Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0412

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Nirriformaw l-Ewropa għas-Seklu 21

    /* KUMM/2007/0412 finali */

    52007DC0412




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 10.7.2007

    KUMM(2007) 412 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    Nirriformaw l-Ewropa għas-Seklu 21

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    Nirriformaw l-Ewropa għas-Seklu 21

    Opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea, skond l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri msejħa biex jirrevedu t-Trattati

    I NIRRIFORMAW L-EWROPA FLIMKIEN

    L-Ewropa nbidlet, id-dinja nbidlet. Is-seklu 21 iġib miegħu sfidi ġodda u opportunitajiet ġodda. L-interazzjoni ta' l-ekonomiji u tal-popli madwar id-dinja – kemm jekk permezz tal-komunikazzjoni, in-negozju, il-migrazzjoni, it-tħassib komuni dwar is-sigurtà jew l-iskambju kulturali – qed tevolvi l-ħin kollu. F'dinja globalizzata bħal din, l-Ewropa għandha bżonn tkun kompetittiva biex tiżgura t-tkabbir ekonomiku u iktar impjiegi aħjar, sabiex jintlaħaq żvilupp sostenibbli ġenerali. It-tibdil fil-klima jinħtieġ tweġiba li għandha tkun sew globali u sew lokali. Il-bidla demografika ċaqalqet xi wħud miċ-ċertezzi tradizzjonali dwar it-tifsiliet ta' kif taħdem is-soċjetà. It-theddid ġdid dwar is-sigurtà jinħtieġ strateġiji u politiki ġodda. F'dawn l-oqsma kollha, l-Ewropa għandha bżonn tkun mgħammra għall-bidla. Il-prosperità ta' għada tinħtieġ ħiliet ġodda, modi ġodda ta' ħidma, u riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali. Is-soċjetà Ewropea għandha l-kreattività u l-kapaċità li twieġeb għal dawn l-isfidi. Għandha pedament ta' valuri ewlenin – il-libertà, id-dinjità umana, is-solidarjetà, it-tolleranza, il-ġustizzja soċjali, l-istat tad-dritt – li wrew is-siwi tagħhom. Iżda biex ikunu ppreservati u kkonsolidati dawn il-valuri, l-Ewropa għandha bżonn tadatta. Għandha bżonn ukoll tinvesti f'metodi kif tittrasforma l-intenzjonijiet tagħha f'realtà. L-Istati Membri ma jistgħux isibu tarf ta' l-isfidi tal-lum u tal-futur waħedhom: huwa biss sforz kollettiv – applikat fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà – li jista' jipprovdi r-risposta t-tajba. Din hija l-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea, u dan huwa għaliex għandha bżonn it-Trattati t-tajbin, l-istituzzjonijiet it-tajbin u l-metodi ta' ħidma t-tajbin.

    It-test għall-Ewropa huwa l-wasla tal-politiki li jilħqu l-aspettattivi u l-aspirazzjoni taċ-ċittadini: viżjoni ta' Ewropa li lesta taħdem flimkien biex twettaq futur komuni.

    L-Unjoni Ewropea tinsab f'pożizzjoni unika biex issib risposti għall-kwistjonijiet li huma ta' l-ikbar tħassib illum. Ewropa b'27 Stat Membru tagħti l-opportunità li taġixxi fuq skala kontinentali u biex tiffaċċja l-kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Wara ħamsin sena ta' integrazzjoni u tkabbir, il-viżjoni stabbilita mill-missirijiet li waqqfu l-Ewropa għadha tajba daqs qatt qabel. Soluzzjonijiet komuni huma ħafna drabi l-unika approċċ vijabbli biex jinkisbu r-risposti tajbin għall-Ewropa f'dinja globalizzata: biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea biex tiffaċċja kompetizzjoni ġdida, biex l-Ewropa tibqa' minn ta' quddiem nett biex tindirizza t-tibdil fil-klima madwar id-dinja, biex jiġu żgurati fornimenti sostenibbli ta' l-enerġija, biex tiġi ġestita b'effikaċja l-migrazzjoni, biex tiġġieled it-terroriżmu, biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġġieldu l-faqar, u biex tara l-valuri Ewropej promossi effettivament fil-komunità globali. L-Unjoni Ewropea għandha l-potenzjal li ssaħħaħ il-politiki tagħha f'dawn l-oqsma kollha: iżda dan il-potenzjal m'għandux jinżamm lura minħabba modi ta' ħidma antikwati.

