This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0374
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Mid-term review of industrial policy: A contribution to the EU’s Growth and Jobs Strategy {SEC(2007) 917}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu Kontribut lejn l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet {SEC(2007) 917}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu Kontribut lejn l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet {SEC(2007) 917}
/* KUMM/2007/0374 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu Kontribut lejn l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet {SEC(2007) 917} /* KUMM/2007/0374 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 4.7.2007 KUMM(2007) 374 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu Kontribut lejn l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet {SEC(2007) 917} WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Il-qagħda ekonomika u l-isfidi 3 3. Il-programm ta' ħidma fuq il-politika industrijali 5 3.1. Valutazzjoni tal-progress u l-qagħda attwali 5 3.2. Ippjanar għall-ġejjieni 6 3.3. Bini fuq ix-xogħol li għaddej, u tweġiba għal sfidi ġodda 7 3.3.1. Inizjattivi orizzontali 7 3.3.2. Inizjattivi settorjali 12 4. Konklużjonijiet 14 1. INTRODUZZJONI Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2005[1] l-Kummissjoni stabbiliet għall-ewwel darba Approċċ Integrat għall-politika industrijali fuq programm ta' ħidma konkret ta' inizjattivi orizzontali u settorjali. Din il-politika, li hija pilastru importanti ta' l-istrateġija ta' Liżbona, hija ankrata fir-rieda ta' l-UE biex tiżgura Suq Intern li jaħdem sew[2] kif ukoll swieq miftuħa u kompetittivi madwar id-dinja, u l-ilqugħ għall-isfidi ambjentali. Kemm il-Kunsill[3] kif ukoll il-Parlament Ewropew[4] appoġġaw l-approċċ, li jitlob lill-Kummissjoni biex timplimenta l-inizjattivi politiċi u fl-2007 toħroġ b'reviżjoni tal-progress li sar u b'inizjattivi ġodda. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jinqasam fi tlieta: - L-ewwel nett li tiddeskrivi l-qagħda ekonomika attwali ta' l-industrija ta' l-UE u li tidentifika l-isfidi ewlenin li qiegħda tiffaċċja bħalissa; - it-tieni, li jsir bilanċ tal-progress miksub fl-azzjonijiet orizzontali u settorjali stabbiliti fil-Komunikazzjoni ta' l-2005 dwar il-Politika Industrijali; - u t-tielet, meta jitqiesu l-figuri u l-isfidi attwali kif ukoll il-progress miksub, li jitfasslu l-miżuri għall-perjodu 2007-2009. Ir-rwol ewlieni tal-politika industrijali fil-livell ta' l-UE huwa li jipprovdi b'mod proattiv il-kundizzjonijiet ta' qafas it-tajbin għall-iżvilupp ta' l-intrapriżi u l-innovazzjoni biex l-UE ssir post attraenti għall-investiment industrijali u l-ħolqien tax-xogħol, filwaqt li jitqies il-fatt li l-parti l-kbira tan-negozji huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Politika industrijali effettiva u li taħdem sew fl-UE trid tkun ibbażata fuq sforzi koerenti u koordinati fil-livell nazzjonali u dak Ewropew kif rikonoxxut fl-Artikolu 157 tat-Tratta tal-KE. Ħafna elementi ta' impatt maġġuri fuq il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea huma stabbiliti fil-livell nazzjonali. Madankollu, sfidi ewlenin bħal Suq Uniku miftuħ u kompetittiv, immma wkoll it-tweġiba tal-politika industrijali għall-aġenda tal-bdil fil-klima u l-enerġija ma jistgħux jew jistgħu biss b'mod insuffiċjenti jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali biss u b'hekk jeħtieġu azzjoni fil-livell Ewropew ukoll. 2. IL-QAGħDA EKONOMIKA U L-ISFIDI Għalkemm l-istampa minn settur għal settur tvarja[5], b'mod ġenerali, l-industrija hija b'saħħitha u dinamika, u tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-tkabbir u l-impjiegi fil-Komunità. L-industrija tibqa' mutur importanti ta' l-ekonomija Ewropea[6]. Direttament, l-industrija tirrappreżenta madwar kwint tal-produzzjoni tal-Komunità u kibret bi 2.6% bħala medja f'dawn l-aħħar sentejn. Hija ċentrali għall-innovazzjoni, u hija responsabbli għal 81% ta' l-ispiża fir-riċerka u l-iżvilupp tas-settur privat u tipprovdi għadd dejjem jikber ta' xogħlijiet ta' ħila kbira, u b'hekk għandha rwol ċentrali fit-trasformazzjoni ta' l-Ewropa f'ekonomija ta' l-għarfien. Fl-aħħar tliet snin l-impjiegi fl-industrija baqgħu relattivament kostanti, wara tnaqqis ta' kważi 5% bejn l-2000 u l-2004[7]. Indirettament, l-industrija hija responsabbli għad-dinamiżmu ta' ħafna setturi tas-servizzi li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-impjiegi. F'għadd ta' setturi industrijali bħall-ICT, l-inġinerija elettrika u mekkanika, kien hemm tkabbir tajjeb u kostanti fil-valur miżjud, li saħansitra żdied fis-snin reċenti.[8] Fl-2006, il-Komunità rnexxielha wkoll tiġbed iktar investimenti diretti barranin li żdiedu bi 42%, imqabbla ma' żieda fil-ħruġ ta' 35%.