Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0373

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2006 {SEC(2007)896} {SEC(2007)897}

/* KUMM/2007/0373 finali */

52007DC0373




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.7.2007

KUMM(2007) 373 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2006 {SEC(2007)896}{SEC(2007)897}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2006

1. Din il-Komunikazzjoni tindirizza x-xewqa tal-Kunsill li l-Kummissjoni tressaq rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha[1]. Il-metodoloġija ssegwi dik użata fl-ewwel (2005) rapport annwali[2].

2. L-għan ta' dan l-eżerċizzju huwa l-monitoraġġ ta' l-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-Programm ta' l-Aja. Dan jinkludi l-pjan ta' azzjoni dwar id-drogi, l-istrateġija dwar l-aspetti esterni tal-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-pjan ta' azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li huma ta' suppliment għall-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja, skond l-iskeda stabbilita. Għalhekk il-miżuri kollha maħsuba għall-2006, kif ukoll dawk li ma sarux fl-2005, jinsabu mistħarrġa f'din il-Komunikazzjoni (Parti I u l-Anness 1) . Il-Komunikazzjoni ssemmi wkoll, fejn rilevanti, xi miżuri marbuta li ma ġewx inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni. Ir-rapporti annwali ġejjiena jeżaminaw mill-2007 'il quddiem.

3. Bħal ma ġara fl-eżerċizzju ta' l-2005, din il-komunikazzjoni ssegwi kemm l-adozzjoni fuq il-livell ta' UE kif ukoll l-implimentazzjoni nazzjonali ta' dan il-politika (Parti II u l-Anness 2).

1. IL-MONITORAġġ TA' L-ADOZZJONI TA' MIżURI SKEDATI GħALL-2006 TAħT IL-PROGRAMM TA' L-AJA

4. Il-valutazzjoni globali ġenerali hija waħda diversa [3] . Twettqu 53% ta' l-azzjonijiet valutati; madankollu ma sarx progress konsistenti fl-oqsma kollha ta' politika. Meta mqabbel mar-Rapport għall-2005, ir-Rapport għall-2006 juri tnaqqis fir-riżultati miksuba, b'żieda ta' 27% fl-azzjonijiet li kellhom jiġu posposti. L-ewwel tabella turi din l-informazzjoni dwar il-qagħda attwali tal-miżuri maħsuba għall-2006 (jew għal azzjonijiet li ma sarux preċedentement matul l-2005) jew azzjonijiet li għadhom għaddejjin fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja.

5. Ġeneralment ir- riżultati miksuba fl-oqsma li ġejjin kienu sodisfaċenti : ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, iċ-Ċittadinanza Ewropea, il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, l-istrateġija Ewropea dwar id-drogi, l-ażil u l-migrazzjoni, il-politika dwar il-viża u l-fruntieri u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

6. Ir-riżultati insuffiċjenti kienu l-aktardawk fl-oqsma li ġejjin: il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

[pic]

[pic]

1.1. Orjentazzjonijiet Ġenerali

1.1.1. Evalwazzjoni

7. L-evalwazzjoni ta' l-oqsma tal-politika hija importanti. Fl-4 ta' Diċembru l-Kunsill JHA[4] għaraf il-ħtieġa li jittejjeb il-mekkaniżmu eżistenti ta' valutazzjoni, filwaqt li tiġi evitata r-repetizzjoni ta' l-isforzi kemm fuq il-livell ta' UE kif ukoll fuq dak nazzjonali. Il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni ġew mistiedna sabiex jiddiskutu ulterjorment l-ambitu u l-modalitajiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni. F'Mejju saret laqgħa ad hoc fi ħdan il-Kunsill. Fl-2007 tista' ssir laqgħa tal-"Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni" u l-ewwel rapport ta' evalwazzjoni jista' jinħareġ f'Ġunju 2008.

1.1.2. Rispett u ħarsien tad-drittijiet fundamentali

8. Il-prestazzjoni hija ġeneralment sodisfaċenti . Bosta mill-azzjonijiet ippjanati għall-2006 twettqu, jew qegħdin fil-proċess ta' twettiq.

9. Il-bażi legali[5] ta' l-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali ġiet adottata mill-Kunsill fil-15 ta' Frar 2007. L-aġenzija ġiet stabbilita fl-1 ta' Marzu 2007. Fl-4 ta' Lulju 2006 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni "Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal", oriġinarjament skedata għall-2005. Din l-azzjoni ġiet posposta għall-2006 minħabba l-ħtieġa ta' xogħol preparatorju intensiv u sabiex jiġu kkunsidrati diversi interessi. Diversi proġetti u miżuri preventivi għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa ġew iffinanzjati matul l-2005 u implimentati fl-2006.

10. Fir-rigward tal-protezzjoni tad- data , il-Komunikazzjoni dwar is-segwitu tal-Programm ta' Ħidma għall-implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad- data li oriġinarjament kienet ippjanata għall-2005, ġiet adottata fis-7 ta' Marzu 2007[6], u l-Komunikazzjoni dwar il-promozzjoni ta' Teknoloġiji li Jtejbu l-Privatezza (PETs) ġiet adottata f'Mejju 2007.

1.1.3. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea

11. Għaddejja diskussjoni sabiex il- Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tieħu konjizzjoni ta' talbiet għal deċiżjonijiet preliminari fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Din hija msejsa fuq l-għażliet imressqa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-ħarifa ta' l-2006, u fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2006[7].

1.1.4. Strateġija Ewropea dwar id-Drogi

12. L-azzjonijiet kollha previsti għall-2006 f'dan il-qasam inkisbu .

13. Il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja jenfasizza l-importanza li l-problema tad-droga tiġi indirizzata permezz ta' strateġija komprensiva, bilanċjata u multidixxiplinari. F'Diċembru 2004 l-Unjoni adottat strateġija dwar id-drogi għal bejn l-2005 u l-2012 filwaqt li f'Ġunju 2005 adottat pjan ta' azzjoni ta' l-UE dwar id-drogi (2005-2008). Billi l-Pjan ta' Azzjoni ġdid ma tantx kien ilu fis-seħħ, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel analiżi fil-21 ta' Diċembru 2006.