    Biex twettaq il-potenzjal tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tal-modernizzazzjoni u tar-riforma. Id-dispożizzjonijiet dwar il-politika għandhom jiġu aġġornati biex ikunu jirriflettu d-domandi tal-lum. Il-bilanċ delikat garantit permezz ta' l-għaqda ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni sal-lum għadu l-aħjar formola biex jingħaqdu flimkien il-forzi ta' l-Ewropa. Il-"metodu tal-Komunità" – u iktar partikolarment ir-rwol speċjali tal-Kummissjoni Ewropea u d-drittijiet ta' inizjattiva tagħha – huwa ċ-ċavetta għas-suċċess tas-sistema Ewropea. Iżda l-istrumenti użati għandhom iżommu r-ritmu mal-ħtiġiet ta' Unjoni mkabbra. Għandhom bżonn ikunu effettivi u koeżivi, waqt li jegħlbu l-kumplikazzjonijiet inevitabbli ta' kif tiġi indirizzata Ewropa ta' 27 Stat Membru biex il-viżjoni komuni ta' l-UE ssir realtà: l-istituzzjonijiet u l-metodi ta' ħidma għandhom jibbenefikaw minn proċess simplifikat ta' teħid ta' deċiżjonijiet adattat għat-tibdil mgħaġġel tad-dinja tal-lum. Għandhom bżonn ukoll ikunu demokratiċi – is-soċjetà moderna Ewropea bi dritt titlob standards għoljin ta' responsabbiltà, trasparenza u parteċipazzjoni. Il-leġittimità tal-proġett Ewropew għandha tkun ibbażata kemm f'dak li tagħmel, u kif taġixxi.

    *****************

    F'dawn l-aħħar għaxar snin, l-Unjoni Ewropea kienet qed tfittex l-aħjar triq 'il quddiem biex timmodernizza u twieġeb aħjar għat-tħassib u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni dejjem ipparteċipat b'mod attiv f'dan il-proċess. Id-Dikjarazzjoni ta' Laeken stabbiliet fejn l-UE kellha bżonn tiġi riformata. It-tkabbir ta' l-2004 u l-2007 intensifika l-bżonn biex il-mod ta' kif taħdem l-Unjoni jiġi aġġornat. Il-Konvenzjoni u l-Konferenza Intergovernattiva ta' l-2004 raw kif jagħtu tweġiba fil-forma tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Il-Kummissjoni dejjem appoġġjat b'qawwa t-Trattat Kostituzzjonali bħala dak li jagħti r-risposta t-tajba għall-isfidi li l-Ewropa tħabbat wiċċha magħhom. It-Trattat Kostituzzjonali, minkejja li ġie rratifikat fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, ma rnexxilux jiġbor appoġġ unanimu. Il-perjodu ta' riflessjoni għen lill-Unjoni biex iservi ta' impetu għal riżoluzzjoni, waqt li l-Kummissjoni wriet it-triq permezz ta' l-inizjattiva Pjan D[1] biex tqajjem ideat dwar kif l-UE tista' ssir iktar demokratika, trasparenti u effettiva.