[9] Filwaqt li l-industrija bħalissa għaddejja tajjeb u qiegħda tieħu vantaġġ sħiħ miċ-ċiklu favorevoli tan-negozju, il-globalizzazzjoni, l-avvanzi teknoloġiċi u l-isfidi ambjentali x'aktarx li jintensifikaw fis-snin li ġejjin. L-UE marret tajjeb fil-kummerċ ta' l-oġġetti, fejn is-sehem mill-esportazzjoni tagħha fil-kummerċ dinji stabilizza ruħu għal madwar 15%. Madankollu, il-globalizzazzjoni m'għadhiex esklussivament marbuta mal-kummerċ fl-oġġetti. Reċentament, il-firxa ta' attivitajiet li l-kumpaniji jikkummerċjalizzaw u jesternalizzaw qiegħda tiżdied bħall-ICT, l-innovazzjonijiet organizzattivi u l-bażi ta' ħiliet dejjem tikber fl-Indja u ċ-Ċina jippermettu lill-kumpaniji biex jaqsmu l-ktajjen tal-valuri u jesternalizzaw l-inputs u l-kompiti intermedji. F'dan l-ambjent li qiegħed jinbidel il-vantaġġ kompetittiv jinsab fl-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valuri. Biex jagħmlu dan il-kumpaniji jeħtieġu li jikkontrollaw il-partijiet l-importanti tal-katina tal-valuri bħall-innovazzjoni u l-prodotti personalizzati, xi kultant permezz ta' għenieqed li jankraw il-kapaċità innovattiva fl-Ewropa. Il-kumpaniji qegħdin ukoll iktar ma jmur jipprovdu soluzzjonijiet integrati li jikkonsistu f'serje ta' servizzi u attivitajiet ta' manifattura. Avvanzi rapidi fix-xjenza u t-teknoloġija joħolqu opportunitajiet għall-fabbrikanti biex jaddattaw u jisfruttaw possibilitajiet tekniċi ġodda. Madankollu, il-manifattura ta' l-UE tibqa' speċjalizzata f'setturi ta' teknoloġija medja u ma sfruttatx it-tkabbir mgħaġġel ta' ċerti setturi ta' teknoloġija għolja, u lanqas ma sfruttat il-potenzjal ta' l-adozzjoni ta' l-ICT. Ħafna regolamenti fuq il-prodotti f'ċerti swieq għandhom il-ħabta li jxekklu l-aġġornamenti neċessarji fl-industrija. Standards, Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR) u prattiki ta' xiri jistgħu jsiru wkoll iktar ta' appoġġ għall-industriji innovattivi. Filwaqt li t-titjib fid-domanda huwa importanti għall-kapaċità innovattiva ta' l-industrija, xi industriji jinżammu lura minn strutturi sfavorevoli tas-suq. In-nuqqas ta' suq tad-difiża kbir, unifikat iżomm lil dawn is-setturi milli jilħqu l-potenzjal innovattiv u ekonomiku kollu tagħhom. Sa ċertu punt dan japplika wkoll għall-farmaċewtiċi. L-UE stabbiliet miri ambjentali ambizzjużi biex tiżdied l-effiċjenza ta' l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra b'ta' l-inqas 20% sa l-2020, u biex jiġu promossi sorsi ta' l-enerġija li tiġġedded[10] S'issa, l-industrija Ewropea diġà għamlet avvanzi sinifikanti fit-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija tagħha. Hija tinsab f'qagħda tajba wkoll biex taħtaf l-opportunitajiet ta' l-emerġenza ta' l-industriji ambjentali. L-industriji ambjentali fl-Ewropa huma globalment fuq quddiem nett għat-teknoloġiji li jiġġeneraw fatturat ta' madwar 2.2% tal-PGD ta' l-UE, u li jimpjegaw 3.4 miljun ruħ. Biex jingħelbu l-ostakli regolatorji u ostakli oħrajn, li jistgħu madankollu jipprevjenu l-isfruttament totali ta' l-opportunitajiet ġodda tas-suq, se jkun hemm bżonn ta' firxa ta' għodod politiċi inklużi strumenti bbażati fuq is-suq u regolamentazzjoni mfassla sew. Fir-realizzazzjoni ta' dawn l-għodo politiċi, trid titqies sew il-qagħda kompetittiva ta' dawk l-industriji intensivi ta' l-enerġija li huma esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali. 3. IL-PROGRAMM TA' ħIDMA FUQ IL-POLITIKA INDUSTRIJALI 3.1. Valutazzjoni tal-progress u l-qagħda attwali Il-Komunikazzjoni ta' l-2005 ħabbret għadd ta' inizjattivi politiċi orizzontali u settorjali li f'ħafna minnhom diġà sar progress tajjeb.[11] F'kull każ il-konsultazzjoni kellha sehem importanti. L-inizjattivi li diġà taw ir-riżultati tagħhom kellhom impatt apprezzabbli fuq l-iżvilupp tal-politika. Huma għenu biex iġibu flimkien, xi kultant permezz ta' Gruppi ta' Livell Għoli, firxa wiesgħa ta' partijiet interessati responsabbli minn oqsma politiċi differenti li jikkostitwixxu qafas għall-attività industrijali, u li jibni kunsens fuq il-kwistjonijiet ewlenin u t-triq 'il quddiem. - Dan jgħodd partikolarment għall-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija, u l-Ambjent li għen biex jgħaqqad it-tliet linji politiċi differenti u ta kontribuzzjonijiet sinifikanti eż. għad-dibattitu li wassal għall-pakkett tal-Kummissjoni dwar il-bidla fil-klima u l-enerġija u l-iżvilupp ta' politika industrijali sostenibbli. - Dan japplika wkoll għall-inizjattiva CARS21, li r-rakkomanzdazzjonijiet tagħha ffurmaw il-bażi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas regolatorju tal-karozzi u li wassal għal proposti leġiżlattivi importanti eż. dwar l-estensjoni tas-sistema ta' approvazzjoni tat-tip ta' vettura sħiħa u dwar is-semplifikazzjoni. - Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar it-Tessuti kien strumentali biex jgħinu l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet politiċi, u fuq livell prattiku, biex jistabbilixxi pjattaforma mifruxa ma' l-industrija kollha għar-riċerka u l-iżvilupp. - L-inizjattiva EnginEurope dwar l-inġinerija mekkanika u t- task force għall-kompetittività fl-ICT ħarġu rapporti li għenu fil-formazzjoni tal-politika industrijali tagħna. - Il-Grupp ta' Livell Għoli LeaderSHIP 2015 żviluppa sett wiesa' ta' rakkomandazzjonijiet li għenu biex l-industriji marittimi Ewropej li kienu qed jiddependu ħafna mill-Għajnuna ta' l-Istat għan-negozju operattiv tagħhom isiru industrija kompetittiva u vibranti, li t-tarzni tagħhom jibbenfikaw biss minn għajnuna għall-innovazzjoni b'intensitajiet ta' l-għajnuna magħmula b'tali mod li jirriflettu u jippremjaw it-teħid tar-riskji inteliġenti u jqawwu l-avvanz teknoloġiku. - Gruppi oħrajn li għadhom għaddejjin taw riżultati parzjali, bħall-Forum dwar il-Farmaċewtiċi u l-Forum dwar l-Industrija tad-Difiża. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kimiċi se jibda xogħlu dalwaqt. - L-inizjattivi dwar l-IPR u dwar il-ħiliet[12] urew it-tnejn li huma li dawn il-politiki huma komponenti essenzjali ta' strateġija għall-kompetittività industrijali. Ta' l-ewwel wasslet għal bosta azzjonijiet, inkluża Strateġija ta' Azzjoni konġunta UE/Stati Uniti dwar l-IPR u l-falsifikazzjoni u djalogi ta' l-IPR ma' pajjiżi prijoritarji għall-infurzar ta' l-IPR. Ta' l-aħħar qiegħda tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet u t-tlaqqigħ ħażin tagħhom fl-industrija permezz ta' għadd ta' azzjonijiet. Il-Politika ta' Koeżjoni wkoll tat kontribut importanti għat-titjib tal-kompetittività ta' l-industrija. F'konformità mal-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-Koeżjoni 2007-2013, l-Istati Membri qed jiffukaw investimenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew f'oqsma marbuta mill-qrib ma' l-aġenda tat-tkabbir u x-xogħlijiet, b'mod partikolari l-aġġornament tal-kapital uman, dwar ir-riċerka, innovazzjoni, intraprenditorija, u appoġġ għall-SMEs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fasslet ukoll strateġija sħiħa[13] rigward il-kompetittività esterna ta' l-industrija ta' l-UE, biex jinħatfu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni u jiżguraw ambjent internazzjonali iktar favorevoli għall-kumpaniji ta' l-UE. Ħafna mill-inizjattivi orizzontali u settorjali deskritti fil-Komunikazzjoni ta' l-2005 huma proġetti għat-tul, li se jkomplu matul il-perjodu 2007-2009. Fi ftit kliem, żviluppi ekonomiċi reċenti kif ukoll l-esperjenzi u r-rispons tal-pilastri ewlenin tal-Politika Industrijali ta' l-2005 jindikaw li ma hemm l-ebda bżonn ta' bidla fundamentali ta' din il-politika. 3.2. Ippjanar għall-ġejjieni Abbażi tal-valutazzjoni tal-qagħda attwali, u filwaqt li tibni fuq il-kisbiet mill-2005, il-Kummissjoni tbassar it-tisħiħ ta' xi wħud mill-inizjattivi għaddejjin u t-tnedija ta' xi inizjattivi ġodda bi tweġiba għall-isfidi reċenti. L-Anness 1 jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata ta' l-inizjattivi orizzontali u settorjali u jindika liema sfida hija meqjusa ta' l-ogħla prijorità għal kull settur. L-implimentazzjoni se tkun preċeduta minn stima ta' l-impatt, fejn ikun rilevanti. Il-ħarsa ġenerali taġġorna dik tal-Komunikazzjoni ta' l-2005 li nbniet fuq konsultazzjoni wiesgħa ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati, abbażi ta' tagħrif reċenti. Azzjonijiet politiċi li jrawmu l-kompetittività industrijali jsiru parzjalment fil-livell Komunitarju u parzjalment fil-livell ta' l-Istati Membri, imma r-rabta bejn il-politika industrijali ta' l-UE u l-azzjonijiet politiċi nazzjonali tibqa' dgħajfa. L-istrateġija mġedda ta' Liżbona tipprovi opportunità tajba biex jissaħħu dawn l-interazzjonijiet, speċjalment peress li l-linji gwida integrati adottati mill-Kunsill jinkludu linja gwida dwar il-Politika Industrijali. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fir-rapporti tal-progress annwali tagħhom azzjonijiet relatati mal-kompetittività industrijali, li huma marbuta ma' l-isfidi kruċjali ta' l-Istati Membri. Fuq ċerti kwistjonijiet il-Kummissjoni taħdem flimkien ma' l-Istati Membri, bil-ħsieb li tiġi identifikata u mxerrda l-prassi t-tajba. Dan jippermetti wkoll lill-Kummissjoni biex tintegra aħjar id-dimensjonijiet nazzjonali tat-tfassil tal-politika fl-inizjattivi orizzontali u settorjali mħabbra f'din il-Komunikazzjoni. 3.3. Bini fuq ix-xogħol li għaddej, u tweġiba għal sfidi ġodda Għalkemm it-tfassil ġenerali tal-Politika Industrijali ta' l-2005 għadha tidher adattata, għad baqa' xi sfidi u xi wħud kibru b'mod sinifikattiv. Il-globalizzazzjoni, il-bidla teknoloġika u fil-klima kollha jagħmlu pressjoni kompettittiva fuq l-ekonomija tagħna biex taġġusta ruħha: proċess li jwassal biex ir-riżorsi jintbagħtu fejn iżidu l-iktar valur. 3.3.1. Inizjattivi orizzontali 1. Semplifikazzjoni u titjib ta' ambjent regolatorju u tnaqqis tal-piż amministrattiv dwar l-intrapriżi se jibqgħu prijorità għolja għall-Kummissjoni, kif ukoll il-bżonn li jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni tkun imfassla biex tippromwovi "eko-innovazzjoni" u konsum u xejriet tal-produzzjoni iktar sostenibbli. L-isforzi tal-Kummissjoni se jintensifikaw fil-ġejjieni u se tingħata attenzjoni partikolari għal oqsma bħall-kostruzzjoni, l-istatistika tan-negozju, is-saħħa u s-sigurtà, ir-relazzjonijiet fl-impjiegi, it-trasport u kwistjonijiet fiskali/VAT.. Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tkompli tkejjel l-ispejjeż amministrattivi u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi. Eżempju konkret ta' kif dan jista' jiġi applikat f'settur partikolari huwa s-segwitu għall-inizjattiva CARS 21, fejn il-Kummissjoni se tipprova tissemplifika l-qafas regolatorju għall-industrija tal-karozzi permezz ta' applikazzjoni kostanti ta' prinċipji regolatorji aħjar. Il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni huma: il-bdil, li jibda fl-2007, ta' għadd ta' Direttivi tal-KE ma' regolamenti internazzjonali; l-introduzzjoni ta' awto-ttestjar u ttestjar virtwali f'ċerti oqsma; l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni għall-ksib ta' standards ambizzjużi għall-emissjonijiet, inkluż il-kisba ta' 120g/Km ta' emissjonijiet ta' CO2 sa l-2012 permezz ta' approċċ integrat[14]; l-introduzzjoni ta' titjib fil-kostruzzjoni tal-vettura relatat mas-sigurtà, bħall-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabilità (2008) . Dan l-approċċ jaf ikun ta' eżempju għal setturi oħra, u huwa ta' sinifikat partikolari għall-SMEs. Permezz ta' l-istutturi ħfief tagħhom u l-kapaċità naturali li għandhom biex jinteraġġixxu ma' l-ambjent tagħhom, l-SMEs huma mgħammra tajjeb biex jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi u jdawru l-isfidi f'opportunitajiet ta' negozju. Huma jiffurmaw parti essenzjali wkoll mill-għenieqed tan-negozju msemmija hawn taħt. Fl-istess ħin, huma inqas mgħammra sew biex ilaħħqu mal-piżijiet regolatorji u amministrattivi - li spiss iġibu magħhom spejjeż li ma jkunux direttament relatati ma' daqs l-intrapriża. U huma wkoll proporzjonalment iktar affettwati minn kwalunkwe miżuri li jeħtieġu investimenti fissi, bħalma jistgħu jkunu marbuta ma' l-introduzzjoni ta' standards ambjentali iktar ibsin għall-proċessi u l-prodotti finali. 