14. Barra minn hekk, fis-26 ta' Ġunju l-Kummissjoni addottat Green Paper dwar ir-Rwol tas-Soċjetà Ċivili fil-Politika dwar id-Drogi fl-UE. Din ikkonsultat dwar kif jista' jiġi organizzat djalogu strutturat u kontinwu bejn il-Kummissjoni u s-soċjetà ċivili sabiex dawk li għandhom rabta diretta mal-problema tad-drogi jiġu involuti aħjar fil-proċess ta' politika fuq il-livell ta' l-UE. Fis-segwitu tar-reazzjoni pożittiva għal din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar id-drogi.

1.2. It-Tisħiħ tal-Libertà

1.2.1. Ic-Ċittadinanza ta' l-Unjoni

15. Ħafna azzjonijiet f'din il-kategorija, li għandha sinifikat prattiku għaċ-ċittadini ta' l-UE, inkisbu .

16. Fil-5 ta' April 2006, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE dwar il-moviment ħieles u r-residenza u dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri ġodda. Il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib it-traspożizzjoni tad-Direttivi u fejn meħtieġ tniedi proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jirrispettaw l-obbligi tagħhom ta' traspożizzjoni (ara l-parti 2.2).

17. Fit-12 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat il- Komunikazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej 2004 li kienet tikkonsisti minn rapport dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-UE fl-Istati Membri fejn jirrisjedu u dwar arranġamenti elettorali u proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993, azzjoni li oriġinarjament kienet maħsuba għall-2005.

18. Fit-28 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni ħarġet Green Paper dwar il-protezzjoni diplomatika u konsolari . Din tista' titqies bħala azzjoni preparatorja għall-adozzjoni ta' inizjattiva strateġika skedata għar-raba' kwart ta' l-2007, li ser tinkludi kampanji ta' informazzjoni u miżuri konkreti oħra sabiex iċ-ċittadini ta' l-UE jsiru konxji bis-sħiħ tad-drittijiet tagħhom għal protezzjoni konsolari u diplomatika.

1.2.2. Politika ta' l-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Fruntieri – Analiżi Komuni tal-fenomeni migratorji fl-aspetti kollha tagħhom

19. F’dan il-qasam kien irreġistrat progress kostanti .

20. Ir-Regolament ta' Qafas ta' l-UE dwar il- ġbir ta' statistika dwar l-migrazzjoni u l-ażil (oriġinarjament skedat għall-2005) ġie adottat f'Ġunju ta' l-2007 wara kompromess politiku f'Diċembru 2006 bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

21. Fit-28 ta' Novmebru 2008, il-Kummissjoni adottat ukoll Green Paper dwar in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, li ser jiġi segwit minn proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien tan-netwerk fl-2007.

1.2.3. Sistema Ewropea Komuni dwar l-Ażil

22. F'dan il-qasam inkisbu riżultati differenti.

23. Il-proposta ta' status ta' residenti fuq terminu twil ta' żmien għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, oriġinarjament prevista għall-2005 ġiet posposta għall-2007; eventwalment l-adozzjoni seħħet fis-6 ta' Ġunju ta' l-2007[8]. Sa ma tintemm l-2007 ser ikunu saru studji dwar l-implikazzjoni, il-konvenjenza u l-vijabbiltà ta' l-ipproċessar konġunt ta' l-applikazzjonijiet ta' l-ażil.

24. Fl-24 ta' Mejju 2006 il-Kummissjoni adottat proposta emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali ta' Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni. F'Diċembru 2006 l-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku dwar il-proposta.

25. Żewġ azzjonijiet relatati mal- Fond Ewropew għar-Refuġjati li ġew trasferiti mill-2005, inkisbu fl-2006. L-ewwel azzjoni, ir-rapport finali dwar il-Fond Ewropew għar-Refuġjati ġie adottat fit-8 ta' Diċembru 2006. It-tieni azzjoni, ma' l-ewwel qari f'Diċembru 2006 intlaħaq ftehim dwar il-proposta ta' emenda għall-fond Ewropew għar-Refuġjati sabiex L-Istati Membri jiġu megħjuna fl-akkoljenza ta' ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

1.2.4. Migrazzjoni Legali

26. F'Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar approċċ Globali dwar il-migrazzjoni .[9] Din ma ġietx inkluża fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja, iżda kienet il-bażi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006. Dawn enfasizzaw il-bżonn ta' politika ta' migrazzjoni ġestita tajjeb, li tirrispetta b'mod sħiħ il-kompetenzi nazzjonali, li tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-ħtiġiet attwali u dawk ġejjiena filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi kollha.

27. L-unika azzjoni tal-migrazzjoni legali li ġiet inkluża fil-Pjan ta' Azzjoni 2006 kienet il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-direttivi ta' l-ewwel fażi dwar il-migrazzjoni legali. Il-Kummissjoni ffinanzjat studju – li jkopri wkoll strumenti dwar l-ażil – li ser jitlesta sa tmiem l-2007.

1.2.5. Integrazzjoni taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi

28. Il-biċċa l-kbira ta' l-azzjonijiet f'dan il-qasam previsti għall-2006 inksibu .

29. L-għan ewlieni kien li jsir skambju ta' informazzjoni u esperjenza dwar l-integrazzjoni. L-implimentazzjoni tal-proġetti dwar l-INTI (Integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi) magħżula mill-proposti ta' l-2005 għadha għaddejja. L-għażla ta' proġetti mill-2006 seħħet u attwalment il-proġetti magħżula qed jiġu implimentati.

30. Fit-30 ta' Ġunju il-Kummissjoni ppreżentat it- Tieni Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni[10] li jagħti ħarsa ġenerali dwar ix-xejriet migratorji fl-Unjoni Ewropea, b'analiżi tal-bidliet u deskrizzjoni ta' l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tad-dħul u l-integrazzjoni ta' immigranti fuq livell nazzjonali u ta' l-UE fis-sena kalendarja ta' l-2004.

31. Fl-2006 il-Kummissjoni żviluppat l-ewwel edizzjoni tat -"Ktejjeb ta’ Tagħrif dwar l-integrazzjoni" (it-tieni edizjoni ser tinħareġ f'Mejju 2007) u attwalment qed tiżvilppa l-websajt dwar l-integrazzjoni.