    Bil-waqfa fir-ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali, il-bżonn li jiġi riformat il-mod ta' ħidma ta' l-Ewropa baqa' importanti daqs qabel. Il-Kummissjoni Ewropea rat li timplimenta aġenda ġdida, li ġiet appoġġjata fil-Kunsill Ewropew informali f'Hampton Court ta' Ottubru 2005 u ġiet imwettqa fl-approċċ b'żewġ binarji stabbilit fl-"Aġenda taċ-Ċittadini"[2]. Dan wera li biex jiġu indirizzati l-punti essenzjali tal-politika li tiffaċċja l-Ewropa, għandna bżonn l-istrumenti t-tajbin u l-metodi ta' ħidma t-tajbin. Il-passi mfassla li jwasslu għal ftehim istituzzjonali – qafas fil-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2006, id-Dikjarazzjoni ta' Berlin f'Marzu 2007, u ftehim komprensiv dwar l-elementi għar-riforma f'Ġunju 2007 – twettqu. Fl-istess waqt, l-Unjoni Ewropea kkonfermat liċ-ċittadini Ewropej l-impenn tagħha li tirriforma l-politiki tagħha, mit-tkabbir ekonomiku sal-ħolqien ta' l-impjiegi, mill-enerġija sal-migrazzjoni, mit-tibdil fil-klima sa l-innovazzjoni. F'dawn l-oqsma kollha, l-Ewropa wasslet riżultati.

    Minbarra li ċċelebrat il-50 anniversarju mit-Trattat ta' Ruma, id-Dikjarazzjoni ta' Berlin ħadet l-impenn li tqiegħed l-Ewropa fuq bażi komuni ġdida qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' l-2009. Wara perjodu ta' konsultazzjonijiet politiċi, il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007 qabel li jsejjaħ Konferenza Intergovernattiva (IGC) f'Lulju 2007. Ġie stabbilit mandat preċiż bid-dettalji ta' l-elementi ta' riforma. Il-missjoni ta' l-IGC hija li taqbel mat-test ta' Trattat ta' Riforma biex "jemenda t-Trattati eżistenti bl-għan li titjieb l-effiċjenza u l-leġittimità demokratika ta' Unjoni mkabbra, kif ukoll il-koerenza ta' l-għajnuna esterna tagħha".

    Il-ftehim dwar il-mandat jikkonferma s-sistema b'żewġ binarji bħala l-approċċ it-tajjeb għall-Unjoni. L-Ewropa tista' tindirizza bl-aħjar mod il-bidla istituzzjonali meta l-istituzzjonijiet juru l-impenn tagħhom li jwasslu l-punti politiċi, ekonomiċi u soċjali ewlenin tagħhom. L-Unjoni tara li sservi liċ-ċittadini tagħha, biex twassal riżultati biex f'ħajjithom tiżdied il-prosperità u s-sigurtà, u biex tikkonsolida Ewropa bbażata fuq il-valuri li fuqhom issejsu 50 sena ta' integrazzjoni Ewropea.

    II IT-TRATTAT TA' RIFORMA

    Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007 qabel fuq mandat preċiż għall-Konferenza Intergovernattiva. Il-mandat kien il-frott ta' kompromess imfassal b'attenzjoni. Flimkien ma' ħafna elementi pożittivi, li għandhom jintlaqgħu, dan il-kompromess kien ifisser li xi ftit mit-tibdiliet miftiehma fl-IGC 2004 ma nżammux, u ngħataw numru ta' derogi lill-Istati Membri individwali. It-tħassir ta' xi elementi, inklużi xi wħud simboliċi, kif ukoll it-tibdiliet li naqqsu l-leġġibbiltà tat-test tat-Trattat, kienu partijiet neċessarji ta' pakkett ta' ftehim li jista' jiġi adottat mill-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni tat kontribut attiv għal dan il-kompromess billi sabet soluzzjonijiet li bbilanċjaw ir-realiżmu politiku ma' l-ambizzjoni. Fir-rigward tat-Trattati eżistenti, it-tibdiliet proposti ser iħallu l-Unjoni Ewropea b'bażi istituzzjonali u politika soda biex tilħaq l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini tagħha.