2. Sett ieħor ta' inizjattivi orizzontali ġejjin mill-fatt li l-innovazzjoni, u r-rispons għal teknoloġiji li qegħdin jevolvu malajr, ma jistgħux ikunu stimulati mill-qafas regolatorju biss. Programmi ta' finanzjament Komunitarju[15], kif ukoll Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej u Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti attwali u ppjanati jibnu sħubijiet miftuħa u jrawmu l-innovazzjoni, imma forom oħra ta' rispons pro-attiv huma meħtieġa wkoll. Innovazzjoni li tirnexxi u li tlaħħaq mad-dinja kollha tiġġenera għadd ta' vantaġġi kompetittivi għas- "suq ewlieni" bħal redditu iktar malajr fuq l-investimenti u għalhekk inċentiv ogħla għall-investiment privat f'iktar riċerka u żvilupp; vantaġġi relatati mal-post għar-riċerka u l-iżvilupp u faċilitajiet ta' produzzjoni; produttività u esportazzjonijiet ogħla jew iktar tkabbir u impjiegi. L-għan ta' l- inizjattiva tas-suq ewlieni huwa li jikkontribwixxi għal-liberazzjoni tal-potenzjal tas-suq għal prodotti u servizzi innovattivi billi jitneħħew l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp ta' swieq ġodda permezz ta' approċċ prospettiv, konċertat u ffukat ta' strumenti regolatorji u strumenti politiċi oħrajn biex jippermettu sett varjat ta' teknoloġiji u ta' mudelli tan-negozju innovattivi biex ilaħħqu malajr mad-domanda għal perspettiva globali. L-istrumenti jinkludu l-qafas ġuridiku u regolatorju, it-trawwim ta' makkaniżmi ta' innovazzjoni miftuħa, standards, prassi ta' akkwist pubbliku, il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, jew id-disponibilità ta' kapital għall-proġetti. Il-Kummissjoni se tħejji dokument politiku iktar tard din is-sena fejn tipproponi l-implimentazzjoni ta' approċċ ta' suq ewlieni. 3. Mezz ieħor biex jitħaffef il-proċess ta' innovazzjoni, kif jissuġerixxi d-dokument ta' Lahti[16]) huwa l-użu ta' standards , li ma jiffaċilitawx biss l-aċċess għas-swieq għall-prodotti, servizzi u proċessi innovattivi, imma jagħmluha wkoll ta' mekkaniżmu ta' tixrid ta' ħafna mill-għarfien maħluq mir-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn hekk, bl-iżgurar tal-konsistenza fil-kwalità u s-sigurtà tal-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti l-ġodda u t-twassil ta' servizzi, l-istandards jippromwovu xejriet ta' konsum iktar kunfidenti u sostenibbli. L-inizjattiva ta' l- istandards se jkollha l-għan li r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp jaslu fis-suq iktar faċilment, u tiffaċilita, pereżempju, id-dħul ta' teknoloġiji ġodda b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija. Madankollu l-pass tal-bidla teknoloġika, u l-konverġenza tat-teknoloġiji, jitlob li l-organizzazzjonijiet ta' l-istandards Ewropej jaddattaw il-proċessi tagħhom biex ikunu jistgħu iwasslu l-prodotti xierqa fil-ħin. Huma jridu wkoll ikomplu jiżviluppaw standards globali. Imma l-benefiċċji sħaħ jistgħu jittieħdu biss jekk il-partijiet interessati kollha jkunu involuti fil-proċess ta' tfassil ta' l-istandards, u l-istandards jintużaw ħafna wkoll. Iridu jsiru sforzi ikbar biex jiġu assoċjati l-SMEs u l-komunità tar-riċerka. Għal dan l-għan il-Kummissjoni se tippreżenta fl-aħħar ta' l-2007 Komunikazzjoni dwar iż-żieda tal-kontribut ta' standardizzazzjoni ta' l-innovazzjoni, u se tipproponi miżuri li jittrattaw il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. 4. Il-globalizzazzjoni qiegħda twassal għal trasformazzjoni strutturali. Dan jitlob il-ħolqien ta' relazzjonijiet u alleanzi transkonfinali ġodda u b'saħħithom. Netwerks kollaborattivi, bħall-poli ta' innovazzjoni u għenieqed immexxija mir-riċerka, jistgħu jkunu muturi qawwijin ta' l-iżvilupp ekonomiku reġjonali u ta' l-innovazzjoni. Dan imur id f'id mal-bżonn għal iktar spreċjalizzazzjoni reġjonali fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku f'Żona Ewropea tar-Riċerka globalment kompetittiva. L-inizjattiva ta' l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT) tibni fuq u tagħmel iktar poli u għenieqed innovattivi nazzjonali. Il-missjoni tagħha hija li tgħaqqad l-aqwa atturi Ewropej fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jaslu għal soluzzjonijiet konkreti għal sfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali ewlenin. L- inizjattiva ta' l-Għenieqed se tanalizza kif azzjonijiet ikkumbinati ta' l-Istati Membri u l-Kummmissjoni, li jappoġġaw l-għenieqed u l-kooperazzjoni tagħhom, jistgħu jgħinu l-qasam ta' l-għarfien Ewropew biex jistruttura ruħu progressivament bħala xibka qawwija ta' għenieqed kompetittivi ta' klassi dinjija li jrawmu l-kompetittività ta' l-industrija u s-servizzi. 