dawk anċillari imposti, mhux se jkun possibli nivvalutaw l-imġiba, ir-rendiment amministrattiv u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Huwa biss billi tiġi pproċessata din id- data u dik inkluża fid- databases diġà previsti mil-liġi Komunitarja (bħar-reġistru tal-Flotta, l-istatistika, ir-reġistri VMS), li tkun possibbli l-valutazzjoni tar-rendiment ta' l-Istati Membri, it-tqabbil bejniethom u eventwalment isir l-aġġustament tal-proċeduri amministrattivi u t-testi leġiżlattivi, sabiex ir-regoli tal-PKS jiġu infurzati effettivament.Il-Kummissjoni diġà ssuġġeriet format li għandu jintuża mill-amministrazzjoni nazzjonali għal dan il-għan[9]. Hija lesta li tgħin lill-Istati Membri, ukoll finanzjarjament permezz tal-linji eżistenti tal-baġit, biex jiġu stabbiliti għodod ġodda.Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw il-leġiżlazzjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom kif jixraq għal dan il-għan.

Lista ta' tabelli fl-Anness

I l-għadd ta' każijiet misjuba skond it-tip ta' infrazzjoni u skond l-Istati Membri;

II l-għadd ta' każijiet misjuba skond in-nazzjonalità tal-parti li kkommettiet l-infrazzjoni u skond l-Istati Membri;

III l-għadd ta' każijiet fejn ġew imposti penalitajiet skond it-tip ta' infrazzjoni u skond l-Istati Membri;

IV il-multa medja skond it-tip ta' infrazzjoni u skond l-Istati Membri;

V l-għadd ta' konfiski skond it-tip ta' infrazzjoni u skond l-Istati Membri;

VI l-għadd ta' liċenzji rtirati skond it-tip ta' infrazzjoni u skond l-Istati Membri;

VII ammont imħallas mill-industrija tas-sajd f'kull Stat Membru bħala konsegwenza ta' każijiet ta' ksur serju;

VIII. multa medja f'kull Stat Membru b'konsegwenza ta' każijiet ta' ksur serju u l-valur tal-qabdiet maħtuta l-art f'kull Stat Membru;

IX. abbozz ta' formola għal ġabra ta' informazzjoni marbuta ma "infrazzjoni serja".

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

ANNESS IX

FORMOLA LI GĦANDHA TIMTELA MILL-ISTATI MEMBRI

Nru tal-fajl |

Id-data relatata ma' l-infrazzjoni Il-kodiċi ta' l-infrazzjoni: Dispożizzjonijiet Ġurdiċi Numru tar-reġistrazzjoni tal-flotta: * Sid il-bastiment: * Isem il-Kaptan: * Isem il-Kumpanija tat-Trasport: * Isem Kummerċjali: … Fajl marbuta mal-fajl nru: * jistgħu jintużaw kodiċijiet bħan-numru tal-VAT |

Id-data relatata mal-proċedura L-awtorità li stabilixxiet ir-rekord: Post u data tar-rekord. Referenza għal-leġiżlazzjoni: L-awtorità responsabbli għall-proċedimenti: It-tip ta' proċediment: amminsitrattiv kriminali Id-data tad-deċiżjoni finali Id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni. |

Id-data relatata mad-deċiżjoni Ammont impost € : Sospenjoni ta' l-intitolament professjonali xhur Daqs tal-qabdiet valur f'€ Daqs ta' l-irkaptu valur f'€ Valur tal-qabdiet mabuda/mibjugħa illegalment valur f'€ Deċiżjoni ppubblikata gazzetta |

Data marbuta ma' l-ispeċijiet ewlenin ikkonċernati u ż-żona fejn seħħet l-infrazzjoni Kodiċijiet FAO u ICES Organizzazzjoni tas-Sajd Reġjonali (RFO) Responsabbli Pjan ta' rkupru kkonċernat |

Data marbuta ma' aspetti ekonomiċi u soċjali Tul tal-bastiment: > 10 m; > 15 m > 24 m, > 40 m Fatturat annwali ta' l-impriża L-għadd ta' impjegati: Finanzjament tal-Komunità Riskju ta' falliment |

[1] ĠU L 167, 02.07.1999, p.5

[2] Art. 25 R. 2371/2002.

[3] ĠU L 328, 22.12.1999, p.62.

[4] COM(2001) 650, 12.11.2001.

[5] COM(2002) 687, 05.12.2002.

[6] COM(2003) 782, 15.12.2003.

[7] COM(2005) 207, 30.05.2005.

[8] COM(2006) 387, 14.07.2006.

[9] Ara l-Anness IX.

Top