    It-Trattat ta' Riforma propost ser jemenda ż-żewġ trattati ewlenin ta' l-UE. Ir-riżultat ser ikun qafas legali ddisinnjat biex jagħti lill-Unjoni l-istrumenti li tinħtieġ biex tilħaq l-isfidi tal-futur, biex tippromwovi r-riforma waqt li tirrispetta l-pedamenti sodi tal-bilanċ istituzzjonali stabbilit li serva tant tajjeb lill-Ewropa matul dawn l-aħħar ħamsin sena.

    Il-mandat jistipola f'dettall konsiderevoli kif il-Konferenza Intergovernattiva (IGC) ser tgħaqqad it-Trattat ta' Riforma. Huwa jiddefinixxi l-ambitu ta' l-IGC u huwa l-bażi esklużiva għall-IGC, billi jippreċiża liema innovazzjonijiet miftiehma fl-IGC ta' l-2004 ser jinżammu u liema elementi speċifiċi ġodda ser jiżdiedu. Dan jagħti stampa ċara taż-żewġ trattati ta' status ugwali li ser joħorġu mill-proċess li għandu jiġi ppreżentat għar-ratifika.

    Il-mandat jipprovdi l-bażi xierqa għal IGC rapida u effiċjenti kapaċi li tiftiehem fuq trattat għal ratifika bikrija. L-għan stabbilit mill-Kunsill Ewropew li tiġi żgurata r-ratifika qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Ġunju 2009 huwa sew mixtieq u sew realistiku. Dan l-għan għandu jintlaħaq.

    Il-Kunsill Ewropew saħaq li matul l-IGC u matul il-proċess ta' ratifika, l-UE għandha ssaħħaħ il-komunikazzjoni maċ-ċittadini, billi tipprovdihom b'informazzjoni sħiħa u komprensiva u billi tinvolvihom fi djalogu permanenti. L-approċċ magħżul – l-emenda tat-trattati eżistenti – jagħti importanza partikolari lill-komunikazzjoni tar-riformi proposti u tar-raġuni tagħhom, u lill-pubblikazzjoni mill-iktar fis possibbli ta' test tat-Trattati faċilment aċċessibbli u li jinqara.

    Ewropa iktar Trasparenti u Demokratika

    Bit-Trattat ta' Riforma, l-infrastruttura demokratika ta' l-Ewropa ser tiġġedded u tissaħħaħ. Dan se joffri istituzzjonijiet iktar miftuħin u iktar opportunitajiet għall-Ewropej biex isemmgħu l-vuċi tagħhom fil-ħidma ta' l-Unjoni. Taqsima ġdida tat-Trattat tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi tar-responsabbiltà demokratika ta' l-Unjoni.

    - Biż-żieda tal-ko-deċiżjoni f'madwar 50 qasam, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser ikunu fuq l-istess livell għal parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE. Dan se jinkludi oqsma prinċipali ta' politika li jinkludu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Il-Parlament ser jingħata wkoll setgħat importanti ġodda fuq il-baġit u l-ftehimiet internazzjonali.

    - Il-parlamenti nazzjonali ser ikollhom opportunitajiet ikbar biex ikunu involuti fil-ħidma ta' l-UE filwaqt li jirrispettaw ir-rwoli stabbiliti ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Dan jinkludi proċedura f'żewġ fażijiet intiża biex tikkontrolla r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà li għandha tippermetti lill-parlamenti nazzjonali biex jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar ċerti punti ta' tħassib: jekk maġġoranza taqsam l-istess tħassib dwar proposta partikolari, il-Kummissjoni, minbarra l-għażla li tirtiraha jew temendaha, tista' tagħżel li żżomm l-abbozz tagħha u tispjega r-raġunament tagħha għad-deċiżjoni finali mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

    - Iċ-ċittadini u l-parlamenti nazzjonali issa ser ikunu jafu dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-gvernijiet tagħhom bis-saħħa tal-ftuħ għall-pubbliku tad-diskussjonijiet leġiżlattivi tal-Kunsill tal-Ministri.