5. L-industrija Ewropea diġà tinsab f'pożizzjoni tajba biex tibni fuq il-qagħda b'saħħitha tagħha fis-suq tal-prodotti, servizzi u proċessi ġodda, ibbażati fuq it-teknoloġiji ambjentali. Barra minn hekk, il-kumpaniji Ewropej huma iktar u iktar sensittivi għar-rendiment ambjentali bħala parti mill-approċċi tar-responsabiltà soċjali korporattiva tagħhom. Hija prevista inizjattiva ġdida dwar politika industrijali sostenibbli biex tibni fuq dawn il-punti b'saħħithom u tgħin lill-industrija tibbenefika mill-emerġenza ta' swieq ġodda fit-teknoloġiji ambjentali. Is-saħħa ewlenija hija li l-isfidi potenzjali jinbidlu f'opportunitajiet għall-industrija ta' l-UE, sabiex twassal għal tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. Għalhek hija se tagħti sehemha biex jintlaħqu l-miri tal-pakkett tal-bidla fil-klima u l-enerġija adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007. Il-Kummissjoni se tfassal Pjan ta' Azzjoni kumplimentari biex jippromwovu konsum u produzzjoni sostenibbli fl-UE. Il-Pjan ta' Azzjoni se jwieġeb għat-talba magħmula mill-Kummissjoni fl-Istrateġija mġedda ta' l-UE dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. It-tliet prinċipji bażiċi tal-politika industrijali sostenibbli, li se tkun segwita minn Pjan ta' Azzjoni fil-bidu ta' l-2008, huma dawn li ġejjin: L-istimolu ta' l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji, prodotti u servizzi b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija , pereżempju bit-trawwim tas-swieq ewlenin u l-ħolqien ta' inċentivi għall-aħjar kompetituri. Dan jista' jeħtieġ strumenti ta' finanzjament xierqa u l-iżvilupp ta' strumenti bbażati fuq is-suq li jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' prodotti u servizzi li ma jagħmlux daqstant ħsara lill-ambjent, inkluż permezz ta' internalizzazzjoni aħjar ta' l-ispejjeż ambjentali, bla ħsara għar-regoli dwar l-għajnuna statali. Il-ħolqien ta' suq intern dinamiku : Filwaqt li tqis ir-reviżjoni għaddejja tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni se tiżviluppa politika b'saħħitha tal-prodotti u tneħħi l-ostakli fis-suq intern. Din se tinkludi rekwiżiti realistiċi u progressivament iktar ambizjużi flimkien, fejn xieraq, ma' standards u inċentivi volontarji "ewlenin", bħall-ittikkettjar, biex jitjieb ir-rendiment. Direttiva EuP estiża sabiex tippromwovi "eko-disinn" tal-prodotti l-iktar sinifikattivi se tkun il-pedament ta' dan l-approċċ. Skemi ta' ġestjoni ambjentali u servizzi ta' l-enerġija għall-kumpaniji u d-djar se jiġu promossi wkolli, sostnuti minn qafas sempliċi u faċli biex tuża. Il-ħolqien ta' swieq globali għal teknoloġiji, prodotti u servizzi b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-enerġija: Adozzjoni iktar malajr ta' teknoloġiji ambjentali u standards għal teknoloġiji, prodotti u servizzi iktar sostenibbli fl-UE jistgħu jwittu t-triq għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali li jintegraw aħjar l-aspetti ambjentali, b'approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja. Dan jista' jagħti vantaġġi ta' "l-ewwel li jaġixxu" lill-kumpaniji Ewropej fil-kompetizzjoni globali. Ftehimiet settorjali internazzjonali għal industriji intensivi ta' l-enerġija għandhom potenzjal sinifikanti biex jistabbilixxu benchmarks globali għall-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi u jrawmu teknoloġiji li qegħdin jilħqu dawn il-benchmarks. Ftehimiet settorjali ta' din ix-xorta, li jridu jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni u l-objettivi ambjentali, għandhom jgħinu biex jinħolqu swieq ta' esportazzjoni għal teknoloġiji, servizzi u prodotti Ewropej ewlenin. Huma jistgħu jkunu kumplimentati permezz ta' ftehimiet internazzjonali u bilaterali dwar it-tixrid u l-użu ta' teknoloġiji ambjentali, billi jiffaċilitaw l-użu ta' l-istrumenti flessibbli ta' Kyoto u permezz ta' politika ta' l-iżvilupp u l-kummerċ. 6. L-Industriji Intensivi ta' l-Enerġija (EIIs) se jeħtieġu attenzjoni partikolari, kif rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew[17]. Hemm bżonn ta' miżuri effiċjenti fl-infiq biex jitjiebu kemm l-impatt fuq il-kompetittivitàu kemm dak ambjentali ta' industriji Ewropej bħal dawn. Il-Kummissjoni se tippubblika dokument politiku fil-ħarifa li jistabbilixxi l-modi possibbli ta' kif tista' tintlaħaq din il-mira. 7. Barra minn hekk, l-aċċess għar-riżorsi naturali u l-materja prima huwa essenzjali għall-industrija Ewropea. Għandhom jiġu żviluppati miżuri li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta' aċċess sostenibbli u sikur, inkluż it-titjib ta' l-effiċjenza tar-riżorsi u l-aċċess għall-materja prima domestika, il-ftuħ tas-suq ta' l-UE għall-materja prima li tiġġedded, sostenn għall-iżvilupp ta' teknloġiji esplorattivi u l-iżgurar tad-disponibilità ta' ħaddiema bil-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, ftehimiet multilaterali u bilaterali jridu jiżguraw li pajjiżi terzi jappoġġjaw swieq miftuħa u bla xkiel, u jiżguraw is-sigurtà u d-diversità ta' provvista ta' materja prima, filwaqt li jqisu l-Istrateġija Tematika tal-Kummissjoni dwar l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali. It-talba lill-Kummissjoni mill-Kunsill Kompetittiv tal-21 ta' Mejju 2007 biex jiżviluppa approċċ politiku koerenti għall-provvista ta' materja prima għall-industrija, li jinkludi l-politiki Komunitarji interni u esterni kollha rilevanti, se jkunu segwiti attivament. Il-Kummissjoni se tipprova tuża l-politika ta' l-enerġija esterna tagħha fir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika kummerċjali u d-djalogi politiċi industrijali u ambjentali tagħha, u fejn xieraq, tgħin biex jiġu implimentati permezz ta' għajnuna teknika, biex tħeġġeġ l-użu ta' enerġija sostenibbli u l-politiki dwar il-bidla fil-klima f'nazzjonijiet sħab. 8. F'termini iktar ġenerali, aspetti esterni