1.2.6. Il-Ġlieda kontra l-Immigrazzjoni Illegali

32. Matul l-2006 saru kisbiet konsiderevoli f'dan il-qasam.

33. Fid-19 ta' Lulju ta' l-2006 ġie ppreżentat it-tieni rapport dwar il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali u dan ġie mehmuż f'anness mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet ta' politika kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

34. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2006, komplew jibnu fuq din il-Komunikazzjoni bi proposta għal Direttiva dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem immigranti illegali. Din ġiet adottata fis-16 ta’ Mejju 2007.

35. Sar progress tajjeb fir-rigward tal- politika ta' dħul mill-ġdid. Bħalissa ftehimiet tal-KE dwar id-dħul mill-ġdid huma fis-seħħ mal-Ħong Kong, is-Sri Lanka u l-Albanija. Fil-25 ta' Mejju 2006 ġie ffirmat il-ftehim Komunitarju dwar id-dħul mill-ġdid mar-Russja u wara li twettqu l-proċeduri meħtieġa, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007. Il-ftehim ma' l-Ukraina ġie inizjalat fis-27 ta' Ottubru 2006 u l-firma formali hija mistennija f'Ġunju 2007. Fir-rebbiegħa ta' l-2006 ġew konklużi n-negozjati dwar ftehimiet dwar dħul mill-ġdid ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mal-Bożnja u Ħerzegovina, mal-Montenegro u mal-Moldova.

1.2.7. Id-Dimensjoni Esterna ta' l-Ażil u l-Migrazzjoni

36. Il-Kummissjoni pproponiet qafas ta' żvilupp għal programmi ta' l-UE dwar il-protezzjoni reġjonali li ġie appoġġjat mill-Istati Membri. Fl-2007 inbdew proġetti pilota fit-Tanżanija u fl-Istati tal-Punent li għadhom kemm kisbu l-Indipendenza.

1.2.8. Il-Politika dwar il-Ġestjoni tal-Fruntieri, il-Bijometriċi, is-Sistemi ta' l-Informazzjoni u l-Viża

37. F'dan il-qasam saru żviluppi sostanzjali .

38. Fis-6 ta' Novembru 2006, il-Kummissoni adottat ir-rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l- manwal prattiku għall-gwardjani tal-fruntieri , li huwa element importanti għall-ħolqien ta' sistema ta' ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni.

39. Fl-20 ta' Diċembru 2006 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir- Regolament Nru 1987/2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas- sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) [11] u r- Regolament Nru 1986/2006 dwar l-Aċċess tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-vetturi[12]. Id-Deċiżjoni taħt it-tielet pilastru[13] li tifforma parti minn dan il-pakkett leġiżlattiv għandha tiġi adottata matul l-2007 minħabba r-riżervi parlamentari ta' xi Stati Membri.

40. Fl-10 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni ressqet proposta modifikata għal regolament tal-Kunsill dwar l- użu tal-bijometrija fil-permessi tar-residenza. Fit-28 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-istandards għall-karatteristiċi tas-sigurtà u l-bijometrija fil-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.

41. Fl-24 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar effettività aħjar, interoperabilità u sinerġiji mtejba fost id- databases Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern. Dan sar fir-rigward ta' l-istedina li l-Programm ta' Aja għamel lill-Kummissjoni sabiex din tippubblika Komunikazzjoni dwat l-interoperabilità bejn is-SIS II, il-VIS u l-EURODAC.

1.2.9. Il-Politika dwar il-Viża, inkluż l-Iżvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

42. F'dan il-qasam sar progress konsiderevoli wkoll. Numru ta' azzjonijiet li oriġinarjament kienu previsti għall-2005 nkisbu matul l-2006.

43. Dawn l-azzjonijiet inkludew proposti dwar l-emendi meħtieġa għal titjib ulterjuri fil-politika dwar il-viża u l-istabbiliment ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni tal-viżi, li jemendaw l-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni dwar il-miżati tal-viżi, u r-reviżjoni ta' l-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni, partikolarment fir-rigward tal-kooperazzjoni konsolari lokali.

44. Fid-19 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 539/2001 rigward ir-reviżjoni regolari tal-lista tal-viżi.

45. Ir-rapport dwar l-operat ta' l-iskema ta' tranżitu ta' Kaliningrad ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2006.

46. Id-data ta' l-implimentazzjoni sħiħa tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) għad ma tistax tiġi kkonfermata l-aktar minħabba l-fatt li l-ftehim politiku bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-bażi legali tas-sistema, ir-Regolament VIS, intlaħaq f'Ġunju 2007. Ser jintlaħaq ftehim dwar l-iskeda finalizzata ladarba tiġi adottata l-bażi legali (ara wkoll il-paragrafu 49 fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-VIS dwar l-aċċess ta' l-awtoritajiet tal-pulizija għall-VIS).

47. Ġew iffirmati ftehimiet ta' ffaċilitar tal-Viża kemm mar-Russja kif ukoll ma' l-Ukraina. Fir-rebbiegħa ta' l-2007 tlestew in-negozjati dwar ftehimiet ta' ffaċilitar tal-viża ma' l-Albanija, mal-Bożnja u Ħerzegovina, ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mal-Montenegro, mas-Serbja u mal-Moldova. Dawn il-ftehimiet mistemmija li jiġi konklużi qabel tmiem l-2007.

1.3. It-Tisħiħ tas-Sigurtà

1.3.1. L-iskambju ta' l-informazzjoni fost l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji filwaqt li jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn il-privatezza u s-sigurtà

48. F'dan il-qasam inkisbu riżultati differenti .

49. L-Abbozz ta' Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar "l-aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli mis-sigurtà interna u mill-Europol għall-għanijiet tal-prevenzjoni, l-iżvelar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra" ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Novembru 2005. L-adozzjoni tiegħu hija marbuta ma' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-VIS. Il-ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar din id-Deċiżjoni ntlaħaq f'Ġunju 2007.

50. Id-Deċiżjoni Qafas dwar is- simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence ġiet adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Diċembru 2006 (2006/9060/JHA). L-inizjattiva Ġermaniża ta' l-2007 għal Deċiżjoni dwar it-traspożizzjoni tal-biċċa l-kbira mill-parti tat-tielet pilastru li mhix marbuta ma' Schengen tat- Trattat ta' Prüm fil-mekkaniżmu istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea, inklużi l-marki tas-swaba, id-DNA, u d- data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi, tista' titqies bħala implimentazzjoni parzjali tal-prinċipju tad-disponibbiltà. L-aċċess tal-pulizija għall-VIS ikun ukoll pass ieħor lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipju tad-disponibbiltà.