    - L-Inizjattiva taċ-Ċittadini ser toħloq possibbiltà għal miljun ċittadin minn Stati Membri differenti – minn popolazzjoni ta' l-Unjoni ta' kważi 500 miljun – biex jinstigaw lill-Kummissjoni biex tressaq proposta ġdida.

    - Ir-relazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea ser issir iktar ċara bil-kategorizzazzjoni ċara tal-kompetenzi.

    - It-Trattat ta' Riforma ser jiċċara li l-Istati Membri jibqgħu fl-Unjoni b'għażla tagħhom, permezz ta' dispożizzjoni li tirrikonoxxi li l-irtirar mill-UE huwa għażla.

    Ewropa iktar effettiva

    Biex l-aspirazzjonijiet tal-politika jinbidlu f'bidla effettiva għaċ-ċittadini, l-UE għandha bżonn il-kapaċità biex taġixxi. Dan jinħtieġ istituzzjonijiet u metodi ta' ħidma li huma effettivi u adattati. Il-metodu tal-Komunità, jiġifieri l-għaqda unika li tikkaratterizza l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, jipprovdi l-istruttura bażika biex tippermetti li l-interessi ta' l-istati u l-popli differenti fl-Ewropa jkunu ħaġa waħda ma' l-interessi ta' l-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni tagħti importanza partikolari lill-preminenza tal-liġi ta' l-UE, stabbilita b'mod ċar fil-każistika eżistenti u rikonoxxuta fil-mandat. Hija ser tkompli tuża s-setgħat tagħha f'oqsma bħall-politika tal-kompetizzjoni biex twassal il-benefiċċji tas-Suq Intern liċ-ċittadini tagħha.

    It-Trattat ta' Riforma għandu jaġġorna s-sistema istituzzjonali ta' l-Unjoni biex tirrifletti l-bżonn għall-Unjoni mkabbra li tadatta l-politiki għal dinja mgħaġġla.

    - It-Trattat ta' Riforma ser iġib miegħu deċiżjonijiet rapidi u iktar konsistenti għall-oqsma ta' politika tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Dan ser ifisser bidla importanti fil-kapaċità ta' l-Ewropa biex tiġġieled it-terroriżmu, biex tindirizza l-kriminalità u t-traffikar tal-bnedmin, u biex tiġġestixxi l-flussi migratorji. L-Istati Membri li ddeċidew li ma jipparteċipawx fl-aspetti kollha tal-politiki tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ser ikun jistgħu jagħżlu li jkollhom rwol sħiħ f'dawk l-oqsma ta' attività fil-futur.

    - L-Unjoni ser ikollha kapaċità mtejba biex taġixxi f'oqsma ta' prijorità ewlenija għall-Unjoni tal-lum, permezz ta' bażijiet legali ġodda u msaħħa f'oqsma li jinkludu l-politika ta' l-enerġija, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni ċivili, u dispożizzjonijiet ġodda dwar it-tibdil fil-klima, is-servizzi ta' interess ġenerali, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, il-koeżjoni territorjali, il-politika kummerċjali, l-ispazju, l-għajnuna umanitarja, l-isport, it-turiżmu, u l-kooperazzjoni amministrattiva.

    - Proċeduri simplifikati għall-governanza ekonomika għandhom isaħħu l-koordinazzjoni u jiffaċilitaw it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta' l-euro.

    - Il-maġġoranza kkwalifikata tal-voti fil-Kunsill tal-Ministri ser tiżgura li l-kwistjonijiet komuni jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' teħid ta' deċiżjonijiet komuni, li jirrifletti b'mod ekwu d-daqsijiet varji ta' l-Istati Membri ta' l-UE. L-estensjoni tal-maġġoranza kkwalifikata għal iktar minn 40 każ ġdid ser tagħmilha possibbli li l-azzjoni ta' l-UE f'dawn l-oqsma ssir realtà.