tal-kompetittività u l-aċċess tas-suq jibqgħu kruċjali għar-rendiment industrijali ta' l-UE. L-inizjattiva dwar il-kompetittività u l-aċċess għas-suq se tiffoka l-isforzi u r-riżorsi tagħha fuq dawk is-setturi u s-swieq bl-ogħla potenzjal ta' gwadann għall-kompetittività. Il-Kummissjoni se tfittex negozjati kummerċjali multilaterali bħala prijorità, notevolment ir-Rawnd ta' l-Iżvilupp ta' Doha, imma se tfittex ukoll li tikkonkludi l-ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ ħieles mnedija m'ilux, iġġib 'il quddiem l-aġenda transatlantika ma' l-Istati Uniti u s-sħubija maċ-Ċina, u żżid il-kooperazzjoni f'żoni mingħajr tariffi, li żdiedu fl-importanza fl-aħħar snin minħabba t-tneħħija kontinwa tat-tariffi. Dan jinkludi kwistjonijiet regolatorji, l-investiment barrani dirett, il-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, is-sigurtà u s-sikurezza u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u assi intanġibbli oħrajn, u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Dan ifisser ukoll li ċ-ċħid tal-protezzjoniżmu f'darna jrid ikun akkumpanjat bl-użu attiv ta' l-istrumenti disponibbli kollha fil-ħolqien ta' swieq miftuħa u kundizzjonijiet ġusti għall-kummerċ barra. 9. Il-kompetittività ta' l-industrija tiddependi wkoll fuq kemm tkun kapaċi tagħmel bidla strutturali bi tweġiba għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u l-avvanzi teknoloġiċi. Biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi l-UE żviluppat leġiżlazzjoni li tittratta r-ristrutturazzjoni[18] u tipprovdi għajnuna finanzjarja permezz tal-fondi strutturali u l-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni. Il-Kummissjoni għamlet analiżi pożittiva fuq l-ewwel żewġ applikazzjonijiet għall-Fond u talbet lill-awtorità baġitarja biex tagħmel l-approprjazzjonijiet neċeesarji disponibbli. Madankollu, hemm bżonn li jsir iktar biex jiġu antiċipati tendenzi ta' bidla strutturali, tħejjija aħjar għar-ristrutturazzjoni, u biex titjieb is-sinerġija bejn linji politiċi differenti, ma' l-involviment tal-partijiet interessati kollha. Bl- inizjattiva dwar il-bidla fl-istruttura l-Kummissjoni se testendi l-ħidma analitika tagħha u taġixxi ta' faċilitatur għal skambju ta' l-aħjar prassi. L-ewwel Rapport ta' Ristrutturazzjoni annwali se jiġi ppubblikat f'nofs l-2008. Il-Komunikazzjoni ta' l-2005 dwar ir-Ristrutturazzjoni u l-Impjiegi[19] se tiġi riveduta bl-għan li tiġi inkoraġġita sħubija kbira fil-livell Ewropew. Fiż-żmien medju, l-inizjattiva għandha l-għan tagħti lill-atturi kollha kkonċernati l-aqwa tagħrif dwar ir-ristrutturazzjoni u kif tittratta l-konsegwenzi tagħha. Irid jitqies ukoll kif il-fondi ta' l-UE jistgħu jintużaw l-aħjar f'dan il-kuntest. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk għandhiex tirrevedi l-linji gwida dwar l-Għajnuna Statali għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni sa l-2009. 10. Waħda mill-bidliet strutturali ewlenin kienet iċ-ċaqliq ta' l-impjiegi lejn is-servizzi f'ekonomiji żviluppati ħafna. Din ma tfissirx de-industrijalizzazzjoni. Hija tirrifletti t-tqassim tax-xogħol internazzjonali li qed jikber u disaggregazzjoni ta' ktajjen tal-valuri vertikali integrati. Minħabba f'hekk, l-industrija u s-servizzi huma inseparabbli minn xulxin. L-ispejjeż, il-kwalità u l-produttività ta' ċerti setturi tas-servizzi, b'mod partikolari s-Servizzi tan-Negozju b'Għerf Intensiv, għandhom impatt fuq il-kompetittività ta' l-industrija. Pereżempju, ir-regolamenti li jaffettwaw ir-rendiment ta' servizzi professjonali u servizzi tan-negozju oħrajn, servizzi finanzjarji jew is-settur tal-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjoni wkoll għandhom impatt fuq l-industrija. Barra minn hekk, l-industriji tan-netwerk kompetittivi jsaħħu l-kompetittività ta' l-industrija kollha kemm hi. Barra minn hekk, l-industrija hija kemm utent u kemm fornitur ta' firxa dejjem tikber ta' servizzi relatati ma' teknoloġiji u prodotti innovattivi. L- inizjattiva ta' l-industrija/servizzi se tagħmel monitoraġġ dettaljat u analiżi tal-kompetittività tas-setturi tas-servizzi u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività industrijali, u jekk hemm bżonn iktar monitoraġġ settorjali. Ir-riżultat ikun l-identifikazzjoni ta' l-ostakli kollha għal kompetittività mtejba, u fallimenti possibbli tas-suq, li jistgħu jiġġustifikaw l-azzjonijiet li jindirizzaw problemi speċifiċi fis-setturi tas-servizzi u/jew industrijali individwali. B'konformità mal-Politika Moderna tal-Kummissjoni dwar l-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi[20], il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-inizjattivi politiċi industrijali tagħha jqisu l-interessi ta' l-SMEs, li għandhom rwol vitali fil-ħolqien tat-tkabbir sostenibbli u xogħlijiet iktar u aħjar. 3.3.2. Inizjattivi settorjali Flimkien ma' inizjattivi orizzontali, l-istrateġija ta' l-approfondiment tal-kwistjonijiet speċifiċi għas-settur uriet l-utilità tagħha. Se jittieħdu żewġ inizjattivi ġodda fl-oqsma ta' l-ipproċessar ta' l-ikel u l-inġinerija elettrika, li t-tnejn li huma huma setturi kbar b'potenzjal għoli għall-ħolqien ta' tkabbir u xogħlijiet. L-inizjattivi settorjali kollha għandhom jużaw sew l-istrumenti moderni tal-Programm Qafas tar-Riċerka, jiġifieri l-inizjattivi tal-Pjattaformi Teknoloġiċi u t-Teknoloġija Konġunta u r-Rakkomandazzjonijiet tagħhom. 