51. Il-Proposta dwar strateġija komuni ta' l-UE għall-użu ta' data dwar passiġġieri għas-sigurtà fil-fruntieri u fl-avjazzjoni u għanijiet oħra dwar l-infurzar tal-liġi mexjin 'il quddiem. Il-konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri u ma' asssoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali għadhom għaddejjin.

1.3.2. It-terroriżmu

52. Il- progress f'dan il-qasam kien wieħed kostanti .

53. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien. Il-Programm ta' l-Aja jenfasizza li l-prevenzjoni effettiva u l-ġlieda kontra t-terroriżmu b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali titlob li l-Istati Membri ma jiffokawx biss fiq is-sigurtà tagħhom iżda wkoll fuq is-sigurtà ta' l-Unjoni kollha kemm hi.

54. Fid-29 ta' Novembru 2005, qabel ma kien mistenni, il-Kummissjoni adottat il- Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Iffinazjar ta' Terroristi permezz ta' koordinazzjoni mtejba fuq il-livell nazzjonali u ta' trasparenza ikbar mis-settur li ma jagħmilx qligħ.

55. L-istrateġija ġenerali għall-ħolqien tan- netwerk Ewropew dwar l-infuzar tal-liġi (LEN) ma setgħetx titkompla minħabba nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri.

56. Id-diskussjoni dwar l-inizjattiva leġiżlattiva mressqa mill-Awstrija għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il- kooperazzjoni ATLAS (netwerk ta' kooperazzjoni kontra t-terroriżmu) ġiet sospiża minħabba li l-Kunsill jikkunsidra li xi elementi minnha huma diġà preżenti fl-inizjattiva tat-traspożizzjoni partijiet tat-tilet pilastru li m'humiex relatati ma' Schengen fit-Trattat ta' Prüm. Attwalment l-Awstrija qed tirrevedi l-inizjattiva tagħha.

57. B'konformità mal-Programm ta' l-Aja, il-Kummissjoni qed tinvesti f'miżuri ta' bini ta' istituzzjonijiet/kapaċitajiet f'pajjiżi terzi sabiex tiġġieled it-terroriżmu. Il-Kummissjoni għaddejja f'ħidma sabex tintegra attivitajiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-azzjonijiet esterni kollha tagħha. Klawsola standard dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu qed tġi inkluża b'mod sistematiku fil-ftehimiet kollha li qed jiġu nnegozjati jew li waslu biex jiġu konklużi u fil-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropeja ta' Viċinat. Il-Kummissjoni hija responsabbli minn miżuri ta' bini ta' istituzzjonijiet/kapaċitajiet f'pajjiżi terzi fl-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà li, fl-istess ħin jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (eż. ġustizzja, pulizija, ħasil ta' flus, eċċ.).

58. Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni għamlet kull sforz sabiex tintegra jew tinkorpora għanijiet kontra t-terroriżmu fid-dokumenti strateġiċi u fi pjanijiet ta' azzjoni tal-pajjiżi kif ukoll f'dawk reġjonali, sal-limitu possibbli skond l-istrumenti rilevanti ta' għajnuna esterna.

59. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill abbozza rapport abbażi tat-tweġibiet ta' l-Istati Membri għal rakkomandazzjonijiet tat-timijiet ta' evalwazzjoni fil-qafas ta' l-ewwel parti ta' l-evalwazzjoni inter pares dwar miżuri kontra t-terroriżmu. Ir-rapport, approvat mill-Grupp ta' Ħidma dwar it-Terroriżmu f'Marzu 2007, kien jikkonsisti f'żewġ partjiet: valutazzjoni globali ta' l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u ħarsa ġenerali tal-qagħda attwali f'kull Stat Membru.

60. Minħabba nuqqas ta' ftehim bejn l-Istati Membri, il-proposta dwar il-konklużjoni u l-firma tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa kontra l-ħasil ta' flus u l-iffinanzjar ta' terroristi m'hi qed tagħmel l-ebda progress fil-Kunsill.

61. Fit-13 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat Abozz ta' Deċiżjoni dwar l-Iffinanzjar ta' sett ta' azzjonijiet bil-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-kriżijiet, notevolment dawk marbuta ma' attakki terroristiċi, kampanji jew theddid[14] li tinkludi l-implimentazzjoni tal-kapaċita' ta' ġestjoni ta' kriżi, flimkien ma' l-iżvilupp ta' arranġamenti ta' l-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

62. Il-Komunikazzjoni dwar Programm Ewropew dwar il-Protezzjoni ta' l-Infrastruttura Kritika[15] ġie adottat fit-12 ta' Diċembru 2006. L-għanijiet ġenerali ta' dan il-programm huma t-titjib tal-protezzjoni ta' infrastrutturi kritiċi fl-UE permezz tal-ħolqien ta' qafas ta' l-UE dwar il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika.

63. Il-proposta leġiżlattiva tiġbor fiha l-ħolqien ta' netwerk ta' informazzjoni ta' twissija bikrija dwar l-infrastruttura kritika (CIWIN) , li tikkunsidra r-reazzjonijiet għall-Green Paper dwar il-ħarsien ta' l-infrastruttura, oriġinarjament maħsuba għall-2006 kellha tiġi posposta għall-2008.

64. Fi tmiem l-2006 intlaħaq ftehim politiku dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili, u wassal għall-adozzjoni formali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill[16] fil-5 ta' Marzu 2007.

1.3.3. Il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata

65. Ir- riżultati miskuba f'dan il-qasam matul l-2006 kienu inqas minn dawk tas-sena li għaddiet.

66. Fit-2 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni fir-rigward tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta' grupp ta' esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin hija mistennija f'qasir żmien.

67. Il-Komunikazzjoni "Strateġija komprensiva u koerenti ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jitkejlu l-kriminalità u l-ġustizzja kriminali: pjan ta' Azzjoni ta' l-UE 2006-2010', oriġinarjament intiża għall-2005, ġiet adottata fis-7 ta' Awissu 2006 u bħalissa qiegħda fil-proċess ta' implimentazzjoni. Id-dokument ta' ħidma dwar l-infurzar tal-liġi kriminali bl-użu ta' l- intelligence oriġinarjament maħsuba għall-2005 kellha tiġi posposta ulterjorment.