    - Mod issimplifikat ta' kif jiġu kkalkolati l-voti b'maġġoranża kkwalifikata għandu jsaħħaħ l-effiċjenza tal-Kunsill u jipprovdi bilanċ ċar bejn in-numru ta' l-Istati Membri u d-daqs tal-popolazzjoni tagħhom, ladarba jiġi applikat f'Novembru 2014.

    - Fejn mill-inqas disa' Stati Membri jkunu jixtiequ jieħdu azzjoni kollettiva fil-qafas ta' l-Unjoni, dawn ser ikunu jistgħu jużaw il-proċeduri ta' kooperazzjoni msaħħa. B'mod partikolari, it-triq lejn il-kooperazzjoni msaħħa hija mwittija fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Waqt li l-kooperazzjoni msaħħa tista' tkun mod li jieħu in kunsiderazzjoni d-diversità ta' l-Unjoni mkabbra, din taħdem fi ħdan il-qafas komuni neċessarju għall-Istati Membri kollha.

    - Il-President permanenti tal-Kunsill Ewropew, f'kooperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, ser jiżguraw tħejjija u kontinwità aħjar fil-ħidma tal-Kunsill Ewropew.

    - Kummissjoni adattata, b'awtorità msaħħa għall-President tagħha, se jkompli jkollha rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u ser tirrifletti partijiet differenti ta' l-Unjoni permezz ta' sistema ta' rotazzjoni ugwali.

    - Il-limitu tan-numru ta' MPE, b'limiti inferjuri u superjuri għal kull Stat Membru għandu jistabbilizza r-rappreżentazzjoni taċ-ċittadini fil-Parlament Ewropew.

    - L-introduzzjoni tal-vot b'maġġoranza kkwalifikata u l-ko-deċiżjoni għal riformi futuri fis-sistema ġudizzjarja ta' l-Unjoni għandhom jgħinu lil din is-sistema biex tadatta għall-isfidi tal-futur.

    - L-arranġamenti għat-tmexxija tal-politika esterna ser jirriflettu l-bilanċ eżistenti bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, waqt li jippermettu lill-UE kollha biex tippromwovi u tipproteġi aħjar l-interessi u l-valuri Ewropej fuq il-livell globali.

    - Ser ikun possibbli li jiġu emendati l-politiki fil-qafas tal-kompetenzi eżistenti, li tinfirex il-votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata u li jiġi applikat il-mekkaniżmu tal-ko-deċiżjoni mingħajr il-bżonn li tissejjaħ IGC ġdida, waqt li jiġi ppreservat il-bżonn għall-ftehim unanimu.

    - Il-konfużjoni bejn il-"Komunità Ewropea" u l-"Unjoni Ewropea" se tispiċċa.

    Ewropa ta' drittijiet u valuri, solidarjetà u sigurtà

    It-Trattat ta' Riforma ser isaħħaħ il-punti ewlenin tas-solidarjetà u s-sigurtà fl-Unjoni. Dawn jgħaqqdu flimkien l-Unjoni, l-Istati Membri u ċ-ċittadini ta' l-Ewropa u jirrappreżentaw Unjoni ta' appoġġ reċiproku u protezzjoni reċiproka. Fl-istess ħin, ser jittieħdu passi prattiċi fit-Trattat il-ġdid biex jiżviluppaw l-azzjoni ta' l-UE f'oqsma bħat-tibdil fil-klima u s-saħħa, u biex jagħtu lill-Unjoni possibbiltajiet ġodda biex tippromwovi solidarjetà u koeżjoni akbar madwar l-Ewropa. L-estensjoni tal-kapaċità ta' l-Unjoni biex taġixxi fil-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ser iġġib benefiċċji diretti f'termini tal-kapaċità ta' l-Unjoni biex tiġġieled il-kriminalità u t-terroriżmu. It-Trattat ta' Riforma ser jintroduċi wkoll enfasi ġdida fuq id-drittijiet ta' l-individwi bħala ċittadini fl-Unjoni.