11. Wara r-riformi suċċessivi tas-CAP li mexxew l-appoġġ minn fuq il-prodott għal ħlasijiet diretti lill-bdiewa u ffokaw fuq l-orjentazzjoni u l-kkompetittività tas-suq, l- industrija ta' l-ikel Ewropea daħlet f'perjodu ta' aġġustament. Fil-kuntes globali, dan l-aġġustament qiegħed iseħħ fil-preżenza ta' prezzijiet għoljin tal-komoditajiet, limitazzjonijiet ta' aċċess għal materja prima essenzjali u żvilupp ta' politika kummerċjali esterna dwar l-aċċess għas-suq. Produttività tax-xogħol baxxa, dgħjufija persistenti ta' l-innovazzjoni, bdil fil-preferenzi tal-konsumatur, u regolamentazzjoni li żdiedet fi snin reċenti biex tindirizza t-tħassib tal-konsumaturi relatati mas-saħħa u l-ambent qegħdin kollha jikkontribwixxu għall-isfidi li tiffaċċja l-industrija. Madankollu, leġiżlazzjoni ta' l-UE armonizzata dwar l-ikel tkompli tikkontribwixxi għas-sigurtà fl-ikel u l-kunfidenza tal-konsumatur madwar l-Unjoni, u l-iżvilupp ta' settur ta' l-agro-alimentari fl-UE. B' inizjattiva mmirata l-Kummissjoni bi ħsiebha tindirizza l-isfidi ta' hawn fuq u n-nuqqas persistenti ta' innovazzjoni, partikolarment fid-dawl tal-proporzjon kbira ta' SMEs fis-settur. Abbażi ta' analiżi kompetittiva u konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati fl-2007, u tax-xogħol tal-Pjattaforma Teknoloġika "Food for Life", il-Kummissjoni se tistabbilixxi pakkett ta' miżuri li jridu jittieħdu f'Komunikazzjoni fl-2008. Dawn jistgħu jinkludu strateġija għal iktar prodotti b'valur miżjud, u l-adozzjoni mmirata tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp, sforzi innovattivi sostnuti fl-SMEs (inklużi kwistjonijiet ta' bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut) u tisħiħ ta' dimensjoni internazzjonali, aċċess għas-suq aħjar għall-pajjiżi terzi, u fejn ikun iġġusifikat, tnaqqis tal-piż amministrattiv. Il-miżuri jikkumplimentaw ir-reviżjoni għaddejja ta' leġiżlazzjoni ta' l-ikel u l-inizjattivi fil-qasam ta' ikel ġdid u ttikkettjar ta' l-ikel li tissemplifika sostanzjalment il-qafas leġiżlattiv u tnaqqas il-piż imposta fil-livell ta' l-UE fuq l-intrapriżi. 12. Is-settur ta' l- inġinerija elettrika għandu rwol importanti fl-ekonomija ta' l-UE bħala fornitur ta' prodotti intermedji, prodotti kapitali mitmuma u prodotti għall-konsum. Huwa qiegħed jiffaċċja pressjoni kompetittiva dejjem tiżdied kemm minn ekonomiji stabbiliti u kemm minn ekonomiji emerġenti; il-falsifikazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma kwistjonijiet ta' l-ikbar importanza għas-settur. ELECTRA hija inizjattiva konġunta ta' l-industrija u l-Kummissjoni li għandha l-għan li tidentifika l-isfidi kompetittivi ewlenin fit-tul li qiegħed jiffaċċja s-settur Ewropew ta' l-inġinerija elettrika, u eventwalment tiżviluppa rakkomandazzjonijiet biex issaħħaħ il-kompetittività globali f'dan is-settur. L-inizjattiva tesplora l-potenzjal għall-applikazzjoni ta' prinċipji ta' regolamentazzjoni u kontribuzzjonijiet aħjar għad-dibattitu fuq l-effiċjenza fl-enerġija u s-swieq ewlenin. Abbażi tar-riżultati tagħha l-Kummissjoni tista' tipproponi iktar azzjonijiet fl-2008. Barra minn hekk, ix-xogħol li hu għaddej se jitħaffef f'għadd ta' setturi li huma konfrontati mhux biss mill-bżonn li jwieġbu l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi mgħaġġlin, imma huma mxekkla minn ostakli biex jisfruttaw b'mod sħiħ il-benefiċċji tas-Suq Intern. 13. Fir-rigward ta' l- industrija ta' l-ispazju , il-Politika Spazjali Ewropea[21] ġiet żviluppata b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-ESA. Din hija akkumpanjata minn elementi preliminari ta' Programm Spazjali Ewropew, li għandu jkun żviluppat biex jilħaq il-kumplimentarjetà u trasparenza massima fost il-programmi spazjali kollha, u b'hekk jiġi żgurat l-iżjed użu effiċjenti ta' l-investimenti fl-ispazju fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-bżonn ta' qafas regolatorju Ewropew għall- kontroll tat-tixrid ta' data ġejja mis-satelliti , u tanalizza l-bżonn ta' standards ta' sostenn. Hija se tivvaluta wkoll, wara l-konsultazzjoni dwarl-applikazzjonijiet tal-Green Paper dwar GALILEO[22], kemm leġiżlazzjoni Ewropea jew nazzjonali tkun tista' tappoġġja l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet bħal dawn. Hija se tinkoraġġixxi iktar iċ-ċaqliq lejn approċċ ibbażat fuq is-suq għall-allokazzjoni tal-frekwenzi ta' l-ispettru, se tinkoraġġixxi approċċi pan-UE għall- użu tal-frekwenzi ta' l-ispettru , u tiddiskuti ma' l-Istati Membri u s-sħab internazzjonali kif tissemplifika aħjar ir-regolamenti dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni . L-ESA u l-Kummissjoni se jipproponu proġetti ta' l-R&D ġodda dwar l- applikazzjonijiet spazjali integrati , inkluża l-integrazzjoni ma' sistemi terrestri qabel tmiem l-2008. L-ESA se tħejji proposti ta' finanzjament b'appoġġ għall-pjan tagħha fit-tul għal xjenza spazjali sa l-2008 u tipproponi teknoloġiji ġodda ta' l-R&D. L-inizjattiva tal-Monitoraġġ Globali dwar l-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) se tipprovdi servizzi ambjentali bbażati fl-ispazju li jippermettu monitoraġġ u kontroll ta' l-impatti tal-bdil fil-klima. 