68. Il- EUROPOL fasslet l-ewwel Valutazzjoni tat-Theddida tal-Krimimalità Organizzata fl-2006 u l-Kunsill adotta l-konklużjonijiet stabbiliti fil-prijoritajiet strateġiċi f'Ġunju 2006.

69. In-nuqqas ta' kunsens fisser li l-biċċa l-kbira ta' l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, it-tisħiħ ta' l-istrumenti sabiex jiġu indirizzati l-aspetti finanzjarji tal-kriminalità organizzata, u t-titjib tal-leġiżlazzjoni u l-analiżi ta' l-istrumenti legali eżistenti ma nkisbux fl-2006 u ġew posposti. Baqa' riżerva parlamentari waħda fl-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' qafas dwar il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali.

70. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni maħsuba għall-2006 dwar l-iżvilupp ta' politika ġenerali dwar il- ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika . Il-proposta dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni ġiet adottata f'isem il-KE fit-22 ta' Frar 2006.

1.3.4. Kooperazzjoni tal-pulizija u doganali

71. F’dan il-qasam l-affarijiet imxew bil-mod.

72. F'Diċembru 2006, il-Kummissjoni ressqet proposta bil-għan li tistabbilixxi l-EUROPOL abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, inklużi l-emendi kollha li huma diġà inkorporati fit-tliet Protokolli, kif ukoll titjib ulterjuri sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ġodda affrontati mill-EUROPOL u sabiex tiżdied l-effikaċja ta' l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri.

73. L-implimentazzjoni kienet partikolarment batuta fir-rigward ta' miżuri relatati mat-titjib fil-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi u fl-iżvilupp ta' l- acquis ta' Schengen fir-rigward ta' l-infurzar operattiv tal-liġi transkonfinali. Wieħed isib sitwazzjoni simili fil-miżuri b'rabta mal-programmi sistematiċi ta' skambju għall-awtoritajiet ta' l-uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi.

74. Ġie rreġistrat progress fil-kooperazzjoni operattiva. F'Mejju 2006 ġie adottat sett ta' rakkomandazzjonijiet dwar is- Sistema komuni ta' l-IT filwaqt li l-ħidma ta' tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi fil-Balkani tal-Punent, bis-SECI (Inizjattiva Kooperattiva tax-Xlokk) bħala strument importanti, għadha għaddejja. Bejn l-4 u l-5 ta' Diċembru 2006 il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet dwar l-iżvilupp ulterjuri tas-SECI. Qegħdin isiru sforzi sabiex il-EUROPOL tingħata l-mezzi li jtuha rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

75. Id-difinizzjoni tar-rwol tal-kumitat tas-sigurtà (COSI) hija marbuta mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat Kostituzzjonali.

1.3.5. Il-Ġestjoni ta' Kriżijiet fl-Unjoni Ewropea

76. Ara l-punti 61-63.

1.3.6. Prevenzjoni Ġenerali tal-Kriminalità

77. Matul l-2006, il-Kummissjoni impenjat ruħha għat-tisħiħ u l-ipprofessjonalizzar tal-prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll biex tgħin sabiex ir-rwol tan- Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) jkun wieħed akbar. Permezz ta' Deċiżjoni tas-7 ta' Awissu 2006 ġie stabbilit grupp ta' esperti dwar il-ħtiġijiet ta' politika għad- data dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali.

1.3.7. L-Iżvilupp tal-Kunfidenza u l-Fiduċja Reċiproka

78. Kif previst fil-pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja, fid-29 ta' Ġunju 2006 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar it-taħriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar azzjoni preparatorja għall-implimentazzjoni tal-programm ta' skambju għall-awtoritajiet ġudizzjarji ġie adottat fil-11 ta' Lulju 2006. L-iskambji ser jibdew f'Mejju 2007 u ser jinvolvu 400 imħallef u prosekutur. Fl-2007 hija skedata li ssir evalwazzjoni tal-proġett Pilota.

1.3.8. Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Kriminali

79. B'mod ġenerali, f'dan il-qasam l-affarijiet imxew bil-mod u diversi azzjonijiet ġew posposti.

80. Matul l-2006 l-enfasi ewlenija f'dan il-qasam kienet fuq li jiġi implimentat il- prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku . Fl-4 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat Dokument ta' Ħidma dwar il-vijabbiltà ta' indiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi misjuba ħatja fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fid-29 ta' Awissu 2006, il-Kummissjoni adottat proposta dwar ir- rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' superviżjoni mhux taħt kustodja ta' qabel il-proċess.

81. It-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad- Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta' Ċessjoni bejn l-Istati Membri huwa mistenni fir-raba' kwart ta' l-2007. Bl-istess mod, ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas tat-22 ta' Lulju li tissekwestra l-proprjetà jew l-evidenza u l-proposta dwar l-iskwalifiki tas-sewqan kellhom jiġu posposti għall-2008. L-inizjattiva għall-iffaċilitar tal-prosekuzzjoni ta' reati ta' traffiku tat-triq hija prevista matul it-tieni kwart ta' l-2007.

82. Il- Green Paper dwar sentenzi b'kontumaċja (in absentia) kellu jiġi pospost.Il-proposta dwar l-istandards minimi għall-qabda u l-iskambju ta' evidenza elettronika u l-iżvilupp ulterjuri tan- Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet kriminali wkoll kellhom jiġu posposti.83. Fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni, fis-26 ta' April 2006, il-Kummissjoni adottat il- Green Paper dwar il-preżunzjoni ta' l-innoċenza li kienet maħsuba għall-2005. Madanakollu, it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fi proċedimenti kriminali likienet ippjanata għall-2005 reġgħet ġiet posposta għall-2008 minħabba li l-Istati Membri naqsu milli jagħtu informazzjoni suffiċjenti.

1.3.9. Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Ċivili

84. Ir- riżultati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili matul l-2006 kienu tajbin ħafna .

85. Il-Programm ta' l-Aja ta' importanza kbira għall-iżvilupp li baqa' għaddej fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u għat-twettiq b'mod sħiħ tal-programm ta' rikonoxximent reċiproku adottat fis-sena 2000.