    - Il-valuri u l-għanijiet ta' l-Unjoni ser ikunu stabbiliti b'mod iktar ċar minn qatt qabel. Dawn ser iservu bħala punt ta' referenza għaċ-ċittadini Ewropej, u ser jirrappreżentaw dak li l-Ewropa għandha x'toffri lill-imsieħba madwar id-dinja. Dawn juru kif l-Unjoni Ewropea tibbilanċja l-miri differenti għall-Ewropa, bit-twettiq ta' l-iżvilupp sostenibbli waqt li jkunu promossi l-għanijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali.

    - Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ser toffri lill-Ewropej garanziji bl-istess status legali bħat-trattati nfushom, billi ġġib flimkien id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali li l-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tirrispetta. Id-dispożizzjonijiet ser japplikaw ukoll bis-sħiħ għall-atti ta' implimentazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni, anke jekk mhux fl-Istati Membri kollha. L-Unjoni ser tkun kapaċi tingħaqad mas-sistema unika tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti bil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani.

    - In-nuqqasijiet fil-protezzjoni ġudizzjarja żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ser jimtlew biex tiġi żgurata ġurisdizzjoni fil-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u biex jitjiebu d-drittijiet ta' rikors ta' l-individwi quddiem il-Qorti.

    - Il-klawsola l-ġdida dwar is-solidarjetà ser tagħti saħħa lill-obbligu ta' l-Istati Membri biex jappoġġjaw lil xulxin fl-avveniment ta' attakk terroristiku, diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem.

    - Il-bżonn tas-solidarjetà fil-qasam ta' l-enerġija ngħata prominenza speċjali fil-kompetenzi ta' l-Unjoni f'każ ta' skarsezza fil-forniment, kif ukoll biex l-importanza tas-solidarjetà tiġi enfasizzata fid-dispożizzjonijiet ġodda dwar l-enerġija.

    - Id-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni ċivili, l-għajnuna umanitarja u s-saħħa pubblika kollha għandhom l-għan li jistimolaw il-kapaċità ta' l-Unjoni biex twieġeb għat-theddid għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej.

    - Il-klawsola soċjali orizzontali ġdida ser tagħti prominenza lill-impenn ta' l-Unjoni għall-impjiegi u l-protezzjoni soċjali, u r-rwol tar-reġjuni u l-imsieħba soċjali ser ikun ikkonfermat bħala parti mill-bini politiku, ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni.

    L-Ewropa bħala attur fix-xena globali

    Waħda mill-isfidi partikolari ta' l-Unjoni Ewropea hija l-kapaċità tagħha li tuża s-saħħiet ekonomiċi, politiċi u diplomatiċi tagħha biex tippromwovi l-interessi u l-valuri Ewropej madwar id-dinja. Il-globalizzazzjoni saħħet il-bżonn li jiġu indirizzati l-iktar kwistjonijiet urġenti – l-iżvilupp sostenibbli, il-kompetittività, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-terroriżmu, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar – li jorbtu flimkien kemm il-politika interna kif ukoll il-politika esterna. Il-prosperità, il-libertà u s-sigurtà jiddependu kollha fuq il-kapaċità ta' l-Ewropa li tipproġetta lilha nnifisha madwar id-dinja. Dan tefa' l-enfasi fuq il-potenzjal biex jingħaqdu l-kwalitajiet partikolari ta' l-Istati Membri kollha bil-piż kollettiv ta' l-Unjoni kollha, fir-rispett sħiħ tal-bilanċ istituzzjonali ta' l-Unjoni. Biex il-politika esterna tkun suċċess, l-istrumenti tal-politika esterna ta' l-Unjoni għandhom ikunu mmirati biex jaħdmu flimkien għall-aqwa effett. Il-mandat jimmassimizza din il-koerenza billi jiżgura li l-azzjonijiet politiċi esterni kollha – bħas-CFSP, in-negozju, it-tkabbir, l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja – jkunu fuq l-istess livell politiku u legali.