14. L-industriji tad-difiża fl-Ewropa huma suġġetti għal regoli nazzjonali differenti ħafna, sitwazzjoni li ttardjat l-iżvilupp tagħhom fuq skala Ewropea u żvantaġġathom fir-rigward ta' kompetituri internazzjonali li wassal għal valur fqir tal-flus minfuqa fuq is-sigurtà u d-difiża . Il-Kummissjoni bi ħsiebha ssaħħaħ il-kompetittività tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea fi sforz konġunt ma' l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża. Għal dan l-għan inizjattiva se tiffoka fuq l-iżvilupp ta' Suq Ewropew tat-Tagħmir tad- Difiża , żvilupp teknoloġiku kif ukoll it-titjib tal-kompetittività globali ta' kumpaniji tad-difiża ta' l-UE. Il-Kummissjoni qed tħejji Komunikazzjoni "qafas" li tkopri kwistjonijiet industrijali u tas-suq, Direttiva dwar l-akkwist tad-difiża u s-sigurtà u Regolament dwar it-trasferimenti intra-UE ta' oġġetti tad-difiża. Riżultati oħrajn li huma mistennija sa l-2009 huma Klassifikazzjoni omoġena tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża, Manwal Ewropew ta' l-Istandardizzazzjoni tad-Difiża. 15. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li tikseb inizjattiva dwar l-isfidi speċifiċi tar- riċerka tas-sigurtà li tqis sew ir-rabtiet mill-qrib ma' kwistjonijiet relatati d-difiża riflessi eż. fid-Direttiva ta' hawn fuq dwar l-akkwist tad-difiża u s-sigurtà Hija tipprevedi t-twaqqif ta' Forum Ewropew ta' l-Innovazzjoni u r-Riċerka tas-Sigurtà biex jiżviluppa Aġenda Konġunta dwar ir-Riċerka tas-Sigurtà sa l-aħħar ta' l-2009. Fl-istess ħin jissaħħaħ id-djalogu pubbliku-privat fil-qasam tar-riċerka tas-sigurtà Ewropea u jiżdiedu t-trasparenza u l-koordinament bejn il-bosta programmi u inizjattivi għaddejjin. 16. Is- settur farmaċewtiku Ewropew jinsab mhedded peress li r-riċerka u l-iżvilupp fil-farmaċewtiċi qegħdin jiġu devjati lejn l-Istati Uniti u, iktar u iktar, lejn il-Lvant Imbiegħed. Il-kapaċità ta' l-Ewropa biex twieġeb b'mod effettiv huma mxekkel l-iktar min-nuqqas ta' suq uniku effettiv fil-farmaċewtiċi. Biex tittratta dan, il-Kummissjoni stabbiliet approċċ fuq żewġ livelli ta' modernizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv Ewropew permezz tar-Reviżjoni Farmaċewtika, u l-Forum Farmaċewtiku li għaddej bħalissa fejn jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' importanza kritika li jaffettwaw il-kompetittività, bħat-tfassil tal-prezzijiet u r-rimbors, huma indirizzati direttament ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin. Biex iġġib dawn il-linji flimkien, il-Kummissjoni se tippubblika Komunikazzjoni, sa l-aħħar ta' l-2007, li tistabbilixxi l-istrateġija u l-viżjoni tagħna għall-kompetittivita ġejjiena tas-settur. Il-bażi se tkun konsultazzjoni pubblika li se titnieda matul is-sajf ta' l-2007. 17. Bi tweġiba għall-Komunikazzjoni ta' l-2005 dwar il-politika industrijali, il-Kummissjoni issa qiegħda tħejji żewġ Komunikazzjonijiet speċifiċi għas-settur relatati mal-Kompetittività ta' l- industriji tal-metalli u dawk ibbażati fil-foresti . 4. KONKLUżJONIJIET Fil-mument l-industrija topera fi klima makroekonomika relattivament tajba, imma dan m'għandux iwassal għal kompjaċenza. L-azzjonijiet deskritti fil-Komunikazzjoni ta' l-2005 għenu biex jifformaw il-politika tagħna li jibbenefikaw minnha l-industriji ta' l-Ewropa, kemm il-kumpaniji l-kbar u kemm l-SMEs. L-approċċ integrat kien ta' suċċess, u għandu l-appoġġ tal-Parlament u l-Istati Membri. Il-kontinwità u l-impenn għall-istrateġija politika eżistenti huma, għalhekk, meħtieġa u jeħtieġu l-appoġġ ta' sett ibbilanċjat tal-partijiet interessati kollha. Fi ħdan dan il-qafas il-prijorità se tkun li jitwaqqaf qafas politiku biex l-industrija tkun tista' twieġeb bl-aħjar mod għall-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima. Anness 1: Inizjattivi Eżistenti u Previsti It-tabella tindika bi slaleb il-każijiet fejn sfida politika titqies ta' l-ogħla prijorità għal kull settur fost il-ħafna sfidi politiċi rilevanti. Għalhekk, in-nuqqas ta' salib mhux bil-fors għaldaqstant ifisser li l-isfida mhix importanti għal settur, imma sempliċiment li mhix meqjusa bħala kwistjoni ta' l-ogħla prijorità. [1] COM(2005)474 [2] Reviżjoni komprensiva tas-Suq Intern tinsab għaddejja bħalissa. [3] Il-Kunsill tal-Kompetittività 29-30 ta' Mejju 2006 u l-Kunsill tal-Kompetittività 21-22 ta' Meju 2007 [4] Riżoluzzjoni dwar il-politika industrijali, 5 ta' Lulju 2006 [5] L-Istruttura Industrijali ta' l-UE (DĠ Intrapriżi u l-Industrija, 2007) [6] Għal iktar dettalji, ara id-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff SEC(2007)917 li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. [7] Eurostat: Stħarriġ dwar il-Qawwa tax-Xogħol [8] L-Istruttura Industrijali ta' l-UE (DĠ Intrapriżi u l-Industrija, 2007): Fl-ICT ir-rata medja annwali mill-1995 sa l-2006 kienet ta' 6%, imma telgħet għal 10% fil-perjodu 2004-2006. Figuri paragunabbli għall-inġinerija elettrika u mekkanika kienu ta' 2% u 5%. [9] Stqarrija għall-aħbarijiet mill-Eurostat 70/2007 - 24 ta' Mejju 2007 [10] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Politika ta' l-enerġija għall-Ewropa" COM (2007) 1 tistabbilixxi objettivi u miri kwantitattivi. [11] Dettalji sħaħ tal-progress jinstabu f'dan id-dokument SEC(2007)917. [12] Il-Kummissjoni qiegħda tqis li tippreżenta l-fehmiet tagħha dwar l-e-ħiliet fl-2007. [13] COM(2006)567 “L-Ewropa Globali: nikkompetu fid-dinja" [14] COM(2007)22 [15] Programm Qafas tar-Riċerka (FP7) u l-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) [16] COM(2006)589 [17] Konklużjonijiet tat-8/9 ta' Marzu 2007 [18] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati, u d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, u d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea [19] COM(2005)120 [20] COM(2005)551 [21] COM(2007) 212 finali [22] Is-sistema ta' radju-navigazzjoni Galileo se tforni servizzi ta' pożizzjonament wara t-tqegħid ta' kostellazzjoni ta' 30 satellita fis-snin li ġejjin