86. Tressqu żewġ Green Papers, waħda dwar il-konflitt ta' liġijiet fi kwistjonijiet li jikkonċernaw reġimi ta' proprjetà matrimonjali, inkluża l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku fis-17 ta' Lulju 2006, u oħra dwar l-infurzar effettiv ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-24 ta' Ottubru 2006.

87. Ir-Regolament li jistabbilixxi proċedura Ewropea għall-ordni ta' Ħlas ġie adottat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2006. Madanakollu, l-adozzjoni tad-Direttiva dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ġie pospost minħabba diskussjonijiet li għandhom għaddejjin fil-Parlament Ewropew.

88. Fir-rigward tal-kooperazzjoni msaħħa, ir-rapport dwar il-funzjonament tan- Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (EJN) fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2005) ġie adottat fis-16 ta' Mejju 2006. Barra minn hekk, hemm ippjanata proposta emendata għar-raba' kwart ta' l-2007 abbażi ta' dan ir-rapport. Sar progress ukoll fil-ħidma ta' l-EJN fi kwistjonijiet ċivili u tad- databases dwar każistika li tirrelata ma' strumenti Ewropej.

89. Fir-rigward ta' l-ordni legali internazzjonali, il-Programm ta' l-Aja jappella għall-koerenza bejn l-UE u l-ordni legali internazzjonali u l-impenn kontinwu għal relazzjonijiet eqreb u l-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet internazzjonali.

90. Fil-5 ta' Ottubru 2006 il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konferenza ta' l-Aja dwar id-Dritt Privat. L-adeżjoni seħħet fit-3 ta' April 2007.

91. Attwalment ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1996 dwar Ġurisdizzjoni, Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal tinsab iffriżata minħabba l-kwistjoni ta' Ġibiltà bejn ir-Renju Unit u Spanja. In-negozjati għadnhom għaddejjin.

2. MONITORAġġ TAT-TRASPOżIZZJONI NAZZJONALI

2.1. Metodoloġija

92. Dan l-eżerċizzju jittratta l-ewwel u qabel kollox l-istrumenti leġiżlattivi kollha li jeħtieġu t-traspożizzjoni ta' l-Istati Membri – Direttivi u Deċiżjonijiet ta' Qafas. Fl-ambitu ta' dan ir-rapport, id-data ta' l-għeluq hija l- 31 ta' Marzu 2007.

93. It-tabella fl-Anness 2 tkopri l-istrumenti kollha li l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tagħhom għalqu fid-data ta' l-għeluq.

94. Il- metodoloġija adottata għall-iskopijiet ta' dan ir-Rapport hija l-istess bħal dik spjegata fir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2005[17].

2.2. Monitoraġġ ta' kull politika

2.2.1. Linji gwida ġenerali

95. Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tad- data personali biss hija rilevanti taħt il-qafas legali attwali. Id-Direttiva laħqet l-għan tagħha li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-dritt taċ-ċittadini għall-privatezza u għat-tneħħija ta' l-ostakli fuq il-moviment ħieles ta' data personali fl-Unjoni. Skond il-Komunikazzjoni dwar is-segwitu tal-Programm ta' Ħidma għal implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data , adottat fis-7 ta' Marzu 2007[18], l-Istati Membri kollha taw notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali. Madankollu, l-implimentazzjoni ta' xi Stati Membri ma saritx tajjeb. Xi Stati Membri naqsu milli jinkorporaw għadd ta' dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. F’każijiet oħra, it-traspożizzjoni jew il-prattika ma saritx konformi mad-Direttiva jew kienet barra l-marġni ta' manuvrar ta' l-Istati Membri. Għadd ta' proċedimenti ta' ksur dwar in-nuqqas ta' konformità jew l-applikazzjoni inkorretta jinsabu miftuħa, fejn fosthom Stat Membru partikolari qiegħed fl-istadju ta' opinjoni motivata.

96. 10 Stati Membri għadhom ma rrispettawx l-obbligu tagħhom ta' komunikazzjoni dwar id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar elementi kostitwenti ta' atti kriminali u l-pieni fil-qasam tat- traffikar ta' drogi illegali.

2.2.2. Ċittadinanza ta' l-Unjoni

97. Fit-30 ta' April 2006, id-direttiva ewlenija 2004/38/KE li tikkonsolida u taġġorna d- drittijiet tal-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-UE u tal-membri tal-familja tagħhom ħassret u ssostitwiet għadd ta' strumenti legali dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-UE u taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Dan l-istument legali huwa pass importanti 'l quddiem fir-rigward tad-drittijiet tal-moviment ħieles għaċ-ċittadini ta' l-UE u għall-membri tal-familja tagħhom. Wara dewmien inizjali fit-traspożizzjoni (fil-15 ta' Diċembru mill-inqas tlettax-il Stat Membru intbagħtitilhom opinjoni motivata dwar in-nuqqas ta' komunikazzjoni), l-isforzi fit-traspożizzjoni ġew intensifikati, issa erba' Stati Membri għadhom ma rrispettawx l-obbligu tal-komunikazzjoni, u l-komunikazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri qiegħda fil-proċess li tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

98. Fir-rigward ta' leġiżlazzjoni Komunitarja preċedenti dwar id-drittijiet ta' moviment ħieles tal-persuni, li s'issa skaditilha d-data ta' l-għeluq, għadd ta' proċedimenti ta' ksur minħabba n-nuqqas ta' konformità jew l-applikazzjoni inkorretta għadhom pendenti fuq madwar ħames Stati Membri, sa stadju avvanzat ta' ittra ta' notifika formali taħt l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE.

2.2.3. Ażil, migrazzjoni, fruntieri

99. Fil-qasam ta' l- ażil , ir-rapport ta' l-2006 reġa' wera riżultati verament sodisfaċenti dwar l-attivitajiet tal-EURODAC. Madankollu, in-notifika dwar il-miżuri ta' traspożizzjoni ta' strumenti bħad-Direttiva li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta' min ifittex ażil hija diżappuntanti . Għandhom jippersistu xi nuqqasijiet fil-każ ta' ħames Stati Memnri, u l-progress li sar matul is-sena li għaddiet kien pjuttost limitat. Għadd ta' ksur ta' nuqqas ta' komunikazzjoni qegħdin fl-istadju ta' litigazzjoni. F'dak li għandu x'jaqsam mad-Direttiva riċenti dwar l-istandrds minimi għall-kwalifiki u l-istatus ta' refuġjati jew persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, sittax-il Stat Membru għadhom ma rrispettawx l-obbligu ta' komunikazzjoni, li wassal għal proċedimenti ta' ksur.