    It-Trattat ta' Riforma ser jiżviluppa l-kapaċità ta' l-Unjoni biex taġixxi billi jgħaqqad flimkien l-istrumenti tal-politika esterna ta' l-Unjoni, kemm fl-iżvilupp tal-politika kif ukoll fit-twassil tal-politika. Dan ser jagħti lill-Ewropa vuċi ċara fir-relazzjonijiet ma' l-imsieħba tagħna madwar id-dinja, u ser isaħħaħ l-impatt u l-viżibilità tal-messaġġ tagħna. Dan ser iġib ukoll iktar koerenza bejn il-punti differenti tal-politika esterna ta' l-UE – bħad-diplomazija, is-sigurtà, in-negozju, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, u n-negozjati internazzjonali fuq firxa ta' kwistjonijiet globali. Dan ser ifisser UE li kapaċi li jkollha rwol iktar adattat u effettiv fil-kwistjonijiet globali.

    - L-istabbiliment ta' personalità legali waħda ta' l-Unjoni għandha ssaħħaħ il-poter ta' negozjar ta' l-Unjoni, billi ssir iktar effettiv fuq livell dinji u tkun imsieħba iktar viżibbli għall-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

    - Ir-Rappreżentant Għoli l-ġdid ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni ser iżid l-impatt, il-koerenza u l-viżibilità ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE.

    - Is-Servizz Ewropew ta' l-Azzjoni Esterna ser jipprovdi struttura li tappoġġja l-firxa sħiħa tal-politiki esterni Ewropej – kif ukoll id-dimensjoni esterna tal-politiki interni – b'mod iktar effettiv u koerenti.

    - Din l-arkitettura l-ġdida għar-relazzjonijiet esterni se tkun ħaġa waħda mar-rispett għall-interessi partikolari ta' l-Istati Membri billi jinżammu proċeduri speċifiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-Politika Esterna u ta' Sigurtà Komuni.

    - Ir-rwol tal-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża ser jiġi affermat fi ħdan fl-Unjoni, billi jkunu ppreservati l-ftehimiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet speċjali iżda wkoll billi titwitta t-triq lejn il-kooperazzjoni msaħħa fost gruppi iżgħar ta' Stati Membri.

    III OPINJONI SKOND L-ARTIKOLU 48 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

    It-Trattat ta' Riforma ser jappoġġja wħud mill-iktar aspirazzjonijiet b'għeruq sodi u fil-fond taċ-ċittadini Ewropej. Dan ser isaħħaħ il-valuri ewlenin; ser jiċċara l-kwistjonijiet prinċipali; ser itaffi t-tħassib persistenti. Fuq kollox, ser jagħti lill-Unjoni l-kapaċità li ġġib il-bidla, biex l-Ewropej jiksbu iktar sigurtà u prosperità, biex jingħatalhom l-istrumenti biex jaġixxu fuq il-globalizzazzjoni.

    Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ser jipprovdu Trattat ta' Riforma biex jadatta l-Unjoni Ewropea għall-bżonnijiet tas-seklu 21. Il-Kummissjoni tilqa' s-sejħa tal-Konferenza Intergovernattiva, tagħti l-appoġġ kollu tagħha lill-mandat kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew, u hija marbuta li tikkontribwixxi għas-suċċess tagħha.

    L-Ewropa għandha bżonn Trattat ta' Riforma biex jiġi miftiehem u rratifikat qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009. Hija r-responsabbiltà tal-parteċiapnti kollha fil-Konferenza Intergovernattiva biex jinħolqu l-kondizzjonijiet biex jintlaħaq dan l-għan.

    [1] Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-perjodu ta' riflessjoni u lil hinn: Pjan D għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu - KUMM(2005) 494, 13.10.2005

    [2] Aġenda taċ-Ċittadini: Il-Kisba tar-Riżultati għall-Ewropa - KUMM(2006) 211, 10.5.2006

    Top