100. Fir-rigward tal-migrazzjoni legali, rispettivament tmienja u ħdax-il Stat Membru għadhom ma ħejjewx in-notifika ta' miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttivi dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-istatus taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti għal tul rwil ta' żmien, meta għaddiet 'il fuq minn sena mid-data ta' l-għeluq tat-traspożizzjoni. L-implimentazzjoni ta' Direttivi riċenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal studji u attivitajiet simili kif ukoll dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar bnedmin jew li kienu soġġetti għal azzjoni li tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, kellha sseħħ matul il-perjodu ta' żmien li ġie eżaminat mill-eżerċizzju attwali. Minkejja dan, rispettivament sbatax u ħdax-il Stat Membru ma rnexxielhomx jimplimentawhom sad-data ta' l-għeluq.

101. Fil-każ ta' l-immigrazzjoni illegali, inkisbu riżultati fit-traspożizzjoni ta' mill-inqas tliet strumenti riċenti, minkejja li wieħed mill-Istati Membri, jidher li qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet partikolari. Il-progress tat-traspożizzjoni ta' strumenti aktar riċenti kien deludenti: seba' Stati Membri għadhom ma rrispettawx l-obbligi ta' trapożizzjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar l-assistenza f'każi ta' tranżitu għall-iskopijiet ta' tkeċċija permezz ta' l-ajru, u wħud minnhom tressqu quddiem il-Qorti. F'dak li jikkonċerna l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri, disa' Stati Membru għadhom ma rrispettawx id-data ta' l-għeluq.

2.2.4. Sigurtà

102. Minħabba n-natura ta' l-istrumenti kkonċernati, huwa diffiċli li wieħed jevalwa l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti għall- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u għall- kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni doganali , partikolarment il-konvenzjonijiet u l-protokolli adottati abbażi tat-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE, li ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni kemm dwar l-obbigu formali għal notifika mill-Istati Membri u lanqas dwar rapporti ta' monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni nazzjonali. Ir-ratifika rapida tagħhom hija l-ewwel prijorità.

103. Għalhekk, huwa verament diffiċli li ssir il-valutazzjoni tal-konformità u/jew l-applikazzjoni fuq il-livell nazzjonali ta' stumenti legali li jikkonċernaw it-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, billi ħafna drabi ma jkun jeżisti l-ebda rapport li jipprevedi l-użu ta' dawn l-istrumenti, lanqas ma jkun hemm ebda obbligu sabiex l-Istati Membri jikkomunikaw il-miżura nazzjonali xierqa. Fir-rigward tad-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-kooperazzjoni bejn l-unitajiet finanzjarji u ta' l- intelligence , ħames Stati Membri għadhom ma kkomunikawx il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni, wara kważi seba' snin mid-data ta' l-għeluq għat-traspożizzjoni.

104. F'dak li għadnu x'jaqsam mal-koopreazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni doganali, inkisbu riżultati fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Napli II. Għadd ta' Stati Membri jeħtieġu jagħmlu sforzi ulterjuri fil-livell ta' traspożizzjoni tal-Pożizzjoni Komuni dwar l-iskambju ta' data ma' l-Interpol.

2.2.5. Ġustizzja

2.2.5.1. Ġustizzja kriminali

105. Fil-qasam tar- rikonoxximent reċiproku , l-Istati Membri kollha kkomunikaw il-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni fir-rigward tal-Mandat ta' Arrest Ewropew. Madanakollu, mill-inqas erba' Stati Membri huma mistiedna jagħmlu sforzi sabiex jilħqu konformità sħiħa mad-Deċiżjoni ta' Qafas. F'nofs l-2007 il-Kunsill ser jippubblika rappport dwar l-implimentazzjoni prattika tagħha filwaqt li jagħtu sommarju ta' sejbiet ewlenija f'madwar għaxar Stati Membri li se jkunu evalwati sa dak iż-żmien.

106. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas dwar l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' sekwestru tal-proprjetà jew ta' l-evidenza hija waħda diżappuntanti. Aktar minn tmintax-il xahar wara d-data ta' l-għeluq ta' l-implimentazzjoni, tlettax-il Stat Membru għadhom ma' rrispettawx, jew irrispettaw biss b'mod parzjali, l-obbligu ta' komunikazzjoni.

107. S'issa l-ebda informazzjoni mhi disponibbli dwar id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-pieni finanzjarji.

108. F'dak li jikkonċerna l-istrumenti ta' armonizzazzjoni fil-qasam tal- kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, inħarġu numru limitat ta' rapporti tal-Kummissjoni matul il-perjodu eżaminat minn din il-Komunikazzjoni. Għalhekk, ir-rapporti adottati dwar strumenti b'rabta ma' mezzi ta' pagament mhux bi flus likwidi, ħasil ta' flus, mezzi u qligħ mill-kriminalità, dħul mhux awtorizzat, tranżitu u residenza, ġeneralment jirraportaw traspożizzjoni li globalment mhix sodisfaċenti globali fl-Istati Membri valutati. Barra minn hekk, l-għadd ta' Stati Membri li għadhom ma rrispettawx l-obbligu ta' komunikazzjoni jvarja, iżda għadu għoli.

109. Fir-rigward tad-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, kull wieħed mill-25 Stat Membru ta' l-UE kkomunika l-miżuri tiegħu ta' traspożizzjoni, għalkemm il-livell ta' traspożizzjoni mhux dejjem ikun sħiħ. Fit-tieni rapport li jkopri l-Istati Membri, mistenni f'nofs l-2007, ser tingħata informazzjoni ulterjuri dwar dan.

110. Inkisbu riżultati minn erba' Stati Membri ta' l-UE-10 fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji u l-protokolli tal-Komunitajiet Ewropej

2.2.5.2. Ġustizzja ċivili

111. It-traspożizzjoni ta' żewġ Direttivi fir-rigward ta' l- għajnuna legali u tal- kumpens lill-vittmi tal-kriminalità tista' titqies bħala sodisfaċenti, għalkem għad fadal xi nuqqasijiet ta’ Stat Membru partikolari u erba' Stati Membri, rispettivament, li għadhom ma rrispettawx bis-sħiħ l-obbligu ta' komunikazzjoni.

112. L-applikazzjoni ta' żewġ Regolamenti, wieħed dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati dwar smigħ ta' provi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u oħra dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – ser tiġi valutata matul l-2007. F'dak li għandu x'jaqsam mar-Regolament "Brussels II bis" (dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u fil-kwistjonijie ta' responsabbiltà tal-ġenituri), l-Istati Membri kollha kkomunikaw informazzjoni b'rabta mal-proċeduri tal-qrati u ta' rimedju.

2.3. Monitoraġġ mill-Istati Membri

113. Id- data globali li ġejja, meta jiġu kkunsidrati l-istrumenti kollha flimkien, tista' tinġabar minn żewġ indikaturi li jidhru fit-tabella fl-Anness 2. L-ewwel tabella turi n-nuqqasijiet ta' l-Istati Membri fin-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni u każi ta' traspożizzjoni jew applikazzjoni inkorretta rispettivament. It-tielet tabella tagħti figuri aggregati għal żewġ kategoriji.

[pic]

[pic]

[pic]

3. KONKLUżJONIJIET

114. It-tieni eżerċizzju ta' implimentazzjoni tal-programm ta' l-Aja juri differenzi wiesgħa bejn il-progress ta' adozzjoni fuq il-livell ta' l-UE u l- implimentazzjoni nazzjonali . Filwaqt li l-adozzjoni istituzzjonali kienet ġeneralment pożittiva fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, l-implimentazzjoni nazzjonali għad fadlilha lok għal ħafna titjib.

115. Għalkemm sar progress sinifikanti fuq il-livell ta' l-UE, l-implimentazzjoni globali tal-Programm kienet anqas minn dik ta' l-2005 . B'mod ġenerali dan ġara minħabba progress mhux suffiċjenti f'oqsma marbuta tat-Tielet Pilastru, bħall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni doganali, il-ġestjoni ta' kriżijiet fl-UE u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijeit kriminali.

116. Madankollu, twettaq progress importanti. Meta mqabbel ma' l-2005, matul din is-sena inkiseb livell ogħla ta' riżultati – l-aktar fl-Ewwel Pilastru – b'rabta mar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-politika dwar id-droga, il-migrazzjoni u l-ażil, il-politika dwar il-viża u l-fruntieri, il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili fi kwistjonijiet ċivili.

117. Fir-rigward ta' l-istrumenti legali taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, u f'termini ta' komunikazzjoni ta' miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni, sar progress relattiv minn x Stati Membri ta' l-UE-15 meta mqabbel mas-sitwazzjoni li ħarġet fid-deher fir-rapport tas-sena li għaddiet. B'mod ġenerali, l-Istati Membri ta' l-UE-10 wkoll għamlu progress fir-rigward tal-konformità ma' l-obbligu tagħhom ta' komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fir-rigward ta' l-għadd ta' Stati Membri li naqsu milli jirrispettaw id-data ta' l-għeluq għat-traspożizzjoni, kif ukoll dewmien tat-trasoiżizzjoni, li xi kultant taqbeż is-sena u f'xi każi anke diversi snin, għadha diżappuntanti.

118. B'rabta ma' l- istrumenti legali taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE , qed isiru sfozi sabiex tiġi intensifikata l-implimentazzjoni kompluta u fil-ħin. Għalkemm matul is-sena li għaddiet sar progress min-naħa ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' xi strumenti legali, ġie nnotat dewmien twil fil-komunikazzjoni ta' miżuri tat-traspożizzjoni ta' Deċiżjonijiet ta' Qafas. Xi drabi dan id-dewmien huwa ta' diversi snin. Dan id-dewmien bħal fin-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' strumenti ta' l-UE fuq livell nazzjonali, jwassal għal qafas leġiżlattiv "virtwali" fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni ta' l-Istati Membri eżaminati ta' spiss ma kinitx sħiħa filwaqt li xi kultant kienet inkorretta.

119. Għalkemm hemm raġunijiet differenti għal dan it-tnaqqis fil-progress matul l-2006, il-progress bil-mod fi kwistjonijiet li jinvolvu t-Titolu VI ta' l-Unjoni Ewropea jikkonferma t-tħassib li ntwera mill-Kummissjoni fir-Rapport Annwali għall-2005.

120. Ix-xejriet negattivi jagħtu r-raġun lill-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' Ġunju 2006 "L-Implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja: it-triq 'il quddiem" fir-rigward tal-ħtieġa ta' titjib fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-oqsma koperti mit-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE.

121. Kif ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, il-mekkaniżmi tat-teħid ta' deċiżjonijiet li japplikaw fil-qasam tal-ġustizzja u ta' l-affarijiet interni mhux dejjem jikkontribwixxu għal progress effettiv u effikaċji fit-teħid tad-deċizjonijiet. Il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni tagħha li, bil-għan li jsir progress ulterjuri biex tkun stabbilita Żona ta' Libertà, Sigurtà, u Ġustizzja fl-oqsma koperti mit-Titolu VI ta' l-UE, teżisti l-ħtieġa għal proċeduri iktar effettivi, trasparenti u responsabbli minn teħid ta' deċiżjonijiet.

[1] Il-Programm ta’ l-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1) u l-pjan ta' azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li limplimenta l-programm ta' l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1).

[2] COM(2006) 333 finali.

[3] Il-valutazzjoni tal-livell tal-kisba tirreferi kemm għall-preżentazzjoni ta' proposti u inizjattivi tal-Kummissjoni, kif ukoll għall-adozzjoni mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

[4] Irreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill JHA ta' l-4 ta' Diċembru 2006.

[5] I-Regolament KE (2007) 168.

[6] COM (2007) 87 finali.

[7] COM(2006) 333 finali.

[8] COM(2007)298.

[9] COM(2006) 735 finali. Din ġiet segwita minn Komunikazzjoni oħra li testendi l-approċċ globali għall-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar ta' l-Ewropa (COM(2007)247).

[10] SEC(2006) 892.

[11] ĠU L 381/4 tat-28/12/2006.

[12] ĠU L381/1 tat-28/12/2006.

[13] COM(2005) 230 finali.

[14] C(2006)6507

[15] COM(2006)786

[16] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom

[17] COM(2006) 333 finali.

[18] COM(2007) 87 finali.

Top